Language of document :

Appell ippreżentat fis-16 ta’ Novembru 2023 minn Elena Petrovna Timchenko mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fis-6 ta’ Settembru 2023 fil-Kawża T-361/22, Timchenko vs Il-Kunsill

(Kawża C-703/23 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Elena Petrovna Timchenko (rappreżentanti: T. Bontinck u S. Bonifassi, avocats, u E. Fedorova, avocate)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tas-6 ta’ Settembru 2023, T-361/22, inkluż sa fejn hija ordnat lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk tal-Kunsill;

tilqa’ r-rikors fuq il-mertu u tannulla l-atti kkontestati kif imsemmija fil-punt 1 tar-rikors, jiġifieri:

id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/582 tat-8 ta’ April 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 110, p. 55, rettifika fil-ĠU 2022, L 141, p. 131), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/581 tat-8 ta’ April 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 110, p. 3, rettifiki fil-ĠU 2022, L 141, p. 130 u fil-ĠU 2023, L 39, p. 64);

id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1530 tal-14 ta’ Settembru 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 239, p. 149), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1529 tal-14 ta’ Settembru 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 239, p. 1), sa fejn dawn l-atti jikkonċernawha;

sa fejn dawn jinkludu u jżommu isem ir-rikorrenti fuq il-listi annessi mal-imsemmija atti;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

Aggravji u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tagħha tal-kunċett ta’ assoċjazzjoni kif previst fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2014/145/PESK kif emendata bid-Deċiżjoni (PESK) 2022/329. Il-motiv jinvoka l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali sa fejn din l-imsemmija interpretazzjoni tammonta għall-possibbiltà li dan il-kriterju jiġi applikat għal persuni fiżiċi sempliċiment minħabba l-eżistenza ta’ relazzjoni familjali ma’ persuna inkluża fil-lista.

Ir-rikorrenti tirreferi għal żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali sa fejn iddeċidiet li bl-użu tal-avverbju “indebitament” fil-premessa 7 tad-Deċiżjoni (PESK) 2022/582, il-leġiżlatur ried jenfasizza l-fatt li l-membru tal-familja kkonċernat irid ikun jaf li l-vantaġġ miksub ikun ġie minn persuna li tissodisfa wieħed mill-kriterji li jiġġustifikaw li hija tkun is-suġġett ta’ miżuri restrittivi.

Ir-rikorrenti tallega l-ksur mill-Qorti Ġenerali tal-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni u t-twettiq ta’ żball ta’ liġi, peress li ma stabbilixxietx rabta bejn il-miżuri restrittivi imposti fuq ir-rikorrenti u l-għanijiet segwiti mid-Deċiżjoni 2014/145/PESK kif emendata.

____________