Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administratīvā apgabaltiesa (il-Latvja) fit-2 ta’ Frar 2024 – AS Gaso u AS Conexus Baltic Grid vs Sabiedrisko pakalpojumu regulēšanas komisija

(Kawża C-87/24, AS Gaso u AS Conexus Baltic Grid)

Lingwa tal-kawża: il-Latvjan

Qorti tar-rinviju

Administratīvā apgabaltiesa

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: AS Gaso u AS Conexus Baltic Grid

Konvenut: Sabiedrisko pakalpojumu regulēšanas komisija (iktar ’il quddiem l-“Awtorità regolatorja”)

Domandi preliminari

L-Artikolu 41(8) tad-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE 1 , jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma timponix fuq l-Awtorità regolatorja, meta tikkalkola t-tariffi jew meta tistabbilixxi l-metodoloġija, l-obbligu li timmotiva l-mod li bih din tiżgura li l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni jirċievu inċentivi adatti, kemm fil-perijodu qasir kif ukoll għal fit-tul, sabiex iżidu l-effiċjenza tas-sistemi, irawmu l-integrazzjoni tas-suq u s-sigurtà tal-provvista u jappoġġjaw l-attivitajiet ta’ riċerka relatati?

Interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li fuq il-bażi tagħha inċentiva adatta, kemm fil-perijodu qasir kif ukoll għal fit-tul, għaż-żieda tal-effiċjenza tas-sistemi, għat-trawwim tal-integrazzjoni tas-suq u s-sigurtà tal-provvista u għall-appoġġ tal-attivitajiet ta’ riċerka relatati, huma ggarantiti mill-fatt li t-tariffi mħallsa mill-utenti jkopru biss l-ispejjeż tas-servizz pubbliku ekonomikament iġġustifikati u li jiggarantixxu profitt, anki jekk minimu, hija konformi mal-Artikolu 41(8) tad-Direttiva 2009/73/KE ?

Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni, għad-determinazzjoni tal-“inċentiva adatta, kemm fil-perijodu qasir kif ukoll għal fit-tul” u tal-inċentivi “għat-trawwim tal-integrazzjoni tas-suq u tas-sigurtà tal-provvista u għall-appoġġ tal-attivitajiet ta’ riċerka relatati”, prinċipji rrikonoxxuti fil-qasam finanzjarju għad-determinazzjoni tar-rata medja ponderata ta’ rendiment mill-kapital, liema prinċipji jieħdu inkunsiderazzjoni impriżi paragunabbli li joperaw f’suq liberu, hija konformi mal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 41(8) tad-Direttiva 2009/73/KE,?

L-Awtorità regolatorja għandha, sabiex tinterpreta l-kunċett ta’ “rendiment xieraq fuq l-investiment” fis-sens tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta’ trażmissjoni tal-gass naturali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005 1 u dak ta’ “inċentivi għall-investiment” għall-finijiet tal-Artikolu 41 tad-Direttiva 2009/73 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU 2009, L 211, p. 94), tibbaża ruħha fuq il-kunċett ta’ rata medja ponderata ta’ rendiment mill-kapital (WACC) irrikonoxxut fil-qasam finanzjarju u fuq il-metodoloġija adottat għad-determinazzjoni tagħha ?

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għad-domanda preċedenti, l-Awtorità regolatorja għandha d-dritt li tiddevja mill-metodoloġija użata fil-qasam finanzjarju għad-determinazzjoni tar-rata medja ta’ rendiment mill-kapital u taġġusta l-imsemmija rata kif jidhrilha xieraq?

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għad-domanda preċedenti, l-Awtorità regolatorja għandha d-dritt li taġġusta r-rata medja ta’ rendiment mill-kapital sabiex tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kalkolu tagħha, primjum marbut mad-daqs ibbażat fuq il-kost tas-self ta’ impriżi oħra li joperaw fl-ekonomija tal-Istat Membru?

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għar-raba’ domanda, l-Awtorità regolatorja għandha d-dritt li taġġusta r-rata medja ta’ rendiment mill-kapital b’tali mod li ma jkollhiex għalfejn tikkumpensa lill-operatur tat-trażmissjoni jew tal-ħżin tal-gass naturali għall-inflazzjoni li żdiedet matul il-perijodu tarrifjarju preċedenti?

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ħames domanda u jekk l-operatur tas-sistema ma jkunx jaqbel mar-rata medja ta’ rendiment mill-kapital proposta mill-Awtorità regolatorja jew mal-elementi li hija bbażata fuqhom, l-Awtorità regolatorja hija obbligata, waqt l-istabbiliment tar-rata medja ta’ rendiment mill-kapital, tqabbad lil terz indipendenti sabiex jevalwa r-rata ta’ rendiment xierqa?

Proċedura ta’ istabbiliment tat-tariffi li fil-kuntest tagħha l-Awtorità regolatorja tiddetermina r-rata medja ta’ rendiment mill-kapital u fejn l-operatur tat-trażmissjoni jew tal-ħżin tal-gass naturali ma għandux dritt li jaġġusta dan il-kalkolu fuq il-bażi ta’ indikaturi individwali tal-impriża li hija l-operatur tas-sistema, hija kuntrarja għall-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 41(8) tad-Direttiva 2009/73/KE ?

[L-ewwel paragrafu tal-]Artikolu 1(b) tar-Regolament [Nru 715/2009], moqri flimkien mat-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-premessi 7 u 8 ta’ dan ir-regolament japplikaw għall-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass naturali u għat-tariffi stabbiliti mill-Awtorità regolatorja jekk l-aċċess għall-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass naturali likwifikat ikun irregolat?

____________

1     ĠU 2009, L 211, p. 94.

1     ĠU 2009, L 211, p. 36, rettifiki fil-ĠU 2009, L 229, p. 29 u fil-ĠU 2009, L 309, p. 87.