Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Augstākā tiesa (Senāts) (il-Latvja) fil-15 ta’ Ġunju 2023 – SIA BALTIC CONTAINER TERMINAL vs Valsts ieņēmumu dienests

(Kawża C-376/23, BALTIC CONTAINER TERMINAL)

Lingwa tal-kawża: il-Latvjan

Qorti tar-rinviju

Augstākā tiesa (Senāts)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: SIA BALTIC CONTAINER TERMINAL

Konvenut: Valsts ieņēmumu dienests

Domandi preliminari

L-Artikolu 178(1)(b) u (c) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni 1 , moqri flimkien mal-Artikolu 214(1) Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni 2 (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali tal-Unjoni”), jippermetti l-iffinalizzar tas-sistema speċjali ta’ “ħażna f’żona libera” mingħajr in-numru ta’ referenza tal-moviment (MRN) li jidentifika d-dikjarazzjoni doganali li tat lok għall-applikazzjoni ta’ sistema doganali ġdida ma jkun imniżżel fis-sistema ta’ kontabbiltà elettronika?

L-Artikoli 214(1) u 215(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u l-Artikolu 178(1)(b) u (c) tar-Regolament Delegat 2015/2446 jippermettu lid-detentur tas-sistema speċjali ta’ “ħażna f’żona libera” li jiffinalizza din is-sistema abbażi biss ta’ riferiment għall-istatus doganali tal-merkanzija mwaħħal minn aġent doganali fuq id-dokument tat-trasport (polza tal-vjaġġ CMR) mingħajr ma jivverifika personalment il-fondatezza tal-applikazzjoni tal-istatus doganali tal-merkanzija?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni domanda, x’inhi l-portata tal-verifika skont l-Artikoli 214(1) u 215(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u tal-Artikolu 178(1)(b) u (c) tar-Regolament Delegat 2015/2446 li tkun suffiċjenti sabiex jitqies li s-sistema speċjali ta’ “ħażna f’żona libera” ġiet ivverifikata b’mod korrett?

Id-detentur tas-sistema speċjali ta’ “ħażna f’żona libera” jista’ jkollu aspettattivi leġittimi fil-konferma li toħroġ mill-awtoritajiet doganali skont liema l-istatus doganali tal-merkanzija għadda minn “merkanzija mhux tal-Unjoni” għal “merkanzija tal-Unjoni”, filwaqt li din il-konferma ma tindikax il-fondatezza tal-bidla tal-istatus tal-merkanzija, u lanqas ma tinkludi d-data ta’ natura li tiġi stabbilita l-fondatezza tal-imsemmija bidla?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għar-raba’ domanda, il-fatt li, f’kawża oħra quddiem qorti nazzjonali, ġie kkonstatat f’sentenza li saret finali li d-detentur tas-sistema doganali ma kisirx is-sistema doganali “ħażna f’żona libera”, jista’, konformement mal-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata rrikonoxxut fid-dritt nazzjonali u fid-dritt tal-Unjoni, jikkostitwixxi motiv ta’ eżenzjoni minn dejn doganali mnissel skont l-Artikolu 79(1)(a) u l-Artikolu 79(3)(a) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni?

____________

1     ĠU 2015, L 343, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2016, L 87, p. 35, fil-ĠU 2017, L 101, p. 164, fil-ĠU 2018, L 75, p. 41, u fil-ĠU 2021, L 382, p. 60.

1     ĠU 2013, L 269, p. 1.