Language of document : ECLI:EU:C:2024:252

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

21 ta’ Marzu 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Artikolu 45 – Rifjut tar-rikonoxximent ta’ deċiżjoni – Artikolu 71 – Relazzjoni ta’ dan ir-regolament mal-konvenzjonijiet dwar qasam partikolari – Konvenzjoni dwar il-kuntratt għal ġarr stradali internazzjonali ta’ merkanzija (CMR) – Artikolu 31(3) – Lis pendens – Klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni – Kunċett ta’ ‘ordni pubbliku’”

Fil-Kawża C-90/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Frar 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Frar 2022, fil-proċedura

“Gjensidige” ADB

fil-preżenza ta’:

“Rhenus Logistics” UAB,

“ACC Distribution” UAB,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, T. von Danwitz, P. G. Xuereb, A. Kumin (Relatur) u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Emiliou,

Reġistratur: R. Stefanova-Kamisheva, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑23 ta’ Marzu 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal “Gjensidige” ADB, minn G. Raišutienė, advokatė,

–        għal “Rhenus Logistics” UAB, minn V. Jurkevičius u E. Sinkevičius, advokatai,

–        għall-Gvern Litwan, minn V. Kazlauskaitė-Švenčionienė u E. Kurelaitytė, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Messina, S. Noë u A. Steiblytė, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑14 ta’ Diċembru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 45(1)(a) u (e)(ii), tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1), u tal-Artikolu 71 ta’ dan ir-regolament, moqri, minn naħa, flimkien mal-Artikoli 25, 29 kif ukoll 31 tal-imsemmi regolament u, min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-premessi 21 u 22 tal-istess regolament.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn “Gjensidige” ADB, kumpannija tal-assigurazzjoni, u “Rhenus Logistics” UAB, kumpannija tat-trasport, dwar ir-rimbors tal-kumpens li Gjensidige kienet ħallset lil “ACC Distribution” UAB bħala kumpens għal dannu subit minn din tal-aħħar fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ trasport internazzjonali konkluż ma’ Rhenus Logistics.

 Ilkuntest ġuridiku

 IrRegolament Nru 1215/2012

3        Skont il-premessi 3, 4, 21, 22, 30 u 34 tar-Regolament Nru 1215/2012:

“(3)      L-Unjoni stabbilixxiet għaliha nfisha l-għan li tmantni u tiżviluppa żona ta’ ħelsien, sigurtà u ġustizzja, inter alia billi tiffaċilita l-aċċess għall-ġustizzja, b’mod partikolari permezz tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji u extraġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili. [...]

(4)      [...] Huma essenzjali dispożizzjonijiet biex jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, u sabiex jiżguraw għarfien u eżekuzzjoni malajr u sempliċi ta’ sentenzi mogħtija fi Stat Membru.

[...]

(21)      Fl-interessi tal-amministrazzjoni armonjuża tal-ġustizzja huwa meħtieġ li titnaqqas il-possibbiltà ta’ proċedimenti simultanji u jkun assigurat li ma jiġux mogħtija deċiżjonijiet irrikonċiljabbli fi Stati Membri differenti. Għandu jkun hemm mekkaniżmu ċar u effettiv sabiex jiġu riżolti każijiet ta' lis pendens u azzjonijiet relatati u għal problemi ovvji li jirriżultaw minn differenzi nazzjonali dwar id-determinazzjoni taż-żmien meta jiġi rreġistrat każ bħala pendenti. Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament dak iż-żmien għandu jiġi definit b'mod awtonomu.

(22)      Madankollu, sabiex titjieb l-effettività ta’ ftehimiet esklużivi dwar l-għażla tal-qorti u sabiex jiġu evitati tattiċi abbużivi ta’ tilwim, hu neċessarju li tkun prevista eċċezzjoni għar-regola ġenerali lis pendens sabiex tiġi trattata b’mod sodisfaċenti s-sitwazzjoni partikulari li fiha jistgħu jinqalgħu proċedimenti konkurrenti. Din hi s-sitwazzjoni meta qorti mhux magħżula fi ftehim esklużiv dwar l-għażla tal-qorti tkun ġiet invokata bil-proċedimenti, u l-qorti magħżula tiġi invokata sussegwentement bi proċedimenti li jinvolvu l-istess kawża ta’ azzjoni u bejn l-istess partijiet. F’tali każ, il-qorti invokata l-ewwel għandha tintalab tissospendi l-proċedimenti tagħha malli l-qorti magħżula tkun ġiet invokata, u sa meta l-qorti tal-aħħar tiddikjara li m’għandha ebda ġurisdizzjoni skont il-ftehim esklużiv dwar l-għażla tal-qorti. Dan għandu jiżgura li, f’tali sitwazzjoni, il-qorti magħżula jkollha prijorità li tiddeċiedi dwar il-validità tal-ftehim u dwar il-grad sa liema l-ftehim japplika għat-tilwim pendenti quddiemha. Il-qorti magħżula għandha tkun tista’ tipproċedi irrispettivament mill-fatt jekk il-qorti mhux magħżula tkunx diġà ddeċidiet dwar is-sospensjoni tal-proċedimenti.

[...]

[...]

(30)      Parti li tikkontesta l-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor għandha, sa fejn ikun possibbli, u skont is-sistema legali tal-Istat Membru indirizzat, tkun tista’ tinvoka, fl-istess proċedura, flimkien mar-raġunijiet għal rifjut kif hemm previst f’dan ir-Regolament, ir-raġunijiet għal rifjut disponibbli taħt il-liġi nazzjonali u fil-limiti ta’ żmien stabbiliti f’dik il-liġi.

Madankollu r-rikonoxximent ta’ sentenza għandha tiġi rrifjutata biss jekk raġuni għal rifjut waħda jew aktar kif hemm previst f’dan ir-Regolament ikunu preżenti.

[...]

(34)      Għandha tiġi żgurata l-kontinwità bejn il-[Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), (iktar ’il quddiem il-‘Konvenzjoni ta’ Brussell tal-1968’)], ir-[Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42] u dan ir-Regolament, u għal dan il-għan għandhom jitfasslu dispożizzjonijiet tranżitorji. L-istess ħtieġa għal kontinwità tapplika għall-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-Konvenzjoni ta’ Brussell tal-1968 u r-Regolamenti li jissostitwixxieha.”

4        Il-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012 jinkludi t-Taqsima 6, intitolata “Ġurisdizzjoni esklussiva” u komposta biss mill-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament. Dan l-artikolu jindika l-qrati li għandhom ġurisdizzjoni esklużiva sabiex jieħdu konjizzjoni tat-tilwim fl-oqsma elenkati fih, irrispettivament mid-domiċilju tal-partijiet.

5        Il-Kapitolu II tal-imsemmi regolament jinkludi wkoll is-Sezzjoni 7, intitolata “Prorogazzjoni ta’ ġurisdizzjoni”. L-Artikolu 25 tal-istess regolament, li jifforma parti minn din is-sezzjoni, jgħid fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Jekk il-partijiet, irrispettivament mid-domiċilju tagħhom, ikunu qablu li qorti jew qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom ġurisdizzjoni sabiex isolvu xi tilwimiet li jkunu qamu jew li jistgħu iqumu inkonnessjoni ma’ relazzjoni legali partikolari, dik il-qorti jew dawk il-qrati għandhom ikollhom ġurisdizzjoni, sakemm il-ftehim ma jkunx null u bla effett legali fil-validità sostantiva tiegħu skont il-liġi ta’ dak l-Istat Membru. Ġurisdizzjoni bħal dik għandha tkun esklussiva sa kemm il-partijiet ma jiftehmux mod ieħor. [...]”

6        L-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprevedi:

“1.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 31(2), meta proċedimenti li jinvolvu l-istess kawża ta’ azzjoni u bejn l-istess partijiet ikunu miġjuba quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, kull qorti apparti l-ewwel qorti li jkollha quddiemha l-każ għandha fuq inizjattiva tagħha stess tissospendi l-proċedimenti ta’ quddiemha sa dak iż-żmien li fih tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-ewwel qorti invokata.

2.      Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, fuq talba ta’ qorti li tieħu konjizzjoni tal-kawża, kwalunkwe qorti invokata għandha mingħajr dewmien tinforma lill-ewwel qorti bid-data meta tressqu l-proċedimenti quddiemha skont l-Artikolu 32.

3.      Meta tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-ewwel qorti invokata, kull qorti oħra apparti l-ewwel qorti invokata għandha tastjeni mill-ġurisdizzjoni favur dik il-qorti.”

7        L-Artikolu 31 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.      Meta l-azzjonijiet jaqgħu fil-ġurisdizzjoni esklużiva ta’ diversi qrati, kwalunkwe qorti apparti l-ewwel qorti invokata għandha tastjeni mill-ġurisdizzjoni favur dik il-qorti.

2.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 26, meta qorti ta’ Stat Membru li lilha ftehim kif imsemmi fl-Artikolu 25 jagħti ġurisdizzjoni esklużiva tiġi invokata, kwalunkwe qorti ta’ Stat Membru ieħor għandha tissospendi l-proċedimenti sa dak iż-żmien meta l-qorti invokata fuq il-bażi tal-ftehim tiddikjara li m’għandha l-ebda ġurisdizzjoni taħt il-ftehim.

3.      Meta l-qorti indikata fil-ftehim tkun stabbiliet ġurisdizzjoni f’konformità mal-ftehim, kwalunkwe qorti ta’ Stat Membr ieħor għandha tirrinunzja l-ġurisdizzjoni favur dik il-qorti.

[...]”

8        L-Artikolu 36(1) tal-imsemmi regolament huwa redatt kif ġej:

“Sentenza mogħtija fi Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħra mingħajr il-bżonn ta’ ebda proċedura speċjali.”

9        L-Artikolu 45 tal-istess regolament jipprevedi:

“1.      Fuq it-talba ta’ kwalunkwe parti interessata, ir-rikonoxximent ta’ sentenza għandha tiġi rifjutata:

(a)      jekk dak ir-rikonoxximent ikun manifestament kontra l-istrateġija pubblika (ordre public) tal-Istat Membru indirizzat;

[...]

(e)      jekk is-sentenza tkun f’konflitt ma’:

(i)      it-Taqsimiet 3, 4 jew 5 tal-Kapitolu II fejn id-detentur tal-polza tal-assigurazzjoni, l-assigurat, il-benefiċjarju tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni, il-parti li tkun ġarrbet il-ħsara, il-konsumatur jew l-impjegat kien il-konvenut; or [jew]

(ii)      it-Taqsima 6 tal-Kapitolu II.

[...]

3.      Mingħajr preġudizzju għal paragrafu 1(e), il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-oriġini ma tistax tiġi riveduta. It-test ta’ strateġija pubblika msemmija fil-paragrafu 1(a) ma jistax jiġi applikat għal regoli li għandhom x’jaqsmu mal-ġurisdizzjoni.

[...]”

10      L-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprevedi li:

“1.      Dan ir-Regolament m’għandu jaffettwa l-ebda konvenzjoni li għaliha l-Istati Membri jkunu parti u, li b’relazzjoni għal kwistjonijiet partikolari, tirregola l-ġurisdizzjoni jew ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi.

2.      Bil-għan tal-interpretazzjoni uniformi tiegħu, il-paragrafu 1 għandu jiġi applikat b’dan il-mod:

[...]

(b)      sentenzi mogħtija fi Stat Membru minn qorti fl-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni prevista f’konvenzjoni dwar kwistjoni partikolari għandhom jiġu rikonoxxuti u eżegwibbli fl-Istati Membri l-oħra skont dan ir-Regolament.

Meta konvenzjoni dwar kwistjoni partikolari li dwarha kemm l-Istat Membru tal-oriġini u l-Istat Membru indirizzat ikunu partijiet tkun stabbiliet kondizzjonijet għar-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi, dawn il-kondizzjonijiet għandhom japplikaw. Fi kwalunkwe każ, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi jistgħu japplikaw.”

 Iċ-CMR

11      Il-Konvenzjoni dwar il-Kuntratt ta’ Trasport Internazzjonali ta’ Merkanzija bit-Triq, iffirmata f’Genève fid‑19 ta’ Mejju 1956 kif emendata mill-Protokoll iffirmat f’Genève fil‑5 ta’ Lulju 1978 (iktar ’il quddiem iċ-“CMR”), tapplika, skont l-Artikolu 1(1) tagħha, “għal kull kuntratt ta’ trasport ta’ merkanzija bit-triq bi ħlas permezz ta’ vetturi, meta l-post tal-assunzjoni tar-responsabbiltà għall-merkanzija u l-post previst għall-kunsinna [...] jinsabu f’żewġ pajjiżi differenti, li għall-inqas wieħed minnhom huwa pajjiż kontraenti […] ikunu xi jkunu d-domiċilju u n-nazzjonalità tal-partijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

12      Iċ-CMR ġiet innegozjata fil-kuntest tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti. Iktar minn 50 Stat, fosthom l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea aderixxew għaċ-CMR.

13      L-Artikolu 31 taċ-CMR jippreċiża li:

“1.      Għall-kawżi kollha li jirriżultaw mit-trasport ta’ merkanzija suġġetti għal din il-Konvenzjoni, ir-rikorrent jista’ jressaq kawża, minbarra fil-qrati tal-pajjiżi kontraenti indikati bi ftehim komuni mill-partijiet, fil-qrati tal-pajjiżi li, fit-territorju tagħhom:

(a)      il-konvenut għandu r-residenza abitwali tiegħu, is-sede prinċipali tan-negozju tiegħu jew il-fergħa jew l-aġenzija li, permezz tagħha, il-kuntratt ta’ trasport ġie konkluż, jew

(b)      il-post fejn il-merkanzija għaddiet għand min ġarrha jew dak previst għall-kunsinna tagħha,

u jista’ biss iressaq kawża quddiem dawn il-qrati.

[...]

3.      Kemm-il darba f’kawża li tkun tressqet abbażi tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, sentenza li tkun ingħatat minn qorti ta’ Stat kontraenti ssir eżekuttiva f’dak l-Istat, din tkun eżekuttiva bl-istess mod fl-Istati kontraenti l-oħra, hekk kif jiġu ssodisfatti l-formalitajiet meħtieġa fl-Istat ikkonċernat. Tali formalitajiet ma jistgħux jinkludu eżami mill-ġdid tal-mertu tal-kawża.

[...]”

14      L-Artikolu 41(1) taċ-CMR jipprevedi:

“Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 40, kull dispożizzjoni li, direttament jew indirettament, tidderoga mid-dispożizzjonijiet ta’ din il-[k]onvenzjoni hija nulla u bla effett. In-nullità ta’ tali dispożizzjonijiet ma twassalx għan-nullità tad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-kuntratt.”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

15      ACC Distribution kienet ikkonkludiet ma’ Rhenus Logistics kuntratt għat-trasport, minn din tal-aħħar, ta’ tagħbija ta’ materjal informatiku mill-Pajjiżi l-Baxxi sal-Litwanja (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ trasport internazzjonali inkwistjoni”).

16      Peress li parti mill-merkanzija nsterqet waqt it-trasport, Gjensidige, bis-saħħa ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni, ħallset lil ACC Distribution is-somma ta’ EUR 205 108.89 bħala kumpens.

17      Fit‑3 ta’ Frar 2017, Rhenus Logistics ippreżentat quddiem ir-rechtbank Zeeland-West-Brabant (il-Qorti Distrettwali ta’ Zeeland-West-Brabant, il-Pajjiżi l-Baxxi) azzjoni għall-konstatazzjoni tal-limitazzjoni tar-responsabbiltà tagħha.

18      ACC Distribution u Gjensidige talbu lil din il-qorti tiddikjara li ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ din l-azzjoni jew li tissospendi l-proċeduri quddiemha minħabba li ACC Distribution u Rhenus Logistics kienu qablu dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati Litwani sabiex jiddeċiedu fuq it-tilwimiet li rriżultaw mill-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ trasport internazzjonali inkwistjoni.

19      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Awwissu 2017, l-imsemmija qorti ċaħdet it-talba ta’ ACC Distribution u ta’ Gjensidige. F’dan ir-rigward, hija kkunsidrat li, skont l-Artikolu 41(1) taċ-CMR, il-ftehim li jagħti ġurisdizzjoni konkluż bejn ACC Distribution u Rhenus Logistics kien null u mingħajr effett peress li kellu l-effett li jirrestrinġi l-għażla tal-qrati kompetenti skont l-Artikolu 31 taċ-CMR.

20      Fid‑19 ta’ Settembru 2017, Gjensidige ressqet quddiem il-Kauno apygardos teismas (il-Qorti Reġjonali ta’ Kaunas, il-Litwanja) azzjoni għall-irkupru, intiża sabiex Rhenus Logistics tiġi kkundannata tirrimborsa l-ammont ta’ EUR 205 108.89 li hija kienet ħallset lil ACC Distribution bħala kumpens.

21      Permezz ta’ digriet tat‑12 ta’ Marzu 2018, il-Kauno apygardos teismas (il-Qorti Reġjonali ta’ Kaunas) issospendiet il-proċeduri sakemm ir-rechtbank Zeeland-West-Brabant (il-Qorti Distrettwali ta’ Zeeland-West-Brabant) tagħti deċiżjoni definittiva.

22      Permezz ta’ sentenza tal‑25 ta’ Settembru 2019, ir-rechtbank Zeeland-West-Brabant (il-Qorti Distrettwali ta’ Zeeland-West-Brabant) iddikjarat li r-responsabbiltà ta’ Rhenus Logistics lejn ACC Distribution u Gjensidige, kienet limitata u ma setgħetx taqbeż l-ammont ta’ kumpens previst fl-Artikolu 23(3) taċ-CMR. Din id-deċiżjoni ma ġietx appellata u, għaldaqstant, għandha s-saħħa ta’ res judicata.

23      B’eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, Rhenus Logistics ħallset lil Gjensidige somma ta’ EUR 40 854.20, flimkien mal-interessi, abbażi tar-responsabbiltà hekk limitata tagħha meta mqabbla mad-dannu mġarrab minn ACC Distribution. Konsegwentement, Gjensidige rrinunzjat mill-kompetizzjoni għat-talba tagħha għad-danni fil-konfront ta’ Rhenus Logistics.

24      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Mejju 2020, il-Kauno apygardos teismas (il-Qorti Reġjonali ta’ Kaunas) ċaħdet l-azzjoni għall-irkupru mressqa minn Gjensidige minħabba li l-awtorità ta’ res judicata marbuta mad-deċiżjoni tar-rechtbank Zeeland-West-Brabant (il-Qorti Distrettwali ta’ Zeeland-West-Brabant), tal‑25 ta’ Settembru 2019, kienet vinkolanti għaliha fil-kawża li kienet adita biha.

25      Permezz ta’ digriet tal‑25 ta’ Frar 2021, il-Lietuvos apeliacinis teismas (il-Qorti tal-Appell tal-Litwanja) ikkonfermat id-deċiżjoni tal-Kauno apygardos teismas (il-Qorti Reġjonali ta’ Kaunas), tat‑22 ta’ Mejju 2020, minħabba li, f’dan il-każ, kemm id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1215/2012 kif ukoll dawk taċ-CMR kienu rilevanti sabiex tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni. Issa, skont l-Artikolu 31(1) taċ-CMR, anki jekk il-partijiet fil-kuntratt ta’ trasport internazzjonali inkwistjoni kienu kkonkludew ftehim li jagħti ġurisdizzjoni, il-kawża li qamet bejn il-partijiet setgħet titressaq, skont l-għażla tar-rikorrent, quddiem il-qrati li għandhom ġurisdizzjoni skont il-punt (a) jew il-punt (b) tal-Artikolu 31(1) taċ-CMR.

26      Gjensidige ppreżentat appell minn dan id-digriet quddiem il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja), il-qorti tar-rinviju. Insostenn ta’ dan l-appell, Gjensidige sostniet li, fil-każ ta’ kompetizzjoni bejn ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni taċ-CMR u tar-Regolament Nru 1215/2012, l-Artikolu 25(1) ta’ dan ir-regolament għandu jipprevali, peress li din id-dispożizzjoni tikklassifika bħala esklużiva l-ġurisdizzjoni li l-partijiet jaqblu li jagħtu lil qorti partikolari ta’ Stat Membru.

27      Billi tirreferi, b’mod partikolari, għas-sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2010, TNT Express Nederland (C‑533/08, EU:C:2010:243), tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Nipponka Insurance (C‑452/12, EU:C:2013:858) u tal‑4 ta’ Settembru 2014, Nickel & Goeldner Spedition (C‑157/13, EU:C:2014:2145), il-qorti tar-rinviju tqis li d-dispożizzjonijiet taċ-CMR, inkluż l-Artikolu 31 tagħha, japplikaw bħala prinċipju għall-kwistjonijiet ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali li jqumu fil-kuntest ta’ tilwim bħal dak inkwistjoni fil-kawża li hija adita biha. Għalhekk, ftehim li jagħti ġurisdizzjoni ma jagħtix ġurisdizzjoni esklużiva lill-qrati indikati mill-partijiet, peress li r-rikorrent jibqa’ liberu li jadixxi waħda mill-qrati li għandhom ġurisdizzjoni skont dan l-Artikolu 31. Barra minn hekk, din il-qorti tikkonstata li, f’dan il-każ, l-azzjonijiet imressqa rispettivament fil-Pajjiżi l-Baxxi u fil-Litwanja huma identiċi, peress li għandhom l-istess kawża u l-istess suġġett.

28      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi madankollu dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 31 taċ-CMR mar-Regolament Nru 1215/2012, sa fejn dan l-artikolu jippermetti li jiġu esklużi l-ftehimiet li jattribwixxu ġurisdizzjoni.

29      Fil-fatt, skont din il-qorti, għalkemm ir-Regolament Nru 1215/2012 jistabbilixxi regola ġenerali ta’ lis alibi pendens ibbażata fuq il-prijorità tal-qorti adita l-ewwel, l-Artikolu 31(2) u (3) ta’ dan ir-regolament jipprevedi eċċezzjoni għal din ir-regola fil-każijiet fejn ikun ġie konkluż ftehim li jagħti ġurisdizzjoni. Mill-premessa 22 tal-imsemmi regolament jirriżulta li din l-eċċezzjoni hija intiża sabiex issaħħaħ l-effettività tal-ftehimiet esklużivi dwar l-għażla tal-qorti u sabiex jiġu evitati manuvri ġudizzjarji.

30      Issa, il-qorti tar-rinviju tirrileva li ċ-CMR u r-Regolament Nru 1215/2012 jirriżervaw għall-ftehimiet li jattribwixxu ġurisdizzjoni trattamenti fundamentalment opposti. Skont din il-qorti, l-Artikolu 25(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li l-attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni miftiehma mill-partijiet fil-kuntratt hija fil-prinċipju esklużiva. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 31 taċ-CMR, il-qorti magħżula mill-ftehim li jagħti ġurisdizzjoni ma tibbenefikax minn ġurisdizzjoni esklużiva. B’hekk, is-sistema ta’ ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 31 taċ-CMR ma tostakolax il-manuvri ġudizzjarji, jew saħansitra tinkoraġġihom.

31      Il-qorti tar-rinviju tosserva li r-Regolament Nru 1215/2012 ma jittrattax direttament il-konsegwenzi legali ta’ ksur tar-regoli ta’ lis pendens fil-każ fejn ftehim li jagħti ġurisdizzjoni jkun ġie konkluż. B’mod partikolari, dan ir-regolament ma jipprevedix espressament raġuni għal rifjut ta’ rikonoxximent ta’ deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija fi Stat Membru ieħor bi ksur ta’ tali konvenzjoni.

32      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi madankollu jekk, fid-dawl, b’mod partikolari, tar-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jsaħħaħ l-effikaċja tal-ftehimiet dwar l-għażla tal-qorti, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1215/2012 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jestendu l-protezzjoni ta’ tali ftehimiet għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji.

33      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tosserva li, meta qorti mhux indikata minn ftehim li jagħti ġurisdizzjoni tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni, il-konvenut jirriskja li jinqabad impreparat kemm fir-rigward tal-qorti adita kif ukoll, jekk ikun il-każ, fir-rigward tal-liġi applikabbli għall-mertu tal-kawża.

34      Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tiddubita li tali sitwazzjoni, li fiha l-applikazzjoni tar-regoli li jirriżultaw minn konvenzjoni internazzjonali bħaċ-CMR tippermetti li jiġi eskluż il-ftehim tal-partijiet kemm fuq il-ġurisdizzjoni kif ukoll fuq il-liġi applikabbli fl-istess kawża, hija kompatibbli mal-prinċipji fundamentali ta’ smigħ xieraq u mal-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 1215/2012, b’tali mod li jitqajmu kwistjonijiet ta’ konformità mal-ordni pubbliku.

35      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)            L-Artikolu 71 tar-[Regolament Nru 1215/2012], moqri fid-dawl tal-Artikoli 25, 29 u 31 u tal-premessi 21 u 22 tal-istess regolament, jista’ jiġi interpretat fis-sens li jippermetti l-applikazzjoni tal-Artikolu 31 ta[ċ-CMR] anki meta l-partijiet f’tilwima li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ atti kkonkludew ftehim ta’ għażla tal-ġurisdizzjoni?

2)      Fid-dawl tal-għan tal-leġiżlatur [tal-Unjoni] li jikkonsisti fit-tisħiħ tal-protezzjoni tal-ftehim ta’ għażla tal-ġurisdizzjoni fl-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 45(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 1215/2012 jista’ jiġi interpretat b’mod usa’, fis-sens li ma jikkonċernax biss it-Taqsima 6 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, iżda wkoll it-Taqsima 7 tiegħu?

3)      3)      Fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-każ preżenti u tal-konsegwenzi legali li jirriżultaw minnhom, il-kunċett ta’ “strateġija pubblika” użat fir-Regolament Nru 1215/2012 jista’ jiġi interpretat fis-sens li jinkludi motiv ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ deċiżjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor meta l-applikazzjoni ta’ ftehim partikolari, bħall-Konvenzjoni CMR, tagħti lok għal sitwazzjoni legali li fiha, f’każ wieħed, la l-għażla tal-ġurisdizzjoni u lanqas l-għażla tal-liġi applikabbli ma tiġi osservata?”

 Fuq iddomandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

36      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk qorti ta’ Stat Membru tistax tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar azzjoni mressqa abbażi ta’ kuntratt ta’ trasport internazzjonali, minkejja li dan il-kuntratt jinkludi ftehim li jagħti ġurisdizzjoni favur qrati ta’ Stat Membru ieħor.

37      Barra minn hekk, permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar il-possibbiltà, għal qorti ta’ Stat Membru, li tirrifjuta li tirrikonoxxi sentenza ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor li tkun iddikjarat li għandha ġurisdizzjoni minkejja l-eżistenza ta’ tali ftehim li jagħti ġurisdizzjoni.

38      F’dan ir-rigward, għandu jiġi eżaminat fl-ewwel lok jekk qorti ta’ Stat Membru tistax effettivament tirrifjuta li tirrikonoxxi sentenza ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor dwar azzjoni ppreżentata abbażi ta’ kuntratt ta’ trasport internazzjonali minħabba li din l-aħħar qorti tkun iddikjarat li għandha ġurisdizzjoni minkejja l-eżistenza ta’ ftehim li jagħti ġurisdizzjoni favur qrati oħra, u dan indipendentement mill-punt dwar jekk il-qorti ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor kinitx iġġustifikata jew le li tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni.

39      F’dan il-kuntest, għandu jiġi ddeterminat jekk din il-kwistjoni għandhiex tiġi evalwata fid-dawl tar-Regolament Nru 1215/2012 jew ta’ dik taċ-CMR, peress li, f’dan il-każ, huwa paċifiku li l-kuntratt ta’ trasport internazzjonali inkwistjoni jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni kemm ta’ dan ir-regolament kif ukoll ta’ din il-konvenzjoni.

40      Sa fejn ir-Regolament Nru 1215/2012 ħassar u ssostitwixxa r-Regolament Nru 44/2001, li huwa stess issostitwixxa l-Konvenzjoni ta’ Brussell, l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ wieħed minn dawn l-istrumenti legali tapplika wkoll għal dawk tal-oħrajn, kemm-il darba dawn id-dispożizzjonijiet ikunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala ekwivalenti sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2023, Roompot Service, C‑497/22, EU:C:2023:873, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata)

41      Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 78 tal-konklużjonijiet tiegħu, skont l-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 1215/2012, konvenzjoni dwar qasam partikolari, bħalma hija ċ-CMR, tipprevali fuq dan ir-regolament. Fil-fatt, l-Artikolu 71(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi li dan ma għandux jaffettwa l-ebda konvenzjoni li għaliha l-Istati Membri jkunu parti u, li b’relazzjoni għal kwistjonijiet partikolari, tirregola l-ġurisdizzjoni jew ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi. Barra minn hekk, l-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 71(2) tal-istess regolament tipprovdi li jekk konvenzjoni dwar kwistjoni partikolari li dwarha kemm l-Istat Membru tal-oriġini u l-Istat Membru indirizzat ikunu partijiet tkun stabbilixxiet kundizzjonijiet għar-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi, dawn il-kundizzjonijiet għandhom japplikaw. Għalhekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda, fil-każ ta’ kompetizzjoni ta’ regoli, l-applikazzjoni ta’ dawn il-konvenzjonijiet (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2010, TNT Express Nederland, C‑533/08, EU:C:2010:243, punti 46 u 47).

42      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 31(3) taċ-CMR, meta sentenza mogħtija minn qorti ta’ pajjiż kontraenti ssir eżekuttiva f’dan il-pajjiż, din issir eżekuttiva wkoll f’kull wieħed mill-pajjiżi kontraenti l-oħra immedjatament wara t-twettiq tal-formalitajiet preskritti għal dan l-għan fil-pajjiż ikkonċernat, peress li dawn il-formalitajiet ma jistgħu, madankollu, jinkludu ebda reviżjoni tal-kawża.

43      Madankollu, minn naħa, jekk jitqies li l-Artikolu 31(3) taċ-CMR, li jittratta s-saħħa eżekuttiva, jista’ wkoll jiġi kklassifikat bħala regola ta’ rikonoxximent li għandha tiġi applikata skont l-Artikolu 71(1) u (2) tar-Regolament Nru 1215/2012, għandu jiġi rrilevat li dan l-Artikolu 31(3) sempliċement jissuġġetta l-eżekuzzjoni ta’ “sentenza”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għat-twettiq tal-formalitajiet preskritti għal dan l-għan fil-pajjiż ikkonċernat, billi jippreċiża biss, f’dan il-kuntest, li dawn il-formalitajiet ma jistgħu jinkludu ebda reviżjoni tal-kawża.

44      F’dan il-kuntest, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-punt (b) tal-ewwel subparagrafu u t-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 71(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, li minnhom jirriżulta li s-sentenzi mogħtija fi Stat Membru minn qorti li tkun ibbażat il-ġurisdizzjoni tagħha fuq konvenzjoni dwar qasam partikolari għandhom jiġu rrikonoxxuti u eżegwiti fl-Istati Membri l-oħra konformement ma’ dan ir-regolament, li d-dispożizzjonijiet tiegħu jistgħu fi kwalunkwe każ jiġu applikati anki meta din il-konvenzjoni tiddetermina l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni ta’ dawn is-sentenzi.

45      Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li għalkemm, skont l-Artikolu 71(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, meta t-tilwima taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ konvenzjoni speċjali li tagħha l-Istati Membri huma partijiet, bħala prinċipju għandha tiġi applikata din tal-aħħar, xorta jibqa’ l-fatt li l-applikazzjoni ta’ tali konvenzjoni ma tistax tippreġudika l-prinċipji li fuqhom hija bbażata l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali fi ħdan l-Unjoni, bħall-prinċipji ta’ moviment liberu tas-sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, ta’ prevedibbiltà tal-qrati kompetenti u, għaldaqstant, ta’ ċertezza legali għall-individwi, ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, ta’ tnaqqis kemm jista’ jkun tar-riskju ta’ proċeduri simultanji, kif ukoll ta’ fiduċja reċiproka fil-ġustizzja fi ħdan l-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2010, TNT Express Nederland, C‑533/08, EU:C:2010:243, punti 45 u 49).

46      Issa, fir-rigward b’mod speċifiku tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, il-qorti tal-Istat fejn issir it-talba fl-ebda każ ma hija f’pożizzjoni aħjar mill-qorti tal-Istat ta’ oriġini sabiex tiddeċiedi dwar il-ġurisdizzjoni ta’ din tal-aħħar, b’tali mod li r-Regolament Nru 1215/2012 ma jawtorizzax, ħlief għal xi eċċezzjonijiet limitati, l-istħarriġ tal-ġurisdizzjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru minn qorti ta’ Stat Membru ieħor. (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2010, TNT Express Nederland, C‑533/08, EU:C:2010:243, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa fid-dawl tar-Regolament Nru 1215/2012 li għandu jiġi evalwat jekk qorti ta’ Stat Membru tistax tirrifjuta li tirrikonoxxi sentenza ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor dwar azzjoni mressqa abbażi ta’ kuntratt ta’ trasport internazzjonali minħabba li din l-aħħar qorti tkun iddikjarat li għandha ġurisdizzjoni minkejja l-eżistenza ta’ ftehim li jagħti ġurisdizzjoni favur qrati oħra.

48      Ir-Regolament Nru 1215/2012 fih min-naħa tiegħu, fl-Artikolu 45 tiegħu, dispożizzjoni speċifika dwar ir-rifjut ta’ rikonoxximent ta’ deċiżjoni ġudizzjarja. Huwa għal din id-dispożizzjoni li jirreferu t-tieni u t-tielet domanda, li għalhekk għandhom jiġu eżaminati flimkien u fl-ewwel lok.

 Fuq ittieni u ttielet domanda

49      Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 45(1)(a) u (e)(ii) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil qorti ta’ Stat Membru tirrifjuta r-rikonoxximent ta’ sentenza ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor minħabba li din l-aħħar qorti tkun iddikjarat li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar azzjoni mressqa abbażi ta’ kuntratt ta’ trasport internazzjonali, bi ksur ta’ ftehim li jagħti ġurisdizzjoni, fis-sens tal-Artikolu 25 ta’ dan ir-regolament, li jagħmel parti minn dan il-kuntratt.

50      Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni teħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha kif ukoll l-għanijiet u l-finalità mfittxija mill-att li tagħmel parti minnu (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2023, Pankki S, C‑579/21, EU:C:2023:501, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Fir-rigward, minn naħa, tal-Artikolu 45(1)(a) tar-Regolament Nru 1215/2012, mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li, fuq talba ta’ kwalunkwe parti interessata, ir-rikonoxximent ta’ sentenza jiġi rrifjutat jekk dan ir-rikonoxximent ikun manifestament kuntrarju għall-ordni pubbliku tal-Istat Membru indirizzat.

52      Issa, it-tieni sentenza tal-Artikolu 45(3) tar-Regolament Nru 1215/2012 tippreċiża, f’dan il-kuntest, li l-kriterju tal-ordni pubbliku msemmi f’dan l-Artikolu 45(1)(a) ma jistax jiġi applikat għar-regoli ta’ ġurisdizzjoni.

53      Għaldaqstant, minn qari flimkien tal-Artikolu 45(1)(a) u tat-tieni sentenza tal-paragrafu 3 tar-Regolament Nru 1215/2012 jirriżulta li dan l-Artikolu 45(1)(a) ma jippermettix lil qorti ta’ Stat Membru tirrifjuta li tirrikonoxxi sentenza ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor għar-raġuni li din l-aħħar qorti tkun iddikjarat li għandha ġurisdizzjoni minkejja l-eżistenza ta’ ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni favur qrati ta’ Stat Membru ieħor li ma huwiex dak li taqa’ taħtu.

54      Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 45(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 1215/2012, din id-dispożizzjoni tipprevedi li, fuq talba ta’ kwalunkwe parti interessata, ir-rikonoxximent ta’ sentenza għandu jiġi rrifjutat jekk din tal-aħħar tikser is-Sezzjoni 6 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, dwar il-ġurisdizzjoni esklużiva.

55      Din is-Sezzjoni 6 hija komposta biss mill-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1215/2012, li jindika l-qrati li huma l-uniċi li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tat-tilwim fl-oqsma elenkati fih, irrispettivament mid-domiċilju tal-partijiet.

56      Huwa f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk hemmx lok li l-Artikolu 45(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 1215/2012 jiġi interpretat b’mod iktar wiesa’, fis-sens li r-rikonoxximent ta’ sentenza jista’ wkoll jiġi rrifjutat jekk din tikser id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 7 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, li minnu jagħmel parti, b’mod partikolari, l-Artikolu 25 tiegħu, dwar l-estensjoni tal-ġurisdizzjoni permezz ta’ ftehim li jagħti ġurisdizzjoni.

57      F’dan ir-rigward, il-kliem ċar u inekwivoku tal-Artikolu 45(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 1215/2012 waħdu jippermetti li jiġi konkluż li tali interpretazzjoni wiesgħa ta’ din id-dispożizzjoni hija eskluża, bil-konsegwenza li tista’ ssir interpretazzjoni contra legem tagħha.

58      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jistax ikollha r-riżultat li ċċaħħad lill-formulazzjoni ċara u preċiża tagħha minn kull effett utli. Għalhekk, meta s-sens ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkun jirriżulta mingħajr ambigwità mill-formulazzjoni stess tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax titbiegħed minn din l-interpretazzjoni (sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2023, Ministarstvo financija, C‑682/22, EU:C:2023:920, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      Fi kwalunkwe każ, l-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 45(1)(a) u (e)(ii) tar-Regolament Nru 1215/2012, fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet ma jippermettux lil qorti ta’ Stat Membru tirrifjuta li tirrikonoxxi sentenza ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor minħabba li din tkun iddikjarat li għandha ġurisdizzjoni bi ksur ta’ ftehim li jagħti ġurisdizzjoni, hija kkorroborata mill-kuntest li fih jinsabu l-imsemmija dispożizzjonijiet kif ukoll mill-għanijiet u l-għan imfittex minn dan ir-regolament.

60      Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li, skont il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji u ekstraġudizzjarji f’materji ċivili msemmi fil-premessa 3 tar-Regolament Nru 1215/2012, l-Artikolu 36(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li d-deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru huma rrikonoxxuti fl-Istati Membri l-oħra mingħajr il-ħtieġa ta’ ebda proċedura. Dan ir-regolament huwa intiż, kif jirriżulta mill-premessa 4 tiegħu, sabiex jiggarantixxi r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni malajr u sempliċi tas-sentenzi mogħtija fi Stat Membru.

61      Min-naħa l-oħra, kif enfasizzat fil-premessa 30 tar-Regolament Nru 1215/2012, ir-rikonoxximent ta’ sentenza għandha tiġi rrifjutata biss jekk raġuni għal rifjut waħda jew aktar kif hemm previst minn dan ir-regolament. F’dan il-kuntest, l-Artikolu 45(1) tal-imsemmi regolament jelenka, b’mod eżawrjenti, ir-raġunijiet li għalihom ir-rikonoxximent ta’ sentenza jista’ jiġi rrifjutat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ April 2022, H Limited, C‑568/20, EU:C:2022:264, punt 31).

62      Għaldaqstant, minn naħa, fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ ordni pubbliku, imsemmija fl-Artikolu 45(1)(a) tar-Regolament Nru 1215/2012, din għandha tiġi interpretata b’mod strett sa fejn tikkostitwixxi ostakolu għat-twettiq ta’ wieħed mill-għanijiet fundamentali ta’ dan ir-regolament, b’tali mod li raġuni għan-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ sentenza bbażata fuq il-ksur tal-ordni pubbliku tal-Istat Membru indirizzat għandha tkun tista’ tiġi invokata b’mod utli biss f’każijiet eċċezzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2023, Charles Taylor Adjusting, C‑590/21, EU:C:2023:633, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Jekk l-Istati Membri, bħala prinċipju, jibqgħu ħielsa, bis-saħħa tar-riżerva fl-Artikolu 45(1)(a) tar-Regolament Nru 1215/2012, li jiddeterminaw, skont il-kunċetti nazzjonali tagħhom, l-eżiġenzi ta’ ordni pubbliku tagħhom, il-limiti ta’ dan il-kunċett jaqgħu taħt l-interpretazzjoni ta’ dan ir-regolament (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2023, Charles Taylor Adjusting, C‑590/21, EU:C:2023:633, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      Għaldaqstant, filwaqt li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddefinixxi l-kontenut tal-ordni pubbliku ta’ Stat Membru, madankollu hija għandha tistħarreġ il-limiti li fil-kuntest tagħhom il-qorti ta’ Stat Membru tkun tista’ tirrikorri għal dan il-kunċett sabiex ma tirrikonoxxix sentenza mogħtija minn Stat Membru ieħor (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2023, Charles Taylor Adjusting, C‑590/21, EU:C:2023:633, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65      F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li l-qorti tal-Istat Membru indirizzat ma hijiex awtorizzata tirrifjuta r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni għar-raġuni biss li teżisti diskrepanza bejn ir-regola tad-dritt applikata mill-qorti tal-Istat Membru tal-oriġini u dik li kienet tapplika il-qorti tal-Istat Membru indirizzat li kieku kienet ġiet adita bil-kawża. Bl-istess mod, il-qorti tal-Istat Membru indirizzat ma tistax tistħarreġ l-eżattezza tal-evalwazzjonijiet ta’ liġi u ta’ fatt li jkunu saru mill-qorti tal-Istat Membru tal-oriġini (sentenza tal‑25 ta’ Mejju 2016, Meroni, C-559/14, EU:C:2016:349, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      Konsegwentement, għandu jsir użu mill-klawżola ta’ ordni pubbliku, prevista fl-Artikolu 45(1)(a) tar-Regolament Nru 1215/2012 biss fil-każ li r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tas-sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor ivarjaw mill-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru indirizzat b’mod inaċċettabbli, peress li jippreġudikaw prinċipju fundamentali. Sabiex tiġi mħarsa l-projbizzjoni tar-reviżjoni tal-mertu ta’ sentenza mogħtija fl-Istat Membru tal-oriġini, il-ksur għandu jikkostitwixxi vjolazzjoni manifesta ta’ regola tad-dritt ikkunsidrata bħala essenzjali fis-sistema legali tal-Istat Membru fejn tintalab l-eżekuzzjoni ta’ sentenza jew ta’ dritt irrikonoxxut bħala fundamentali f’din is-sistema legali (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2023, Charles Taylor Adjusting, C‑590/21, EU:C:2023:633, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata.

67      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti mir-Regolament Nru 1215/2012, l-Artikolu 45 tiegħu jippermetti li jiġi rrifjutat ir-rikonoxximent ta’ sentenza minħabba ksur ta’ dawn ir-regoli biss fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1(e) ta’ dan l-artikolu.

68      Għalhekk, minbarra l-possibbiltà, prevista fl-Artikolu 45(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 1215/2012, li jiġi rrifjutat ir-rikonoxximent ta’ sentenza jekk din tal-aħħar tikser id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 6 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, ir-rikonoxximent ta’ sentenza ma jistax jiġi rrifjutat, skont l-Artikolu 45(1)(e)(i) tal-imsemmi regolament, ħlief fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tat-Taqsimiet 3, 4 jew 5 tal-Kapitolu II ta’ dan l-istess regolament, meta d-detentur tal-polza tal-assigurazzjoni, l-assigurat, il-benefiċjarju tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni, il-vittma, il-konsumatur jew l-impjegat kien il-konvenut. Dan huwa kkonfermat mill-Artikolu 45(3) tar-Regolament Nru 1215/2012, li jippreċiża li, bla ħsara għall-Artikolu 45(1)(e) ta’ dan ir-regolament, il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-oriġini ma tistax tiġi mistħarrġa fil-kuntest tal-eżami tar-rifjut eventwali tar-rikonoxximent tad-deċiżjoni adottata minn din il-qorti.

69      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tosserva, l-ewwel nett, li r-Regolament Nru 1215/2012 huwa intiż, kif jirriżulta mill-premessa 22 tiegħu, li jsaħħaħ l-effettività tal-ftehimiet dwar l-għażla tal-qorti. Għalhekk jidher paradossali li ksur tar-regola ta’ lis alibi pendens fil-każ fejn tali ftehim ġie konkluż jibqa’ mingħajr konsegwenza fir-rigward tar-rikonoxximent tad-deċiżjoni mogħtija.

70      It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju tindika li l-ksur ta’ ftehim li jagħti ġurisdizzjoni jista’ jkollu l-effett li jagħmel applikabbli liġi differenti minn dik li tkun applikata jekk dan il-ftehim jiġi osservat. Għalhekk, fil-każ fejn qorti mhux indikata tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni, il-konvenut jinqabad impreparat, kemm fir-rigward tal-qorti adita kif ukoll, jekk ikun il-każ, fir-rigward tal-liġi applikabbli għall-mertu tal-kawża.

71      B’mod iktar speċifiku, f’dan il-każ, il-fatt li r-rechtbank Zeeland-West-Brabant (il-Qorti Distrettwali ta’ Zeeland-West-Brabant u tal-Brabant tal-Punent) iddikjarat li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-azzjoni mressqa quddiemha fit‑3 ta’ Frar 2017, kellu l-konsegwenza li din l-azzjoni ġiet deċiża skont id-dritt Olandiż. Minn dan kien jirriżulta li Gjensidige, bħala konvenuta f’din il-proċedura, kellha riżultat inqas favorevoli milli kieku l-kawża kienet ġiet deċiża skont id-dritt Litwan, jiġifieri skont id-dritt tal-Istat li l-qrati tiegħu ġew indikati bħala li għandhom ġurisdizzjoni fil-konvenzjoni li tattribwixxi ġurisdizzjoni li tinsab fil-kuntratt ta’ trasport internazzjonali inkwistjoni.

72      F’dan ir-rigward, għandu madankollu jitfakkar li, kif ġie rrilevat fil-punti 60 u 61 ta’ din is-sentenza, fis-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 1215/2012, ir-rikonoxximent reċiproku jikkostitwixxi r-regola filwaqt li l-Artikolu 45(1) ta’ dan ir-regolament jelenka, b’mod eżawrjenti, ir-raġunijiet li għalihom ir-rikonoxximent ta’ sentenza jista’ jiġi rrifjutat.

73      Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur tal-Unjoni għażel li ma jinkludix il-ksur tad-dispożizzjonijiet tas-Sezzjoni 7 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012, dwar l-estensjoni tal-ġurisdizzjoni, fost ir-raġunijiet li jippermettu li jiġi rrifjutat ir-rikonoxximent ta’ sentenza. Għalhekk, il-protezzjoni tal-konvenzjonijiet li jattribwixxu ġurisdizzjoni, imsemmija f’dan ir-regolament, ma għandhiex bħala konsegwenza li l-ksur tagħhom jikkostitwixxi, bħala tali, raġuni għal rifjut ta’ rikonoxximent.

74      Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 117 tal-konklużjonijiet tiegħu, fir-rigward tal-konsegwenzi konkreti tar-rikonoxximent tas-sentenza tar-rechtbank Zeeland-West-Brabant (il-Qorti Distrettwali ta’ Zeeland-West-Brabant), tal‑25 ta’ Settembru 2019, xejn fil-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermetti li jiġi konkluż li dan ir-rikonoxximent imur kontra l-ordinament ġuridiku Litwan b’mod inaċċettabbli sa fejn jippreġudika prinċipju fundamentali, kif teżiġi l-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 66 ta’ din is-sentenza.

75      B’mod partikolari, is-sempliċi fatt li azzjoni ma tkunx deċiża mill-qorti indikata fi ftehim li jagħti ġurisdizzjoni u li, konsegwentement, ma tkunx ingħatat deċiżjoni dwar din l-azzjoni skont id-dritt tal-Istat Membru li taħtu taqa’ din il-qorti ma jistax jitqies bħala ksur tad-dritt għal smigħ xieraq ta’ gravità tali li r-rikonoxximent tas-sentenza fuq l-imsemmija azzjoni jkun manifestament kuntrarju għall-ordni pubbliku tal-Istat Membru li fih tressqet il-kawża.

76      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 45(1)(a) u (e)(ii) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil qorti ta’ Stat Membru tirrifjuta r-rikonoxximent ta’ sentenza ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor minħabba li din l-aħħar qorti tkun iddikjarat li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar azzjoni mressqa abbażi ta’ kuntratt ta’ trasport internazzjonali, bi ksur ta’ ftehim li jagħti ġurisdizzjoni, fis-sens tal-Artikolu 25 ta’ dan ir-regolament, li jagħmel parti minn dan il-kuntratt.

 Fuq lewwel domanda

77      Fid-dawl tar-risposta għat-tieni u t-tielet domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-ewwel domanda.

 Fuq lispejjeż

78      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 45(1)(a) u (e)(ii) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jippermettix lil qorti ta’ Stat Membru li tirrifjuta r-rikonoxximent ta’ sentenza ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor minħabba li din l-aħħar qorti tkun iddikjarat li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar azzjoni mressqa abbażi ta’ kuntratt ta’ trasport internazzjonali, bi ksur ta’ ftehim li jagħti ġurisdizzjoni, fis-sens tal-Artikolu 25 ta’ dan ir-regolament, li jagħmel parti minn dan il-kuntratt.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Litwan.