Language of document : ECLI:EU:C:2024:261

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

21 ta’ Marzu 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport – Trasport bit-triq – Direttiva 2006/126/KE – Liċenzja tas-sewqan – Kundizzjonijiet għall-ħruġ u għat-tiġdid – Standards minimi dwar il-kapaċità fiżika u mentali – Viżjoni – Anness III, punt 6.4 – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Persuna li ma tissodisfax l-istandard dwar il-kamp viżiv – Opinjoni favorevoli għall-kapaċità għas-sewqan mogħtija minn esperti mediċi – Marġni ta’ evalwazzjoni f’każ individwali fl-assenza ta’ eċċezzjoni espressa”

Fil-Kawża C‑703/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Novembru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑16 ta’ Novembru 2022, fil-proċedura

WU

vs

Directie van het Centraal Bureau Rijvaardigheidsbewijzen (CBR),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn N. Piçarra, President tal-Awla, N. Jääskinen (Relatur) u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn K. Bulterman u H. S. Gijzen, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Nijenhuis, P. Messina u G. Wilms, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Diċembru 2006 dwar il-Liċenzji tas-Sewqan (ĠU 2006 L 403, p. 18), kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2009/113/CE tal‑25 ta’ Awwissu 2009 (ĠU 2009, L 223, p. 31) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2008/126”).

2        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, WU u, min-naħa l-oħra, d-directie van het Centraal Bureau Rijvaardigheidsbewijzen (iktar ’il quddiem iċ-“CBR”) (l-Uffiċċju Ċentrali tal-Liċenzji tas-Sewqan, il-Pajjiżi l-Baxxi) dwar deċiżjonijiet ta’ dan tal-aħħar li jiċħdu talba għal dikjarazzjoni tal-kapaċità fiżika u mentali ta’ WU għas-sewqan ta’ vettura bil-mutur, b’mod partikolari ta’ vetturi tal-kategoriji C u CE, imressqa fil-kuntest tat-tiġdid tal-liċenzja tas-sewqan ta’ WU, u li jirrifjutaw il-ħruġ lil dan tal-aħħar ta’ liċenzja tas-sewqan oħra, limitata ġeografikament għall-Pajjiżi l-Baxxi.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        Il-premessi 8 u 9 tad-Direttiva 2006/126 jipprovdu:

“(8)      Għall-finijiet tas-sigurtà fit-toroq, għandhom jiġu stabbiliti r-rekwiżiti minimi għall-ħruġ ta' liċenzja tas-sewqan. Hemm il-ħtieġa li jiġu armonizzati l-istandards għat-testijiet tas-sewqan u għall-ħruġ tal-liċenzji Għal dan il-għan, għandhom jiġu definiti l-kompetenza, il-ħiliet u l-komportament konnessi mas-sewqan tal-vetturi, it-test tas-sewqan għandu jkun ibbażat fuq dawn il-kunċetti u għandhom jiġu definiti mill-ġdid l-istandards minimi tal-kapaċità fiżika u mentali sabiex jinsaqu tali vetturi.

(9)      Għandha tinġieb prova ta’ konformità ma’ l-istandards minimi tal-kapaċità fiżika u mentali ta’ sewqan minn sewwieqa ta’ vetturi wżati għat-trasport ta’ persuni jew ta’ merkanzija meta tinħareġ il-liċenzja tas-sewqan u perjodikament wara dan. Tali kontroll regolari skond regoli nazzjonali ta’ konformità ma’ standards jikkontribwixxi għall-moviment liberu ta’ persuni, jikkontribwixxi kontra d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u sabiex jittieħed kont tar-responsabbiltajiet speċifiċi tas-sewwieqa ta’ tali vetturi. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jimponu li jsiru eżamijiet mediċi bħala garanzija ta’ konformità ma’ listandards minimi ta’ kapaċità fiżika u mentali għas-sewqan ta’ vetturi oħra bil-mutur. Għall-finijiet tat-trasparenza, tali eżamijiet għandhom ikunu kontemporanji għat-tiġdid ta' liċenzji tas-sewqan u għandhom għalhekk ikunu determinati mill-perjodu ta' validità tal-liċenzja.”

4        L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jintroduċu liċenzja tas-sewqan nazzjonali bbażata fuq il-mudell Komunitarju stabbilit fl-Anness I, skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva. L-emblema fil-paġna 1 tal-mudell Komunitarju tal-liċenzji tas-sewqan għandu jinkludi l-marka distintiva ta' l-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja.”

5        Skont l-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva:

“Il-liċenzji tas-sewqan maħruġa mill-Istati Membri għandhom jingħataw rikonoxximent reċiproku.”

6        L-Artikolu 4 tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.      Il-liċenzja tas-sewqan prevista fl-Artikolu 1 għandha tawtorizza s-sewqan ta’ vetturi b’mutur fil-kategoriji definiti aktar ’l isfel. Hija tista’ tinħareġ mill-età minima indikata għal kull kategorija. [...]

[...]

4.      Vetturi bil-mutur:

–        ‘vettura bil-mutur’ tfisser kwalunkwe vettura b'mutur, normalment użata għat-trasport ta' persuni jew merkanzija fuq it-triq jew għall-ġbid, fuq it-triq, ta' vetturi użati għat-trasport ta' persuni jew merkanzija. Dan it-terminu għandu jinkludi trolleybuses, jiġifieri vetturi konnessi ma' konduttur elettriku u li ma jimxux fuq binarji. It-terminu ma għandux jinkludi tratturi agrikoli jew tal-forestrija;

[...]

f)      Kategorija C:

vetturi bil-mutur diversi minn dawk tal-Kategoriji D1 jew D, li l-massa massima awtorizzata tagħhom taqbeż 3500 kg u li jkunu proġettati u mibnija għat-trasport ta' mhux aktar minn tmien passiġġieri minbarra s-sewwieq; il-vetturi bil-mutur f'din il-kategorija jistgħu jiġu kombinati ma' karru ta' massa massima awtorizzata li ma taqbiżx 750 kg;

g)      Kategorija CE:

–        mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar l-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi konċernati, kombinazzjonijiet ta’ vetturi li jikkonsistu minn vettura-trattur tal-Kategorija C u li jkollha karru jew semi-karru ta' massa massima awtorizzata li taqbeż 750 kg;

[...]”

7        L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2006/126 jipprovdi:

“1.      Il-liċenzji tas-sewqan għandhom jinħarġu biss lil dawk l-applikanti:

a)      li jkunu għaddew minn test ta’ ħila u ta’ komportament u minn test teoriku u li jissodisfaw l-istandards mediċi, skond il-dispożizzjonijiet ta' l-Annessi II u III;

[...]

3.      It-tiġdid tal-liċenzji tas-sewqan meta tiskadi l-validità amministrattiva tagħhom għandu jkun suġġett għal dawn li ġejjin:

a)      il-kontinwazzjoni tal-konformità ma’ l-istandards minimi ta’ kapaċità fiżika u mentali għas-sewqan kif previst fl-Anness III għal-liċenzji tas-sewqan fil-Kategoriji C, CE, C1, C1E, D, DE, D1, D1E; u

[...]”

8        L-Anness III ta’ din id-direttiva, intitolat “Standards minimi tas-saħħa mentali u fiżika sabiex tinsaq vettura b’mutur”, jipprovdi:

“Definizzjonijiet

1.      Għall-iskop ta’ dan l-Anness, is-sewwieqa huma klassifikati f’żewġ gruppi:

1.1.      Grupp 1:

is-sewwieqa tal-vetturi tal-Kategoriji A, A1, A2, AM, B, B1 u BE

1.2.      Grupp 2:

is-sewwieqa tal-vetturi tal-Kategoriji C, CE, C1, C1E, D, DE, D1 u D1E.

[...]

Eżamijiet Mediċi

[...]

4.      Grupp 2:

L-applikanti għandhom joqogħdu għal eżami mediku qabel ma tinħarġilhom għall-ewwel darba l-liċenzja tas-sewqan u wara dan is-sewwieqa jridu joqogħdu għal kontrolli kif jiġi stabbilit fil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li fih għandu residenza legali kull meta tiġġedded il-liċenzja tas-sewqan tagħhom.

5.      L-istandards stabbiliti mill-Istati Membri għall-ħruġ u sussegwentement għat-tiġdid tal-liċenzji tas-sewqan jistgħu jkunu iktar stretti minn dawk stabbiliti f’dan l-Anness.

Vista

6.      L-applikanti kollha għal liċenzja tas-sewqan għandhom jgħaddu minn investigazzjoni xierqa sabiex jiġi żgurat li għandhom vista ċara biżżejjed sabiex isuqu vetturi bil-mutur. Fejn ikun hemm raġuni ta’ dubju dwar jekk il-vista tal-applikant hix adegwata, dan/din għandu/għandha jiġi/tiġi eżaminat/a minn awtorità medika kompetenti. F’dan l-eżami għandha tingħata attenzjoni, b’mod partikolari, għal dan li ġej: l-akutezza fil-vista, il-kamp viżiv, il-vista f’dawl newwiemi, is-sensittività għad-dija u l-kuntrast, id-diplopija u funzjonijiet oħra tal-vista li jistgħu jikkompromettu s-sewqan sikur.

Għas-sewwieqa tal-Grupp 1, il-liċenzja tista’ tingħata f′‘każijiet eċċezzjonali’ fejn l-istandard tal-kamp jew tal-akutezza fil-vista ma jkunux intlaħqu; f’każijiet bħal dawn is-sewwieq għandu jsirlu eżami minn awtorità medika kompetenti sabiex jintwera li m’hemm l-ebda ħsara oħra fil-funzjoni tal-vista, inklużi s-sensittività għad-dija u l-kuntrast u l-vista f’dawl newwiemi. Is-sewwieq jew l-applikant għandu wkoll isirlu test prattiku pożittiv minn awtorità kompetenti.

[...]

Grupp 2:

6.4.      L-applikanti għal-liċenzja tas-sewqan jew għat-tiġdid ta’ tali liċenzja għandu jkollhom akutezza fil-vista, bil-lentijiet korrettivi jekk meħtieġa, ta’ mill-inqas 0,8 fl-aħjar għajn u ta’ mill-inqas 0,1 fl-agħar għajn. Jekk jintużaw lentijiet korrettivi biex jintlaħqu l-valuri ta’ 0,8 u 0,1, l-akutezza minima (0,8 u 0,1) għandha tintlaħaq jew b’korrezzjoni permezz ta’ nuċċali b’qawwa ta’ mhux aktar minn + tmien dijopteri, jew bl-għajnuna ta’ lentijiet tal-kuntatt. Il-korrezzjoni trid tkun ittollerata sewwa.

Barra minn hekk, il-kamp orizzontali tal-vista biż-żewġ għajnejn għandha tkun ta’ mhux inqas minn 160 grad, l-estensjoni għandha tkun tal-inqas 70 grad fuq il-lemin u fuq ix-xellug u 30 grad ’il fuq u ’l isfel. Ma għandux ikun hemm difetti f’radju mit-30 grad ċentrali.

Ma għandhomx jinħarġu jew jiġġeddu liċenzji tas-sewqan lill-applikanti jew lis-sewwieqa li jsofru minn sensittività għall-kuntrast imnaqqsa jew minn diplopija.

Wara telf sostanzjali ta’ vista minn għajn waħda, għandu jkun hemm perjodu ta’ adattament xieraq (pereżempju sitt xhur), li matulhom il-persuna ma titħalliex issuq. Wara dan il-perjodu, is-sewqan ikun permess biss wara opinjoni favorevoli mingħand esperti tal-vista u tas-sewqan.

[...]”

 Iddritt Olandiż

9        L-Artikolu 111(1) tal-Wegenverkeerswet 1994 (il-Liġi tal-1994 dwar it-Traffiku fit-Toroq) jipprovdi:

“Liċenzja tas-sewqan tista’ tinħareġ, fuq talba u permezz tal-ħlas tat-tariffa stabbilita għal dan l-għan, biss lill-persuna:

a)      li tkun laħqet l-età minima stabbilita permezz ta’ miżura amministrattiva ġenerali sabiex issuq vettura bil-mutur tal-kategorija kkonċernata mit-talba għal ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan u

b)      li, skont eżami organizzat minn jew f’isem l-awtoritajiet konformement mar-regoli stabbiliti permezz ta’ miżura amministrattiva ġenerali jew skont liċenzja tas-sewqan li nħarġitlu qabel jew liċenzja tas-sewqan li nħarġitlu barra mill-Pajjiżi l-Baxxi mill-awtorità kompetenti għal dan l-għan u li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti permezz ta’ miżura amministrattiva ġenerali, għandha livell adegwat ta’ kapaċità ta’ sewqan suffiċjenti, jew inkella, jekk l-applikazzjoni tirrigwarda l-ħruġ ta’ liċenzja valida għas-sewqan tal-mopeds, għandha livell ta’ kapaċità ta’ sewqan suffiċjenti.”

10      L-Artikolu 97(1) tar-Reglement rijbewijzen (id-Digriet Irjali dwar il-Liċenzji tas-Sewqan) jipprevedi li, fuq talba u permezz tal-ħlas tat-tariffa stabbilita għal dan l-għan, id-dikjarazzjonijiet ta’ kapaċità għandhom jiġu rreġistrati miċ-CBR fir-reġistru tal-liċenzji tas-sewqan għal kull persuna li tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti mid-digriet ministerjali dwar il-kapaċità fiżika u mentali għas-sewqan tal-vetturi bil-mutur. Iċ-CBR għandu jikkomunika lill-applikant b’din ir-reġistrazzjoni.

11      L-Artikolu 1(1) tar-Regeling eisen geschiktheid 2000 (id-Digriet Ministerjali tal‑2000 dwar ir-Rekwiżiti għall-Kapaċità, iktar ’il quddiem id-“Digriet Ministerjali tal‑2000”) huwa fformulat kif ġej:

“Għall-fini ta’ dan id-digriet, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

a)      Grupp 1: il-liċenzji tas-sewqan tal-kategoriji A1, A2, A, B, B+E u T;

b)      Grupp 2: il-liċenzji tas-sewqan tal-Kategoriji C, C1, CE, C1E, D, D1, DE u D1E.”

12      L-Artikolu 2 ta’ dan id-digriet jipprovdi:

“Ir-rekwiżiti dwar il-kapaċità fiżika u mentali għas-sewqan ta’ vetturi bil-mutur għandhom jiġu stabbiliti skont l-anness mehmuż ma’ dan ir-regolament.”

13      Skont l-anness mehmuż mad-Digriet Ministerjali tal‑2000:

“[...]

Kapitolu 3      Problemi bil-vista

[...]

3.3.      Kampi viżivi

a.      Grupp 1: Il-kamp viżiv orizzontali ma jistax ikun ta’ inqas minn 120 grad u l-estensjoni għandha tkun tal-inqas 50 grad fuq il-lemin u fuq ix-xellug. Il-kamp viżiv vertikali għandu jkun tal-inqas 20 grad ’il fuq u ’l isfel. Ma għandux ikun hemm problemi fil-kamp viżiv f’raġġ ta’ 20 grad mill-assi ċentrali.

F’każijiet eċċezzjonali, il-persuni li ma jissodisfawx l-istandards tal-kamp viżiv, bħal fil-każ tal-iskutomi, tal-quadranopsija jew tal-emjanopsija omonima, jistgħu jiġu ddikjarati bħala kapaċi għal-liċenzji tas-sewqan tal-Grupp 1. Il-kundizzjonijiet għal dan l-għan huma l-assenza ta’ kwalunkwe disturb viżiv ieħor, opinjoni favorevoli ta’ oftalmologu u li l-persuna tgħaddi minn test tas-sewqan (ara punt 3.5).

Din l-eċċezzjoni ma tapplikax għall-persuni li l-kamp viżiv orizzontali tagħhom huwa inqas minn 90 grad.

b)      Grupp 2: Il-kamp viżiv orizzontali binokulari ma jistax ikun ta’ inqas minn 160 grad u l-estensjoni għandha tkun tal-inqas 70 grad fuq il-lemin u fuq ix-xellug. Il-kamp viżiv vertikali għandu jkun tal-inqas 30 grad ’il fuq u ’l isfel. Ma għandux ikun hemm problemi fil-kamp viżiv f’raġġ ta’ 30 grad mill-assi ċentrali.

3.4.      Telf tal-vista minn għajn

a.      Grupp 1: ikun hemm inkapaċità fil-każ ta’ telf f’daqqa tal-vista minn għajn, u għalhekk anki fil-każ ta’ diplopija skomda li teħtieġ il-kopertura ta’ għajn. Dawn il-persuni jistgħu jerġgħu jiġu ddikjarati bħala kapaċi għall-finijiet tal-liċenzji tas-sewqan tal-grupp 1 wara perijodu ta’ adattament ta’ mill-inqas 3 xhur u wara opinjoni favorevoli ta’ oftalmologu.

b)      Grupp 2: f’każijiet eċċezzjonali, wara perijodu ta’ adattament ta’ mill-inqas 3 xhur u fuq opinjoni favorevoli ta’ oftalmologu, sewwieq professjonali li diġà jkollu liċenzja tas-sewqan waħda jew iktar tal-grupp 2 jista’ jerġa’ jiġi ddikjarat kapaċi għall-finijiet ta’ liċenzja tas-sewqan tal-kategorija C/CE jew D/DE li tkun limitata ġeografikament u li tista’ testendi għat-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi bħala massimu.

Il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti għal dan l-għan huma rapport favorevoli ta’ oftalmologu, dikjarazzjoni tal-persuna li timpjega redatta skont il-mudell stabbilit miċ-CBR u li l-persuna tgħaddi minn test tas-sewqan (ara punt 3.5).”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

14      WU, imwieled fl‑1988, kellu inċident fl-età ta’ sena, li kkawżalu frattura fil-bażi tal-kranju, li kellha l-effett li tillimita l-kamp viżiv orizzontali tiegħu. Din il-kundizzjoni tissejjaħ “emjanopsija”.

15      Fil‑11 ta’ Lulju 2007, huwa kiseb il-liċenzja tas-sewqan tal-vetturi bil-mutur li jaqgħu taħt il-kategoriji C u CE, koperti mill-Artikolu 4(4)(f) u (g) tad-Direttiva 2006/126.

16      Wara l-adozzjoni tad-Direttiva 2009/113, l-istandard minimu li jinsab fil-punt 6.4 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/126 daħal fis-seħħ fil‑15 ta’ Settembru 2009. Din ir-regola tipprevedi li, għas-sewwieqa ta’ vetturi tal-kategoriji C u CE, il-kamp viżiv orizzontali taż-żewġ għajnejn ma għandux ikun inqas minn 160 grad.

17      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qorti tar-rinviju ma setgħetx tiddetermina, minħabba l-assenza ta’ dokumenti ġustifikattivi, jekk, fid-data li fiha WU kiseb il-liċenzja tas-sewqan tiegħu, iċ-CBR kienx diġà jaf bil-kundizzjoni tal-vista li minnha kien isofri, u lanqas liema kienet, dak iż-żmien, il-pożizzjoni taċ-CBR fir-rigward ta’ tali kundizzjoni.

18      Sussegwentement, WU ħadem għal iktar minn għaxar snin bħala xufier professjonali. Matul dan il-perijodu, huwa saq trakkijiet mingħajr problemi u mingħajr ma kellu inċident, fil-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll barra mill-pajjiż, billi wettaq total ta’ iktar minn miljun kilometru.

19      Fil-kuntest ta’ talba għat-tiġdid tal-liċenzja tas-sewqan tiegħu mressqa minn WU fl‑2016, iċ-CBR ċaħad, permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Frar 2017, l-ewwel talba għal dikjarazzjoni ta’ kapaċità fiżika u mentali għas-sewqan ta’ vettura bil-mutur. Minkejja opinjoni favorevoli ta’ oftalmologu li nħarġet fil‑11 ta’ Jannar 2017, kif ukoll rapport mediku mħejji minn tabib ieħor fil‑25 ta’ Awwissu 2016 li kien ukoll qies li WU kien kapaċi għas-sewqan, iċ-CBR qies li huwa ma kienx josserva l-istandard minimu li jipprovdi li l-kamp viżiv orizzontali taż-żewġ għajnejn ma għandux ikun inqas minn 160 grad, kif previst mill-punt 3.3(b) tal-anness mehmuż mad-Digriet Ministerjali tal‑2000.

20      WU ppreżenta lment kontra din id-deċiżjoni. Permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Lulju 2017, iċ-CBR iddikjara l-ilment infondat.

21      WU appella mis-sentenza li permezz tagħha l-azzjoni ġudizzjarja tiegħu ġiet ukoll iddikjarata infondata mill-qorti tal-ewwel istanza. Fil-kuntest tal-appell tiegħu, huwa sostna li kemm il-punt 6.4 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/126 kif ukoll il-punt 3.3 (b) tal-anness mehmuż mad-Digriet Ministerjali tal‑2000 ma kinux jikkostitwixxu standard minimu strett. Fil-fehma tiegħu, kien għalhekk possibbli li tinħariġlu dikjarazzjoni ta’ kapaċità fiżika u mentali għas-sewqan ta’ vettura bil-mutur anki b’kamp viżiv iktar limitat minn dak li dawn id-dispożizzjonijiet jeżiġu l-osservanza tiegħu.

22      Permezz ta’ sentenza tas‑27 ta’ Frar 2019, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi) iddikjara dan l-appell infondat u kkonferma s-sentenza tal-ewwel istanza. Huwa qies li l-punt 6.4 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/126 huwa standard minimu li jikkonċerna l-kamp viżiv meħtieġ li għalih ma tista’ ssir ebda eċċezzjoni. Il-punt 3.3(b) tal-anness mehmuż mad-Digriet Ministerjali tal‑2000 jikkostitwixxi implimentazzjoni korretta ta’ dan il-punt 6.4. Peress li ġie stabbilit li l-kamp viżiv orizzontali binokulari ta’ WU huwa inqas minn 160 grad u li, għal din ir-raġuni, ma kienx jissodisfa r-regola dwar il-kamp viżiv, iċ-CBR ġustament irrifjuta li joħroġ id-dikjarazzjoni ta’ kapaċità mitluba, u dan minkejja l-fatt li żewġ tobba kienu taw opinjoni favorevoli għal tali talba. Għaldaqstant, iċ-CBR ma jistax jieħu inkunsiderazzjoni l-interessi individwali ta’ WU u jagħmel eċċezzjoni favurih.

23      WU ressaq talba oħra għal dikjarazzjoni ta’ kapaċità fiżika u mentali għas-sewqan ta’ vettura bil-mutur fis‑27 ta’ Awwissu 2018, sabiex jikseb liċenzja tas-sewqan għall-vetturi bil-mutur imsemmija fil-kategoriji C u CE ġewwa l-Pajjiżi l-Baxxi. Fil-kuntest ta’ din it-tieni talba, iċ-CBR qies neċessarju li jissottometti mill-ġdid lil WU għal eżami tal-akutezza viżiva tiegħu, li madankollu għandu jitwettaq minn oftalmologu differenti minn dak li ddeċieda fil-kuntest tal-ewwel talba. Fir-rapport tiegħu tal‑11 ta’ Ottubru 2018, dan it-tieni oftalmologu kkonstata, l-ewwel nett, li l-kamp viżiv orizzontali ta’ WU kien inqas minn 160 grad, it-tieni nett, li, sa mill-inċident tiegħu fl‑1989, it-telf tal-kamp viżiv tiegħu kien stabbli u, it-tielet nett, li, b’dan il-kamp viżiv, WU kien diġà s-suġġett ta’ opinjoni favorevoli għas-sewqan ta’ vetturi bil-mutur darbtejn. Għaldaqstant, l-imsemmi oftalmologu qies li kien kapaċi li jsuq il-vetturi bil-mutur tal-kategoriji C u CE.

24      Madankollu, permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Marzu 2019, iċ-CBR reġa’ rrifjuta li joħroġ lil WU d-dikjarazzjoni ta’ kapaċità mitluba, peress li dan ma kienx josserva l-istandard minimu tal-kamp viżiv orizzontali għaż-żewġ għajnejn, li ma setax ikun inqas minn 160 grad.

25      WU ppreżenta lment kontra din id-deċiżjoni. Permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Lulju 2019, iċ-CBR iddikjara l-ilment infondat. Skont iċ-CBR, ir-rapport tat-tieni oftalmologu juri telf fuq ix-xellug tal-kamp viżiv għaż-żewġ għajnejn. Il-kamp viżiv orizzontali huwa inqas minn 160 grad. Għal din ir-raġuni, WU ma jissodisfax ir-rekwiżit previst fil-punt 3.3(b) tal-anness mehmuż mad-Digriet Ministerjali tal‑2000, u lanqas ir-rekwiżiti tal-punt 3.4(b) ta’ dan l-anness, li jipprevedi l-possibbiltà li jiġi ddikjarat madankollu kapaċi għas-sewqan ta’ vettura bil-mutur sewwieq professjonali li huwa diġà detentur ta’ liċenzja tas-sewqan waħda jew iktar tal-grupp 2 u li jitlef f’daqqa il-vista minn għajn, li jikseb liċenzja tas-sewqan tal-grupp 2 limitata ġeografikament għall-Pajjiżi l-Baxxi, u dan wara perijodu minimu ta’ addattament ta’ tliet xhur u abbażi ta’ opinjoni favorevoli ta’ oftalmologu. Fil-fatt, skont iċ-CBR, WU ma huwiex għami minn għajn, iżda għandu emjanopsija, li jfisser li huwa parzjalment għami, kemm għal nofs ix-xellug kif ukoll għal nofs il-lemin tal-kamp viżiv. L-emjanopsija inkwistjoni hija omonima, jiġifieri li t-telf tal-kamp viżiv jirriżulta fiż-żewġ għajnejn fuq l-istess naħa (xellug).

26      Permezz ta’ sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2021, il-qorti tal-ewwel istanza ddikjarat ir-rikors ta’ WU kontra din l-aħħar deċiżjoni bħala infondat. Hija qieset li ċ-CBR kien iddikjara ġustament li l-punt 3.4(b) tal-anness mehmuż mad-Digriet Ministerjali tal‑2000 ma kienx applikabbli għall-każ ta’ WU, peress li dan ma kienx għami minn għajn, iżda kellu emjanopsija omonima. Din il-qorti ma identifikat l-ebda raġuni sabiex jitqies li din id-deċiżjoni hija illeġittima fiċ-ċirkustanzi invokati minn WU, li huwa ilu limitat viżwalment mill-età ta’ sena, huwa kien ikkumpensa l-assenza ta’ kamp viżiv sħiħ u kellu vista eċċellenti, u dan minkejja r-rapport favorevoli tal-oftalmologu tal‑11 ta’ Ottubru 2018. Skont l-imsemmija qorti, in-natura imperattiva tal-punt 3.4(b) tal-anness mehmuż mad-Digriet Ministerjali tal‑2000 ma tippermettix li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi individwali ta’ WU.

27      WU appella minn din is-sentenza quddiem ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi), il-qorti tar-rinviju. Huwa jsostni, b’mod partikolari, li tliet rapporti, magħmula minn tobba differenti, qiesu li huwa kapaċi li jsuq trakk. Ċertament, huwa għandu limitazzjoni tal-kamp viżiv, iżda din il-limitazzjoni ilha teżisti sa mill-età żgħira tiegħu u kien ikkumpensa għaliha b’mod sħiħ bil-mod kif josserva t-traffiku u kif idawwar rasu. WU jsostni din il-perspettiva billi jipproduċi dikjarazzjoni ta’ newropsikologu, li tindika li l-mod li bih WU josserva t-traffiku huwa tant żviluppat, li huwa jista’ jiffunzjona viżwalment b’mod normali. Skont WU, il-fatt li persuna li tbati minn difett fil-vista iżda li għandha vista aċċettabbli hija awtorizzata ssuq vettura bil-mutur tal-kategoriji C u CE ma jmurx kontra l-għan tas-sistema ta’ dikjarazzjoni ta’ kapaċità fiżika u mentali għas-sewqan ta’ vetturi bil-mutur. Is-sitwazzjoni ta’ tali persuna tiġġustifika li ssir eċċezzjoni għar-rekwiżit li jinsab fil-punt 3.3(b) tal-anness mehmuż mad-Digriet Ministerjali tal‑2000, bl-istess mod kif teżisti eċċezzjoni għat-telf tal-vista minn għajn, prevista fil-punt 3.4(b) ta’ dan l-anness.

28      Il-qorti tar-rinviju tosserva li, minn perspettiva medika, WU ċertament ma josservax l-istandard minimu li jipprovdi li huwa għandu jkollu kamp viżiv orizzontali binokulari ta’ mill-inqas 160 grad, previst fil-punt 6.4 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/126. Hija tqis, madankollu, li ma huwiex stabbilit li ma huwiex kapaċi għas-sewqan ta’ vetturi bil-mutur tal-kategoriji C u CE. Tqum il-kwistjoni dwar jekk hemmx lok li WU jitqies li huwa kapaċi jsuq tali vetturi, billi l-punt 6.4 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/126 jiġi interpretat fis-sens li l-istandard minimu li dan jistabbilixxi huwa osservat minn persuna li tikkumpensa l-limitazzjoni tal-kamp viżiv orizzontali. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk teżistix possibbiltà li jiġi applikat il-prinċipju ta’ proporzjonalità, waqt l-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar it-tiġdid ta’ liċenzja tas-sewqan, anki jekk ir-rekwiżit previst fil-punt 6.4 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/126 ma jipprevedi ebda eċċezzjoni. Din il-qorti tindika li, minbarra l-konstatazzjonijiet tal-esperti mediċi dwar il-kapaċità fiżika u mentali ta’ applikant għas-sewqan ta’ vetturi bil-mutur, evalwazzjoni tal-proporzjonalità tad-deċiżjoni li għandha tiġi adottata tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li huwa stabbilit li, preċedentement, dan l-applikant kien f’pożizzjoni li jsuq b’mod sigur u li l-liċenzja tas-sewqan mitluba tintuża fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ professjoni. F’dan ir-rigward, għandha tingħata attenzjoni lill-Artikolu 15 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) li jipprevedi li kull persuna għandha d-dritt li taħdem u li twettaq professjoni magħżula jew aċċettata liberament.

29      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-punt 6.4 tal-Anness III tad-Direttiva [2006/126], b’mod iktar speċifiku l-istandard tal-kamp orizzontali tal-vista biż-żewġ għajnejn ta’ mill-inqas 160 grad, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna li ma tissodisfax dan l-istandard minn perspettiva medika, iżda li, skont diversi esperti mediċi, hija fil-fatt tajba sabiex issuq trakk, tista’ wkoll tissodisfa dan l-istandard?

2)      Fil-każ ta’ risposta negattiva għal din id-domanda, hemm lok li ssir evalwazzjoni tal-proporzjonalità fl-ambitu tad-Direttiva [2006/126] fil-każ individwali, anki jekk il-kriterju stipulat fil-punt 6.4 tal-Anness III tal-imsemmija direttiva ma jipprovdix għal possibbiltà ta’ eżenzjoni f’dawn il-każijiet?

3)      Jekk iva, liema ċirkustanzi jista’ jkollhom rwol fl-evalwazzjoni dwar jekk, f’każ speċifiku, jistax ikun hemm deroga mill-istandard tal-kamp orizzontali tal-vista stipulat fil-punt 6.4 tal-Anness III tad-Direttiva [2006/126]?”

 Fuq iddomandi preliminari

30      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 6.4 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/126, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-Artikolu 15 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li, f’każ konkret, persuna li ma tissodisfax minn perspettiva medika r-rekwiżit li huwa jipprevedi, li fuq il-bażi tiegħu, għas-sewwieqa tal-grupp 2, jiġifieri s-sewwieqa tal-vetturi tal-kategoriji C, CE, C1, C1E, D, DE, D1 u D1E, il-kamp viżiv orizzontali taż-żewġ għajnejn ma għandux ikun inqas minn 160 grad, jista’ jitqies li jissodisfa dan ir-rekwiżit sa fejn, skont diversi esperti mediċi, din il-persuna hija effettivament kapaċi ssuq vettura bil-mutur li taqa’ f’waħda minn dawn il-kategoriji.

31      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2006/126 tistabbilixxi, hekk kif jirriżulta mill-premessa 8 tagħha, armonizzazzjoni minima tal-kundizzjonijiet li bihom tinħareġ il-liċenzja tas-sewqan prevista fl-Artikolu 1 tagħha. Dawn il-kundizzjonijiet huma, b’mod partikolari, iddefiniti fl-Artikoli 4 u 7 ta’ din id-direttiva u jikkonċernaw, fost l-oħrajn, l-età minima meħtieġa, il-kapaċità għas-sewqan ta’ vettura bil-mutur, it-testijiet li għandu jgħaddi minnhom l-applikant u r-residenza tiegħu fit-territorju tal-Istat Membru ta’ ħruġ. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva, il-liċenzji tas-sewqan maħruġa mill-Istati Membri għandhom jingħataw rikonoxximent reċiproku.

32      Skont l-Artikolu 7(1)(a) tad-Direttiva 2006/126, il-liċenzja tas-sewqan tinħareġ biss lill-applikanti li jkunu għaddew minn test ta’ kontroll tal-kapaċitajiet u tal-aġir kif ukoll test ta’ kontroll tal-għarfien u li jissodisfaw standards minimi dwar il-kapaċità fiżika u mentali, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Annessi II u III ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, l-Artikolu 7(3)(a) tal-imsemmija direttiva jirrikjedi li t-tiġdid tal-liċenzja tas-sewqan ikun suġġett għall-osservanza ta’ dawn l-istandards minimi dwar il-kapaċità fiżika u mentali għad-detenturi ta’ liċenzji tas-sewqan tal-vetturi ta’ kategoriji C, CE, C1, C1E, D, DE, D1 u D1E. Dawn id-dispożizzjonijiet huma għalhekk ifformulati f’termini imperattivi.

33      Għandu jiġi kkonstatat li t-tieni subparagrafu tal-punt 6.4 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/126, li jipprevedi, fil-verżjoni tiegħu bil-lingwa Franċiża, li l-kamp viżiv orizzontali taż-żewġ għajnejn ma għandux ikun inqas minn 160 grad, huwa fformulat ukoll f’termini imperattivi. Għalkemm, kif irrilevat il-Kummissjoni Ewropea, din id-dispożizzjoni tinkludi, f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-direttiva, bħal fil-verżjoni Ġermaniża (sollte), Ingliża (should),u Finlandiża (olisi oltava), verb inqas restrittiv milli fil-verżjoni Franċiża tagħha, verżjonijiet lingwistiċi oħra, bħall-verżjoni Spanjola (deberá), Taljana (deve), Olandiża (dient) u Portugiża (deve), madankollu jużaw ukoll verb vinkolanti.

34      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-formulazzjoni użata f’uħud mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew tingħata, f’dan ir-rigward, prijorità fil-konfront tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Fil-fatt, il-ħtieġa ta’ applikazzjoni u, għalhekk, ta’ interpretazzjoni uniformi ta’ att tal-Unjoni, teskludi li dan l-att jiġi kkunsidrat b’mod iżolat f’waħda mill-verżjonijiet tiegħu, iżda tirrikjedi li d-dispożizzjoni inkwistjoni tiġi interpretata fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-iskop tal-leġiżlazzjoni li tagħha tikkostitwixxi element, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-verżjonijiet stabbiliti bil-lingwi kollha l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Novembru 1969, Stauder, 29/69, EU:C:1969:57, punti 2 u 3; tat‑30 ta’ Ġunju 2022, Allianz Elementar Versicherung, C‑652/20, EU:C:2022:514, punt 36, kif ukoll tat‑18 ta’ Jannar 2024, Regionalna direktsia “Avtomobilna administratsia” Pleven, C‑227/22, EU:C:2024:57, punt 43).

35      Fir-rigward tal-istruttura ġenerali tad-Direttiva 2006/126, għandu jiġi osservat li l-punt 6.4 tal-Anness III tagħha ma jsemmi ebda eċċezzjoni għar-rekwiżit previst għas-sewwieqa tal-grupp 2, iddefinit fil-punt 1.2 ta’ dan l-anness, li jkun hemm kamp viżiv orizzontali taż-żewġ għajnejn li ma jkunx inqas minn 160 grad, filwaqt li hija prevista eċċezzjoni fit-tieni subparagrafu tal-punt 6 tal-imsemmi anness għas-sewwieqa tal-grupp 1 li ma jissodisfawx l-istandards dwar l-akutezza viżiva u l-kamp viżiv.

36      Fl-assenza ta’ eċċezzjoni simili għas-sewwieqa tal-grupp 2, dawn għandhom dejjem jissodisfaw ir-rekwiżiti dwar l-akutezza viżiva u l-kamp viżiv meta japplikaw għal liċenzja tas-sewqan ġdida jew għat-tiġdid ta’ liċenzja tas-sewqan eżistenti.

37      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, f’dan ir-rigward, li l-leġiżlatur tal-Unjoni qagħad attent li joħloq żewġ kategoriji ta’ sewwieqa skont id-daqs tal-vettura, in-numru ta’ passiġġieri ttrasportati u r-responsabbiltajiet li għalhekk jirriżultaw mis-sewqan ta’ dawn il-vetturi. Fil-fatt, il-karatteristiċi tal-vetturi kkonċernati, bħad-daqs, il-piż jew il-manuvrabbiltà tagħhom, jiġġustifikaw l-eżistenza ta’ kundizzjonijiet differenti għall-ħruġ tal-liċenzja tas-sewqan intiża għas-sewqan tagħhom (sentenza tat‑22 ta’ Mejju 2014, Glatzel, C-356/12, EU:C:2014:350, punt 83).

38      Barra minn hekk, is-sitwazzjoni msemmija fir-raba’ paragrafu tal-punt 6.4 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/126, li, bħala eċċezzjoni, għandha tiġi interpretata b’mod strett, hija differenti minn dik ta’ limitazzjoni tal-kamp viżiv orizzontali taż-żewġ għajnejn. Skont din id-dispożizzjoni, wara telf sinjifikattiv tal-vista minn għajn, huwa possibbli, wara perijodu ta’ adattament u fuq opinjoni favorevoli ta’ speċjalisti tal-vista u tas-sewqan, li persuna titqies li hija mill-ġdid kapaċi ssuq. Madankollu, telf sinjifikattiv tal-vista minn għajn ma jimplikax neċessarjament limitazzjoni tal-kamp viżiv orizzontali taż-żewġ għajnejn, u għalhekk is-sitwazzjonijiet tas-sewwieqa kkonċernati ma humiex paragunabbli.

39      Fir-rigward tal-għan tad-Direttiva 2006/126, din twettaq, kif jirriżulta mill-premessa 8 tagħha, armonizzazzjoni minima tal-kundizzjonijiet li taħthom tinħareġ il-liċenzja tas-sewqan prevista fl-Artikolu 1 tagħha, fejn din l-armonizzazzjoni hija intiża b’mod partikolari sabiex tistabbilixxi l-kundizzjonijiet preliminari neċessarji għar-rikonoxximent reċiproku tal-imsemmija liċenzja u ssegwi wkoll l-għan tal-imsemmija direttiva li tikkontribwixxi għat-titjib tas-sigurtà fit-toroq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2024, Regionalna direktsia “Avtomobilna administratsia” Pleven, C‑227/22, EU:C:2024:57, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din il-premessa 8 tindika f’dan ir-rigward li, għall-finijiet tas-sigurtà fit-toroq, għandhom jiġu stabbiliti r-rekwiżiti minimi għall-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan u li huwa meħtieġ li jiġu armonizzati l-istandards għat-testijiet tas-sewqan u għall-ħruġ tal-liċenzji.

40      Ir-regoli minimi dwar il-kapaċità fiżika u mentali għas-sewqan ta’ vettura bil-mutur, stabbiliti fl-Anness III tad-Direttiva 2006/126, ġew għalhekk stabbiliti sabiex jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti ta’ sigurtà fit-toroq, konformement mal-Artikolu 91(1)(c) TFUE (sentenza tat‑22 ta’ Mejju 2014, Glatzel, C‑356/12, EU:C:2014:350, punt 58).

41      Fil-fatt, bl-istabbiliment fl-Anness III tagħha, għas-sewwieqa tal-grupp 2 fis-sens ta’ dan l-anness, ta’ livell minimu tal-kamp viżiv orizzontali taż-żewġ għajnejn, id-Direttiva 2006/126 hija intiża li ttejjeb is-sigurtà fit-toroq u, għalhekk, tissodisfa għan ta’ interess ġenerali tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Mejju 2014, Glatzel, C‑356/12, EU:C:2014:350, punt 51).

42      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li huwa essenzjali, sabiex tiġi żgurata s-sigurtà fit-toroq, li l-persuni li tinħarġilhom liċenzja tas-sewqan ikollhom kapaċitajiet fiżiċi xierqa, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-vista tagħhom, peress li n-nuqqasijiet fiżiċi jista’ jkollhom konsegwenzi kbar. Huwa effettivament magħruf li l-vista tissodisfa funzjoni essenzjali għas-sewqan ta’ vetturi bil-mutur u, għalhekk, iktar ma tkun ridotta din il-funzjoni, iktar jidher neċessarju t-teħid inkunsiderazzjoni tar-rekwiżiti relatati mas-sigurtà fit-toroq (sentenza tat‑22 ta’ Mejju 2014, Glatzel, C‑356/12, EU:C:2014:350, punt 54).

43      Issa, kif enfasizzat il-Kummissjoni, ir-rikonoxximent ta’ ċertu marġni ta’ evalwazzjoni sabiex jippermetti, f’każ konkret, li jitqies li hija kapaċi ssuq persuna li ma tissodisfax, minn perspettiva medika, ir-rekwiżit previst fil-punt 6.4 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/126, iżda li, skont diversi esperti mediċi, hija effettivament kapaċi ssuq trakk, jista’ jagħti lok għal approċċi differenti minn Stat Membru għal ieħor, li jista’ jippreġudika l-għanijiet ta’ din id-direttiva.

44      Għandu jingħad ukoll li l-eżistenza ta’ opinjonijiet favorevoli dwar il-kapaċità għas-sewqan, mogħtija minn tobba oftalmologi, lanqas ma tista’ tiġġustifika n-nuqqas ta’ applikazzjoni, f’każ konkret, tar-rekwiżit previst fil-punt 6.4 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/126, sa fejn jirriżulta b’mod ċar mill-premessa 9 u mill-Artikolu 7(3)(a) ta’ din id-direttiva li hija l-prova tal-osservanza tar-regola minima li tinsab fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-punt 6.4, u mhux dik tal-imsemmija kapaċità, li l-persuna kkonċernata hija obbligata tipproduċi, u li l-opinjonijiet jew ir-rapporti esperti tal-oftalmologi ma jistgħux jikkumpensaw għall-assenza ta’ tali prova.

45      Għalhekk, fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-għan tad-Direttiva 2006/126, it-tieni subparagrafu tal-punt 6.4 tal-Anness III tagħha ma jistax jiġi interpretat fis-sens li tista’ tingħata l-benefiċċju ta’ eċċezzjoni lis-sewwieqa tal-grupp 2 li mill-perspettiva medika ma jissodisfawx ir-rekwiżit stabbilit minn din id-dispożizzjoni, iżda li huma, skont diversi esperti mediċi, effettivament kapaċi jsuqu vettura f’waħda mill-kategoriji li jaqgħu f’dan il-grupp.

46      Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tad-deċiżjoni li għandha tiġi adottata dwar it-tiġdid ta’ liċenzja tas-sewqan f’każ konkret, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, minbarra l-konstatazzjonijiet tal-esperti dwar il-kapaċità għas-sewqan ta’ applikant, ikun possibbli li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li huwa stabbilit li, preċedentement, dan l-applikant kien f’pożizzjoni li jsuq b’mod sigur u li din il-liċenzja tas-sewqan intużat fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ professjoni, fid-dawl tal-Artikolu 15 tal-Karta, li jipprevedi li kull persuna għandha d-dritt li taħdem u li teżerċita professjoni magħżula jew aċċettata liberament.

47      F’dan ir-rigward, l-ibbilanċjar bejn, minn naħa, ir-rekwiżiti tas-sigurtà fit-toroq u, min-naħa l-oħra, drittijiet u interessi oħra, inkluż il-mobbiltà għal kulħadd u l-aċċess għall-professjoni ta’ xufier professjonali, diġà twettaq mil-leġiżlatur tal-Unjoni, li jgawdi minn setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa fir-rigward ta’ evalwazzjonijiet kumplessi ta’ natura medika bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, billi pprova jillimita kemm jista’ jkun kull ksur tad-drittijiet tal-persuni li jsofru minn problemi bil-vista (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Mejju 2014, Glatzel, C‑356/12, EU:C:2014:350, punti 52 u 62). Għalhekk huwa adotta r-regoli previsti mid-Direttiva 2006/126, fid-dawl b’mod partikolari tal-konklużjonijiet tar-rapport “New standards for the visual functions of drivers” iċċitat mill-qorti tar-rinviju u ppubblikat fix-xahar ta’ Mejju 2005 mill-grupp ta’ ħidma “Vision”, stabbilit mill-kumitat dwar il-liċenzji tas-sewqan stabbilit skont l-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva.

48      Issa, għandu jiġi kkonstatat li t-tieni subparagrafu tal-punt 6.4 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/126 jistabbilixxi, kif jirriżulta mill-punti 33 sa 45 ta’ din is-sentenza, rekwiżit inekwivokabbli li l-kamp viżiv orizzontali taż-żewġ għajnejn ma għandux ikun inqas minn 160 grad.

49      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx possibbli li din id-dispożizzjoni tingħata interpretazzjoni li tippermetti, f’każ konkret, li tiġi injorata r-regola ċara li tistabbilixxi dan il-valur minimu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Mejju 2014, Glatzel, C‑356/12, EU:C:2014:350, punt 71).

50      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-punt 6.4 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/126, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-Artikolu 15 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li, f’każ konkret, persuna li ma tissodisfax minn perspettiva medika r-rekwiżit li dan jipprevedi, li fuq il-bażi tiegħu, għas-sewwieqa tal-grupp 2, jiġifieri s-sewwieqa tal-vetturi tal-kategoriji C, CE, C1, C1E, D, DE, D1 u D1E, il-kamp viżiv orizzontali taż-żewġ għajnejn ma għandux ikun inqas minn 160 grad, tista’ titqies li tissodisfa dan ir-rekwiżit sa fejn, skont diversi esperti mediċi, din il-persuna hija effettivament kapaċi ssuq vettura bil-mutur li taqa’ f’waħda minn dawn il-kategoriji.

 Fuq lispejjeż

51      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Il-punt 6.4 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal20 ta’ Diċembru 2006 dwar il-Liċenzji tas-Sewqan, kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2009/113/KE tal25 ta’ Awwissu 2009, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-Artiolu 15 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi li, f’każ konkret, persuna li ma tissodisfax minn perspettiva medika r-rekwiżit li dan jipprevedi, li fuq il-bażi tiegħu, għas-sewwieqa tal-grupp 2, jiġifieri s-sewwieqa tal-vetturi tal-kategoriji C, CE, C1, C1E, D, DE, D1 u D1E, il-kamp viżiv orizzontali taż-żewġ għajnejn ma għandux ikun inqas minn 160 grad, tista’ titqies li tissodisfa dan ir-rekwiżit sa fejn, skont diversi esperti mediċi, din il-persuna hija effettivament kapaċi ssuq vettura bil-mutur li taqa’ f’waħda minn dawn il-kategoriji.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.