Language of document : ECLI:EU:C:2024:259

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

21 ta’ Marzu 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà tal-ikel – Regoli ta’ iġjene applikabbli għall-prodotti tal-ikel li joriġina mill-annimali – Regolament (KE) Nru 853/2004 – Kamp ta’ applikazzjoni – Eċċezzjonijiet – Provvista ta’ prodotti tal-ikel bejn stabbilimenti ta’ bejgħ bl-imnut li jikkostitwixxu attività marġinali, lokalizzata u ristretta – Kunċett ta’ ‘attività marġinali, lokalizzata u ristretta’ – Leġiżlazzjoni nazzjonali li titbiegħed mid-definizzjoni ta’ dan il-kunċett prevista minn dan ir-regolament”

Fil-Kawża C‑10/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Ottubru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Jannar 2023, fil-proċedura

Remia Com Impex SRL

vs

Autoritatea Naţională Sanitară Veterinară şi pentru Siguranţa Alimentelor (ANSVSA),

Direcţia Sanitară Veterinară şi pentru Siguranţa Alimentelor Dolj,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, N. Wahl u M. L. Arastey Sahún (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Emiliou,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Rumen, minn E. Gane, L. Ghiţă u A. Wellman, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Le Bot u L. Radu Bouyon, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 li jistabbilixi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 45, p. 14, rettifika fil-ĠU 2019, L 282, p. 35.), b’mod partikolari tal-Artikolu 1(3) sa (5) tiegħu, moqri fid-dawl tal-premessa 13 tiegħu, kif ukoll tal-prinċipju ta’ ekwivalenza.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Remia Com Impex SRL (iktar ’il quddiem “Remia”) u l-Autoritatea Națională Sanitară Veterinară și pentru Siguranța Alimentelor (ANSVSA) (l-Awtorità Nazzjonali għas-Saħħa tal-Annimali u għas-Sigurtà tal-Ikel, ir-Rumanija) u d-Direcția Sanitară Veterinară și pentru Siguranța Alimentelor Dolj (id-Direttorat għas-Saħħa tal-Annimali u s-Sigurtà tal-Ikel ta’ Dolj, ir-Rumanija), dwar il-legalità ta’ digriet, adottat mill-ANSVSA, li jistabbilixxi l-proċedura ta’ reġistrazzjoni sanitarja veterinarja u ta’ sigurtà tal-ikel għall-attivitajiet tal-istabbilimenti ta’ bejgħ dirett ta’ prodotti primarji jew ta’ bejgħ bl-imnut.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        Skont il-premessi 2 sa 4, u 13 tar-Regolament Nru 853/2004:

“(2)      Ċerti oġġetti ta’ l-ikel jistgħu jkunu ta’ perikolu speċifiku għas-saħħa tal-bniedem, u dan jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli ta’ iġjene speċifiċi, partikolament fil-każ ta’ ikel ta’ oriġini mill-annimali, li dwaru jkunu saru rapporti ta’ perikoli mikrobijoloġiċi u kimiċi.

(3)      Ħafna Direttivi ġew adottati biex jiġu stabbiliti regoli sanitarji speċifiċi għall-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq tal-prodotti elenkati fl-Anness I tat-Trattat, fil-kuntest tal-politika komuni agrikola. Dawn ir-regoli sanitarji naqqsu l-ostakoli għan-negozju tal-prodotti msemmija, u b’dan il-mod ikkontribwew biex inħoloq suq intern bi protezzjoni ta’ livell għoli għas-saħħa pubblika.

(4)      Fir-rigward tas-saħħa pubblika, dawn ir-regoli fihom prinċipji komuni, b’mod partikolari għall-fabrikanti, u responsabbilitajiet ‘għall-Awtoritajiet kompetenti’, ħtiġiet strutturali, operattivi u iġjeniċi għall-istbbilimenti, proċeduri għall-approvazzjoi ta’ stabbilimenti, ħtiġiet għall-ħażna u t-trasport, u timbri sanitarji.

[…]

(13)      L-Istati Membri għandu jkollhom ċerta diskrezzjoni biex jestendu jew jillimitaw l-applikazzjoni tal-ħtiġiet ta’ dan ir-Regolament għall-bejgħ bl-imnut taħt il-liġi nazzjonali. Iżda għandhom jillimitaw l-applikazzjoni biss meta jqisu li l-ħtiġiet tar-Regolament (KE) Nru 852/2004 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 Dwar l-iġjene ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 34, p. 319)] huma biżżejjed biex jintlaħqu l-miri ta’ l-iġjene fl-ikel u meta l-provvista ta’ ikel ta’ oriġini mill-annimali, ikun ta’ natura minima, lokalizzata u ristretta. Dan il-bejgħ ikun għalhekk parti żgħira minn negozju ta’ dak l-istabbiliment; l-istabbiliment li ssirilhom il-konsenja ikunu fil-qrib sewwa; u l-provvista tinteressa biss ċerti tipi ta’ prodotti jew ta’ stabbilimenti.”

4        L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 853/2004, bit-titolu “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi:

“1.      Dan ir-Regolment jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar l-iġjene fl-ikel ta’ oriġini mill-annimali għall-operaturi fin-negozju ta’ l-ikel. Dawn ir-regoli jissupplimentaw dawk stabbiliti b’Regolament KE) nru 852/2004. Għandhom japplikaw għall-prodotti ta’ oriġini mill-annimali proċessati jew le.

[…]

3.      Dan ir-Regolament ma għandux japplika fir-rigward ta’:

(a)      produzzjoni primarja għall-użu domestiku privat;

(b)      il-preparazzjoni t-trattament u l-ħażna domestika għall-konsum domestiku privat;

(ċ)      il-provvista diretta, mill-produttur, ta’ kwantitajiet żgħar ta’ prodotti primarji lill-konsumatur finali jew lill-stabbilimenti lokali li jbiegħu bl-imnut direttament lill-konsumatur finali;

(d)      il-provvista diretta mill-produttur ta’ kwantitajiet żgħar ta’ laħam tal-pollam u tal-lagomorfi, maqtula fir-razzett, lill-konsumatur finali jew lill-istabbilimenti tal-bejgħ bl-imnut lokali li jissuplixxu dan il-laħam lill-konsumatur finali bħala laħam frisk;

(e)      kaċċaturi li jissupplixxu kwantitajiet żgħar ta’ kaċċa selvaġġa jew ta’ laħam mill-kaċċa selvaġġa direttament lill-konsumatur finali jew lill-istabbilimenti tal-bejgħ bl-imnut lokali li jissuplixxu dan il-laħam lill-konsumatur finali.

4.      L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu skond il-liġi nazzjonali regoli dwar l-attivitajiet u l-persuni msemmija fil-paragrafu 3 (c),(d) u (e). Dawn ir-regoli nazzjonali għandhom jassiguraw illi l-miri ta’ dan ir-Regolament jintlaħqu.

5.      (a)      […] Ħlief meta jkun indikat espressament fil-kuntrarju, dan ir-Regolament ma japplikax għall-bejgħ bid-dettall.

(b)      Madanakollu dan ir-regolament għandu japplika għall-bejgħ in dettall meta l-operazzjoni ssir bħala provvista ta’ orġini mill-annimali lill-istabbiliment ieħor, ħlief:

(i)      meta l-operazzjonijiet jikkonsistu biss fil-ħażna u t-trasport, f’liema każi-ħtiġiet dwar temperatura stabbiliti fl-Anness III, għandhom b’danakollu japplikaw;

Jew

(ii)      il-provvista ta’ ikel ta’ oriġini mill-annimali minn stabbilimenti tad-dettall issir lill-istabbilimenti oħra tad-dettall fit-territorju tagħhom biss, u skond il-leġislazzjoni nazzjonali tkun attività marġinali, lokalizzata u ristretta.

(ċ)      l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri nazzjonali biex japplikaw il-ħtiġiet ta’ dan ir-Regolament għall-istabbilimenti tal-bejgħ bl-imnut fit-territorji tagħhom li għaliehom skond is-subpararagrafi (a) jew (b) ma kinitx kieku tapplika.

[…]”

5        L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 853/2004, intitolat “Ir-reġistrazzjoni u l-approvazzjoni ta’ l-istabbilimenti”, jipprevedi fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Mingħajr preġudizzju għall-artikolu 6(3) tar-Regolament nru 852/2004, stabbilimenti li jittrattaw dawk il-prodotti ta’ oriġini mill-annimali li dwarhom l-Anness III ta’ dan ir-Regolament jistabbilixxi ħtiġiet, ma għandhom joperaw jekk l-awtorità kompetenti ma tkunx approvathom skond il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, bl-eċezzjoni ta’ l-istabbilmenti li jagħmlu biss:

(a)      il-produzzjoni primarja;

(b)      operazzjonijiet ta’ transport;

(ċ)      il-ħażna ta’ prodotti li ma jeħtiġux kondizzjonijiet ta’ temperatura ikkontrollata

Jew

(d)      operazzjonijiet ta' bejgħ bl-imnut barra minn dawk li għalihom japplika dan ir-Regolament skond l-artikolu 1(5)(b).”

 Iddritt Rumen

6        L-Ordinul nr. 111/2008 privind aprobarea Normei sanitare veterinare și pentru siguranța alimentelor privind procedura de înregistrare sanitară veterinară și pentru siguranța alimentelor a activităților de obținere și de vânzare directă și/sau cu amănuntul a produselor alimentare de origine animală sau nonanimală, precum și a activităților de producție, procesare, depozitare, transport și comercializare a produselor alimentare de origine nonanimală (id-Digriet Nru 111/2008 li Japprova r-Regoli Sanitarji Veterinarji u tas-Sigurtà tal-Ikel relatati mal-Proċedura ta’ Reġistrazzjoni Sanitarja Veterinarja u ta’ Sigurtà tal-Ikel għall-Attivitajiet ta’ Kisba u ta’ Bejgħ Dirett u/jew bl-Imnut tal-Prodotti tal-Ikel li joriġina mill-Annimali jew li ma joriġinawx mill-Annimali, kif ukoll għall-Attivitajiet ta’ Produzzjoni, ta’ Pproċessar, ta’ Ħażna, ta’ Trasport u ta’ Kummerċjalizzazzjoni tal-Prodotti tal-Ikel li ma joriġinawx mill-Annimali), tas‑16 ta’ Diċembru 2008 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 895, tat‑30 ta’ Diċembru 2008) ġie adottat mill-ANSVSA.

7        L-Artikolu 2 tad-Digriet Nru 111/2008 jipprovdi:

“Ir-regoli sanitarji veterinarji u ta’ sigurtà tal-ikel imsemmija fl-Artikolu 1 ġew żviluppati sabiex tiġi stabbilita l-proċedura ta’ reġistrazzjoni sanitarja veterinarja u ta’ sigurtà tal-ikel għall-attivitajiet tal-istabbilimenti għall-bejgħ dirett ta’ prodotti primarji jew ta’ bejgħ bl-imnut, skont […] fl-Artikolu 1(4) tar-[Regolament Nru 853/2004].”

8        Dawn ir-regoli sanitarji veterinarji u ta’ sigurtà tal-ikel (iktar ’il quddiem ir-“Regoli Sanitarji Veterinarji”) jinsabu fl-Anness Nru 1 tad-Digriet Nru 111/2008.

9        L-Artikolu 16 tar-Regoli Sanitarji Veterinarji jipprovdi:

“Dan il-kapitolu jistabbilixxi l-proċedura għar-reġistrazzjoni sanitarja veterinarja u s-sigurtà tal-ikel għall-attivitajiet ta’ bejgħ bl-imnut ta’ ikel li joriġina mill-annimali u li ma joriġinax mill-annimali.”

10      L-Artikolu 17 ta’ dawn ir-Regoli jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ dan il-kapitolu:

(a)      bejgħ bl-imnut tfisser [...] — il-provvista ta’ prodotti tal-ikel li joriġina mill-annimali u li ma joriġinax mill-annimali miksub minn stabbilimenti rreġistrati għal skopijiet sanitarji veterinarji u ta’ sigurtà tal-ikel/awtorizzati għal skopijiet ta’ sanitarji veterinarji jew/jew għal skopijiet ta’ provvista ristretta, lokalizzata u limitata ta’ prodotti tal-ikel li joriġina mill-annimali u li ma joriġinax mill-annimali miksuba fi kwantitajiet żgħar fi stabbilimenti tal-bejgħ bl-imnut u li jinbiegħu:

1.      lill-konsumatur finali, fuq is-sit fejn jiġu prodotti;

2.      lil stabbilimenti oħra tal-bejgħ bl-imnut irreġistrati għal skopijiet sanitarji veterinarji u ta’ sigurtà tal-ikel, fit-territorju nazzjonali kollu;

3.      lil stabbilimenti ta’ catering irreġistrati għal skopijiet sanitarji veterinarji u ta’ sigurtà tal-ikel;

4.      lill-konsumatur finali, fis-swieq agroalimentari u fil-fieri, fil-wirjiet jew waqt avvenimenti organizzati fl-okkażjoni ta’ festi reliġjużi jew avvenimenti pubbliċi oħra ta’ dan it-tip, organizzati perjodikament mill-awtoritajiet lokali jew dipartimentali fit-territorju nazzjonali kollu, bl-eċċezzjoni tal-laħam frisk tal-majjal;

[…]

(d)      provvista ristretta — it-trasferiment lill-konsumatur finali, minn stabbilimenti oħra ta’ bejgħ bl-imnut, ta’ kwantitajiet żgħar ta’ prodotti ta’ ikel li joriġina mill-annimali u li ma joriġinax mill-annimali;

(e)      provvista lokalizzata — it-trasferiment ta’ prodotti tal-ikel li joriġina mill-annimali fit-territorju nazzjonali kollu, b’osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ trasport, ta’ katina tat-tkessiħ u ta’ traċċabbiltà;

(f)      provvista limitata — il-ksib mill-post tal-bejgħ ta’ kategoriji ristretti ta’ prodotti tal-ikel li joriġina mill-annimali maħsub biex jiġi ttrasferit lill-konsumatur finali minn stabbilimenti oħra ta’ bejgħ bl-imnut;

[…]”

11      L-Artikolu 18(1) tal-imsemmija Regoli jipprovdi li:

“L-istabbilimenti tal-bejgħ bl-imnut imsemmija fl-Anness Nru 1 jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom abbażi tal-attestazzjoni jew, jekk ikun il-każ, taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni maħruġ mill-Uffiċċju tar-Reġistru tal-Kummerċ fi ħdan it-Tribunalul (il-Qorti tal-Kontea, ir-Rumanija) li fil-ġurisdizzjoni tagħha l-attivitajiet ikunu eżerċitati u abbażi tad-dokument ta’ reġistrazzjoni sanitarja veterinarja u ta’ sigurtà tal-ikel maħruġ mid-Direttorat għas-Saħħa Veterinarja u għas-Sigurtà tal-Ikel fil-livell ta’ dipartimenti jew tal-Belt ta’ Bukarest, konformement mal-mudell li jinsab fl-Anness Nru 3.”

12      Skont l-Artikolu 19(1) tal-istess Regoli:

“Sabiex jinkiseb id-dokument ta’ reġistrazzjoni sanitarja veterinarja u ta’ sigurtà tal-ikel għall-attivitajiet tal-istabbilimenti tal-bejgħ bl-imnut imsemmija fl-Anness Nru 1, l-operaturi tas-settur tal-ikel jew ir-rappreżentanti legali tagħhom għandhom jissottomettu lid-Direttorat għas-Saħħa Veterinarja u s-Sigurtà tal-Ikel fil-livell tal-provinċji jew tal-Belt ta’ Bukarest fajl li jkun fih id-dokumenti li ġejjin: [...]”

13      L-Artikolu 20(1) tar-Regoli Sanitarji Veterinarji huwa fformulat kif ġej:

“Id-Direttorat għas-Saħħa Veterinarja u s-Sigurtà tal-Ikel fil-livell ta’ kontea jew tal-Belt ta’ Bukarest għandu joħroġ id-dokument ta’ reġistrazzjoni sanitarja veterinarja u ta’ sigurtà tal-ikel, skont il-mudell stabbilit fl-Anness Nru 3, lill-istabbilimenti tal-bejgħ bl-imnut li jissodisfaw ir-rekwiżiti sanitarji veterinarji u ta’ sigurtà tal-ikel previsti mil-leġiżlazzjoni speċifika.”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

14      Fid‑9 ta’ Marzu 2018, Remia ppreżentat, quddiem il-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija), rikors intiż, l-ewwel nett, għall-annullament tal-Artikolu 2 tad-Digriet Nru 111/2008, tal-Artikoli 16 u 17, tal-Artikolu 18(1), tal-Artikolu 19(1) tar-Regoli Sanitarji Veterinarji u tal-kliem “konformement mal-mudell li jinsab fl-Anness Nru 3” li jinsab fl-Artikolu 20(1) ta’ dawn ir-Regoli, kif ukoll tat-totalità ta’ dan l-Anness Nru 3, it-tieni nett, l-eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tal-istabbilimenti rreġistrati fil-Kontea ta’ Dolj, fid-dawl tal-klassifikazzjoni tagħhom bħala stabbilimenti suġġetti għar-reġistrazzjoni jew għall-approvazzjoni, fis-sens tar-Regolamenti Nri 852/2004 u 853/2004 u, it-tielet nett, għall-ħlas ta’ kumpens għad-dannu kkawżat mill-ksur tad-dritt tal-Unjoni minħabba, b’mod partikolari, it-twettiq żbaljat tal-operazzjonijiet amministrattivi neċessarji għall-protezzjoni tal-interess leġittimu ta’ Remia, jiġifieri l-ħruġ ta’ dokumenti ta’ reġistrazzjoni sanitarja veterinarja u ta’ sigurtà tal-ikel lil stabbilimenti li għandu jkollhom approvazzjoni.

15      Permezz ta’ sentenza tal‑4 ta’ Diċembru 2019, il-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest) ċaħdet l-azzjoni bħala infondata.

16      Remia ppreżentat appell minn din is-sentenza quddiem l-Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija), li hija l-qorti tar-rinviju, filwaqt li invokat, essenzjalment, l-illegalità tad-Digriet Nru 111/2008 sa fejn dan imur kontra d-definizzjoni mogħtija tal-kunċett ta’ “attività marġinali, lokalizzata u ristretta” fil-premessa 13 tar-Regolament Nru 853/2004.

17      Skont l-ANSVSA, id-definizzjonijiet ta’ dawn it-termini li jinsabu fl-Artikolu 17(d) sa (f) tar-Regoli Sanitarji Veterinarji ma jmorrux kontra din il-premessa 13.

18      Waqt seduta li nżammet quddiem il-qorti tar-rinviju, Remia talbet li l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita b’talba għal deċiżjoni preliminari billi essenzjalment sostniet li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippermetti li jiġi limitat il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 853/2004, bi ksur tad-dritt tal-Unjoni. Id-digriet Nru 111/2008 għandu bħala effett li ma humiex suġġetti għal approvazzjoni attivitajiet li, minkejja li jikkostitwixxu bejgħ bl-imnut, jippreżentaw karatteristiċi li jeħtieġu l-approvazzjoni, peress li dawn ma jaqgħux taħt l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 1(5)(b) ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, it-terminu “lokalizzata”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jindika, skont il-premessa 13 tal-imsemmi regolament, stabbilimenti li jinsabu fil-qrib sewwa tal-istabbiliment li jipprovdi prodotti tal-ikel li joriġina mill-annimali, filwaqt li l-Artikolu 17(e) tar-Regoli Sanitarji Veterinarji jkopri l-provvista ta’ tali prodotti tal-ikel fit-territorju nazzjonali kollu.

19      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li hija għandha l-obbligu li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja, konformement mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, peress li hija qorti nazzjonali li ma hemm ebda rimedju ġudizzjarju mid-deċiżjonijiet tagħha taħt il-liġi nazzjonali. Il-kawża prinċipali tqajjem il-kwistjoni tal-kompatibbiltà ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali mar-Regolament Nru 853/2004. Fid-dawl tal-formulazzjoni tal-premessa 13 ta’ dan ir-regolament, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “attività marġinali, lokalizzata u ristretta” prevista minn dan id-dritt nazzjonali toħloq, skont din il-qorti, diffikultà ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

20      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Ir-[Regolament Nru 853/2004], fit-totalità tiegħu, u d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(3) sa (5), b’mod partikolari, għandhom jiġu interpretati fis-sens li mħażen tal-friża li jwettqu attivitajiet ta’ bejgħ bl-imnut lil stabbilimenti oħra ta’ bejgħ bl-imnut, iżda mhux lill-konsumatur finali, għandhom ikunu awtorizzati konformement ma’ dan ir-regolament meta din l-attività ma taqax taħt l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 1(5)(b) [ta’ dan ir-regolament]?

2)      L-istess regolament u d-dritt tal-Unjoni, b’mod ġenerali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtoritajiet nazzjonali, li huma kompetenti sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni tal-politika li tikkostitwixxi l-għan li għandu jintlaħaq permezz tar-regolamenti u l-konformità mal-obbligi korrelattivi tal-operaturi ekonomiċi, għandhom l-obbligu li jinterpretaw ir-rekwiżit dwar l-attività marġinali, lokalizzata u ristretta, li tinsab fil-punt (ii) tal-Artikolu 1(5)(b), fid-dawl tal-premessa 13 tal-istess regolament jew jistgħu jidderogaw minn din l-interpretazzjoni permezz tad-definizzjonijiet tagħhom stess tat-termini?

3)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni, dawn id-definizzjonijiet li jinsabu f’att nazzjonali li jittrasponi r-Regolament [Nru 853/2004], għandhom josservaw is-sustanza tal-kunċetti, kif deskritti fil-premessa 13?

4)      Fid-dawl tal-fatt li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17 tan-Normele atașate Ordinului n. 111/2008 (ir-Regoli Annessi għad-Digriet Nru 111/2008) jistabbilixxu li l-attività ta’ bejgħ bl-imnut ta’ prodotti tal-ikel ta’ oriġini annimali tista’ tinkludi wkoll attivitajiet ta’ provvista u ta’ bejgħ ta’ tali prodotti lil stabbilimenti oħra ta’ bejgħ bl-imnut fit-territorju kollu tar-Rumanija mingħajr l-obbligu li tinkiseb awtorizzazzjoni sanitarja veterinarja, id-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari r-Regolament Nru 853/2004 jipprekludi tali dispożizzjoni u/jew tali prassi amministrattiva?

5)      Il-prinċipju ta’ ekwivalenza jeżiġi li, meta digriet ta’ awtorità amministrattiva jista’ jiġi annullat għal nuqqas ta’ konformità ma’ liġi nazzjonali, dan l-att amministrattiv jista’ jiġi annullat ukoll għal nuqqas ta’ konformità ma’ regolament tal-Unjoni rilevanti bħar-Regolament Nru 853/2004?”

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lammissibbiltà

21      Il-Gvern Rumen isostni li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tesponix il-kuntest fattwali tal-kawża prinċipali, u dan minkejja li huwa essenzjali sabiex jiġu kklassifikati l-fatti, sabiex jiġu ddeterminati d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali applikabbli u sabiex jiġu identifikati r-regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tagħhom hija utli għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

22      B’mod partikolari, l-assenza ta’ deskrizzjoni tal-kuntest fattwali ma tippermettix li jkun magħruf it-tip ta’ attivitajiet imwettqa minn Remia u lanqas li wieħed jifhem jekk din tistax tibbenefika mill-proċedura ta’ approvazzjoni tal-attivitajiet tagħha jew jekk dawn l-attivitajiet jaqgħux taħt ir-Regolament Nru 853/2004. Madankollu, dan il-gvern jindika li, skont informazzjoni li għandha l-ANSVSA, iżda li ma tinsabx fid-deċiżjoni tar-rinviju, Remia għandha bħala attività prinċipali l-kummerċ bl-ingrossa ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali u l-kiri ta’ faċilitajiet għall-ħażna.

23      Għaldaqstant, fid-deċiżjoni tar-rinviju, l-qorti tar-rinviju ma ġġustifikatx, minn naħa, ir-raġunijiet li għalihom hija rreferiet għad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni invokati fid-domandi preliminari u, min-naħa l-oħra, ir-rabta bejn is-suġġett tal-kawża prinċipali u dawn id-domandi. Konsegwentement, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli fl-intier tagħha.

24      Mingħajr ma teċċepixxi tali inammissibbiltà, il-Kummissjoni Ewropea tenfasizza madankollu l-eżistenza ta’ lakuni fid-deċiżjoni tar-rinviju fir-rigward tal-ewwel u tal-ħames domanda.

25      Għal dak li jirrigwarda l-ewwel domanda, din l-istituzzjoni ssostni li l-qari tad-deċiżjoni tar-rinviju ma jippermettix li tiġi identifikata b’mod ċar in-natura tal-attivitajiet ta’ Remia. Madankollu, hija tqis li minn din id-deċiżjoni jirriżulta li din il-kumpannija teżerċita attivitajiet ta’ bejgħ bl-imnut fi ħdan stabbilimenti oħra ta’ bejgħ bl-imnut.

26      Għal dak li jirrigwarda l-ħames domanda, li tikkonċerna l-prinċipju ta’ ekwivalenza, il-Kummissjoni tirrileva li d-deċiżjoni tar-rinviju ma ssemmix id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jipprovdu li deċiżjoni mogħtija minn awtorità amministrattiva tista’ tiġi annullata minħabba nuqqas ta’ osservanza ta’ liġi nazzjonali, u lanqas kwalunkwe miżura li l-qrati nazzjonali jistgħu jieħdu fil-każ ta’ konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ konformità ta’ att amministrattiv nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni.

27      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali li bis-saħħa tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li dawn jeħtieġu sabiex isolvu t-tilwima li dwarha jkunu mitluba jiddeċiedu (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

28      Skont ġurisprudenza wkoll stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, in-neċessità li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li din tosserva bir-reqqa r-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari u li jissemmew b’mod espliċitu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2023, Commune d’Ans, C‑148/22, EU:C:2023:924, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, dawn ir-rekwiżiti huma mfakkra fil-punti 13, 15 u 16 tar-Rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea lill-qrati nazzjonali, dwar l-introduzzjoni ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari (ĠU 2019, C 380, p. 1).

29      Għaldaqstant, qabel kollox, konformement mal-Artikolu 94(a) tar-Regoli tal-Proċedura, huwa indispensabbli li l-qorti tar-rinviju tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula minnha jew li, mill-inqas, tispjega l-ipoteżijiet fattwali li fuqhom ikunu bbażati dawn id-domandi. Fil-fatt, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha biss is-setgħa li tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni ta’ test tal-Unjoni abbażi tal-fatti indikati lilha mill-qorti nazzjonali (sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2023, Commune d’Ans, C‑148/22, EU:C:2023:924, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Sussegwentement, l-Artikolu 94(b) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jistipula li t-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tinkludi l-kontenut tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistgħu jkunu applikabbli għall-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali u, fejn xieraq, il-ġurisprudenza nazzjonali rilevanti.

31      Fl-aħħar nett, hekk kif jistabbilixxi l-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura, huwa indispensabbli li d-deċiżjoni tar-rinviju stess tkun tinkludi l-espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2023, Commune d’Ans, C‑148/22, EU:C:2023:924, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Fil-każ ineżami, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni tar-rinviju tipprovdi biss espożizzjoni sommarja ħafna tas-suġġett tal-kawża prinċipali, mingħajr ma tippreżenta l-kuntest fattwali ta’ din it-tilwima. Barra minn hekk, din id-deċiżjoni tiġġustifika biss b’mod sommarju wkoll ir-raġunijiet li għalihom il-qorti tar-rinviju qieset li kien neċessarju li tressaq rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

33      B’mod iktar speċifiku, l-ewwel domanda hija intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk imħażen tal-friża li jbigħu bl-imnut lil stabbilimenti oħra tal-bejgħ bl-imnut għandhomx ikunu approvati skont ir-Regolament Nru 853/2004 meta din l-attività ma taqax taħt l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 1(5)(b) ta’ dan ir-regolament.

34      Issa, fl-assenza ta’ preċiżazzjonijiet dwar il-kuntest fattwali tal-kawża prinċipali, b’mod partikolari dwar liema hija n-natura tal-attivitajiet ta’ Remia, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex f’pożizzjoni li tifhem jekk, permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsix dwar is-sitwazzjoni tal-istabbilimenti l-oħra li jinsabu fil-Kontea ta’ Dolj li, skont Remia, għandhom ikunu suġġetti għall-obbligu li jiksbu approvazzjoni jew dwar is-sitwazzjoni ta’ din il-kumpannija. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, filwaqt li l-Gvern Rumen isostni li Remia għandha bħala attività prinċipali l-kummerċ bl-ingrossa, il-Kummissjoni tqis li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din il-kumpannija teżerċita attivitajiet ta’ bejgħ bl-imnut, filwaqt li tirrikonoxxi, madankollu, li din id-deċiżjoni ma tippermettix li tiġi identifikata b’mod ċar in-natura tal-attivitajiet tal-imsemmija kumpannija.

35      Bl-istess mod, ir-riferiment għal “imħażen tal-friża” f’din l-ewwel domanda, espressjoni li bl-ebda mod ma tissemma mkien ieħor fid-deċiżjoni tar-rinviju, ma huwiex biżżejjed, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe spjegazzjoni dwar l-effett tagħha għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tqis li hija f’pożizzjoni li tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju.

36      Minn dan isegwi li l-ewwel domanda hija inammissibbli.

37      Barra minn hekk, permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob jekk il-prinċipju ta’ ekwivalenza jeżiġix li, meta digriet ta’ awtorità amministrattiva jkun jista’ jiġi annullat għal nuqqas ta’ konformità ma’ liġi nazzjonali, dan l-att amministrattiv jista’ jiġi annullat ukoll għal nuqqas ta’ konformità ma’ regolament tal-Unjoni, bħar-Regolament Nru 853/2004.

38      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ekwivalenza jipprojbixxi lil Stat Membru milli jipprevedi regoli dettaljati proċedurali inqas favorevoli għat-talbiet intiżi għall-protezzjoni tad-drittijiet li l-individwi jgawdu bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni minn dawk applikabbli għar-rimedji simili ta’ natura interna (sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2018, XC et, C‑234/17, EU:C:2018:853, punt 25 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

39      Minn dan isegwi li, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju, din tal-aħħar għandha tipprovdi, tal-inqas, minimu ta’ indikazzjonijiet dwar ir-regoli ddettaljati proċedurali previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali kif ukoll dwar ir-raġunijiet li għalihom hija għandha dubji dwar l-osservanza, minn din il-leġiżlazzjoni, tal-prinċipju ta’ ekwivalenza. Issa, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludi ebda indikazzjoni dwar il-kontenut tad-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti u lanqas dwar ir-raġunijiet li għalihom din il-qorti tistaqsi, fil-każ ineżami, dwar l-interpretazzjoni ta’ dan il-prinċipju, bi ksur tar-rekwiżiti li jinsabu fl-Artikolu 94(b) u (c) tar-Regoli tal-Proċedura.

40      Għaldaqstant, il-ħames domanda hija wkoll inammissibbli.

41      Madankollu, għandu jitfakkar li, minħabba l-ispirtu ta’ kooperazzjoni li jeżisti fir-relazzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari, l-assenza ta’ ċerti konstatazzjonijiet magħmula minn qabel mill-qorti tar-rinviju ma twassalx neċessarjament għall-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari jew ta’ waħda mid-domandi inklużi f’din it-talba jekk il-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tal-elementi li jirriżultaw mill-proċess fil-pussess tagħha, tqis li tkun f’pożizzjoni li tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Admiral Gaming Network et, C‑475/20 sa C‑482/20, EU:C:2022:714, punt 29 kif ukoll tal-ġurisprudenza ċċitata).

42      Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari r-rekwiżiti relatati ma’ talba għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 94(a) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huwa biżżejjed li s-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali kif ukoll il-konsegwenzi prinċipali għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jirriżultaw mit-talba għal deċiżjoni preliminari sabiex l-Istati Membri u persuni oħra ikkonċernati jkunu jistgħu jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod effettiv fil-proċedura quddiem din tal-aħħar (sentenza tas‑7 ta’ Frar 2018, American Express, C‑643/16, EU:C:2018:67, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      F’dan ir-rigward, għal dak li jikkonċerna t-tieni sar-raba’ domanda, mill-espożizzjoni tas-suġġett tal-kawża prinċipali kif ukoll mir-raġunament tad-deċiżjoni tar-rinviju, għalkemm fil-qosor iżda b’mod suffiċjentement ċar, jirriżulta li l-qorti tar-rinviju, adita b’talba għall-annullament parzjali tad-Digriet Nru 111/2008, għandha essenzjalment dubji dwar il-kompatibbiltà tal-kunċett ta’ “provvista lokalizzata”, fis-sens ta’ dan id-digriet, mal-kunċett ta’ “attività [...] lokalizzata”, fis-sens tar-Regolament Nru 853/2004.

44      Għalhekk, id-deċiżjoni tar-rinviju tesponi, b’mod suffiċjenti fil-liġi, l-oriġini u n-natura tat-tilwima fil-kawża prinċipali, li hija tqis li r-riżultat tagħha jiddependi mill-interpretazzjoni ta’ dan ir-regolament. Minn dan isegwi li l-qorti tar-rinviju pprovdiet biżżejjed indikazzjonijiet sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi b’mod utli għat-tieni sar-raba’ domanda.

 Fuq ilmertu

45      Permezz tat-tieni sar-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(5)(b)(ii) tar-Regolament Nru 853/2004, moqri fid-dawl tal-premessa 13 tiegħu, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li titbiegħed mid-definizzjoni ta’ “attività [...] lokalizzata”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, u tillimita għalhekk il-portata ta’ dan ir-regolament.

46      F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li mill-Artikolu 1(5)(a) tar-Regolament Nru 853/2004 jirriżulta li l-kummerċ bl-imnut huwa, bħala prinċipju, eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

47      Madankollu, konformement mal-inċiż inizjali tal-Artikolu 1(5)(b) tal-imsemmi regolament, il-kummerċ bl-imnut huwa inkluż f’dan il-kamp ta’ applikazzjoni fil-każ ta’ operazzjonijiet imwettqa sabiex prodotti tal-ikel li joriġina mill-annimali jiġu pprovduti lil stabbiliment ieħor.

48      Issa, f’dan l-aħħar każ, il-kummerċ bl-imnut huwa madankollu eskluż mill-imsemmi kamp ta’ applikazzjoni fiż-żewġ każijiet li jinsabu fil-punti (i) u (ii) ta’ din id-dispożizzjoni.

49      Huwa għalhekk li, skont l-Artikolu 1(5)(b)(ii) tar-Regolament Nru 853/2004, dan ir-regolament ma japplikax għall-kummerċ bl-imnut meta l-provvista ta’ prodotti tal-ikel li joriġina mill-annimali sseħħ bejn stabbilimenti ta’ bejgħ bl-imnut u jekk, konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali, hija tikkostitwixxi attività marġinali, lokalizzata u ristretta.

50      Min-naħa l-oħra, mill-premessa 13 tar-Regolament Nru 853/2004 jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-applikazzjoni tar-rekwiżiti previsti minn dan ir-regolament għall-attivitajiet bl-imnut biss, b’mod partikolari, meta l-provvista ta’ prodotti tal-ikel li joriġina mill-annimali ta’ stabbiliment ieħor minn stabbiliment ta’ bejgħ bl-imnut tikkostitwixxi attività marġinali, lokalizzata u ristretta. Dan il-bejgħ ikun għalhekk parti żgħira biss minn negozju ta’ dak l-istabbiliment; l-istabbiliment li ssirilhom il-kunsinna ikunu fil-qrib sewwa; u l-provvista għandha tirrigwarda biss ċerti tipi ta’ prodotti jew ta’ stabbilimenti.

51      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li l-preambolu ta’ att tal-Unjoni jista’ jippreċiża l-kontenut tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-att u li l-premessi ta’ tali att jikkostitwixxu elementi importanti ta’ interpretazzjoni, li huma ta’ natura li jiċċaraw ir-rieda tal-awtur tal-imsemmi att (sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, Il‑Kummissjoni vs CK Telecoms UK Investments, C‑376/20 P, EU:C:2023:561, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li, għalkemm, minħabba n-natura tagħhom stess u l-funzjoni tagħhom fl-iskema ta’ sorsi tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet tar-regolamenti għandhom, bħala regola ġenerali, effett immedjat fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, mingħajr ma jkun neċessarju li l-awtoritajiet nazzjonali jieħdu miżuri ta’ applikazzjoni, uħud mid-dispożizzjonijiet tagħhom jistgħu jeħtieġu, madankollu, għall-implimentazzjoni tagħhom, l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ applikazzjoni mill-Istati Membri. Għaldaqstant, l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri ta’ applikazzjoni ta’ regolament jekk ma jostakolawx l-applikabbiltà diretta tiegħu, jekk ma jaħbux in-natura tiegħu ta’ att ta’ dritt tal-Unjoni u jekk jispeċifikaw l-eżerċizzju ta’ marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija lilhom minn dan ir-regolament filwaqt li jibqgħu fil-parametri tad-dispożizzjonijiet tiegħu (sentenza tat‑12 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka, C‑541/16, EU:C:2018:251, punti 27 u 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

53      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li l-applikabbiltà diretta tar-regolamenti teskludi, ħlief fil-każ ta’ dispożizzjoni kuntrarja, li l-Istati Membri jadottaw dispożizzjonijiet interni li jaffettwaw il-portata tar-regolament innifsu (sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2012, Al-Aqsa vs Il‑Kunsill u Il‑Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711, punt 86 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, l-Istati Membri ma jistgħux, ħlief fil-każ ta’ dispożizzjoni kuntrarja, jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ regolament u, b’dan il-mod, jillimitaw il-portata tal-obbligi previsti minnu.

54      Fil-każ ineżami, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 1(5)(b)(ii) tar-Regolament Nru 853/2004 jirreferi espressament għal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “attività marġinali, lokalizzata u ristretta”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Madankollu, il-marġni ta’ diskrezzjoni hekk irrikonoxxut lill-Istati Membri huwa rregolat fil-premessa 13 ta’ dan ir-regolament, li tagħmel preċiżazzjonijiet dwar il-portata ta’ dan il-kunċett.

55      Minn dan isegwi li, sabiex jibqgħu fil-limiti tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 853/2004, l-Istati Membri huma obbligati josservaw id-definizzjoni ta’ “attività marġinali, lokalizzata u ristretta” li tinsab f’din il-premessa 13 meta jipprevedu, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 1(5)(b)(ii) ta’ dan ir-regolament.

56      Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li, kuntrarjament għall-ewwel parti tat-tieni sentenza tal-imsemmija premessa 13, li tipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-applikazzjoni tar-rekwiżiti previsti mill-imsemmi regolament għall-attivitajiet bl-imnut “meta jqisu li l-ħtiġiet tar-Regolament (KE) Nru 852/2004 huma biżżejjed biex jintlaħqu l-miri ta’ l-iġjene fl-ikel”, it-tieni parti ta’ din is-sentenza u t-tielet sentenza tal-istess premessa 13, li jirrigwardaw il-kunċett ta’ “attività marġinali, lokalizzata u ristretta”, huma fformulati b’mod imperattiv, b’tali mod li l-Istati Membri ma jistgħux jidderogaw minnhom.

57      Fir-rigward tal-kunċett ta’ “attività […] lokalizzata”, mill-premessa 13 tar-Regolament Nru 853/2004 jirriżulta li din għandha tkun il-provvista, minn stabbiliment ta’ bejgħ bl-imnut, lil stabbiliment ieħor li jinsab “fil-qrib sewwa”.

58      Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kunċett ta’ “provvista lokalizzata”, fis-sens tal-Artikolu 17(e) tar-Regoli Sanitarji Veterinarji, huwa ddefinit bħala l-provvista “fit-territorju nazzjonali kollu”, li jmur manifestament lil hinn minn provvista fil-qrib sewwa. Fil-fatt, il-kunċett ta’ “territorju nazzjonali” huwa ħafna iktar wiesa’ minn dak ta’ “qrib sewwa”, iktar u iktar fir-rigward ta’ Stat Membru, bħar-Rumanija, li t-territorju nazzjonali tiegħu huwa ta’ daqs kunsiderevoli.

59      B’dan il-mod, tali leġiżlazzjoni nazzjonali għandha l-effett li teskludi, fil-prattika, mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 853/2004 attivitajiet ta’ bejgħ bl-imnut li ma jikkostitwixxux attivitajiet lokalizzati, fis-sens ta’ dan ir-regolament, billi b’hekk tnaqqas il-portata tiegħu u tal-obbligu ta’ approvazzjoni previst fl-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament.

60      Issa, kif jirriżulta mill-premessi 3 u 4 tar-Regolament Nru 853/2004, il-proċeduri ta’ approvazzjoni huma intiżi li jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika. B’mod iktar ġenerali, bl-adozzjoni ta’ dan ir-regolament, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jiżgura espressament, skont l-intenzjoni msemmija fil-premessa 2 tiegħu, li l-prodotti kollha tal-ikel li joriġina mill-annimali, ikunu prodotti u kkummerċjalizzati skont regoli stretti li jippermettu li tiġi żgurata l-osservanza tal-iġjene u s-sigurtà tal-ikel, sabiex b’hekk jiġu evitati danni għas-saħħa tal-bniedem. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Mejju 2018, Liga van Moskeeën en Islamitische Organisaties Provincie Antwerpen et, C‑426/16, EU:C:2018:335, punt 67).

61      Dawn l-għanijiet jikkorroboraw l-interpretazzjoni li l-Istati Membri ma jistgħux jadottaw dispożizzjonijiet li jillimitaw il-portata tar-Regolament Nru 853/2004.

62      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għat-tieni sar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(5)(b)(ii) tar-Regolament Nru 853/2004, moqri fid-dawl tal-premessa 13 tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li, peress li dawn id-dispożizzjonijiet jiddefinixxu l-kunċett ta’ “attività [...] lokalizzata” bħala l-provvista lil stabbilimenti li jinsabu “fil-qrib sewwa”, huwa jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tinkludi f’dan il-kunċett provvisti li jmorru lil hinn minn tali provvista, bħal provvisti lil stabbilimenti li jinsabu fit-territorju nazzjonali kollu, u tillimita b’hekk il-portata ta’ dan ir-regolament.

 Fuq lispejjeż

63      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 1(5)(b)(ii) tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad29 ta’ April 2004 li jistabbilixi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali, moqri fid-dawl tal-premessa 13 tiegħu,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

peress li dawn id-dispożizzjonijiet jiddefinixxu l-kunċett ta’ “attività [...] lokalizzata” bħala l-provvista lil stabbilimenti li jinsabu “fil-qrib sewwa”, huwa jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tinkludi f’dan il-kunċett provvisti li jmorru lil hinn minn tali provvista, bħal provvisti lil stabbilimenti li jinsabu fit-territorju nazzjonali kollu, u tillimita b’hekk il-portata ta’ dan ir-regolament.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.