Language of document : ECLI:EU:C:2024:257

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

21 ta’ Marzu 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fil-qasam tas-saħħa – Saħħa tal-annimali – Verifiki veterinarji – Prodotti li joriġinaw mill-annimali importati miċ-Ċina – Projbizzjoni ta’ importazzjoni – Deċiżjoni 2002/994/KE – Eżenzjoni għal ċerti prodotti – Parti I tal-Anness – Prodotti tas-sajd – Kunċett – Żejt tal-ħuta – Prodotti maħsuba għall-għalf tal-annimali – Validità”

Fil-Kawża C‑7/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Diċembru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Jannar 2023, fil-proċedura

Marvesa Rotterdam NV

vs

Federaal Agentschap voor de veiligheid van de voedselketen (FAVV),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn N. Wahl (Relatur), li qiegħed jaġixxi bħala President tas-Seba’ Awla, J. Passer u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Marvesa Rotterdam NV, minn S. Feyen, advocaat, C. Louski, avocate, u J. Mosselmans, advocaat,

–        għall-Federaal Agentschap voor de veiligheid van de voedselketen (FAVV), minn R. Depla, advocaat,

–        għall-Gvern Belġjan, minn S. Baeyens, P. Cottin u C. Pochet, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Hofstötter u M. ter Haar, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni u l-validità tal-Parti I tal-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/994/KE tal‑20 ta’ Diċembru 2002 dwar xi miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali impurtati miċ-Ċina (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 37, p. 534), kif emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1068 tal‑1 ta’ Lulju 2015 (ĠU 2015, L 174, p. 30) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni 2002/994”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Marvesa Rotterdam NV (iktar ’il quddiem “Marvesa”) u l-Federaal Agentschap voor de veiligheid van de Voedselketen (FAVV) (l-Aġenzija Federali għas-Sigurtà tal-Katina Alimentari (AFSCA), il-Belġju) dwar il-legalità ta’ żewġ deċiżjonijiet tagħha li jirrifjutaw l-importazzjoni taż-żejt tal-ħuta li joriġina miċ-Ċina u maħsub għall-għalf tal-annimali.

 Ilkuntest ġuridiku

 IdDirettiva 97/78/KE

3        L-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat‑18 ta’ Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 22, p. 247, rettifika fil-ĠU 2015, L 182, p. 92), kif emendata bl-Artikolu 58 tar-rettifika tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi ta’ l-għalf u l-ikel, mas-saħħa ta’ l-annimali u mar-regoli dwar il-welfare ta’ l-annimali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 45, p. 200, rettifika fil-ĠU 2015, L 187, p. 91) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 97/78”), kien jiddefinixxi l-kunċett ta’ “prodotti” kif ġej:

“Barra minhekk:

(a)      ‘prodotti’ tfisser il-prodotti ta’ oriġini mill-annimali msemmija fid-[Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal‑11 ta’ Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 9, p. 214)] u [fid-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas‑26 ta’ Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar, veterinarju u zootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Kommunitarju ta’ ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 10, p. 138)], fir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ Ottubru 2002 li jippreskrivi r-regoli tas-saħħa li jikkonċernaw bi-prodotti mill-annimali mhux maħsuba għall-konsum umann [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol 37, p. 92, rettifika fil-ĠU 2007, L 30, p. 3)], fid-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE tas‑16 ta’ Diċembru 2002 li tippreskrivi r-regoli dwar is-saħħa ta’ l-annimali li jirregolaw il-produzzjoni, proċessar, distribuzzjoni u introduzzjoni ta’ prodotti ta’ oriġini mill-annimali maħsuba għall-konsum uman [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 38, p. 124),] u fir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti ta’ oriġini mill-annimali maħsuba għall-konsum uman [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 45, p. 75)]; din tinkludi wkoll il-prodotti mill-pjanti msemmija fl-Artikolu 19.”

4        L-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 97/78 kien jipprevedi li:

“Jekk, fit-territorju ta’ pajjiż terz, marda li hemm referenza dwarha fid-Direttiva tal-Kunsill 82/894/KEE tal‑21 ta’ Diċembru 1982 dwar in-notifika ta’ mard ta’ l-annimali fil-Komunità [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 5, p. 191)], iż-żoonosi jew mard ieħor jew kwalunkwe fenomenu ieħor jew ċirkostanzi li jistgħu jippreżentaw theddida serja għas-saħħa ta’ l-annimali jew tal-pubbliku, tkun tidher jew inkella tilħaq tinfirex, jew jekk għal xi raġuni serja oħra dwar is-saħħa ta’ l-annimali jew tal-pubbliku tkun titlob hekk, partikolarment fid-dawl tas-sejbien li l-esperti veterinarji jkunu għamlu jew fil-verifiki li jkunu twettqu f’post ta’ l-ispezzjoni tal-fruntieri, il-Kummissjoni [Ewropea] għandha, waqt li taġixxi fuq l-inizjattiva tagħha stess jew fuq talba ta’ Stat Membru, tadotta waħda mill-miżuri segwenti mingħajr dewmien, jiddependi mill-gravità tas-sitwazzjoni:

–        tissospendi l-importazzjoni mill-pajjiż terz ikkonċernat kollu jew minn parti minnu, u meta jkun meħtieġ mill-pajjiż terz tat-transitu,

–        tistabbilixxi kondizzjonijiet speċjali dwar il-prodotti li jkunu ġejjin mill-pajjiż terz ikkonċernat kollu jew minn parti minnu,

–        tħejji, fuq il-bażi ta’ sejbiet attwali, il-ħtiġiet għal verifiki xierqa, li jistgħu jinkludu tiftix speċifiku għal riskji tas-saħħa ta’ l-annimali u tal-pubbliku u, jiddependi mir-riżultat ta’ dawk il-verifiki, iżżid il-frekwenza tal-verifiki fiżiċi.”

5        Id-Direttiva 97/78 ġie mħassar u ssostitwit bir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (ĠU 2017, L 95, p. 1, rettifika fil-ĠU 2017, L 137, p. 40).

 IdDeċiżjoni 2002/994

6        Il-premessi 1 u 4 tad-Deċiżjoni 2002/994 jgħidu li:

“(1)      Skond id-Direttiva [97/78] għandhom jiġu adottati l-miżuri neċessarji rigward l-importazzjoni ta’ ċerti prodotti minn pajjiżi terzi fejn xi kawża li tista’ tikkostitwixxi riskju serju għas-saħħa ta’ l-annimali jew tal-bnedmin tkun tidher, jew tkun qiegħda, tinxtered.

[…]

(4)      Wara li ġiet skoperta l-preżenza ta’ kloramfenikol f’ċerti prodotti ta’ l-akwakultura u dawk ta’ l-industrija tas-sajd importati miċ-Ċina, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2001/699/KE, tad-[1]9 ta’ Settembru 2001 dwar ċerti miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward ta’ ċerti prodotti ta’ l-industrija tas-sajd u dawk ta’ l-akwakultura maħsuba għall-konsum uman u li joriġinaw miċ-Ċina u l-Vjetnam [(ĠU 2001, L 251, p. 11)], modifikata bid-[Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/770/KE tat‑2 ta’ Ottubru 2002 li temenda d-Deċiżjoni 2001/699/KE u li tħassar id-Deċiżjoni 2002/250/KE sabiex tħassar il-miżuri protettivi fir-rigward ta’ ċerti prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura importati mill-Vjetnam (ĠU 2002, L 265, p. 16)]. Barra dan, u wara li ġew identifikati n-nuqqasijiet waqt żjara uffiċjali fiċ-Ċina rigward ir-regolamentazzjoni tal-mediċina veterinarja u s-sistema ta’ kontroll tar-residwi f’annimali ħajjin u prodotti ta’ l-annimali, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2002/69/KE tat‑30 ta’ Jannar 2002 dwar ċerti miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali importati miċ-Ċina [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 7, p. 258)], kif emendata l-aħħar bid-[Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/933/KE tat‑28 ta’ Novembru 2002 li temenda d-Deċiżjoni 2002/69/KE dwar ċerti miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali importati miċ-Ċina (ĠU 2002, L 324, p. 71)].”

7        L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2002/994 huwa fformulat kif ġej:

“Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għall-prodotti kollha li joriġinaw mill-annimali importati miċ-Ċina u li huma maħsuba għall-konsum uman jew biex jiġu mitmugħa l-annimali.”

8        L-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni jistabbilixxi li:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu l-importazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1.

2.      B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjoni tal-prodotti elenkati fl-Anness għal din id-Deċiżjoni skond il-kondizzjonijiet speċifiċi tas-saħħa pubblika u dik ta’ l-annimali applikabbli għall-prodotti kkonċernati, u skond l-Artikolu 3 fil-każ ta’ prodotti elenkati fil-Parti II ta’ l-Anness.”

9        Skont il-Parti I tal-Anness tal-imsemmija deċiżjoni:

“Lista ta’ prodotti mill-annimali maħsuba għall-konsum mill-bniedem jew għall-użu bħala għalf għall-annimali li l-importazzjoni tagħhom fl-Unjoni [Ewropea] hija awtorizzata mingħajr l-attestazzjoni stipulata mill-Artikolu 3:

–        prodotti tas-sajd, ħlief:

–        dawk miksuba permezz tal-akkwakultura,

–        gambli mqaxxrin u/jew ipproċessati,

–        crayfish tal-ispeċi Procambrus clarkii maqbuda f’ilma ħelu naturali permezz ta’ operazzjonijiet tas-sajd;

–        ġelatina;

–        ikel tal-annimali domestiċi kif irregolat skont ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tal‑21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali) (ĠU 2009, L 300, p. 1, rettifika fil-ĠU 2023, L 92, p. 32)],

–        sustanzi maħsuba biex jintużaw bħala addittivi tal-ikel kif irregolati skont ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi ta’ l-ikel (ĠU 2008, L 354, p. 16)];

[…]”

 IrRegolament (KE) Nru 853/2004

10      L-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 li jistabbilixi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 45, p. 14, rettifika fil-ĠU 2019, L 282, p. 35), jistabbilixxi li:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament dawn id-definizzjonijiet għandhom japplikaw:

1.      id-definizzjonijiet li jidhru fir-[Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat‑28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 463, rettifika fil-ĠU 2014, L 327, p. 9 u fil-ĠU 2016, L 227, p. 5)];

[…]”

11      Il-punt 3.1 tal-Anness I tar-Regolament Nru 853/2004 jipprevedi li:

“‘Prodotti tas-sajd’ tfisser kull annimal ta’ l-ilma baħar jew ta’ l-ilma ħelu (ħlief għall-molluski bivalvi ħajjin, ekinodermi ħajjin, tunikati ħajjin u gastropodi marini ħajjin, u l-mammali, ir-rettili u ż-żrinġijiet kollha) kemm slavaġ kif ukoll imrobbija u inklużi kull forom, partijiet u prodotti ta’ dawn l-annimali li jittieklu”.

 IrRegolament (KE) Nru 854/2004

12      L-Artikolu 2(2)(d) tar-Regolament Nru 854/2004 jgħid li:

“It-tifsiriet preskritti fir-Regolamenti li ġejjin għandhom ukoll japplikaw kif xieraq:

[…]

(d)      Ir-Regolament [Nru 853/2004].”

13      Ir-Regolament Nru 854/2009 ġie mħassar u ssostitwit bir-Regolament 2017/625.

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

14      Marvesa, kumpannija stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi, timporta, fil-kuntest tal-attività tagħha ta’ bejgħ bl-ingrossa u ta’ distribuzzjoni ta’ żejt tal-ħuta maħsub għall-għalf tal-annimali, żejt tal-ħuta li joriġina miċ-Ċina.

15      Fil‑5 u fil‑25 ta’ Jannar 2018, l-awtoritajiet Ċiniżi responsabbli mill-fruntieri ħarġu ċertifikati tas-saħħa għat-trasport lejn il-Belġju tal-ewwel lott ta’ 258 470 kilogramma (kg) u tat-tieni lot ta’ 261 674 kg ta’ żejt tal-ħuta maħsub għall-għalf tal-annimali li joriġina miċ-Ċina.

16      Fit‑23 ta’ Frar 2018, il-post ta’ spezzjoni fil-fruntiera Belġjan kompetenti rrifjuta l-importazzjoni fl-Unjoni ta’ kontenituri li jittrasportaw l-imsemmija lottijiet ta’ żejt tal-ħuta.

17      Wara skambji bejn l-AFSCA u Marvesa dwar l-imsemmi rifjut ta’ importazzjoni u wara s-smigħ ta’ din tal-aħħar, l-AFSCA kkonfermat, permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet definittivi tal‑20 u tal‑24 ta’ April 2018, ir-rifjut ta’ importazzjoni fil-Belġju tal-imsemmija lottijiet ta’ żejt tal-ħuta.

18      L-AFSCA indikat, f’dawn iż-żewġ deċiżjonijiet, li ż-żejt tal-ħuta inkwistjoni kien “prodott ipprojbit”, bl-indikazzjoni “mhux awtorizzat li jidħol miċ-Ċina (miżuri ta’ salvagwardja 2002/994/KE)”.

19      Marvesa qiegħda tikkontesta l-imsemmija deċiżjonijiet quddiem ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju), li huwa l-qorti tar-rinviju. Hija ssostni li dawn jiksru l-Artikoli 1 u 2 tad-Deċiżjoni 2002/994, billi ssostni f’dan ir-rigward li ż-żejt tal-ħuta maħsub għall-għalf tal-annimali jissodisfa d-definizzjoni ta’ “prodotti tas-sajd”, fis-sens tal-Parti I tal-Anness ta’ din l-aħħar deċiżjoni, b’tali mod li l-importazzjoni ta’ dan il-prodott hija awtorizzata, konformement mal-Artikolu 2(2) tal-imsemmija deċiżjoni.

20      Skont Marvesa, il-kunċett ta’ “prodotti tas-sajd” jinkludi kemm il-prodotti tas-sajd maħsuba għall-konsum mill-bniedem kif ukoll dawk maħsuba għall-għalf tal-annimali. Konsegwentement, dan il-kunċett jinkludi ż-żejt tal-ħuta maħsub għall-għalf tal-annimali. Marvesa tibbaża ruħha f’dan ir-rigward fuq id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti tas-sajd” li tinsab f’atti oħra tad-dritt tal-Unjoni li hija tqis rilevanti, fuq il-formulazzjoni tal-Anness tad-Deċiżjoni 2002/994 kif ukoll fuq il-kuntest u l-għan ta’ din id-deċiżjoni. Hija tosserva wkoll li l-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett li tgħid li jinkludi biss prodotti maħsuba għall-konsum mill-bniedem tagħti lok għal sitwazzjoni “mingħajr preċedent”, li fiha ż-żejt tal-ħuta maħsub għall-għalf tal-annimali ikun suġġett għal sistema iktar stretta miż-żejt tal-ħuta maħsub għall-konsum mill-bniedem.

21      L-AFSCA, min-naħa tagħha, issostni li l-kunċett ta’ “prodotti tas-sajd”, fis-sens tal-Parti I tal-Anness tad-Deċiżjoni 2002/994, ikopri biss prodotti tas-sajd maħsuba għall-konsum mill-bniedem. Hija tindika, fost argumenti oħra, li d-dritt tal-Unjoni jagħmel distinzjoni bejn prodotti maħsuba għall-konsum mill-bniedem u prodotti maħsuba għall-għalf tal-annimali. Hija tfakkar ukoll l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fil-minuti tal-laqgħa tad‑9 ta’ April 2018 tal-“Expert Group on veterinary import controls” (grupp ta’ esperti fil-qasam tal-verifiki tal-importazzjonijiet fil-qasam veterinarju), li tgħid li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni attwalment applikabbli ma tawtorizzax l-importazzjoni ta’ żejt tal-ħuta ta’ oriġini Ċiniża maħsub għall-għalf tal-annimali.

22      Il-qorti tar-rinviju tqis li l-legalità taż-żewġ deċiżjonijiet inkwistjoni tiddependi mill-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti tas-sajd”, li jinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni 2002/994, u li l-interpretazzjoni tal-AFSCA tista’ twassal għal trattament differenti ta’ importazzjonijiet ta’ żejt tal-ħuta skont jekk dan ikunx maħsub għall-konsum mill-bniedem jew jekk ikunx maħsub għall-konsum mill-annimali.

23      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li r-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-Parti I tal-Anness tad-[Deċiżjoni 2002/994] għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kunċett ta’ ‘prodotti tas-sajd’ ikopri kemm prodotti maħsuba għall-konsum mill-bniedem kif ukoll dawk maħsuba għall-għalf tal-annimali u, għaldaqstant, li ż-żejt tal-ħut maħsub għall-għalf tal-annimali jista’ jiġi kklassifikat bħala ‘prodott tas-sajd’ fis-sens ta’ dan l-anness?

2)      Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv, il-Parti I tal-Anness tad-[Deċiżjoni 2002/994] tikser l-Artikolu 22(1) tad-[Direttiva 97/78], ikkunsidrat, jekk ikun il-każ, flimkien mal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 2 [anness mat-Trattat FUE] dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità, sa fejn il-prodotti tas-sajd iddestinati għall-konsum mill-bniedem li joriġinaw fiċ-Ċina jibbenefikaw minn eżenzjoni mill-projbizzjoni tal-importazzjoni taħt l-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni, għall-kuntrarju tal-prodotti tas-sajd maħsuba għall-għalf tal-annimali li joriġinaw fiċ-Ċina, li huma suġġetti għal dik il-projbizzjoni tal-importazzjoni?”

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel domanda

24      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-Parti I tal-Anness tad-Deċiżjoni 2002/994 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-kunċett ta’ “prodotti tas-sajd” jinkludi l-prodotti maħsuba għall-konsum mill-bniedem kif ukoll il-prodotti maħsuba għall-għalf tal-annimali u, konsegwentement, jekk iż-żejt tal-ħuta maħsub għall-għalf tal-annimali huwiex “prodott tas-sajd”, fis-sens ta’ dan l-anness.

25      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, billi tibbaża ruħha fuq raġuni serja ta’ saħħa tal-annimali jew ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, il-Kummissjoni setgħet, skont l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 97/78, tadotta miżuri li jikkonċernaw l-importazzjonijiet li joriġinaw minn Stat terz bħas-sospensjoni tal-importazzjonijiet, l-iffissar ta’ kundizzjonijiet partikolari, l-impożizzjoni ta’ verifiki adattati jew iż-żieda fil-frekwenza tal-verifiki fiżiċi.

26      Mill-premessa 4 tad-Deċiżjoni 2002/994 jirriżulta li miżuri ta’ din in-natura ġew adottati wara li l-preżenza ta’ kloramfenikol kienet ġiet identifikata fi prodotti tal-akkwakultura u tas-sajd importati miċ-Ċina u wara li żjara ta’ spezzjoni f’dan il-pajjiż kienet żvelat lakuni għal dak li jirrigwarda r-regolamenti tal-mediċina veterinarja u s-sistema ta’ kontroll tar-residwi f’annimali ħajjin u f’prodotti tal-annimali. Għalhekk, permezz tad-Deċiżjoni 2001/699 u tad-Deċiżjoni 2002/69, il-Kummissjoni l-ewwel nett ipprojbixxiet l-importazzjoni ta’ gambli li jintbagħtu jew li joriġinaw miċ-Ċina u mill-Vjetnam u sussegwentement l-importazzjoni tal-prodotti kollha li joriġinaw mill-annimali importati miċ-Ċina u maħsuba għall-konsum mill-bniedem jew għall-għalf tal-annimali, bl-eċċezzjoni ta’ ċerti prodotti li joriġinaw mill-annimali identifikati b’mod ċar, bħall-prodotti tas-sajd li jinqabdu, jiġu ffriżati u jiġu ppakkjati fl-ippakkjar finali tagħhom fuq il-baħar u jitniżżlu l-art direttament fit-territorju tal-Unjoni.

27      Wara l-eżami mill-ġdid ta’ dawn il-miżuri u fid-dawl tar-riżultati pożittivi tal-verifiki mwettqa mill-Istati Membri u tal-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Ċiniżi, il-Kummissjoni, peress li qieset li kien hemm lok li jiġu aġġornati u kkonsolidati d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2002/69 u li jitħassru d-Deċiżjonijiet 2001/699 u 2002/69, adottat id-Deċiżjoni 2002/994.

28      Skont l-Artikolu 1 u l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 2002/994, l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu l-importazzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali importati miċ-Ċina u maħsuba għall-konsum mill-bniedem jew għall-għalf tal-annimali. Madankollu, skont l-Artikolu 2(2) ta’ din id-deċiżjoni, l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw, b’deroga mill-projbizzjoni stabbilita f’dan l-Artikolu 2(1), l-importazzjoni tal-prodotti elenkati fl-Anness tal-imsemmija deċiżjoni.

29      Għalkemm il-prodotti tas-sajd jinsabu fost il-prodotti li joriġinaw mill-annimali elenkati f’dan l-istess anness, id-Deċiżjoni 2002/994 u, b’mod partikolari, il-Parti I tal-imsemmi anness madankollu ma jiddefinixxux il-kunċett ta’ “prodotti tas-sajd” u lanqas ma jippreċiżaw jekk dan il-kunċett jinkludix kemm il-prodotti maħsuba għall-konsum mill-bniedem kif ukoll dawk maħsuba għall-għalf tal-annimali.

30      Konsegwentement, sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata tal-Parti I tal-Anness tad-Deċiżjoni 2002/994 u tal-kunċett ta’ “prodotti tas-sajd” li jinsab f’dan l-anness, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, mhux biss il-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2022, Orthomol, C‑418/21, EU:C:2022:831, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Fl-ewwel lok, huwa minnu li, konformement mal-formulazzjoni tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2002/994 u tal-Parti I tal-Anness ta’ din id-deċiżjoni, kemm l-imsemmija deċiżjoni kif ukoll dan l-anness japplikaw għall-prodotti kollha li joriġinaw mill-annimali importati miċ-Ċina u maħsuba għall-konsum mill-bniedem jew għall-għalf tal-annimali.

32      Madankollu, tali ċirkustanza ma tfissirx li l-prodotti kollha identifikati u elenkati fl-imsemmi anness huma neċessarjament maħsuba għall-konsum mill-bniedem u għall-għalf tal-annimali.

33      Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2002/994 u l-Parti I tal-Anness ta’ din id-deċiżjoni jkopru alternattivament il-prodotti maħsuba għall-konsum mill-bniedem jew għall-għalf tal-annimali. Min-naħa l-oħra, ċerti prodotti koperti minn dan l-anness jistgħu, min-natura tagħhom, ikunu maħsuba għall-konsum mill-bniedem biss jew għall-għalf tal-annimali biss. Dan japplika, b’mod partikolari, għall-għalf tal-annimali domestiċi li huwa kopert mill-imsemmi anness.

34      Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li ssostni Marvesa, mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2002/994 ma jistax jiġi dedott li l-kunċett ta’ “prodotti tas-sajd” imsemmi fl-Anness ta’ din id-deċiżjoni jinkludi neċessarjament il-prodotti tas-sajd maħsuba għall-konsum mill-bniedem u dawk maħsuba għall-għalf tal-annimali.

35      Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-kuntest u l-kuntest ġuridiku li fih taqa’ d-Deċiżjoni 2002/994, għandu jitfakkar li, fid-dawl tar-rekwiżiti ta’ unità u ta’ koerenza tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, il-kunċetti użati mill-atti adottati fl-istess qasam għandu jkollhom l-istess tifsira (sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2020, 5th AVENUE Products Trading, C‑775/19, EU:C:2020:948, punt 42).

36      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni dwar il-prodotti li joriġinaw mill-annimali, il-leġiżlatur jistabbilixxi distinzjoni bejn il-prodotti maħsuba għall-konsum mill-bniedem u l-prodotti maħsuba għall-għalf tal-annimali. Dawn iż-żewġ kategoriji ta’ prodotti jaqgħu taħt kuntesti legali li huma differenti peress li ġew imfassla fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet ta’ kull waħda minn dawn il-kategoriji ta’ prodotti.

37      Barra minn hekk, id-Direttiva 97/78 li fuqha hija bbażata d-Deċiżjoni 2002/994 kienet tiddefinixxi, fl-Artikolu 2(2)(a) tagħha, il-kunċett ta’ “prodotti” b’riferiment għal atti oħra tad-dritt tal-Unjoni. Hija kienet tirreferi, b’mod partikolari, għar-Regolament Nru 854/2004, li kien jirreferi, fl-Artikolu 2(2)(d) tiegħu, għar-Regolament Nru 853/2004, li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “prodotti tas-sajd” fil-punt 3.1 tal-Anness I tiegħu.

38      Issa, ir-Regolament Nru 853/2004 u r-Regolament Nru 854/2004 japplikaw biss, mid-definizzjoni tagħhom, għall-prodotti maħsuba għall-konsum mill-bniedem.

39      Fil-fatt, minn naħa, ir-Regolament Nru 854/2004 kien ikopri l-prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum mill-bniedem.

40      Min-naħa l-oħra, ir-Regolament Nru 853/2004 jiddetermina r-regoli ta’ iġjene applikabbli għall-ikel li joriġina mill-annimali. Issa, ir-Regolament Nru 178/2002, li d-definizzjonijiet tiegħu huma, skont il-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 853/2004, applikabbli għall-finijiet ta’ dan l-aħħar regolament, jiddefinixxi, fl-Artikolu 2 tiegħu, il-kunċett ta’ “ikel” bħala “kull sustanza jew prodott, sew jekk ipproċessat, parzjalment ipproċessat jew mhux ipproċessat, maħsub li jkun, jew raġonevolment mistenni li jittiekel mill-bniedem”.

41      Minn dan isegwi li, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni dwar il-prodotti li joriġinaw mill-annimali, li taħtha taqa’ d-Deċiżjoni 2002/994, il-kunċett ta’ “prodotti tas-sajd” ikopri biss il-prodotti maħsuba għall-konsum mill-bniedem.

42      Għalhekk, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni kuntrarja fid-Deċiżjoni 2002/994, il-kunċett ta’ “prodotti tas-sajd” għandu, għal raġunijiet ta’ koerenza, ikollu l-istess tifsira skont din id-deċiżjoni bħal f’dan il-kuntest iktar ġenerali.

43      Fit-tielet lok, tali approċċ huwa kkorroborat mill-għan imfittex mid-Deċiżjoni 2002/994.

44      Kif fakkret il-Kummissjoni fil-premessa 1 ta’ din id-deċiżjoni, id-Direttiva 97/78 tippermetti li jiġu adottati l-miżuri neċessarji għal dak li jirrigwarda l-importazzjoni ta’ ċerti prodotti li joriġinaw minn pajjiżi terzi, meta xi kawża li tista’ tikkostitwixxi riskju serju għas-saħħa tal-annimali jew tal-bniedem tkun tidher jew tkun qiegħda tinxtered.

45      Issa, tali miżuri jiddependu, minn naħa, min-natura u mid-destinazzjoni tal-prodotti li huma jkopru u, min-naħa l-oħra, mir-riskji speċifiċi għas-saħħa tal-bniedem jew għas-saħħa tal-annimali maħluqa minn dawn il-prodotti.

46      Għal dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-projbizzjoni ta’ importazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-miżuri ta’ protezzjoni stabbiliti mid-Deċiżjoni 2002/994 u l-eventwali taffija ta’ dawn il-miżuri permezz tad-deċiżjoni li tiġi awtorizzata l-importazzjoni ta’ ċerti prodotti li joriġinaw mill-annimali jiddependu, kif enfasizzat il-Kummissjoni, mill-informazzjoni u mill-garanziji pprovduti mill-awtoritajiet Ċiniżi u, jekk ikun il-każ, mir-riżultati tal-verifiki fil-post imwettqa mill-esperti tal-Unjoni.

47      Tali informazzjoni u tali verifiki huma speċifiċi għall-prodott li l-projbizzjoni ta’ importazzjoni tiegħu hija eżaminata mill-ġdid u għar-riskju għas-saħħa tal-bniedem jew għas-saħħa tal-annimali maħluq mill-prodott hekk evalwat.

48      Għalhekk, l-informazzjoni u l-verifiki relatati maż-żejt tal-ħuta maħsub għall-konsum mill-bniedem ma humiex rilevanti sabiex jiġu evalwati r-riskji ppreżentati miż-żejt tal-ħuta maħsub għall-għalf tal-annimali.

49      F’dan il-każ, peress li l-kunċett ta’ “prodotti tas-sajd” jirreferi biss għall-prodotti maħsuba għall-konsum mill-bniedem, l-informazzjoni u l-verifiki li fuqhom il-Kummissjoni bbażat l-evalwazzjoni tar-riskju maħluq minn dawn il-prodotti kienu mfassla sabiex jevalwaw ir-riskji għas-saħħa tal-bniedem u mhux ir-riskji għas-saħħa tal-annimali.

50      Minn dan isegwi li l-kunċett ta’ “prodotti tas-sajd”, fis-sens tad-Deċiżjoni 2002/994, ikopri biss il-prodotti maħsuba għall-konsum mill-bniedem.

51      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Parti I tal-Anness tad-Deċiżjoni 2002/994 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kunċett ta’ “prodotti tas-sajd” jinkludi l-prodotti maħsuba għall-konsum mill-bniedem, u mhux il-prodotti maħsuba għall-għalf tal-annimali, u li, konsegwentement, iż-żejt tal-ħuta maħsub għall-għalf tal-annimali ma huwiex “prodott tas-sajd”, fis-sens ta’ dan l-anness.

 Fuq ittieni domanda

52      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa, fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, il-validità tal-Parti I tal-Anness tad-Deċiżjoni 2002/994 fid-dawl tal-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 97/78, moqri, jekk ikun il-każ, flimkien mal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 2 anness mat-Trattat FUE dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità.

53      Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li Marvesa sostniet, quddiem il-qorti tar-rinviju, li trattament differenti taż-żejt tal-ħuta maħsub għall-konsum mill-bniedem u taż-żejt tal-ħuta maħsub għall-għalf tal-annimali ma kienx iġġustifikat u li tali differenza fit-trattament tqajjem dubji dwar il-validità tad-Deċiżjoni 2002/994 fid-dawl tal-bażi legali tagħha u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

54      Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà fakkret fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, skont l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 97/78, il-Kummissjoni setgħet, billi tibbaża ruħha fuq raġuni serja ta’ saħħa tal-annimali jew ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, tadotta miżuri kontra importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiż terz bħas-sospensjoni tal-importazzjonijiet, l-iffissar ta’ kundizzjonijiet partikolari, l-impożizzjoni ta’ verifiki adattati jew iż-żieda fil-frekwenza tal-verifiki fiżiċi.

55      Din id-dispożizzjoni teżiġi għalhekk li l-miżuri adottati mill-Kummissjoni jkollhom bħala għan li jipproteġu s-saħħa tal-bniedem jew is-saħħa tal-annimali u li jkunu adattati għal-“gravità tas-sitwazzjoni”. Sabiex tagħmel dan, il-Kummissjoni għandha, għaldaqstant, tibbaża tali miżuri fuq evalwazzjoni speċifika għal kull prodott kopert mill-imsemmija miżuri.

56      Konsegwentement, l-imsemmija dispożizzjoni tippreżupponi l-adozzjoni ta’ miżuri differenzjati, speċifiċi għal kull prodott imsemmi u għar-riskju li dan joħloq għas-saħħa tal-bniedem jew għas-saħħa tal-annimali.

57      Issa, f’dan il-każ, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat fil-kuntest tar-risposta għall-ewwel domanda, il-prodotti maħsuba għall-konsum mill-bniedem u l-prodotti mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem huma differenti. L-evalwazzjoni tar-riskju kkawżat minn kull waħda minn dawn il-kategoriji ta’ prodotti għandha, għaldaqstant, tkun differenti sabiex jiġu identifikati u ddeterminati, għal kull waħda minn dawn il-kategoriji, ir-riskju għas-saħħa tal-annimali jew għas-saħħa tal-bniedem, il-gravità tas-sitwazzjoni u l-miżuri neċessarji sabiex dawn jiġu rrimedjati.

58      Għalhekk, fid-dawl tad-differenzi bejn il-prodotti maħsuba għall-konsum mill-bniedem u l-prodotti maħsuba għall-għalf tal-annimali, id-differenza fit-trattament magħmula mid-Deċiżjoni 2002/994 bejn iż-żejt tal-ħuta maħsub għall-konsum mill-bniedem u ż-żejt tal-ħuta maħsub għall-għalf tal-annimali ma tmurx kontra l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 97/78.

59      F’dan il-kuntest, il-projbizzjoni fuq l-importazzjoni taż-żejt tal-ħuta maħsub għall-għalf tal-annimali lanqas ma tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fil-fatt, il-fatt li l-importazzjoni ta’ dan il-prodott hija pprojbita filwaqt li l-importazzjoni taż-żejt tal-ħuta maħsub għall-konsum mill-bniedem hija awtorizzata ma jfissirx, fih innifsu, li tali projbizzjoni tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tiġi protetta s-saħħa tal-bniedem u s-saħħa tal-annimali.

60      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-eżami tat-tieni domanda ma żvela ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tal-Parti I tal-Anness tad-Deċiżjoni 2002/994.

 Fuq lispejjeż

61      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-Parti I tal-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/994/KE tal20 ta’ Diċembru 2002 dwar xi miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali impurtati miċ-Ċina, kif emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1068 tal1 ta’ Lulju 2015,

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

il-kunċett ta’ “prodotti tas-sajd” jinkludi l-prodotti maħsuba għall-konsum mill-bniedem, u mhux il-prodotti maħsuba għall-għalf tal-annimali, u li, konsegwentement, iż-żejt tal-ħuta maħsub għall-għalf tal-annimali ma huwiex “prodott tas-sajd”, fis-sens ta’ dan l-anness.

2)      L-eżami tat-tieni domanda ma żvela ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tal-Parti I tal-Anness tad-Deċiżjoni 2002/994, kif emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/1068.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.