Language of document : ECLI:EU:C:2024:270

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fil‑21 ta’ Marzu 2024 (1)

Kawża C793/22

Biohemp Concept SRL

vs

Direcţia pentru Agricultură Judeţeană Alba

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Alba Iulia (il-Qorti tal-Appell ta’ Alba Iulia, ir-Rumanija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika agrikola komuni — Regolamenti (UE) Nru 1307/2013 u Nru 1308/2013 — Tkabbir tal-qanneb — Kunċett ta’ erja agrikola — Esklużjoni tal-art okkupata minn bini jew installazzjonijiet tal-biedja maħsuba għall-ħtiġijiet tal-produzzjoni agrikola — Projbizzjoni tat-tkabbir tal-qanneb b’sistemi idroponiċi fi spazji magħluqin — Żieda fil-livell tal-kannabidiol (CBD) fil-qanneb — Protezzjoni tas-saħħa pubblika”






1.        It-tkabbir tal-qanneb huwa permess fil-qafas tal-Politika Agrikola Komuni (iktar ’il quddiem il-“PAK”) b’limitazzjonijiet maħsuba sabiex jiżguraw li jitħawlu biss varjetajiet li, minħabba l-livell baxx tagħhom ta’ kannabinojdi psikoattivi, ma jkunux adattati għall-manifattura ta’ kannabis u narkotiċi simili oħra.

2.        F’dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ miżura adottata mill-awtoritajiet Rumeni li tipprevjeni t-tkabbir tal-qanneb fi spazji magħluqin u adattati għal dan b’sistema idroponika.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Ir-Regolament (UE) 1307/2013 (2)

3.        Il-premessa 28 tipprovdi:

“Fir-rigward tal-qanneb, għandhom jinżammu miżuri speċifiċi biex ikun żgurat li prodotti tal-uċuħ tar-raba’ illegali ma jkunux jistgħu jinħbew qalb il-prodotti tal-uċuħ tar-raba’ eliġibbli għall-pagament bażiku, u b’hekk tintlaqat b’mod ħażin is-suq tal-qanneb. Għalhekk, il-pagamenti għandhom ikomplu jingħataw biss għal erjas miżrugħin b’varjetajiet ta’ qanneb li joffru ċerti garanziji fir-rigward tal-kontenut tiegħu ta’ sustanzi psikotropiċi”.

4.        L-Artikolu 4 (“Definizzjonijiet u dispożizzjonijiet relatati”) jistipula:

“1.      Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

c)      ‘attività agrikola’ tfisser:

i)      il-produzzjoni, it-trobbija jew it-tkabbir ta’ prodotti agrikoli, inklużi l-ħsad, it-taħlib, it-trobbija tal-annimali u ż-żamma tal-annimali għall-finijiet ta’ biedja,

[…]

d)      ‘prodotti agrikoli’ tfisser il-prodotti, bl-eċċezzjoni tal-prodotti tas-sajd, elenkati fl-Anness I għat-Trattati kif ukoll il-qoton;

e)      ‘erja agrikola’ tfisser kull erja meħuda minn raba’ li jinħarat, bwar permanenti u mergħat permanenti, jew uċuħ tar-raba’ permanenti;

f)      ‘raba’’ tfisser art li hija kkultivata għall-produzzjoni tal-uċuħ tar-raba’ jew erjas disponibbli għall-produzzjoni tal-uċuħ tar-raba’ iżda li hija mistrieħa, inklużi erjas mwarrba skont l-Artikoli 22, 23 u 24 tar-Regolament (KE) Nru 1257/1999, l-Artikolu 39 tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005 u l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, irrispettivament jekk l-art tinsabx taħt serer jew taħt kopertura fissa jew mobbli;

[…]”.

5.        L-Artikolu 32 (“Attivazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament”) jistabbilixxi:

“1.      L-appoġġ skont l-iskema ta’ pagament bażiku għandu jingħata lill-bdiewa, permezz ta’ dikjarazzjoni skont l-Artikolu 33(1), mal-attivazzjoni ta’ dritt għall-pagament għal kull ettaru eliġibbli fl-Istat Membru fejn ikun ġie allokat. [...]

2.      Għall-finijiet ta’ dan it-Titolu, ‘ettaru eliġibbli’ tfisser:

a)      kull żona agrikola tal-impriża, inklużi erjas li ma kinux f’kondizzjoni agrikola tajba fit‑30 ta’ Ġunju 2003 fl-Istati Membri li aderixxew mal-Unjoni fl‑1 ta’ Mejju 2004 li mal-adeżjoni ddeċidew li japplikaw l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja, li tintuża għal attività agrikola jew, fejn l-erja tintuża wkoll għal attivitajiet mhux agrikoli, tintuża b’mod predominanti għal attivitajiet agrikoli; [...]

[…]

3.      Għall-finijiet tal-punt (a) tal-paragrafu 2:

a)      fejn erja agrikola ta’ impriża tintuża wkoll għal attivitajiet mhux agrikoli, dik iż-żona għandha titqies li għandha tintuża b’mod predominanti għal attivitajiet agrikoli bil-kondizzjoni li dawk l-attivitajiet agrikoli jkunu jistgħu jiġu eżerċitati mingħajr ma jkunu mfixklin b’mod sinifikanti mill-intensità, in-natura, it-tul ta’ żmien u l-waqt tal-attivitajiet mhux agrikoli;

b)      l-Istati Membri jistgħu jfasslu lista ta’ erjas li jintużaw b’mod predominanti għall-attivitajiet mhux agrikoli.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kriterji għall-implimentazzjoni ta’ dan il-paragrafu fit-territorju tagħhom.

4.      L-erjas għandhom jitqiesu bħala ettari eliġibbli biss jekk ikunu konformi mad-definizzjoni ta’ ettaru eliġibbli tul is-sena kalendarja kollha, ħlief fil-każ ta’ force majeure jew ċirkostanzi eċċezzjonali.

[…]

L-erjas użati għall-produzzjoni tal-qanneb għandhom ikunu biss ettari eliġibbli jekk il-varjetajiet użati jkollhom kontenut ta’ tetraidrokannabinol ta’ mhux aktar minn 0.2 %”.

2.      Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 (3)

6.        Skont l-Artikolu 1 (“Kamp ta’ applikazzjoni”):

“1.      Dan ir-Regolament jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq għall-prodotti agrikoli, li tfisser il-prodotti kollha elenkati fl-Anness I għat-Trattati bl-eċċezzjoni tal-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura kif definit fl-atti leġislattivi tal-Unjoni dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura.

2.      Il-prodotti agrikoli kif iddefiniti fil-paragrafu 1 għandhom jinqasmu fis-setturi li ġejjin kif elenkati fil-partijiet rispettivi tal-Anness I:

[…]

h)      kittien u qanneb, Parti VIII;

[…]”.

7.        Fil-parti VIII tal-Anness I (“Lista ta’ prodotti msemmija fl-Artikolu 1(2)”), hemm “Qanneb veru (Cannabis sativa L.)” bil-kodiċi NM 5302.

8.        L-Artikolu 189 (“Importazzjoni ta’ qanneb”) jistabbilixxi:

“1.      Il-prodotti li ġejjin jistgħu jiġu importati fl-Unjoni, biss jekk jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

a)      qanneb veru, mhux maħdum, tal-Kodiċi NM 5302 10 00 li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 32(6) u fl-Artikolu 35(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013;

b)      żrieragħ ta’ varjetajiet tal-qanneb, tal-Kodiċi NM ex 1207 99 20 għaż-żriegħ akkumpanjat bi prova li l-livell ta’ tetraidrokannabinol tal-varjetà kkonċernata mhuwiex ogħla minn dak iffissat skont l-Artikolu 32(6) u fl-Artikolu 35(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013;

c)      żrieragħ tal-qanneb li mhumiex għaż-żriegħ, li jaqgħtu taħt il-kodiċi NM 1207 99 91 u importati biss minn importaturi awtorizzati mill-Istat Membru biex jiġi żgurat li dawn iż-żrieragħ ma jkunux maħsubin għaż-żriegħ.

2.      Dan l-Artikolu għandu japplika mingħajr preġudizzju għal regoli aktar restrittivi adottati mill-Istati Membri f’konformità mat-TFUE u mal-obbligi skont il-Ftehim tad-WTO dwar l-Agrikoltura”.

B.      Id-dritt Rumen

1.      Il-Liġi 18/1991 dwar il-proprjetà immobbli (4)

9.        L-Artikolu 2(a) tagħha jindika:

“Skont l-użu tagħhom, l-artijiet huma:

a)      artijiet għal użu agrikolu:

–        artijiet agrikoli produttivi – artijiet li jinħartu, il-vinji, il-ġonna b’siġar tal-frott, il-mixtliet ta’ dwieli ta’ siġar tal-frott, pjantaġġuni ta’ ħops u ta’ siġar taċ-ċawsli, bwar, mergħat, serer, serer fotovoltajċi, nebbieta u strutturi oħra simili;

–        l-artijiet b’veġetazzjoni forestali, jekk dawn ma jifformawx parti minn żvilupp forestali, mergħat bis-siġar;

–        l-artijiet okkupati minn bini, installazzjonijiet agro-żootekniċi, impjanti tal-akwakultura u ta’ titjib tal-artijiet, it-toroq tekniċi u ta’ użu agrikolu, il-pjattaformi u postijiet ta’ ħażna li jissodisfaw il-bżonnijiet tal-produzzjoni agrikola;

–        l-artijiet mhux produttivi li jistgħu jiġu organizzati u użati għall-produzzjoni agrikola”.

2.      Il-Liġi 339/2005 (5)

10.      Skont l-Artikolu 12:

“(1)      It-tkabbir tal-pjanti li jkun fihom sustanzi suġġetti għall-iskema stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali huwa permess biss jekk dawn jiġu pproċessati għal finijiet tekniċi, sabiex jinkisbu zkuk, fibri, żrieragħ u żjut maħsuba għal użi mediċi u xjentifiċi u biss bl-awtorizzazzjoni tal-Ministeru għall-Agrikoltura, għall-Forestrija u għall-Iżvilupp Rurali, maħruġa permezz tad-Direttorati Provinċjali tal-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali jew il-Muniċipalità ta’ Bukarest, fuq il-bażi ta’ stimi annwali stabbiliti skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 42(1)(e) ta’ din il-Liġi u fir-regolamenti ta’ implimentazzjoni.

[…]

(4)      Il-bdiewa awtorizzati jkabbru l-kannabis u l-peprin jistgħu jiżirgħu l-art tagħhom biss b’żerriegħa minn varjetajiet irreġistrati fil-katalgu uffiċjali ta’ varjetajiet u ibridi ta’ pjanti tat-tkabbir fir-Rumanija jew fil-katalgi tal-Komunitajiet Ewropej, li jkunu ġew prodotti minn stabbilimenti awtorizzati mill-Ministeru għall-Agrikoltura, għall-Forestrija u għall-Iżvilupp Rurali, permezz tal-awtoritajiet territorjali ta’ kontroll u ċertifikazzjoni taż-żerriegħa”.

3.      Ir-Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Liġi 339/2005 (6)

11.      L-Artikolu 4(5)(b) jindika:

“Għall-għoti tal-awtorizzazzjoni għat-tkabbir ta’ pjanti li fihom sustanzi narkotiċi u psikotropiċi sabiex jintużaw fl-industrija jew fl-ikel, fil-qasam xjentifiku jew tekniku jew sabiex jinkisbu żrieragħ, il-bdiewa għandhom jissottomettu applikazzjoni lid-Direttorati Provinċjali tal-Agrikoltura jew lill-Muniċipalità ta’ Bukarest […]. L-applikazzjoni għandha tkun akkumpanjata mid-dokumenti li ġejjin, oriġinali u kopja, skont l-iskop tal-awtorizzazzjoni:

[…]

b)      titolu tal-proprjetà, atti jew ċertifikati tal-pussess jew dokumenti oħra li jagħtu prova tal-użu legali tal-erja tal-art agrikola;

[…]”.

II.    Il-fatti, it-tilwima u d-domandi preliminari

12.      Fl‑14 ta’ Jannar 2021, Biohemp Concept SRL (iktar ’il quddiem “Biohemp”) talbet lid-Direttorat Provinċjali tal-Agrikoltura ta’ Alba (iktar ’il quddiem l-“awtorità provinċjali”) għal awtorizzazzjoni sabiex tkabbar il-qanneb (Cannabis sativa L.) fuq erja ta’ 0.54 ettaru.

13.      Fis‑27 ta’ Jannar 2021, l-awtorità provinċjali tat awtorizzazzjoni biss għall-erja ta’ 0.50 ettaru. Għall-kuntrarju, hija ċaħditha għall-erja li kien fadal ta’ 0.04 ettaru, minħabba li ma kinitx art agrikola, iżda pjuttost bini għal użu agrikolu li ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 4(5)(b) tar-Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Liġi 339/2005.

14.      Biohemp ressqet oġġezzjoni kontra r-riżoluzzjoni tas‑27 ta’ Jannar 2021, li ġiet miċħuda mill-awtorità provinċjali fis‑17 ta’ Frar 2021.

15.      Fit‑13 ta’ April 2021, Biohemp ippreżentat rikors quddiem it-Tribunalul Alba (il-Qorti ta’ Alba, ir-Rumanija), fejn talbet awtorizzazzjoni għall-erja kollha ta’ 0.54 ettaru.

16.      Il-qorti tal-ewwel istanza ċaħdet ir-rikors ta’ Biohemp billi bbażat ruħha, essenzjalment, fuq argumenti relatati mal-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali (7).

17.      Biohemp ippreżentat appell quddiem il-Curtea de Apel Alba Iulia (il-Qorti tal-Appell ta’ Alba Iulia, ir-Rumanija) li fih tenfasizza, bħala punti rilevanti, li fl-ispazju protett ta’ 400 m2 għandha l-intenzjoni li tkabbar, permezz ta’ sistema idroponika, il-qanneb b’kontenut awtorizzat ta’ tetraidrokannabinol (8) sa 0.2 %.

18.      Biohemp tiddikjara, fuq l-istess linja, li t-tkabbir tal-qanneb fi spazji protetti jipproduċi pjanti b’kontenut ta’ kannabidiol (9) minn 12 sa 14 %, filwaqt li l-qanneb imkabbar f’għelieqi miftuħa (fuq art agrikola) ikollu kontenut taċ-CBD sa 1 %. Il-kumpanniji li jwettqu l-ipproċessar tal-qanneb jippreferu jixtru, b’mod partikolari, qanneb imkabbar fi spazji protetti, minħabba l-konċentrazzjoni ferm ogħla taċ-CBD.

19.      Abbażi ta’ din l-informazzjoni, l-appell ippreżentat huwa bbażat fuq raġunijiet kemm ta’ dritt nazzjonali (10) kif ukoll ta’ dritt tal-Unjoni. Rigward dan tal-aħħar, minbarra l-ġurisprudenza ċċitata fih (11), Biohemp tindika li l-ebda regola tal-Unjoni ma teħtieġ li l-qanneb jitkabbar biss f’għelieqi miftuħa u għalhekk huwa permess li dan jiġi prodott fi spazji protetti, jiġifieri, f’serer bi klima kkontrollata, f’serer u simili. Billi tillimita l-kultivazzjoni tal-qanneb għal għelieqi miftuħa, l-awtorità provinċjali tiċħad ir-rikonoxximent lil industrija diġà aċċettata mill-Kummissjoni Ewropea u, għalhekk, tirrifjuta l-aċċess tal-bdiewa Rumeni għas-suq intern, bi ksur tat-TFUE.

20.      L-awtorità provinċjali topponi t-talba ta’ Biohemp, billi ssostni wkoll argumenti bbażati kemm fuq id-dritt nazzjonali (12) kif ukoll fuq id-dritt tal-Unjoni. Dwar dawn tal-aħħar, fil-qosor, hija tipprovdi li:

–      Il-qanneb b’kontenut ta’ THC ta’ inqas minn 0.2 %, imkabbar fir-Rumanija u ssorveljat mill-Ministeru għall-Agrikoltura u għall-Iżvilupp Rurali, huwa prodott imkabbar fl-għelieqi, li jirrispetta t-teknoloġija tat-tkabbir skont il-letteratura xjentifika, f’dawk il-postijiet li fihom il-ħtiġijiet tal-pjanta fir-rigward tal-klima u tal-art huma ggarantiti.

–      Mill-proċedura A tat-teħid ta’ kampjuni sabiex jiġi ddeterminat il-kontenut ta’ THC, kif stabbilit fl-Anness III, punti 2.1 (“Kampjuni”) u 2.2 (“Teħid ta’ kampjuni”) tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 639/2014 (13), isegwi li t-tkabbir tal-qanneb isir fl-għalqa.

21.      F’dan il-kuntest, il-Curtea de Apel Alba Iulia (il-Qorti tal-Appell ta’ Alba Iulia) għamlet id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Ir-Regolamenti (UE) Nru 1307/2013 […] u (UE) Nru 1308/2013 […], kif ukoll l-Artikoli 35, 36 u 38 TFUE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali sa fejn din tipprojbixxi t-tkabbir tal-qanneb (Cannabis sativa) f’sistemi idroponiċi fi spazji magħluqin adattati għal dan?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

22.      It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Diċembru 2022.

23.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvern Rumen u mill-Kummissjoni Ewropea (14). It-tnejn li huma, kif ukoll Biohemp, dehru fis-seduta li nżammet fil‑25 ta’ Jannar 2024.

IV.    Evalwazzjoni

A.      Ammissibbiltà

24.      Il-Gvern Rumen isostni li d-domanda preliminari hija inammissibbli fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikoli 35 TFUE u 36 TFUE. Sabiex isostni l-oġġezzjoni tiegħu, huwa jiċċita l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar is-sitwazzjonijiet purament interni (15) u l-assenza, fid-deċiżjoni tar-rinviju, ta’ spjegazzjonijiet dwar ir-rabta taż-żewġ artikoli mal-kawża.

25.      Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-regola ġenerali hija li d-dispożizzjonijiet tat-TFUE fil-qasam tal-libertajiet fundamentali ma humiex applikabbli, bħala prinċipju, għal sitwazzjoni li fiha l-elementi kollha jkunu limitati għal Stat Membru wieħed (16). Madankollu, din ir-regola ġenerali għandha erba’ eċċezzjonijiet li fihom, anki fil-każ ta’ sitwazzjoni interna, tista’ tintalab l-interpretazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni. Il-profili ta’ dawn l-eċċezzjonijiet huma stabbiliti fis-sentenza Ullens de Schooten (17), u ma huwiex meħtieġ li jiġu riprodotti issa.

26.      Sabiex tiġi ffaċilitata l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-każ ta’ sitwazzjoni purament interna, il-Qorti tal-Ġustizzja titlob li d-deċiżjoni tar-rinviju turi l-elementi speċifiċi li jippermettu li tiġi stabbilita r-rabta bejn is-suġġett jew iċ-ċirkustanzi ta’ tilwima li fiha l-elementi kollha tagħha huma limitati għall-intern tal-Istat Membru u r-regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba.

27.      Għalhekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tindika b’liema mod, minkejja n-natura purament interna tagħha, it-tilwima tippreżenta element ta’ rabta mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-libertajiet fundamentali, li tagħmel neċessarju, sabiex tiġi solvuta, l-interpretazzjoni preliminari mitluba (18).

28.      F’din il-kawża, fit-teorija, jistgħu jkunu affettwati l-libertà ta’ stabbiliment (il-leġiżlazzjoni Rumena tipprojbixxi l-eżerċizzju tal-attività ekonomika indipendenti ta’ bidwi tal-qanneb fi spazji magħluqa) u l-moviment liberu tal-merkanzija (Biohemp ma tkunx tista’ tipproduċi, f’dawk l-ispazji, qanneb għall-esportazzjoni lejn Stati Membri oħra fejn hemm domanda għal dan il-prodott).

29.      Madankollu, id-digriet tar-rinviju ma jinkludi ebda raġunament rispettiv dwar il-ħtieġa ta’ interpretazzjoni tal-Artikoli 35 TFUE u 36 TFUE (u lanqas tal-Artikolu 49 TFUE, dwar il-libertà ta’ stabbiliment). Il-qorti tar-rinviju tillimita ruħha li ssemmi biss li Biohemp ssostni li kkonkludiet kuntratti ta’ bejgħ tal-qanneb tagħha ma’ kumpanniji tal-ipproċessar li jinsabu fi Stati Membri oħra.

30.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tipprovdi lill-qorti tar-rinviju interpretazzjoni tal-Artikoli 35 TFUE u 36 TFUE li tkun utli għas-soluzzjoni tat-tilwima (19) u d-domanda preliminari tirriżulta inammissibbli fir-rigward tagħhom.

31.      Il-Gvern Rumen jinvoka wkoll l-istess inammissibbiltà fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 38 TFUE, iżda l-oġġezzjoni tiegħu ma tistax tiġi milqugħa.

32.      L-Artikolu 38 TFUE huwa l-ewwel waħda mid-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju li jirregolaw il-PAK, li l-għanijiet tiegħu huma stipulati fl-Artikolu 39 TFUE. Iż-żewġ artikoli huma, kuntrarjament għal dawk imsemmija hawn fuq, rilevanti għal dan ir-rinviju, peress li jikkostitwixxu l-qafas ta’ referenza li fih għandhom jiġu interpretati r-Regolamenti Nru 1307/2013 u Nru 1308/2013, li huma s-suġġett tad-domanda tal-qorti tar-rinviju. Għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli tal-PAK, huwa irrilevanti li din hija sitwazzjoni purament interna.

33.      Waqt is-seduta, Biohemp iddikjarat li kienet talbet awtorizzazzjoni għat-tkabbir tal-qanneb fuq erja ta’ 0.54 ettaru (20), iżda rrikonoxxiet li ma kinitx talbet il-pagament dirett previst fir-Regolament Nru 1307/2013.

34.      Fil-preżenza ta’ din l-ammissjoni, għandu jiġi eżaminat jekk is-soluzzjoni tat-tilwima teħtieġx li l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta, kif tixtieq il-qorti tar-rinviju, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1307/2013, li jistabbilixxi pagamenti diretti lill-bdiewa abbażi tal-iskemi ta’ appoġġ inklużi fil-qafas tal-PAK.

35.      Bħala prinċipju, hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk id-domandi li tagħmel humiex neċessarji sabiex tiġi solvuta t-tilwima (21). Il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, tista’ tiddikjarahom inammissibbli jekk tqis li huma ipotetiċi jew irrilevanti għal dan il-għan (22).

36.      Il-leġiżlazzjoni Rumena teħtieġ awtorizzazzjoni sabiex jitħawwel il-qanneb minħabba li dan il-prodott fih, fi gradi li jvarjaw, sustanzi narkotiċi, li jistgħu jwasslu għall-produzzjoni ta’ drogi. Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1307/2013 ikunu japplikaw għall-awtorizzazzjoni jekk, simultanjament jew sussegwentement, Biohemp titlob il-pagament dirett għall-operat tagħha.

37.      Għall-kuntrarju, jekk l-impriża li titlob awtorizzazzjoni għal tkabbir ma titlobx il-pagament dirett previst fir-Regolament Nru 1307/2013, jista’ jiġi argumentat li dan ir-regolament ma jkunx applikabbli u l-interpretazzjoni tiegħu ma tkun ta’ l-ebda utilità sabiex tiġi solvuta t-tilwima. Bħala prinċipju, għalhekk, ir-rinviju għad-deċiżjoni preliminari jkun inammissibbli fir-rigward tal-interpretazzjoni ta’ dan ir-regolament.

38.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tevita din id-dikjarazzjoni ta’ inammissibbiltà u tipprovdi lill-qorti tar-rinviju interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1307/2013, jekk tqis li teżisti rabta neċessarja bejn it-talba għal awtorizzazzjoni għat-tkabbir tal-qanneb u l-iskema sostantiva tal-imsemmi regolament.

39.      Sabiex tintlaħaq din is-soluzzjoni, kif ser nispjega iktar tard, il-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-pagament dirett għall-produzzjoni tal-qanneb għandhom jitqiesu applikabbli għall-awtorizzazzjoni tat-tkabbir, anki jekk il-produttur ma jitlobx dan il-pagament, peress li hija pjanta b’varjetajiet xierqa għall-produzzjoni ta’ drogi, li t-tkabbir tagħha ma jistax isir b’mod liberu u mingħajr il-kontrolli tal-Amministrazzjoni.

40.      Nammetti li ma huwiex faċli li din ir-rabta tiġi aċċettata, iżda, fil-fehma tiegħi, ma hemm l-ebda possibbiltà oħra sabiex id-domanda preliminari tiġi ddikjarata ammissibbli fir-rigward tal-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1307/2013. Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tasal għall-istess deċiżjoni, jiena ser nitkellem dwar dan ir-regolament.

41.      Fi kwalunkwe każ, peress li l-qorti tar-rinviju titlob l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1308/2013, li l-Artikoli 1(2)(h) u 189(2) tiegħu jittrattaw speċifikament it-tkabbir tal-qanneb, ir-rinviju huwa ammissibbli fir-rigward ta’ dan ir-regolament.

B.      Eżami tal-mertu

42.      Il-qanneb (Cannabis sativa L.) huwa speċi tal-familja cannabaceae. Dawn il-ħxejjex għandhom kontenut għoli ta’ diversi tipi ta’ fitokannabinojdi, ikkonċentrati f’likwidu viskuż tal-pjanta li jiġi prodott fi strutturi glandulari magħrufa bħala trikomi.

43.      Mill-informazzjoni riċevuta (23) jiġi dedott li l-iktar żewġ fitokannabinojdi importanti fil-qanneb huma t-THC (il-komponent psikoattiv primarju tal-pjanta, li għandu n-natura ta’ narkotiku) u ċ-CBD (li la huwa kkunsidrat psikoattiv u lanqas narkotiku). Jidher li ċ-CBD inaqqas ukoll l-effetti psikoattivi tat-THC.

44.      Il-qari flimkien tal-Artikolu 38(3) TFUE u tal-Anness I tiegħu jiżvela li l-qanneb huwa suġġett għall-PAK.

45.      Skont l-Artikolu 1(2)(h) tar-Regolament Nru 1308/2013, il-qanneb huwa kopert mill-organizzazzjoni komuni tas-swieq (iktar ’il quddiem l-“OKS”) għall-prodotti agrikoli. Skont il-Parti VIII tal-Anness I ta’ dan ir-regolament, is-settur tal-qanneb maħsub għall-produzzjoni ta’ fibri jinkludi “qanneb veru (Cannabis sativa L.), nej jew ipproċessat imma mhux bin-newl; stoppa u skart ta’ qanneb vera (inklużi skart tal-ħjut u stokk igarnettjat)”.

46.      Fil-qafas tal-PAK, huwa permess biss it-tkabbir tal-qanneb li ma huwiex adattat għall-produzzjoni ta’ narkotiċi, b’perċentwal baxx ta’ THC (24). Il-qanneb industrijali għandu użi legali differenti li jikkontribwixxu għall-kisba tal-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew (25).

47.      Il-bdiewa li jkabbru l-qanneb huma eliġibbli għal pagamenti diretti skont l-erja (pagament bażiku jew pagament uniku skont l-erja) (26) taħt il-PAK, sakemm jissodisfaw: a) il-kundizzjonijiet standard ta’ eliġibbiltà għall-pagamenti diretti stabbiliti fir-Regolament Nru 1307/2013; u b) r-rekwiżiti addizzjonali speċifiċi sabiex jiġi żgurat li l-ebda tkabbir illeċitu tal-qanneb ma jirċievi appoġġ mill-PAK:

–      Fir-rigward tal-kundizzjonijiet standard, il-punt li fir-rigward tiegħu hemm nuqqas ta’ qbil f’din it-tilwima huwa jekk “spazju magħluq adattat” għat-tkabbir idroponiku jistax jiġi kklassifikat bħala “erja agrikola”.

–      F’dak li jirrigwarda r-rekwiżiti addizzjonali speċifiċi, id-dibattitu jiffoka fuq il-livell ta’ THC u CBD tal-qanneb imkabbar fi spazju magħluq b’sistema idroponika.

48.      Qabel nindirizza kull wieħed minn dawn iż-żewġ elementi, irrid nosserva li l-Istati Membri ma jistgħux jimponu restrizzjonijiet addizzjonali fuq it-tkabbir tal-qanneb abbażi tal-Artikolu 189(2) tar-Regolament Nru 1308/2013.

49.      Din id-dispożizzjoni tawtorizza lill-Istati Membri biss li jintroduċu “dispożizzjonijiet iktar restrittivi” minn dawk stabbiliti (fl-Artikolu 189(1) stess) għall-importazzjonijiet tal-qanneb minn pajjiżi terzi. Din il-possibbiltà ma tippermettix li r-regolamenti interni għall-produzzjoni tal-qanneb isiru iktar ħorox bi ksur ta’ dawk stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni.

50.      Din id-dikjarazzjoni hija kkorroborata mis-sentenza Hammarsten (27), dwar il-projbizzjoni Svediża tat-tkabbir u tal-pussess tal-qanneb industrijali kopert minn OKS fis-settur. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-projbizzjoni nazzjonali kienet taffettwa direttament lil din l-OKS u kienet iċaħħad lill-bdiewa stabbiliti fl-Isvezja minn kwalunkwe possibbiltà li japplikaw għall-appoġġ previst mid-dritt tal-Unjoni.

51.      Is-sentenza Hammarsten u l-Artikolu 189(1) tar-Regolament Nru 1308/2013 juru li teżisti ċerta rabta bejn l-awtorizzazzjoni għat-tħawwil tal-qanneb u l-possibbiltà li jinkisbu l-pagamenti diretti tal-PAK previsti għal dan it-tkabbir fir-Regolament Nru 1307/2013.

52.      Fil-fatt, l-Artikolu 189(1) tar-Regolament Nru 1308/2013 jippermetti biss l-importazzjoni fl-Unjoni ta’ qanneb li ma huwiex maħdum jekk ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 32(6) u mill-Artikolu 35(3) tar-Regolament Nru 1307/2013.

53.      Dawn il-kundizzjonijiet (li, bħala prinċipju, huma meħtieġa sabiex jinkisbu pagamenti diretti għall-erjas imħawlin b’dan il-prodott) għandhom jinftiehmu li japplikaw ukoll għall-produzzjoni domestika tal-qanneb fl-Unjoni. Fi kliem ieħor, dawn l-artikoli jistabbilixxu l-limiti sabiex ikun hemm tkabbir “legali” tal-qanneb fl-Istati Membri, irrispettivament minn jekk il-produttur jitlobx pagament dirett għall-erja kkultivata jew le.

1.      Kunċett ta’ erja agrikola

54.      Skont l-Artikolu 32(1) tar-Regolament Nru 1307/2013, “l-appoġġ skont l-iskema ta’ pagament bażiku għandu jingħata lill-bdiewa [...] mal-attivazzjoni ta’ dritt għall-pagament għal kull ettaru eliġibbli [...]”.

55.      Skont l-Artikolu 32(2)(a) ta’ dan l-istess regolament, il-kunċett ta’ “ettaru eliġibbli” jinkludi “kull żona agrikola tal-impriża […] li tintuża għal attività agrikola jew, fejn l-erja tintuża wkoll għal attivitajiet mhux agrikoli, tintuża b’mod predominanti għal attivitajiet agrikoli”.

56.      Il-kunċett ta’ “art agrikola”, kif iddefinit fl-Artikolu 4(1)(e) tar-Regolament Nru 1307/2013, jinkludi “kull erja meħuda minn raba’ li jinħarat, bwar permanenti u mergħat permanenti, jew uċuħ tar-raba’ permanenti”.

57.      It-terminu “Raba’” huwa ddefinit fl-Artikolu 4(1)(f) tar-Regolament Nru 1307/2013 bħala “art li hija kkultivata għall-produzzjoni tal-uċuħ tar-raba’ jew erjas disponibbli għall-produzzjoni tal-uċuħ tar-raba’ iżda li hija mistrieħa [...] irrispettivament jekk l-art tinsabx taħt serer jew taħt kopertura fissa jew mobbli”.

58.      Skont l-Artikolu 4(1)(c) tar-Regolament Nru 1307/2013, “attività agrikola” tkopri “l-produzzjoni, it-trobbija jew it-tkabbir ta’ prodotti agrikoli, inklużi l-ħsad […]”, fejn “prodotti agrikoli” tfisser “il-prodotti [...] elenkati fl-Anness I għat-Trattati [...]”, fosthom il-qanneb.

59.      Il-klassifikazzjoni bħala “raba’” u, għalhekk, dik bħala “erja agrikola”, fis-sens tad-dispożizzjonijiet imsemmija, tiddependi mill-użu effettiv (anki bi ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-klassifikazzjoni tagħhom) (28) ta’ dawn l-artijiet (29).

60.      L-erjas eliġibbli għall-pagament tal-appoġġ għandhom ikunu agrikoli, jiffurmaw parti mill-impriża tal-bidwi u jintużaw għal finijiet agrikoli, jew, fil-każ ta’ użi differenti fl-istess ħin, jintużaw primarjament għal tali finijiet (30).

61.      Fil-fehma tiegħi, id-dispożizzjonijiet li għadni kif semmejt tar-Regolament Nru 1307/2013 u Nru 1308/2013, kif ukoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ erja agrikola, jippermettu li jiġi argumentat li t-tkabbir tal-qanneb fi “spazju magħluq adattat” b’sistema idroponika, jaqa’ taħt dan il-kunċett.

62.      Spazju magħluq u adattat għat-tkabbir tal-qanneb huwa biċċa art, li fuqha hemm struttura, li hija ddedikata għal attività agrikola, bħat-tkabbir tal-qanneb. Ir-“raba’”, kif għadni kif spjegajt, hija dik iddedikata għall-produzzjoni ta’ uċuħ tar-raba’, “irrispettivament jekk l-art tinsabx taħt serer jew taħt kopertura fissa jew mobbli” (31).

63.      L-istess bħal serra jew kwalunkwe struttura simili oħra (li ma tikkonsistix, fis-sens strett tal-kelma, f’bini skont it-tifsira normali), spazju magħluq u adattat għat-tkabbir tal-qanneb jinkludi kopertura fissa li titqiegħed fuq l-art, li ma tipprekludix il-klassifikazzjoni tiegħu bħala erja agrikola. Ix-xebh bejn serra u maħżen adattat għat-tkabbir tal-qanneb b’sistema idroponika huwa ċar. Illum il-ġurnata, is-serer ma humiex biss mibnija bi struttura sempliċi ta’ fildiferru u plastik, iżda jużaw ukoll materjali oħra u strutturi iktar sodi, pereżempju, tal-polikarbonat jew tal-ħġieġ.

64.      Dak li huwa rilevanti, kif tgħid il-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, huwa li l-erja (anki jekk bl-istruttura fissa fuqha) tkun użata għall-produzzjoni agrikola, tal-qanneb f’dan il-każ.

65.      Il-Kummissjoni toġġezzjona għal dan ir-raġunament, billi targumenta li t-tkabbir tal-qanneb jista’ jibbenefika biss mill-iskema ta’ pagament bażiku lill-bdiewa jekk isir f’għelieqi miftuħa, u mhux meta jsir fi struttura magħluqa b’sistema idroponika.

66.      Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, l-Artikolu 4(1)(e) u (f) tar-Regolament Nru 1307/2013 jeżiġi, sabiex wieħed ikun jista’ jitkellem dwar raba’ u erja agrikola, l-interazzjoni bejn il-ħamrija u l-għerq tal-pjanta (32). L-istess rekwiżit japplika għall-iskema ta’ appoġġ akkoppjat volontarju (33) u ma jkunx osservat fil-każ ta’ tkabbir tal-qanneb fi spazju magħluq b’sistema idroponika.

67.      Jien ma naqbilx mal-argument tal-Kummissjoni. Il-kontenut letterali tal-Artikolu 4(1)(e) u (f) tar-Regolament Nru 1307/2013 ma jippermettix li jiġi dedott li jistgħu jitqiesu bħala raba’ biss dawk l-erjas agrikoli li fihom l-għerq tal-pjanta jinteraġixxi mal-ħamrija. Din l-idea tikkorrispondi għal kunċett tal-agrikoltura li l-progress teknoloġiku mar lil hinn minnu.

68.      Ilu s-snin li l-ħamrija ma baqgħetx tkun element essenzjali għall-produzzjoni agrikola (34). Taħt kundizzjonijiet naturali, il-ħamrija ċertament taġixxi bħala riżerva ta’ minerali u nutrijenti għall-pjanti, iżda, meta n-nutrijenti jiġu maħlula fl-ilma, l-għeruq tal-pjanti jistgħu jassorbuhom direttament u l-ħamrija ma tibqax strettament meħtieġa sabiex il-pjanta tikber. Fi kliem ieħor, l-“interazzjoni tal-għeruq mal-ħamrija” ma hijiex essenzjali sabiex l-pjanta tiżviluppa u jkun hemm produzzjoni agrikola.

69.      L-idroponika hija sistema ta’ tkabbir fejn soluzzjoni komposta minn nutrijenti maħlula fl-ilma tiġi fornuta lill-għeruq. Din fiha l-elementi kimiċi meħtieġa għall-iżvilupp tal-pjanti li jistgħu jikbru f’medium ta’ ilma (jew f’medium inert bħal ramel maħsul, żrar jew perlit) mingħajr ħamrija (art).

70.      Fost il-vantaġġi tat-tkabbir idroponiku meta mqabbel mal-agrikoltura tradizzjonali, għandhom jiġu enfasizzati dawn li ġejjin:

–      Il-konsum iktar baxx ta’ ilma u ta’ nutrijenti, li jistgħu jintużaw b’mod iktar effikaċi.

–      L-użu iżgħar ta’ art agrikola u l-eliminazzjoni tal-problemi ta’ deterjorament fil-kwalità ta’ din il-ħamrija, dovut għall-użu ta’ fertilizzanti u r-ripetizzjoni ta’ uċuh tar-raba’ intensivi.

–      Użu iktar baxx ta’ pestiċidi, minħabba li l-idroponika hija kkombinata ma’ tkabbir fi spazji magħluqin jew nofshom magħluqin (bħal serer jew imħażen adattati), u b’hekk jiġi ffaċilitat il-kontroll tal-pesti (35).

–      Il-viċinanza ikbar taċ-ċentri urbani ta’ konsum u t-tnaqqis konsegwenti ta’ emissjonijiet marbutin mat-trasport ta’ prodotti agrikoli.

71.      Ir-Regolamenti Nru 1307/2013 u Nru 1308/2013 ma fihom ebda regola li tissuġġetta l-klassifikazzjoni ta’ raba’ jew erja agrikola għall-użu ta’ ċerti tekniċi ta’ tkabbir. Għalhekk, ma hemm l-ebda raġuni sabiex jiġi affermat li l-idroponika hija inkompatibbli mal-kunsiderazzjoni ta’ art bħala erja agrikola.

72.      Ir-regoli tal-Unjoni ma jippermettux l-użu ta’ sistemi idroponiċi fil-każ ta’ produzzjoni organika. Hekk jipprevedi r-Regolament (UE) 2018/848 (36) fil-premessa 28 tiegħu (37) u fil-parti I tal-Anness II tiegħu, (“Regoli għall-produzzjoni tal-pjanti”), punt 1.2 (38).

73.      Fil-fehma tiegħi, jekk il-leġiżlatur ried jeskludi l-produzzjoni idroponika mill-produzzjoni ta’ pjanti organiċi, dan huwa għaliex, impliċitament u a sensu contrario, il-produzzjoni idroponika hija ammissibbli għall-produzzjoni agrikola konvenzjonali (li ma hijiex organika).

74.      L-idroponika bħala teknika ta’ tkabbir għandha vantaġġi konformi mal-għanijiet tal-PAK, kif diġà esponejt u kif il-partijiet kollha rrikonoxxew fis-seduta. B’mod partikolari, din hija konformi mal-għan tal-PAK [l-Artikolu 39 TFUE(1)(a)] “li tkabbar il-produzzjoni agrikola billi tippromwovi progress tekniku u billi tassigura l-iżvilupp razzjonali ta’ produzzjoni agrikola u l-aħjar utilizzazzjoni possibbli tal-fatturi ta’ produzzjoni, speċjalment tan-nies tax-xogħol razzjonali tal-produzzjoni agrikola, kif ukoll l-aħjar użu ta’ fatturi tal-produzzjoni, b’mod partikolari, ix-xogħol”.

75.      Is-sistemi idroponiċi jżidu l-produttività agrikola, jippromwovu l-progress teknoloġiku u jiffavorixxu żvilupp iktar razzjonali tal-agrikoltura, peress li jużaw inqas riżorsi tal-ilma u jnaqqsu l-firxa tal-art meħtieġa għall-kultivazzjoni.

76.      L-idroponika tikkontribwixxi wkoll għall-kisba ta’ żewġ għanijiet oħra tal-PAK, jiġifieri “li tiggarantixxi d-disponibilità tal-provvisti” [(l-Artikolu 39(1)(d) TFUE] u “li tassigura [tiżgura] prezzijiet raġonevoli fil-konsenja tal-prodotti lill-konsumatur” [(l-Artikolu 39(1)(e) TFUE].

77.      Dawn iż-żewġ għanijiet jintlaħqu minħabba li t-tkabbir idroponiku fi spazji magħluqa huwa inqas dipendenti fuq it-temp milli huma dipendenti fuqu l-uċuħ tar-raba’ tradizzjonali f’għalqa miftuħa u huwa inqas affettwat mill-pesti. Bl-istess mod, l-imsemmi tkabbir jiggarantixxi aħjar il-provvista ta’ prodotti agrikoli, billi jippermetti l-provvista tagħhom bi prezzijiet raġonevoli u bi spejjeż ta’ trasport iktar baxxi.

78.      Ċertament, il-PAK tidher li hija iktar imfassla għall-agrikoltura tradizzjonali, peress li l-appoġġi lill-bdiewa huma stabbiliti abbażi tal-ettari eliġibbli, jiġifieri l-erja, li jaqbel iktar mal-agrikoltura f’għalqa miftuħa u tal-pjanti mħawlin fl-art (39). Iżda huwa minnu wkoll li, fi produzzjonijiet oħra (pereżempju, ħxejjex u frott), it-tkabbir idroponiku jista’ jkun konvenjenti ħafna u, fin-nuqqas ta’ projbizzjoni espressa, ma narax li hemm biżżejjed raġunijiet sabiex dawn il-modalitajiet ġodda ta’ produzzjoni, li l-armonija tagħhom mal-għanijiet tal-PAK nemmen li hija murija, jiġu esklużi.

79.      Fi kliem ieħor, ir-regoli tal-PAK ma għandhomx jiġu interpretati b’mod li jrażżan l-iżvilupp teknoloġiku tal-agrikoltura, li jkun il-każ jekk l-operat fi spazji magħluqa u adattati bl-idroponika jiġi eskluż mill-pagamenti diretti għall-erjas.

80.      Fi kwalunkwe każ, waqt is-seduta l-Kummissjoni ammettiet li t-tkabbir tal-qanneb fi spazji magħluqa b’sistemi idroponiċi huma kompatibbli mar-Regolament Nru 1308/2013, iżda li tali uċuh tar-raba’ ma jkunux eliġibbli għall-pagamenti diretti taħt ir-Regolament Nru 1307/2013, għalkemm ikunu eliġibbli għal tipi oħra ta’ appoġġi bħal, b’mod partikolari, dawk mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR).

81.      Għalkemm naqbel mal-argument tal-Kummissjoni fir-rigward tar-Regolament Nru 1308/2013, ma naħsibx li dan huwa korrett fir-rigward tar-Regolament Nru 1307/2013. Huwa minnu li t-tkabbir tal-qanneb fi spazji magħluqa b’sistema idroponika huwa iktar intensiv minn dak tal-qanneb fil-beraħ, b’tali mod li tiġi okkupata inqas art u, għalhekk, il-pagamenti diretti jkunu iktar baxxi (40). Iżda ma nara l-ebda raġuni sabiex il-pagamenti diretti jiġu miċħuda sempliċement għax ma jkun hemm l-ebda interazzjoni bejn l-għeruq tal-pjanta tal-qanneb u l-ħamrija, kif għadni kif indikajt.

82.      Fil-qosor, fl-opinjoni tiegħi erja intiża għat-tkabbir tal-qanneb fi spazji magħluqa adattati b’sistemi idroponiċi tista’ titqies bħala erja agrikola, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(e) u (f) tar-Regolament Nru 1307/2013.

2.      Kontenut ta’ THC u ta’ CBD tal-qanneb

83.      It-tkabbir tal-qanneb huwa suġġett għal rekwiżiti speċifiċi sabiex jikseb pagamenti diretti, minħabba li minn din il-pjanta jistgħu jiġu estratti u kkummerċjalizzati narkotiċi:

–      Skont l-Artikolu 32(6) tar-Regolament Nru 1307/2013, l-erjas użati għall-produzzjoni tal-qanneb ikunu ettari eliġibbli biss jekk il-varjetajiet użati jkollhom kontenut ta’ THC ta’ mhux iktar minn 0.2 %.

–      Għalkemm ma huwiex applikabbli ratione temporis għal din it-tilwima, ir-Regolament (UE) 2021/2115 għolla l-kontenut ta’ THC għal 0.3 % mill‑1 ta’ Jannar 2023 (41).

–      L-Artikolu 53(5) tar-Regolament ta’ Delega Nru 639/2014 jestendi dan ir-rekwiżit għall-erjas tal-produzzjoni tal-qanneb sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-appoġġ akkoppjat volontarju, li r-Rumanija użat.

–      L-Artikolu 35(3) tar-Regolament Nru 1307/2013 (42) jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta att iddelegat taħt il-kundizzjonijiet li jipprovdi (43). Il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Delega Nru 639/2014, li l-Artikolu 9 (44) tiegħu jirrikjedi li l-bdiewa jużaw żerriegħa ċċertifikata tal-varjetajiet elenkati fil-katalgu komuni tal-Unjoni Ewropea ta’ varjetajiet ta’ speċi ta’ pjanti agrikoli. Hemm 75 varjetà ta’ qanneb irreġistrati f’dan il-katalgu.

84.      Minn dan is-sett ta’ regoli jirriżulta li l-bdiewa jistgħu jiksbu pagamenti diretti jekk jiżirgħu qanneb ta’ waħda mill-varjetajiet li l-kontenut ta’ THC tagħha jkun inqas minn 0.2 % (jew 0.3 % mill‑1 ta’ Jannar 2023). Fil-każ tat-tkabbir tal-qanneb fil-beraħ ma jidhirx li hemm riskju ta’ żieda fit-THC.

85.      Il-kundizzjonijiet speċifiċi sabiex ikun hemm eliġibbiltà għall-pagamenti diretti għat-tkabbir tal-qanneb huma wkoll rekwiżiti sabiex tinkiseb l-awtorizzazzjoni amministrattiva korrispondenti, skont id-dritt tal-Unjoni, u sabiex dak il-prodott jitkabbar legalment. Ir-rispett ta’ dawn il-kundizzjonijiet għandu jippermetti lill-produtturi jwettqu din l-attività, kif saħqet is-sentenza Hammarsten.

3.      Projbizzjoni adottata mill-awtoritajiet Rumeni

86.      Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li l-awtoritajiet Rumeni jipprojbixxu t-tkabbir tal-qanneb fi spazji magħluqin u adattati, b’kultivazzjoni idroponika, minħabba r-riskju li l-kontenut tat-THC tal-pjanti mkabbrin b’dan il-mod jaqbeż il-limiti permessi, bil-ħsara konsegwenti għas-saħħa pubblika.

87.      L-istabbiliment ta’ OKS ma jipprekludix lill-Istati Membri milli japplikaw ir-regoli nazzjonali li għandhom għan ta’ interess ġenerali differenti minn dawk koperti mill-OKS, anki jekk din il-leġiżlazzjoni tista’ taffettwa l-funzjonament tas-suq fis-settur inkwistjoni (45).

88.      Il-miżuri nazzjonali iktar restrittivi intiżi sabiex jipproteġu għan ta’ interess ġenerali għandhom, madankollu, josservaw ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità, jiġifieri jkunu adegwati sabiex jiżguraw l-ilħuq tal-għan imfittex u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dan jintlaħaq. L-eżami tal-proporzjonalità għandu jsir billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, kemm l-għanijiet tal-PAK kif ukoll il-funzjonament korrett tal-OKS, u dan jinvolvi bbilanċjar bejn dawn l-għanijiet u l-għan li l-ilħuq tiegħu huwa mfittex mir-regolamenti nazzjonali (46).

89.      Barra minn hekk, miżura restrittiva tkun xierqa sabiex tiggarantixxi l-ilħuq tal-għan imfittex biss jekk tegħleb effettivament il-problema li dan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku (47).

90.      Ir-Regolament Nru 1307/2013 u r-regoli l-oħra tal-Unjoni dwar it-tkabbir tal-qanneb industrijali jwieżnu l-interessi inkwistjoni billi jippermettu biss it-tkabbir ta’ qanneb b’livelli ta’ THC taħt 0.2 %. Peress li f’dawn ir-regoli ma hemm l-ebda referenza espliċita għat-tekniċi ta’ tkabbir tal-qanneb industrijali, Stat Membru jkollu l-possibbiltà li jadotta miżuri restrittivi addizzjonali fir-rigward ta’ dak it-tkabbir.

91.      Bl-użu ta’ din il-possibbiltà, l-awtoritajiet Rumeni qiesu li jeżisti riskju reali li t-tkabbir tal-varjetajiet tal-qanneb fi spazji magħluqa u b’sistemi idroponiċi jista’ jżid il-livell tat-THC, sabiex jaqbeż il-limitu legali permess ta’ 0.2 %. Il-qanneb imkabbar b’dan il-mod jista’ jiġi “iddevjat” għall-produzzjoni ta’ narkotiċi, b’dannu għas-saħħa pubblika.

92.      B’reazzjoni għal dan ir-riskju, l-awtoritajiet Rumeni, filwaqt li jqisu l-prinċipju ta’ prekawzjoni, japplikaw projbizzjoni ex ante, billi jargumentaw li t-twettiq ta’ kontrolli ex post fuq pjantaġġuni tal-qanneb fi spazji magħluqa ma jipproteġix biżżejjed l-interess ġenerali. Fl-opinjoni tagħhom, dawn il-kontrolli huma ppjanati għall-qanneb imkabbar fil-beraħ, u mhux għall-qanneb imkabbar fi spazji magħluqin, li ċ-ċikli tat-tkabbir u l-fjoritura tiegħu jvarjaw (48).

93.      Il-proċedura A tat-teħid ta’ kampjuni sabiex jiġi ddeterminat il-kontenut ta’ THC hija stabbilita, kif diġà indikajt, fl-Anness III tar-Regolament ta’ Delega Nru 639/2014 (49) b’dawn l-ispeċifikazzjonijiet:

–      il-punt 2.1 (“Il-kampjuni”): “[…] minn wiċċ tar-raba’ mhux maħsud ta’ varjetà partikolari tal-qanneb, għandha tittieħed biċċa twila 30 cm li jkun fiha tal-inqas inflorexxenza femminili waħda għal kull pjanta magħżula. Il-kampjuni għandhom jittieħdu matul perjodu li jibda wara 20 jum wara li tibda l-fjoritura sa għaxart (10) ijiem wara li din tintemm”;

–      punt 2.2 (“Id-daqs tal-kampjun”): “il-kampjun għandu jkun fih partijiet ta’ 50 pjanta għal kull għalqa”.

94.      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa kemm din iċ-ċirkustanza, kif ukoll iċ-ċirkustanzi l-oħra li jaffettwaw il-proporzjonalità tal-miżura nazzjonali restrittiva (u, konsegwentement, is-sentenza dwar il-kompatibbiltà tagħhom mad-dritt tal-Unjoni), iżda l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħtiha linji gwida sabiex tagħmel dan.

95.      Fl-ewwel lok, ma hemm l-ebda dubju dwar in-natura dannuża tan-narkotiċi (inklużi dawk derivati mill-qanneb, bħall-kannabis), u għalhekk il-kummerċjalizzazzjoni tagħhom hija pprojbita. Madankollu, kummerċ ikkontrollat b’mod strett huwa awtorizzat għall-użu għal finijiet mediċi u xjentifiċi (50).

96.      Għalhekk, l-interess ġenerali tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika jista’ jiġġustifika miżura nazzjonali li tipprojbixxi t-tkabbir tal-qanneb, dejjem jekk il-pjanti jintużaw għall-produzzjoni ta’ drogi narkotiċi bħall-kannabis, miksub mit-THC.

97.      Fit-tieni lok, l-informazzjoni pprovduta minn Biohemp tenfasizza li l-varjetà ta’ qanneb imħawla fi spazju magħluq u b’sistemi idroponiċi għandha kontenut ta’ THC li ma jaqbiżx 0.2 %. Biohemp tiddikjara li t-tkabbir fuq ġewwa u b’sistema idroponika jikkawża żieda fiċ-CBD tal-pjanta, iżda mhux fil-livell tat-THC. Skont l-awtoritajiet Rumeni, xi studji jissuġġerixxu li anki l-livell tat-THC jista’ jiżdied u li bħalissa għad ma hemm l-ebda analiżi konklużiva li tikkonferma l-oppost.

98.      Kif spjegat il-Kummissjoni waqt is-seduta, jekk il-pjanti jkunu tal-varjetajiet ta’ qanneb awtorizzati għat-tkabbir fl-Unjoni, għandu jkollhom livell ta’ THC li ma jaqbiżx 0.2 %, anki jekk jitħawlu fi spazji magħluqin u b’sistemi idroponiċi.

99.      Suġġett għall-verifiki bbażati fuq studji xjentifiċi affidabbli, jidher li livell għoli ta’ CBD fi pjanta partikolari tal-qanneb iwassal għal livell iktar baxx ta’ THC, li jfisser li din il-pjanta ma twassalx għall-produzzjoni ta’ drogi. F’dan il-każ, għalhekk, ir-riskju ta’ żieda fil-livell ta’ THC ikun eskluż, iżda dan huwa punt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

100. Il-kannabinojd li ż-żieda tiegħu hija kkonfermata fil-kuntest tat-tkabbir fuq ġewwa u permezz ta’ sistema idroponika ta’ varjetajiet tal-qanneb industrijali, skont l-informazzjoni disponibbli, huwa ċ-CBD.

101. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità li tiċċara li, fl-istat attwali tal-għarfien xjentifiku, iċ-CBD ma jinkludix ingredjent psikoattiv (51). Għalhekk, iċ-CBD ma għandux jiġi kklassifikat bħala droga narkotika fis-sens tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Traffiku Illeċitu ta’ Drogi Narkotiċi u Sustanzi Psikotropiċi, konkluża fi Vjenna fl‑20 ta’ Diċembru 1988 (52), li għaliha huma partijiet l-Istati Membri kollha (53).

102. Jekk it-tkabbir tal-qanneb industrijali fi spazji magħluqin u b’sistemi idroponiċi jżid biss iċ-CBD tal-pjanti u ma jżidx il-kontenut (legali) tagħhom ta’ THC, Stat Membru ma jistax sempliċement jiġġustifika r-restrizzjoni tiegħu għar-raġuni tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika. Iċ-CBD, nirrepeti, skont l-istat attwali tal-għarfien, “ma jikkostitwixxix droga narkotika, fis-sens tal-Konvenzjoni Unika” (54).

103. Fit-tielet lok, miżura nazzjonali li tillimita l-produzzjoni tal-qanneb industrijali fi spazji magħluqin u b’sistema idroponika tista’ tgħaddi mit-test ta’ proporzjonalità biss jekk tiġi applikata b’mod koerenti u sistematiku.

104. Waqt is-seduta ġie diskuss jekk ir-rekwiżiti ta’ koerenza u ta’ applikazzjoni sistematika tal-projbizzjoni humiex preżenti fir-Rumanija. Skont Biohemp, f’xi provinċji (Constanța, Dâmbovița u Sibiu) ta’ dan l-Istat Membru dan it-tip ta’ tkabbir tal-qanneb huwa permess. Barra minn hekk, fi ħsad preċedenti fl-istess provinċja ta’ Alba (ir-Rumanija), l-awtoritajiet kienu awtorizzaw lil Biohemp tkabbar il-qanneb fi spazju magħluq u adattat b’sistema idroponika (55). Il-Gvern Rumen ċaħad dawn id-dikjarazzjonijiet, u l-kontroversja dwar dan il-punt għadha ma ġietx solvuta.

105. Fi kwalunkwe każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-miżura restrittiva nazzjonali hijiex applikata b’mod sistematiku u koerenti fit-territorju Rumen.

106. Finalment, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeħtieġ li jiġi ċċarat jekk hemmx alternattiva inqas restrittiva mill-projbizzjoni ġenerali tat-tkabbir tal-qanneb fi spazji magħluqin, sabiex jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika mfittex mill-Istat Rumen.

107. F’dan is-sens, ta’ min jikkunsidra li dan it-tip ta’ tkabbir tal-qanneb jiġi awtorizzat suġġett għal kontrolli rigorużi sabiex jiġi vverifikat li l-pjanti miksuba ma jaqbżux il-perċentwali ta’ 0.2 % THC. Id-diffikultajiet invokati mill-Gvern Rumen għat-twettiq ta’ dawn il-kontrolli jistgħu, eventwalment, jingħelbu billi għall-qanneb imkabbar fi spazji magħluqin jiġu applikati, fost miżuri oħra (minbarra l-kisba tal-awtorizzazzjoni meħtieġa), il-kontrolli ta’ teħid ta’ kampjuni sabiex jitkejjel il-livell ta’ THC previsti mir-Regolament ta’ Delega Nru 639/2014.

108. Finalment, l-Artikolu 32(6) tar-Regolament Nru 1307/2013 jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi t-tkabbir ta’ varjetajiet ta’ qanneb b’kontenut ta’ THC ta’ inqas minn 0.2 %, meta t-teknika tat-tkabbir użata (fi spazji magħluqin u adattati b’sistema idroponika) tikkawża żieda sinjifikattiva fil-kontenut taċ-CBD tiegħu, sakemm din il-leġiżlazzjoni ma tkunx adegwata sabiex tiggarantixxi l-kisba tal-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq.

V.      Konklużjoni

109. Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-Curtea de Apel Alba Iulia (il-Qorti tal-Appell ta’ Alba Iulia, ir-Rumanija) fit-termini li ġejjin:

“Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 u r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

–      L-Artikolu 4(1)(e) u (f) tar-Regolament Nru 1307/2013 jippermetti li erja użata għat-tkabbir tal-qanneb (Cannabis sativa L.) fi spazji magħluqin adattati b’sistemi idroponiċi tiġi kklassifikata bħala erja agrikola.

–      L-Artikolu 32(6) tar-Regolament Nru 1307/2013 jipprekludi, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi t-tkabbir ta’ varjetajiet ta’ qanneb b’kontenut ta’ tetraidrokannabinol (THC) ta’ inqas minn 0.2 %, meta t-teknika tat-tkabbir użata (fi spazji magħluqin adattati b’sistemi idroponiċi) tikkawża żieda sinjifikattiva fil-kontenut ta’ kannabidiol (CBD) tiegħu, sakemm din il-leġiżlazzjoni ma tkunx adegwata sabiex tiggarantixxi l-kisba tal-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq, punt li għandu jiġi ddeterminat mil-qorti tar-rinviju”.


1      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU 2013, L 347, p. 608, rettifika fil-ĠU 2016, L 130, p. 7).


3      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU 2013, L 347, p. 671, rettifiki fil-ĠU 2014, L 189, p. 261, fil-ĠU 2016, L 130, p. 8, fil-ĠU 2020, L 1, p. 5, u fil-ĠU 2022, L 195, p. 106).


4      Legea nr. 18/1991, din 19 februarie 1991, a fondului funciar (il-Liġi Nru 18/1991 tad‑19 ta’ Frar 1991 dwar il-proprjetà immobbli) (Monitorul Oficial al României, parti I, Nru 1, tal‑5 ta’ Jannar 1998), bl-emendi sussegwenti tagħha. Iktar ’il quddiem “il-Liġi 18/1991”.


5      Legea nr. 339 din 29 noiembrie 2005 privind regimul juridic al plantelor, substanțelor și preparatelor stupefiante și psihotrope (Monitorul Oficial al României, parti I, Nru 1095, tal‑5 ta’ Diċembru 2005) (il-Liġi Nru 339, tad‑29 ta’ Novembru 2005, dwar l-iskema ġuridika tal-pjanti, sustanzi u preparati narkotiċi u psikotropiċi). Iktar ’il quddiem “il-Liġi 339/2005”.


6      Normele metodologice din 22 decembrie 2006 de aplicare a prevederilor Legii nr. 339/2005 privind regimul juridic al plantelor, substanțelor și preparatelor stupefiante și psihotrope (ir-Regolament tat‑22 ta’ Diċembru 2006, ta’ implimentazzjoni tal-Liġi Nru 339/2005, dwar l-iskema ġuridika tal-pjanti, sustanzi u preparati narkotiċi u psikotropiċi), approvat bid-Digriet tal-Gvern Nru 1915/2006 (Monitorul Oficial al României, parti I, Nru 18 tal‑11 ta’ Jannar 2007), kif emendati. Iktar ’il quddiem “ir-Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Liġi 339/2005”


7      Skont il-qorti tal-ewwel istanza, kien irrilevanti li Biohemp kellha għad-dispożizzjoni tagħha l-erja kollha ta’ 0.54 ettaru rreġistrata fir-Reġistru Agrikolu, peress li r-regoli applikabbli jirreferu għall-użu legali tal-“art agrikola”. Il-maħżen ma jistax jiġi assimilat ma’ art agrikola fis-sens tal-Artikolu 4(5)(b) tar-Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Liġi 339/2005. Dan l-artikolu ma jagħmilx riferiment għall-art “għall-użu agrikolu”, iżda, stricto sensu, għall-art agrikola produttiva msemmija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(a) tal-Liġi 18/1991.


8      Iktar ’il quddiem “THC”.


9      Iktar ’il quddiem “CBD”.


10      Skont Biohemp, il-Liġi 339/2005 ma tistabbilixxi ebda limitazzjoni dwar fejn jista’ jitkabbar il-qanneb. Ir-Regolamenti ta’ implimentazzjoni tagħha ma jagħmilx riferiment għall-kunċett ta’ art agrikola produttiva, iżda biss għal art agrikola. Għalhekk, l-interpretazzjoni in extenso tal-kunċett ta’ art agrikola, fis-sens ta’ art għal użu agrikolu, kif previst fl-Artikolu 2(a) tal-Liġi 18/1991, hija korretta. Għall-bqija, għalkemm fiż-żmien tal-bini u tar-reġistrazzjoni tiegħu fir-Reġistru tal-Proprjetà, il-maħżen ta’ 400 m2 kien maħsub għall-agrikoltura, bħalissa huwa rinnovat u użat bħala spazju protett għat-tkabbir tal-pjanti. Dan jidher ċar miċ-ċertifikat li jiċċertifika r-reġistrazzjoni tiegħu fir-Reġistru Agrikolu, maħruġ mill-Kunsill tal-Belt ta’ Pianu (ir-Rumanija).


11      Biohemp tinvoka s-sentenzi tas‑16 ta’ Jannar 2003, Hammarsten (C‑462/01, EU:C:2003:33; iktar ’il quddiem is-“sentenza Hammarsten”); u tad‑19 ta’ Novembru 2020, B S u C A [Kummerċjalizzazzjoni ta’ kannabidiol (CBD)] (C‑663/18, EU:C:2020:938; iktar ’il quddiem is-“sentenza B. S. u C. A. (Kummerċjalizzazzjoni tal-kannabidjol (CBD))”, kif ukoll is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2008, Babanov (C‑207/08, mhux ippubblikata, EU:C:2008:407).


12      Sabiex tingħata l-awtorizzazzjoni, ir-regolamenti applikabbli jeħtieġu li jiġu sottomessi dokumenti fir-rigward ta’ art agrikola produttiva, u mhux bini. Il-kunċett ta’ “art agrikola” għandu jiġi interpretat stricto sensu, jiġifieri, bħala art agrikola produttiva fis-sens tal-Liġi 18/1991. Jekk jiġi interpretat in extenso, il-qanneb jista’ jitkabbar ukoll fil-kategoriji l-oħra ta’ art maħsuba għall-agrikoltura (bħal art b’veġetazzjoni ta’ msajġar jew art li ma hijiex produttiva), li huwa impossibbli. L-art agrikola hija differenti minn art okkupata minn bini u faċilitajiet agrikoli u tal-biedja, li t-tnejn huma subkategoriji tal-kategorija ta’ art għall-użu agrikolu.


13      Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni tal‑11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lil bdiewa skont skemi ta’ appoġġ fi ħdan il-qafas tal-politika agrikola komuni u li jemenda l-Anness X ta’ dak ir-Regolament (ĠU 2014, L 181, p. 1). L-Anness III (“Metodu tal-Unjoni biex jiġi stabbilit b’mod kwantitattiv il-kontenut ta’ Δ9-tetraidrokannabinol fil-varjetajiet tal-qanneb”) ġie inkorporat bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1155 tal-15 ta’ Frar 2017, li jemenda r-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 fejn jidħlu l-miżuri tal-kontroll relatati mal-kultivazzjoni tal-qanneb […] u li jemenda l-Anness X tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2017, L 167, p. 1).


14      L-awtorità provinċjali ressqet osservazzjonijiet bil-miktub wara l-iskadenza, u għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdithom.


15      Sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten (C‑268/15, EU:C:2016:874, punt 55). Iktar ’il quddiem is-“sentenza Ullens de Schooten”.


16      Sentenzi Ullens de Schooten, punt 47; u tat‑18 ta’ Jannar 2022, Thelen Technopark Berlin (C‑261/20, EU:C:2022:33, punt 50).


17      Sentenza Ullens de Schooten, punti 50 sa 53. Ara, ukoll, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2018, Fremoluc (C‑343/17, EU:C:2018:754, punt 20).


18      Sentenzi Ullens de Schooten, punti 54 u 55; u tat‑2 ta’ Marzu 2023, Bursa Română de Mărfuri (C‑394/21, EU:C:2023:146, punti 50 u 51).


19      Sentenzi tad‑19 ta’ April 2018, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi (C‑152/17, EU:C:2018:264, punt 22); u tat‑2 ta’ Settembru 2021, Irish Ferries (C‑570/19, EU:C:2021:664, punt 133).


20      Kif diġà ġie espost, l-awtorità provinċjali tat l-awtorizzazzjoni biss għall-art (0.50 ettari) f’għelieqi miftuħa, iżda mhux għall-erja (0.04 ettari) magħluqa adattata għat-tkabbir tal-qanneb permezz ta’ irrigazzjoni idroponika.


21      Hija l-qorti nazzjonali, li qiegħda tisma’ t-tilwima, li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tadotta u tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tas‑26 ta’ Mejju 2011, Stichting Natuur en Milieu et, C‑165/09 sa C‑167/09, EU:C:2011:348, punt 47; tad‑9 ta’ Settembru 2015, X u van Dijk, C‑72/14 u C‑197/14, EU:C:2015:564, punt 57; u tat‑12 ta’ Mejju 2021, Altenrhein Luftfahrt, C‑70/20, EU:C:2021:379, punt 25).


22      Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat kemm-il darba li l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE tikkostitwixxi strument ta’ kooperazzjoni bejnha u bejn il-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu hija tipprovdi lil dawn tal-aħħar l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom sabiex jiddeċiedu l-kawżi li jkunu tressqu quddiemhom u li l-ġustifikazzjoni tar-rinviju għad-deċiżjoni preliminari ma tkunx tirrigwarda formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, iżda ħtieġa inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima (sentenzi tat‑22 ta’ Marzu 2022, Prokurator Generalny (Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema – Ħatra), C‑508/19, EU:C:2022:201, punti 60 sa 62; u tad‑9 ta’ Jannar 2024, G et (Ħatra tal-imħallfin tal-qrati ordinarji fil-Polonja), C‑181/21 u C‑269/21, EU:C:2024:1, punti 62 u 64).


23      Loġikament, l-evalwazzjonijiet ta’ natura teknika indispensabbli sabiex tingħata risposta lill-qorti tar-rinviju huma dawk li jirriżultaw mill-proċess u mill-osservazzjonijiet tal-partijiet, li għandhom jirriflettu l-istat attwali tal-għarfien xjentifiku dwar il-kwistjoni. La dawn il-konklużjonijiet u lanqas id-deċiżjoni futura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhom portata oħra ħlief dik strettament ġuridika.


24      Ara l-punti 83 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.


25      Jista’ jintuża bħala fibra tat-tessuti simili għall-għażel; għall-produzzjoni ta’ ikel għall-bnedmin, miż-żerriegħa tal-qanneb imqaxxra, u ta’ ikel għall-annimali biż-żerriegħa sħiħa; għall-użu fil-kostruzzjoni ta’ konkrit tal-qanneb, suf tal-qanneb u insulazzjoni tal-fiberboard; għall-manifattura ta’ karta minn fibri tal-qanneb; għall-produzzjoni ta’ kożmetiċi (żjut, lozjonijiet jew xampujiet); u bħala bijokarburant. Ara l-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni fuq https://agriculture.ec.europa.eu/farming/crop-productions-and-plant-based-products/hemp_en?prefLang=mt.


26      L-Istati Membri, taħt ċerti kundizzjonijiet, jistgħu jagħtu appoġġ akkoppjat volontarju lill-bdiewa li jkabbru l-qanneb, appoġġ li attwalment jingħata minn Franza, mill-Polonja u mir-Rumanija.


27      Sentenza Hammarsten, punti 30 u 31. Fid-dispożittiv tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 1308/70 tad‑29 ta’ Ġunju 1970 li jistabbilixxu l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-kittien u l-qanneb tal-kittien, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2826/2000 tad‑19 ta’ Diċembru 2000 dwar l-azzjonijiet ta’ tagħrif u ta’ promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern, u (KEE) Nru 1420/98 tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 1998, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha l-effett li tipprojbixxi t-tkabbir u l-pussess tal-qanneb industrijali li huwa s-suġġett tal-imsemmija regolamenti”.


28      Sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Piscicola Tulcea u Ira Invest (C‑294/19 u C‑304/19, EU:C:2021:340, punt 63): “erja għandha tiġi kklassifikata bħala ‘agrikola’ meta din effettivament tkun tintuża bħala ‘art li tinħarat’, fis-sens tad-dispożizzjonijiet imfakkra fil-punt 61 ta’ din is-sentenza (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Landkreis Bad Dürkheim, C‑61/09, EU:C:2010:606, punt 37) u […] u li din il-klassifikazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mis-sempliċi fatt li tali erja ntużat bħala art li tinħarat bi ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-klassifikazzjoni tal-artijiet”.


29      Sentenzi tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Landkreis Bad Dürkheim (C‑61/09, EU:C:2010:606, punt 37); tat‑2 ta’ Lulju 2015, Wree (C‑422/13, EU:C:2015:438, punt 36); tat‑2 ta’ Lulju 2015, Demmer (C‑684/13, EU:C:2015:439, punt 56); u tad‑29 ta’ April 2021, Piscicola Tulcea u Ira Invest (C‑294/19 u C‑304/19, EU:C:2021:340, punt 62).


30      Sentenzi tat‑2 ta’ Lulju 2015, Demmer (C‑684/13, EU:C:2015:439, punt 54); u tad‑29 ta’ April 2021, Piscicola Tulcea u Ira Invest (C‑294/19 u C‑304/19, EU:C:2021:340, punt 64).


31      L-Artikolu 4(1)(f) tar-Regolament Nru 1307/2013. Enfasi miżjuda.


32      L-argument tal-Kummissjoni huwa rifless fid-dokument Direct Payments Eligibility for direct payments of the Common Agricultural Policy, Mejju 2019, p. 4, f’dawn it-termini: “greenhouses are considered eligible provided the land maintains the characteristics of an agricultural area. However, in specific situations, e.g. cultivation of plants in pots with no interaction of the plants roots with the soil, or greenhouses where the soil is concrete (e.g. hydroponic cultivation), the areas are considered not eligible because the soil is not contributing to the development of the crop”.


33      Ir-Regolament ta’ Delega Nru 639/2014, fl-Artikolu 53(5) tiegħu, jistipula li “l-Istati Membri ma jistgħux jagħtu appoġġ akkoppjat relatat maż-żona lil żoni li mhumiex żoni eliġibbli fis-sens tal-Artikolu 32(2), (3) u (4) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 […]”.


34      Fl-erjas taħt serer, pereżempju, l-art ħafna drabi tkun miksija b’saff ta’ ramel u n-nutrijenti kollha li jeħtieġu l-pjanti jiġu miżjuda bl-irrigazzjoni. F’okkażjonijiet oħra, it-tħawwil isir fuq l-art, iżda l-għeruq tal-pjanta ma jippenetrawx fiha, iżda jinżammu f’kopertura artifiċjali ta’ pit jew materjal simili, li titqiegħed ġewwa tubu wiesa’, li fih jiddaħħlu n-nutrijenti bl-ilma tat-tisqija, u l-għeruq tal-pjanta jibqgħu ġewwa dan it-tubu.


35      Dan il-kontroll jippermetti l-użu ta’ tekniċi ta’ ġlieda bijoloġika integrata, li permezz tagħha jiġu prodotti insetti li jieklu l-pesti sabiex dawn jiġu eliminati mill-uċuħ tar-raba’, bil-għan li jitnaqqas jew jitneħħa l-użu ta’ insettiċidi.


36      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (ĠU 2018, L 150, p. 1).


37      “Peress li l-produzzjoni organika tal-pjanti hija bbażata fuq in-nutrizzjoni tal-pjanti primarjament permezz tal-ekosistema tal-ħamrija, jenħtieġ li l-pjanti jiġu prodotti fuq u ġewwa ħamrija ħajja f’kuntatt mas-sottoswol u s-sodda ta’ blat. Konsegwentement, jenħtieġ li ma tkunx permessa l-produzzjoni idroponika, u lanqas it-tkabbir ta’ pjanti f’kontenituri, boroż jew ħammiela fejn l-għeruq ma jkunux f’kuntatt mal-ħamrija ħajja”.


38      “Il-produzzjoni idroponika, li hija metodu ta’ tkabbir tal-pjanti li ma jikbrux b’mod naturali fl-ilma bl-għeruq tagħhom f’soluzzjoni ta’ nutrijenti waħedha jew f’midjum inert li miegħu tinżdied soluzzjoni ta’ nutrijenti, hija projbita”.


39      Fil-fatt, xi prodotti agrikoli ma humiex adattati għat-tkabbir b’sistemi idroponiċi (pereżempju, iċ-ċereali).


40      L-erja ta’ art użata f’dawn il-produzzjonijiet ser tkun inqas milli fit-tkabbir tal-qanneb f’għelieqi miftuħa u l-appoġġ diretta skont l-erja li jirċievu l-bdiewa ser ikun ukoll, b’mod korrispondenti, inqas. Iżda l-produttività ikbar tat-tkabbir fi spazji magħluqa bl-idroponika tista’ tikkumpensa għat-tnaqqis fl-appoġġ dirett skont l-erja.


41      Mill‑1 ta’ Jannar 2023, ir-Regolament Nru 1307/2013 ġie mħassar u sostitwit bir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (ĠU 2021, L 435, p. 1 u rettifiki ĠU 2022, L 181, p. 35, ĠU 2022, L 227, p. 136). It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament 2021/2115 jistabbilixxi li “ż-żoni użati għall-produzzjoni tal-qanneb għandhom ikunu ettari eliġibbli biss jekk il-varjetajiet użati jkollhom kontenut ta’ tetraidrokannabinol ta’ mhux aktar minn 0,3 %”. Il-premessa 18 ta’ dan ir-regolament tispjega li “fir-rigward taż-żoni użati għall-produzzjoni tal-qanneb, sabiex tiġi preservata s-saħħa pubblika u biex tiġi żgurata l-koerenza ma’ korpi oħra ta’ leġiżlazzjoni, jenħtieġ li l-użu tal-varjetajiet taż-żerriegħa tal-qanneb b’kontenut ta’ tetraidrokannabinol ta’ inqas minn 0,3 % ikun inkluż fid-definizzjoni ta’ ‘ettaru eliġibbli’”.


42      “Sabiex tiġi ppreservata s-saħħa pubblika, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta atti ddelegati f’konformità mal-Artikolu 70 li jistipula regoli li jagħmlu l-għoti ta’ pagamenti soġġett għall-kondizzjoni ta’ użu ta’ żrieragħ iċċertifikati ta’ ċerti varjetajiet ta’ qanneb u l-proċedura għad-determinazzjoni ta’ varjetajiet tal-qanneb u l-verifika tal-kontenut ta’ tetraidrokannabinol tagħhom imsemmi fl-Artikolu 32(6)”.


43      Ara wkoll ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2022/1393 tal‑11 ta’ Awwissu 2022 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 fir-rigward tal-livelli massimi ta’ delta-9-tetraidrokannabinol (Δ9-THC) fiż-żrieragħ tal-qanneb u fil-prodotti derivati minnhom (ĠU 2022, L 211, p. 83), imħassar impliċitament mill‑24 ta’ Mejju 2023 bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/915 tal‑25 ta’ April 2023 dwar il-livelli massimi għal ċerti kontaminanti fl-ikel u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1881/2006 (ĠU 2023, L 119, p. 103).


44      “Għall-finijiet tal-Artikolu 32(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-eliġibbiltà ta’ żoni użati għall-produzzjoni tal-qanneb għandha tkun soġġetta għall-użu ta’ żerriegħa tal-varjetajiet elenkati fil-“Katalgu Komuni ta’ Varjetajiet ta’ Speċi ta’ Pjanti Agrikoli” fil‑15 ta’ Marzu tas-sena li għaliha qiegħed jingħata l-pagament u ppubblikat f’konformità mal-Artikolu 17 tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/53/KE [tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-varjetajiet komuni ta’ katalgi ta’ speċi ta’ pjanti agrikoli (ĠU L 193, 20.7.2002, p. 1)]. Iż-żerriegħa għandha tkun ċertifikata f’konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 2002/57/KE [tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-marketing taż-żerriegħa ta’ pjanti taż-żejt u tal-fibra (ĠU 2002 L 193, p. 74).]”


45      Sentenza Hammarsten, punt 31; u s-sentenza tat‑23 ta’ Diċembru 2015, Scotch Whisky Association et (C‑333/14, EU:C:2015:845, punt 26).


46      Sentenza tat‑23 ta’ Diċembru 2015, Scotch Whisky Association et (C‑333/14, EU:C:2015:845, punt 28).


47      Sentenzi tat‑3 ta’ Marzu 2011, Kakavetsos-Fragkopoulos (C‑161/09, EU:C:2011:110, punt 42); tat‑23 ta’ Diċembru 2015, Scotch Whisky Association et (C‑333/14, EU:C:2015:845, punt 37); u B. S. u C. A. [Kummerċjalizzazzjoni tal-kannabidiol (CBD)]”, punt 87.


48      Waqt is-seduta, il-Gvern Rumen enfasizza d-diffikultajiet loġistiċi fl-adattament ta’ dan it-tip ta’ kontrolli għat-tkabbir tal-qanneb fi spazji magħluqin, peress li ċ-ċikli tal-fjoritura jvarjaw minn dawk normali fil-beraħ.


49      Kif emendat bir-Regolament Delegat 2017/1155.


50      Sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 2010, Josemans, (C‑137/09, EU:C:2010:774, punt 36); u B. S. u C. A. [Kummerċjalizzazzjoni tal-kannabidiol (CBD)], punt 59.


51      Sentenza B. S. u C. A. [Kummerċjalizzazzjoni tal-kannabidiol (CBD)], punt 75.


52      Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, vol. 1582, Nru I‑27627.


53      Il-Konvenzjoni Unika dwar id-Drogi Narkotiċi tal‑1961 kif emendata bil-Protokoll tal‑1972 li jemenda l-Konvenzjoni Unika dwar id-Drogi Narkotiċi tal‑1961, konkluża fi New York fit‑30 ta’ Marzu 1961 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 520, Nru 7515). Ara s-sentenza B. S. u C. A. [Kummerċjalizzazzjoni tal-kannabidiol (CBD)], punt 76.


54      Sentenza B. S. u C. A. [Kummerċjalizzazzjoni tal-kannabidiol (CBD)], punt 76.


55      Skont Biohemp, l-awtorizzazzjoni mogħtija mill-awtorità provinċjali fl‑2020 għat-tkabbir tal-qanneb kienet tinkludi l-maħżen ta’ 400 m2 rinnovat u użat bħala spazju ta’ tkabbir protett, komparabbli ma’ serra. Fis-seduta, il-Gvern Rumen ċaħad dan l-argument, peress li l-awtorizzazzjoni ntalbet sabiex jiġu kkultivati 3 500 metru kwadru, mingħajr ma ġie speċifikat li l-maħżen kien jinsab hemmhekk.