Language of document : ECLI:EU:C:2016:633

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

7 ta’ Settembru 2016 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Prattiċi kummerċjali żleali – Direttiva 2005/29/KE – Artikoli 5 u 7 – Offerta konġunta – Bejgħ ta’ kompjuter mgħammar b’softwers installati minn qabel – Tagħrif importanti marbut mal-prezz – Ommissjoni qarrieqa – Impossibbiltà tal-konsumatur li jikseb l-istess mudell ta’ kompjuter mhux mgħammar b’softwers”

Fil-Kawża C‑310/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Ġunju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Ġunju 2015, fil-proċedura

Vincent Deroo-Blanquart

vs

Sony Europe Limited, suċċessur tad-drittijiet ta’ Sony France SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn D. Šváby, President tal-Awla, J. Malenovský u M. Safjan (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal V. Deroo-Blanquart, minn P. Rémy-Corlay, avukat,

–        għal Sony Europe Limited, suċċessur tad-drittijiet ta’ Sony Franza SA, minn P. Spinosi, avukat,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u J. Traband kif ukoll minn S. Ghiandoni, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Belġjan, minn J.-C. Halleux u J. Van Holm, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil kif ukoll minn S. Šindelková, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Roussanov u  M. Van Hoof kif ukoll minn K. Herbout-Borczak, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5 u 7 tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali”) (ĠU L 149, p. 22).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Vincent Deroo-Blanquart, iddomiċiljat fi Franza u Sony Europe Limited (iktar ’il quddiem “Sony”), suċċessur tad-drittijiet ta’ Sony France SA, stabbilita fi Franza, dwar prattika kummerċjali li tikkonsisti fil-bejgħ ta’ kompjuter mgħammar b’softwers installati minn qabel.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Skont il-premessi 13, 14, 17 u 18 tad-Direttiva 2005/29:

“(13) [...] Il-projbizzjoni ewlenija, stabbilita b’din id-Direttiva [...] tkopri prattiċi kummerċjali żleali li jgħawwġu l-imġieba ekonomika tal-konsumaturi. [...] Il-projbizzjoni ġenerali hija elaborata b’regoli dwar żewġ tipi ta’ prattiċi kummerċjali li b’marġni kbira huma l-iżjed komuni, jiġifieri l-prattiċi kummerċjali qarrieqa u l-prattiċi kummerċjali aggressivi.

(14)      Il-prattiċi kummerċjali li jqarrqu għandhom ikopru dawk il-prattiċi, inkluż ir-reklamar qarrieqi, iżommu l-konsumatur milli jagħmel għażla għaqlija u effiċjenti. B’konformità mal-liġijiet u l-prattiċi ta’ l-Istati Membri dwar ir-reklamar qarrieqi, din id-Direttiva tikklassifika prattiċi qarrieqa f’azzjonijiet qarrieqa u ommissjonijiet qarrieqa. Fir-rigward ta’ ommissjonijiet, din id-Direttiva tistabbilixxi numru limitat ta’ elementi ewlenin ta’ tagħrif li l-konsumatur għandu bżonn ikollu sabiex jagħmel deċiżjoni transazzjonali informata. [...]

[...]

(17)      Hu kunsiljabbli li dawk il-prattiċi kummerċjali li huma f’kull ċirkustanza żleali għandhom jiġu identifikati sabiex tiġi provduta ċertezza legali akbar. L-Anness I għalhekk fih lista sħiħa ta’ dawn il-prattiċi kollha. Dawn huma biss il-prattiċi kummerċjali li jistgħu jiġu meqjusa żleali, mingħajr l-eżami ta’ kull każ għalih fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 5 sa 9. [...]

(18)      [...] Konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, u sabiex tiġi permessa l-applikazzjoni effettiva tal-protezzjonijiet kontenuti fiha, din id-Direttiva tieħu bħala punt ta’ riferiment il-konsumatur medju, li huwa infurmat raġonevolment tajjeb u raġonevolment attent u kawt, billi tieħu kont ta’ fatturi soċjali, kulturali u lingwistiċi, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja [...]”

4        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[...]

ċ)      ‘prodott’ tfisser kwalunkwe merkanzija jew servizz [...]

d)      ‘prattiċi kummerċjali fin-negozju mal-konsumatur’ (minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘prattiċi kummerċjali’) tfisser kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inlużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi;

e)      ‘il-ħolqien ta’ distorsjoni sostanzjali fl-imġieba ekonomika ta’ konsumaturi’ tfisser l-użu ta’ prattika kummerċjali sabiex tiġi mfixkla b’mod apprezzabbli l-kapaċità tal-konsumatur li jagħmel deċiżjoni infurmata, jew imġiegħel jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra;

[...]

h)      ‘diliġenza professjonali’ tfisser l-istandard ta’ sengħa u kura speċjali li kummerċjant huwa raġonevolment mistenni li jeżerċita fir-rigward ta’ konsumaturi, proporzjonat ma’ prattika onesta fis-suq u/jew mal-prinċipju ġenerali tal-bona fidi fil-qasam ta’ attività tal-kummerċjant;

i)      ‘stedina għax-xiri’ tfisser komunikazzjoni kummerċjali li tindika karatteristiċi tal-prodott u l-prezz f’mod adegwat għall-mezzi ta’ komunikazzjoni kummerċjali li ntużaw u li għalhekk tippermetti l-konsumatur jagħmel xirja;

[...]

k)      ‘deċiżjoni transazzjonali’ tfisser kwalunkwe deċiżjoni meħuda minn konsumatur dwar jekk, kif u taħt liema kondizzjonijiet jixtri, iħallas il-prezz sħiħ jew parti mill-prezz ta’ prodott, iżomm jew jiddisponi minn prodott jew jeżerċita xi dritt kontrattwali fir-rigward tal-prodott, kemm jekk il-konsumatur jiddeċiedi li jieħu jew ma jiħux xi azzjoni.

[...]”

5        L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Ambitu ta’ applikazzjoni”, jispeċifika fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għal prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur, kif stabbilit fl-Artikolu 5, qabel, matul jew wara transazzjoni kummerċjali fir-rigward ta’ xi prodott.”

6        L-Artikolu 4 ta’ din l-istess direttiva, intitolat “Suq intern”, jipprevedi:

“L-Istati Membri la għandhom jirrestrinġu l-libertà tal-provvista ta' servizzi u lanqas għandhom jirrestrinġu l-moviment liberu ta' merkanzija għal raġunijiet li jaqgħu fil-qasam approssimat minn din id-Direttiva.”

7        L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2005/29, intitolat “Projbizzjoni ta’ prattiċi kummerċjali żleali”, huwa redatt kif ġej:

“1.      Il-prattiċi kummerċjali żleali għandhom ikunu projbiti.

2.      Prattika kummerċjali tkun żleali jekk:

a)      hija kuntrarja għar-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali,

u

b)      toħloq distorsjoni sostanzjali jew tista’ toħloq distorsjoni sostanzjali fl-imġieba ekonomika, fir-rigward tal-prodott, tal-konsumatur medju li tilħaq jew li lilu tkun indirizzata, jew tal-membru medju tal-grupp meta xi prattika kummerċjali tkun diretta lejn grupp partikolari ta’ konsumaturi.

[...]

4.      B’mod partikolari, ikunu żleali dawk il-prattiċi kummerċjali li:

a)      jqarrqu kif stabbilit fl-Artikoli 6 u 7,

jew

b)      jkunu aggressivi kif stabbilit fl-Artikoli 8 u 9.

5.      Fl-Anness I hemm lista ta’ dawk il-prattiċi kummerċjali li għandhom f’kull ċirkostanza jitqiesu bħala żleali. [...]”

8        L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, intitolat “Azzjonijiet qarrieqa”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu li:

“Prattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqa jekk tikkontjeni tagħrif falz u li għalhekk ma tikkorrispondix għall-verità jew li b’xi mod, anki bil-preżentazzjoni totali tagħha, tqarraq jew x’aktarx tqarraq bil-konsumatur medju, anke jekk it-tagħrif ikun korrett fattwalment, fir-rigward ta’ wieħed jew iktar mill-elementi li ġejjin, u li f’kull każ iġġiegħlu jew x’aktarx iġġiegħlu jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra:

[...]”

9        L-Artikolu 7 tad-Direttiva intitolat “Ommissjonijiet qarrieqa” jipprovdi:

“1.      Prattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqa meta, fil-kuntest fattwali tagħha, b’kont meħud tal-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi kollha tagħha u tal-limitazzjonijiet tal-mezz ta’ komunikazzjoni, tħalli barra tagħrif importanti li l-konsumatur medju għandu bżonn, skond il-kuntest, sabiex jieħu deċiżjoni transazzjonali informata u għalhekk tikkawża jew x’aktarx tikkawża li l-konsumatur medju jieħu deċiżjoni kummerċjali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra.

2.      Prattika kummerċjali għandha titqies ukoll bħala ommissjoni qarrieqa meta kummerċjant jaħbi jew jipprovdi b’manjiera mhux ċara, mhux intelliġibbli, ambigwa u/jew mhux f’waqtha, dak it-tagħrif importanti msemmi fil-paragrafu 1, b’kont meħud tal-kwistjonijiet deskritti f’dak il-paragrafu, jew jonqos milli jidentifika l-intenzjoni kummerċjali wara l-prattika kummerċjali jekk din ma tkunx diġà apparenti mill-kuntest u fejn, fi kwalunkwe każ, din tikkawża jew x’aktarx tikkawża li l-konsumatur medju jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra.

[...]

4.      F’każ ta’ stedina għax-xiri, it-tagħrif li ġej għandu jitqies bħala importanti, jekk ma jkunx diġà apparenti mill-kuntest:

a)      il-karatteristiċi prinċipali tal-prodott, safejn xieraq għall-mezz u l-prodott;

[...]

ċ)      il-prezz inklużi t-taxxi, jew fejn in-natura tal-prodott tfisser li l-prezz ma jistax b’mod raġonevoli jiġi kalkolat minn qabel, il-mod li bih il-prezz hu kalkolat, kif ukoll, fejn ikun xieraq, kull ammont ta’ ħlas addizzjonali għat-trasport ta’ merkanzija, ħlas ta’ kunsinna jew ħlas postali jew, fejn dawn l-ammonti ta’ ħlas ma jistgħux jiġu raġonevolment kalkolati minn qabel, il-fatt li tali ammonti ta’ ħlas addizzjonali jistgħu jkunu dovuti;

[...]”

10      L-Anness I tad-Direttiva 2005/29, li jinkludi lista ta’ prattiċi kummerċjali magħrufa li huma żleali fi kwalunkwe ċirkustanza, jipprovdi fil-punt 29, fost il-prattiċi kummerċjali agressivi, il-prattika li ġejja:

“Fejn il-kummerċjant jitlob ħlas immedjat jew differit għar-ritorn jew għall-kustodja ta’ prodotti forniti minnu, iżda mhux solleċitati mill-konsumatur [...] (‘bejgħ mhux mitlub’).”

 Id-dritt Franċiż

11      L-Artikolu L. 111-1 tal-Kodiċi tal-Konsumatur, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, kien jipprovdi:

“Kull kummerċjant li jbigħ oġġett jew iforni servizzi għandu, qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, ipoġġi lill-konsumatur f’pożizzjoni li jkun jista’ jifhem il-karatteristiċi essenzjali tal-oġġett jew tas-servizz.”

12      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu L. 113-3 ta’ dan il-Kodiċi, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, kien jipprovdi:

“Kull kummerċjant li jbigħ oġġett jew iforni servizzi għandu, permezz ta’ immarkar, tikettar, stampar jew permezz ta’ kull mezz adattat ieħor, jinforma lill-konsumatur dwar il-prezz, il-limitazzjonijiet possibli tar-responsabbiltà kuntrattwali u l-kundizzjonijiet partikolari tal-bejgħ, skont il-modalitajiet stabbiliti mill-ordnijiet tal-ministru [...].”

13      Skont l-Artikolu L. 120-1 tal-Kodiċi tal-Konsumatur, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali:

“Il-prattiċi kummerċjali żleali għandhom ikunu pprojbiti. Prattika kummerċjali tkun żleali meta tmur kontra r-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali u tbiddel, jew tkun kapaċi tbiddel b’mod sostanzjali, l-aġir ekonomiku tal-konsumatur normalment informat u raġonevolment attent u avvżat, fir-rigward ta’ oġġett jew ta’ servizz.

[...]

II. – Jikkostitwixxu b’mod partikolari prattiċi kummerċjali żleali, il-prattiċi kummerċjali qarrieqa ddefiniti fl-Artikoli L. 121-1 u L. 121-1-1 u l-prattiċi kummerċjali agressivi ddefiniti fl-Artikoli L. 122-11 u L. 122-11-1.”

14      L-Artikolu L. 121-1 ta’ dan il-Kodiċi fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali kien redatt kif ġej:

“I. – Prattika kummerċjali tkun qarrieqa jekk titwettaq f’waħda miċ-ċirkustanzi li ġejjin:

[...]

2°       Meta tkun ibbażata fuq allegazzjonijiet, indikazzjonijiet jew       preżentazzjonijiet foloz jew ta’ natura li twassal għal żball [...]

[...]

II. - Prattika kummerċjali tkun qarrieqa wkoll jekk, b’kunsiderazzjoni tal-limiti proprji permezz tal-komunikazzjoni użata jew ta’ ċirkustanzi ta’ madwarhom, hija tħalli barra tagħrif importanti, tiddissimulah jew tipprovdih b’mod li ma jinftiehemx, b’mod ambigju jew tardiv jew meta din ma tindikax l-intenzjoni kummerjċali vera dment li din tal-aħħar ma tkunx tirriżulta diġà mill-kuntest.

[...]

F’kull komunikazzjoni kummerċjali li tikkostitwixxi invit għax-xiri intiża għall-konsumatur li ssemmi l-prezz u l-karatteristiċi tal-oġġett jew tas-servizz propost, huwa meqjus bħala importanti t-tagħrif kollu li ġej:

1°      Il-karatteristiċi ewlenin ta’ l-oġġetti jew servizzi;;

[...]

3°      Il-prezz bit-taxxi kollha inklużi u l-ispejjeż tal-kunsinna imposti fuq il-konsumatur, jew il-metodu ta’ kalkolu tagħhom, f’każ li dawn ma jkunux jistgħu jiġu stabbiliti minn qabel;

[...]

III.      It-taqsima I hija applikabbli għall-prattiċi li jikkonċernaw lill-kummerċjanti.”

15      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu L. 122-1 tal-Kodiċi tal-Konsumatur, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, kien jipprovdi li:

“Huwa pprojbit li konsumatur jiġi rrifjutat il-bejgħ ta’ prodott jew il-provvista ta’ servizz, dment li ma tingħatax raġuni leġittima, u li l-bejgħ ta’ prodott jiġi ssubordinat għax-xiri ta’ kwantità stabbilita jew għax-xiri kontemporanju ta’ prodott ieħor jew ta’ servizz ieħor kif ukoll li l-provvista ta’ servizz tiġi ssubordinata għal din ta’ servizz ieħor jew għax-xiri ta’ prodott.”

16      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu L. 122-1 ta’ dan il-kodiċi, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ mid-19 ta’ Mejju 2011 sat-30 ta’ Ġunju 2016, kien jipprovdi:

“Huwa pprojbit li konsumatur jiġi rrifjutat il-bejgħ ta’ prodott jew il-provvista ta’ servizz, dment li ma tingħatax raġuni leġittima, u li l-bejgħ ta’ prodott jiġi ssubordinat għax-xiri ta’ kwantità stabbilita jew għax-xiri kontemporanju ta’ prodott ieħor jew ta’ servizz ieħor kif ukoll li l-provvista ta’ servizz tiġi ssubordinata għal din ta’ servizz ieħor jew għax-xiri ta’ prodott peress li din is-subordinazzjoni tikkostitwixxi prattika kummerċjali żleali fis-sens tal-Artikolu L. 120-1.”

17      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu L. 122-3 tal-imsemmi kodiċi, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, kien redatt kif ġej:

“Il-provvista ta’ oġġetti u ta’ servizzi mingħajr l-ordni minn qabel tal-konsumatur hija pprojbita meta din tkun suġġetta għal talba għall-ħlas. Ma jista’ jiġi impost l-ebda obbligu fuq il-konsumatur li jirċievi oġġett jew provvista ta’ servizz bi ksur ta’ din il-projbizzjoni.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18      Mill-proċess tal-kawża prinċipali jirriżulta li, fis-27 ta’ Diċembru 2008, V. Deroo-Blanquart xtara fi Franza kompjuter portabbli tal-marka Sony, mudell VAIO VGN-NR38E, mgħammar b’softwers installati minn qabel bħal, minn naħa, is-sistema operattiva Microsoft Windows Vista edizzjoni Home Premium, u, min-naħa l-oħra, diversi softwers ta’ applikazzjoni.

19      Waqt l-ewwel użu ta’ dan il-kompjuter, V. Deroo-Blanquart irrifjuta li jaċċetta l-“Kuntratt ta’ Liċenzja tal-Utent Finali” (KLUF) tas-sistema operattiva, li dehret fuq l-iskrin tal-imsemmi kompjuter, u, fit-30 ta’ Diċembru 2008, talab lil Sony tirrimborsah parti mill-prezz tal-bejgħ tal-istess kompjuter korrispondenti għall-ispiża tas-softwers installati minn qabel.

20      Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Jannar 2009, Sony rrifjutat li twettaq dan ir-rimbors filwaqt li sostniet li l-kompjuters VAIO jifformaw flimkien mas-softwers installati minn qabel, offerta waħda u indiviżibbli. Wara diskussjonijiet, Sony pproponiet lil V. Deroo-Blanquart, fil-15 ta’ April 2009, li tħassar il-bejgħ u li tirrimborsah il-prezz kollu tal-bejgħ, jiġifieri EUR 549, bir-ritorn tal-materjal mixtri.

21      V. Deroo-Blanquart irrifjuta din il-proposta u, permezz ta’ att tas-17 ta’ Frar 2011, ħarrek lil Sony quddiem it-tribunal d'instance d’Asnières (Franza), għall-ħlas, b’mod partikolari tas-somma ta’ EUR 450 bħala kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa għas-softwers installati minn qabel kif ukoll tas-somma ta’ EUR 2 500 għad-danni subiti minħabba prattiċi kummerċjali żleali.

22      Permezz ta’ sentenza tat-13 ta’ Settembru 2012, it-tribunal d'instance d’Asnières ċaħdet it-talbiet kollha ta’ V. Deroo-Blanquart.

23      V. Deroo-Blanquart appella minn din is-sentenza quddiem il-qorti tal-appell ta’ Versailles (Franza).

24      Permezz ta’ sentenza tal-5 ta’ Novembru 2013, din il-qorti kkonfermat is-sentenza appellata, billi kkonstatat li l-bejgħ inkwistjoni la kien jikkostitwixxi prattika kummerċjali żleali ta’ bejgħ sforzat ipprojbita f’kull ċirkustanza, la prattika kummerċjali żleali ta’ bejgħ marbut, u lanqas prattika kummerċjali qarrieqa jew agressiva.

25      V. Deroo-Blanquart appella mis-sentenza tal-qorti tal-appell ta’ Versailles quddiem il-qorti ta’ kassazzjoni (Franza).

26      Wara li rrilevat li d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali applikabbli jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29, il-qorti ta’ kassazzjoni ddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja id-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikoli 5 u 7 tad-Direttiva 2005/29 [...] għandhom jiġu interpretati fis-sens li tikkostitwixxi prattika kummerċjali żleali qarrieqa, l-offerta konġunta li tikkonsisti fil-bejgħ ta’ kompjuter mgħammar b’programmi installati minn qabel, meta l-manifattur tal-kompjuter ikun ipprovda, permezz tan-negozjant tiegħu, informazzjoni fuq kull programm installat minn qabel, iżda ma jkunx speċifika l-prezz ta’ kull wieħed minn dawn l-elementi?

2)      L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2005/29 [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li tikkostitwixxi prattika kummerċjali żleali, l-offerta konġunta li tikkonsisti fil-bejgħ ta’ kompjuter mgħammar b’programmi installati minn qabel, meta l-manifattur ma jħalli l-ebda għażla oħra lill-konsumatur għajr li jaċċetta dawn il-programmi jew li jirrevoka l-bejgħ?

3)      L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2005/29 [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li tikkostitwixxi prattika kummerċjali żleali, l-offerta konġunta li tikkonsisti fil-bejgħ ta’ kompjuter mgħammar b’programmi installati minn qabel meta l-konsumatur ma jkunx jista’ jikseb mingħand l-istess manifattur kompjuter li ma jkunx mgħammar b’programmi?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq it-tieni u t-tielet domanda

27      Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien u fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk prattika kummerċjali li tikkonsisti fil-bejgħ ta’ kompjuter mgħammar b’softwers installati minn qabel mingħajr il-possibbiltà għall-konsumatur li jixtri l-istess mudell ta’ kompjuter li ma jkunx mgħammar b’softwers installati minn qabel tikkostitwixxix prattika kummerċjali żleali fis-sens tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2005/29.

28      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar preliminarjament li l-offerti konġunti, li jkunu bbażati fuq l-għaqda ta’ żewġ prodotti jew servizzi distinti jew iktar f’offerta waħda, jikkostitwixxu atti kummerċjali li jaqgħu b’mod ċar fil-kuntest tal-istrateġija kummerċjali ta’ operatur u huma intiżi direttament għall-promozzjoni u l-fluwidità tal-bejgħ ta’ dan tal-aħħar. Minn dan isegwi li dawn ċertament jikkostitiwixxu prattiċi kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2005/29 u jaqgħu, konsegwentement, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ April 2009, VTB-VAB u Galatea, C‑261/07 u C‑299/07, EU:C:2009:244, punt 50).

29      Barra minn hekk, kif tispeċifika espressament il-premessa 17 tad-Direttiva 2005/29, huma biss il-prattiċi kummerċjali elenkati fil-lista eżawrjenti fl-Anness I ta’ din id-direttiva li huma meqjusa bħala żleali f’kull ċirkustanza, mingħajr il-bżonn li jkunu suġġetti għal evalwazzjoni abbażi ta’ każ b’każ skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5 sa 9 tal-imsemmija direttiva (sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, CHS Tour Services, C‑435/11, EU:C:2013:574, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Issa, f’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-offerti konġunti ma jinsabux fost il-prattiki elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2005/29 u li din id-direttiva tipprekludi projbizzjoni ġenerali u li tipprekludi l-offerti konġunti indipendentement minn kull verifika tan-natura żleali tagħhom fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 5 sa 9 tal-imsemmija direttiva (sentenza tat-23 ta’ April 2009, VTB-VAB u Galatea, C‑261/07 u C‑299/07, EU:C:2009:244, punti 57 u 62).

31      Għaldaqstant, huwa fid-dawl tal-kontenut u tal-istruttura ġenerali tal-Artikoli 5 sa 9 ta’ din l-istess direttiva li jeħtieġ li tiġi eżaminata n-natura possibbilment żleali tal-prattiċi kummerċjali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ April 2009, VTB-VAB u Galatea, C‑261/07 u C‑299/07, EU:C:2009:244, punt 58).

32      F’dan ir-rigward, prattika kummerċjali tista’ tiġi kkunsidrata bħala żleali, fis-sens tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2005/29, biss b’kundizzjoni doppja, minn naħa, li hija tkun kuntrarja għar-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali u, min-naħa l-oħra, li hija tbiddel jew tkun kapaċi tbiddel b’mod sostanzjali l-aġir ekonomiku tal-konsumatur medju inkonnessjoni mal-prodott (ara s-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Trento Sviluppo u Centrale Adriatica, C‑281/12, EU:C:2013:859, punt 28). F’dan il-kuntest, jeħtieġ li jitfakkar li, b’mod konformi mal-premessa 18 tagħha, din id-direttiva tadotta bħala l-kriterju ta’ evalwazzjoni l-konsumatur medju li jkun normalment informat u raġonevolment attent u avvżat, b’kunsiderazzjoni tal-fatturi soċjali, kulturali u lingwistiċi.

33      B’hekk, fl-ewwel lok, tqum il-kwistjoni dwar jekk kummerċjant li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jipproponi għal bejgħ limitatament kompjuters mgħammra b’softwers installati minn qabel ikunx qiegħed jikser ir-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali, li hija ddefinita fl-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2005/29, bħala l-livell ta’ kompetenza speċjalizzata u ta’ kura li l-kummerċjant huwa mistenni li juża fil-konfront tal-konsumatur, skont il-prattiċi onesti tas-suq u/jew skont il-prinċipju ġenerali ta’ bona fide fil-qasam tal-attività tiegħu.

34      Għaldaqstant jeħtieġ li tiġi vverifikata l-eżistenza, fl-aġir tal-kummerċjant, ta’ eventwali nuqqas ta’ prattiċi tas-suq onesti jew ta’ ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ bona fide fil-qasam tal-attività tiegħu, f’dan il-każ il-produzzjoni ta’ materjal informattiv maħsub għall-pubbliku inġenerali, fid-dawl tal-aspettattivi leġittimi ta’ konsumatur medju.

35      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta b’mod partikolari li l-bejgħ minn Sony ta’ kompjuters mgħammra b’softwers installati minn qabel jissodisfa l-aspettattivi, kif jirriżultaw mill-analiżi tas-suq ikkonċernat, ta’ parti kbira ta’ konsumaturi li jippreferixxu x-xiri ta’ kompjuter mgħammar kif imsemmi lest għall-użu immedjat milli x-xiri separat ta’ kompjuter u ta’ softwers. Barra minn hekk, dejjem skont din id-deċiżjoni, qabel ma xtara l-kompjuter inkwistjoni fil-kawża prinċipali, V. Deroo-Blanquart, fil-kwalità tiegħu ta’ konsumatur, ġie debitament informat mill-bejjiegħ bl-imnut ta’ Sony dwar l-eżistenza tas-softwers installati minn qabel fuq dan il-kompjuter u dwar il-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull wieħed minn dawn is-softwers. Fl-aħħar, wara x-xiri, waqt l-ewwel użu tal-imsemmi kompjuter, Sony offriet lil V. Deroo-Blanquart il-possibbiltà, jew li, jaċċetta il-“Kuntratt ta’ Liċenzja tal-Utent Finali”, bil-għan li jkun jista’ juża l-imsemmija softwers, jew inkella li jħassar il-bejgħ.

36      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà speċifikat li, permezz b’mod partikolari ta’ informazzjoni korretta lill-konsumatur, offerta konġunta ta’ prodotti jew servizzi differenti tista’ tiddodisfa r-rekwiżiti ta’ lealtà imposti mid-Direttiva 2005/29 (ara s-sentenza tat-23 ta’ April 2009, VTB-VAB u Galatea, C‑261/07 u C‑299/07, EU:C:2009:244, punt 66).

37      F’dan il-kuntest, jeħtieġ li jiġi rrilevat li ċ-ċirkustanzi, bħal dawk imsemmija fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, jiġifieri, b’mod partikolari, l-informazzjoni korretta tal-konsumatur, il-konformità tal-offerta konġunta mal-aspettattivi ta’ parti kbira tal-konsumaturi kif ukoll il-possibbiltà offruta lill-konsumatur li jaċċetta l-elementi kollha ta’ din l-offerta jew li jikseb it-tħassir tal-bejgħ, jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-prattiċi onesti tas-suq jew tal-prinċipju ġenerali ta’ bona fide fil-qasam tal-produzzjoni ta’ materjal informatiku intiż għall-pubbliku in ġenerali, peress li l-kummerċjant b’hekk jagħti prova tal-kura tiegħu fil-konfront tal-konsumatur. Konsegwentement, il-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tagħha, iċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża prinċipali mill-perspettiva tal-osservanza tar-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali.

38      Fit-tieni lok, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk prattika kummerċjali li tikkonsisti fil-bejgħ ta’ kompjuter mgħammar b’softwers installati minn qabel mingħajr il-possibbiltà li l-konsumatur jixtri l-istess mudell ta’ kompjuter mhux mgħammar b’softwers installati minn qabel tipprovokax jew tistax tipprovoka tibdil sostanzjali fl-aġir ekonomiku tal-konsumatur medju inkonnessjoni mal-prodott, jiġifieri, b’mod konformi mal-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2005/29, tippreġudikax sostanzjalment il-kapaċità tiegħu li jieħu deċiżjoni informata u twasslux konsegwentement sabiex jieħu deċiżjoni kummerċjali li ma kienx jieħu fin-nuqqas tagħha.

39      F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, kif ġie rrilevat fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, il-konsumatur kien debitament infurmat, qabel ma xtara, li l-mudell tal-kompjuter inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kienx ikkummerċjalizzat mingħajr softwers installati minn qabel.

40      Fir-rigward tal-kjarifiki mogħtija lill-konsumatur, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li l-informazzjoni, qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt, dwar il-kundizzjonijiet kuntrattwali u l-konsegwenzi ta’ din il-konklużjoni hija ta’ importanza fundamentali għall-konsumatur. Huwa, b’mod partikolari abbażi ta’ din l-informazzjoni li dan tal-aħħar jiddeċiedi jekk jixtieqx jintrabat kuntrattwalment ma’ kummerċjant billi jaderixxi għall-kundizzjonijiet redatti minn qabel minn dan tal-aħħar (sentenza tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai, C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 70).

41      B’hekk, fil-kuntest tal-eżami tat-tieni kundizzjoni imposta fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2005/29, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri meta konsumatur ikun ġie debitament infurmat, qabel ma jixtri, li l-mudell ta’ kompjuter suġġett għall-bejgħ ma kienx ikkummerċjalizzat mingħajr softwers installati minn qabel u li kien, għaldaqstant, fil-prinċpju liberu li jagħżel mudell ta’ kompjuter ieħor, ta’ marka oħra, b’karatteristiċi tekniċi paragunabbli, mibjugħ mingħajr softwers jew assoċjat ma’ softwers oħra, il-kapaċità ta’ dan il-konsumatur li jieħu deċiżjoni kummerċjali informata kinitx ġiet sostanzjalment ippreġudikata.

42      Fid-dawl tal-osservazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li tingħata risposta għat-tieni u t-tielet domanda li prattika kummerċjali konsistenti fil-bejgħ ta’ kompjuter mgħammar b’softwers installati minn qabel mingħajr il-possibbiltà li l-konsumatur jixtri l-istess mudell ta’ kompjuter mhux mgħammar b’softwers installati minn qabel ma tikkostitwixxix, bħala tali, prattika kummerċjali żleali fis-sens tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2005/29, dment li tali prattika ma tmurx kontra r-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali u ma tbiddilx jew ma tkunx kapaċi tbiddel b’mod sostanzjali l-aġir ekonomiku tal-konsumatur medju inkonnessjoni ma’ dan il-prodott, fatt li għandu jiġi evalwat mill-qorti nazzjonali, filwaqt li tieħu inkusiderazzjoni ċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża prinċipali.

 Fuq l-ewwel domanda

43      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, fil-kuntest ta’ offerta konġunta konsistenti fil-bejgħ ta’ kompjuter mgħammar b’softwers installati minn qabel, l-assenza ta’ indikazzjoni tal-prezz ta’ kull wieħed minn dawn is-softwers tikkostitwixxix prattika kummerċjali qarrieqa fis-sens tal-Artikolu 5(4)(a) u tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/29.

44      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li l-Artikolu 5(4)(a) ta’ din id-direttiva kien jipprovdi li l-prattiċi kummerċjali qarrieqa jistgħu jkunu fil-forma ta’ azzjonijiet qarrieqa fis-sens tal-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva jew ta’ ommissjonijiet qarrieqa fis-sens tal-Artikolu 7 ta’ din tal-aħħar.

45      Skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2005/29, prattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqa meta, fil-kuntest fattwali tagħha, b’kont meħud tal-karatteristiċi u ċ-ċirkustanzi kollha tagħha u tal-limitazzjonijiet tal-mezz ta’ komunikazzjoni, tħalli barra tagħrif importanti li l-konsumatur medju għandu bżonn sabiex jieħu deċiżjoni kummerċjali informata u għaldaqstant twasslu sabiex jieħu deċiżjoni kummerċjali li ma kienx jieħu f’ċirkustanzi oħra. L-Artikolu 7(4)(c) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi li t-tagħrif dwar il-prezz bit-taxxi inklużi huwa kkunsidrat bħala importanti.

46      Għaldaqstant mill-kliem ta’ din l-aħħar imsemmija dispożizzjoni jirriżulta li huwa meqjus bħala tagħrif importanti l-prezz ta’ prodott offrut għall-bejgħ, jiġifieri l-prezz globali ta’ prodott, u mhux il-prezz ta’ kull wieħed mill-elementi tiegħu. Minn dan jirriżulta li din id-dispożizzjoni tobbliga lill-kummerċjant li jindika lill-konsumatur il-prezz globali tal-prodott ikkonċernat.

47      F’dan il-każ, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-prezz globali tal-assjem kompost minn kompjuter mgħammar b’softwers installati minn qabel ġie kkomunikat lil V. Deroo-Blanquart. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, fil-każ speċifiku ta’ offerta konġunta li tirrigwarda kompjuter u diversi softwers installati minn qabel, il-prezzijiet tal-elementi differenti li jikkomponu l-assjem li huwa s-suġġett ta’ tali offerta jistgħux ukoll jikkostitwixxu tagħrif importanti.

48      F’dan ir-rigward, indipendentement mill-fatt li t-tagħrif dwar l-elementi tal-prezz global ma huwiex inkluż fost it-tagħrif li skont l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2005/29 huwa meqjus bħala importanti, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li, b’mod konformi mal-premessa 14 ta’ din id-direttiva, jikkostitwixxi tagħrif importanti dak it-tagħrif ewlieni li l-konsumatur ikollu bżonnu sabiex jieħu deċiżjoni kummerċjali informata.

49      Barra minn hekk, mill-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li n-natura importanti ta’ tagħrif għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-kuntest li fih tkun taqa’ prattika kummerċjali u b’kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha.

50      Issa, f’dan il-każ, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-kompjuter li huwa suġġett għall-bejgħ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fi kwalunkwe każ, kien offrut għall-bejgħ mgħammar b’softwers installati minn qabel. Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni u t-tielet domanda, tali prattika kummerċjali ma tikkostitwixxix, bħala tali, prattika kummerċjali żleali fis-sens tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2005/29.

51      Konsegwentement, fid-dawl tal-kuntest ta’ offerta konġunta konsistenti fil-bejgħ ta’ kompjuter mgħammar b’softwers installati minn qabel, l-assenza ta’ indikazzjoni tal-prezz ta’ kull wieħed mill-elementi ta’ dawn is-softwers ma hijiex ta’ natura li tipprekludi lill-konsumatur milli jieħu deċiżjoni kummerċjali informata u lanqas ma tista’ twasslu sabiex jieħu deċiżjoni kummerċjali li ma kienx jieħu f’ċirkustanzi oħra. Għaldaqstant, il-prezz ta’ kull wieħed mill-elementi ta’ dawn is-softwers ma jikkostitwixxix tagħrif importanti fis-sens tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2005/29.

52      Fid-dawl tal-osservazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li tingħata risposta għall-ewwel domanda li, fil-kuntest ta’ offerta konġunta konsistenti fil-bejgħ ta’ kompjuter mgħammar b’softwers installati minn qabel, l-assenza ta’ indikazzjoni tal-prezz ta’ kull wieħed mis-softwers installati minn qabel ma tikkostitwixxix prattika kummerċjali qarrieqa fis-sens tal-Artikoli 5(4)(a) u tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/29.

 Fuq l-ispejjeż

53      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Prattika kummerċjali konsistenti fil-bejgħ ta’ kompjuter mgħammar b’softwers installati minn qabel mingħajr il-possibbiltà li l-konsumatur jixtri l-istess mudell ta’ kompjuter mhux mgħammar b’softwers installati minn qabel ma tikkostitwixxix, bħala tali, prattika kummerċjali żleali fis-sens tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali”), dment li tali prattika ma tmurx kontra r-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali u ma tbiddilx jew ma tkunx kapaċi tbiddel b’mod sostanzjali l-aġir ekonomiku tal-konsumatur medju inkonnessjoni ma’ dan il-prodott, fatt li għandu jiġi evalwat mill-qorti nazzjonali, filwaqt li tieħu inkusiderazzjoni ċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża prinċipali.

2)      Fil-kuntest ta’ offerta konġunta konsistenti fil-bejgħ ta’ kompjuter mgħammar b’softwers installati minn qabel, l-assenza ta’ indikazzjoni tal-prezz ta’ kull wieħed mis-softwers installati minn qabel ma tikkostitwixxix prattika kummerċjali qarrieqa fis-sens tal-Artikoli 5(4)(a) u tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/29.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.