Language of document : ECLI:EU:C:2016:633

Kawża C‑310/15

Vincent Deroo-Blanquart

vs

Sony Europe Limited

[talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Cour de cassation (Franza)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Prattiċi kummerċjali żleali – Direttiva 2005/29/KE – Artikoli 5 u 7 – Offerta konġunta – Bejgħ ta’ kompjuter mgħammar b’softwers installati minn qabel – Tagħrif importanti marbut mal-prezz – Ommissjoni qarrieqa – Impossibbiltà tal-konsumatur li jikseb l-istess mudell ta’ kompjuter mhux mgħammar b’softwers”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tas-7 ta’ Settembru 2016

1.        Protezzjoni tal-konsumaturi – Prattiki kummerċjali żleali tal-impriżi fil-konfront tal-konsumaturi – Direttiva 2005/29 – Prattika kummerċjali żleali – Kunċett – Prattika kummerċjali li tikkonsisti fil-bejgħ ta’ kompjuter mgħammar b’softwers installati minn qabel mingħajr il-possibbiltà għall-konsumatur li jixtri l-istess mudell ta’ kompjuter li ma jkunx mgħammar b’softwers installati minn qabel – Esklużjoni – Kundizzjonijiet – Evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali

[Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, Artikolu 2(e) u (h), u 5(2)]

2.        Protezzjoni tal-konsumaturi – Prattiki kummerċjali żleali tal-impriżi fil-konfront tal-konsumaturi – Direttiva 2005/29 – Prattika kummerċjali qarrieqa – Kunċett – Offerta konġuna li tikkonsisti fil-bejgħ ta’ kompjuter mgħammar b’softwers installati minn qabel – Assenza ta’ indikazzjoni tal-prezz ta’ kull softwers installat minn qabel – Esklużjoni

[Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, Artikolu 5(4)(a) u 7]

1.        Prattika kummerċjali konsistenti fil-bejgħ ta’ kompjuter mgħammar b’softwers installati minn qabel mingħajr il-possibbiltà li l-konsumatur jixtri l-istess mudell ta’ kompjuter mhux mgħammar b’softwers installati minn qabel ma tikkostitwixxix, bħala tali, prattika kummerċjali żleali fis-sens tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2005/29, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttivi 84/450, 97/7, 98/27 u 2002/65 u r-Regolament Nru 2006/2004, dment li tali prattika ma tmurx kontra r-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali u ma tbiddilx jew ma tkunx kapaċi tbiddel b’mod sostanzjali l-aġir ekonomiku tal-konsumatur medju inkonnessjoni ma’ dan il-prodott, fatt li għandu jiġi evalwat mill-qorti nazzjonali, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża.

F’dan ir-rigward, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-osservanza tar-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali, hija l-qorti nazzjonali li għandha tieħu inkunsiderazzjoni iċ-ċirkustanzi kollha b’mod partikolari bħall-informazzjoni korretta tal-konsumatur, il-konformità tal-offerta konġunta mal-aspettattivi ta’ parti kbira tal-konsumaturi kif ukoll il-possibbiltà offruta lill-konsumatur li jaċċetta l-elementi kollha ta’ din l-offerta jew li jikseb it-tħassir tal-bejgħ. Tali ċirkustanzi jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-prattiċi onesti tas-suq jew tal-prinċipju ġenerali ta’ bona fide fil-qasam tal-produzzjoni ta’ materjal informatiku intiż għall-pubbliku in ġenerali, peress li l-kummerċjant b’hekk jagħti prova tal-kura tiegħu fil-konfront tal-konsumatur.

Barra minn hekk, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk, fil-mument ta’ tali bejgħ ta’ kompjuter mgħammar b’softwers installati minn qabel mingħajr il-possibbiltà li l-konsumatur jixtri l-istess mudell ta’ kompjuter mhux mgħammar b’softwers installati minn qabel, il-kapaċità ta’ dan il-konsumatur li jieħu deċiżjoni kummerċjali informata, kinitx ġiet sostanzjalment ippreġudikata, meta dan ikun ġie debitament infurmat, qabel ix-xiri, li l-mudell ta’ kompjuter suġġett għall-bejgħ ma kienx ikkummerċjalizzat mingħajr softwers installati minn qabel u li kien, għaldaqstant, fil-prinċpju liberu li jagħżel mudell ta’ kompjuter ieħor, ta’ marka oħra, mibjugħ mingħajr softwers jew assoċjat ma’ softwers oħra.

(ara l-punti 37, 41, 42, dispożittiv 1)

2.        Fil-kuntest ta’ offerta konġunta konsistenti fil-bejgħ ta’ kompjuter mgħammar b’softwers installati minn qabel, l-assenza ta’ indikazzjoni tal-prezz ta’ kull wieħed mis-softwers installati minn qabel ma tikkostitwixxix prattika kummerċjali qarrieqa fis-sens tal-Artikoli 5(4)(a) u tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/29, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttivi 84/450, 97/7, 98/27 u 2002/65 u r-Regolament Nru 2006/2004.

Fil-fatt, fid-dawl tal-kuntest ta’ offerta konġunta konsistenti fil-bejgħ ta’ kompjuter mgħammar b’softwers installati minn qabel – jiġifieri li l-kompjuter suġġett għall-bejgħ ma kien offrut għall-bejgħ biss hekk mgħammar b’softwares installati minn qabel – u fid-dawl tal-fatt li tali prattika kummerċjali ma tikkostitwixxix prattika kummerċjali żleali fis-sens tal-Artikoli 5(2) tad-Direttiva 2005/29, l-assenza ta’ indikazzjoni tal-prezz ta’ kull wieħed mill-elementi ta’ dawn is-softwers ma hijiex ta’ natura li tipprekludi lill-konsumatur milli jieħu deċiżjoni kummerċjali informata u lanqas ma tista’ twasslu sabiex jieħu deċiżjoni kummerċjali li ma kienx jieħu f’ċirkustanzi oħra. Għaldaqstant, peress li l-prezz ta’ kull wieħed mill-elementi ta’ dawn is-softwers ma jikkostitwixxix tagħrif importanti fis-sens tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2005/29, l-assenza ta’ indikazzjoni tal-prezz ta’ kull wieħed mis-softwers installati minn qabel ma tikkostitwixxix prattika kummerċjali qarrieqa fis-sens tal-Artikoli 5(4)(a) u tal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva.

(ara l-punti 50-52, dispożittiv 2)