Language of document :

Kawża T-628/22

René Repasi

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

 Digriet tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tal-21 ta’ Ġunju 2023

“Rikors għal annullament – Ambjent – Regolament Delegat (UE) 2022/1214 – Tassonomija – Attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-gass fossili u mal-enerġija nukleari – Inklużjoni mal-attivitajiet ekonomiċi sostenibbli – Membru tal-Parlament – Nuqqas ta’ inċidenza diretta – Inammissibbiltà”

1.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Inċidenza diretta – Kriterji – Regolament Delegat tal-Kummissjoni 2022/1214 – Rikors ippreżentat minn Membru tal-Parlament Ewropew – Assenza ta’ inċidenza diretta – Inammissibbiltà

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2020/852; Regolament tal-Kummissjoni 2022/1214)

(ara l-punti 23, 24 u 30 sa 37)

2.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Eżerċizzju tal-kompetenzi – Setgħa mogħtija lill-Kummissjoni biex tadotta atti ddelegati – Portata

(Artikolu 290 TFUE)

(ara l-punti 26 sa 29)

Sunt

Tassonomija: Il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors ta’ Membru tal-Parlament Ewropew kontra r-Regolament tal-Kummissjoni dwar in-natura sostenibbli ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-gass fossili u mal-enerġija nukleari

B’differenza mill-Parlament Ewropew, il-Membri individwali tiegħu ma jistgħux jikkontestaw tali att

Fit-18 ta’ Ġunju 2020, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adottaw ir-Regolament 2020/852 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli (1). Dan ir-regolament jistabbilixxi l-kriterji li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk attività ekonomika għandhiex titqies li hija sostenibbli minn perspettiva ambjentali, fid-dawl tad-diversi għanijiet ambjentali ddefiniti fih. Il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima huwa wieħed minn dawn l-għanijiet (2). Skont dan it-test, l-attivitajiet ekonomiċi tranżitorji, jiġifieri dawk li għalihom ma hemmx alternattivi teknoloġiċi u ekonomiċi b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, jikkontribwixxu sostanzjalment għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima meta jwasslu għan-newtralità klimatika, kemm-il darba jiġu osservati ċerti kriterji.

Kien f’dan il-kuntest li l-Kummissjoni Ewropea adottat ir-Regolament Delegat 2022/1214 (3) li jistabbilixxi l-kriterji ta’ eżami tekniku biex jiġi ddeterminat taħt liema kundizzjonijiet ċerti attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-gass fossili u mal-enerġija nukleari jaqgħu taħt attivitajiet tranżitorji li jistgħu jikkontribwixxu b’mod partikolari għall-għan ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima.

Peress li qies li l-Kummissjoni kienet marret lil hinn mis-setgħa li tadotta atti ddelegati li ngħatatilha, René Repasi, Membru tal-Parlament Ewropew, adixxa lill-Qorti Ġenerali b’rikors għall-annullament ta’ dan ir-regolament, filwaqt li sostna li dan tal-aħħar ippreġudika l-kompetenza leġiżlattiva tal-Parlament u, għaldaqstant, tad-drittijiet tiegħu bħala Membru tiegħu.

Fid-digriet tagħha, il-Qorti Ġenerali tat għall-ewwel darba deċiżjoni dwar il-locus standi ta’ Membru tal-Parlament kontra regolament delegat tal-Kummissjoni u ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali fakkret li, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’ tippreżenta rikors kontra att li tiegħu hija ma tkunx id-destinatarju meta l-att inkwistjoni jkun jikkonċernaha direttament u individwalment jew fil-każ ta’ att regolatorju li jkun jikkonċernaha direttament u li ma jkunx jinvolvi miżuri ta’ implimentazzjoni. Sabiex individwu jkun direttament ikkonċernat mill-att ikkontestat, għandhom jiġu ssodisfatti kumulattivament żewġ kriterji. Minn naħa, il-miżura kkontestata għandha tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tiegħu u, min-naħa l-oħra, hija ma għandha tħalli l-ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji responsabbli għall-implimentazzjoni tagħha.

Fir-rigward tal-kwalità tar-rikorrent sabiex jikkontesta r-Regolament Delegat 2022/1214, huwa minnu li mill-ġurisprudenza jirriżulta li att tal-Parlament li jaffettwa l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet parlamentari tal-Membri tiegħu huwa att li jaffettwa direttament is-sitwazzjoni legali tagħhom. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li din il-ġurisprudenza tikkonċerna l-miżuri ta’ organizzazzjoni interna tal-Parlament li jaffettwaw direttament lill-Membri tiegħu u ma setgħetx tiġi trasposta għall-każ ineżami, fejn id-drittijiet ta’ dawn il-membri setgħu jiġu affettwati biss b’mod indirett mill-allegat ksur tal-kompetenza leġiżlattiva tal-Parlament. Fil-fatt, id-drittijiet kollha tar-rikorrent marbuta mal-eżerċizzju tal-kompetenza leġiżlattiva tal-Parlament, bħad-dritt li jipparteċipa fi proċedura leġiżlattiva regolari, id-dritt għall-osservanza tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-kompetenza u tal-proċedura, id-dritt li jiddefendi s-setgħat demokratiċi tal-Parlament kif ukoll id-drittijiet ta’ vot, ta’ inizjattiva u ta’ parteċipazzjoni bl-għan li tiġi stabbilita influwenza politika, huma intiżi li jiġu eżerċitati biss fil-kuntest tal-proċeduri interni tal-Parlament u għalhekk ma jistgħux jitqiesu li huma direttament affettwati mill-adozzjoni tar-Regolament Delegat 2022/1214.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali rrilevat ukoll li l-prinċipji ta’ demokrazija rappreżentattiva u ta’ Stat tad-dritt invokati mir-rikorrent insostenn tar-rikonoxximent tal-locus standi tiegħu, kif ukoll il-protezzjoni tal-bilanċ istituzzjonali u tad-dritt għall-protezzjoni ġuridika tal-minoranza, ma setgħux idaħħlu inkwistjoni din il-konklużjoni peress li l-Parlament għandu dritt għal azzjoni legali kontra l-atti tad-dritt tal-Unjoni li jista’ jiżgura l-osservanza ta’ dawn il-prinċipji. L-istess japplika għall-argumenti tar-rikorrent li l-Membri tal-Parlament għandhom ikunu direttament ikkonċernati mill-atti li jaffettwaw regoli ta’ kompetenzi, mid-dispożizzjonijiet fundamentali tal-proċedura leġiżlattiva jew mill-atti li jikkostitwixxu użu ħażin ta’ poter.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li r-rikorrent ma kellux locus standi sa fejn ma kienx direttament ikkonċernat mir-Regolament Delegat 2022/1214.


1      Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU 2020, L 198, p. 13, rettifika fil-ĠU 2022, L 156, p. 159).


2      Artikoli 3 u 9 tar-Regolament 2020/852.


3      Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1214 tad 9 ta’ Marzu 2022 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2021/2139 fir-rigward tal-attivitajiet ekonomiċi f’ċerti setturi tal-enerġija u r-Regolament Delegat (UE) 2021/2178 fir-rigward ta’ divulgazzjonijiet pubbliċi speċifiċi għal dawn l-attivitajiet ekonomiċi (ĠU 2022, L 188, p. 1).