Language of document : ECLI:EU:T:2007:115

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

26 ta’ April 2007(*)

“Kompetizzjoni – Akkordji − Suq tal-karta saħħara – Linji gwida għall-kalkolu ta’ l-ammont tal-multi – Tul ta’ żmien tal-ksur – Gravità tal-ksur – Żieda għal finijiet dissważivi – Ċirkustanzi aggravanti – Ċirkustanzi attenwanti – Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni”

Fil-kawżi magħquda T-109/02, T-118/02, T-122/02, T-125/02, T-126/02, T-128/02, T-129/02, T-132/02 u T-136/02,

Bolloré SA, stabbilita f’Puteaux (Franza), irrappreżentata minn R. Saint‑Esteben u H. Calvet, avocats,

rikorrenti fil-kawża T-109/02,

Arjo Wiggins Appleton Ltd, stabbilita f’Basingstoke (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn F. Brunet, avocat, J. Temple Lang, solicitor, u J. Grierson, barrister,

rikorrenti fil-kawża T-118/02,

sostnuta minn

Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn A. Snoecx u M. Wimmer, bħala aġenti,

intervenjenti fil-kawża T-118/02,

Mitsubishi HiTec Paper Bielefeld GmbH, li preċedentement kienet tissejjaħ Stora Carbonless Paper GmbH, stabbilita f’Bielefeld (il-Ġermanja), irrappreżentata minn I. van Bael, avocat, u A. Kmiecik, solicitor,

rikorrenti fil-kawża T-122/02,

Papierfabrik August Koehler AG, stabbilita f’Oberkirch (il-Ġermanja), irrappreżentata minn I. Brinker u S. Hirsbrunner, avocats,

rikorrenti fil-kawża T-125/02,

M‑real Zanders GmbH, li preċedentement kienet tissejjaħ Zanders Feinpapiere AG, stabbilita f’Bergisch Gladbach (il-Ġermanja), irrappreżentata minn J. Burrichter u M. Wirtz, avocats,

rikorrenti fil-kawża T-126/02,

Papeteries Mougeot SA, stabbilita f’Laval‑sur‑Vologne (Franza), inizjalment irrappreżentata minn G. Barsi, J. Baumgartner u J.‑P. Hordies, imbagħad minn Barsi u Baumgartner, avocats,

rikorrenti fil-kawża T-128/02,

Torraspapel, SA, stabbilita f’Barċellona (Spanja), irrappreżentata minn O. Brouwer, F. Cantos u C. Schillemans, avocats,

rikorrenti fil-kawża T-129/02,

Distribuidora Vizcaína de Papeles, SL, stabbilita f’Derio (Spanja), irrappreżentata minn E. Pérez Medrano u I. Delgado González, avocats,

rikorrenti fil-kawża T-132/02,

Papelera Guipuzcoana de Zicuñaga, SA, stabbilita f’Hernani (Spanja), irrappreżentata minn I. Quintana Aguirre, avocat,

rikorrenti fil-kawża T-136/02,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata fil-kawżi T-109/02 u T-128/02, minn W. Mölls u F. Castillo de la Torre, bħala aġenti, assistiti minn N. Coutrelis, avocat, fil-kawżi T-118/02 u T-129/02, minn Mölls u A. Whelan, bħala aġenti, assistiti minn M. van der Woude, avocat, fil-kawża T-122/02, inizjalment minn R. Wainwright u Mölls, imbagħad minn Wainwright u Whelan, bħala aġenti, fil-kawżi T-125/02 u T-126/02, minn Mölls u Castillo de la Torre, assistiti minn H.‑J. Freund, avocat, fil-kawżi T-132/02 u T-136/02, minn Mölls u Castillo de la Torre, assistiti minn J. Rivas Andrés u J. Gutiérrez Gisbert, avocats,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/337/KEE, ta’ l-20 ta’ Diċembru 2001, dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u ta’ l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (każ COMP/E-1/36.212 − Karta saħħara) (ĠU 2004, L 115, p. 1), jew, sussidjarjament, it-tnaqqis tal-multa imposta fuq r-rikorrenti minn din id-Deċiżjoni,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Vilaras, President, F. Dehousse u D. Sváby, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduti tat-2 (T-132/02 u T-136/02), is-7 (T-109/02 u T-128/02), l-14 (T-122/02), is-16 (T-118/02 u T-129/02) u l-21 ta’ Ġunju 2005 (T-125/02 u T-126/02),

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fil-ħarifa ta’ l-1996, il-grupp produttur tal-karti Sappi, li l-kumpannija parent tiegħu hija Sappi Ltd, pprovdiet lill-Kummissjoni informazzjoni u dokumenti li tawha raġuni għalfejn tissuspetta li kien jeżisti jew eżista akkordju moħbi fuq l-iffissar tal-prezzijiet fis-settur tal-karta saħħara, li fih Sappi kienet topera bħala produttriċi.

2        Minħabba l-informazzjoni kkomunikata minn Sappi, il-Kummissjoni wettqet xi verifiki ma’ ċertu numru ta’ produtturi tal-karta saħħara, skond l-Artikolu 14(2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill, Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li japplika l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU 1962, 13, p. 204). B’hekk, verifiki previsti mill-Artikolu 14(3) tar-Regolament saru fit-18 u d-19 ta’ Frar 1997 fl-uffiċċji ta’ Arjo Wiggins Belgium SA, ta’ Papeteries Mougeot SA (iktar ’il quddiem “Mougeot”), ta’ Torraspapel, SA, ta’ Sarriopapel y Celulosa, SA (iktar ’il quddiem “Sarrió”) u tal-Grupo Torras, SA. Saru wkoll verifiki skond l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 17 bejn Lulju u Diċembru 1997 għand Sappi, Arjo Wiggins Appleton plc (iktar ’il quddiem “AWA”), Arjo Wiggins Europe Holdings Ltd, Arjo Wiggins SA u l-kumpannija sussidjarja tagħha Guérimand SA, Mougeot, Torraspapel, Sarrió, Unipapel, Sociedade Comercial de Celulose e Papel Lda, Stora Carbonless Paper GmbH (iktar ’il quddiem “Stora” ; li preċedentement kienet tissejjaħ Stora‑Feldmühle AG) u Papierfabrik August Koehler AG (iktar ’il quddiem “Koehler”).

3        Fl-1999, il-Kummissjoni bagħtet ukoll talbiet għal informazzjoni, skond l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, lil AWA, lil Mougeot, lil Torraspapel, lil Cartiere Sottrici Binda SpA (iktar ’il quddiem “Binda”), lil Carrs Paper Ltd (iktar ’il quddiem “Carrs”), lil Distribuidora Vizcaína de Papeles, SL (iktar ’il quddiem “Divipa”), lil Ekman Iberica, SA (iktar ’il quddiem “Ekman”) lil Papelera Guipuzcoana de Zicuñaga, SA (iktar ’il quddiem “Zicuñaga”), lil Koehler, lil Stora, lil Zanders Feinpapier AG (iktar ’il quddiem “Zanders”) u lil Copigraph SA. F’dawn it-talbiet, l-impriżi kkonċernati ġew mistiedna sabiex jipprovdu indikazzjonijiet fuq id-dikjarazzjonijiet tagħhom ta’ żieda fil-prezzijiet, il-volumi tal-bejgħ tagħhom, il-klijenti tagħhom, il-fatturat tagħhom u l-laqgħat tagħhom ma’ kompetituri.

4        Fir-risposta tagħhom għat-talba għal informazzjoni, AWA, Stora u Copigraph ammettew il-parteċipazzjoni tagħhom f’laqgħat multilaterali ta’ akkordju li saru bejn il-produtturi ta’ karta saħħara. Huma pprovdew diversi dokumenti u informazzjoni lill-Kummissjoni.

5        Mougeot, min-naħa tagħha, ikkuntattjat lill-Kummissjoni fl-14 ta’ April 1999 fejn iddikjarat li kienet lesta li tikkoopera fl-investigazzjoni skond il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tikkonċerna n-non impożizzjoni ta’ multi jew it-tnaqqis ta’ l-ammont tagħhom fil-kawżi li jitrattaw l-akkordji (ĠU 1996, C 207, p. 4 ; iktar ’il quddiem il-“ komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni”). Hija rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ akkordju li kellu bħala għan l-iffissar tal-prezzijiet tal-karta saħħara u pprovdiet informazzjoni lill-Kummissjoni dwar l-istruttura ta’ l-akkrodju, u b’mod partikolari dwar il-laqgħat differenti li għalihom ir-rappreżentanti tagħha kienu preżenti.

6        Fis-26 Lulju 2000, il-Kummissjoni bdiet il-proċedimenti f’din il-kawża u adottat dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet (iktar ’il quddiem id-“ DO ”) li hija bagħtet lil 17 impriża, li huma AWA, Bolloré SA, u l-kumpannija sussidjarja tagħha Copigraph, Carrs, Zicuñaga, Divipa, Mitsubishi HiTech Paper Bielefeld GmbH (iktar ’il quddiem “MHTP”), li preċedentement kienet tissejjaħ Stora, Mougeot, Koehler, Sappi, Torraspapel u Zanders. Dawn kellhom aċċess għall-fajl relativ għall-investigazzjoni tal-Kummissjoni fil-forma ta’ kopja fuq CD-ROM, li ntbagħat lilhom fl-1 ta’ Awwissu 2000.

7        L-impriżi kollha destinatarji tad-DO, ħlief Binda, International Paper u Mitsubishi Paper Mills Ltd, ippreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom fi tweġiba għall-oġġezzjonijiet imqajma mill-Kummissjoni.

8        Saret seduta fit-8 u d-9 ta’ Marzu 2001.

9        Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv fuq Prattiċi Restrittivi u Pożizzjonijiet Dominanti, u fid-dawl tar-rapport finali ta’ l-uffiċjal tas-smigħ, il-Kummissjoni adottat, fl-20 ta’ Diċembru 2001, id-Deċiżjoni 2004/337/KE dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u ta’ l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) (każ COMP/E-1/36.212 – Karta saħħara) (ĠU 2004, L 115, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni”).

10      Fl-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni, il-Kummissjoni tikkonstata li ħdax-il impriża kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw f’numru ta’ akkordji u ta’ prattiċi miftiehma fis-settur tal-karta saħħara.

11      Fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni, il-Kummissjoni tikkonstata li AWA, Bolloré, MHTP, Koehler, Sappi, Torraspapel u Zanders ipparteċipaw fil-ksur minn Jannar 1992 sa Settembru 1995, Carrs minn Jannar 1993 sa Settembru 1995, Divipa minn Marzu 1992 sa Jannar 1995, Zicuñaga minn Ottubru 1993 sa Jannar 1995 u Mougeot minn Mejju 1992 sa Settembru 1995.

12      Fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni, jiġi rrakkomandat lill-impriżi msemmija fl-Artikolu 1 sabiex itemmu l-ksur imsemmi f’dan l-Artikolu, jekk huma għadhom ma ġabuhx fi tmiem, u sabiex jibqgħu lura, fil-kuntest ta’ l-attivitajiet tagħhom marbuta mal-karta saħħara, milli jikkonkludu kull ftehim jew prattika miftiehma li jista’ jkollu għan jew effett identiku jew simili għal dak tal-ksur.

13      Skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni, ġew imposti l-multi li ġejjin fuq l-impriżi kkonċernati:

–        AWA : EUR 184 270 000 ;

–        Bolloré : EUR 22 680 000 ;

–        Carrs : EUR 1 570 000 ;

–        Divipa : EUR 1 750 000 ;

–        MHTP : EUR 21 240 000 ;

–        Zicuñaga : EUR 1 540 000 ;

–        Mougeot : EUR 3 640 000 ;

–        Koehler : EUR 33 070 000 ;

–        Sappi Ltd : EUR 0 ;

–        Torraspapel : EUR 14 170 000 ;

–        Zanders : EUR 29 760 000.

14      Skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni, il-multi għandhom jitħallsu fi żmien tliet xhur minn meta tiġi nnotifikata d-deċiżjoni. It-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni jipprovdi li, malli jiskadi dan iż-żmien, jkunu awtomatikament dovuti l-interessi bir-rata ta’ interessi applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid tiegħu fl-1 ta’ Diċembru 2001, miżjuda bi 3.5 % punti perċentwali, jiġifieri 6.77 %.

15      Il-ħdax-il impriża msemmija fl-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni huma d-destinatarji tagħha.

16      Mid-deċiżjoni (premessa 77) jirriżulta li l-partijiet fl-akkordju ftiehmu fuq pjan anti-kompetittiv globali intiż essenzjalment sabiex itejjeb il-profitti tal-parteċipanti permezz ta’ żidiet kollettivi fil-prezzijiet. Skond id-deċiżjoni, fil-kuntest ta’ dan il-pjan globali, l-għan prinċipali ta’ l-akkordju kien li l-partijiet jiftiehmu fuq żidiet fil-prezzijiet u fuq id-dati ta’ l-implementazzjoni tagħhom.

17      Għal dan il-għan, ġew organizzati laqgħat fuq livelli differenti, ġenerali, nazzjonali jew reġjonali. Skond il-premessa 89 tad-deċiżjoni, il-laqgħat ġenerali ta’ l-akkordju kienu segwiti minn sensiela ta’ laqgħat nazzjonali jew reġjonali bil-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni, suq b’suq, taż-żidiet fil-prezzijiet miftiehma fil-laqgħat ġenerali. F’dawn il-laqgħat, il-parteċipanti skambjaw informazzjoni dettaljata u individwali fuq il-prezzijiet tagħhom u fuq il-volumi tal-bejgħ tagħhom (premessa 97). F’ċerti laqgħat nazzjonali ta’ l-akkordju, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni taż-żieda fil-prezzijiet miftiehma, kwoti ta’ bejgħ ġew attribwiti lil kull parteċipant u ġew iffissati ishma mis-suq għal kull wieħed minnhom (premessa 81).

18      Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-operaturi prinċipali kollha taż-ŻEE kienu pparteċipaw fil-mekkaniżmi li kkostitwixxew l-akkordju u li dawn ta’ l-aħħar kienu nħolqu, tmmexxew u ġew inkoraġġuti fl-ogħla livelli tal-ġerarkija ta’ kull impriża parteċipanti. Fiha nnifisha, l-implementazzjoni ta’ dan it-tip ta’ akkordju twassal awtomatikament għal distorsjoni serja tal-kompetizzjoni (premessa 377). Fid-dawl tan-natura ta’ l-aġir eżaminat, l-impatt konkret tiegħu fis-suq tal-karta saħħara u l-fatt li dan kien ikopri s-suq komuni kollu u, wara li nħoloq, iż-ŻEE kollha, il-Kummissjoni qieset li l-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkomettew ksur serju ħafna ta’ l-Artikolu 81(1) KE u ta’ l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim taż-ŻEE (premessa 404).

19      Sabiex jiġi determinat l-ammont inizjali tal-multa skond il-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni kklassifikat l-impriżi kkonċernati f’ħames kategoriji skond l-importanza relativa tagħhom fis-suq in kwistjoni (premessi 406 sa 409). Biex jiġi żgurat li l-multa jkollha effett suffiċjentement dissważiv, hija sussegwentement żiedet b’100 % l-ammont inizjali ddeterminat b’dan il-mod għal AWA, Bolloré u Sappi (premessi 410 sa 412). Sussegwentement, sabiex tiffissa l-ammont bażiku tal-multi imposti, il-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni t-tul ta’ żmien tal-ksur kommess minn kull impriża (premessi 413 sa 417).

20      Minħabba ċirkustanzi aggravanti, il-Kummissjoni żiedet b’50 % l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq AWA minħabba r-rwol tagħha bħala mexxejja prinċipali (premessi 418 sa 424). Il-Kummissjoni ma stabbiliet l-ebda ċirkustanza attenwanti f’dan il-każ.

21      Il-Kummissjoni adattat l-ammonti finali biex tieħu in kunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 (premessa 434), imbagħad hija applikat il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, li ġġustifikat tnaqqis ta’ l-ammont tal-multi b’50 % għal Mougeot, 35 % għal AWA, 20 % għal “Bolloré (Copigraph)” u 10 % għal Carrs, MHTP u Zanders (premessi 435 sa 458).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

22      B’atti separati ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza bejn il-11 u t-18 ta’ April 2002, Bolloré (T-109/02), AWA (T-118/02), MHTP (T-122/02), Koehler (T-125/02), Zanders (T-126/02), Mougeot (T-128/02), Torraspapel (T-129/02), Divipa (T-132/02) u Zicuñaga (T-136/02) ressqu dawn ir-rikorsi.

23      Bolloré titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        prinċipalment, tannulla l-Artikoli 1, 2 u 3 tad-deċiżjoni, safejn dawn jikkonċernawha;

–        sussidjarjament, tnaqqas b’mod sostanzjali ħafna l-ammont tal-multa imposta fuqha mill-Artikolu 3 tad-deċiżjoni;

–        tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

24      AWA titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla jew, sussidjarjament, tnaqqas sostanzjalment l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha mid-deċiżjoni;

–        tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż;

–        tieħu dawk il-miżuri li l-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li jkunu meħtieġa.

25      Ir-Renju tal-Belġju, li intervjena in sostenn tat-talbiet ta’ AWA, jitlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha tnaqqas sostanzjalment l-ammont tal-multa imposta fuq din ta’ l-aħħar.

26      MHTP titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni, safejn jirriżulta minnu li hija pparteċipat fi ksur qabel l-1 ta’ Jannar 1993;

–        tnaqqas il-livell tal-multa li ġiet imposta fuqha;

–        tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

27      Koehler titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni;

–        sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha mill-Artikolu 3 tad-deċiżjoni;

–        tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

28      Zanders titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni, safejn dan jimponi fuqha multa ta’ EUR 29 760 000;

–        sussidjarjament, tnaqqas il-mutla li ġiet imposta fuqha mill-Artikolu 3 tad-deċiżjoni;

–        tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

29      Mougeot titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        prinċipalment, tannulla d-deċiżjoni;

–        sussidjarjament, tnaqqas sostanzjalment l-ammont tal-multa imposta mill-Kummissjoni;

–        tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

30      Torraspapel titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni safejn dan jikkonstata li r-rikorrenti kisret l-Artikolu 81(1) KE bejn l-1 ta’ Jannar 1992 u x-xahar ta’ Settembru 1993, u konsegwentement tnaqqas il-multa;

–        tnaqqas b’mod sostanzjali l-multa imposta fuq ir-rikorrenti mill-Artikolu 3 tad-deċiżjoni;

–        tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż u l-interessi marbuta mad-depożitu ta’ garanzija bankarja jew mal-ħlas tal-multa kollha kemm hi jew in parti.

31      Divipa titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni safejn din tistabbilixxi, minbarra l-parteċipazzjoni tagħha f’akkordju li jirrigwarda s-suq Spanjol, il-parteċipazzjoni tagħha f’akkordju li jkopri s-suq taż-ŻEE kollu u, sussidjarjament, tnaqqas il-multa imposta fuqha minn din id-deċiżjoni;

–        tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

32      Zicuñaga titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        prinċipalment, tannulla l-Artikoli 1, 3 u 4 tad-deċiżjoni, safejn dawn l-Artikoli jikkonċernawha;

–        sussidjarjament, tnaqqas il-multa imposta mill-Kummisjoni kif ġej:

–        tannulla ż-żieda tal-multa b’10 %, minħabba li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur m’eċċedietx sena;

–        tnaqqas b’mod sostanzjali, mill-inqas għal madwar 60 %, l-ammont bażiku tal-multa, minħabba l-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti;

–        tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

33      F’kull waħda minn dawn il-kawżi, il-Kummissjoni talbet sabiex ir-rikors jiġi miċħud u sabiex ir-rikorrenti tiġi ordnata sabiex tbati l-ispejjeż.

34      Fil-kawżi, T-109/02, T-118/02, T-122/02, T-125/02, T-128/02, T-132/02 u T-136/02, il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet domandi bil-miktub li għalihom il-partijiet ikkonċernati wieġbu fit-termini previsti.

35      B’ittra ta’ l-14 ta’ Ġunju 2005, li kienet tinkludi osservazzjonijiet fuq ir-rapport għas-seduta, ir-rikorrenti fil-kawża T-126/02 informat lill-Qorti tal-Prim’Istanza dwar it-tibdil ta’ l-isem tal-kumpannija tagħha u ta’ l-istatut, fejn Zanders Feinpapiere AG saret M-real Zanders GmbH (iktar ’il quddiem “ Zanders ” xorta waħda).

36      It-trattazzjoni u r-risposti tal-partijiet għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza instemgħu separatament fis-seduti li saru fit-2, is-7, l-14, is-16 u l-21 ta’ Ġunju 2005.

37      Peress li l-partijiet ġew mistiedna mill-Qorti tal-Prim’Istanza, fis-seduta ta’ kull kawża, sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-għaqda eventwali tal-kawżi kollha għall-finijiet tas-sentenza u peress li dawn ma qajmux oġġezzjonijiet, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li hemm lok biex dawn il-kawżi jingħaqdu għall-finijiet tas-sentenza, skond l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.

 Id-dritt

38      It-talbiet tar-rikorrenti huma intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni u/jew it-tħassir jew it-tnaqqis tal-multa.

I –  Fuq il-motivi relativi għall-annullament tad-deċiżjoni

39      Ir-rikorrenti qed jippruvaw jiksbu, skond il-każ, l-annullament totali tad-deċiżjoni jew ta’ wħud mid-dispożizzjonijiet tagħha li jikkonċernawhom. Dawn it-talbiet għal annullament jistrieħu fuq motivi proċedurali, relativi għall-iżvolġimenttal-proċedura amministrattivau fuq motivi sostantivi, li jirrigwardaw il-konstatazzjonijiet u l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta’ ċerti impriżi fil-ksur.

A –  Fuq il-motivi relativi għall-iżvolġiment tal-proċedura amministrattiva

1.     Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt tal-partijiet li jinstemgħu li jirriżulta min-nuqqas ta’ żvelar, waqt il-proċedimenti aministrattivi, ta’ dokumenti kklassifikati bħala kunfidenzjali mill-Kummissjoni.

a)     L-argumenti tal-partijiet

40      Zicuñaga ssostni li jirriżulta kemm mid-duttrina legali kif ukoll mill-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 17 li l-aċċess komplet għall-fajl ta’ l-investigazzjoni jikkostitwixxi garanzija proċedurali intiża sabiex tiżgura l-eżerċizzju efettiv tad-drittijiet tad-difiża, b’mod partikolari d-dritt tal-partijiet li jinstemgħu. Hija tenfasizza li din il-garanzija hija intiża sabiex tippermetti lill-parti kkonċernata mhux biss li tikkontesta d-dokumenti invokati kontriha mill-Kummissjoni, iżda wkoll li taċċedi għad-dokumenti li jistgħu jiskaġunawha u jintużaw għad-difiża tagħha.

41      Fir-rigward tad-dokumenti kunfidenzjali, fil-fehema tagħha, hija l-Kummissjoni li trid tirrikonċilja l-interess leġittimu ta’ l-impriża kkonċernata għar-rispett tal-kunfidenzjalità, minn naħa, mad-drittijiet tad-difiża, min-naħa l-oħra. Madankollu, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha, fid-deċiżjoni finali, fuq dokumenti li fuqhom il-parti akkużata ma kinitx f’pożizzjoni li tagħmel l-osservazzjonijiet tagħha. Ir-rifjut tal-Kummissjoni li tikkomunika dokument waqt il-proċedimenti amministrattivi barra minn hekk jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża ladarba teżisti possibbiltà li l-proċedimenti amministrattivi setgħu jwasslu għal riżultat differenti li kieku dan id-dokument ġie kkomunikat lill-parti interessata. Għaldaqstant, skond Zicuñaga, in-nuqqas ta’ żvelar ta’ dokumenti kklassifikati bħala kunfidenzjali mill-Kummissjoni kiser id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.

42      Il-Kummissjoni tenfasizza li l-investigazzjoni li hija għamlet tirrispetta l-garanziji kollha meħtieġa u ma kisret l-ebda prinċipju tad-dritt. Hija tqis, għalhekk, li, sakemm Zicuñaga ma tispeċifikax liema dokumenti ntużaw kontriha mill-Kummissjoni, l-argument tagħha huwa inammissibbli.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

43      L-ewwel nett, għandha tiġi enfasizzata n-natura ambigwa ta’ l-argumentazzjoni ta’ Zicuñaga. It-titolu tal-motiv in kwistjoni (“Ksur tad-dritt tal-partijiet li jinstemgħu. Nuqqas ta’ produzzjoni tad-dokumenti inkriminanti”) jagħti x’jifhem li r-rikorrenti tikkontesta biss in-nuqqas ta’ komunikazzjoni mill-Kummissjoni, matul il-proċedimenti amministrattivi, ta’ dokumenti inkriminanti użati fid-deċiżjoni. Partijiet oħra tar-rikors tagħha jissuġġerixxu li hija tilmenta wkoll fuq in-nuqqas ta’ żvelar, matul l-imsemmija proċedimenti, ta’ dokumenti li allegatament setgħu jinkludu provi li setgħu jiskaġunawha.

44      Safejn Zicuñaga tixtieq tikkontesta l-fatt li l-Kummissjoni ma kkomunikatx, fil-proċedimenti amministrattivi, dokumenti allegatament użati kontriha fid-deċiżjoni, għandu jiġi rilevat, kif tagħmel il-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, li Zicuñaga ma tidentifika l-ebda dokument ta’ dan it-tip. Peress li l-allegazzjoni tagħha ma ġiet sostnuta bl-ebda mod, hija għandha tiġi respinta.

45      Safejn Zicuñaga tikkritika l-fatt li l-Kummissjoni rrifjutatilha l-aċċess, matul il-proċedimenti amministrattivi, għal dokumenti li allegatament kienu utili għad-difiża tagħha, peress li seta’ kellhom elementi li setgħu jiskaġunawha, għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni hija marbuta, sabiex l-impriżi in kwistjoni jkunu jistgħu jiddefendu rwieħhom utilment mill-oġġezzjonijiet fformulati kontrihom fid-DO, tagħtihom aċċess għall-fajl kollu ta’ l-investigazzjoni, ħlief għad-dokumenti li fihom sigrieti kummerċjali ta’ impriżi oħra jew informazzjoni oħra kunfidenzjali u dokumenti interni tal-Kummissjoni (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, T-23/99, Ġabra p. II‑1705, punt 170, u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Barra minn hekk, id-dritt ta’ l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet għall-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom għandu jiġi bbilanċjat mal-garanzija tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl kollu. B’hekk, jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li ċerti dokumenti mill-fajl ta’ l-investigazzjoni tagħha fihom sigirieti kummerċjali jew informazzjoni oħra kunfidenzjali, hija għandha tipprepara, jew titlob li jiġi ppreparat mill-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi li jkunu pprovdew id-dokumenti in kwistjoni, verżjonijiet mhux kunfidenzjali tagħhom. Jekk il-preparazzjoni tal-verżjonijiet mhux kunfidenzjali tad-dokumenti kollha tirriżulta li tkun diffiċli, hija għandha tikkomunika lill-partijiet ikkonċernati lista suffiċjentement preċiża tad-dokumenti problematiċi sabiex ikunu jistgħu jevalwaw jekk hemmx għalfejn jitolbu aċċess għal dokumenti speċifiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Ġunju 1995, Solvay vs Il-Kummissjoni, T-30/91, Ġabra p. II‑1775, punti 88 sa 94).

47      F’dan il-każ, jirriżulta mis-sottomissjonijiet bil-mitkub ta’ Zicuñaga li hija tikkontesta b’mod partikolari l-fatt li l-Kummissjoni ċaħditilha l-aċċess għall-informazzjoni dettaljata, imsemmija fil-premessa 288 tad-deċiżjoni, dwar il-bejgħ magħmul għal kull pajjiż fit-territorju taż-ŻEE matul il-perijodu ta’ riferenza ta’ l-akkordju minn numru ta’ impriżi inkriminati, fosthom Zicuñaga. Skond din ta’ l-aħħar, din l-informazzjoni x’aktarx fiha elementi li kienu jippermettulha turi li hija m’applikatx prassi ta’ prezzijiet miftiehma mal-produtturi Ewropej tal-karta saħħara.

48      F’dan ir-rigward, il-lista ta’ dokumenti li jikkostitwixxu l-fajl fil-kawża T-136/02, ippreżentata mill-Kummissjoni f’risposta għal domanda magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, turi li l-Kummissjoni poġġiet għad-dispożizzjoni tal-partijiet, fil-proċedimenti amministrattivi, verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dokumenti li jikkorrispondu għall-informazzjoni msemmija fil-punt 288 ladarba dawn id-dokumenti kienu ġew ikklassifikati bħala inaċċessibbli. Zicuñaga għaldaqstant setgħet tevalwa jekk kinex hemm għalfejn titlob aċċess għal dokumenti speċifiċi.

49      Għandu jiġi mfakkar f’dan ir-rigward li, fi proċedimenti għall-konstatazzjoni ta’ ksur ta’ l-Artikolu 81 KE, il-Kummissjoni mhijiex obbligata tagħti aċċess, fuq inizjattiva tagħha stess, għal dokumenti li mhumiex fil-fajl tagħha ta’ investigazzjoni u li hija m’għandhiex l-intenzjoni li tuża biex tinkrimina lill-partijiet ikkonċernati fid-deċiżjoni finali. Parti li ssir taf matul il-proċedimenti amministrattivi li l-Kummissjoni għandha dokumenti li jistgħu jintużaw għad-difiża tagħha għandha tagħmel talba espressa lill-istituzzjoni sabiex ikollha aċċess għal dawn id-dokumenti. Jekk il-parti ma tagħmilx hekk matul il-proċedimenti amministrattivi hija tkun prekluża milli tinvoka dan id-dritt fi kwalunkwe azzjoni għal annullament li eventwalment tiġi ppreżentata kontra d-deċiżjoni finali (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, T-25/95, T-26/95, T-30/95 sa T-32/95, T-34/95 sa T-39/95, T-42/95 sa T-46/95, T-48/95, T-50/95 sa T-65/95, T-68/95 sa T-71/95, T-87/95, T-88/95, T-103/95 u T-104/95, Ġabra. p. II‑491, iktar ’il quddiem is-“sentenza Ciment”, punt 383).

50      Zicuñaga, matul il-proċedimenti amministrattivi, m’għamlet l-ebda talba formali għal aċċess għall-verżjoni kunfidenzjali ta’ l-informazzjoni msemmija iktar ’il fuq. Fil-fatt, għalkemm hija tirreferi, fit-tweġiba tagħha għal domanda magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, għal talba bil-miktub għal aċċess għal din l-informazzjoni u tippreżenta l-ittra tal-Kummissjoni li tiċħad din it-talba, għandu jiġi kkonstatat li din it-talba hija tat-3 ta’ April 2002 u għaldaqstant saret wara li ntemmu l-proċedimenti amministrattivi u wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni. In-nuqqas ta’ Zicuñaga li tagħmel tali talba matul il-proċedimenti amministrattivi għandu għaldaqstant l-effett li hija prekluża milli tagħmel din it-talba fi kwalunkwe azzjoni għal annullament.

51      Hemm għaldaqstant lok biex dan il-motiv imressaq minn Zicuñaga jiġi miċħud.

2.     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl minħabba n-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ dokumenti mhux inklużi fil-fajl ta’ l-investigazzjoni kkomunikat fuq CD-ROM

a)     L-argumenti tal-partijiet

52      Koehler takkuża lill-Kummissjoni li ma tathiex aċċess għal ċerti dokumenti li ma kinux jagħmlu parti mill-fajl ta’ l-investigazzjoni kkomunikat fuq CD-ROM lid-destinatarji tad-DO fl-1 ta’ Awwissu 2000. Hija tirreferi partikolarment għar-risposti għad-DO tad-destinatarji l-oħra tagħha, kif ukoll għall-anness ma’ dawn ir-risposti, b’mod partikolari r-rapport ta’ l-espert, imsemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 365 tad-deċiżjoni, li ġie kkomunikat minn AWA lill-Kummissjoni. Hija ssostni li d-diversi riferenzi għar-risposti għad-DO li jinsabu fid-deċiżjoni jixhdu li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq dawn ir-risposti fl-analiżi tagħha tal-fatti u fil-kalkolu tal-multi. Koehler iżżid li r-risposta ta’ Mougeot għad-DO turi li l-fajl jinkludi viżibbilment ukoll informazzjoni li kienet tkun utili għad-difiża tagħha.

53      Il-Kummissjoni twieġeb li anki jekk hija setgħet tibbaża ruħha biss fuq fatti li fuqhom l-impriżi kkonċernati kellhom l-okkażjoni li jispjegaw irwieħhom, ir-risposti għad-DO ma jagħmlux parti mill-fajl ta’ l-investigazzjoni fir-rigward ta’ liema għandu jingħata aċċess. Il-proċedimenti amministrattivi għandhom jiġu kkunsidrati bħala magħluqa malli jiġu rċevuti r-risposti u ma jistgħux jibqgħu miftuħin ad infinitum, billi kull impriża tkun tixtieq tieħu pożizzjoni fuq l-osservazzjonijiet ta’ l-oħrajn. Koehler ma identifikatx provi inkriminanti li l-Kummissjoni bbażat oġġezzjoni kontriha fuqhom u li fir-rigward tagħhom hija ma setgħetx tagħmel osservazzjonijiet.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

54      L-argumenti ta’ Koehler jistgħu jinftiehmu bħala li fihom żewġ aspetti. Minn naħa, ċerti dokumenti li mhumiex inklużi fil-fajl ta’ l-investigazzjoni li għalih hija kellha aċċess intużaw mill-Kummissjoni bħala provi inkriminanti fid-deċiżjoni, mingħajr ma Koehler ma kellha aċċess għalihom fil-proċedimenti amministrattivi u setgħet tagħmel l-osservazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma kkomunikatx lil Koehler dokumenti li ma kinux jinsabu fil-fajl ta’ l-investigazzjoni li għalih hija kellha aċċess, li setgħu jinkludu provi li setgħu jiskaġunawha. Dawn iż-żewġ punti għandhom jiġu analizzati separatament.

55      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tan-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ l-allegati provi inkriminanti li mhumiex inklużi fil-fajl li għalih Koehler kellha aċċess, għandu jiġi mfakkar, preliminarjament, li dokument jista’ jiġi kkunsidrat bħala dokument inkriminanti fir-rigward ta’ rikorrenti biss meta jintuża mill-Kummissjoni in sostenn ta’ konstatazzjoni ta’ ksur li din ir-rikorrenti tkun ipparteċipat fih (is-sentenza Ciment, punt 284).

56      Peress li dokumenti li ma jkunux ġew ikkomunikati lill-partijiet ikkonċernati fil-proċedimenti amministrattivi ma jikkostitwixxux provi ammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-setenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Lulju 1991, AKZO vs Il-Kummissjoni, C-62/86, Ġabra p. I‑3359, punt 21; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-10 ta’ Marzu 1992, Shell vs Il-Kummissjoni, T-11/89, Ġabra p. II‑757, punti 55 u 56, u ICI vs Il-Kummissjoni, T-13/89, Ġabra p. II‑1021, punti 34 u 35), hemm lok, jekk jirriżulta li l-Kummissjoni bbażat ruħha, fid-deċiżjoni kkontestata, fuq dokumenti li mhumiex inklużi fil-fajl ta’ l-investigazzjoni u li ma ġewx ikkomunikati lir-rikorrenti, li dawn id-dokumenti ma jiġux ikkunsidrati bħala provi (is-sentenza Ciment, punt 382; ara wkoll, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ottubru 1983, AEG vs Il-Kummissjoni, 107/82, Ġabra p. 3151, punti 24 sa 30; is-sentenzi Solvay vs Il-Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, punt 57, u ICI vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

57      Għaldaqstant, jekk il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni tibbaża ruħha fuq parti minn risposta għal dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet jew fuq dokument anness ma’ tali risposta sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur fi proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81(1) KE, il-partijiet l-oħra involuti f’din il-proċedura għandhom ikunu f’pożizzjoni li jippreżentaw l-argumenti tagħhom fuq dan l-element ta’ prova (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi AKZO vs Il-Kummissjoni, punt 56 iktar ’il fuq, punt 2, Shell vs Il-Kummissjoni, punt 56 iktar ’il fuq, punt 55, u ICI vs Il-Kummissjoni, punt 56 iktar ’il fuq, punt 34).

58      F’dan il-każ, ir-rikorrenti tafferma, b’mod ġenerali, fir-rikors tagħha li, “[m]inħabba n-numru ta’ riferenzi fin-noti ta’ qiegħ il-paġna, m’hemmx dubju li l-Kummissjoni użat l-osservazzjonijiet tal-partijiet l-oħra fil-proċedura sabiex issostni kemm l-espożizzjoni tagħha tal-fatti kif ukoll il-kalkolu ta’ l-ammont tal-multa”. Affermazzjoni daqshekk ġenerali ma tippermettix madankollu li jiġi ddeterminat liema dokumenti partikolari allegatament intużaw kontra Koehler fid-deċiżjoni. Fis-seduta, Koehler ammettiet, barra minn hekk, li ma kien hemm ebda dokument inkriminati li għalih hija ma kellhiex aċċess.

59      Fir-rigward, fit-tieni lok, tan-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ l-allegati provi li setgħu jiskaġunawha li ma kinux inklużi fil-fajl ta’ l-investigazzjoni li għalih hija kellha aċċess, Koehler tirreferi għar-risposti għad-DO ta’ destinatarji oħra tagħha kif ukoll għall-annessi għal dawn ir-risposti. Madankolu, hija ma tipprovax li talbet espressament lill-Kummissjoni sabiex tibagħtilha dawn il-provi; hija saħansitra ammettiet fis-seduta li ma ppreżentatx talba sabiex ikolha aċċess għal dawn id-dokumenti. Koehler għaldaqstant ma tistax tikkontesta quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza l-fatt li ma kellhiex aċċess għalihom (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Ciment, punt 383; ara wkoll il-punt 49 iktar ’il fuq).

60      Għall-kompletezza, Koehler ma pprovatx li, li kieku hija kellha aċċess għar-risposti għad-DO ta’ destinatarji oħra tagħha u għall-annessi għal dawn ir-risposti, hija setgħet tinvoka argumenti li setgħu jaffetwaw ir-riżultat li waslet għaliha d-deċiżjoni (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-10 ta’ Lulju 1980, Distillers vs Il-Kummissjoni, 30/78, Ġabra p. 2229, punt 26, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Novembru 1990, Kobor vs Il-Kummissjoni, T-7/90, Ġabra p. II‑721, punt 30).

61      Fil-fatt, fir-rigward l-ewwel nett tar-rapport ta’ l-espert anness minn AWA mar-risposta tagħha għad-DO, safejn ir-riferenza magħmula minn Koehler għall-imsemmi rapport hija intenzjonata sabiex tidentifika dokument, li mhuwiex inkluż fil-fajl ta’ l-investigazzjoni li għalih hija kellha aċċess, li seta’ jkun utili għad-difiża tagħha, jirriżulta mid-deċiżjoni (premessi 390, 392 u 396) li l-Kummissjoni ċaħdet espliċitament l-argumenti li jirrigwardaw l-allegat nuqqas ta’ impatt konkret tal-ksur fuq is-suq, żviluppat matul il-proċedimenti amministrattivi minn AWA abbażi ta’ dan ir-rapport. L-argument ta’ Koehler ibbażat fuq il-fatt li n-nuqqas ta’ aċċess għal dan ir-rapport matul il-proċedimenti amministrattivi kien ta’ ħsara għad-difiża tagħha għandu għaldaqstant jiġi miċħud.

62      Fir-rigward, it-tieni nett, tar-risposta ta’ Mougeot għad-DO, Koehler issostni, fir-replika tagħha, li l-imsemmija risposta turi li l-fajl jinkludi b’mod ċar informazzjoni li hi utili għad-difiża tagħha. Hija tirreferi, f’dan ir-rigward, għal silta minn din ir-risposta ċċitata fil-premessa 293 tad-deċiżjoni, li fiha Mougeot, li kienet qed tirtira dikjarazzjoni magħmula preċedentement lill-Kummissjoni, tallega li “ id-[DO] ma turix li l-laqgħat ta’ l-AEMCP [Association of European Manufacturers of Carbonless Paper] servew bħala qafas għal mekkaniżmi kollużivi qabel ir-ristrutturar ta’ l-assoċjazzjoni f’Settembru 1993”. Madankollu, fil-premessa 295 tad-deċiżjoni, il-Kummissjoni ċaħdet espliċitament dan l-argument billi sostniet li d-dikjarazzjonijiet ta’ Sappi, Mougeot u AWA moqrija flimkiem kienu jistabbilixxu li l-laqgħat ġenerali ta’ l-akkordju bdew l-iżjed tard fl-1992. B’riferenza għall-premessi 112 u 113 tad-deċiżjoni, hija żżid li l-provi pprovduti minn Sappi jikkonfermaw li kienet teżisti kollużjoni fi ħdan il-laqgħat ta’ l-Assoċjazzjoni ta’ Produtturi Ewropej tal-Karta Saħħara (AEMCP) jew il-laqgħat li saru fl-okkażjoni ta’ dawn ta’ l-aħħar qabel Settembru ta’ l-1993. Il-parti tar-risposta ta’ Mougeot għad-DO iċċitata minn Koehler għaldaqstant ma tipprovax, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni din ta’ l-aħħar, li r-risposti għad-DO u d-dokumenti annessi magħha kienu jippermettu lil din l-impriża tiżviluppa argumenti li setgħu jwasslu sbaiex il-proċedimenti amministrattivi jkollhom riżultat differenti.

63      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

3.     Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju tal-kontraddittorju li jirriżulta minn nuqqas ta’ konsistenza bejn id-DO u d-deċiżjoni

a)     L-argumenti tal-partijiet

64      Bolloré issostni li, fl-istadju tad-DO, il-Kummissjoni stabbiliet il-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur biss minħabba r-responsabbiltà tagħha bħala kumpannija parent għall-aġir personali tal-kumpannija sussidjarja tagħha Copigraph. Madankollu, id-deċiżjoni tinkludi oġġezzjoni ġdida fir-rigward tagħha, ibbażata fuq l-involviment personali u awtonomu tagħha fl-akkordju. Hija tallega li, billi ma offritilhiex il-possibbiltà li tieħu pożizzjoni fuq din l-oġġezzjoni matul il-proċedimenti amministrattivi, il-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża fil-konfront tagħha.

65      Il-Kummissjoni tikkontesta li, fid-deċiżjoni, Bolloré hija kkunsidrata bħala involuta personalment fil-ksur. L-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha ġie attribwit lilha għaliex flimkien, huma jifformaw impriża waħda u unika. Dan il-motiv jista’ għaldaqstant jintlaqa’ biss jekk jiġi pprovat li l-attribuzzjoni tal-ksur lir-rikorrenti għal din ir-raġuni, ma jidhirx fid-DO jew jekk jiġi stabbilit li l-Kummissjoni kienet, fid-deċiżjoni, ibbażat l-evalwazzjoni tagħha fuq fatti li dwarhom Bolloré ma setgħetx tagħmel l-osservazzjonijiet tagħha matul il-proċedura prekontenzjuża. Madankollu dan mhuwiex il-każ.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

66      Fuq dan il-punt, għandu jiġi mfakkar li l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża, li jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju u għandu jiġi osservat fiċ-ċirkustanzi kollha, b’mod partikolari f’kull proċedimenti li jistgħu jwasslu għal penalitajiet, anki f’każ ta’ proċedimenti amministrattivi, teżiġi li l-impriża kkonċernata tkun f’pożizzjoni li tesprimi l-opinjoni tagħha effettivament fuq il-verità u r-rilevanza tal-fatti, oġġezzjonijiet u ċirkustanzi allegati mill-Kummissjoni (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Diċembru 2003, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied u Technische Unie vs Il-Kummissjoni, T-5/00 u T-6/00, Ġabra p. II‑5761, punt 32, u l-ġurisprudenza ċċitata).

67      Skond il-ġurisprudenza, id-DO għandha tinkludi espożizzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet li għalkemm qasira, tkun miktuba fi kliem suffiċjentement ċar sabiex tkun tista’ tippermetti lill-persuni kkonċernati jsiru jafu effettivament bl-aġir li bih qed jiġu akkużati mill-Kummissjoni. Huwa biss, fil-fatt, taħt din il-kundizzjoni li d-DO tista’ tissoddisfa l-funzjoni li hija attribwita lilha mir-regolamenti Komunitarji u li tikkonsisti fl-għoti ta’ l-informazzjoni kollha neċessarja għall-impriżi u għall-assoċjazzjonijiet ta’ l-impriżi sabiex dawn ikunu jistgħu jiddefendu ruħhom b’mod effettiv qabel ma l-Kummissjoni taddotta deċiżjoni finali (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Marzu 1993, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni, C-89/85, C-104/85, C-114/85, C-116/85, C-117/85 u C-125/85 sa C-129/85, Ġabra p. I‑1307, punt 42, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, T-352/94, Ġabra p. II‑1989, punt 63).

68      Barra minn hekk, ksur tad-drittijiet tad-difiża matul il-proċedimenti amministrattivi għandu jiġi evalwat fid-dawl ta’ l-oġġezzjonijiet stabbiliti mill-Kummissjoni fid-DO u fid-deċiżjoni (is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Ġunju 1995 ICI vs Il-Kummissjoni, T-36/91, Ġabra p. II‑1847, punt 70, u Solvay vs Il-Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, punt 60). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-konstatazzjoni ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża tippresupponi li l-oġġezzjoni li l-impriża ssostni li ma ġietx akkużata biha fid-DO ġiet inkluża mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

69      Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fit-tliet punti preċedenti, jeħtieġ, f’dan il-każ, li jiġi vverifikat qabel kollox fuq liema bażi l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni, stabbiliet ir-responsabbiltà ta’ Bolloré fil-ksur. L-indikazzjonijiet rilevanti jinsabu fil-premessi 353 sa 356 tad-deċiżjoni [taqsima II (Evalwazzjoni ġuridika), punt 2.3 (Responsabbiltà għall-ksur 2) (Copigraph u Bolloré)].

70      Dawn il-premessi jgħidu kif ġej:

“ (353) Matul iż-żmien tal-ksur, Copigraph SA kienet kumpannija sussidjarja ta’ [Bolloré] (li qabel kienet Bolloré Technologies SA) li kellha l-kontroll ta’ 100% tagħha. Copigraph inxtrat minn AWA fix-xahar ta’ Novembru 1998. Copigraph temmet l-attivitajiet tagħha fit-2 ta’ Frar 2000, b’effett mit-30 ta’ Diċembru 2000. Bolloré ssostni li hija ma tistax tiġi meqjusa responsabbli għall-aġir ta’ Copigraph, peress li din ta’ l-aħħar kienet kompletament awtonoma fuq il-livell ekonomiku. Skond Bolloré, din l-awtonomija titnissel mill-fatturi segwenti: l-istrutturi ta’ maniġment ta’ Copigraph u ta’ Bolloré kienu totalment distinti, Copigraph kellha l-infrastruttura tagħha stess, u l-politika kummerċjali tagħha kienet indipendenti, billi hija kienet takkwista prattikament 35 % tal-bżonnijiet tagħha f’materja prima minn fornituri li kienu esterni għall-grupp Bolloré, fosthom kompetitriċi ta’ dan ta’ l-aħħar.

(354) Copigraph kienet tagħmel parti mid-diviżjoni ‘[K]arta speċjali’ ta’ Bolloré, u l-kap ta’ din id-diviżjoni f’dak iż-żmien, [Is-Sur V.], kien fl-istess ħin direttur ġenerali ta’ Copigraph. Barra minn hekk, id-direttur kummerċjali ta’ Copigraph f’dak iż-żmien, [Is-Sur J. B.] kien ilu mill-1994 jokkupa wkoll kariga fid-dipartiment tal-bejgħ tal-fabbrika tal-karti ta’ Thonon. Għaldaqstant, [Bolloré] bilfors kienet taf bil-parteċipazzjoni tal-kumpannija sussidjarja tagħha fl-akkordju.

(355) Jeżistu wkoll provi li jimplikaw direttament lill-kumpannija parent, [Bolloré], fl-attivitajiet ta’ l-akkordju. Bolloré kienet membru ta’ l-AEMCP, li l-laqgħat uffiċjali tagħha servew ukoll bħala laqgħat ta’ l-akkordju minn Jannar 1992 sa Settembru 1993. Ir-rappreżentant ta’ Bolloré, [Is-Sur V.], kap tad-diviżjoni tagħha ‘[K]arti speċjali’, ipparteċipa f’dawn il-laqgħat ta’ l-akkordju mad-direttur kummerċjali ta’ Copigraph. Huwa pparteċipa wkoll fil-laqgħa ta’ l-akkordju dedikata għas-suq Franċiż fl-1 ta’ Ottubru 1993. Id-direttur kummerċjali ta’ Copigraph kien preżenti fil-laqgħat kollha sussegwenti ta’ l-akkordju fejn rappreżentanti individwali ta’ Copigraph ġew identifikati. Dawn il-laqgħat kollha saru fl-1994 u, kif diġà ġie indikat, id-direttur kummerċjali ta’ Copigraph kien jokkupa fl-istess ħin kariga fid-dipartiment tal-bejgħ fi ħdan Bolloré.

(356) Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni tqis li Bolloré għandha, f’dak li jikkonċerna l-akkordju, tiġi meqjusa bħala responsabbli mhux biss ta’ l-aġir tagħha nnifisha, iżda wkoll ta’ dik ta’ Copigraph matul il-perijodu kollu speċifikat.”

71      Jirriżulta mis-silta tad-deċiżjoni riprodotta hawn fuq li Bolloré ġiet attribwita bir-responsabbiltà għall-ksur minħabba, minn naħa, li hija kellha tiġi kkunsidrata bħala responsabbli għall-parteċipazzjoni tal-kumpannija sussidjarja tagħha Copigraph fl-akkordju u, min-naħa l-oħra, li kienu jeżistu provi fuq l-involviment dirett tagħha fl-attivitajiet ta’ l-akkordju.

72      Bolloré ma tikkontestax il-fatt li d-DO ppermettitilha tifhem u tieħu pożizzjoni fuq il-fatt li, fl-imsemmija DO, il-Kummissjoni attribbwitilha l-ksur minħabba r-responsabbiltà tagħha, peress li kienet il-kumpannija parent b’kontroll ta’ 100 % ta’ Copigraph fi żmien il-ksur, għall-parteċipazzjoni ta’ Copigraph fl-akkordju. L-oġġezzjoni tagħha tirrigwarda n-nuqqas ta’ indikazzjoni, fid-DO, ta’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tattribbwilha l-ksur ukoll minħabba l-involviment dirett tagħha fl-attivitajiet ta’ l-akkordju.

73      Il-partijiet rilevanti tad-DO jinsabu fil-punti 240 sa 245 u 248 [taqsima II (Evalwazzjoni ġuridika), punt B (Applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni) 8 (Responsabbiltà għall-ksur)].

74      Għandu fl-ewwel lok jiġi rilevat li, f’dawn il-punti tad-DO, il-Kummissjoni ma stabbiliet ebda involviment dirett ta’ Bolloré fl-akkordju, bid-differenza ta’ l-indikazzjonijiet relativi għal kumpanniji parent oħra msemmija fid-DO, bħal AWA u Torraspapel, li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni ssemmi, dwar AWA, li “[hija] pparteċipat b’mod dirett u awtonomu fl-akkordju illegali, permezz tad-diviżjoni tagħha Arjo Wiggins Carbonless Paper Operation ” u, dwar Torraspapel, li “[j]eżistu wkoll provi li jimplikaw lill-kumpannija parent direttament fl-attivitajiet kollużivi”.

75      Fit-tieni lok, kif tenfasizza ġustament Bolloré, jirriżulta mill-punt 243 tad-DO li l-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn żewġ tipi ta’ sitwazzjonijiet:

“F’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet bejn il-kumpanniji parent u sussidjarji, il-Kummissjoni tibgħat din id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet lill-kumpannija prinċipali jekk

–        tnejn jew iktar mill-kumpanniji sussidjarji tagħha pparteċipaw fil-ksur,

–        il-kumpannija parent kienet involuta fil-ksur.

Fil-każijiet l-oħra ta’ parteċipazzjoni ta’ kumpannija sussidjarja, id-dikjarazzjoni tintbagħat lilha u lill-kumpannija parent.”

76      Fir-rigward tal-grupp magħmul minn Bolloré u minn Copigraph, id-DO ġiet indirizzata mhux biss lil Bolloré, iżda wkoll lil Copigraph, ħaġa li, fid-dawl tal-kriterji msemmija fil-punt 243 tad-DO, kienet tali li sserraħ moħħ Bolloré li l-Kummissjoni ma kinitx tikkunsidra, fl-istadju tad-DO, li Bolloré, kumpannija parent tal-grupp, kienet direttament involuta fil-ksur.

77      Għandu jiġi għaldaqstant ikkonstatat li, skond id-DO, il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni tattribwixxi r-responsabbiltà għall-ksur lil Bolloré biss minħabba l-fatt li hi, bħala kumpannijaparent tal-grupp ikkostitwit, fi żmien il-ksur, minn Bolloré u minn Copigraph, il-kumpannija sussidjarja tagħha u li fiha kellha l-kontroll ta’ 100 % tal-kapital, kellha titqies bħala responsabbli għall-aġir illegali ta’ Copigraph. Meta qrat id-DO, Bolloré ma setgħetx tipprevedi li, sabiex iżżommha responsabbli għall-ksur, il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tibbaża ruħha wkoll fuq involviment dirett min-naħa tagħha fl-attivitajiet ta’ l-akkordju, kif għamlet fid-deċiżjoni.

78      Għandu jingħad ukoll li l-fatti msemmija mill-Kummissjoni, fil-premessa 355 tad-deċiżjoni, in sostenn ta’ l-argument tagħha dwar l-involviment dirett ta’ Bolloré fil-ksur, jiġifieri l-affiljazzjoni ta’ Bolloré ma’ l-AEMCP u r-rappreżentanza tagħha mis-Sinjuri V. u J. B. f’numru ta’ laqgħat ta’ l-akkordju ma ssemmewx fid-DO. Fil-fatt, anki li kieku kellu jiġi aċċetat, skond l-argument tal-Kummissjoni, li l-affiljazzjoni ta’ Bolloré ma’ l-AEMCP tirriżulta minn dokumenti annessi mad-DO, għandu jiġi kkonstatat li, fiha, il-Kummissjoni tiċċita biss lil Copigraph minn fost il-membri tal-AEMCP u, qatt ma ssemmi lil Bolloré. Fir-rigward tas-Sinjuri V. u J. B., dawn dejjem ġew identifikati, fid-DO, bħala rappreżentanti ta’ Copigraph, u mhux ta’ Bolloré, fil-laqgħat ta’ l-akkordju. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma ssemmi lil Bolloré fost l-impriżi rrappreżentati f’dawn il-laqgħat f’ebda parti tad-DO.

79      B’hekk, id-DO ma ppermettietx lil Bolloré issir taf bl-oġġezzjoni bbażata fuq l-involviment dirett tagħha fil-ksur, u lanqas bil-fatti kkunsidrati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni in sostenn ta’ din l-oġġezzjoni, b’mod li Bolloré, kif jirriżulta minn qari tar-risposta tagħha għad-DO, ma setgħetx validament tiddefendi ruħha, fil-proċedimenti amministrattivi, fir-rigward ta’ din l-oġġezzjoni u dawn il-fatti.

80      Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, anki jekk id-deċiżjoni tinkludi allegazzjonijiet ġodda ta’ fatt jew ta’ dritt li fir-rigward tagħhom l-impriżi kkonċernati ma nstemgħux, il-vizzju kkonstatat jagħti lok għall-annullament tad-deċiżjoni f’dan ir-rigward biss jekk l-allegazzjonijiet ikkonċernati ma jistgħux jiġu stabbiliti suffiċjentement skond il-liġi abbażi ta’ provi oħrajn ikkunsidrati fid-deċiżjoni u li fir-rigward tagħhom l-impriżi kkonċernati kellhom l-okkażjoni li jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, T-191/98, T-212/98 sa T-214/98, Ġabra p. II‑3275, punt 196; ara wkoll, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Frar 2002, Compagnie générale maritime et vs Il-Kummissjoni, T-86/95, Ġabra p. II‑1011, punt 447). Barra minn hekk, il-ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ Bolloré jista’ jaffetwa l-validità tad-deċiżjoni safejn tikkonċerna lil Bolloré biss jekk id-deċiżjoni kienet ibbażata unikament fuq l-involviment dirett ta’ Bolloré fil-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, punt 67 iktar ’il fuq, punt 74). F’dan il-każ, fil-fatt, jekk l-oġġezzjoni l-ġdida, ibbażata, fid-deċiżjoni, fuq involviment dirett ta’ Bolloré fl-attivitajiet ta’ l-akkordju, ma tistax tintlaqa’, ir-responsabbiltà għall-ksur ma tistax tiġi attribwita lil din ta’ l-aħħar.

81      Madankollu, jekk jirriżulta, fl-eżami tal-mertu, (ara iktar ’il quddiem il-punti 123 sa 150), li l-Kummissjoni, ġustament, ikkunsidrat lil Bolloré bħala responsabbli għall-parteċipazzjoni tal-kumpannija sussidjarja tagħha Copigraph fl-akkordju, l-illegalità mwettqa mill-Kummissjoni ma tistax tkun suffiċjenti biex tiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni peress li hija ma setax kellha influwenza determinanti fir-rigward tad-dispożittiv adottat mill-istituzzjoni (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Mejju 2002, Graphischer Maschinenbau vs Il-Kummissjoni, T-126/99, Ġabra p. II‑2427, punt 49, u ta’ l-14 ta’ Diċembru 2005, Honeywell vs Il-Kummissjoni, T-209/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 49). Fil-fatt, skond ġurisprudenza stabbilita sew, safejn ċerti motivi ta’ deċiżjoni huma waħedhom, tali li jiġġustifikaw id-deċiżjoni suffiċjentement skond il-liġi, il-vizzji relativi għal motivi oħra ta’ l-att, fi kwalunkwe każ, ma jaffettwawx id-dispożittiv tiegħu (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Settembru 2005, EDP vs Il-Kummissjoni, T-87/05, Ġabra p. II‑3745, punt 144; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 2001, Il-Kummissjoni u Franza vs TF1, C-302/99 P u C-308/99 P, Ġabra p. I‑5603, punti 26 sa 29).

4.     Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, tad-dritt għal smigħ xieraq u tal-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ l-innoċenza

a)     L-argumenti tal-partijiet

82      Zicuñaga ssostni, fl-ewwel lok, li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ l-innoċenza billi stabbiliet li kienet ipparteċipat fl-akkordju abbażi ta’ sempliċi preżunzjonijiet u dikjarazzjonijiet indiretti. Hija tesponi li n-nuqqas ta’ penalità suffiċjentement ċara fil-każ ta’ għoti ta’ informazzjoni ineżatta jew inkompleta tista’ tħeġġeġ lill-impriżi sabiex jibagħtu lill-Kummissjoni informazzjoni riformulata jew ħażina bil-għan li jenfasizzaw il-kooperazzjoni tagħhom. Zicuñaga żżid li, filwaqt li għall-bidu, impriża setgħet biss tittama li tibbenifika mill-klemenza tal-Kummissjoni fil-każ ta’ għoti ta’ provi deċiżivi, sussegwentement il-Kummissjoni ratbet il-pożizzjoni tagħha. Hija tallega li, f’dawn iċ-ċirkustanza, id-dikjarazzjonijiet ta’ Sappi għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni bi prudenza u jistgħu jitqiesu affidabbli biss jekk jiġu sostnuti minn provi oħra.

83      Fit-tieni lok, Zicuñaga ssostni li l-Kummissjoni ma tistax tibbaża l-evalwazzjonijiet tagħha fuq ix-xhieda ta’ persuna li l-identità tagħha mhijiex magħrufa, mingħajr ma tikkaġuna ħsara lid-drittijiet tad-difiża billi ma tippermettix il-konfutazzjoni ta’ l-allegazzjonijiet ta’ dan ix-xhud matul is-smigħ tiegħu. B’riferenza għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, hija ssostni li huwa indispensabbli li persun tkun tista’ tikkonfronta x-xhud dwar l-affermazzjonijiet tiegħu sabiex jiġi kkonstatat il-livell ta’ kredibbiltà tax-xhieda u tal-persuna kkonċernata, u li l-akkużat jingħata l-possibbiltà jikkontesta x-xhieda li tinkriminaħ u jinterroga lill-awtur ta’ dik ix-xhieda, waqt id-depożizzjoni tiegħu jew iktar ’il quddiem.

84      Il-Kummissjoni tikkontesta l-kwalifika bħala sempliċi suppożizzjonijiet jew dikjarazzjonijiet indiretti ta’ l-elementi li fuqhom hija tibbaża ruħha biex tistabbilixxi l-parteċipazzjoni ta’ Zicuñaga fil-ksur. Hija tenfasizza li l-qrati Komunitarji qatt ma ddubitaw il-leġittimità tal-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni u lanqas il-valur probatorju tad-dikjarazzjonijiet magħmula f’dan ir-rigward mill-impriżi. Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 17 ma jipprovdix għall-possibbiltà li jiġu interrogati xhieda fil-kuntest tal-proċedimenti amministrattivi u r-rikorrenti ma għamlet ebda talba f’dan is-sens lill-Qorti tal-Prim’Istanza.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

85      Safejn permezz ta’ din l-argumentazzjoni Zicuñaga għandha l-intenzjoni tiċħad il-valur probatorju tad-dikjarazzjonijiet ta’ persuni mhux identifikati, invokati mill-Kummissjoni in sostenn ta’ l-oġġezzjonijiet magħmula kontra Zicuñaga fid-deċiżjoni, l-imsemmija argumentazzjoni taqa’ taħt l-eżami tal-mertu, li se jiġi trattat iktar ‘il quddiem, li jikkonsisti fil-verifka ta’ jekk dawn l-oġġezzjonijiet ġewx stabbiliti suffiċjentement.

86      Safejn l-argumentazzjoni eżaminata hija intiża wkoll sabiex tallega ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ xieraq inkwantu n-nuqqas ta’ riferenza, fid-DO, ta’ l-identità ta’ l-awtur(i) tad-dikjarazzjonijiet li jsostnu l-evalwazzjonijet tal-Kummissjoni li jirrigwardaw lil Zicuñaga żammha milli tikkontesta dawn l-evalwazzjonijiet permezz ta’ talba għas-smigħ ta’ l-imsemmi jew imsemmija awtur(i) matul il-proċedimenti amministrattivi, għandu jiġi mfakkar li, għalkemm, ċertament, l-Artikolu 6(3)(d) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali (KEDB) jipprovdi li “[k]ull min ikun akkużat b’reat kriminali għandu d-drittijiet minimi li ġejjin […] li jeżamina jew li jara li jiġu eżaminati xhieda kontrih u li jottjeni l-attendenza u l-eżami ta’ xhieda favur tiegħu taħt l-istess kundizzjonijiet bħax-xhieda kontra tiegħu”, jirriżulta madankollu minn ġurisprudenza stabbilita li l-Kummissjoni mhijiex tribunal fis-sens ta’l-Artikolu 6 tal-KEDB (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ottubru 1980, Van Landewyck et vs Il-Kummissjoni, 209/78 sa 215/78 u 218/78, Ġabra p. 3125, punt 81, u tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 7). Barra minn hekk, l-Artikolu 15(4) tar-Regolament Nru 17 jipprovdi espliċitament li d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jimponu multi għal ksur tal-liġi dwar il-kompetizzjoni mhumiex ta’ natura penali (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Ottubru 1994, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, T-83/91, Ġabra p. II‑755, punt 235).

87      Ċertament, il-Kummissjoni għandha xorta waħda tirrispetta l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju matul il-proċedimenti amministrattivi (is-sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punt 8). Madankollu, għandu jiġi enfasizzat, minn naħa, li minkejja li l-Kummissjoni tista’ tisma’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi meta tqis li dan huwa neċessarju, hija m’għandhiex id-dritt li ssejjaħ xhieda biex jagħtu xhieda kontra l-persuna kkonċernata mingħajr ma tkun kisbet il-kunsens tagħhom u, min-naħa l-oħra, li l-fatt li d-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju dwar il-kompetizzjoni ma jipprovdux għall-obbligu li l-Kummissjoni ssejjaħ xhieda favur id-difiża meta din ix-xhieda tintalab ma jmurx kontra l-prinċipji msemmija iktar ’il fuq (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Marzu 2002, HFB et vs Il-Kummissjoni, T-9/99, Ġabra p. II‑1487, punt 392).

88      F’dan il-każ, jirriżulta wkoll li Zicuñaga ma tipprovdi l-ebda indikazzjoni li turi li, matul il-proċedimenti amministrattivi, hija talbet kjarifiki lill-Kummissjoni fir-rigward ta’ l-identità tal-persuni li għamlu d-dikjarazzjonijiet invokati mill-Kummissjoni in sostenn ta’ l-oġġezzjonijiet magħmula fil-konfront tagħha fid-DO, bil-għan li dawn il-persuni jinstemgħu fil-preżenza tagħha. Lanqas ma tistabbilixxi li matul il-proċedimenti amministrattivi hija talbet il-konvokazzjoni u l-interrogazzjoni tax-xhieda favuriha.

89      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, dan il-motiv, safejn jikkonċerna ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ xieraq, għandu jiġi miċħud. Safejn huwa intiż biex jikkontesta l-valur probatorju ta’ l-elementi ta’ prova invokati mill-Kummissjoni in sostenn ta’ l-oġġezzjonijiet magħmula kontra Zicuñaga fid-deċiżjoni, l-analiżi tiegħu għandha ssir flimkiem ma’ l-eżami tal-mertu.

5.     Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba fl-investigazzjoni tal-każ u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni

a)     L-argumenti tal-partijiet

90      Zanders takkuża lill-Kummissjoni li investigat il-każ unikament kontriha. Hija ssostni li l-Kummissjoni jmissha ħadet in kunsiderazzjoni l-indikazzjonijiet li hija kienet ipprovditilha, f’Diċembru 2000 u f’Marzu 2001, rigward ir-rwol determinanti tagħha fil-waqfien ta’ l-akkordju jew li hija jmissha għamlet investigazzjonijiet supplimentari f’każ ta’ dubju fuq il-valur ta’ dawn l-indikazzjonijiet. Hija tikkontesta wkoll il-fatt li l-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni rapport ta’ l-espert li hija kienet ippreżentat, f’Marzu 2001, biex tipprova l-impatt minimu, jew ineżistenti, tat-tentattivi biex isir akkordji fuq il-prezzijiet. Minbarra dan, id-deċiżjoni ma tinkludi ebda motivazzjoni għan-nuqqas li jittieħdu in kunsiderazzjoni dawn iż-żewġ elementi. Barra minn hekk, hija ma tinkludi ebda silta li fiha jiġi eżaminat ir-rwol individwali ta’ Zanders.

91      Il-Kummissjoni tafferma li Zanders ma tissostanzjax l-affermazzjoni tagħha li hija kellha rwol partikolari fil-waqfien tal-ksur. F’dak li jikkonċerna l-effett tal-ftehim fuq il-prezzijiet fuq is-suq, il-Kummissjoni ddedikat taqsima sħiħa tad-deċiżjoni għalih (premessi 382 sa 402) fil-kuntest ta’ l-eżami ta’ l-effetti konkreti tal-ksur. Id-deċiżjoni tirrispetta kompletament l-obbligu ta’ motivazzjoni billi teżamina l-aġir tar-rikorrenti flimkien ma’ dak ta’ ħames impriżi oħra fil-premessi 263 sa 271. Barra minn hekk, Zanders ma sostnietx, fir-risposta tagħha għad-DO, li hija kellha rwol esklużivament passiv.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

92      Għandu jiġi mfakkar li, fil-każijiet bħal dan in kwistjoni, li fih l-istituzzjonijiet għandhom diskrezzjoni sabiex ikunu f’pożizzjoni li jaqdu l-funzjonijiet tagħhom, l-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku Komunitarju fil-proċedimenti amministrattivi tassumi importanza saħansitra iktar fundamentali; fost dawn il-garanziji jinsab b’mod partikolari l-obbligu ta’ l-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’reqqa u imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti tal-każ in kwistjoni (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C-269/90, Ġabra p. I‑5469, punt 14; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-24 ta’ Jannar 1992, La Cinq vs Il-Kummissjoni, T-44/90, Ġabra p. II‑1, punt 86, u tal-11 ta’ Lulju 1996, Métropole télévision et vs Il-Kummissjoni, T-528/93, T-542/93, T-543/93 u T-546/93, Ġabra p. II‑649, punt 93).

93      Barra minn hekk, skond ġurisprudenza stabbilita il-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 253 KE għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunijiet ta’ l-awtorità Komunitarja, awtriċi ta’ l-att inkriminat, b’mod li l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu bil-ġustifikazzjonijiet għall-miżuri li ttieħdu u li l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita s-setgħa ta’ stħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit tal-motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut ta’ l-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C-367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63, u tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Marzu 2002, Lögstör Rör vs Il-Kummissjoni, T-16/99, Ġabra p. II‑1633, punt 368).

94      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-Kummissjoni u tippermetti lil Zanders sabiex issir taf x’inhuma l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura li ttieħdet u lill-Qorti tal-Prim’Istanza biex teżerċita s-setgħa ta’ stħarriġ tagħha. Fil-fatt, fil-premessi 263 sa 271 tad-deċiżjoni, il-Kummissjoni teżamina l-parteċipazzjoni ta’ Zanders fl-akkordju, flimkien ma’ dik ta’ AWA, ta’ Koehler, ta’ Sappi, ta’ Stora u ta’ Torraspapel.

95      Zanders tesponi b’mod iktar speċifiku n-nuqqas ta’ teħid in kunsiderazzjoni tar-rwol tagħha fil-waqfien tal-ksur u tar-rapport ta’ l-espert li hija pprovdiet.

96      F’dak li jikkonċerna r-rwol ta’ Zanders fil-waqfien tal-ksur, għandu jiġi rilevat li, fir-risposta tagħha tat-12 ta’ Diċembru 2000 għad-DO, Zanders invokat l-ittra ta’l-1 ta’ April 1996 tas-CEO ta’ International Paper lill-impjegati kollha tal-grupp, li tiġbed l-attenzjoni tagħhom fuq il-fatt li l-grupp kien jattribwixxi l-ogħla importanza għall-osservanza tal-liġi u ta’ l-etika fil-kuntest tal-kuntatti mal-klijenti, is-sħab tan-negozju, l-amministrazzjonijiet u l-entitajiet l-oħra. Hija semmiet ukoll il-laqgħa li saret fl-uffiċċji tagħha u li kienet intiża sabiex tiggarantixxi l-osservanza tal-liġi dwar il-kompetizzjoni mill-persunal li jokkupa kariga għolja u sabiex twaqqaf programm li jistabbilixxi l-konformità ma’ din il-liġi. Hija fakkret ukoll li l-president tal-bord tal-maniġment tagħha li sar president ta’ l-AEMCP fl-1 ta’ Jannar 1996, kien iddikjara pubblikament u kjarament, wara li sar il-president ta’ l-assoċjazzjoni, li l-impriża kienet irrinunzjat għall-attivitajiet kollużivi.

97      Għandu jiġi kkonstatat li l-provi msemmija fil-punt preċedenti ġew ippreżentati minn Zanders, fir-risposta tagħha għad-DO, in sostenn ta’ l-osservazzjonijiet tagħha intiżi sabiex jikkonfutaw din l-oġġezzjoni, magħmula mill-Kummissjoni fid-DO, relativa għall-allegazzjoni li l-kuntatti kollużivi baqgħu għaddejjin wara l-ħarifa ta’ l-1995. B’mod iktar preċiż, il-preżentazzjoni ta’ l-imsemmija provi kienet tifforma parti mill-argumentazzjoni żviluppata minn Zanders sabiex tistabbilixxi li, mill-ħarifa ta’ l-1995, hija ma pparteċipatx iktar f’laqgħat sigirieti ta’ l-akkordju u l-anqas f’prattiċi miftiehma fuq il-prezzijiet ma’ kompetituri, il-politika tagħha tal-prezzijiet kienet stabbilita b’mod awtonomu u, b’mod partikolari, iż-żieda fil-prezzijiet li hija applikat f’Settembru 1996 ma rriżultatx minn laqgħa kollużiva.

98      Ma jistax jiġi miċħud li l-argumentazzjoni ta’ Zanders esposta fil-punt preċedenti ttieħdet in kunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fil-proċedimenti amministrattivi. Fid-deċiżjoni, it-tmiem tal-perijodu ta’ ksur stabbilit fil-konfront ta’ Zanders huwa fil-fatt ix-xahar ta’ Settembru 1995, u mhux kif ġie indikat fid-DO, ix-xahar ta’ Marzu 1997.

99      Min-naħa l-oħra, la r-risposta ta’ Zanders għad-DO tat-12 ta’ Diċembru 2000, u l-anqas l-osservazzjonijiet supplimentari mibgħuta minn Zanders lill-Kummissjoni fit-2 ta’ Marzu 2001 ma juru li l-provi msemmija fil-punt 96 iktar ’il fuq, jew provi oħra, ġew imressqa minn Zanders fil-proċedimenti amministrattivi bil-għan li jipprovaw, kif Zanders qed tipprova tagħmel bħalissa, li hija kella rwol determinanti fil-waqfien ta’ l-akkordju illegali, b’mod li jiġi ġġustifikat ir-rikonoxximent ta’ ċirkustanza attenwanti meta tiġi ffissata l-multa. F’dawn iċ-ċirkustanzi, Zanders ma tistax takkuża lill-Kummissjoni li kisret il-prinċipju ta’ l-amministrazzjoni tajba minħabba li din ta’ l-aħħar naqset milli tieħu in kunsiderazzjoni l-provi msemmija iktar ’il fuq bħala provi allegatament intiżi sabiex jistabbilixxu li hija kkontribwixxiet b’mod deċiżiv għall-waqfien tal-kollużjoni qabel l-ewwel investigazzjonijiet tal-Kummissjoni.

100    Bl-istess mod, għandu jiġi rilevat li, fir-risposta tagħha għad-DO, Zanders m’allegatx li kellha rwol esklużivament passiv fl-akkordju. Hija ma tistax għaldaqstant tinvoka nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, fir-rigward tal-perijodu ta’ bejn l-1992 u l-ħarifa ta’ l-1995, hija kkontestat, fir-risposta tagħha għad-DO, li hija kellha r-rwol prinċipali jew fondamentali li jattribwixxu l-punti 187 u 199 tad-DO fil-konfront tagħha. Hija kienet għaldaqstant qed issostni li ma kienx hemm ċirkustanza aggravanti. Madankollu, il-Kummissjoni ma stabbiliet ebda ċirkustanza aggravanti fir-rigward ta’ Zanders.

101    Barra minn hekk, fir-rigward tar-rapport ta’ l-espert li ġie ordnat minn Koehler, MHTP u Zanders u l-kumpannija PricewaterhouseCoopers, dan ir-rapport, tat-2 ta’ Marzu 2001 huwa intitolat “Is-sitwazzjoni kompetittiva fis-suq Ewropew tal-karta saħħara mis-sajf jew mill-ħarifa ta’ l-1995 sa Frar jew Marzu ta’ l-1997 ” (iktar ’il quddiem ir-“rapport PricewaterhouseCoopers”).

102    Jirriżulta mill-ittra li ntbagħtet flimkien mar-rapport PricewaterhouseCoopers li din ta’ l-aħħar kellha bħala għan prinċipali li tikkonfuta l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni fid-DO f’dak li jikkonċerna l-operat ta’ l-akkordju fis-suq tal-karta saħħara matul il-perijodu ta’ bejn is-sajf jew il-ħarifa ta’ l-1995 u Frar jew Marzu ta’ l-1997. Mill-bqija, il-konklużjoni ta’ dan ir-rapport issemmi espressament il-fatt li l-analiżi ekonomika tindika li l-aġir tat-tliet produtturi in kwistjoni bejn is-sajf jew il-ħarifa ta’ l-1995 u Frar jew Marzu ta’ l-1997 ma kienx miftiehem.

103    Għandu jiġi kkonstatat li r-rapport PricewaterhouseCoopers jirreferi għal perijodu li jinsab barra minn dak meqjus bħala l-perijodu tal-ksur fid-deċiżjoni. F’dan ir-rigward, ir-rapport ma jistax jiġi meqjus bħala rilevanti.

104    Madankollu, qari tar-rikors juri li l-kritika ta’ Zanders hija bbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni naqset milli tieħu in kunsiderazzjoni l-indikazzjonijiet, li jinsabu wkoll fir-rapport PricewaterhouseCoopers, intiżi sabiex jipprovaw l-impatt minimu, jew ineżistenti, tat-tentattivi ta’ akkordji fuq il-prezzijiet fil-perijodu ta’ bejn Jannar ta’ l-1992 u l-ħarifa ta’ l-1995.

105    F’dan ir-rigward, anki jekk jiġi kkunsidrat li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni indikazzjonijiet addizzjonali pprovduti in sostenn ta’ prova irrilevanti, il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-argumenti ta’ Zanders fuq l-impatt allegatament limitat ta’ l-akkordju.

106    Fil-fatt, il-premessa 388 tad-deċiżjoni tgħid li ġej:

“AWA, Carrs, MHTP (Stora), Koehler, Sappi u Zanders isostnu li l-impatt reali ta’ l-akkordju fuq is-suq tal-karta saħħara fiż-ŻEE kien limitat ħafna jew li l-akkordju ma kellu l-ebda effett negattiv. Dawn l-impriżi jinvokaw essenzjalment, f’dan ir-rigward, il-fatt li l-impatt fuq il-prezzijiet kien limitat jew ineżistenti, peress li l-prezzijiet effettivament miksuba fis-suq kienu inferjuri għaż-żidiet fil-prezzijiet deċiżi jew imħabbra. Skond dawn il-membri ta’ l-akkordju, dan juri li ż-żidiet fil-prezzijiet miftiehma ma ġewx implementati fil-prattika. Huma ressqu numru ta’ argumenti in sostenn ta’ din l-affermazzjoni, fosthom is-segwenti: il-prezzijiet u l-marġni tal-produtturi niżlu konsiderevolment; il-prezzijiet tal-karta saħħara jirriflettu essenzjalment il-varjazzjonijiet fl-ispejjeż u fid-domanda għall-polpa tal-karta, u, fl-aħħar fażijiet ta’ l-akkordju, il-limitazzjonijiet ta’ kapaċità; il-kompetizzjoni bejn produtturi baqgħet teżisti; il-produtturi kellhom jinnegozjaw żidiet fil-prezzijiet mal-klijenti fuq bażi individwali.”

107    Minkejja li ma tirreferix espliċitament għar-rapport PricewaterhouseCoopers mibgħut minn Zanders lill-Kummissjoni fil-proċedimenti amministrattivi, din is-silta mid-deċiżjoni tikkonferma mingħajr dubju l-fatt li l-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni, matul l-imsemmija proċedimenti, l-indikazzjonijiet ipprovduti b’mod partikolari minn Zanders, sabiex tipprova l-impatt minimu, jew ineżistenti tat-tentattivi ta’ akkordji fuq il-prezzijiet matul il-perijodu tal-ksur. Iċ-ċaħda mill-Kummissjoni ta’ l-argumenti ta’ l-impriżi sostnuti minn dawn l-indikazzjonijiet tfisser li l-Kummissjoni kkunsidrat li dawn l-argumenti ma kinux tali li jbiddlu l-fehma tagħha, esposta fil-premessi 382 sa 387 tad-deċiżjoni, f’dak li jikkonċerna l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq. Min-naħa l-oħra, din is-silta ma tistax tiġi interpretata bħala li tistabbilixxi li l-Kummissjoni naqset, fl-evalwazzjoni tagħha tal-każ, milli tieħu debitament in kunsiderazzjoni l-elementi ta’ prova mressqa minn Zanders għad-difiża tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Marzu 1999, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, T-141/94, Ġabra p. II‑347, punt 118).

108    Mill-analiżi preċedenti jsegwi li l-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

6.     Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl u tad-drittijiet tad-difiża, li jirriżulta mill-fatt li kien diffiċli li jinsabu ċerti dokumenti fil-fajl ta’ l-investigazzjoni u li l-lista ta’ dokumenti li jikkostitwixxu l-imsemmi fajl ma setgħetx tintuża

a)     L-argumenti tal-partijiet

109    AWA issostni li l-lista ta’ dokumenti inkluża mill-Kummissjoni fis-CD-ROM li ngħata lilha matul il-proċedimenti amministrattivi ma tistax tintuża. Fil-fatt, fil-fehma tagħha, din il-lista ma tinkludi la indiċi u lanqas deskrizzjoni tad-dokumenti kkonċernati, iżda hija limitata għal indikazzjoni tar-raġunijiet għalfejn uħud minn dawn id-dokumenti kienu allegatament kunfidenzjali u għalfejn ġiet inkluża verżjoni mhux kunfidenzjali korrispondenti fis-CD-ROM.

110    Koehler issostni li, qabel mas-CD-ROM intbagħat lid-destinatarji tad-DO, il-Kummissjoni neħħiet mill-fajl ċerti dokumenti kunfidenzjali u sostitwiethom b’verżjonijiet mhux kunfidenzjali li ġew inklużi f’partijiet oħra tal-fajl. Kemm fir-rigward tad-DO kif ukoll tad-deċiżjoni, il-Kummissjoni madankollu ma ħaditx ħsieb li tbiddel ir-riferenzi korrispondenti għad-dokumenti mibdula. Barra minn hekk, hija ma semmietx l-eżistenza ta’ dawn il-verżjonijiet mhux kunfidenzjali u lanqas ma indikat kif dawn jistgħu jinsabu fil-fajl. Fir-rigward tal-lista tad-dokumenti mfassla mill-Kummissjoni, din tippermetti identifikazzjoni biss approssimattiva tad-dokumenti kkonċernati. Xi drabi, huwa saħansitra impossibbli li d-dokument in kwistjoni jinstab.

111    Il-Kummissjoni tqis li ma tista’ tiġi akkużata bl-ebda ksur tad-drittijiet tad-difiża. Minn naħa, hija pprovdiet lill-impriżi, flimkien mas-CD-ROM, lista ta’ diversi dokumenti tal-fajl permezz tal-klassifikazzjoni normali relativa għall-grad ta’ aċċessibbiltà tad-dokumenti. Min-naħa l-oħra, id-dokumenti msemmija fid-DO diġà kienu ġew annessi magħha, flimkien ma’ lista li tindika l-konnessjoni bejn il-verżjonijiet kunfidenzjali u l-verżjonijiet mhux kunfidenzjali.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

112    Jirriżulta mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-Kummissjoni fiż-żewġ kawżi kkonċernati (T-118/02 u T-125/02) li fis-26 ta’ Lulju 2000, hija bagħtet lid-destinatarji tad-DO, fl-istess żmien meta ntbagħtu d-DO u d-dokumenti msemmija fiha, lista tad-dokumenti annessi mad-DO. Din il-lista ġiet ippreżentata mill-Kummissjoni bħala anness mar-risposta tagħha fil-kawża T-125/02. Fuq talba tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni ppreżentat ukoll l-imsemmija lista fil-kawża T-118/02.

113    Il-lista in kwistjoni tinkludi għal kull dokument imsemmi fid-DO, fl-ordni li fih huma ċċitati fid-DO, deskrizzjoni fil-qosor tad-dokument, l-identità ta’ l-impriża li fiha nsab id-dokument jew li kkomunikat id-dokument, in-numru tal-verżjoni mhux kunfidenzjali tiegħu.

114    Fl-1 ta’ Awwissu 2000, id-destinatarji tad-DO rċevew mingħand il-Kummissjoni, flimkien mas-CD-ROM li kien jinkludi l-fajl kollu ta’ l-investigazzjoni tal-Kummissjoni, lista, intitolata, “Lista ta’ dokumenti”, li kienet tispeċifika għal kull dokument, skond l-ordni numerika tal-fajl, il-kodiċi ta’ aċċessibbiltà tad-dokument (A għal aċċessibbli; PA għal parzjalment aċċessibbli; NA għal mhux aċċessibbli). F’dak li jikkonċerna d-dokumenti kklassifikati bħala mhux aċċessibbli kif ukoll il-partijiet mhux aċċessibbli tad-dokumenti kklassifikati bħala parzjalment aċċessibbli, hija kienet tinkludi indikazzjoni ta’ fejn setgħet tinstab fil-fajl il-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dokument jew tal-parti tad-dokument ikkonċernat u/jew deskrizzjoni fil-qosor tal-kontenut tad-dokument jew tal-parti tad-dokument ikkonċernat. B’dan, il-Kummissjoni rrispettat b’mod sħiħ id-dispożizzjonijiet tal-punt II A 1.4 tal-komunikazzjoni tagħha dwar ir-regoli tal-proċedura interni għall-eżami tat-talbiet għal aċċess għall-fajl fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat KE, ta’ l-Artikoli 65 u 66 tat-Trattat KEFA u tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 (ĠU 1997, C 23, p. 3).

115    Peress li kellhom, minn naħa, il-lista tad-dokumenti annessi mad-DO, u, min-naħa l-oħra, il-“Lista ta’ dokumenti” msemmija fil-punt preċedenti, AWA u Koehler kienu perfettament f’pożizzjoni, bħad-destinatarji l-oħra tad-DO, li jsibu fil-fajl ta’ l-investigazzjoni id-dokumenti li kienu qed ifittxu, fil-verżjoni oriġinali tagħhom jew fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tagħhom skond il-kodiċi ta’ aċċessibbiltà indikat fuq dawn il-listi.

116    Ċertament, kif tafferma l-Kummissjoni stess fl-atti tagħha relativi għall-kawża T-125/02, fir-rigward tad-dokumenti – b’mod partikolari dawk, speċifikament imsemmija minn Koehler, iċċitati fid-DO – li ġew ikklassifikati bħala mhux aċċessibbli jew bħala parzjalment aċċessibbli, id-destinatarji tad-DO ma sabux immedjatament, fil-parti li kienet tikkorrispondi għan-numru tagħhom fil-fajl, il-verżjoni kunfidenzjali tagħhom jew id-deskrizzjoni fil-qosor tal-kontenut tagħhom, u huma kellhom jirreferu għal lista sabiex isibu din il-verżjoni mhux kunfidenzjali jew din id-deskrizzjoni fil-qosor fil-fajl. Madankollu, is-sikkatura żgħira u l-ftit telf ta’ żmien li tali sitwazzjoni setgħet ikkawżat lid-destinatarji tad-DO kjarament ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jistgħu jaffettwaw il-legalità tad-deċiżjoni.

117    Għaldaqstant, is-sitt motiv għandu jiġi miċħud.

7.     Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-drittijiet tad-difiża minħabba d-dewmien fin-notifika tad-deċiżjoni

a)     L-argumenti tal-partijiet

118    AWA ssostni li, filwaqt li d-deċiżjoni apparentement ġiet adotatta fl-20 ta’ Diċembru 2001, din ġiet innotifikata lilha biss fit-8 ta’ Frar 2002. Hija żżid li, huma x’inhuma r-raġunijiet għal dan id-dewmien, matul ix-xahar u nofs li segwew l-adozzjoni tad-deċiżjoni, hija ma kinitx f’pożizzjoni li tispjega, b’mod partikolari lill-klijenti tagħha, ir-raġunijiet għaliex hija rċeviet l-ikbar multa individwali li qatt ġiet imposta.

119    Il-Kummissjoni twieġeb li fil-5 ta’ Frar 2002, hija adottat korrezzjoni qasira tad-deċiżjoni tagħha ta’ l-20 ta’ Diċembru 2001 minħabba l-bidla fl-isem tal-kumpannija tar-rikorrenti. Għaldaqstant, in-notifika tat-8 ta’ Frar 2002 tad-deċiżjoni flimkien ma’ korrezzjoni li tispjega li l-bdil li sar ma tistax tiġi meqjusa bħala tardiva.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

120    Jirriżulta mill-ittra tas-7 ta’ Frar 2002, li permezz tagħha l-membru tal-Kummissjoni inkarigat mill-kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni nnotifika d-deċiżjoni lid-destinatarji tagħha, fosthom AWA, li l-imsemmija deċiżjoni ġiet adottata fl-20 ta’ Diċembru 2001 u ġiet koretta fil-5 ta’ Frar 2002 permezz tal-proċedura bil-miktub E/177/2002. L-eżistenza ta’ din il-korrezzjoni tispjega għalfejn in-notifika tad-deċiżjoni lid-destinatarji tagħha saret xahar u nofs wara li ġiet adottata. Fir-rigward tat-tul ta’ żmien bejn l-adozzjoni tad-deċiżjoni u l-korrezzjoni tagħha, dan ma jistax jiġi kkunsidrat bħala eċċessiv.

121    Safejn l-argument ta’ AWA għandu jinftiehem bħala li jikkritika l-fatt li l-Kummissjoni ppubblikat id-deċiżjoni qabel ma infurmat lid-destinatarji tagħha biha, ħaġa li impediet lil AWA milli tispjega ruħha fil-konfront ta’ terzi fuq ir-raġunijiet għal din id-deċiżjoni, għandu jiġi rilevat li AWA ma tipprovdi l-ebda prova li tista’ tistabbilixxi li l-Kummissjoni żvelat il-kontenut tad-deċiżjoni qabel ma nnotifikatha lid-destinatarji tagħha. F’kull każ, anki jekk jitqies li dan kien il-każ, għandu jiġi enfasizzat li, indipendentement minn kemm kien deplorevoli dan l-aġir, id-deċiżjoni diġà kienet ġiet adottata u l-atti li ġew adottati wara l-adozzjoni tagħha ma jistgħux jaffetwaw il-validità tagħha (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Novembru 1983, IAZ et vs Il-Kummissjoni, 96/82 sa 102/82, 104/82, 105/82, 108/82 u 110/82, Ġabra p. 3369, punt 16).

B –  Fuq il-motivi bbażati fuq ksur ta’ l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE kif ukoll fuq żbalji ta’ l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni relativi għall-parteċipazzjoni ta’ ċerti impriżi fil-ksur

122    Tliet impriżi, jiġifieri Bolloré, Divipa u Zicuñaga, jikkontestaw il-mertu ta’ l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni relativi għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur.

1.     Is-sitwazzjoni ta’ Bolloré

123    Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, fid-deċiżjoni (premessi 353 sa 356), il-Kummissjoni żżomm lil Bolloré responsabbli għall-ksur, minn naħa, abbażi ta’ l-involviment personali dirett tagħha fl-attivitajiet ta’ l-akkordju u, min-naħa l-oħra, minħabba r-responsabbiltà tagħha għall-parteċipazzjoni tal-kumpannija sussidjarja tagħha Copigraph fl-akkordju. Madankollu ġie deċiż (ara l-punti 66 sa 81 iktar ’il fuq) li d-DO ma ppermettiet lil Bolloré la ssir taf bl-oġġezzjoni bbażata fuq l-involviment personali tagħha fl-akkordju u lanqas dwar il-fatti allegati mill-Kummissjoni, fid-deċiżjoni, in sostenn ta’ din l-oġġezzjoni. Din il-konklużjoni tirrendi inutli l-eżami ta’ l-argument fuq il-mertu żviluppat minn Bolloré sabiex tikkontesta l-mertu ta’ l-involviment personali u diretta tagħha fl-akkordju.

124    Għandhom għaldaqstant jiġu eżaminati l-argumenti ta’ Bolloré bbażati fuq il-fatt li l-Kummissjoni żbaljatament żammitha responsabbli għall-aġir infrazzjonali tal-kumpannija sussidjarja tagħha Copigraph fl-akkordju.

a)     L-argumenti tal-partijiet

125    Bolloré tenfasizza li, fid-deċiżjoni, il-Kummissjoni tistrieħ fuq żewġ elementi ta’ prova sabiex issiba responsabbli għall-aġir ta’ Copigraph., jiġifieri, minn naħa, il-fatt li Copigraph kienet is-sussidjarja tagħha u kellha l-kontroll ta’ 100 % tal-kapital tagħha fi żmien il-ksur u, min-naħa l-oħra, il-fatt li hija bilfors kienet taf bil-parteċipazzjoni ta’ Copigraph fl-akkordju.

126    Hija ssostni li l-ewwel element mhuwiex biżżejjed biex hija tinżamm responsabbli għall-aġir infrazzjonali ta’ Copigraph. Fil-fatt huwa meħtieġ element addizzjonali biex il-Kummissjoni tkun tista’ tippreżumi l-eżistenza ta’ influwenza determinanti tal-kumpannija prinċipali fuq l-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha. Madankollu, f’dan il-każ, ma jeżistix tali element addizzjonali. Bolloré fil-fatt esponiet fir-risposta tagħha għad-DO li Copigraph kellha ħafna awtonomija fil-mod kif kienet tiżvolġi l-politika kumerċjali tagħha, ħaġa li l-Kummissjoni, fuq kollox, ma tikkontestax. Barra minn hekk, Copigraph kienet tirrappreżenta biss terz tal-fatturat tal-fabbrika tal-karti Bolloré ta’ Thonon‑les-Bains u r-relazzjonijiet kummerċjali bejn Bolloré u Copigraph ma kinux jillimitaw l-awtonomija kummerċjali ta’ Copigraph.

127    Fir-rigward tat-tieni element, Bolloré ssostni li l-Kummissjoni tiddeduċih minn tliet fatti, jiġifieri il-fatt li Copigraph kienet parti mid-diviżjoni tagħha “Karti speċjali”, il-fatt li s-Sur V., direttur ta’ din id-diviżjoni, kien ukoll direttur ġenerali ta’ Copigraph u d-direttur ġenerali tal-fabbrika tal-karti Bolloré f’Thonon‑les-Bains u l-fatt li s-Sur J. B., direttur kummerċjali ta’ Copigraph f’dak iż-żmien, kien ilu mill-1994 jokkupa wkoll kariga fid-dipartiment tal-bejgħ fil-fabbrika ta’ Thonon‑les-Bains. Issa, dawn it-tliet fatti ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li Bolloré bilfors kienet taf bil-parteċipazzjoni ta’ Copigraph fl-akkordju.

128    Skond il-Kummissjoni, mhuwiex ikkontestat li, bejn l-1990 u l-1998, Copigraph kienet kumpannija sussidjarja ta’ Bolloré li fiha kellha l-kontroll ta’ 100 % tal-kapital, ħaġa li, skond il-ġurisprudenza, hija biżżejjed biex tagħti lok għall-preżunzjoni li din ta’ l-aħħar kient teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha. Din il-preżunzjoni hija, mill-bqija, ikkorroborata mill-elementi ta’ prova esposti fil-premessi 353 sa 355 tad-deċiżjoni.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

129    Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li, filwaqt li tikkontesta t-tul taż-żmien tal-ksur, Bolloré ma tiċħadx madankollu l-fatt li Copigraph kienet involuta fl-attivitajiet ta’ l-akkordju.

130    L-argument tagħha jikkonsisti, essenzjalment, fl-affermazzjoni li l-elementi ta’ prova invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni ma jippermettux li hija tiġi meqjusa bħala responsabbli għall-parteċipazzjoni tal-kumpannija sussidjarja tagħha Copigraph fl-akkordju.

131    Għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilta, il-fatt li l-kumpannija sussidjarja għandha personalità ġuridika distinta mhuwiex biżżejjed biex tiġi eżskluża l-possibbiltà li l-aġir tagħha jiġi attribwit lill-kumpannija parent, b’mod partikolari ladarba s-sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, iżda tapplika essenzjalment l-istruzzjonijiet mogħtija lilha mill-kumpannija parent (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Lulju 1972, ICI vs Il-Kummissjoni, 48/69, Ġabra p. 619, punti 132 u 133; Geigy vs Il-Kummissjoni, 52/69, Ġabra p. 787, punt 44, u tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, C-286/98 P, Ġabra p. I‑9925, punt 26).

132    F’dan ir-rigward, l-element ta’ prova relativ għad-detenzjoni tal-kapital kollu tal-kumpannija sussidjarja, għalkemm jikkostitwixxi indikazzjoni konvinċenti ta’ l-eżistenza, fil-konfront tal-kumpannija parent, ta’ setgħa influwenti determinanti fuq l-aġir tal-kumpannija sussidjarja fis-suq, mhuwiex, fih innifsu, biżżejjed biex jippermetti li r-responsabbiltà għall-aġir tas-sussidjarja tiġi attribwita lill-kumpannija prinċipali (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, punt 131 iktar ’il fuq, punti 27 sa 29, u l-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Mischo f’din is-sentenza, Ġabra p. I‑9928, punti 17 sa 62). Tibqa’ l-ħtieġa li jingħata element ta’ prova supplementari fir-rigward ta’ l-ammont ta’ parteċipazzjoni, iżda dan jista’ jiġi jsir permezz ta’ indizji. Dan l-element supplementari mhux bilfors għandu jinsab fl-għoti ta’ prova ta’ istruzzjonijiet effettivament mogħtija mill-kumpannija parent lill-kumpannija sussidjarja tagħha sabiex din tipparteċipa fl-akkordju (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, punti 40, 48 u 51).

133    F’dan il-każ, jirriżulta mill-premessi 353 u 354 tad-deċiżjoni li, biex iżżomm lil Bolloré responsabbli għall-parteċipazzjoni ta’ Copigraph fl-akkordju, il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha esklużivament fuq id-detenzjoni mhux ikkontestata tal-kapital kollu ta’ Copigraph minn Bolloré fi żmien il-ksur, iżda wkoll fuq elementi fattwali oħra, imsemmija fil-punt 127 iktar ’il fuq, intiżi sabiex jistabbilixxu li Copigraph essenzjalment kienet tapplika l-istruzzjonijiet mogħtija lilha minn Bolloré.

134    Billi tirreferi għall-argumenti li hija esponiet fir-risposta tagħha tat-28 ta’ Novembru 2000 għad-DO (premessa 353 tad-deċiżjoni), Bolloré tressaq diversi elementi ta’ prova intiżi sabiex juru li Copigraph kellha, fi żmien il-ksur, awtonomija kummerċjali sħiħa. F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi eżaminat jekk dawn l-allegazzjonijiet differenti humiex fondati jew jekk jeżistux għall-kuntrarju indikazzjonijiet ta’ influwenza determinanti eżerċitata minn Bolloré fuq il-kumpannija sussidjarja tagħha.

135    Fl-ewwel lok, Bolloré sostniet, matul il-proċedimenti amministrattivi, li l-organu ta’ maniġment tagħha u dak ta’ Copigraph kienu totalment distinti.

136    Madankollu, in-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 1 tar-risposta ta’ Bolloré għad-DO tinkludi l-indikazzjoni li ġejja:

“Sa l-1993, Bolloré u Copigraph kellhom amministrattur komuni, is-Sinjura [G.], li kienet tirrappreżenta lil Bolloré Participation fil-Bord ta’ Bolloré Technologie, u kienet rappreżentant permanenti ta’ Copigraph Holding fi ħdan Copigraph. Hija temmet dawn il-karigi ta’ l-aħħar fil-25 ta’ Ottubru 1993.”

137    Għaldaqstant, b’riżerva għal eżami ulterjuri tal-mertu ta’ l-argumenti ta’ Bolloré intiżi sabiex tiġi kkontestata l-parteċipazzjoni ta’ Copigraph fil-ksur qabel Settembru jew Ottubru 1993, l-organu ta’ maniġment ta’ Copigraph kien jinkludi, matul parti mill-perijodu tal-ksur stabbilit mill-Kummissjoni, membru tal-bord tad-diretturi ta’ Bolloré.

138    Barra minn hekk, jirriżulta mill-indikazzjonijiet ipprovduti minn Bolloré fir-risposta tagħha għad-DO, li, minkejja li ma kinux membri tal-bord tad-diretturi ta’ Bolloré, l-erba’ persuni li kienu jiffurmaw il-bord tad-diretturi ta’ Copigraph minn Settembru 1993 sa Marzu 1997 kollha kienu jokkupaw karigi (finanzjarji, fil-kontabbiltà jew fl-immaniġġjar), il-biċċa l-kbira maniġerjali fi ħdan Bolloré. Barra minn hekk, kif tikkonstata l-Kummissjoni, ġustament, fil-premessa 354 tad-deċiżjoni, is-Sur V., li kien is-CEO ta’ Copigraph matul il-perijodu tal-ksur, kien, skond ir-risposta ta’ Bolloré għad-DO, impjegat ta’ din ta’ l-aħħar, inkarigat mit-tmexxija tal-fabbrika tal-karti tagħha ta’ Thonon‑les-Bains. Skond l-indikazzjonijiet li jinsabu f’din l-istess premessa tad-deċiżjoni – indikazzjonijiet li Bolloré tikkonferma fl-atti tagħha –, is-Sur V. kien ukoll id-direttur tad-dipartmient “Karta speċjali” ta’ Bolloré. Din il-preżenza kbira ta’ membri tal-maniġment ta’ Bolloré fl-organi ta’ maniġment ta’ Copigraph tixhed l-importanza ta’ l-involviment ta’ Bolloré fl-immaniġġjar tal-kumpannija sussidjarja tagħha. Hija neċessarjament qiegħdet lil Bolloré f’pożizzjoni li tinfluwenza b’mod determinanti l-politika kummerċjali ta’ Copigraph fis-suq.

139    Din l-analiżi hija ulterjorment sostnuta, f’dak li jikkonċerna l-perijodu tal-ksur bejn Frar u Settembru 1995, mill-indikazzjonijiet li jinsabu fl-attestazzjoni mogħtija fit-2 ta’ April 2002 mis-Sur J. B., annessa mar-rikors, li tgħid li din il-persuna, li kienet id-direttur kummerċjali ta’ Copigraph mill-aħħar ta’ Settembru 1992 sa Marzu 1997, okkupat fl-istess ħin kariga kummerċjali fi ħdan Bolloré, minn Frar 1995.

140    Għandu jingħad ukoll, f’dan ir-rigward, li l-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fis-sentenza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, KNP BT vs Il-Kummissjoni (T-309/94, Ġabra p. II‑1007, punti 47 u 48), li l-parteċipazzjoni ta’ membru tal-bord tal-maniġment tal-kumpannija parent fil-laqgħat kollużivi kienet element ta’ prova li kapaċi juri li l-kumpannija parent bilfors kienet taf u tapprova l-parteċipazzjoni tal-kumpannija sussidjarja tagħha fil-ksur ma jistax jiġi interpretat bħala li jfisser li l-membru jew membri tal-kumpannija parent li kellhom kariga maniġerjali fi ħdan il-kumpannija sussidjarja għandhom bilfors ikollhom il-kwalità ta’ mandatarju tal-kumpannija parent sabiex ikun jista’ jiġi konkluż li l-kumpannija sussidjarja mhijiex awtonoma, fuq il-livell kummerċjali, mill-kumpannija parent (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Mischo, fis-sentenza Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, punt 132 iktar ’il fuq, punt 58). Fil-fatt, il-fatt li persuna li tkun membru tal-kumpannija parent ma tkunx mandatarja tagħha ma jwaqqafhiex milli tiżgura, fil-kuntest ta’ l-eżerċizzju tal-karigi maniġerjali tagħha fi ħdan il-kumpannija sussidjarja, li l-azzjonijiet tal-kumpannija sussidjarja fis-suq ikunu konformi mal-politika stabbilita mill-awtoritajiet maniġerjali tal-kumpannija parent.

141    Fit-tieni lok, Bolloré enfasizzat, matul il-proċedimenti amministrattivi, li Copigraph kellha infrastruttura tagħha stess.

142    Ċertament, kif sostniet Bolloré fir-risposta tagħha għad-DO, il-fatt li l-kumpannija sussidjarja tagħha ma hija la l-proprjetarja ta’ l-installazzjonijiet tal-produzzjoni u lanqas dik li tħaddem il-persunal tagħha, u li l-fatturat tagħha jiġi kkontabilizzat fil-kontabbiltà annwali tal-kumpannija parent jista’ jikkontribwixxi biex jipprova n-nuqqas ta’ indipendenza tal-kumpannija sussidjarja mill-kumpannija parent (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, punt 67 iktar ’il fuq, punti 89 sa 94). Madankollu, il-fatt li, f’dan il-każ, Copigraph, kif indikat Bolloré fir-risposta tagħha għad-DO mingħajr ma dan ġie kkontestat mill-Kummissjoni, kellha l-installazzjonijiet ta’ produzzjoni tagħha stess u l-persunal tagħha stess u li hija kienet ikkontabilizzat il-fatturat tagħha fil-kontijiet annwali tagħha ma jipprovax, fih innifsu, li Copigraph kienet iddefiniet l-aġir tagħha fis-suq b’mod kompletament awtonomu mill-kumpannija parent, Bolloré.

143    Fl-aħħar lok, Bolloré semmiet, matul il-proċedimenti amministrattivi, sensiela ta’ fatturi li juru, fil-fehma tagħha, l-indipendenza tal-politka kummerċjali ta’ Copigraph. Minn naħa, l-attivitajiet marbuta mal-karta huma sekondarji u l-fatturat ta’ Copigraph jirrappreżenta parti żgħira ħafna mill-fatturat tal-grupp. Min-naħa l-oħra, anki wara li nxtrat minn Bolloré, Copigraph kompliet takkwista madwar 35 %.tal-bżonnijiet tagħha f’materja prima minn fornituri li kienu esterni għall-grupp Bolloré, fosthom kompetitriċi diretta ta’ Bolloré.

144    Madankollu, anki jekk jitqiesu eżatti, l-affermazzjonijiet ta’ Bolloré relativi għall-importanza żgħira ta’ l-attivitajiet tagħha fis-settur tal-karta, minn naħa, u tal-fatturat ta’ Copigraph fi ħdan il-grupp Bolloré, min-naħa l-oħra, bl-ebda mod ma jipprovaw li Bolloré ħalliet lil Copigraph awtonomija totali biex tiddefinixxi l-aġir tagħha fis-suq. Lanqas ma tista’ tiġi dedotta konklużjkoni f’dan is-sens mill-fatt li parti mill-materja prima ta’ Copigraph, matul il-perijodu tal-ksur, ġiet ipprovduta minn fornituri li mhumiex parti mill-grupp Bolloré. Fil-fatt, din il-konstatazzjoni bl-ebda mod ma teskludi li, billi pparteċipat fl-akkordju, Copigraph essenzjalment applikat l-istruzzjonijiet mogħtija mill-kumpannija parent tagħha.

145    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat ukoll li, kif tindika l-premessa 354 tad-deċiżjoni mingħajr ma dan ġie kkontestat minn Bolloré, Copigraph kienet tagħmel parti mid-dipartiment “Karta speċjali” ta’ Bolloré.

146    Barra minn hekk, ir-risposta ta’ Bolloré għad-DO tinkludi l-indikazzjonijiet segwenti f’dak li jikkonċerna ċ-ċirkostanzi ta’ l-akkwist ta’ Copigraph minn Bolloré:

“Fl-1990, il-fabbrika tal-karta ta’ Bolloré li tinsab f’Thonon‑les-Bains (Haute-Savoie) sabiet ruħha kkonfrontata b’kompetizzjoni iebsa ħafna f’suq tal-karta ikkaratterizzat minn erba’ snin konsekuttivi ta’ żieda fil-prezz tal-polpa tal-karta.

[Copigraph] kienet involuta f’attivitajiet ta’ trasformazzjoni u ta’ distribuzzjoni ta’ karta saħħara, u f’dan ir-rigward, hija kienet fost il-klijenti prinċipali tal-fabbrika ta’ Thonon. Copigraph kienet tirrappreżenta iktar [minn terz] tal-fatturat ta’ dan l-istabbiliment u iżjed minn nofs il-volum ta’ dan l-istess stabbiliment.

Huwa essenzjalment sabiex jiġi żgurat li jkun hemm suq għall-prodotti tal-fabbrika ta’ Thonon u sabiex tiġi ggarantita l-kontinwità ta’ din l-impriża industrijali (li f’dak iż-żmien kienet timpjega 340 persuna) li l-kumpannija Bolloré għaldaqstant xtrat l-ishma kollha ta’ [Copigraph].

Din l-integrazzjoni vertikali dehret iktar u iktar għaqlija f’dak iż-żmien billi l-fabbrika ta’ Thonon kellha tiffaċċja sitwazzjoni delikata fid-dawl ta’ l-istat ta’ kapaċità żejda li kienet qed taffetwa s-suq. ”

147    Kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni fl-atti tagħha, jirriżulta mis-silta kkwotata hawn fuq li l-integrazzjoni ta’ Copigraph mad-dipartiment “Karta speċjali” kienet tagħmel parti minn skema ta’ integrazzjoni vertikali li fiha l-fabbrika ta’ Bolloré li tinsab f’Thonon‑les-Bains kienet inkarigata mill-produzzjoni tal-karta saħħara u Copigraph mit-trasformazzjoni u d-distribuzzjoni tal-prodott. Din l-istess silta barra minn hekk turi li l-akkwist ta’ Copigraph minn Bolloré kien essenzjalment intiż sabiex jiġi żgurat li jkun hemm suq għall-prodotti tal-fabbrika ta’ Bolloré f’Thonon‑les-Bains u l-kontinwità tagħha f’kuntest ta’ diffikultajiet ekonomiċi marbuta ma’ l-eżistenza ta’ kompetizzjoni qawwija fis-suq. Il-Kummissjoni kienet iġġusstifikata li rat f’dawn l-indikazzjonijiet element ta’ prova li kkontribbwixxa biex jiġi stabbilit li l-parteċipazzjoni ta’ Copigraph fl-akkordju fuq il-prezzijiet kien joriġina mill-applikazzjoni ta’ politika ġenerali ddefinita minn Bolloré, b’mod partikolari, bil-għan li tiġi ppreżervata l-pożizzjoni tal-fabbrika tagħha ta’ Thonon‑les-Bains fis-suq.

148    Jirriżulta minn dak li ntqal li l-elementi ta’ prova mressqa minn Bolloré ma jippermettux li jiġu sostnuti l-affermazzjonijiet tagħha dwar l-awtonimija ta’ Copigraph. Għall-kuntrarju, l-elementi ta’ prova rilevati fil-punti 136 sa 140 u 145 sa 147 hawn fuq, ikkunsidrati flimkien ma’ dak relativ għaż-żamma minn Bolloré ta’ l-ishma kollha ta’ Copigraph matul il-perijodu tal-ksur, iwasslu għall-konklużjoni li l-parteċipazzjoni ta’ Copigraph fl-akkordju fuq il-prezzijiet irriżultat mill-eżerċizzju minn Bolloré ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir tagħha. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament żammet lil Bolloré responsabbli għall-parteċipazzjoni ta’ Copigraph fl-akkordju.

149    Barra minn hekk, il-fatt li Copigraph inxtrat minn AWA f’Novembru ta’ l-1998 m’għandux jeħles lil Bolloré, li għadha teżisti, mir-responsabbiltà tagħha għall-aġir infrazzjonali ta’ Copigraph qabel ma nxtrat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C-49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punt 145, u tas-16 ta’ Novembru 2000, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, C-297/98 P, Ġabra p. I‑10101, punt 25).

150    Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud il-motiv ta’ Bolloré ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 81 KE u ta’ l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE inkwantu l-Kummissjoni żżommha responsabbli għall-aġir infrazzjonali tal-kumpannija sussidjarja tagħha Copigraph. Għaldaqstant, ir-responsabbiltà ta’ Bolloré fil-ksur ġiet stabbilita, indipendentement mill-involviment dirett tagħha fih, ħaġa li ġiet eskluża (ara l-punti 66 sa 81 iktar ’il fuq).

2.     Is-sitwazzjoni ta’ Divipa u ta’ Zicuñaga

a)     L-argumenti tal-partijiet

151    Divipa u Zicuñaga jsostnu li l-Kummissjoni żbaljatament ikkonstatat il-parteċipazzjoni rispettiva tagħhom f’laqgħat ta’ l-akkordju fis-suq Spanjol. Huma jikkontestaw il-valur probatorju ta’ numru ta’ dokumenti li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħha. Huma jsostnu wkoll li ma jistax jiġi kkunsidrat li huma kienu jafu jew kien imisshom jafu li l-akkordju kellu portata Ewropea.

152    It-tnejn isostnu barra minn hekk li l-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-karatteristiċi partikolari tagħhom. Il-tnejn li huma jenfasizzaw li mhumiex membri ta’ l-AEMCP. Divipa żżid li hija impriża żgħira tal-familja li topera esklużivament fis-suq Spanjol u li mhijiex produttriċi, iżda trasformatriċi u distributriċi ta’ karta saħħara. Il-prezzijiet tagħha jiddependu mill-fornitur prinċipali tagħha, Koehler, u minn dawk tal-kompetituri tagħha. Zicuñaga tinsisti, min-naħa tagħha, fuq il-fatt li hija qatt ma biegħet karta saħħara.

153    Zicuñaga tallega wkoll li l-Kummissjoni żbaljatament ikkonstatat il-parteċipazzjoni tagħha fi pjan globali li kien jinvolvi prattiċi miftiehma ta’ żidiet fil-prezzijiet u akkordji ta’ ffissar ta’ kwoti ta’ bejgħ u ta’ ishma mis-suq.

154    Il-Kummissjoni tikkontesta l-kritika tar-rikorrernti f’dak li jikkonċerna l-valur probatorju tad-dokumenti li hija tinvoka in sostenn ta’ l-argumenti tagħha. Hija tesponi li l-provi għandhom jiġu evalwati flimkien billi jittieħdu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha fattwali rilevanti. Dawn il-provi jistabbilixxu l-parteċipazzjoni ta’ Divipa u ta’ Zicuñaga fl-akkordju fis-suq Spanjol. Sabiex huma jkunu jistgħu jinżammu responsabbli għall-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju Ewropew, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni turi mhux li huma kienu jafu bid-dettalji u l-elementi kollha ta’ dan l-akkordju, iżda l-eżistenza ta’ sensiela ta’ ċirkustanzi oġġettivi li jippermettu li jiġi kkunsidrat li huma kienu jafu jew setgħu raġonevolment jipprevedu d-dimensjoni Ewropea ta’ l-akkordju. Il-Kummissjoni żżid li, fid-deċiżjoni, l-istat ta’ membru ta’ l-AEMCP bħala tali ma ġiex meqjus bħala element li jagħti prova tal-ksur. Barra minn hekk, id-daqs jew l-istat tal-grossista, tad-distributur jew tat-trasformatur ma jeżonerax lill-impriża kkonċernata mir-responsabbiltà tagħha fil-każ ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Il-fatt li l-akkordju mhux dejjem irnexxa jew li l-impriża kkonċernata mhux dejjem irrispettat it-termini ta’ l-akkordju ma jfissirx li m’għandhiex titqies bħala li pparteċipat fih. Mhuwiex neċessarju li tiġi pprovata l-parteċipazzjoni ta’ l-impriża f’kull aspett ta’ l-akkordju.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

155    Għandu jiġi mfakkar, fl-ewwel lok, li l-provi tal-pateċipazzjoni f’akkordju għandhom jiġu evalwati flimkien filwaqt li jittieħdu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi fattwali kollha rilevanti (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet ta’ l-Imħallef Vesterdorf meta aġixxa bħala avukat ġenerali fis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-24 ta’ Ottubru 1991, Rhône-Poulenc vs Il-Kummissjoni, T-1/89, Ġabra p. II‑867, II‑956 – Konklużjonijiet komuni għas-sentenzi magħrufa bħala tal-“polipropelin”). Jeħtieġ li l-Kummissjoni tipproduċi provi preċiżi u konsistenti biex ikollha l-konvinzjoni ċerta li l-ksur seħħ. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li kull waħda mill-provi mressqa mill-Kummissjoni m’għandhiex neċessarjament tissodisfa dawn il-kriterji fir-rigward ta’ kull element tal-ksur, iżda huwa suffiċjenti li l-indizji invokati mill-istituzzjoni, evalwati globalment, jissoddisfaw dan ir-rekwiżit (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering vs Il-Kummissjoni, T-67/00, T-68/00, T-71/00 u T-78/00, Ġabra p. II‑2501, punti 179 u 180, u l-ġurisprudenza ċċitata).

156    Skond l-ewwel u t-tieni inċiżi ta’ l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni, il-Kummissjoni takkuża lil Divipa u lil Zicuñaga li pparteċipaw, bi ksur ta’ l-Artikolu 81(1) u ta’ l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE, f’“numru ta’akkordji u ta’ prattiċi miftiehma fis-settur tal-karta saħħara”. Il-ksur beda f’Marzu ta’ l-1992 fir-rigward ta’ Divipa u f’Ottubru ta’ l-1993 fir-rigward ta’ Zicuñaga u ġie fi tmiem f’Jannar ta’ l-1995 fir-rigward tat-tnejn li huma.

157    Jekk il-premessi 77 sa 81, 252, 253, 327, 328, 333 u 334 tad-deċiżjoni jinqraw flimkien, jirriżulta li l-Kummissjoni kkonstatat li dawn l-akkordji u prattiċi miftiehma kollha kkostitwew pjan antikompetittiv globali li kien jikkonsisti essenzjalment, fi ftehim fuq żidiet fil-prezzijiet u fuq il-kalendarju ta’ l-implementazzjoni tagħhom, u, f’ċerti każijiet, fl-iffissar bejniethom ta’ kwoti ta’ bejgħ u ta’ ishma mis-suq u fl-iskambjar ta’ informazzjoni bil-għan li litigi ffaċilitata l-konklużjoni ta’ akkordji ta’ żidiet fil-prezzijiet jew sabiex litigi żgurata l-applikazzjoni taż-żidiet fil-prezzijiet miftiehma.

158    Fil-premessi 153 sa 176 tad-deċiżjoni, il-Kummissjoni tindika sensiela ta’ elementi ta’ prova li juru, fil-fehma tagħha, li saru laqgħat kollużivi fis-suq Spanjol bejn Frar ta’ l-1992 u Ottubru ta’ l-1994, kif ukoll il-parteċipazzjoni ta’ Divipa u ta’ Zicuñaga f’numru minn dawn il-laqgħat.

159    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni, fil-premessa 286 tad-deċiżjoni, li, minkejja li ġie kkonstatat li Divipa u Zicuñaga kienu assistew biss għal laqgħat ta’ l-akkordju li jikkonċernaw is-suq Spanjol, huma ma setgħux ma kinux jafu li l-akkordju kien jirrigwarda t-territorju kollu li fl-1994 sar iż-ŻEE. In sostenn ta’ din l-affermazzjoni, hija tinvoka fil-premessa 287, billi tirreferi għall-premessi 89 sa 94 u għall-premessi 197, 211, 277 u 280 tad-deċiżjoni, partikolarment il-fatt li ż-żewġ livelli tal-laqgħat kienu strettament konnessi u li l-ebda parteċipant tal-laqgħat nazzjonali ma seta’ jinjora li dawn il-laqgħat kienu jikkompletaw il-laqgħat ġenerali ta’ l-akkordju.

160    Għandu għaldaqstant jiġi vverifikat l-ewwel nett il-mertu ta’ l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni relativi għall-eżistenza ta’ akkordju fis-suq Spanjol u għall-parteċipazzjoni ta’ Divipa u ta’ Zicuñaga fih. Jekk dawn l-allegazzjonijiet jirriżultaw li huma veri, ikun meħtieġ, sussegwentement, li jiġi eżaminat jekk il-prova ta’ tali parteċipazzjoni, flimkien ma’ l-elementi ta’ prova esposti fil-premessi 286 sa 289 tad-deċiżjoni, tippermettix li jiġi stabbilit li Divipa u Zicuñaga kienu pparteċipaw ukoll fl-akkordju ġenerali kkonstatat fl-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni.

 Fuq l-eżistenza ta’ laqgħat kollużivi relativi għas-suq Spanjol

161    Għandu jiġi kkonstatat li diversi provi jikkontribwixxu għall-konstatazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ akkordju fis-suq Spanjol tal-karta saħħara mix-xahar ta’ Frar ta’ l-1992 u sa l-1995.

162    Fl-ewwel lok, Sappi ammettiet il-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat ta’ l-akkordju li kienu jikkonċernaw is-suq Spanjol minn Frar ta’ l-1992 u pprovdiet diversi biċċiet ta’ informazzjoni f’dan ir-rigward. Fir-risposta tagħha tat-18 ta’ Mejju 1999 lill-Kummissjoni (dokumenti Nru 15193 sa 15206), Sappi tirreferi għal diversi laqgħat kollużivi li jikkonċernaw is-suq Spanjol, li saru fis-17 u s-27 ta’ Frar 1992, fit-30 ta’ Settembru u fid-19 ta’ Ottubru 1993, kif ukoll fit-3 ta’ Mejju u d-29 ta’ Ġunju 1994. F’dak li jikkonċerna s-snin 1993 sa 1995, impjegat ta’ Sappi ddikjara (dokumenti Nru 15179 u 15180) li kien assista għal sitta jew seba’ laqgħat f’Barċellona ma’ fornituri oħra. Dawn il-laqgħat kienu jsiru madwar erba’ jew ħames darbiet fis-sena. Huwa jaħseb li kien assista għall-ewwel darba fid-19 ta’ Ottubru 1993 u għall-aħħar darba fl-1995. Fil-fehma tiegħu, l-għan ta’ dawn il-laqgħat kien li jiġu ffissati l-prezzijiet fis-suq Spanjol. Dawn kienu jdumu madwar sagħtejn u, bħala regola, kienu jintemmu b’deċiżjoni ta’ żieda fil-prezzijiet b’perċentwali partikolari. Il-parteċipanti kienu Copigraph, Arjo Wiggins, Torraspapel, Zicuñaga, Koehler, Stora‑Feldmühle (li wara saret MHTP), Zanders u Divipa. Is-siltiet mid-dikjarazzjonijiet ta’ Sappi li jinsabu f’dawn id-diversi dokumenti kienu jagħmlu parti mid-dokumenti annessi mad-DO, b’mod li r-rikorrenti kollha kellhom aċċess għalihom. Il-Kummissjoni xorta waħda ppreżentathom quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

163    Fit-tieni lok, AWA rrikonoxxiet il-parteċipazzjoni tagħha f’laqgħat multilaterali ta’ l-akkordju bejn il-produtturi tal-karta saħħara u pprovdiet lill-Kummissjoni b’lista ta’ laqgħat bejn kompetituri li saru bejn l-1992 u l-1998. Id-dokument Nru 7828, li huwa kkowtat minn risposta tat-30 ta’ April 1999 mibgħuta minn AWA lill-Kummissjoni, jinkludi affermazzjoni ġenerali ta’ AWA dwar l-organizzazzjoni ta’ numru ta’ laqgħat, b’mod partikolari, f’Lisbona u f’Barċellona bejn l-1992 u l-1994, li fihom hija taħseb li kienu pparteċipaw rappreżentanti ta’ Sarrió, ta’ Binda, ta’ Stora‑Feldmühle (li saret MHTP) u ta’ Divipa jew uħud minn dawn l-impriżi, kif ukoll, x’aktarx f’laqgħa waħda biss, ta’ Zicuñaga. In-natura kollużiva ta’ wħud minn dawn il-laqgħat tirriżulta mill-bqija tad-dikjarazzjonijiet ta’ AWA, riprodotti fid-dokument Nru 7829, skond liema wħud minn dawn il-laqgħat kienu “irregolari” (improper), peress li dawn servew bħala qafas għal diskussjonijiet fuq il-prezzijiet tal-karta saħħara, inklużi skambji ta’ intenzjonijiet li jikkonċernaw dikjarazzjonijiet ta’ żidiet fil-prezzijiet. Id-dikjarazzjonijiet ta’ AWA li jinsabu f’dawn iż-żewġ dokumenti (Nru 7828 u 7829), ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, ukoll jagħmlu parti mid-dokumenti annessi mad-DO li għalihom Divipa u Zicuñaga kellhom aċċess.

164    AWA sussegwentement ipprovdiet, fir-risposta tagħha għad-DO, lista ta’ laqgħat “irregolari” bejn kompetituri li dwarhom AWA ssostni li kkontribwiet sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tagħhom. Din il-lista tinkludi, għas-suq Spanjol biss, il-laqgħat tas-17 ta’ Frar u l-5 ta’ Marzu 1992, tat-30 ta’ Settembru 1993, tat-3 ta’ Mejju, tad-29 ta’ Ġunju u tad-19 ta’ Ottubru 1994. Din il-lista msemmija fil-premessa 170 tad-deċiżjoni u li l-Qorti tal-Prim’Istanza talbet li tiġi eżibita fil-kawża T-132/02, ma tindikax l-impriżi preżenti għal dawn il-laqgħat. La Divipa, la Zicuñaga, u lanqas ebda rikorrenti oħra ma identifikat din il-lista bħala dokument inkriminanti li għalih huma ma kelhomx aċċess jew li fir-rigward tiegħu ma għamlux talbiet għal aċċess għalih.

165    Fit-tielet lok, fid-dikjarazzjonijiet tagħha ta’ l-14 ta’ April 1999 (dokumenti Nru 7647 sa 7655), Mougeot, li wkoll irrikonoxxiet il-parteċipazzjoni tagħha f’laqgħat multilaterali ta’ akkordju bejn produtturi ta’ karta saħħara, telenka numru ta’ laqgħat, billi tindika s-suġġett ta’ kull waħda minnhom, il-kontenut u l-persuni li pparteċipaw fihom. Fost dawn il-laqgħat, insibu, għas-suq Spanjol, dik tad-19 ta’ Ottubru 1994, li fiha kienu rrappreżentati Copigraph, Stora, Torraspapel, Divipa, Ekman, Zicuñaga, Koehler, AWA u Mougeot, skond din ta’ l-aħħar. Skond dawn id-dokumenti, is-suġġett ta’ din il-laqgħa kien l-organizzazzjoni tas-suq Spanjol u fis-sezzjoni “Kontenut tal-laqgħa”, ġie speċifikat: “Iffissar tal-prezzijiet tas-suq Spanjol skond id-daqs tal-klijenti […] ”. Id-dikjarazzjonijiet ta’ Mougeot ukoll jagħmlu parti mid-dokumenti annessi mad-DO u ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

166    Ċertament, dawn id-dikjarazzjonijiet ta’ Mougeot saru wara l-fatti u għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. Iżda m’għandhomx b’daqshekk jiġu kkunsidrati bħala neqsin minn valur probatorju. Fil-fatt, id-dikjarazzjonijiet li jmorru kontra l-interessi ta’ min għamilhom għandhom, bħala regola, jiġu kkunsidrati bħala elementi ta’ prova partikolarment affidabbli (is-sentenza JFE Engineering vs Il-Kummissjoni, punt 155 iktar ’il fuq, punt 211).

167    Madankollu, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, id-dikjarazzjoni ta’ impriża li akkużata bil-parteċipazzjoni f’akkordju, li l-eżattezza tagħha hija kkontestata minn numru ta’ impriżi akkużati oħra, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi prova suffiċjenti ta’ l-eżistenza ta’ ksur kommess minn dawn ta’ l-aħħar mingħajr ma tiġi sostnuta minn provi oħrajn (is-sentenza JFE Engineering vs Il-Kummissjoni, punt 155 iktar ’il fuq, punt 219; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, Enso-Gutzeit vs Il-Kummissjoni, T-337/94, Ġabra p. II‑1571, punt 91).

168    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rilevat, minn naħa, li d-dikjarazzjonijiet ta’ Sappi, ta’ AWA u ta’ Mougeot jaqblu fuq diversi punti, b’mod li jsostnu lil xulxin. Min-naħa l-oħra, jirriżulta f’dan il-każ li d-dikjarazzjonijiet tagħhom huma kkorroborati minn provi oħra kontemporanji mal-fatti kontenzjużi. Għaldaqstant, l-eżistenza ta’ kull waħda mil-laqgħat kollużivi msemmija minn AWA hija kkonfermata minn dokument ieħor imħejji fi żmien il-ksur minn impriża oħra li pparteċipat fiha.

169    L-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda l-laqgħa tas-17 ta’ Frar 1992, f’fax (dokument Nru 4588, iċċitat fil-premessa 157 tad-deċiżjoni u fil-punt 61 tad-DO), datata 17 ta’ Frar 1992, is-Sur W. (Sappi) jesponi lis-superjur tiegħu is-Sur J. li s-sitwazzjoni baqgħat, ftit jew wisq, inċerta minħabba l-aġir ta’ Koehler u ta’ Sarrió u li laqgħa tal-partijiet interessati saret f’dik il-ġurnata stess.

170    It-tieni nett, f’dak li jikkonċerna l-laqgħa tal-5 ta’ Marzu 1992, f’nota tas-27 ta’ Frar 1992 (dokument Nru 4589, imsemmi fil-premessa 158 tad-deċiżjoni u fil-punt 60 tad-DO), is-Sur W. (Sappi) jesponi, dejjem lill-istess persuna, li huwa għamel arranġamenti biex jattendi, fil-ġimgħa ta’ wara f’Barċellona, laqgħa ma’ partijiet interessati oħra biex jiddiskutu dwar dak li ġara dan l-aħħar fis-suq Spanjol. Huwa jżid li l-laqgħa għandha ssir fil-5 ta’ Marzu 1992. Dan id-dokument kif ukoll dak preċedenti ġew annessi mad-DO.

171    In-nota tad-9 ta’ Marzu 1992 (dokumenti Nru 4703 u 4704, imsemmija fil-premessa 156 tad-deċiżjoni u fil-punt 60 tad-DO) ta’ l-aġent Spanjol ta’ Sappi Europe, minkejja li ma tikkonsistix fil-minuti tal-laqgħa, hija preċiża ħafna fir-rigward ta’ l-aġir ta’ l-impriżi msemmija, fosthom Divipa. Hemm referenza għal żieda fil-prezz ta’ 10 pesetas Spanjoli (ESP) li kien l-għan stabbilit mid-distributuri u li ma kienx ġie miksub għal kollox. L-awtur ta’ din in-nota jafferma li Divipa assolutament ma żiditx il-prezzijiet tagħha. Fil-fehma tiegħu, huwa ċar li Sappi Europe ma tistax iżżid il-prezzijiet jekk il-fornituri l-oħra ma jagħmlux l-istess. Huwa jsemmi barra minn hekk il-fatt li Zicuñaga ddikjarat il-bidu ta’ proġett ta’ produzzjoni ta’ karta saħħara fin-naħa Franċiża tal-fruntiera Spanjola, ħaġa li għandha ssaħħaħ ulterjorment il-kompetizzjoni.

172    It-tielet nett, fir-rigward tal-laqgħa tat-30 ta’ Settembru 1993 f’Barċellona, nota (dokumenti Nru 5 u 9972, iċċitati fil-premessa 163 tad-deċiżjoni) miktuba f’din id-data mir-rappreżentant ta’ Sappi tindika l-bejgħ iddikjarat għall-1992 u l-1993 minn AWA, Binda, Copigraph, Sappi, Divipa, Stora-Feldmühle, Koehler, Sarrió u Zanders kif ukoll kwota għar-raba’ perijodu ta’ tliet xhur tas-sena 1993. Il-parteċipanti ftehmu li jiddikjaraw żieda fil-prezz ta’ 10 % għall-bobini u l-folji tal-karta. Huma ftehmu wkoll li jerġgħu jiltaqgħu biex jikkonfermaw l-osservanza tal-kwoti. Din in-nota kienet iċċitata kollha kemm hi fil-punt 80 tad-DO.

173    Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-laqgħa tad-19 ta’ Ottubru 1993, skond nota (dokument Nru 4474, imsemmi fil-premessi 165 u 192 tad-deċiżjoni) miktuba bl-Ispanjol minn impjegat ta’ Sappi u intitolata “Rapport fuq iż-żjara” (informe vista), saret laqgħa fid-19 ta’ Ottubru 1993 li fiha pparteċipaw id-distributuri kollha ħlief Copigraph. F’din il-laqgħa, il-parteċipanti ffissaw għal 8 % iż-żieda fil-prezz li għandu jintalab lill-konsumatur finali għall-bobini. Huma ftehmu wkoll li jinformaw lill-produttur li huma kienu ser jaċċettaw mingħandu żieda ta’ 7.5 % biss, li jwassal għal żieda ta’ 0.5 % tal-marġni tad-distributur. Minkejja li din in-nota mhijiex datata, għandu jiġi enfasizzat li r-referenza għall-“prezz ta’ llum” turi li din in-nota saret fl-istess żmien tal-fatti msemmija. Il-fatt li la hija ffirmata u lanqas datata huwa ħaġa pjuttost normali, peress li din hija nota relativa għal laqgħa li l-għan antikompetittiv tagħha kien jiġġustifika, għall-awtur tagħha, li huwa jħalli l-inqas indikazzjonijiet possibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Shell vs Il-Kummissjoni, punt 56 iktar ’il fuq, punt 86). Min-naħa l-oħra, il-lingwa li biha nkitbet in-nota u l-indikazzjonijiet l-oħra pprovduti minn Sappi ma jippermettux li jiġi ddubitat li s-suq ikkonċernat mill-imsemmija nota huwa s-suq Spanjol. Bl-eċċezzjoni ta’ l-aħħar sentenza, din in-nota ġiet iċċitata fil-punt 84 tad-DO.

174    Il-ħames nett, fir-rigward tal-laqgħa tat-3 ta’ Mejju 1994, il-fajl jinkludi nota (dokument Nru 14535) li ġġib l-istess data, miktuba wkoll minn impjegat ta’ Sappi u intitolata “Rapport fuq iż-żjara”. Din in-nota tinkludi s-sottotitolu “Laqgħa ta’ produtturi biex tiġi analizzata s-sitwazzjoni tal-prezzijiet”. Hija tindika, għal kull impriża parteċipanti, jiġifieri Copigraph, AWA, Torraspapel, Zicuñaga, Koehler, Stora, Zanders, Sappi u Divipa, l-isem tal-persuna li rrappreżentatha. Din in-nota tinkludi wkoll tabella li tindika l-prezzijiet ta’ dakinhar u dawk – li huma ogħla – previsti għas-16 ta’ Mejju fejn huwa stipulat li dawn il-prezzijiet jirriżultaw minn akkordji bejn id-distributuri. Din in-nota ġiet annessa mad-DO u l-kontenut dettaljat tagħha jinsab fil-punti 110 sa 112 tagħha.

175    Is-sitt nett, fir-rigward tal-laqgħa tad-29 ta’ Ġunju 1994, nota (dokument Nru 4476, imsemmi fil-premessi 164 u 166 tad-deċiżjoni) li ġġib id-data ta’ dakinhar stess hija intitolata “Laqgħa tal-produtturi ta’ karta saħħara”. Din ukoll tispeċifika l-isem tal-persuna li rrappreżentat kull impriża parteċipanti, jiġifieri Torraspapel, Reacto, Divipa, Stora, AWA, Sappi, Zicuñaga. Din in-nota tibda bil-kelma “[b]obini”, segwita mill-preċiżazzjoni “[k]ollha jinkludu kotba ta’ l-ordnijiet mimlijin u kwoti”. Hija ssemmi, fir-rigward tal-bobini, żieda fil-prezz ta’ 10 % li kellha tiġi applikata fl-1 ta’ Settembru. Jissemmew prezzijiet indikattivi differenti għall-bejgħ dirett lill-istampaturi fejn issir distinzjoni bejn tliet kategoriji ta’ klijenti u bejn tipi ta’ prodotti. Fir-rigward tal-prezz tal-folji, in-nota tispeċifika li dan reġa’ lura għal-livell preċedenti tiegħu, peress li l-prezz miftiehem ma ġiex irrispettat. Ġie deċiż li dan il-prezz jiżdied f’żewġ stadji, fl-1 ta’ Lulju u fl-1 ta’ Settembru 1994, b’5 % kull darba. Din in-nota tintemm bil-frażi “Laqgħa li jmiss fit-23 ta’ Settembru fin-12.30”. Dan id-dokument ġie anness mad-DO i l-kontenut tiegħu huwa ppreċiżat fil-punti 121 sa 123 tagħha.

176    Barra minn hekk, fax interna (dokument Nru 4565, iċċitat fil-premessa 166 tad-deċiżjoni) ta’ Sappi, ta’ l-4 ta’ Novembru 1994, issemmi l-fatt li l-leader tas-suq Spanjol, Torraspapel, iddikkjara tnaqqis fil-prezz ta’ ESP 10, u li kollox juri li ż-żidiet ta’ Novembru mhux se jiġu applikati, peress li sa dak il-mument ħadd ma kien iddikjarhom. Din il-fax tissemma’ fil-punt 130 tad-DO u hija annessa magħha.

177    Is-seba’ nett, fl-aħħar, fir-rigward tal-laqgħa tad-19 ta’ Ottubru 1994, jirriżulta min-nota miktuba bl-idejn (dokument Nru 1839, imsemmi fil-premessi 167, 222 u 223 tad-deċiżjoni) tal-21 ta’ Ottubru 1994, minn Mougeot u li tikkonċerna s-suq Spanjol, li l-parteċipanti ftehmu fuq il-prezz li kellu jiġi applikat fit-3 ta’ Jannar 1995. Zicuñaga u Mougeot ġew “awtorizzati li jbigħu [inqas minn ESP] 5/kg”. L-awtur tan-nota jesponi li għalih kien “jidher utopiku li Zicuñaga tintalab tbigħ 2 % inqas mill-prezz tal-produtturi l-kbar mingħajr ma jiġu kkunsidrati l-volumi”. Il-laqgħa segwenti ġiet iffissata għall-24 ta’ Novembru 1994 fl-istess ħin u fl-istess post. Din in-nota miktuba bl-idejn kienet annessa mad-DO.

178    Għaldaqstant jirriżulta li, minn fost il-laqgħat imsemmija minn Sappi, li ma ġewx imsemmija minn AWA, jiġifieri dik tas-27 ta’ Frar 1992 u dik tad-19 ta’ Ottubru 1993, l-ewwel waħda biss mhijiex ikkorroborata minn dokument ieħor. Madankollu, m’hemmx lok li jiġu vverifikati l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni fuq jekk din il-laqgħa tas-27 ta’ Frar 1992 saritx li, fi kwalunkwe każ, saret barra mill-perijodu tal-ksur li qed jiġu akkużati bih Divipa u Zicuñaga.

179    Fl-aħħar, minbarra dawn il-laqgħat tas-17 ta’ Frar u tal-5 ta’ Marzu 1992, tat-30 ta’ Settembru u tad-19 ta’ Ottubru 1993 kif ukoll tat-3 ta’ Mejju, tad-29 ta’ Ġunju u tad-19 ta’ Ottubru 1994, il-Kummissjoni ssemmi wkoll, fit-tabella 3 li tinsab fil-premessa 129 tad-deċiżjoni u fl-anness II ta’ din ta’ l-aħħar, li saret laqgħa f’Barċellona fis-16 ta’ Lulju 1992 li kienet tikkonċerna s-suq Spanjol u Portugiż u laqgħa fit-23 ta’ Settembru 1994 dwar is-suq Spanjol biss.

180    Fir-rigward tal-laqgħa tas-16 ta’ Lulju 1992, jirriżulta mill-premessa 159 tad-deċiżjoni li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni relativi għall-kwistjoni jekk din il-laqgħa saritx u s-suġġett antikompetittiv tagħha jistrieħu fuq l-indikazzjonijiet li jinsabu fid-dokumenti Nru 4484, 4501 sa 4503 u 4520, iċċitati fin-noti ta’qiegħ il-paġna Nru 167 u 168 tad-deċiżjoni u annessi mad-DO.

181    Fil-kuntest tad-dikjarazzjoni verbali tiegħu (dokument Nru 4484), is-Sur B. G., ta’ Unipapel, l-aġent ta’ Sappi fil-Portugall, afferma li fis-16 ta’ Lulju 1992 huwa mar Barċellona għal laqgħa intiża sabiex “tiġi diskussa s-sitwazzjoni tas-suq tal-karta saħħara fil-Portugall u fi Spanja”.

182    Din id-dikjarazzjoni hija kkorroborata minn kopji ta’ noti ta’ l-ispejjeż tal-vjaġġ (dokumenti Nru 4501 sa 4503), li juru li s-Sur B. G. għamel vjaġġ bir-ritorn minn Lisbona sa Barċellona fis-16 ta’ Lulju 1992.

183    Fil-kuntest ta’ dikjarazzjoni verbali oħra (dokument Nru 4520), is-Sur B. G. afferma li l-għan tal-laqgħa tas-16 ta’ Lulju 1992 kien li jiġu diskussi żidiet fil-prezzijiet u fl-ishma mis-suq. Huwa żied li l-akkordji kienu essenzjalment jikkonċernaw il-bobini. Huwa ammetta wkoll, mingħajr ma seta’ jikkonfermaha, l-eżistenza ta’ akkordji ta’ l-istess tip għall-folji. Barra minn hekk huwa afferma li f’din il-laqgħa, saru skambji ta’ informazzjoni fuq il-kwantitajiet mibjugħa u l-prezzijiet applikati minn kull impriża.

184    Fid-dawl ta’ l-indikazzjonijiet riprodotti fit-tliet punti preċedenti, il-Kummissjoni kienet iġġustifikata li tikkonstata li fis-16 ta’ Lulju 1992 saret laqgħa f’Barċellona li fiha ġew konklużi akkordji ta’ żidiet fil-prezzijiet u ta’ diviżjoni ta’ ishma mis-suq relativi għal Spanja u l-Portugall, għall-inqas f’dak li jikkonċerna l-bobini. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni ma tallegax li Divipa kienet preżenti għal din il-laqgħa, peress li s-Sur B. G. ma identifikahiex fost il-parteċipanti.

185    Fir-rigward tal-laqgħa tat-23 ta’ Settembru 1994, in-nota (dokument Nru 4476) imsemmija fil-punt 175 iktar ’il fuq tikkorrobora ċertament il-fatt li din il-laqgħa kienet prevista. Madankollu, l-ebda dokument jew dikjarazzjoni ma tikkonferma li effettivament din il-laqgħa saret f’din id-data. Jista’ jiġi għaldaqstant ikkunsidrat li l-Kummissjoni ma stabbilietx li saret laqgħa relativa għas-suq Spanjol fit-23 ta’ Settembru 1994.

186    Jibqa’ l-fatt li, abbażi ta’ dawn l-indizji preċiżi u konkordanti, il-Kummissjoni stabbiliet suffiċjentement skond il-liġi l-eżistenza ta’ akkordju fis-suq Spanjol, mill-inqas mix-xahar ta’ Marzu ta’ l-1992 sax-xahar ta’ Jannar ta’ l-1995. Fil-fatt, l-effetti ta’ l-akkordju baqgħu jinħassu wara t-tmiem formali tal-laqgħat kollużivi fix-xahar ta’ Ottubru ta’ l-1994, peress li ż-żidiet fil-prezzijiet previsti fil-laqgħa tad-19 ta’ Ottubru 1994 (ara l-punt 177 iktar ’il fuq) kellhom jiġu applikati fit-3 ta’ Jannar 1995 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustuzzja tat-3 ta’ Lulju 1985, Binon, 243/83, Ġabra p. 2015, punt 17, u tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-10 ta’ Marzu 1992, Montedipe vs Il-Kummissjoni, T-14/89, Ġabra p. II‑1155, punt 231).

187    Dan l-akkordju sar permezz ta’ laqgħat ripetuti bejn impriżi kompetitriċi li fihom dawn ftehmu prinċipalment fuq żidiet fil-prezzijiet u l-kalendarju għall-implementazzjoni tagħhom. F’okkażjoni waħda, preċiżament fil-laqgħa tat-30 ta’ Settembru 1993 (ara l-punt 172 iktar ’il fuq), ġew iffissati xi kwoti.

 Fuq il-parteċipazzjoni ta’ Divipa u ta’ Zicuñaga fl-akkordju fis-suq Spanjol

188    Skond il-ġurisprudenza, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni turi li l-impriża kkonċernata pparteċipat f’laqgħat li fihom ġew konklużi akkordji ta’ natura anti-kompetittiva, mingħajr ma opponiethom manifestament, sabiex tipprova suffiċjentement il-parteċipazzjoni ta’ l-imsemmija impriża fl-akkordju. Ladarba l-parteċipazzjoni f’tali laqgħat tkun ġiet stabbilita, hija din l-impriża li trid tressaq il-provi li jistgħu jistabbilixxu li l-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmija laqgħat kienet nieqsa minn kull intenzjoni antikompetittiva, billi turi li hija kienet indikat lill-kompetituri tagħha li hija kienet qed tipparteċipa f’dawn il-laqgħat bi ħsieb differenti minn tagħhom (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il-Kummissjoni, C-199/92 P, Ġabra p. I‑4287, punt 155; Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 149 iktar ’il fuq, punt 96, u tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 81).

189    Fil-fatt, billi pparteċipat fl-imsemmija laqgħa mingħajr ma tbiegħdet pubblikament mill-kontenut tagħha, l-impriża tat x’tifhem lill-parteċipanti l-oħra li hija kienet qed taqbel mar-riżultat u li kienet se tikkonforma ruħha miegħu (is-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 188 iktar ’il fuq, punt 82).

190    F’dan il-każ, jirriżulta, fl-ewwel lok, li t-tabella (dokument n° 15199), li telenka d-diversi laqgħat, id-data tagħhom, is-suġġett tagħhom u l-parteċipanti tagħhom jinsabu fir-risposta ta’ Sappi tat-18 ta’ Mejju 1999, imsemmija fil-punt 162 iktar ’il fuq, issemmi lil Divipa u Zicuñaga bħala li pparteċipaw fil-laqgħa kollużiva tad-19 ta’ Ottubru 1993. Din l-indikazzjoni hija kkorroborata mir-riferenza, fin-nota imsemmija fil-punt 173 iktar ’il fuq, għall-fatt li d-distributuri kollha pparteċipaw fiha minbarra Copigraph.

191    Fit-tieni lok, jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet ta’ l-impjegat ta’ Sappi, imsemmija fil-punt 162 iktar ’il fuq, li Divipa u Zicuñaga kienu preżenti għal-laqgħat li hija kienet attendiet għalihom bejn Ottubru 1993 u l-1995. Fir-rigward tal-laqgħat tat-3 ta’ Mejju u tad-29 ta’ Ġunju 1994, dan l-impjegat indika wkoll li Divipa kienet irrappreżentata mis-Sur A. u mis-Sur C u Zicuñaga mis-Sur E. Dawn id-dikjarazzjonijiet huma kkorroborati, għal kull waħda minn dawn il-laqgħa, min-noti li nkitbu fl-istess żmien tal-fatti kontenzjużi mill-impjegat ta’ Sappi, imsemmija fil-punti 174 u 175 iktar ’il fuq.

192    Fit-tielet lok, skond id-dikjarazzjonijiet ta’ AWA imsemmija fil-punt 163 iktar ’il fuq, Divipa pparteċipat fil-laqgħat li saru dwar is-suq Spanjol bejn l-1992 u l-1994 jew, għall-inqas, f’uħud minnhom. Zicuñaga, min-naħa l-oħra, kienet preżenti għal waħda minnhom biss. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li din id-dikjarazzjoni miktuba b’ton prudenti numru ta’ snin wara l-fatti kontenzjużi ma tistax tqajjem dubji dwar il-valur probatorju ta’ l-indikazzjonijiet preċiżi li jinsabu fid-dokumenti li ġew imfassla f’dak iż-żmien minn Sappi, li jsemmu espliċitament il-preżenza ta’ Zicuñaga fil-laqgħat tad-19 ta’ Ottubru 1993, it-3 ta’ Mejju u d-29 ta’ Ġunju 1994.

193    Fir-raba’ lok, jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet ta’ Mougeot, imsemmija fil-punt 165 iktar ’il fuq, li Divipa u Zicuñaga kienu preżenti għal-laqgħa tad-19 ta’ Ottubru 1994. Il-parteċipazzjoni ta’ Zicuñaga f’din il-laqgħa hija kkonfermata wkoll min-nota ta’ Mougeot, miktuba bl-idejn, tal-21 ta’ Ottubru 1994, imsemmija fil-punt 177 iktar ’il fuq, li tinkludi l-indikazzjoni “Zicuñaga u Mougeot awtorizzati li jbigħu [inqas minn ESP] 5/kg”. Flimkien mad-dikjarazzjonijiet ta’ AWA imsemmija fil-punt preċedenti, id-dikjarazzjonijiet preċiżi ta’ Mougeot fuq il-preżenza tas-Sur A. (Divipa) f’din il-laqgħa jawtorizzaw lill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li din l-impriża pparteċipat f’din il-laqgħa.

194    Il-fatt, allegat minn Divipa, li, fir-risposta tagħha tat-18 ta’ Mejju 1999, Sappi ma ssemmix li saret laqgħa li tikkonċerna s-suq Sapnjol fid-19 ta’ Ottubru 1994 jista’ jiġi spjegat mill-fatt li Sappi ma kinitx preżenti għal din il-laqgħa, kif turi l-lista tal-parteċipanti f’din il-laqgħa magħmula minn Mougeot. Fi kwalunkwe każ, dan il-fatt ma jistax jinvalida n-numru ta’ indikazzjonijiet li jaqblu bejniethom li jikkonfermaw li din il-laqgħa saret u li Divipa kienet ipparteċipat fiha.

195    Jirriżulta mill-elementi kollha preċedenti li l-Kummissjoni stabbiliet suffiċjentement skond il-liġi l-parteċipazzjoni ta’ Divipa u ta’ Zicuñaga f’laqgħat kollużivi li saru b’mod kontinwu bejn id-19 ta’ Ottubru 1993 u d-19 ta’ Ottubru 1994.

196    Għalkemm, wara kollox, dawn l-impriżi ma pparteċipawx fil-laqgħat kollha li kienu jagħmlu parti mis-sitema ta’ laqgħat perjodiċi allegati mill-Kummissjoni, la Divipa u lanqas Zicuñaga ma invokaw elementi ta’ prova li juru li huma tbiegħdu pubblikament mill-kontenut tal-laqgħat li għalihom huma kienu preżenti. Għaldaqstant, il-ksur xorta waħda jibqa’ imputabbli lejhom. Peress li ġie stabbilit li r-rikorrenti ħadu sehem f’dawn il-laqgħat u li dawn kellhom bħala għan, preċiżament, l-iffissar ta’ l-obbjettivi fir-rigward tal-prezzijiet, ir-rikorrenti taw lill-kompetituri tagħhom, għall-inqas, l-impressjoni li huma kienu qed jipparteċipaw bl-istess għanijiet tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Diċembru 1991, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, T-7/89, Ġabra p. II‑1711, punt 232, u ta’ l-10 ta’ Marzu 1992, Solvay vs Il-Kummissjoni, T-12/89, Ġabra p. II‑907, punt 98). Għandu jiġi enfasizzat li din is-sistema ta’ laqgħat kienet parti minn sensiela ta’ sforzi mill-impriżi in kwistjoni li kellhom għan ekonomiku wieħed, l-ostakolar ta’ l-evoluzzjoni normali tal-prezzijiet fis-suq tal-karta saħħara. Huwa għaldaqstant artifiċjali li dan l-aġir kontinwu, kkaratterizzat minn għan wieħed, jinqasam billi jiġi meqjus bħala li jinkludi numru ta’ vjolazzjonijiet distinti (is-sentenza Rhône‑Poulenc vs Il-Kummissjoni, punt 155 iktar ’il fuq, punt 126).

197    Fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta’ Divipa fl-akkordju mix-xahar ta’ Marzu 1992, din tirriżulta l-ewwel nett mid-dikjarazzjonijiet ta’ AWA imsemmija fil-punti 163 u 192 iktar ’il fuq. Dawn huma, barra minn hekk, ikkorroborati mir-riferenza ta’ Divipa fin-nota tad-9 ta’ Marzu 1992 imsemmija fil-punt 171 iktar ’il fuq. F’din in-nota, l-aġent Spanjol ta’ Sappi kjarament eżamina l-applikazzjoni, minn diversi impriżi, taż-żieda fil-prezz ta’ ESP 10, objettiv iffissat preċedentement mid-distributuri. Huwa jsemmi espressament il-fatt li Divipa ma għollietx il-prezzijiet tagħha. Madankollu, is-sorveljanza tal-politika tal-prezzijiet ta’ Divipa, flimkien ma’ dik ta’ Sarrió u ta’ AWA li kellhom kumpannija ta’ distribuzzjoni tagħhom stess fis-suq Spanjol, tikkostitwixxi ħjiel konvinċenti tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju f’din id-data.

198    Dawn il-konstatazzjonijiet fuq il-parteċipazzjoni fl-akkordju fis-suq Spanjol ta’ Divipa, mix-xahar ta’ Marzu ta’ l-1992, u ta’ Zicuñaga, mix-xahar ta’ Ottubru ta’ l-1993, it-tnejn li huma sax-xahar ta’ Jannar ta’ l-1995, ma jistgħux jiġu kkontestati minn kunsiderazzjonijiet ibbażati fuq il-karatteristiċi proprji ta’ dawn l-impriżi.

199    Jirriżulta mill-premessi 17 u 330 tad-deċiżjoni li l-Kummissjoni debitament ħadet in kunsiderazzjoni l-fatt li la Divipa u lanqas Zicuñaga ma kienu membri ta’ l-AEMCP. Mill-bqija, il-Kummissjoni ma kkunsidratx l-istat ta’ membru ta’ l-AEMCP bħala element li jikkostitwixxi l-ksur.

200    Fir-rigward tad-differenzi enfasizzati minn Divipa u minn Zicuñaga bejn iż-żidiet fil-prezzijiet deċiżi fil-laqgħat li kienu preżenti għalihom u l-evoluzzjoni tal-prezzijiet matul il-perijodu li fih suppost kellhom japplikaw dawn id-deċiżjonijiet, anki li kieku tiġi aċċettata l-eżattezza tal-figuri ppreżentati minn dawn l-impriżi biex juru l-politika tal-prezzijiet tagħhom matul dan il-perijodu, dawn id-differenzi l-iktar l-iktar juru li dawn l-impriżi ma rrispettawx id-deċiżjonijiet taż-żidiet fil-prezzijiet adottati fil-laqgħat ikkonċernati. Skond il-linji ta’ gwida dwar i-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU 1998, C 9, p. 3) (iktar ’il quddiem il-“linji gwida”), in-nuqqas ta’ applikazzjoni fil-prattika ta’ l-akkordji jista’ jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti u għaldaqstant jeħtieġ li jiġu eżaminati l-argumenti tal-partijiet f’dan ir-rigward fil-kuntest tal-motivi intiżi għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multa (ara iktar ’il quddiem punti 594 sa 635). Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rilevat li l-fatt li ma ġewx osservati l-prezzijiet miftiehma ma jinvalidax l-għan antikompetittiv ta’ dawn il-laqgħat u, għaldaqstant il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordji (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ April 1995, Tréfilunion vs Il-Kummissjoni, T-148/89, Ġabra p. II‑1063, punt 79). Dawn id-differenzi, anki jekk jitqiesu bħala stabbiliti, ma jippermettux għalhekk li jiġu skartati l-provi tal-parteċipazzjoni ta’ Divipa u ta’ Zicuñaga f’dawn il-laqgħat kollużivi.

201    Il-fatt allegat minn Zicuñaga, li l-attivitajiet ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni tal-karta saħħara isiru, fi ħdan il-grupp tagħha, mill-Papeteries de l’Atlantique SA, mhuwiex tali li jqajjem dubji dwar il-parteċipazzjoni fil-ksur minn Zicuñaga, l-unika impriża msemmija fid-dikjarazzjonijiet tal-membri l-oħra ta’ l-akkordju. Għandu jiġi enfasizzat li, anki jekk huwa veru li Zicuñaga kellha biss 50 % tal-kapital tal-Papeteries de l’Atlantique fi żmien il-fatti kontenzjużi, il-Kummissjoni tattribwixxi l-ksur lil Zicuñaga għall-aġir tagħha stess u mhux bħala kumpannija parent ta’ din il-kumpannija sussidjarja. Fil-fatt, minn naħa, il-provi dokumentarji diretti li jirrigwardaw il-laqgħat tat- 3 ta’ Mejju u tad-29 ta’ Ġunju 1994 (ara l-punti 174 u 175 iktar ’il fuq) jirreferu espliċitament għall-preżenza ta’ rappreżentant ta’ Zicuñaga f’dawn iż-żewġ laqgħat kollużivi li jikkonċernaw is-suq Spanjol. Min-naħa l-oħra, in-nota miktuba bl-idejn tal-21 ta’ Ottubru 1994, minn Mougeot (ara l-punt 177 iktar ’il fuq) issemmi espressament lil Zicuñaga. Qatt ma ssir riferenza għall-Papeteries de l’Atlantique. Barra minn hekk, anki jekk id-deċiżjoni ma tirriflettix korrettement in-natura eżatta ta’ l-attivitajiet ta’ Zicuñaga fi ħdan il-grupp tagħha, għandu jiġi kkonstatat li Zicuñaga ma kkontestatx l-indikazzjoni, li tinsab fil-premessa 365 tad-deċiżjoni, li hija kienet responsabbli għall-politika ta’ ffissar tal-prezzijiet tal-prodotti kollha tal-karta tal-grupp.

202    Divipa tinvoka wkoll differenzi bejn l-informazzjoni relativa għall-bejgħ tagħha ddikjarat li tirriżulta min-noti ta’ Sappi u l-informazzjoni annessa mar-rikors tagħha. Dawn id-differenzi juru li l-informazzjoni li tirriżulta min-noti ta’ Sappi ma ġietx ipprovduta minnha. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-informazzjoni annessa minn Divipa mar-rikors tagħha ma hija sostnuta minn ebda prova li tippermetti li jiġi vverifikat jekk din tikkorrispondix mal-verità. Fi kwlaunkwe każ, jekk jitqies li din l-informazzjoni hija eżatta, id-differenza li tista’ tiġi osservata bejn din l-informazzjoni u dik li tinsab fin-noti ta’ Sappi turi biss li dawn ta’ l-aħħar ma jikkorrispondux mal-verità. Min-naħa l-oħra hija ma tippermettix li jiġi kkunsidrat li l-mezzi ta’ bejgħ imsemmija fin-noti ta’ Sappi ma ġewx iddikjarati minn Divipa fil-laqgħa tat-30 ta’ Settembru 1993.

203    Divipa ssostni wkoll li m’huwiex plawżibbli li distributriċi żgħira bħalha assistiet għal laqgħat ta’ produtturi. Għandu jiġi enfasizzat li l-kwalità tagħha ta’ distributriċi mhijiex tali li tinvalida dawk il-provi li juru l-parteċipazzjoni ta’ Divipa fl-akkordju fis-suq Spanjol. Din il-kwalità ma tfissirx li hija ma kellhiex interess li tipparteċipa fl-akkordju, li, skond l-analiżi tal-Kummissjoni esposta fil-premessi 153 u 165 tad-deċiżjoni u mhux ikkontestata minn Divipa, bilfors kien jinkludi d-distributuri biex jaħdem sew fis-suq Spanjol li kien ikkaratterizzat minn integrazzjoni qawwija tan-netwerks ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni, b’mod li numru kunsiderevoli ta’ produtturi kienu wkoll distributuri. Barra minn hekk, skond in-nota tad-29 ta’ Ġunju 1994 (dokument Nru 4476, imsemmi fil-punt 175 iktar ’il fuq), l-akkordju li sar f’din il-laqgħa kien ibbażat fuq il-prezzijiet applikabbli għall-konsumaturi, ħaġa li, fid-dawl ta’ l-istat ta’ distributriċi ta’ Divipa, hija biżżejjed biex tispjega l-preżenza tagħha f’din il-laqgħa.

204    Fl-aħħar, il-fatt li Divipa tixtri bejn 60 u 70 % tal-bżonnijiet tagħha ta’ karta saħħara mingħand Koehler u l-bqija minn produtturi oħra jimplika ċertament ċerta dipendenza fuq il-fornituri tagħha fir-rigward tal-prezz tax-xiri. Madankollu, minn naħa, din id-dipendenza ma tistax tiġi meqjusa bħala totali. Fil-fatt, it-tabella pprovduta minn Divipa annessa mar-rikors tagħha turi li, fl-1993, Divipa mhux dejjem ittrażmettiet ċertu tnaqqis fil-prezz tax-xiri tagħha immedjatament, b’mod li l-marġni tagħha għaldaqstant baqgħet sostanzjali. Min-naħa l-oħra, fi kwalunkwe każ, dan il-fatt lanqas ma jfisser li ma kellhiex interess li tipparteċipa fl-akkordju, peress li kull żieda fil-prezzijiet deċiża f’dan il-kuntest u applikata fil-konfront tal- klijent setgħet tirriżulta f’żieda fil-marġni tal-profitt tagħha. Jirriżulta wkoll minn din l-istess tabella li, bejn Jannar u Diċembru ta’ l-1994, il-prezzijiet ta’ xiri mingħand Koehler telgħu minn 159.25 għal 195.70 u l-marġni ta’ Divipa minn 20.38 għal 43.81. Fl-aħħar nett, jirriżulta min-nota li tikkonċerna l-laqgħa tad-19 ta’ Ottubru 1993, imsemmija fil-punt 173 iktar ’il fuq, li n-negozjar kien jirrigwarda, minn naħa, il-prezz li d-distributur kellu jħallas lill-produttur u, min-naħa l-oħra, iż-żieda li d-distributuri kellhom japplikaw fil-konfront tal-klijenti tagħhom, filwaqt li ġiet prevista żieda fil-marġni tad-distributur.

 Fuq il-parteċipazzjoni ta’ Divipa u ta’ Zicuñaga fl-akkordju fis-suq Ewropew

205    Jirriżulta mill-premessa 286 tad-deċiżjoni li l-Kummissjoni kkonstatat biss il-parteċipazzjoni ta’ Divipa u ta’ Zicuñaga f’laqgħat kollużivi li jikkonċernaw is-suq Spanjol. Hija ssostni madankollu li “dawn l-impriżi ma setgħux ma kinux jafu li l-akkordju kien jirrigwarda t-territorju kollu li fl-1994 sar iż-ŻEE”.

206    Il-Kummissjoni tibbaża ruħha, f’dan ir-rigward, fuq ir-rabta diretta li kienet teżisti bejn il-laqgħat ġenerali Ewropej ta’ l-akkordju u l-laqgħat kollużivi nazzjonali, b’mod partikolari Spanjoli, fuq il-fatt li l-produtturi l-kbar Ewropej tal-karta saħħara ħadu sehem fl-attivitajiet kollużivi fis-suq Spanjol, kif ukoll fuq il-fatt li li kien hemm flussi konsiderevoli ta’ kummerċ intrakomunitarju fis-settur tal-karta saħħara matul il-perijodu ta’ riferenza.

207    Skond il-ġurisprudenza, impriża li tkun ipparteċipat fi ksur multiformi tar-regoli dwar il-kompetizzjoni permezz ta’ aġir tagħha stess, li jaqa’ taħt il-kunċetti ta’ akkordju jew prattika miftiehma li għandhom għan antikompetittiv skond l-Artikolu 81(1) KE, u li huma intiżi biex jikkontribwixxu sabiex jitwettaq il-ksur kollu kemm hu tista’ tinsab responsabbli wkoll għall-aġir ta’ impriżi oħrajn fil-kuntest ta’ l-istess ksur għall-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmi ksur, ladarba jiġi stabbilit li l-impriża in kwistjoni kienet taf bl-aġir illeċitu tal-parteċipanti l-oħra, jew li hija setgħet raġonevolment tipprevedih u li hija kienet lesta taċċetta r-riskju (is-sentenza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 158 u l-ġurisprudenza ċċitata).

208    F’dan il-każ, jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 187 iktar ’il fuq li l-akkordji relativi għas-suq Spanjol li fihom ħadu sehem Divipa u Zicuñaga kellhom bħala għan l-iffissar bejniethom ta’ żidiet fil-prezz. Barra minn hekk, darba minnhom, preċiżament fil-laqgħa tat-30 ta’ Settembru 1993, li fiha ma kinitx preżenti Zicuñaga li kienet ma bdietx tipparteċipa fl-akkordju, ġew attribbwiti kwoti ta’ bejgħ f’dan is-suq abbażi ta’ skambju ta’ informazzjoni fuq il-bejgħ li sar. Dawn l-akkordji konsegwentement kienu jaqblu ma’ l-akkordju Ewropew ġenerali, li l-għan prinċipali tiegħu kien li jogħlew il-prezzijiet tal-karta saħħara u, f’ċerti każijiet, li jiġu ffissati kwoti ta’ bejgħ komuni jew ishma mis-suq u li tiġi skambjata infromazzjoni kunfidenzjali bil-għan li tiġi ffaċilitata l-konklużjoni jew l-applikazzjoni ta’ l-akkordji taż-żidiet fil-prezz.

209    Madankollu, skond il-ġurisprudenza, is-sempliċi fatt li l-għan ta’ akkordju li fih ipparteċipat impriża u ta’ akkordju globali jkun l-istess, mhuwiex biżżejjed biex din l-impriża titqies responsabbli għall-parteċipazzjoni fl-akkordju globali. Fil-fatt, huwa biss jekk l-impriża, meta hija pparteċipat f’dan l-akkordju, kienet taf jew kellha tkun taf li, billi għamlet hekk, hija kienet qed tinvolvi ruħha fl-akkordju globali li l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju kkonċernat jista’ jikkostitwixxi l-espressjoni ta’ l-adeżjoni tagħha ma’ dan l-akkordju globali (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Marzu 2002, Sigma Tecnologie vs Il-Kummissjoni, T-28/99, Ġabra p. II‑1845, punt 45).

210    Il-Kummissjoni ssostni, fid-deċiżjoni, li dan kien il-każ fir-rigward ta’ Divipa u ta’ Zicuñaga, allegazzjoni li dawn jikkontestaw.

211    Ċertament, mhuwiex ikkontestat li Divipa u Zicuñaga ma kinux membri ta’ l-AEMCP u li huma qatt ma ħadu sehem fil-laqgħat uffiċjali ta’ din l-assoċjazzjoni, li, skond il-Kummissjoni, servew bħala qafas għall-akkordju Ewropew sa Settembru ta’ l-1993, u lanqas ma pparteċipaw fil-laqgħat ġenerali ta’ l-akkordju li ma seħħewx fi ħdan il-laqgħat uffiċjali ta’ l-AEMCP minn Settembru ta’ l-1993. Barra minn hekk, l-ebda waħda mill-provi relativi għall-parteċipazzjoni ta’ Divipa u ta’ Zicuñaga f’laqgħat kollużivi fis-suq Spanjol ma turi li, f’waħda jew oħra minn dawn il-laqgħt, saret riferenza għal akkordju fuq il-prezzijiet li kien jeżisti fuq livell Ewropew.

212    Madankollu, la Divipa u lanqas Zicuñaga ma jipprovdu elementi ta’ prova li jistgħu jikkontradixxu l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-premessi 89 sa 94 u 211 tad-deċiżjoni u d-dikjarazzjonijiet ta’ Mougeot riprodotti fil-premessa 90. Skond dawn ta’ l-aħħar, “AWA kienet tal-fehma li mingħajr l-involviment tal-maniġers responsabbli għas-swieq lokali, kien hemm ftit possibbiltà li jintlaħqu r-riżultati mixtieqa, fatt li jispjega għaliex saru laqgħat f’kull suq b’mod individwali” u “l-maniġers lokali li ġew informati mis-superjuri tagħhom dwar intenzjoni ta’ żieda fil-prezzijiet ġew inkarigati jiddefinixxu bejniethom il-metodi biex jiksbu din iż-żieda fil-prattika”. Dawn id-dikjarazzjonijiet juru kjarament li, biex jiġi ggarantit li d-deċiżjonijiet ta’ żidiet fil-prezzijiet meħuda fil-kuntest tal-laqgħat ġenerali ta’ l-akkordju jkollhom suċċess, il-parteċipanti f’dawn il-laqgħat ftehmu li jiżguraw l-applikazzjoni ġenerali ta’ l-imsemmija deċiżjonijiet f’diversi swieq reġjonali u nazzjonali. Fid-dawl tal-volum konsiderevoli tal-kummerċ bejn Stati Membri fil-prodott ikkonċernat, ma kienx ikun effettiv li jittieħdu miżuri li jirrestrinġu l-kompetizzjoni esklużivament fuq il-livell ta’ Stat Membru wieħed.

213    Il-Kummissjoni għaldaqstant ippreżentat żewġ tabelli (tabelli 5 u 6, li jinsabu fil-premessi 207 u 217 tad-deċiżjoni u fil-punti 117 u 127 tad-DO) skoperti fl-uffiċċji ta’ Sappi li juru ż-żidiet fil-prezzijiet miftiehma fir-rigward ta’ diversi pajjiżi fiż-żewġ laqgħat ġenerali tal-21 ta’ Ġunju u t-22 ta’ Settembru 1994. Fir-rigward ta’ Spanja, dawn it-tabelli ma jinkludux figuri, iżda l-annotazzjoni “għad trid jiġi speċifikata”. Issa il-minuti tal-laqgħa tad-29 ta’ Ġunju 1994 (dokument Nru 4476, imsemmi fil-punt 175 iktar ’il fuq) li jikkonċernaw is-suq Spanjol u n-nota ta’ Mougeot miktuba bl-idejn tal-21 ta’ Ottubru 1994 (dokument Nru 1839, imsemmi fil-punt 177 iktar ’il fuq; ara wkoll il-punt 235 iktar ’il quddiem), li saret wara l-laqgħa tad-19 ta’ Ottubru 1994 li wkoll kienet tirrigwarda s-suq Spanjol, juru li kull waħda minn dawn il-laqgħat ġenerali kienet segwita minn laqgħa nazzjonali li fiha ġew effettivament specificati ż-żidiet fil-prezzijiet għas-suq Spanjol. Barra minn hekk, kif tenfasizza l-Kummissjoni fl-atti tagħha, il-fatt li din in-nota ta’ Mougeot miktuba bl-idejn issemmi l-kliem “fid-dawl tal-volumi AEMCP imħabbra fir-rigward ta’ Spanja” u stemmi dibattitu fuq dawn il-figuri isostni l-argument li Divipa u Zicuñaga bilfors kienu jafu bil-qafas usa’, fuq livell Ewropew, li kienu jagħmlu parti minnu l-laqgħat relativi għas-suq Spanjol li huma kienu qed jipparteċipaw fihom.

214    Barra minn hekk, id-diversi dokumenti invokati mill-Kummissjoni fir-rigward tal-laqgħat Spanjoli (fil-premessi 154 sa 171 tad-deċiżjoni, fl-anness II għall-imsemmija deċiżjoni u fin-noti ta’ qiegħ il-paġna korrispondenti) jistabbilixxu mingħajr dubju li kienu preżenti għal dawn il-laqgħat ċertu numru ta’ rappreżentanti ta’ produtturi Ewropej tal-karta saħħara li l-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat ġenerali ta’ l-akkordju ma tistax, fid-dawl ta’ l-elementi ta’ prova ċċitati mill-Kummissjoni fil-premessi 263 sa 276 tad-deċiżjoni, tiġi kkontestata, u lanqas, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, ma hija kkontestata.

215    Jidher li huwa diffiċilment konċepibbli li, filwaqt li, kif tenfasizza l-Kummissjoni fil-premessa 176 tad-deċiżjoni, jirriżulta minn indikazzjonijiet ipprovduti minn rappreżentant ta’ Unipapel waqt verifiki li saru (dokument Nru 4525, li l-parti rilevanti tiegħu hija ċċitata fil-punt 74 tad-DO), li l-klijenti Portugiżi kienu jimmaġinaw li akkordju fuq livell Ewropew kien il-bażi ta’ l-aġir ta’ l-operaturi Portugiżi fir-rigward ta’ żidiet fil-prezz, Divipa u Zicuñaga, li, matul il-laqgħat relativi għas-suq Spanjol, kienu jkunu dar ma’ dar ma’ rappreżentanti ta’ produtturi kbar Ewropej ta’ karta saħħara involuti fil-laqgħat ġenerali ta’ l-akkordju, ma kinux jafu li, billi pparteċipaw f’akkordji kollużivi fl-imsemmi suq, huma kienu qed jinvolvu ruħhom f’akkordju fuq livell Ewropew.

216    F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkunsidrat li Divipa u Zicuñaga bilfors kienu informati dwar l-eżistenza u l-kontenut ta’ l-akkordju Ewropew (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ciment, punt 4097) u li, billi pparteċipaw fis-suq Spanjol f’akkordji li kellhom għan antikompetittiv identiku għal dak ta’ dan l-akkordju, huma bilfors kienu jafu li, billi jagħmlu hekk, huma kienu qed jieħdu sehem f’dan l-akkordju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ciment, punt 4099).

217    Fir-rigward tal-fatt, allegat minn Zicuñaga, li l-fajl ma jinkludix elementi ta’ prova li juru li l-prezzijiet relativi għal swieq oħra minbarra s-suq Spanjol ġew diskussi fil-laqgħat Spanjoli jew li l-laqgħa ġiet informata bihom minn impriżi oħra, dan jaqbel kompletament ma’ l-iskema ġenerali ta’ organizzazzjoni ta’ l-akkordju, skond liema d-diskussjonijiet li saru, partikolarment fil-kuntest ta’ laqgħat, fuq livell nazzjonali jew reġjonali kellhom bħala għan li jiġu ddefiniti l-metodi prattiċi ta’ l-applikazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ żidiet fil-prezzijiet adottati fuq livell Ewropew għall-prezzijiet applikati fis-suq lokali kkonċernat. Barra minn hekk, dan il-fatt m’huwiex tali li jqajjem dubju dwar l-analiżi esposta hawn fuq.

218    Zicuñaga tiddeduċi argument ieħor min-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat u l-attivitajiet allegatament kollużivi li saru fis-suq Franċiż u Taljan, minkejja l-interessi kummerċjali tagħha f’dawn ta’ l-aħħar. Għandha tiġi mfakkra f’dan ir-rigward l-affermazzjoni ta’ Zicuñaga matul is-seduta li “hija kienet responsabbli mill-politika ta’ ffissar tal-prezzijiet tal-prodotti kollha tal-karta tal-grupp u […], għaldaqstant, hija kienet tieħu d-deċiżjonijiet kollha fir-rigward tal-prezz, anki f’dak li jikkonċerna l-prodotti tal-Papeteries de l’Atlantique” (premessa 365 tad-deċiżjoni). Għaldaqstant, l-indikazzjoni li Zicuñaga kellha interessi kummerċjali mhux biss fi Spanja, iżda wkoll, permezz ta’ l-attivitajiet tal-kumpannija sussidjarja tagħha Papeteries de l’Atlantique, fi Franza u fl-Italja, tista’ tiġi interpretata bħala li tfisser li Zicuñaga, li ma setgħetx ma kinitx taf li ċerti impriżi rrappreżentati fil-laqgħat Spanjoli kienu attivi fis-suq Franċiż u Taljan, bilfors kienet staqsiet, biex tiddefinixxi l-politika tal-prezzijiet tal-grupp tagħha, jekk l-akkordji li fihom hija kienet qed tieħu sehem kinux jagħmlu parti minn akkordju Ewropew, u għaldaqstant bilfors kienet taf bl-eżistenza ta’ tali akkordju.

219    Fi kwalunkwe każ, il-fatt imsemmi fil-punt preċedenti mhuwiex tali li jqajjem dubji dwar l-analiżi esposta fil-punti 205 sa 217 iktar ’il fuq. Mill-bqija, dan il-fatt jista’ jiġi pperċepit ukoll bħala indikazzjoni li tikkonferma li Zicuñaga kienet taf li l-akkordji li fihom hija kienet qed tipparteċipa fis-suq Spanjol kienu jagħmlu parti minn akkordju Ewropew u għaldaqstant qieset li ma kienx hemm bżonn li tipparteċipa f’laqgħat u attivitajiet kollużivi barra minn Spanja.

220    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li s-sitwazzjoni ta’ Zicuñaga hija differenti minn dik ta’ l-impriża Sigma Tecnologie di rivestimento fil-kawża li tat lok għas-sentenza Sigma Tecnologie vs Il-Kummissjoni, punt 209 iktar ’il fuq, li għaliha Zicuñaga tirreferi fl-atti tagħha, f’diversi aspetti. Fil-fatt, għad-differenza tar-rikorrenti f’din il-kawża, Zicuñaga topera, fis-settur ikkonċernat, f’numru ta’ swieq nazzjonali. Barra minn hekk, anki li kieku jiġi segwit l-argument ta’ Zicuñaga li hija ġiet ipperċepita mill-kompetituri Spanjoli tagħha bħala li kienet tapplika politika ta’ prezzijiet aggressiva, Zicuñaga ma pprovdiet l-ebda element ta’ prova li juri li hija kienet, bħal Sigma Tecnologie di rivestimento, eskluża minn ċerti laqgħat jew attivitajiet kollużivi minħabba l-aġir tagħha ta’ “spoilsport” (is-sentenza Sigma Tecnologie vs Il-Kummissjoni, punt 209 iktar ’il fuq, punti 42 u 46). Bil-kontra, in-nota ta’ Mougeot relativa għal-laqgħa tad-19 ta’ Ottubru 1994, imsemmija fil-punt 177 iktar ’il fuq, turi li Zicuñaga kienet ikkunsidrata bħala membru sħiħ ta’ l-akkordju Spanjol, fil-kuntest ta’ liema ngħatat l-awtorizzazzjoni li tbigħ bi prezzijiet kemmxejn inferjuri għall-prezzijiet li kellhom jiġu applikati mill-membri l-oħra ta’ l-akkordju.

221    Fil-kuntest ta’ l-argument tagħha intiż biex juri li hija m’applikatx l-akkordji in kwistjoni ta’ ffissar ta’ prezzijiet, Zicuñaga tikkritika l-fatt li, matul il-proċedimenti amministrattivi, il-Kummissjoni rrifjutatilha l-aċċess għall-informazzjoni dettaljata msemmija fil-premessa 288 tad-deċiżjoni. F’dan ir-rigward, għandha ssir riferenza għall-argumenti esposti fil-punti 45 sa 51 iktar ’il fuq.

 Fuq il-parteċipazzjoni ta’ Zicuñaga f’akkordji ta’ ffissar ta’ kwoti ta’ bejgħ u ta’ ishma mis-suq

222    Fl-aħħar nett, kif ġie espost fil-punt 153 iktar ’il fuq, Zicuñaga tikkontesta l-allegazzjoni li pparteċipat f’akkordji ta’ ffissar ta’ kwoti ta’ bejgħ u ta’ ishma mis-suq.

223    F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-premessi 77, 81, 252, 253, 326 sa 331, 376, 382 u 383 tad-deċiżjoni moqrija flimkien li l-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ akkordji ta’ ffissar ta’ kwoti ta’ bejgħ u ta’ ishma mis-suq mhux bħala ksur distint, iżda bħala elementi li jikkostitwixxu ksur wieħed, imsemmi fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni u attribwit lil Zicuñaga, li l-għan ġenerali tiegħu kien li jiżdieu l-prezzijiet tal-karta saħħara fit-territorju kollu li sar iż-ŻEE fl-1994 (premessa 327 tad-deċiżjoni), u li l-pedament tiegħu kien il-konklużjoni ta’ akkordji ta’ żidiet fil-prezzijiet (premessa 383 tad-deċiżjoni).

224    Għandu inizjalment jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni stabbilietx korrettement l-eżistenza ta’ akkordji ta’ ffissar ta’ kwoti ta’ bejgħ u ta’ ishma mis-suq u jekk hija kellhiex raġun tikkunsidra li dawn l-akkordji kienu jagħmlu parti minn pjan antikompetittiv globali li kien jikkostitwixxi l-ksur ikkonstatat fl-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tagħmel distinzjoni, fil-premessi 241 sa 251 tad-deċiżjoni, bejn l-indikazzjonijiet li, skond hi, juru l-eżistenza ta’ akkordji ta’ attribuzzjoni ta’ kwoti ta’ bejgħ u dawk li, fil-fehma tagħha, juru l-eżistenza ta’ akkordji ta’ tqassim tas-suq.

225    Fir-rigward, fl-ewwel lok, ta’ l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-attribuzzjoni ta’ kwoti ta’ bejgħ, għandu jiġi rilevat, l-ewwel nett, li d-dokument ippreparat minn Sappi li jirrigwarda l-laqgħa li saret fit-30 ta’ Settembru 1993 f’Barċellona (dokument Nru 5, imsemmi fil-punt 172 iktar ’il fuq) juri li l-parteċipanti f’din il-laqgħa ddikjaraw mill-bidu l-bejgħ medju ta’ kull xahar fl-1992 u fl-1993 u qassmu kwoti ta’ bejgħ għar-raba’ perijodu ta’ tliet xhur tas-sena 1993, imbagħad ftehmu li jiddikjaraw żieda ta’ 10 % fil-prezzijiet tal-bobini u tal-folji fl-1 ta’ Jannar 1994 u, fl-aħħar, iddeċidew li jerġgħu jiltaqgħu f’data li kellha tiġi ffissata iktar ‘il quddiem sabiex jiġi vverifikat jekk dawn il-kwoti ġewx osservati.

226    Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li Zicuñaga ma tikkontestax il-konstatazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni, fil-premessi 138, 242 u 243 tad-deċiżjoni, li “nota ta’ laqgħa” (dokument Nru 6, riprodott fil-punt 87 tad-DO) ippreparata minn Sappi f’laqgħa li saret fl-1 ta’ Ottubru 1993 rigward is-suq Franċiż tindika li l-parteċipanti f’din il-laqgħa ftehmu fuq żieda fil-prezzijiet kif ukoll fuq attribuzzjoni ta’ kwoti għar-raba’ perijodu ta’ tliet xhur tas-sena 1993 “biex jippermettu żidiet fil-prezz”.

227    Fir-rigward, imbagħad, ta’ l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni li jikkonċernaw l-akkordji ta’ tqassim tas-suq, Zicuñaga ma tressaq l-ebda element ta’ prova intiż sabiex jeskludi l-konstatazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni, fil-premessi 141 u 246 tad-deċiżjoni, li l-laqgħa li saret fir-rebbiegħa ta’ l-1994 f’Nogent‑sur-Marne li kienet titratta s-suq Franċiż serviet bħala qafas kemm għal akkordju ta’ żieda fil-prezzijiet kif ukoll għal akkordju ta’ tqassim tas-suq (dokument Nru 7651, imsemmi fil-punti 113 sa 115 tad-DO u anness magħha).

228    L-elementi esposti hawn fuq jippermettu li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ġustament ikkonstatat, fil-premessa 241 tad-deċiżjoni, li, “biex tiġi żgurata l-applikazzjoni taż-żidiet fil-prezzijiet miftiehma, ġiet attribwita kwota ta’ bejgħ lid-diversi parteċipanti u ġie ffissat sehem mis-suq għal kull waħda minnhom f’ċerti laqgħat nazzjonali ta’ l-akkordju”. Il-Kummissjoni setgħet għaldaqstant tikkunsidra li l-akkordji ta’ żidiet fil-prezzijiet u l-iffissar bejniethom ta’ kwoti ta’ bejgħ u ta’ ishma mis-suq kienu fatturi li ma jistgħux jiġu kkunsidrati separatament mill-pjan antikompetittiv globali li jikkostitwixxi l-ksur ikkonstatat fl-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni.

229    Jeħtieġ, ulterjorment, li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni kellhiex raġun takkuża lil Zicuñaga bl-aspetti tal-ksur uniku li jirrigwardaw l-akkordji ta’ attribuzzjoni ta’ kwoti ta’ bejgħ u ta’ tqassim tas-suq.

230    Il-kelma “[b]obini” segwita mill-indikazzjoni “[l]koll ipprovduti b’kotba ta’ l-ordnijiet mimlija u bi kwoti”, li tinsab fin-nota ta’ Sappi tad-29 ta’ Ġunju 1994, imsemmija fil-punt 175 iktar ’il fuq, ma tipprovax b’ċertezza li akkordju dwar kwoti ta’ bejgħ ġie konkluż fil-laqgħa tad-29 ta’ Ġunju 1994. Din turi madankollu li, meta saret din il-laqgħa, il-parteċipanti kollha, fosthom Zicuñaga, kienu parti minn akkordju ta’ tqassim ta’ kwoti ta’ bejgħ f’dak li jikkonċerna s-suq tal-bobini.

231    Għandu jiġi enfasizzat li l-indikazzjoni, imsemmija fil-punt preċedenti, dwar il-laqgħa tad-29 ta’ Ġunju 1994 tikkostitwixxi l-uniku element li jista’ jiġi kkunsidrat kontra Zicuñaga bħala prova tal-parteċipazzjoni diretta tagħha f’akkordju ta’ attribuzzjoni ta’ kwoti ta’ bejgħ. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma kkonstatatx il-parteċipazzjoni ta’ Zicuñaga fil-laqgħa tat-30 ta’ Settembru 1993 f’Barċellona, li fiha ġie konkluż akkordju ta’ attribuzzjoni ta’ kwoti għar-raba’ perijodu ta’ tliet xhur tas-sena 1993. Fir-rigward tal-laqgħat l-oħra li fihom il-preżenza ta’ Zicuñaga ġiet korrettement stabbilita mill-Kummissjoni, din ta’ l-aħħar ma ssostnix, fid-deċiżjoni, li dawn servew bħala qafas għal akkordji ta’ kwoti ta’ bejgħ.

232    Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni ssostni madankollu li l-laqgħa tad-19 ta’ Ottubru 1994 kienet ittrattat ukoll il-kwoti ta’ bejgħ.

233    F’dan ir-rigward, in-nota ta’ Mougeot miktuba bl-idejn tal-21 ta’ Ottubru 1994 u li tirrigwarda l-laqgħa li saret fid-19 ta’ Ottubru 1994 fuq is-suq Spanjol (ara l-punt 177 iktar ’il fuq) tinkludi s-segwenti indikazzjonijiet:

“ – Jiena tlabt fid-dawl tal-volumi AEMCP iddikjarati għal Spanja (minbarra Zicuñaga) fl-aħħar ta’ Awwissu 94, [b’żieda ta’] 4 300 [t], fejn kienu spiċċaw il-volumi tagħna 93 ([li niżlu b’] 50 %) ?

– Risposta ta’ Sarrió: il-volumi jiġu, u jmorru!

– Risposta ta’ Koehler: il-figuri AEMCP huma ħżiena!”

234    Ċertament, dan jista’ jfisser, kif issostni l-Kummissjoni fir-risposta tagħha, li saru diskussjonijiet, fil-laqgħa tad-19 ta’ Ottubru 1994, fir-rigward tal-kwoti jew tal-volumi tal-bejgħ. Jidher madankollu li, la fil-parti tad-deċiżjoni relativa għal-laqgħat li jirrigwardaw is-suq Spanjol, u lanqas f’dik relativa għall-attribuzzjoni ta’ kwoti ta’ bejgħ u t-tqassim tas-suq, il-Kummissjoni ma tiċċita dawn l-indikazzjonijiet in sostenn ta’ l-allegazzjonijiet tagħha fir-rigward tal-konklużjoni, fil-perijodu ta’ riferenza, ta’ akkordji fuq kwoti ta’ bejgħ jew fuq ishma mis-suq. F’dawn iċ-ċirkustanzi, dawn l-indikazzjonijiet ma jistgħux jittieħdu in kunsiderazzjoni sabiex tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni ta’ Zicuñaga f’akkordji fuq kwoti ta’ bejgħ.

235    Għaldaqstant, l-indikazzjoni riprodotta fil-punt 230 iktar ’il fuq tistabbilixxi li, fil-laqgħa tad-29 ta’ Ġunju 1994, Zicuñaga ġiet informata bl-eżistenza ta’ akkordji fuq kwoti ta’ bejgħ.

236    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u peress li ġie stabbilit li Zicuñaga pparteċipat f’akkordji ta’ żidiet fil-prezzijiet fis-suq Spanjol billi kienet taf jew billi bilfors kellha tkun taf li, billi għamlet hekk, hija kienet qed tagħmel parti mill-akkordju Ewropew, il-Kummissjoni setgħet tattribwilha wkoll ir-responsabbiltà għall-akkordji fuq kwoti ta’ bejgħ konklużi fil-perijodu tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordji fuq żidiet fil-prezz. Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, impriża li tkun ipparteċipat fi ksur multiformi tar-regoli dwar il-kompetizzjoni permezz ta’ aġir tagħha stess, li jaqa’ taħt il-kunċetti ta’ akkordju jew parattika miftiehma li għandhom għan antikompetittiv skond l-Artikolu 81(1) KE, u li huwa intiż biex jikkontribwixxi sabiex jitwettaq il-ksur kollu kemm hu tista’ tinsab responsabbli wkoll għall-aġir ta’ impriżi oħrajn fil-kuntest ta’ l-istess ksur, għall-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmi ksur, ladarba jiġi stabbilit li l-impriża in kwistjoni kienet taf bl-aġir illeċitu tal-parteċipanti l-oħra, jew li hija setgħet raġonevolment tipprevedih u li hija kienet lesta taċċetta r-riskju (is-sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 149 iktar ’il fuq, punt 203).

237    Għaldaqstant, Zicuñaga għandha tinżamm responsabbli għall-akkordju ta’ tqassim tal-kwoti ta’ bejgħ itrattat fil-laqgħa tad-29 ta’ Ġunju 1994.

238    Fir-rigward ta’ l-akkordji ta’ tqassim tas-swieq, jirriżulta mill-premessi 246 sa 251 tad-deċiżjoni li l-Kummissjoni tibbaża l-konstatazzjonijiet tagħha li jikkonċernaw l-eżistenza ta’ tali akkordji, fl-ewwel lok, fuq indikazzjonijiet li jirrigwardaw żewġ laqgħat relativi għas-suq Franċiż organizzati fir-rebbiegħa ta’ l-1994 u fis-6 ta’ Diċembru 1994. Madankollu, id-deċiżjoni ma tfihiex indikazzjoni li tippermetti li jiġi kkunsidrat li Zicuñaga kienet taf dwar il-fatt, jew setgħet raġonevolment tipprevedi, li laqgħat relativi għas-suq Franċiż servew bħala qafas għal akkordji ta’ tqassim tas-suq. F’dan ir-rigward, għall-kuntrarju tal-konstatazzjonijiet tagħha li jikkonċernaw l-akkordji ta’ żidiet fil-prezz, il-Kummissjoni ma qisitx fid-deċiżjoni li l-akkordji ta’ tqassim tas-suq osservati fis-suq Franċiż kienu manifestazzjoni ta’ applikazzjoni deċentralizzata ta’ allegat akkordju Ewropew ta’ tqassim tas-swieq li dwaru l-membri kienu informaw lill-maniġers lokali tad-diversi swieq ikkonċernati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkunsidrat li impriża bħal Zicuñaga, li fir-rigward tagħha huwa paċifiku li hija ma pparteċipatx f’laqgħat kollużivi fi swieq oħra minbarra dak Spanjol, kienet taf, jew setgħet raġonevolment tipprevedi, l-eżistenza ta’ akkordji ta’ tqassim tas-suq imsemmija iktar ’il fuq.

239    Skond il-Kummissjoni, jidher li l-ishma mis-suq kienu fuq l-aġenda tal-laqgħat ġenerali ta’ l-akkordju (premessa 250 tad-deċiżjoni). Madankollu, għandu jiġi mfakkar li huwa paċifiku li Zicuñaga qatt ma ħadet sehem fil-laqgħat ġenerali ta’ l-akkordju. Barra minn hekk, l-elementi ta’ prova mressqa mill-Kummissjoni, fil-premessi 250 u 251 tad-deċiżjoni, in sostenn ta’ l-allegazzjoni tagħha, jirrigwardaw il-laqgħa ġenerali ta’ l-akkordju tat-2 ta’ Frar 1995, jiġifieri laqgħa li saret wara ma ntemm il-perijodu ta’ ksur aċċertat fil-konfront ta’ Zicuñaga fit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 1, tad-deċiżjoni.

240    Għaldaqstant, il-parteċipazzjoni ta’ Zicuñaga fi prattiċi ta’ tqassim tas-suq ma ġietx stabbilita.

241    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, jista’ jiġi konkluż li l-Kummissjoni kellha raġun iżżomm lil Zicuñaga responsabbli għall-prattiċi ta’ attribuzzjoni ta’ kwoti ta’ bejgħ matul il-perijodu tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni żbaljatament akkużat lil Zicuñaga bl-aspett tal-ksur uniku li jirrigwarda akkordji ta’ tqassim tas-suq.

242    Madankollu, dan l-iżball ta’ evalwazzjoni mhuwiex tali li jinvalida l-konstatazzjonijiet li Zicuñaga, fil-kuntest tal-laqgħat dwar is-suq Spanjol, ipparteċipat f’akkordji ta’ żieda fil-prezzijiet, u lanqas l-analiżi li turi li, bl-akkordji tagħha, Zicuñaga ħadet sehem fl-akkordju Ewropew fuq il-prezzijiet tal-karta saħħara, li kkostitwixxa l-aspett essenzjali tal-ksur ikkonstatat fl-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni. Il-kunsiderazzjonijiet magħmula iktar ’il fuq li jirrigwardaw it-tqassim tas-suq mhumiex għaldaqstant tali li jqajmu dubji dawr il-parteċipazzjoni ta’ Zicuñaga f’dan il-ksur. Għandu jiġi kkunsidrat li Zicuñaga, billi pparteċipat għal iżjed minn sena fl-imsemmija inizjattivi fuq il-prezzijiet, setgħet raġonevolment tipprevedi li l-impriżi parteċipanti kienu ser jippruvaw jiffavorizzaw is-suċċess ta’ dawn l-inizjattivi permezz ta’ diversi mekkaniżmi u kienet lesta li taċċetta din l-eventwalità. Fil-kuntest ta’ l-eżami tat-talbiet sussidjarji ta’ Zicuñaga sabiex tikseb tnaqqis tal-multa imposta fuqha fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni, jeħtieġ madankollu li jiġi vverifikat jekk u, fejn xieraq, safejn, in-nuqqas ta’ responsabbiltà ta’ Zicuñaga għall-prattiċi ta’ tqassim tas-suq tiġġustifika tnaqqis fil-multa li ġiet imposta fuqha.

243    Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, il-motiv ta’ Divipa bbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikoli 81 KE u 53 tal-Ftehim ŻEE u dak ta’ Zicuñaga, ibbażat fuq żbalji ta’ evalwazzjoni għandhom jiġu miċħuda.

C –  Fuq il-motivi relativi għat-tul ta’ żmien tal-ksur

244    Numru ta’ rikorrenti, li huma Bolloré, MHTP, Koehler, Mougeot, Torraspapel, Divipa u Zicuñaga, jikkontestaw il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni relativi għat-tul ta’ żmien tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur. Uħud minn dawn ir-rikorrenti (MHTP, Koehler, Mougeot et Torraspapel) jifformulaw l-argumenti tagħhom fil-kuntest ta’ talbiet għall-annullament parzjali ta’ l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni u għat-tnaqqis tal-multa imposta fuqhom fl-Artikolu 3 ta’ l-imsemmija deċiżjoni, filwaqt li oħrajn (Bolloré, Divipa u Zicuñaga) jagħmlu dan fil-kuntest tat-talbiet sussidjarji tagħhom għat-tnaqqis tal-multa. Fir-rigward ta’ dawn l-impriżi msemmija l-aħħar, jirriżulta madankollu mill-atti tagħhom li huma jikkontestaw, essenzjalment, il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata safejn din tikkonstata, fit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 1 tagħha, it-tul ta’ żmien tal-ksur li kommettiet kull waħda minnhom. Għaldaqstant, it-talba tagħhom tista’ tiġi kkwalifikata mill-ġdid bħala waħda intiża sabiex tikseb ukoll l-annullament parzjali tat-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni rigward it-tul ta’ żmien tal-ksur.

245    Bolloré, MHTP, Koehler, Mougeot u Torraspapel bażikament jiżviluppaw l-istess argument, li jsostni li l-Kummissjoni ma stabbilietx il-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju matul il-perijodu preċedenti għal Settembru jew għal Ottubru 1993 jew matul il-perijodu preċedenti għal Jannar 1993, f’dak li jikkonċerna MHTP. Salv għal ċerti affarijiet speċifiċi marbuta mas-sitwazzjoni rispettiva tagħhom, l-argumenti tagħhom, essenzjalment, jallegaw, minn naħa, li, għall-kuntrarju ta’ l-allegazzjonijeit tal-Kummissjoni, mhuwiex stabbilit li l-laqgħat li saru fuq il-livell Ewropew fi ħdan l-AEMCP qabel Settembru jew Ottubru 1993 servew bħala qafas għal akkordji kollużivi rigward prezzijiet u, min-naħa l-oħra, li mhuwiex stabbilit li huma pparteċipaw f’laqgħat kollużivi fuq livell nazzjonali jew reġjonali qabel dan il-perijodu. Qabel kollox, għandhom jiġu eżaminati flimkien l-argumenti rispettivi tad-diversi impriżi msemmija iktar ’il fuq, kif ukoll l-argument addizzjonali ta’ Mougeot li l-Kummissjoni ma stabbilietx il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju wara Lulju ta’ l-1995. Għandhom imbagħad jiġu eżaminati l-motivi esposti minn Divipa u minn Zicuñaga rispettivament.

1.     Fuq il-motivi mqajma minn Bolloré, MHTP, Koehler, Mougeot u Torraspapel

a)     Fuq il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur qabel Settembru jew Ottubru ta’ l-1993

 L-argumenti tal-partijiet

246    Fil-kuntest ta’ motiv ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, Bolloré tallega li l-Kummissjoni ma stabbilietx ir-responsabbiltà tagħha fl-akkordju bejn Jannar ta’ l-1992 u Settembru jew Ottubru ta’ l-1993. Sabiex issostni l-allegazzjoni tagħha, hija tafferma, fl-ewwel lok, li Copigraph ċaħdet li pparteċipat fi kwalunkwe akkordju qabel Settembru ta’ l-1993. Fit-tieni lok, hija tiċħad il-valur probatorju tad-dikjarazzjonijiet ta’ AWA tal-5 ta’ Mejju 1999, ta’ dawk ta’ Mougeot ta’ l-14 ta’ April 1999 u ta’ dawk ta’ Sappi tas-6 ta’ Jannar 1998, li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża ruħha biex tistabbilixxi l-parteċipazzjoni ta’ Copigraph fl-akkordju qabel Settembru 1993. Hija tenfasizza wkoll in-natura kontraddittorja ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet differenti, billi ssostni li dawk ta’ Mougeot jirreferu għal allegati laqgħat ġenerali ta’ l-akkordju filwaqt li dawk ta’ AWA jikkonċernaw allegat akkordju bbażat fuq is-suq Franċiż. Hija ssostni wkoll li l-ewwel żieda fil-prezzijiet implementata minn Copigraph saret f’Diċembru ta’ l-1993, li jeskludi li hija kienet involuta f’akkordju qabel Settembru jew Ottubru ta’ l-1993.

247    Fil-kuntest ta’ motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ provi, MHTP tallega li l-Kummissjoni ma stabbilietx il-parteċipazzjoni tagħha fi ksur qabel Jannar ta’ l-1993. Sabiex issostni din l-allegazzjoni, hija ssostni, fl-ewwel lok, li d-dikjarazzjonijiet ta’ AWA, ta’ Sappi u ta’ Mougeot iċċitati fil-premessi 107 u 108 tad-deċiżjoni ma jurux li l-laqgħatl-AEMCP organizzati fl-1992 servew bħala qafas għal akkordju. Fit-tieni lok, hija ssostni li, għall-kuntrarju tal-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, mhuwiex stabbilit li hija pparteċipat fil-laqgħa tal-5 ta’ Marzu 1992 rigward is-suq Spanjol, fil-laqgħa tar-rebbiegħa ta’ l-1992 rigward is-suq Franċiż u f’dik tas-16 ta’ Lulju 1992 rigward is-swieq Spanjol u Portugiż.

248    Fil-kuntest ta’ motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ provi, Koehler tallega li l-Kummissjoni ma stabbilietx il-parteċipazzjoni tagħha f’akkordju antikompetittiv qabel Ottubru ta’ l-1993. Sabiex issostni din l-allegazzjoni, hija tgħid, fl-ewwel lok, li d-dikjarazzjonijiet ta’ Mougeot u ta’ Sappi invokati mill-Kummissjoni ma jipprovawx li ġew konklużi akkordji kollużivi fi ħdan l-AEMCP qabel Ottubru ta’ l-1993. Hija żżid li l-fatt li saru laqgħat kollużivi fir-rigward ta’ ċertu numru ta’ swieq nazzjonali jew reġjonali qabel Ottubru ta’ l-1993 ma jipprovax l-eżistenza ta’ koordinazzjoni fuq livell Ewropew f’dak iż-żmien. Fit-tieni lok, Koehler issostni li, bil-kontra tal-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, mhuwiex stabbilit li hija pparteċipat fil-laqgħat tas-17 ta’ Frar u tal-5 ta’ Marzu 1992 rigward is-suq Spanjol, fil-laqgħa tar-rebbiegħa ta’ l-1992 rigward is-suq Franċiż, fil-laqgħa tas-16 ta’ Lulju 1992 rigward is-swieq Spanjol u Portugiż, fil-laqgħa ta’ l-14 ta’ Jannar 1993 rigward is-swieq tar-Renju Unit u ta’ l-Irlanda, fil-laqgħa tar-rebbiegħa ta’ l-1993 rigward is-suq Franċiż u fil-laqgħa tat-30 ta’ Settembru 1993 rigward is-suq Spanjol.

249    Fil-kuntest ta’ motiv ibbażat fuq żball manifest ta’evalwazzjoni, Mougeot issostni li l-Kummissjoni ma stabbilietx li hija pparteċipat f’akkordju qabel Ottubru ta’ l-1993. Hija tenfasizza li d-dikjarazzjonijiet ta’ Sappi invokati mill-Kummissjoni ma jsemmuhiex fost il-parteċipanti tal-laqgħat kollużivi organizzati fl-1992 u fl-1993. Hija żżid li, billi ma kinitx membru ta’ l-AEMCP fl-1992, hija kienet preżenti għal-laqgħat organizzati minn din l-assoċjazzjoni fis-26 ta’ Mejju u fl-10 ta’ Settembru 1992 biss bħala membru osservatur u li għandu jiġi kkunsidrat li l-parteċipanti fil-laqgħa ta’ l-AEMCP tad-9 ta’ Frar 1993, li hija l-ewwel laqgħa ta’ din l-assoċjazzjoni li fiha hija pparteċipat bħala membru tagħha, ma semmewx l-eżistenza jew il-bżonn ta’ akkordju fil-preżenza tagħha.

250    Mougeot issostni ulterjorment li, fil-premessa 111 tad-deċiżjoni, il-Kummissjoni tgħawweġ il-kontenut tad-dikjarazzjonijiet tagħha ta’ l-14 ta’ April 1999. Hija tiċħad, barra minn hekk, kull valur probatorju tad-dikjarazzjoni ta’ Sappi ċċitata mill-Kummissjoni fil-premessa 112 tad-deċiżjoni sabiex issostni l-argument tagħha li l-laqgħat uffiċjali ta’ l-AEMCP servew bħala qafas għal laqgħat kollużivi fuq il-prezzijiet qabel ir-ristrutturar ta’ l-assoċjazzjoni li saret f’ Settembru ta’ l-1993.

251    Fil-kuntest ta’ motiv ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata ta’ l-Artikolu 81(1) KE u l-ksur tal-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ l-innoċenza u ta’ regola proċedurali essenzjali, Torraspapel tallega li ma teżisti l-ebda prova ta’ l-allegata parteċipazzjoni tagħha fi ksur fil-perijodu bejn Jannar ta’ l-1992 u Settembru ta’ l-1993. Torraspapel tagħmel xi kummenti preliminari fuq ir-riskji ta’ denunzja strateġika marbuta mal-politika l-ġdida ta’ klemenza tal-Kummissjoni u fuq in-nuqqas ta’ valur probatorju tad-dikjarazzjonijiet ta’ AWA, ta’ Sappi u ta’ Mougeot invokati mill-Kummissjoni sabiex issostni l-argument tagħha. Hija tikkontesta sussegwentement, fl-ewwel lok, li l-laqgħat uffiċjali ta’ l-AEMCP servew bħala qafas għal akkordju fuq il-prezzijiet sa Settembru ta’ l-1993. Fit-tieni lok, hija ssostni li, kuntrarjament għall-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, hija ma pparteċipatx fil-laqgħat tas-17 ta’ Frar u tal-5 ta’ Marzu 1992 rigward is-suq Spanjol, fil-laqgħat tar-rebbiegħa ta’ l-1992 u tar-rebbiegħa ta’ l-1993 rigward is-suq Franċiż u fil-laqgħa tas-16 ta’ Lulju 1992 rigward is-suq Spanjol u Portugiż.

252    Il-Kummissjoni tikkontesta l-kritika li tikkonċerna l-valur probatorju tad-dikjarazzjonijiet ta’ AWA, ta’ Sappi u ta’ Mougeot. Dawn id-dikjarazzjonijiet jispjegaw l-organizzazzjoni ta’ l-akkordju, inkluż fl-1992. Il-Kummissjoni barra minn hekk twieġeb wieħed wieħed l-argumenti tar-rikorrenti rigward in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tagħhom fid-diversi laqgħat nazzjonali jew reġjonali in kwistjoni.

 Id-deċiżjoni

253    Skond it-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni, Bolloré, MHTP, Koehler u Torraspapel ipparteċipaw fil-ksur minn Jannar ta’ l-1992 sa Settembru ta’ l-1995, filwaqt li, skond din l-istess dispożizzjoni, Mougeot ipparteċipat fih minn Mejju ta’ l-1992 sa Settembru ta’ l-1995.

254    Is-siltiet rilevanti tad-deċiżjoni f’dak li jikkonċerna l-parteċipazzjoni tal-ħames rikorrenti involuti fil-ksur fil-perijodu bejn Jannar jew Mejju ta’ l-1992, skond il-każ, u Settembru jew Ottubru ta’ l-1993, huma s-segwenti:

“ (83) L-organizzazzjoni u l-koordinazzjoni ta’ l-akkordju fuq il-livell taż-ŻEE saret fil-laqgħat ġenerali ta’ l-akkordju li ġew imsejħa taħt il-kopertura ta’ laqgħat uffiċjali ta’ l-organizzazzjoni kummerċjali, l-AEMCP.

(84)      F’dawn il-laqgħat ġenerali, il-parteċipanti ħadu deċiżjonijiet b’mod ġenerali fuq il-kalendarju ta’ implementazzjoni u l-ammont (f’perċentwali) taż-żieda fil-prezz għal kull pajjiż taż-ŻEE. Huma ftehmu fuq numru ta’ żidiet fil-prezz konsekuttivi, għal numru ta’ xhur minn qabel.

(85)      Il-laqgħat ta’ l-AEMCP servew bħala qafas għal-laqgħat ta’ l-akkordju mill-inqas mix-xahar ta’ Jannar ta’ l-1992 sax-xahar ta’ Settembru ta’ l-1993 […]

(87)      Ir-rata ta’ parteċipazzjoni fil-laqgħat ta’ l-AEMCP kienet ġeneralment elevata u, fi żmien il-ksur, il-produtturi kollha li f’dak iż-żmien kienu membri ta’ l-AEMCP kienu jipparteċipaw fihom: AWA, Binda, Copigraph, Koehler, Mougeot, Stora, Torraspapel/Sarrió u Zanders.”

255    Barra minn hekk, jirriżulta mill-premessi 107 sa 113 li Sappi ammettiet l-eżistenza ta’ akkordju bejn produtturi kompetituri matul il-laqgħat regolari li seħħew mill-inqas mill-bidu tas-sena 1992. Impjegat ta’ Sappi ddikjara li dawn il-laqgħat seħħew “fuq il-livell Komunitarju” mill-1991. AWA ammettiet ukoll li dawn il-laqgħat saru mill-bidu tas-sena 1992. Mougeot, li saret membru ta’ l-AEMCP fl-aħħar tas-sena 1992, għamlet xi dikjarazzjonijiet (dokument Nru 7647, imsemmi fil-punt 165 iktar ’il fuq) li jikkonċernaw il-kontenut ta’ laqgħa uffiċjali ta’ l-AEMCP li saret fl-1993, li minnha l-Kummissjoni tiddeduċu li r-rikostituzzjoni ta’ l-assoċjazzjoni kienet tinvolvi r-ristrutturar ta’ l-akkordju. Mougeot ddikjarat:

“Mingħajr dubju fl-okkażjoni tal-laqgħa uffiċjali ta’ l-AEMCP ta’ l-14 ta’ Settembru 1993 fi Frankfurt jew dik ta’ qabel, f’kull każ meta [s-Sur B] sar il-kap tad-Diviżjoni Ġenerali tad-dipartiment tal-‘karta saħħara’ ta’ AWA, is-Sur B. kjarament iddeċieda li jistieden għal laqgħat ‘mhux uffiċjali’ l-produtturi prinċipali ta’ karta saħħara f’kull suq u li jbiddel l-organizzazzjoni tal-laqgħat uffiċjali ta’ l-AEMCP. [Is-Sur B.] iddeċieda li minn dakinhar ‘il quddiem, avukat kellu jassisti għal kull laqgħa ta’ l-AEMCP sabiex dawn il-laqgħat jingħataw dehra uffiċjali u ma jiġu protetti minn kull kritika. Min-naħa l-oħra, huwa ddeċieda li kulma għandu x’jaqsam mal-prezzijiet ma kienx se jiġi diskuss iżjed f’dawn il-laqgħat iżda biss f’laqgħat ‘mhux uffiċjali’.”

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

256    Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, f’dak li jikkonċerna l-amministrazzjoni tal-prova ta’ ksur ta’ l-Artikolu 81(1) KE, il-Kummissjoni għandha tressaq il-prova tal-ksur li hija tkun ikkonstatat u għandha tistabbilixxi l-elementi ta’ prova li huma kapaċi juru, suffiċjentement skond il-liġi, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C-185/95 P, Ġabra p. I‑8417, punt 58, u Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 149 iktar ’il fuq, punt 86).

257    Għalhekk, jeħtieġ li l-Kummissjoni tipproduċi provi preċiżi u konsistenti biex ikollha l-konvinzjoni ċerta li l-ksur seħħ (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Lulju 2000, Volkswagen vs Il-Kummissjoni, T-62/98, Ġabra p. II‑2707, punt 43, u l-ġurisprudenza ċċitata).

258    Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li kull waħda mill-provi mressqa mill-Kummissjoni m’għandhiex neċessarjament tissoddisfa dawn il-kriterji fir-rigward ta’ kull element tal-ksur. Huwa suffiċjenti li l-indizji invokati mill-istituzzjoni, evalwati globalment, jissoddisfaw dan ir-rekwiżit (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punti 513 sa 520). Barra minn hekk, kif il-Qorti tal-Prim’Istanza diġà esponiet fil-punti 155 u 166 iktar ’il fuq, il-provi għandhom jiġu evalwati flimkien u d-dikjarazzjonijiet magħmula fil-kuntest tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ma jistgħux, biss minħabba dan il-fatt, jiġu kkunsidrati bħala neqsin minn valur probatorju.

259    Jirriżulta mid-deċiżjoni li l-Kummissjoni tibbaża r-responsabbiltà tal-ħames rikorrenti kkonċernati matul il-perijodu bejn Jannar ta’ l-1992, jew Mejju ta’ l-1992 fir-rigward ta’ Mougeot, u Settembru jew Ottubru ta’ l-1993, fuq il-parteċipazzjoni tagħhom f’kuntatti kollużivi u f’sistema ta’ laqgħat kollużivi li jorbtu, minn naħa, laqgħat uffiċjali ta’ l-AEMCP, li, hija ssostni, servew bħala qafas għal akkordji fuq il-prezzijiet, u, min-nħala l-oħra, laqgħat nazzjonali jew reġjonali ta’ l-akkordju.

260    Għandha tiġi analizzata, l-ewwel nett, l-allegata sistema ta’ laqgħat kollużivi, komposta minn laqgħat uffiċjali ta’ l-AEMCP u laqgħat nazzjonali jew reġjonali ta’ l-akkordju u, it-tieni nett, il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti kkonċernati f’dawn il-laqgħat qabel Settembru jew Ottubru ta’ l-1993.

–       Fuq l-allegata sistema ta’ laqgħat kollużivi

Laqgħat uffiċjali ta’ l-AEMCP qabel Settembru jew Ottubru ta’ l-1993

261    Qari tal-premessi 107 sa 113, 254 sa 256 u 295 tad-deċiżjoni jindika li, in sostenn ta’ l-allegazzjonijiet tagħha li jikkonċernaw iż-żamma, qabel Settembru jew Ottubru ta’ 1993, ta’ laqgħat ġenerali (Ewropej) ta’ l-akkordju fil-kuntest tal-laqgħat uffiċjali ta’ l-AEMCP, il-Kummissjoni tinvoka, fl-ewwel lok, id-dikjarazzjonijiet ta’ Mougeot li jinsabu fid-dokument Nru 7647 (ara l-punt 255 iktar ’il fuq), fit-tieni lok, ix-xhieda ta’ impjegat ta’ Sappi kif ukoll id-dikjarazzjonijiet ta’ Sappi u ta’ AWA, u, fit-tielet lok, l-eżistenza ta’ bosta provi li jikkonfermaw l-organizzazzjoni ta’ laqgħat nazzjonali jew reġjonali ta’ l-akkordju minn Jannar ta’ l-1992, li se jiġu ttrattati fil-punti 281 et seq.

262    Fl-ewwel lok, skond il-premessi 113 u 254 tad-deċiżjoni, jirriżulta li d-dikjarazzjonijiet ta’ Mougeot (dokument Nru 7647) riprodotti fil-premessa 108 ta’ l-imsemmmija deċiżjoni u ċċitati fil-punt 255 iktar ’il fuq, jikkostitwixxu l-element ċentrali tal-prova tal-Kummissjoni fuq dan il-punt.

263    F’dan ir-rigward, preliminarjament, għandhom jiġu skartati l-allegazzjonijiet ta’ Mougeot rigward allegat tagħwiġ mill-Kummissjoni tal-kontenut tad-dikjarazzjonijiet tagħha. Meta l-premessa 108 tad-deċiżjoni titqabbel mad-dokument Nru 7647, li fih jinsabu d-dikjarazzjonijiet ikkonċernati, jirriżulta li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni, għamlet riproduzzjoni litterali u fidila tad-dikjarazzjonijiet ta’ Mougeot inklużi fid-dokument imsemmi iktar ’il fuq.

264    Barra minn hekk, bħala risposta għall-argument imqajjem minn Koehler, għandu jiġi kkunsidrat li t-tifsira partikolarment ċara tad-dikjarazzjonijiet ta’ Mougeot tiġġustifika l-fatt li, kif jirriżulta mill-premessa 295 tad-deċiżjoni, il-Kummissjoni ma tagħti l-ebda valur lit-tiċħid ulterjuri ta’ Mougeot fir-risposta tagħha għad-DO.

265    Għandu jiġi miċħud ukoll l-argument ta’ Torraspapel li l-allegazzjonijiet li kienu jinsabu fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 97 tad-deċiżjoni juru li l-Kummissjoni stess tiddubita l-valur probatorju tad-dikjarazzjonijiet ta’ Mougeot. Fil-fatt, il-fatt li, f’din in-nota ta’ qiegħ il-paġna, il-Kummissjoni, fid-dawl tal-kontenut tad-dokumenti li kienu jinsabu fil-fajl, irrespinġiet l-affermazzjoni ta’ Mougeot li din kienet preżenti għall-ewwel darba f’laqgħa ta’ l-AEMCP fid-9 ta’ Frar 1993, ma jistax jiġi interpretat bħala l-espressjoni ta’ dubju ġenerali tal-Kummissjoni f’dak li jikkonċerna l-valur probatorju ta’ l-affermazzjonijiet ta’ Mougeot. Barra minn hekk, b’differenza ta’ l-affermazzjoni ta’ Mougeot imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 97 tad-deċiżjoni, id-dikjarazzjonijiet riprodotti fil-premessa 108 ta’ l-imsemmija deċiżjoni m’huma kkontradetti minn ebda prova li tista’ tqajjem dubji dwar il-valur probatorju ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet.

266    Jirriżulta minn dawn id-dikjarazzjonijiet ta’ Mougeot li, matul laqgħa uffiċjali ta’ l-AEMCP, ġie deċiż mis-Sur B., meta ġie appuntat kap tad-diviżjoni ġenerali tad-dipartiment “Karta saħħara” ta’ AWA, li jorganizza mill-ġdid l-attivitajiet ta’ l-AEMCP billi minn dak il-mument ’il quddiem il-laqgħat uffiċjali ta’ l-assoċjazzjoni isiru fil-preżenza ta’ avukat, sabiex “ma jkunux kritikabbli”, billi ma jiġix iżjed diskuss, f’dawn l-imsemmija laqgħat, “kulma għandu x’jaqsam mal-prezzijiet” u billi jsejjaħ għaldaqstant “laqgħat mhux uffiċjali” sabiex jiġu diskussi dawn il-kwistjonijiet. Id-dikjarazzjonijiet ta’ Mougeot jfissru kjarament illi, qabel l-organizzazzjoni mill-ġdid ta’ l-attivitajiet ta’ l-AEMCP deċiża mis-Sur B. (AWA), il-laqgħat uffiċjali ta’ l-AEMCP servew bħala qafas għal diskussjonijiet rigward il-prezzijiet. Dawn id-diskussjonijiet kienu jikkostitwixxu preċiżament l-element kritikabbli ta’ dawn il-laqgħat.

267    L-ebda waħda mir-rikorrenti kkonċernati ma tikkontesta l-indikazzjoni, li tinsab fil-premessa 110 tad-deċiżjoni, li l-ewwel laqgħa uffiċjali ta’ l-AEMCP li saret fil-preżenza ta’ avukat saret fit-18 ta’ Novembru 1993. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kellha raġun tikkonkludi li d-deċiżjoni tas-Sur B. li jirristruttura l-attivitajiet u l-laqgħat ta’ l-AEMCP ittieħdet matul il-laqgħa uffiċjali ta’ din l-assoċjazzjoni li ppreċediet immedjatament il-laqgħa tat-18 ta’ Novembru 1993, jiġifieri l-laqgħa ta’ l-14 ta’ Settembru 1993. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qieset ġustament li fil-kuntest ta’ laqgħat uffiċjali ta’ l-AEMCP sal-laqgħa ta’ l-14 ta’ Settembru 1993 saru diskussjonijiet fuq il-prezzijiet.

268    Din il-kunsiderazzjoni hija sostnuta mill-premessi 115 sa 121 tad-deċiżjoni li minnhom jirriżulta li, wara din id-deċiżjoni ta’ ristrutturar, saru, barra mil-laqgħat uffiċjali ta’ l-AEMCP, laqgħat mhux uffiċjali li l-għan tagħhom kien li tiġi miftiehma żieda fil-prezzijiet fiż-ŻEE.

269    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tinvoka s-silta, riprodotta fil-premessa 112 tad-deċiżjoni, tax-xhieda (dokument Nru 5407, annessa mad-DO) ta’ persuna ingaġġata minn Sappi fi Frar ta’ l-1993 li kienet tiftakar li l-kollegi tagħha “kienu jiġu lura minn laqgħat, inklużi l-laqgħat ta’ l-AEMCP, b’idea preċiża taż-żidiet fil-prezzijiet li kienu se jiġu applikati u li r-reazzjonijiet tal-kompetituri kienu jħalluhom relativament indifferenti”.

270    Għall-kuntrarju ta’ l-allegazzjonijiet ta’ ċerti rikorrenti, it-tifkiriet ta’ dan l-impjegat ta’ Sappi bl-ebda mod ma ġew espressi b’ton ta’ dubju jew ta’ prudenza. Fin-nuqqas ta’ indikazzjoni li turi l-kuntrarju, għandhom jiġu interpretati bħala li jkopru kemm il-perijodu ta’ qabel kif ukoll il-perijodu ta’ wara Settembru ta’ l-1993. Huma jikkonfermaw, għall-perijodu ta’ bejn Frar u Settembru ta’ l-1993, li laqgħat kollużivi li kienu jirrigwardaw żieda fil-prezz fuq livell Ewropew seħħew fil-kuntest ta’ laqgħat uffiċjali ta’ l-AEMCP, li, mill-bqija, ma ġiex ikkontestat mill-impriżi li ammettew il-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju mill-1992.

271    F’dan l-istadju ta’ l-analiżi, jirriżulta għaldaqstant li l-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li, qabel Settembru ta’ l-1993, ġew konklużi akkordji fuq il-prezzijiet fil-kuntest ta’ laqgħat uffiċjali ta’ l-AEMCP. Issa għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni kellhiex raġun tikkonstata li l-użu tal-laqgħat uffiċjali ta’ l-AEMCP bħala qafas għal tali akkordji bediex l-iktar tard f’Jannar ta’ l-1992 u kompla b’mod kontinwu sa Settembru ta’ l-1993.

272    F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-premessi 86 u 113 tad-deċiżjoni, li, in sostenn tal-konstatazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-ewwel laqgħa uffiċjali ta’ l-AEMCP li tagħha hija għandha provi bil-miktub hija dik tat-23 ta’ Jannar 1992. Billi qabblet din l-indikazzjoni, minn naħa, ma’ l-allegati dikjarazzjonijiet konkordanti ta’ AWA u ta’ Sappi, iċċitati fil-premessa 107 tad-deċiżjoni, li jikkonfermaw li saru laqgħat kollużivi fuq livell Ewropew mill-bidu tas-sena 1992, u, min-naħa l-oħra, mal-provi li jikkonfermaw il-fatt li l-organizzazzjoni ta’ laqgħat regolari u ta’ kuntatti fuq livell nazzjonali jew reġjonali bdiet f’Jannar ta’ l-1992 (l-istess premessa), hija tqis li l-akkordju Ewropew fuq il-prezzijiet beda, l-iktar tard, fix-xahar ta’ Jannar ta’ l-1992. Il-Kummissjoni żżid, fil-premessa 113 tad-deċiżjoni, li d-dokumenti fil-pussess tagħha jindikaw li, bejn Jannar ta’ l-1992 u l-laqgħa ta’ l-14 ta’ Settembru 1993, saru tmien laqgħat, kollha fi Zurich.

273    Jista’ l-ewwel nett jiġi kkonstatat li l-ebda rikorrenti ma tiddubita l-eżattezza ta’ l-indikazzjonijiet tad-deċiżjoni li jikkonċernaw iż-żamma ta’ laqgħa uffiċjali ta’ l-AEMCP fit-23 ta’ Jannar 1992.

274    It-tieni nett, għandu jiġi rilevat, fl-ewwel lok, li, fid-dikjarazzjoni tagħha (dokumenti Nru 7828 u 7829, ara l-punt 163 iktar ’il fuq) imsemmija mill-Kummissjoni fil-premessa 107 tad-deċiżjoni, AWA tirrikonoxxi li, mill-bidu tas-sena 1992, hija pparteċipat ma’ diversi kompetituri f’ċerti laqgħat “irregolari” (improper) li servew bħala qafas għal skambji ta’ intenzjonijiet dwar id-dikjarazzjonijiet ta’ żieda fil-prezzijiet. Din il-konfessjoni ta’ AWA tikkonċerna, skond ir-risposta tagħha għat-talba tal-Kummissjoni biex tagħti informazzjoni (dokument Nru 7829), laqgħat li fihom ipparteċipaw Sarrió, Mougeot, Stora-Feldmühle, Copigraph, Koehler u Zanders, u li seħħew bejn l-1992 u l-1995, f’Pariġi, fi Zurich u f’Ġinevra. Issa, Zurich hija l-belt li fiha, kif jirriżulta mit-tabella A ta’ l-anness I tad-deċiżjoni, saru l-laqgħat uffiċjali kollha ta’ l-AEMCP organizzati bejn Jannar ta’ l-1992 u Settembru ta’ l-1993.

275    Madankollu, skond ir-risposta ta’ AWA (dokument Nru 7827), is-silta msemmija fil-premessi 61 u 107 tad-deċiżjoni tikkonċerna ċ-ċirkustanzi partikolari tal-laqgħat li saru mill-1 ta’ Jannar 1992 sad-data meta nkitbet din ir-risposta, bl-esklużjoni tal-laqgħat uffiċjali ta’ l-AEMCP, b’mod li jista’ jiġi dedott minn dan li hija eskludiet il-laqgħat kollha ta’ l-AEMCP bħala neqsin minn karattru kollużiv. Peress li l-eżistenza ta’ dubju raġonevoli għandu jibbenefika lir-rikorrenti, skond il-prinċipju tal-benefiċċju tad-dubju, għandu jiġi kkunsidrat li, waħedhom, id-dikjarazzjonijiet ta’ AWA ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li l-laqgħa uffiċjali ta’ l-AEMCP tat-23 ta’ Jannar 1992 serviet bħala qafas għal akkordju fuq il-prezzijiet. Dawn jikkostitwixxu madankollu indikazzjoni sostanzjali ta’ l-eżistenza ta’ akkordju fuq livell Ewropew mill-bidu tas-sena 1992.

276    Fit-tieni lok, fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet ta’ Sappi imsemmija fil-premessa 107 tad-deċiżjoni, jirriżulta mill-premessa 73 ta’ l-imsemmija deċiżjoni li l-Kummissjoni tirreferi għad-“dikjarazzjonijiet ta’ Sappi [li jissuġġerixxu] li saru kuntatti ta’ natura kollużiva bejn il-fabbrikanti Ewropej tal-karta saħħara malli nħalqet l-organizzazzjoni professjonali tagħhom, l-AEMCP, fl-1981, u fuq kollox minn nofs is-snin tmenin”.

277    Fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 64 tad-deċiżjoni (dokument Nru 4656), il-Kummissjoni tispeċifika li:

“Sappi għaddiet lill-Kummissjoni dikjarazzjoni ta’ wieħed mill-impjegati tagħha li kien inkarigat mill-bejgħ tal-karta saħħara mis-snin [70], li tgħid li ‘[h]uwa beda jissuspetta bl-eżistenza ta’ kollużjoni fuq il-karta saħħara lejn nofs is-snin 80 minħabba rimarki magħmula mill-maniġment […] [huwa] ħaseb li din il-kollużjoni kienet tinvolvi lil Arjo Wiggins, Koehler u Stora‑Feldmühle, fost oħrajn [u huwa] kien jaf dwar l-iskambji bilaterali ta’ informazzjoni min-nofs jew mill-aħħar tas-snin 80’. ”

278    Dikjarazzjoni ta’ impjegat ieħor ta’ Sappi tindika li saru kuntatti u laqgħat kollużivi bejn kompetituri mill-1991 sa l-1993 fuq il-livell Komunitarju. Dan l-impjegat ta’ Sappi jiddikjara li huwa ħaseb li dawn il-kuntatti ħolqu kollużjoni u li l-fornituri kienu jiddiskutu bejniethomd il-prezzijiet fuq livell Komunitarju.

279    Id-dikjarazzjonijiet ta’ l-impjegati ta’ Sappi msemmija fil-punti preċedenti huma tali li jistabbilixxu li akkordju fuq il-prezzijiet li kien jimplika xi produtturi eżista fuq il-livell Ewropew mill-aħħar tas-snin 80 jew mill-bidu tas-snin 90. Barra minn hekk, dawn jikkorroboraw dawk ta’ AWA fuq l-eżistenza ta’ akkordju fuq livell Ewropew mill-bidu tas-sena 1992. Min-naħa l-oħra, dawn ma jippermettux li jiġi affermat li l-laqgħa uffiċjali ta’ l-AEMCP tat-23 ta’ Jannar 1992 serviet bħala qafas għal kuntatti kollużivi. Għalhekk, bħad-dikjarazzjonijiet ta’ AWA, dawn ma jawtorizzawx għaldaqstant, fihom infushom, li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni stabbiliet korrettement li akkordji kollużivi fuq il-prezzijiet ġew konklużi minn Jannar ta’ l-1992 fil-kuntest tal-laqgħat uffiċjali ta’ l-AEMCP.

280    Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat it-tielet fattur imressaq mill-Kummissjoni, preċiżament, l-organizzazzjoni, mill-bidu tas-sena 1992, ta’ laqgħat u ta’ kuntatti kollużivi fuq livell nazzjonali jew reġjonali viċin il- laqgħat uffiċjali ta’ l-AEMCP.

Laqgħat fuq livell nazzjonali jew reġjonali qabel Settembru jew Ottubru ta’ l-1993

281    Jirriżulta mit-tabella 3 intitolata “Laqgħat nazzjonali u reġjonali ta’ l-akkordju minn Frar ta ‘ l-1992 sar-rebbiegħa ta’ l-1995 ” u riprodott fil-premessa 129 tad-deċiżjoni li l-Kummissjoni tikkonstata ż-żamma ta’ seba’ laqgħat nazzjonali jew reġjonali bejn Frar ta’ l-1992 u t-30 ta’ Settembru 1993. Skond iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dawn il-laqgħat ipprovduti fl-anness II tad-deċiżjoni :

–        fis-17 ta’ Frar 1992 saret laqgħa li kienet tikkonċerna s-suq Spanjol li għaliha kienu preżenti Koehler u Torraspapel, fost oħrjan;

–        fil-5 ta’ Marzu 1992 saret laqgħa li kienet tikkonċerna s-suq Spanjol li għaliha kienu preżenti Stora (MHTP), Koehler u Torraspapel, fost oħrajn;

–        fir-rebbiegħa ta’ l-1992, x’aktarx f’April, saret laqgħa li kienet tikkonċerna s-suq Franċiż li għaliha kienu preżenti Copigraph (kumpannija sussidjarja ta’ Bolloré), Stora (MHTP), Koehler, Mougeot u Torraspapel, fost oħrajn;

–        fis-16 ta’ Lulju 1992 saret laqgħa li kienet tikkonċerna s-suq Spanjol li għaliha kienu preżenti Stora (MHTP), Koehler u Torraspapel, fost oħrajn;

–        fl-14 ta’ Jannar 1993 saret laqgħa li kienet tikkonċerna s-swieq tar-Renju Unit u ta’ l-Irlanda li għaliha kienu preżenti Stora (MHTP) u Koehler, fost oħrajn;

–        fir-rebbiegħa ta’ l-1993, x’aktarx f’April, saret laqgħa li kienet tikkonċerna s-suq Franċiż li għaliha kienu preżenti Copigraph (kumpannija sussidjarja ta’ Bolloré), Stora (MHTP), Koehler, Mougeot u Torraspapel, fost oħrajn;

–        fit-30 ta’ Settembru 1993, saret laqgħa li kienet tikkonċerna s-suq Spanjol li għaliha kienu preżenti Copigraph (kumpannija sussidjarja ta’ Bolloré), Stora (MHTP), Koehler, Mougeot u Torraspapel, fost oħrajn.

282    Għandu jiġu vverifikat il-mertu tal-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni rigward iż-żamma ta’ dawn il-laqgħat u l-għan antikompetittiv tagħhom.

283    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-laqgħa tas-17 ta’ Frar 1992 rigward is-suq Spanjol, il-Qorti tal-Prim’Istanza diġà kkonstatat fil-punti 161 sa 169 iktar ’il fuq li din il-laqgħa, intiża sabiex tiġi ggarantita l-osservanza ta’ akkordju ta’ żieda fil-prezzijiet fis-suq Spanjol, kellha għan kollużiv li kien jaqbel ma’ l-għan ġenerali tal-ksur.

284    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-laqgħa tal-5 ta’ Marzu 1992, jirriżulta wkoll mill-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 161 sa 170 iktar ’il fuq li kemm iż-żamma kif ukoll l-għan antikompetittiv ta’ din il-laqgħa ġew stabbiliti.

285    Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-laqgħat tar-rebbiegħa ta’ l-1992 u tar-rebbiegħa ta’ l-1993 rigward is-suq Franċiż, iż-żamma u l-għan antikompetittiv tagħhom jirriżultaw mid-dikjarazzjonijiet ta’ impjegati ta’ Sappi li jinsabu fid-dokumenti Nru 15026, 15027 u 15272, iċċitati fil-premessa 137 tad-deċiżjoni u annessi mad-DO.

286    Is-silta mid-dikjarazzjoni ta’ Sappi li tinsab fid-dokument Nru 15272 tgħid kif ġej:

“Id-direttur (f’dak iż-żmien) tad-dipartiment ta’ bejgħ ta’ Sappi (UK) Ltd fi France ddikjara li huwa kien assista flimkien mal-kap tiegħu, [Is-Sur W.], għal żewġ laqgħat ma’ kompetituri fi Franza. L-ewwel waħda saret fir-rebbiegħa ta’ l-1992 u t-tieni waħda sena wara. Waħda saret f’lukanda fl-ajruport Charles-de-Gaulle u l-oħra fiċ-ċentru ta’ Pariġi. Huma l-uniċi laqgħat ta’ dan it-tip li huwa pparteċipa fihom u huwa ma jafx jekk kienx hemm oħrajn minnhom fi Franza.

F’dawn il-laqgħat, id-diskussjoni kienet prinċipalment iffukata fuq il-folji, li f’dak iż-żmien Sappi ma kinitx tbigħ fi Franza. Il-laqgħat ma wasslux għal qbil jew għal xi tip ta’ ftehim fuq il-folji. Fir-rigward tal-bobini, id-diskussjoni kienet iffukata fuq il-livelli ta’ prezz ta’ l-imgħoddi u attwali, u mhux fuq dawk ta’ prezzijiet futuri. ”

287    Barra minn hekk, fit-tabella (dokument Nru 15200, annessa mad-DO) li tinsab fir-risposta tagħha tat-18 ta’ Mejju 1999 għal talba tal-Kummissjoni għal informazzjoni, Sappi indikat li saru laqgħat f’diversi dati fir-rebbiegħa ta’ l-1992 u fir-rebbiegħa ta’ l-1993, x’aktarx f’April, f’Pariġi, fl-ajruport ta’ Charles‑de‑Gaulle u f’lukanda viċin il-Place de l’Étoile. Skond din it-tabella, l-għan ta’ dawn il-laqgħat kien li tiġi skambjata informazzjoni u li jiġu diskussi l-klijenti u l-prezzijiet li kienu qed jiġu applikati fil-konfront tagħhom. Sappi tindika li f’dawn il-laqgħat ipparteċipaw rappreżentanti ta’ Sappi, ta’ AWA, ta’ Sarrió, ta’ Zanders, ta’ l-aġent fi Franza ta’ Zanders, ta’ Europapier u ta’ Feldmühle. Hija tafferma li ma tiftakarx jekk rappreżentant ta’ Koehler kienx preżenti għalihom.

288    L-indikazzjonijiet riprodotti fil-punti preċedenti juru li l-impjegat ta’ Sappi li ta din l-informazzjoni, li assista personalment għall-avvenimenti diskussi, jiftakar bi preċiżjoni dwar iż-żamma, fir-rebbiegħa ta’ l-1992 u fir-rebbiegħa ta’ l-1993, ta’ żewġ laqgħat bejn kompetituri f’Pariġi, li l-għan tagħhom kien, essenzjalment, li jiġu diskussi l-klijenti u l-prezzijiet li kienu qed jiġu applikati fil-konfront tagħhom. In-nuqqas ta’ preċiżjoni fir-rigward tal-mument eżatt meta saru dawn il-laqgħat jidher li jista’ jiġi spjegat miż-żmien kunsiderevoli li għadda bejn il-fatti kontenzjużi u l-mument li fih dan l-impjegat intalab jirrakkonta t-tifkiriet tiegħu u mhuwiex tali li jbiddel in-natura preċiża tax-xhieda tiegħu f’dak li jikkonċerna l-perijodu li fih saru l-laqgħat ikkonċernati, il-post u l-għan tagħhom. Dan in-nuqqas ta’ preċiżjoni ma jistax għaldaqstant ineħħi l-valur probatorju tad-dikjarazzjonijiet ta’ l-impjegat ta’ Sappi f’dak li jikkonċerna dawn l-aspetti differenti.

289    Fir-rigward tal-laqgħa tar-rebbiegħa ta’ l-1993, għandu jiġi miżjud li d-dokumenti Nru 4798, 4799 u 5034, iċċitati mill-Kummissjoni fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 135 tad-deċiżjoni, jaqblu ma’ noti ta’ l-ispejjeż ta’ l-ivjaġġar u juru li s-Sur F. (Koehler) u s-Sur W. (Stora-Feldmühle) it-tnejn li huma marru Pariġi fl-14 ta’ April 1993. Din l-indikazzjoni ssostni l-argument tal-Kummissjoni li l-laqgħa tar-rebbiegħa ta’ l-1993 saret fix-xahar ta’ April.

290    Ċertament, jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet ta’ l-impjegat ta’ Sappi, iċċitati fil-punt 286 iktar ’il fuq li, skond dak li jiftakar, l-ebda akkordju fuq il-prezzijiet ma ġie konkluż fil-laqgħat tar-rebbiegħa ta’ l-1992 u tar-rebbiegħa ta’ l-1993. Madankollu, l-indikazzjoni li l-parteċipanti f’dawn il-laqgħat ma waslux għal qbil jew għal xi tip ta’ ftehim f’dak li jikkonċerna l-folji għandha tiġi interpretata bħala li tfisser li saru tentattivi f’dan is-sens f’dawn il-laqgħat f’dak li jikkonċerna l-folji, li jagħati karattru illegali lil dawn il-laqgħat.

291    Fil-fatt, fil-kuntest ta’ dawn it-tentattivi, il-parteċipanti bilfors waslu sabiex jiskambjaw informazzjoni individwali fuq il-prezzijiet tagħhom u/jew fuq il-volumi ta’ bejgħ tagħhom f’dak li jikkonċerna l-folji. Issa, skond il-ġurisprudenza (is-sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 149 iktar ’il fuq, punti 117 u 121), il-ħtieġa ta’ l-awtonomija tal-politika ta’ kull operatur ekonomiku, li hija inerenti għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat relativi għall-kompetizzjoni, timpedixxi strettament kull kuntatt dirett jew indirett ta’ tali operaturi li jkun tali jew li jinfluwenza l-aġir fis-suq ta’ kompetitur attwali jew potenzjali, jew li jiżvela lit-tali kompetitur l-aġir fis-suq li wieħed iddeċieda li, jew bi ħsiebu, jadotta fis-suq, ladarba dawn il-kuntatti jkollhom bħala għan jew bħala effett li jwasslu għal kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li ma jikkorrispondux mal-kundizzjonijiet tas-suq in kwistjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi preżunt, b’riżerva għal kull prova kuntrarja li huwa f’idejn l-operaturi interessati li jipproduċu, li l-impriżi li jipparteċipaw f’kooperazzjoni u li jibqgħu attivi fis-suq jieħdu in kunsiderazzjoni l-informazzjoni skambjata mal-kompetituri tagħhom biex jiddeterminaw l-aġir tagħhom fis-suq. Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, għandu jiġi ammess li l-laqgħat tar-rebbiegħa ta’ l-1992 u tar-rebbiegħa ta’ l-1993, fir-rigward tas-suq tal-folji, servew bħala qafas għal kooperazzjoni li tmur kontra l-Artikolu 81(1) KE.

292    Barra minn hekk, id-dikjarazzjonijiet ta’ l-impjegat ta’ Sappi msemmija fil-punt 286 iktar ’il fuq jistabbilixxu, fir-rigward tal-bobini, skambji ta’ informazzjoni kif ukoll ta’ diskussjonijiet, waqt il-laqgħat, fuq l-klijenti u fuq il-prezzijiet li kienu qed jiġu applikati fil-konfront ta’ dawn ta’ l-aħħar, li, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt preċedenti, tfisser li teżisti kooperazzjoni pprojbita mill-Artikolu 81(1) KE.

293    Iż-żamma ta’ laqgħat bejn kompetituri fir-rebbiegħa ta’ l-1992 u r-rebbiegħa ta’ l-1993 f’Pariġi kif ukoll l-għan antikompetittiv ta’ dawn iż-żewġ laqgħat huma għaldaqstant stabbiliti.

294    Għall-kompletezza, kieku kellu jiġi kkunsidrat li dawn il-laqgħat taw lok unikament għal skambju ta’ informazzjoni li jikser il-liġi dwar il-kompetizzjoni biss safejn dan ikun intiż sabiex jiffaċilita l-konklużjoni ta’ akkordji fuq iż-żieda fil-prezzijiet u l-kwoti ta’ bejgħ u jikkontrolla l-osservanza tal-ftehim (premessa 97 tad-deċiżjoni), is-soluzzjoni tibqa’ l-istess.

295    Fil-fatt, fid-dawl, l-ewwel nett, tas-silta mid-dikjarazzjoni ta’ Sappi li turi li t-tentattivi intiżi sabiex iwasslu għal akkordju fis-suq tal-folji saru fil-laqgħat in kwistjoni, it-tieni nett, tal-provi li jikkonfermaw li, mill-inqas minn Jannar ta’ l-1992, akkordji ta’ żieda fil-prezzijiet ġew konklużi fuq livell Ewropew fil-kuntest tal-laqgħat uffiċjali ta’ l-AEMCP u, it-tielet nett, tal-preżenza, kemm fil-laqgħa tar-rebbiegħa ta’ l-1992 kif ukoll f’dik tar-rebbiegħa ta’ l-1993, ta’ ċertu numru ta’ impriżi li kienu rappreżentati fl-imsemmija laqgħat uffiċjali (Sappi, AWA, Zanders, b’mod partikolari), il-Kummissjoni għandha raġun tikkunsidra li l-għan ta’ skambju ta’ informazzjoni kummerċjali li seħħ fil-laqgħat Franċiżi bilfors kien marbut ma’ akkordju ta’ żieda fil-prezzijiet tal-karta saħħara.

296    Fir-rigward, fir-raba’ lok, tal-laqgħa tas-16 ta’ Lulju 1992, jirriżulta mill-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 180 sa 184 iktar ’il fuq li ż-żamma u l-għan kollużiv ta’ din il-laqgħa ġew stabbiliti.

297    Fir-rigward, fil-ħames lok, tal-laqgħa ta’ l-14 ta’ Jannar 1993, sabiex jiġu stasbbiliti ż-żamma u l-għan antikompetittiv ta’ din il-laqgħa, il-Kummissjoni tistrieħ fuq id-dokumenti mhux kunfidenzjali Nru 15026, 15175 u 15176, 15271 u 15272 kif ukoll 4752 annessi mad-DO.

298    Id-dokument Nru 15026 jinkludi essenzjalment l-informazzjoni li ġejja:

“L-ewwel impjegat iddikjaralna li […] huwa ħaseb li ż-żewġ laqgħat inżammu fil-Heathrow Business Centre u oħra fil-lukanda Intercontinental f’Londra, iżda huwa ma setax jiftakar liema […]. It-tieni impjegat iddikjaralna li [...] fid-djarju tiegħu, fl-14 ta’ Jannar 1993, hemm riferenza għal laqgħa fil-Heathrow Business Centre fit-terminal 2 fl-10:00. Huwa ma seta’ jara ebda raġuni oħra għall-preżenza tiegħu hemmhekk minbarra l-parteċipazzjoni tiegħu f’laqgħa ma’ kompetituri [...] ”

299    Id-dokumenti Nru 15175 u 15176 jinkludu l-preċiżazzjonijiet li ġejjin:

“Il-provi li […] kien f’pożizzjoni li jipprovdi huma s-segwenti. […] Kif ġie espost fid-dikjarazzjonijiet tal-11 ta’ Novembru u ta’ l-20 ta’ Diċembru 1996, huwa pparteċipa f’laqgħa ma’ xi kompetituri tiegħu fir-Renju Unit, x’aktrax nhar il-Ħamis l-14 ta’ Jannar 1993 fil-Heathrow Business Centre fit-terminal 2 fl-10:00. Kopja tal-paġna in kwistjoni mid-djarju tiegħu tinsab fl-anness 5. [Is-Sur I.], id-direttur tal-bejgħ u l-marketing ta’ Sappi (UK) Ltd, talbu jipparteċipa fiha. Il-laqgħa kienet essenzjalment titratta l-iskambju ta’ informazzjoni dwar liema fornitur kien iforni lil liema klijenti, it-tendenzi u l-istennijiet tas-swieq. Ma ntlaħaqx akkordju […] Arjo Wiggins mexxa l-laqgħa. Iktar milli ġew konklużi akkordji fuq kif kellhom jimxu fil-futur, dan kien pjuttost eżerċizzju ta’ skambju ta’ informazzjoni.”

300    Id-dokumenti Nru 15271 u 15272 jinkludu d-dikjarazzjonijiet li ġejjin:

“L-ewwel impjegat qal li […]. Madankollu, xi drabi, inżammu laqgħat informali ad hoc fir-Renju Unit bejn kompetituri, fejn l-intenzjoni kienet li jsiru jafu s-suq, b’mod partikolari rigward l-attività imgħoddija, u li tinġabar l-opinjoni tal-kompetituri pjuttost milli jintlaħaq kunsens jew milli jibdew jeżerċitaw prattika miftiehma biex jippruvaw jaslu għal żieda fil-prezzijiet. F’dak li jikkonċerna Sappi, l-għan tagħha meta pparteċipat f’dawn il-laqgħat kien li tikseb informazzjoni, anki jekk huwa possibbli li oħrajn użaw dawn il-laqgħat biex jittrażmettu data jew biex jippruvaw jinfluwenzaw is-suq; id-diskussjonijiet f’dawn il-laqgħat ma kinux intiżi biex jinqasam is-suq bejniethom jew li jiġu allokati l-klijenti; […] huwa kkonferma li pparteċipa f’laqgħat bħal dawn, waħda kull sena fl-1992, fl-1993 u fl-1994. Jista’ jkun ukoll li pparteċipa f’laqgħa oħra jew tnejn (iżda mhux iktar). Huwa ma pparteċipa f’ebda laqgħa fl-1995 jew fl-1996. Il-prattika li jiġu organizzati tali laqgħat diġà kienet stabbilita minn din l-industrija meta huwa bdiet jitratta l-bejgħ ta’ karta saħħara […] Il-laqgħat ġeneralment kienu jinżammu fl-ajruport ta’ Heathrow jew f’lukanda f’Londra […]”

301    Rigward id-dokument Nru 4752, dan jikkorrispondi għas-silta mid-djarju ta’ impjegat ta’ Sappi u li jinkludi, fid-data ta’ l-14 ta’ Jannar 1993, ir-riferenza li ġejja: “ T2 Heathrow 10:00 Bus. Centre”.

302    Fid-dawl tad-diversi elementi msemmija fil-punti 298 sa 301 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kellha raġun tikkonstata li saret laqgħa bejn kompetituri fl-ajruport ta’ Heathrow fl-14 ta’ Jannar 1993 fl-10 ta’ filgħodu. Ċertament, is-silta riprodotta fil-punt 299 iktar ’il fuq turi li l-parteċipanti f’din il-laqgħa ma waslux għal ftehim. Madankollu, minbarra l-fatt li din is-silta tista’ tiġi interpretata bħala li turi l-eżistenza ta’ tentattiv intiż biex iwassal għal akkordju li jmur kontra l-Artikolu 81(1) KE, li, minħabba r-raġunijiet esposti fil-punt 291 iktar ’il fuq, huwa tali li jrendi l-laqgħa in kwistjoni illegali, is-silta mid-dikjarazzjoni ta’ Sappi riprodotta fil-punt 299 iktar ’il fuq tikkonferma li l-laqgħa serviet bħala qafas għal skambju ta’ informazzjoni fuq il-klijenti rispettivi tad-diversi parteċipanti tagħha.

303    Fir-rigward ta’ l-iskambji ta’ informazzjoni, għandu jiġi mfakkar li dawn huma kkunsidrati mill-Kummissjoni bħala li jiksru r-regoli dwar il-kompetizzjoni minħabba li jgħinu l-konklużjoni jew l-osservanza ta’ akkordju ta’ żieda fil-prezzijiet.

304    Numru ta’ indizji jikkorroboraw l-argument li l-għan ta’ l-iskambji ta’ informazzjoni li saru fil-laqgħa Britannika kien marbut ma’ akkordju ta’ żieda fil-prezzijiet. L-ewwel nett, is-silta mid-dikjarazzjoni ta’ Sappi turi li sar tentattiv biex jaslu għal akkordju fil-laqgħa kkonċernata. It-tieni nett, hemm provi li jikkonfermaw li, mill-inqas minn Jannar ta’ l-1992, akkordji ta’ żieda fil-prezzijiet ġew konklużi fuq livell Ewropew fil-kuntest ta’ laqgħat uffiċjali ta’ l-AEMCP. It-tielet nett, il-laqgħa ta’ l-14 ta’ Jannar 1993 ġabret fiha ċertu numru ta’ impriżi li kienu rappreżentati fil-laqgħat uffiċjali ta’ l-AEMCP fil-kuntest ta’ liema żvolġew laqgħat ġenerali ta’ l-akkordju dwar akkordji ta’ żieda fil-prezzijiet.

305    Għandu jiġi enfasizzat barra minn hekk li, skond il-premessa 183 tad-deċiżjoni, AWA kkonfermat fir-risposta tagħha għad-DO li din il-laqgħa ta’ l-14 ta’ Jannar 1993 kienet parti minn laqgħat “irregolari” bejn kompetituri (ara wkoll il-punt 164 iktar ’il fuq).

306    Fir-rigward, fis-sitt lok, tal-laqgħa tat-30 ta’ Settembru 1993 f’Barċellona, imsemmija fil-premessa 163 tad-deċiżjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza diġà kkunsidrat fil-punt 172 iktar ’il fuq li l-Kummissjoni kellha raġun tistabbilixxi ż-żamma ta’ din il-laqgħa kif ukoll il-fatt li din serviet bħala qafas għal skambji ta’ informazzjoni kummerċjali rigward il-bejgħ individwali ta’ l-1992 u ta’ l-1993 u għal akkordji bbażati fuq l-attribuzzjoni ta’ kwoti ta’ bejgħ għar-raba’ perijodu ta’ tliet xhur tas-sena 1993 u fuq żieda fil-prezzijiet li kellha tiġi applikata mill-1 ta’ Jannar 1994. Barra minn dan, il-fatt li, f’din il-laqgħa tat-30 ta’ Settembru 1993, il-parteċipanti, sussegwentement, skambjaw informazzjoni kummerċjali rigward il-mezzi ta’ bejgħ rispettivi tagħhom, ftehmu fuq it-tqassim ta’ kwoti ta’ bejgħ, iddeċidew li ssir żieda kollettiva fil-prezz u ftehmu li jiltaqgħu mill-ġdid sabiex jivverifikaw l-osservanza tal-kwoti ta’ bejgħ, jikkonfermaw l-argument tal-Kummissjoni li saru skambji ta’ informazzjoni fuq il-bejgħ kif ukoll akkordji ta’ kwoti ta’ bejgħ f’ċerti okkażjonijiet sabiex litigi ffaċilitata l-konklużjoni ta’ akkordji ta’ żieda fil-prezz u tigi żgurata l-applikazzjoni tagħhom.

307    Għaldaqstant, il-Kummissjoni stabbiliet suffiċjentement skond il-liġi ż-żamma ta’ laqgħat kollużivi, li kienu jirrigwardaw is-suq Spanjol, fis-17 ta’ Frar, fil-5 ta’ Marzu u fis-16 ta’ Lulju 1992 kif ukoll fit-30 ta’ Settembru 1993, is-suq Franċiż fir-rebbiegħa ta’ l-1992 u fir-rebbiegħa ta’ l-1993, kif ukoll is-swieq tar-Renju Unit u ta’ l-Irlanda fl-14 ta’ Jannar 1993. Iż-żamma ta’ dawn il-laqgħat kollużivi fuq livell nazzjonali jew reġjonali, fid-dawl tad-dikjarazzjoni ta’ Mougeot li tinsab fil-premessa 90 tad-deċiżjoni, li tgħid li r-raġuni għal dawn il-laqgħat kienet li tiġi żgurata l-applikazzjoni, b’mod ġenerali, taż-żieda fil-prezzijiet deċiża fuq livell Ewropew, issaħħaħ id-deskrizzjoni tal-ksur magħmula mill-Kummissjoni fil-premessa 77 tad-deċiżjoni, b’mod partikolari l-fatt li l-mezz li ġie użat sabiex jintlaħaq l-għan ta’ l-akkordju kien jikkonsisti fiż-żamma ta’ laqgħat fuq livelli differenti (ġenerali, nazzjonali jew reġjonali).

308    Rigward il-bidu tal-ksur, il-Kummissjoni konsegwentement kellha raġun tikkonstata li nżammew, fl-istess żmien tal-laqgħa uffiċjali ta’ l-AEMCP tat-23 ta’ Jannar 1992, kuntatti kollużivi fi Spanja li kellhom għan identiku għal dawk tal-laqgħat ġenerali ta’ l-akkordju li ġew organizzati, sa Settembru ta’ l-1993, fil-kuntest ta’ laqgħat uffiċjali ta’ l-AEMCP. Din il-konstatazzjoni, flimkien ma’ l-ammissjoni ta’ numru ta’ impriżi rigward il-parteċipazzjoni tagħhom f’akkordju Ewropew mix-xahar ta’ Jannar ta’ l-1992 kif ukoll ma’ l-affermazzjoni ta’ AWA rigward il-parteċipazzjoni tagħha, mix-xahar ta’ Jannar ta’ l-1992, f’laqgħat “irregolari”, fuq diversi swieq nazzjonali jew reġjonali, dwar skambji ta’ intenzjonijiet fir-rigward ta’ dikjarazzjonijiet ta’ żieda fil-prezzijiet (dokument Nru 7828), twassal lill-Qorti tal-Prim’Istanza biex tikkonkludi li l-Kummissjoni kellha raġun tikkunsidra li l-laqgħa uffiċjali ta’ l-AEMCP tat-23 ta’ Jannar 1992 serviet bħala qafas għal laqgħa ġenerali ta’ l-akkordju u sabiex tiffissa, għall-impriżi li pparteċipaw fiha, il-punt tat-tluq tal-ksur fix-xahar ta’ Jannar ta’ l-1992.

309    Kif ġie rilevat fil-punt 272 iktar ’il fuq, skond il-premessa 113 tad-deċiżjoni, id-dokumenti fil-pussess tal-Kummissjoni juru li, bejn Jannar ta’ l-1992 u l-laqgħa ta’ l-14 ta’ Settembru 1993, tmien laqgħat ta’ l-AEMCP, li d-dati eżatti tagħhom huma msemmija fit-tabella A ta’ l-anness I tad-deċiżjoni, inżammu, kollha fi Zurich. Fid-dawl ta’ din l-indikazzjoni mhux ikkontestata mir-rikorrenti, u fid-dawl ta’ l-ammissjonijiet ta’ Sappi u ta’ AWA kif ukoll tad-dikjarazzjoni ta’ Mougeot, li jinsabu fil-premessa 108 tad-deċiżjoni, li minnha jirriżulta li, sa Settembru ta’ l-1993, il-laqgħat ġenerali ta’ l-akkordju saru fil-kuntest ta’ laqgħat uffiċjali ta’ l-AEMCP, dikjarazzjoni li hija kkorroborata, għall-perijodu ta’ bejn Frar u Settembru 1993, minn dawk ta’ impjegat ta’ Sappi (ara l-punt 269 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni ġustament ikkonstatat in-natura kontinwa ta’ l-akkordju Ewropew fuq il-prezzijiet bejn Jannar ta’ l-1992 u Settembru ta’ l-1993, u dan anki jekk jiġi ammess li biss uħud mit-tmien laqgħat uffiċjali msemmija iktar ’il fuq servew bħala qafas għal akkordji kollużivi fuq il-prezzijiet fuq livell Ewropew.

310    Għaldaqstant, il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni li, minn Jannar ta’ l-1992 u sa Settembru ta’ l-1993, ġew konklużi akkordji kollużivi ta’ żieda fil-prezzijiet fuq livell Ewropew fil-kuntest ta’ laqgħat uffiċjali ta’ l-AEMCP, li ġew segwiti minn sensiela ta’ laqgħat nazzjonali jew reġjonali li kellhom bħala għan li jiżguraw l-applikazzjoni tagħhom suq b’suq, għandhom jiġu kkunsidrati bħala li ġew stabbiliti.

311    Għad irid jiġi vverfikat jekk il-Kummissjoni stabbilietx korrettement, għall-perijodu ta’ qabel Settembru jew Ottubru ta’ l-1993, il-parteċipazzjoni tal-ħames rikorrenti fil-pjan antikompetittiv globali li l-għan ewlieni tiegħu kienu li jsir ftehim fuq żidiet fil-prezzijiet u fuq il-kalendarju ta’ l-implementazzjoni ta’ dawn iż-żidiet, permezz taż-żamma ta’ laqgħat fuq livelli differenti.

–       Il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-laqgħat ta’ Settembru jew Ottubru ta’ l-1993

312    Għandu jiġi mfakkar, fl-ewwel lok, li huwa biżżejjed li l-Kummissjoni turi li l-impriża kkonċernata pparteċipat f’laqgħat li fihom ġew konklużi akkordji ta’ natura antikompetittiva, mingħajr ma opponiethom b’mod manifest, sabiex tipprova suffiċjentement skond il-liġi l-parteċipazzjoni ta’ l-imsemmija impriża fl-akkordju. Ladarba din is-sistema ta’ laqgħat tagħmel parti minn sensiela ta’ sforzi mill-impriżi in kwistjoni li jsegwu għan ekonomiku wieħed, jiġifieri d-distorsjoni ta’ l-evoluzzjoni normali tal-prezzijiet fis-suq ikkonċernat, tkun ħaġa artifiċjali li dan l-aġir, ikkaratterizzata minn għan wieħed, jiġi suddiviż billi jitqies li hemm numru ta’ vjolazzjonijiet distinti (ara l’ġurisprudenza ċċitata fil-punti 188 u 196 iktar ’il fuq).

313    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li la Koehler u lanqas Torraspapel ma jikkontestaw l-indikazzjonijiet, li jinsabu fit-tabella B ta’ l-anness I tad-deċiżjoni, skond liema t-tnejn li huma pparteċipaw fil-laqgħat uffiċjali kollha ta’ l-AEMCP li nżammu fil-perijodu ta’ bejn Jannar ta’ l-1992 u Settembru ta’ l-1993. Anki li kieku kellu jiġi ammess li biss uħud mil-laqgħat imsemmija iktar ’il fuq servew bħala qafas għal akkordji kollużivi fuq il-prezzijiet, tali konstatazzjoni hija biżżejjed biex jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni, ġustament, qieset li kien hemm il-parteċipazzjoni kontinwa tagħhom f’akkordji kollużivi fuq il-prezzijiet, u, għaldaqstant, fil-ksur ikkonstatat fl-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni, fil-perijodu ta’ bejn Jannar ta’ l-1992 u Settembru ta’ l-1993.

314    MHTP, min-naħa tagħha, ma tikkontestax l-indikazzjonijiet, li jinsabu fit-tabella msemmija fil-punt preċedenti, skond liema impriżi tal-grupp Stora pparteċipaw fid-diversi laqgħat uffiċjali ta’ l-AEMCP li nżammu fil-perijodu ta’ bejn Jannar ta’ l-1992 u Settembru ta’ l-1993. Peress illi, barra minn hekk, MHTP ma tikkontestax il-kunsiderazzjonijiet espressi mill-Kummissjoni, fil-premessi 360 sa 362 tad-deċiżjoni, skond liema hija għandha tinżamm responsabbli għall-aġir illegali ta’ l-impriżi tal-grupp Stora, il-Kummissjoni ġustament qieset li MHTP ipparteċipat f’akkordji kollużivi fuq il-prezzijiet u, għaldaqstant, fil-ksur ikkonstatat fl-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni, fil-perijodu ta’ bejn Jannar ta’ l-1992 u Settembru ta’ l-1993.

315    Barra minn hekk, MHTP ma tikkontestax ir-responsabbiltà tagħha fil-ksur minn Jannar ta’ l-1993. Billi ma tikkontestax il-fatti li fuqhom hija bbażata l-konstatazzjoni tal-ksur għall-perijodu ta’ bejn Jannar ta’ l-1993 u nofs is-sena 1995 – ħaġa li ppermettietilha tikseb tnaqqis ta’ 10 % mill-multa li ġiet imposta fuqha – (premessi 456 u 458 tad-deċiżjoni), MHTP tammetti ż-żamma ta’ laqgħat kollużivi fuq livell Ewropew bejn Jannar ta’ l-1993 u Settembru jew Ottubru ta’ l-1993. Fis-seduta, hija ddikjarat, barra minn hekk, li l-eżistenza ta’ dawn il-laqgħat Ewropej ta’ l-akkordju f’dan iż-żmien kien ċertament plawżibbli. Hija rrikonoxxiet ukoll fis-seduta li kien ċertament kredibbli, jekk wieħed kellu jinterpreta d-dikjarazzjoni ta’ Mougeot litteralment, li l-laqgħa ta’ l-AEMCP kkostitwixxiet il-forum ta’ l-akkordju f’dan l-istess perijodu. Issa, la MHTP u lanqas l-impriżi l-oħra li jikkontestaw in-natura kollużiva tal-laqgħat ta’ l-AEMCP qabel ir-ristrutturar tagħha f’Settembru jew f’Ottubru ta’ l-1993 ma pprovdew elementi ta’ prova li jippermettu li jiġi stabbilit kwalunkwe bdil fl-organizzazzjoni jew l-istruttura ta’ l-AEMCP f’Jannar ta’ l-1993. MHTP, barra minn hekk, ma tat l-ebda spjegazzjoni alternattiva għal dik tal-Kummissjoni fuq il-post u fuq iż-żamma tal-laqgħat kollużivi ta’ l-akkordju Ewropew qabel ir-ristrutturar ta’ l-AEMCP f’Settembru/Ottubru ta’ l-1993.

316    Rigward Bolloré, din ma tikkontestax l-indikazzjonijiet, li jinsabu fit-tabella B ta’ l-anness I tad-deċiżjoni, li Copigraph ipparteċipat f’laqgħa uffiċjali ta’ l-AEMCP tat-23 ta’ Jannar 1992, imbagħad f’erbgħa mis-seba’ laqgħat ulterjuri li nżammu qabel dik ta’ l-14 ta’ Settembru 1993. L-indikazzjoni rigward il-preżenza ta’ Copigraph fil-laqgħa uffiċjali ta’ l-AEMCP tat-23 ta’ Jannar 1992 tippermetti li jiġi kkunsidrat li, sa din id-data, Copigraph ħadet sehem f’akkordju kollużiv fuq il-prezzijiet fuq livell Ewropew.

317    Anki jekk ma jistax jingħad b’ċertezza li l-laqgħat uffiċjali kollha ta’ l-AEMCP li nżammu bejn Jannar ta’ l-1992 u Settembru ta’ l-1993 servew bħala qafas għall-konklużjoni ta’ akkordju kollużiv fuq il-prezzijiet, il-konstatazzjoni li Copigraph ħadet sehem f’ħamsa mit-tmien laqgħat uffiċjali tippermetti li jiġi konkluż li kien hemm il-parteċipazzjoni kontinwa ta’ din l-impriża, bejn Jannar ta’ l-1992 u Settembru ta’ l-1993, f’akkordji kollużivi fuq il-prezzijiet fuq livell Ewropew. Fil-fatt, Copigraph ma ddistanzjatx ruħha pubblikament mil-laqgħat li għalihom hija kienet preżenti (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 188 u 196 iktar ’il fuq).

318    Fl-aħħar, fir-rigward ta’ Mougeot, huwa paċifiku li hija ma ħaditx sehem fil-laqgħa tat-23 ta’ Jannar 1992 u li l-ewwel laqgħa ta’ l-AEMCP li fiha pparteċipat hija dik tas-26 ta’ Mejju ta’ l-1992. Wara, Mougeot pparteċipat fil-laqgħat kollha ta’ l-AEMCP sa Settembru ta’ l-1993, jiġifieri sitta mit-tmien laqgħat li ppreċedew dik ta’ l-14 ta’ Settembru 1993. Bħal Copigraph, Mougeot ma ddistanzjatx ruħa pubblikament mil-laqgħat li fihom kienet ħadet sehem (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 188 u 196 iktar ’il fuq). Anki meta hija pparteċipat bħala osservatriċi, Mougeot ma pprovatx li hija kienet indikat lill-kompetituri tagħha li hija kienet qiegħda tipparteċipa għal raġuni differenti minn tagħhom (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 188 iktar ’il fuq, punt 81). Ma jirriżulta minn ebda prova mressqa li Mougeot kienet diffiċilment aċċettata jew imwarrba fi ħdan l-AEMCP. Għall-kuntrarju, skond il-minuti tal-laqgħa ta’ l-AEMCP tas-26 ta’ Mejju 1992, kien ġie deċiż fil-laqgħa preċedenti li Mougeot tiġi mistiedna sabiex tingħaqad ma’ l-AEMCP. Barra minn hekk, f’din il-laqgħa, il-president ta’ l-AEMCP talab lir-rappreżentant ta’ Mougeot sabiex jippreżenta l-kumpannija tiegħu bħala membru ġdid u mhux bħala mistieden ta’ darba. Il-minuti tal-laqgħat ta’ l-AEMCP ta’ l-10 ta’ Settembru u tal-25 ta’ Novembru 1992 jistabbilixxu l-preżenza, fost il-parteċipanti, tar-rappreżentant ta’ Mougeot mingħajr ma jiddistingwu lil din l-impriża mill-oħrajn. Il-minuti tal-laqgħa tal-25 ta’ Novembru 1992 jenfasizzaw li r-rappreżentant ta’ Mougeot informa lill-parteċipanti li l-kumpannija tiegħu kellha tkun f’pożizzjoni li żżid il-figuri tagħha ma’ dawk ta’ l-assoċjazzjoni f’Diċembru, liema figuri jkopru t-tieni semestru ta’ l-1992. Għalkemm Mougeot kisbet l-istat ta’ membru ta’ l-AEMCP biss fl-1993, il-preżenza tagħha fil-laqgħat kollużivi ta’ l-AEMCP fl-istess kapaċità bħall-membri l-oħra minn Mejju ta’ l-1992 u l-għoti ta’ informazzjoni li tkopri t-tieni semestru tas-sena 1992 juru, fin-nuqqas ta’ prova li turi l-kontra, il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju mis-26 ta’ Mejju 1992.

319    Dawn il-konstatazzjonijiet fuq il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti kkonċernati fl-akkordju fuq livell Ewropew qabel Settembru jew Ottubru ta’ l-1993 huma biżżejjed biex jinżammu responsabbli għall-ksur għal dan il-perijodu.

320    Għall-kompletezza, għandu jiġi kkonstatat li elementi ta’ prova li jikkonfermaw il-parteċipazzjoni ta’ numru minn dawn l-impriżi f’laqgħat fuq livell nazzjonali jew reġjonali jsaħħu n-natura kontinwa tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur.

321    B’hekk, il-Kummissjoni tikkonstata l-parteċipazzjoni ta’ Koehler u ta’ Torraspapel fil-laqgħa tas-17 ta’ Frar 1992. Hija tibbaża ruħa f’dan ir-rigward fuq in-nota interna ta’ Sappi ta’ l-istess data (dokument Nru 4588), li stemmi laqgħa tal-“partijiet interessati”. Din l-indikazzjoni, ikkunsidrata flimkien ma’ dawk, li jinsabu f’din l-istess nota, rigward l-inċertezzi mnissla mill-aġir ta’ Koehler u ta’ Sarrió fis-suq Spanjol, tawtorizza lill-Kummissjoni tikkonstata li Koehler u Sarrió kienu fost il-“partijiet interessati” li ħadu sehem f’din il-laqgħa, intiża sabiex teżamina l-problemi marbuta man-nuqqas ta’ osservanza minn dawn iż-żewġ impriżi ta’ l-akkordji msemmi iktar ’il fuq, li fihom, bħala distributuri jew fornituri ta’ karta saħħara fis-suq Spanjol, huma kienu parti, kif jirriżulta min-nota tad-9 ta’ Marzu 1992 (dokumenti Nru 4703 u 4704, imsemmija fil-punt 171 iktar ’il fuq).

322    Peress li Torraspapel ma tiċħad la l-indikazzjoni, li tinsab fil-premessa 363 tad-deċiżjoni, li Sarrió kienet u għadha l-kumpannija sussidjarja tagħha li fiha tikkontrolla 100 %tal-kapital tagħha, u lanqas l-affermazzjoni tal-Kummissjoni, li tinsab f’din l-istess premessa, li hija ma kkontestatx, fil-proċedimenti amministrattivi, ir-responsabbiltà tagħha rigward l-aġir ta’ Sarrió, il-Kummissjoni kellha raġun tattribwilha r-responsabbiltà għall-parteċipazzjoni ta’ Sarrió fil-laqgħa kollużiva tas-17 ta’ Frar 1992.

323    Fir-rigward tal-laqgħa tal-5 ta’ Marzu 1992, jirriżulta min-noti ta’ qiegħ il-paġna Nru 7 u 10 fl-anness II tad-deċiżjoni li, biex tikkonstata l-parteċipazzjoni ta’ Koehler u ta’ Torraspapel f’din il-laqgħa, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq in-nota interna ta’ Sappi tad-9 ta’ Marzu 1992, imsemmija fil-premessa 156 tad-deċiżjoni (dokumenti Nru 4703 u 4704, imsemmija fil-punt 171 iktar ’il fuq). Madankollu, għalkemm din in-nota tippermetti, ċertament, li jiġi sostnut li dawn iż-żewġ impriżi kienu partijiet f’akkordju dwar żieda fil-prezz ta’ ESP 10 għal kull kilogramm mill-bidu tax-xahar ta’ Frar ta’ l-1992 fis-suq Spanjol, min-naħa l-oħra, din ma fiha ebda indikazzjoni li turi li dawn ħadu sehem f’laqgħa kollużiva fil-5 ta’ Marzu1992.

324    Madankollu, jirriżulta mir-risposta ta’ AWA tat-30 ta’ April 1999 f’talba għal informazzjoni mill-Kummissjoni (dokument Nru 7828, imsemmi fil-punt 163 iktar ’il fuq) li rappreżentanti ta’ Sarrió (Torraspapel), Koehler u Stora (MHTP) kienu preżenti għall-laqgħat “irregolari”, li kienu jinkludu din il-laqgħa tal-5 ta’ Marzu 1992 kif ikkonfermat AWA fir-risposta tagħha għad-DO (premessa 170 tad-deċiżjoni).

325    Il-Kummissjoni tikkonstata barra minn hekk li l-ħames rikorrenti kkonċernati ħadu sehem f’żewġ laqgħat rigward is-suq Franċiż.

326    Id-dikjarazzjonijiet ta’ Sappi msemmija fil-punti 276 sa 279 u 285 sa 293 iktar ’il fuq, flimkien ma’ l-affermazzjoni ta’ AWA, li jinsabu fid-dokument Nru 7828, li rappreżentanti ta’ din l-impriża pparteċipaw, bejn l-1992 u l-1995, f’laqgħat “irregolari”, b’mod partikolari f’Pariġi, li kienu jinvolvu rappreżentanti ta’ Sarrió, jippermettu l-konklużjoni li l-Kummissjoni, ġustament, ikkonstatat il-parteċipazzjoni ta’ Sarrió (Torraspapel) fiż-żewġ laqgħat ikkonċernati. Id-dubju espress mill-impjegat ta’ Sappi (dokument Nru 15027, anness 1 tad-DO) fir-rigward ta’ jekk ir-rappreżentant ta’ Sarrió li ħa sehem f’dawn il-laqgħat kienx responsabbli għall-bejgħ ta’ din l-impriża fi Franza, mhuwiex tali li jbiddel il-fatt li, għall-kuntrarju t-ton prudenti adottat minnu f’dak li jikkonċerna l-preżenza ta’ rappreżentant ta’ Koehler fl-imsemmija laqgħat, huwa ma jesprimi l-ebda riżerva rigward ir-rappreżentazzjoni ta’ Sarrió fihom.

327    Rigward Stora (MHTP), l-indikazzjoni, li tinsab fid-dikjarazzjoni msemmija fil-punt 287 iktar ’il fuq, li Feldmühle kienet irrappreżentata fil-laqgħa tar-rebbiegħa ta’ l-1992, flimkien ma’ l-affermazzjoni ta’ AWA, li tinsab fid-dokument Nru 7828, rigward il-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti ta’ din l-impriża f’laqgħat “irregolari”, b’mod partikolari f’Pariġi, bejn l-1992 u l-1995 flimkien mar-rappreżentanti ta’ Stora-Feldmühle, issostni l-argument tal-Kummissjoni li Stora-Feldmühle ħadet sehem fil-laqgħa tar-rebbiegħa ta’ l-1992 u, għaldaqstant, l-imputazzjoni lil MHTP tar-responsabbiltà għal din il-parteċipazzjoni.

328    Fl-atti tagħha, MHTP tenfasizza li l-impjegat ta’ Sappi li ta l-indikazzjoni msemmija fil-punt preċedenti afferma wkoll li Stora-Feldmühle ma pparteċipatx fil-laqgħa tar-rebbiegħa ta’ l-1993 f’Pariġi filwaqt li l-Kummissjoni tallega li tippossjedi elementi ta’ prova li jikkonfermaw il-parteċipazzjoni ta’ din l-impriża fl-imsemmija laqgħa. Hija ssostni li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, mhuwiex eskluż li l-impjegat ta’ Sappi ħa żball fl-identifikazzjoni tal-laqgħa Franċiża li fiha pparteċipat Stora-Feldmühle. Madankollu, it-ton determinat ta’ l-affermazzjoni ta’ l-impjegat ta’ Sappi rigward il-preżenza ta’ Stora-Feldmühle fl-ewwel waħda miż-żewġ laqgħat Franċiżi deskritti fix-xhieda tiegħu tixbah l-ipoteżi ssuġġerita minn MHTP.

329    Rigward il-laqgħa tar-rebbiegħa ta’ l-1993, MHTP ma tikkontestax il-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur minn Jannar ta’ l-1993 u ma tagħmel l-ebda kritika fir-rigward tal-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni rigward il-laqgħa tar-rebbiegħa ta’ l-1993 f’Pariġi u l-parteċipazzjoni tagħha f’din il-laqgħa. F’dawn iċ-ċirkustanzi, m’hemmx għalfejn jiġi vverifikat il-mertu tal-konstatazzjoni tal-Kummissjoni rigward il-parteċipazzjoni ta’ Stora‑Feldmühle fil-laqgħa tar-rebbiegħa ta’ l-1993 f’Pariġi.

330    Fir-rigward ta’ Mougeot u ta’ Copigraph (kumpannija sussidjarja ta’ Bolloré), l-impjegat ta’ Sappi ma jagħmel l-ebda riferenza għall-preżenza tagħhom f’dawn iż-żewġ laqgħat. Madankollu, l-affermazzjoni ġenerali, li tinsab fid-dikjarazzjoni ta’ AWA fid-dokument Nru 7828, rigward l-organizzazzjoni, fil-perijodu ta’ bejn l-1992 u l-1995, ta’ laqgħat “irregolari” f’Pariġi, fi Zurich u f’Ġinevra bejn rappreżentanti ta’ AWA, ta’ Sarrió, ta’ Mougeot, ta’ Stora-Feldmühle, ta’ Copigraph, ta’ Koehler u ta’ Zanders, tikkostitwixxi indikazzjoni tal-parteċipazzjoni ta’ Mougeot u ta’ Copigraph fil-laqgħat tar-rebbiegħa ta’ l-1992 u r-rebbiegħa ta’ l-1993 fi Franza.

331    Ċertament, din l-indikazzjoni ma tistax, waħedha, tistabbilixxi l-parteċipazzjoni tagħhom f’dawn iż-żewġ laqgħat. Madankollu, peress li Mougeot u Copigraph huma tnejn mill-atturi prinċipali fis-suq Franċiż tal-karta saħħara, ir-riferenza għal dawn iż-żewġ impriżi fl-affermazzjoni ġenerali ta’ AWA fuq iż-żamma ta’ laqgħat bejn kompetituri, bejn l-1992 u l-1995, b’mod partikolari f’Pariġi, bilfors tfisser li dawn ġew ipperċepiti, għall-inqas mil-leader tas-suq Ewropew, bħala li kienu qed jipparteċipaw fl-aġir illegali fis-suq Franċiż matul dan il-perijodu kollu, indipendentement mill-preżenza tagħhom jew mill-assenza tagħhom fiż-żewġ laqgħat imsemmija iktar ’il fuq. Din l-indikazzjoni ta’ parteċipazzjoni fl-akkordju fis-suq Franċiż f’dan iż-żmien hija sostnuta mid-dikjarazzjonijiet ta’ Mougeot li hija “[kienet] tirċievi mingħand waħda jew oħra minnhom, ġeneralment minn AWA, telefonati li jiddikjaraw il-metodi taż-żieda fil-prezzijiet għal kull suq” u dan essenzjalment “sa nofs l-1995” (dokument Nru 11598, premessa 95 tad-deċiżjoni u punt 41 tad-DO).

332    F’dak li jikkonċerna l-laqgħa tas-16 ta’ Lulju 1992, is-Sur B. G. sostna (ara dokument Nru 4484, imsemmi fil-punt 180 iktar ’il fuq) li kienu preżenti għal din il-laqgħa Sarrió (Torraspapel), AWA (is-Sinjuri F. u B.) u Koehler (is-Sur F.). Din l-indikazzjoni, li tikkorrobora l-affermazzjoni ġenerali ta’ AWA, li tinsab fid-dokument Nru 7828, rigward il-parteċipazzjoni tagħha, bejn l-1992 u l-1994, f’laqgħat “irregolari” f’Barċellona flimkien ma’ rappreżentanti, b’mod partikolari ta’ Sarrió (Torraspapel) u ta’ Koehler, tistabbilixxi l-parteċipazzjoni ta’ dawn iż-żewġ impriżi fil-laqgħa kollużiva tas-16 ta’ Lulju 1992 rigward is-swieq Spanjoli u Portugiżi.

333    F’dak li jikkonċerna Stora (MHTP), sabiex tistabbilixxi l-parteċipazzjoni ta’ din l-impriża fil-laqgħa tas-16 ta’ Lulju 1992, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ AWA (dokument Nru 7828), li jgħidu li din ta’ l-aħħar ipparteċipat, bejn l-1992 u l-1994, f’numru ta’ laqgħat f’Lisbona u f’Barċellona flimkien ma’ rappreżentanti ta’ l-impriżi Sarrió, Unipapel, Koehler, Ekman u Stora-Feldmühle jew ta’ wħud minn dawn l-impriżi.

334    Għandu jiġi osservat li s-Sur B. G., fid-dikjarazzjonijiet dettaljati tiegħu rigward il-laqgħa tas-16 ta’ Lulju 1992, ma jsemmix lil Stora fost il-parteċipanti fiha. F’dan il-kuntest, l-affermazzjoni ġenerali ta’ AWA tista’ tidher li mhijiex biżżejjed biex tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni ta’ Stora (MHTP) fil-laqgħa tas-16 ta’ Lulju 1992.

335    Madankollu, għandu jiġi rilevat li, kif tosserva l-Kummissjoni fl-atti tagħha fil-Kawża T-122/02, jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet tas-Sur B. G. li ż-żamma tal-laqgħa tas-16 ta’ Lulju 1992 kienet viżibbilment iġġustifikata mill-fatt li Sarrió u Stora-Feldmühle kienu jitolbu prezzijiet baxxi ħafna fil-Portugall, li kienu inferjuri għall-prezz tal-karta. Kif tenfasizza b’mod rilevanti l-Kummissjoni, din ir-riferenza għall-ipprattikar ta’ politika ta’ prezzijiet baxxi ħafna, b’mod partikolari minn Stora-Feldmühle, tista’ tiġi interpretata bħala li tfisser li din l-impriża ma kinitx iżżomm mad-dixxiplina li kien mistenni minnha li tirrispetta, f’dak li jirrigwarda l-prezzijiet, skond akkordju tas-suq. Fi kliem ieħor, indikazzjoni tali, flimkien ma’ l-affermazzjoni ta’ AWA fid-dokument Nru 7828, tista’ tiġi interpretata bħala li tistabbilixxi li, minkejja l-fatt li hija ma pparteċipatx fil-laqgħa tas-16 ta’ Lulju 1992, Stora‑Feldmühle kienet f’dan iż-żmien parti minn akkordju fuq il-prezzijiet fis-swieq Iberiċi.

336    Il-Kummissjoni tikkonstata l-parteċipazzjoni ta’ Stora (MHTP) u ta’ Koehler fil-laqgħa ta’ l-14 ta’ Jannar 1993. MHTP ma tikkontestax il-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur mill-bidu tax-xahar ta’ Jannar ta’ l-1993. F’dawn iċ-ċirkustanzi, m’hemmx lok li titqajjem il-kwistjoni dwar il-mertu tal-konstatazzjoni tal-Kummissjoni rigward il-parteċipazzjoni ta’ din l-impriża fil-laqgħa ta’ l-14 ta’ Jannar 1993.

337    Fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta’ Koehler f’din il-laqgħa, jirriżulta mis-silta mid-dikjarazzjoni ta’ Sappi li tinsab fid-dokument Nru 15026 li, skond l-ewwel impjegat li x-xhieda tiegħu hija s-suġġett ta’ din id-dikjarazzjoni, “[is-Sur D.] (Koehler)” kien preżenti f’kull laqgħa jew f’parti mil-laqgħat li nżammu fir-Renju Unit fl-ajruport ta’ Heathrow jew f’lukanda ta’ Londra. It-tieni impjegat li x-xhieda tiegħu hija wkoll is-suġġett tad-dikjarazzjoni msemmija iktar ’il fuq, indika li fil-fehma tiegħu “[is-Sur D.] (Koehler)” kien ħa sehem fil-laqgħa ta’ l-14 ta’ Jannar 1993. Fid-dokumenti Nru 15176 u 15178, li jikkorrispondu ma’ dikjarazzjoni oħra ta’ Sappi, tinsab ukoll l-indikazzjoni msemmija iktar ’il fuq, kif ukoll dik skond liema, “minbarra l-ismijiet tal-kompetituri pprovduti lill-Kummissjoni f’Diċembru ta’ l-1996, [l-impjegat ikkonċernat] seta’ jidentifika minn fost il-parteċipanti […] [lis-Sur K.], ta’ Koehler ”. Fl-aħħar, AWA ddikjarat (dokument Nru 7828) li, bejn l-1992 u l-1994, ir-rappreżentanti tagħha fir-Renju Unit ipparteċipaw f’laqgħat “irregolari” li involvew, b’mod partikolari, xi rappreżentanti ta’ Koehler.

338    Fid-dawl ta’ dawn l-indikazzjonijiet kollha, il-Kummissjoni kellha raġun tikkonstata li Koehler kienet irrappreżentata fil-laqgħa ta’ l-14 ta’ Jannar 1993.

339    Fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta’ Copigraph, ta’ Koehler, ta’ Stora‑Feldmühle u ta’ Torraspapel fil-laqgħa tat-30 ta’ Settembru 1993, jirriżulta min-noti ta’qiegħ il-paġna Nru 40, 42, 44 u 45 ta’ l-anness II tad-deċiżjoni li l-Kummissjoni tibbaża l-konstatazzjonijiet tagħha fuq id-dokumenti Nru 5 u 7828. Ir-riferenza, li tinsab fin-“noti għall-fajl” (notes for file) ta’ Sappi fuq din il-laqgħa, rigward bejgħ “iddikjarat”, kif ukoll l-indikazzjoni, li tirriżulta minn dawn l-istess noti, dwar l-attribuzzjoni ta’ kwoti ta’ bejgħ preċiżi għar-raba’ perijodu ta’ tliet xhur tas-sena 1993 (ara l-punt 172 iktar ’il fuq), jikkostitwixxu indikazzjonijiet konvinċenti tal-preżenza fil-laqgħa kkonċernata tad-diversi impriżi ċċitati fil-punt 1 ta’ dawn in-noti, jiġifieri Copigraph, Stora-Feldmühle, Koehler u Sarrió.

340    Barra minn hekk, fir-rigward ta’ Sarrió, ta’ Koehler u ta’ Stora-Feldmühle, dawn l-indikazzjonijiet konvinċenti huma kkorroborati mill-affermazzjoni ġenerali, li tinsab fid-dikjarazzjoni ta’ AWA li tinsab fid-dokument Nru 7828, li maniġers ta’ AWA fi Spanja pparteċipaw, bejn l-1992 u l-1994, f’numru ta’ laqgħat “irregolari”, preċiżament f’Barċellona, li fihom AWA taħseb li kienu preżenti wkoll rappreżentanti ta’ Sarrió, ta’ Koehler u ta’ l-aġent tagħha Ekman, u ta’ Stora-Feldmühle.

341    Fir-rigward ta’ Koehler, għandu jiġi rilevat ukoll li, skond in-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 186 tad-deċiżjoni, il-Kummissjoni tipposjedi nota ta’ l-ispejjeż, biljett ta’ l-ajru u rċevuta ta’ lukanda tas-Sur F. (Koehler), li juru li din il-persuna kienet f’Barċellona fit-30 ta’ Settembru 1993. Fuq talba tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni ppreżentat dawn id-dokumenti fil-kawża T-125/02.

342    Barra minn hekk, anki jekk jitqies li wħud mir-rikorrenti kkonċernati ma pparteċipawx effettivament fil-laqgħa tat-30 ta’ Settembru 1993, l-indikazzjonijiet li kwoti ta’ bejgħ ġew attribwiti lilhom għall-aħħar perijodu ta’ tliet xhur tas-sena 1993 fid-dawl tal-bejgħ tagħhom iddikjarat għall-1992 u l-1993 jipprovaw li, f’din id-data, huma kienu jagħmlu parti mill-akkordju rigward is-suq Spanjol li kien jinvolvi l-aġir antikompetittiv ikkonfermat min-“noti tal-fajl” ta’ Sappi.

343    Fl-aħħar, kif ġustament tosserva Koehler fl-atti tagħha, jirriżulta mill-anness II tad-deċiżjoni li, sabiex tipprova l-parteċipazzjoni ta’ din l-impriża fil-laqgħa msemmija iktar ’il fuq, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-konstatazzjoni tal-preżenza ta’ Ekman f’din il-laqgħa. Din il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni tidher li tistrieh fuq is-silta mid-dikjarazzjoni ta’ AWA li tinsab fid-dokument Nru 7828, li tgħid li fost il-parteċipanti fil-laqgħat Spanjoli li fihom AWA pparteċipat bejn l-1992 u 1994, insibu lil “ Ekman (aġent ta’ Koehler) ”.

344    Fl-atti tagħha, Koehler issostni li Ekman kienet distributriċi indipendenti, b’mod lim a jistax jiġi kkunsidrat li Ekman u hi jiffurmaw entità ekonomika waħda u, għaldaqstant, ma tistax tinżamm responsabbli għall-aġir ta’ Ekman. Madankollu, jirriżulta mid-dikjarazzjoni ta’ AWA msemmija fil-punt preċedenti li Ekman ġiet ipperċepita mill-parteċipanti l-oħra bħala li kienet qed tieħu sehem fil-laqgħa bħala aġent ta’ Koehler, u mhux bħala distributriċi indipendenti. Barra minn hekk, in-“noti tal-fajl” ta’ Sappi rigward il-laqgħa tat-30 ta’ Settembru 1993 (dokument Nru 5, imsemmi fil-punt 172 iktar ’il fuq) isemmu “bejgħ iddikjarat” ta’ “Koehler ”. Dan juri li flimkien ma’ Ekman f’din il-laqgħa kien hemm impjegat ta’ Koehler kif tidher li qed tindika d-dikjarazzjoni ta’ AWA msemmija iktar ’il fuq, flimkien mal-provi dokumentarji li jikkonfermaw il-preżenza tas-Sur F. (Koehler) f’Barċellona fit-30 ta’ Settembru 1993, jew li Ekman ipparteċipat fil-laqgħa bħala rappreżentant ta’ Koehler u aġixxiet skond l-istruzzjonijiet tagħha, kif tikkonferma l-perċezzjoni li kellha AWA tal-kapaċità li fiha Ekman ipparteċipat f’din il-laqgħa. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni kellha raġun tikkonstata l-parteċipazzjoni ta’ Koehler fil-laqgħa tat-30 ta’ Settembru 1993.

345    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni stabbiliet suffiċjentement skond il-liġi il-parteċipazzjoni ta’ Bolloré (permezz ta’ Copigraph), ta’ Koehler, ta’ Mougeot u ta’ Torraspapel fil-ksur qabel Settembru jew Ottubru ta’ l-1993 kif ukoll dik ta’ MHTP qabel Jannar ta’ l-1993.

b)     Fuq il-parteċipazzjoni ta’ Mougeot fil-ksur wara l-1 ta’ Lulju 1995

346    Fil-kuntest ta’ motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, Mougeot ssostni li mhuwiex stabbilit li hija pparteċipat fl-akkordju wara l-1 ta’ Lulju 1995. Hija tiċħad il-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħa mhux uffiċjali ta’ l-AEMCP tat-2 ta’ Frar 1995, imsemmija fil-premessa 273 tad-deċiżjoni. Hija ssotni wkoll li l-elementi ta’ prova invokati mill-Kummissjoni ma jipprovawx l-adeżjoni tagħha ma’ l-akkordju ta’ żieda fil-prezzijiet allegatament konkluż f’din il-laqgħa. Hija żżid li l-allegazzjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fil-premessa 273 tad-deċiżjoni, dwar l-aċċettazzjoni tagħha ta’ żieda fil-prezzijiet fis-suq Taljan f’Settembru ta’ l-1995 m’hi sostnuta minn ebda element ta’ prova msemmi fid-deċiżjoni.

347    Il-Kummissjoni tikkonstata li Mougeot pparteċipat fil-ksur sa Settembru ta’ l-1995. Jirriżulta mill-premessi 126, 237, 250, 251 u 273 tad-deċiżjoni li din il-konstatazzjoni tistrieħ, minn naħa, fuq l-eżami, fil-laqgħa ġenerali ta’ l-akkordju tat-2 ta’ Frar 1995, tal-ħtiġijiet ta’ Mougeot f’termini ta’ volumi u, min-naħa l-oħra, fuq l-adeżjoni tagħha għall-akkordji konklużi f’din il-laqgħa.

348    Għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, rigward iż-żamma u l-għan kollużiv ta’ din il-laqgħa, li l-Kummissjoni ppreżentat il-minuti ta’ din il-laqgħa (dokument Nru 7, anness mad-DO u punti 144 sa 146 tad-DO). Minn dawn jirriżulta li fit-2 ta’ Frar 1995 fi Frankfurt inżammet laqgħa ġenerali ta’ l-akkordju, li fiha nftiehmu sensiela ta’ żidiet fil-prezzijiet għal swieq differenti taż-ŻEE (Franza, Il-Ġermanja, L-Awstrija, Spanja, Il-Portugall, Ir-Renju Unit, L-Italja, Il-Finlandja, Id-Danimarka, In-Norveġja, L-Iżvezja, Il-Greċja, Il-Belġju, L-Olanda u L-Islanda) f’dak li jikkonċerna l-bobini u l-folji, kif ukoll id-dati preċiżi ta’ l-implementazzjoni ta’ dawn id-diversi żidiet fil-prezzijiet. Dawn id-dati kienu inklużi bejn l-1 ta’ Frar 1995 (żieda ta’ 10 % fil-prezz tal-bobini u ta’ 5 % fil-prezz tal-folji fis-suq Spanjol) u l-1 ta’ Settembru 1995 (żieda ta’ 8 % fil-prezz tal-bobini u ta’ 5 % fil-prezz tal-folji fis-suq tar-Renju Unit; żieda ta’ 10 % fil-prezz tal-bobini u tal-folji fis-suq Taljan).

349    Fit-tieni lok, jirriżulta, fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta’ Mougeot f’din il-laqgħa, li l-lista tal-parteċipanti f’din il-laqgħa, kif tinsab f’dawn il-minuti u kif inhija parzjalment riprodotta fil-premessa 124 tad-deċiżjoni, tinkludi s-Sur P. B. (Mougeot). Din il-persuna hija msemmija wkoll bħala parteċipant fl-imsemija laqgħa minn Sappi fid-dikjarazzjonijiet tagħha tat-18 ta’ Mejju 1999 (dokument Nru 15200 fil-verżjoni mhux kunfidenzjali, imsemmija fil-punt 162 iktar ’il fuq).

350    Madankollu, Mougeot ippreżentat il-biljett ta’ imbarkazzjoni tas-Sur P. B. fit-15:30 li jikkonferma, fil-fehma tagħha, li r-rappreżentant tagħha ħalla Frankfurt immedjatament wara l-laqgħa uffiċjali ta’ l-AEMCP li saret fl-istess ġurnata.

351    Għandu jiġi osservat f’dan ir-rigward li jirriżulta mill-premessa 123 tad-deċiżjoni li, kif tirrimarka l-Kummissjoni, dan ma jeskludix li r-rappreżentant ta’ Mougeot ipparteċipa mill-bidu tal-laqgħa li nżammet fis-14:00 fl-ajruport.

352    Madankollu, minkejja li Mougeot ma kinitx preżenti għal din il-laqgħa ġenerali ta’ l-akkordju tat-2 ta’ Frar 1995, numru ta’ elementi jistabbilixxu, meta kkunsidrati flimkien, li hija kienet assoċjata mad-deċiżjonijiet adottati u li kienet se timxi magħhom.

353    L-ewwel nett, anki jekk ir-riferenza għar-rappreżentant ta’ Mougeot fil-lista tal-parteċipanti ta’ din il-laqgħa kellha tiġi kkunsidrata bħala żball, dan ma jfissirx li Mougeot ġiet ipperċepita bħala li kienet preżenti jew li kienet tagħmel parti mill-grupp ristrett li kien qed jipparteċipa fl-akkordju.

354    It-tieni nett, jirriżulta li l-bżonnijiet ta’ Mougeot f’termini ta’ volumi ġew diskussi f’din il-laqgħa, kif jikkonfermaw il-minuti tal-laqgħa. Skond dawn ta’ l-aħħar, fil-fatt, “Mougeot teħtieġ sehem mis-suq” u “AWA se tipproponi li din tingħata ċertu tunnellaġġ”. L-eżami, fil-laqgħa ġenerali, tal-ħtiġijiet ta’ Mougeot u s-soluzzjoni proposta jagħtu l-impressjoni li Mougeot kienet għadha qed tipparteċipa fl-akkordju. Dawn il-fatturi ma jsostnix l-allegazzjoni ta’ diskussjoni unikament bilaterali bejn Mougeot u AWA.

355    It-tielet nett, kif il-Qorti tal-Prim’Istanza diġà rilevat fil-punt 331 iktar ’il fuq, Mougeot stess iddikjarat (dokument Nru 11598) li hija “[kienet] tirċievi mingħand waħda jew oħra minnhom, ġeneralment minn AWA, telefonati li jiddikjaraw il-metodi taż-żieda fil-prezzijiet għal kull suq [...] sa nofs l-1995 ”. Dan kien għaldaqstant il-każ fi Frar ta’ l-1995.

356    Ir-raba’ nett, f’fax tat-2 ta’ Frar 1995 (dokument Nru 1378, premessa 237 tad-deċiżjoni) u mibgħuta l-għada lil distributur Britanniku, J & H Paper, Mougeot tindika li “[b]illi se jkun hemm żieda ta’ 8 % fis-suq [tar-Renju Unit] fis-6 ta’ Marzu, aħna qed nipproponulkom l-aqwa offerta tagħna”. Din l-indikazzjoni, interpretata flimkien ma’ dik, li tinsab fil-minuti tal-laqgħa tat-2 ta’ Frar 1995, rigward akkordju ta’ żieda ta’ 8 % fil-prezz tal-bobini fis-suq tar-Renju Unit mill-1 ta’ Marzu 1995, twassal għall-kunsiderazzjoni li din l-impriża bilfors kienet taf dakinhar stess ta’ din il-laqgħa, dwar l-adozzjoni, matulha, ta’ akkordju ta’ żieda ta’ 8 % fil-prezz tal-bobini fis-suq tar-Renju Unit mill-bidu ta’ Marzu ta’ l-1995, u ttrażmettiet immedjatament din iż-żieda fuq il-prezzijiet proposti lid-distributur li kien id-destinatarju tal-fax imsemmija iktar ’il fuq.

357    Kif issostni ġustament il-Kummissjoni fl-atti tagħha, l-argument ta’ Mougeot li din il-fax ma tirrifflettix l-applikazzjoni ta’ akkordju ta’ żieda fil-prezzijiet, iżda deċiżjoni unilaterali adottata minn Mougeot qabel il-laqgħa tat-2 ta’ Frar 1995 għandu jiġi miċħud.

358    Ċertament, l-imsemmija fax tibda billi tindika li: “[k]if għedtilkom il-ġimgħa li għaddiet, aħna rridu ngħollu l-prezzijiet tagħna minħabba żieda [fil-prezzijiet] tal-polpa f’Jannar ”. Madankollu, kif ġustament tirrileva l-Kummissjoni, jirriżulta minn din is-silta mill-fax li d-dikjarazzjoni magħmula minn Mougeot lil J & H Paper fil-ġimgħa ta’ qabel ma ntbagħtet din il-fax kienet tirrigwarda biss il-bżonn ta’ żieda fil-prezzijiet. Il-fatt li Mougeot kkomunikat l-ammont eżatt ta’ din iż-żieda (8 %) biss fit-3 ta’ Frar 1995 jagħti x’jifhem li Mougeot, għall-ewwel, kellha l-intenzjoni li tavża lil J & H Paper dwar l-imminenza ta’ żieda fil-prezz tal-karta u, sussegwentement, indikatilha l-imsemmi ammont abbażi ta’ informazzjoni rċevuta rigward iż-żieda fil-prezz miftiehma, fil-laqgħa ġenerali ta’ l-akkordju tat-2 ta’ Frar 1995, għas-suq tar-Renju Unit mill-1 ta’ Marzu 1995. Barra minn hekk, il-fax in kwistjoni issemmi żieda ta’ 8 % fil-prezzijiet applikati mis-6 ta’Marzu 1995 fis-“suq Britanniku”, u mhux biss mill-impriża Mougeot, ħaġa li tikkonferma l-oriġini kollużiva ta’ din id-deċiżjoni ta’ żieda fil-prezzijiet.

359    Is-sitt nett, finalment, għandu jiġi kkonstatat li Mougeot b’ebda mod ma ddistanzjat ruħha mill-akkordju u għaldaqstant mid-deċiżjonijiet meħuda f’din il-laqgħa ġenerali ta’ l-akkordju tat-2 ta’ Frar 1995. Għall-kuntrarju, Mougeot ma tiċħadx li pparteċipat fl-akkordju sa Lulju ta’ l-1995. Hija tammetti l-preżenza tagħha f’laqgħa fir-rebbiegħa ta’ l-1995 li kellha bħala għan l-iffissar tal-prezzijiet ta’ Lulju.

360    Jirriżulta minn dawn l-elementi kollha li l-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li Mougeot kienet aderiet ma’ l-akkordji konklużi fil-laqgħa ġenerali tat-2 ta’ Frar 1995, inkluża d-deċiżjoni li l-prezzijiet fir-Renju Unit u fl-Italja jiżdiedu. Għandu jingħad ukoll li l-fatt li Mougeot applikatx jew le din iż-żieda fil-prezzijiet m’għandux ikollu rilevanza fuq ir-responsabbiltà tal-ksur. Il-fatt li impriża ma taġixxix skond l-eżitu ta’ laqgħa li jkollha għan antikompetittiv mhuwiex tali li jeħlisha mir-responsabbiltà għall-parteċipazzjoni tagħha f’akkordju, sakemm din ma ddistanzjatx ruħha pubblikament mill-kontenut ta’ dan l-akkordju (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Sarrió vs Il-Kummissjoni, C-291/98 P, Ġabra p. I‑9991, punt 50, u Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 188 iktar ’il fuq, punt 85).

361    Għaldaqstant, skond il-ġurisprudenza stabbilita msemmija fil-punt 186 iktar ’il fuq, li tistipula li l-Artikolu 81 KE huwa applikabbli wkoll għall-akkordji li jkomplu jipproduċu efetti wara t-tmiem formali tagħhom, il-Kummissjoni korrettement stabbiliet li Mougeot ipparteċipat fl-akkordju sa Settembru ta’ l-1995, data ta’ l-aħħar żieda fil-prezz prevista fil-laqgħa tat-2 ta’ Frar 1995.

362    Għaldaqstant għandu jiġi miċħud il-motiv ta’ Mougeot ibbażat fuq in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju wara l-1 ta’ Lulju 1995.

2.     Fuq il-motiv imqajjem minn Divipa

363    Fil-kuntest tal-motivi bbażati fuq l-applikazzjoni żbaljata ta’ l-Artikolu 81 KE u ta’ l-Artikolu 53 tal-ftehim ŻEE, kif ukoll fuq żball ta’ evalwazzjoni, Divipa ssostni li l-Kummissjoni, żbaljatament, imponitilha multa abbażi tal-perijodu ta’ bejn Marzu ta’ l-1992 u Jannar ta’ l-1995. Hija tallega li ma ħadet sehem fl-ebda waħda mil-laqgħat li l-Kummissjoni takkużaha li pparteċipat fihom bejn Marzu ta’ l-1992 u Ottubru ta’ l-1994. Hija żżid li l-prezzijiet li hija applikat f’Jannar ta’ l-1995 ma jaqblux ma’ dawk li ġew miftiehma fil-laqgħa tad-19 ta’ Ottubru 1994, b’mod li ma jistax jiġi kkunsidrat li hija mxiet ma’ l-akkordju wara din il-laqgħa.

364    F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-punt 185 iktar ’il fuq li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar allegata laqgħa kollużiva tat-23 ta’ Settembru 1994 rigward is-suq Spanjol, kif ukoll, għaldaqstant, il-parteċipazzjoni ta’ Divipa fiha, ma ġewx stabbiliti. Min-naħa l-oħra fid-dawl ta’ l-eżami magħmul fil-punti 170 sa 195 iktar ’il fuq, għandhom jiġu kkunsidrati bħala stabbiliti l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-parteċipazzjoni ta’ Divipa fil-laqgħat kollużivi li saru fir-rigward tas-suq Spanjol fit-30 ta’ Settembru u fid-19 ta’ Ottubru 1993, kif ukoll fit-3 ta’ Mejju, fid-29 ta’ Ġunju u fid-19 ta’ Ottubru 1994.

365    Minkejja li l-parteċipazzjoni ta’ Divipa fil-laqgħa kollużiva tal-5 ta’ Marzu 1992 ma ġietx stabbilita direttament, jirriżulta minn numru ta’ indikazzjonijiet li jaqblu bejniethom (ara b’mod partikolari l-punti 170 sa 195 u 205 sa 215 iktar ’il fuq) li Divipa kienet membru fl-akkordju minn Marzu ta’ l-1992, b’mod li l-Kummissjoni kellha raġun tikkonstata l-parteċipazzjoni ta’ Divipa fil-ksur minn din id-data.

366    Fir-rigward tat-tmiem tal-perijodu ta’ parteċipazzjoni ta’ Divipa fil-ksur, jirriżulta mill-punti 162 u 177 iktar ’il fuq li l-Kummissjoni stabbiliet korrettement li Divipa pparteċipat, fid-19 ta’ Ottubru 1994, f’laqgħa rigward is-suq Spanjol li fiha ġew iffissati l-prezzijiet li kellhom jiġu applikati fit-3 ta’ Jannar 1995. F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki li kieku wieħed kellu jemmen l-allegazzjonijiet ta’ Divipa li l-prezzijiet li hija applikat f’Jannar ta’ l-1995 ma kinux jaqblu ma’ dawk li dwarhom kien sar ftehim fil-laqgħa msemmija iktar ’il fuq, dawn l-allegazzjonijiet, l-iktar l-iktar juru li, f’Jannar ta’ l-1995, Divipa ma kkonformatx ruħha ma’ l-akkordju konkluż fid-19 ta’ Ottubru 1994, ħaġa li, flimkien man-nuqqas ta’ prova rigward il-parteċipazzjoni ta’ Divipa fl-akkordju kollużiv wara x-xahar ta’ Jannar 1995, twassal sabiex jiġi kkunsidrat li l-parteċipazzjoni ta’ Divipa fil-ksur, kif il-Kummissjoni tikkonstata fid-deċiżjoni, waqfet f’Jannar ta’ l-1995. Min-naħa l-oħra, huma ma jeskludux il-konstatazzjoni li, fil-laqgħa tad-19 ta’ Ottubru 1994, Divipa pparteċipat f’akkordju ta’ ffissar tal-prezzijiet u ftehmet mal-parteċipanti l-oħra l-japplikaw dan l-akkordju fit-3 ta’ Jannar 1995, li jfisser l-adeżjoni tagħha ma’ l-akkordju sa din id-data. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kellha raġun tikkonstata li Divipa pparteċpat fil-ksur sa Jannar ta’ l-1995.

367    Għandu jiġi kkunsidrat li l-parteċipazzjoni ta’ Divipa f’laqgħat kollużivi rigward is-suq Spanjol tirrifletti l-adeżjoni tagħha ma’ l-akkordju Ewropew ġenerali (ara l-punti 205 sa 215 iktar ’il fuq) u, għaldaqstant, il-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur ikkonstatat fl-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni.

3.     Fuq il-motiv imqajjem minn Zicuñaga

368    Fil-kuntest ta’ motiv ibbażat fuq żbalji ta’ evalwazzjoni, Zicuñaga ssostni li l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni jirrigwardaw unikament l-allegata parteċipazzjoni tagħha f’laqgħat organizzati bejn Ottubru ta’ l-1993 u Ottubru ta’ l-1994. Hija żżid li l-ebda element ma jistabbilixxi l-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħa ta’ Ottubru ta’ l-1993, b’mod li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur damet, mhux iktar minn, ħames xhur.

369    F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 161 sa 201 iktar ’il fuq li l-Kummissjoni korrettement stabbiliet li Zicuñaga pparteċipat fil-laqgħat kollużivi relativi għas-suq Spanjol li saru fid-19 ta’ Ottubru 1993, fit-3 ta’ Mejju, id-29 ta’ Ġunju u d-19 ta’ Ottubru 1994. Għandu jiġi kkunsidrat li l-parteċipazzjoni ta’ Zicuñaga f’dawn id-diversi laqgħat tirrifletti l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur ikkonstatata fl-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 1, tad-deċiżjoni.

370    Fir-rigward tal-laqgħa tad-19 ta’ Ottubru 1994, ġie rilevat fil-punt 193 iktar ’il fuq li Zicuñaga, matulha, ipparteċipat f’akkordju ta’ ffissar tal-prezzijiet u ftehmet mal-parteċipanti l-oħra li tapplika dan l-akkordju fit-3 ta’ Jannar 1995, fatt li jirrifletti l-adeżjoni tagħha ma’ dan l-akkordju sa din id-data, skond il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 188 iktar ’il fuq.

371    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni kellha raġun tikkonstata, fit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 1, tad-deċiżjoni, li Zicuñaga pparteċipat fil-ksur matul il-perijodu bejn Ottubru ta’ l-1993 u Jannar ta’ l-1995. Il-motiv eżaminat għandu, konsegwentement, jiġi miċħud.

II –  Fuq il-motivi intiżi għat-tħassir jew għat-tnaqqis tal-multi ffissati fl-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 3, tad-deċiżjoni

372    Ir-rikorrenti kollha jressqu talbiet għat-tnaqqis tal-multa mogħtija. AWA titlob, min-naħa tagħha, prinċipalment, l-annullament tal-multa li ġiet ikkundannata tħallas. L-argumenti tagħhom jinqasmu, essenzjalment, fi tmien motivi jew sensiela ta’ motivi.

A –  Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju tal-protezzjoni ta’ l-aspetattivi leġittimi minħabba n-natura inkompleta u impreċiża tad-DO fir-rigward tal-multi

1.     L-argumenti tal-partijiet

373    Dan il-motiv huwa maqsum fi tliet partijiet. Fl-ewwel lok, AWA ssostni li l-Kummissjoni ffissat il-multa li ġiet imposta fuqha abbażi ta’ sensiela ta’ elementi li ma ġewx imsemmija fid-DO u li dwarhom, għaldaqstant, hija ma kellhiex l-okkażjoni tesprimi ruħa matul il-proċedimenti amministrattivi. Fit-tieni lok, hija takkuża lill-Kummissjoni li imponiet fuqha multa superjuri għall-multi imposti fil-prattika deċiżjonali preċedenti tagħha. Fit-tielet lok, hija ssostni li l-Kummissjoni ffissat il-multa mingħajr ma kkunsidrat il-linji gwida, u mingħajr semmiet fid-DO l-intenzjoni tagħha li kienet se tinjorhom.

374    Il-Kummissjoni tqis li d-DO ppermettiet lil AWA issir taf x’kienu l-elementi meqjusa bħala rilevanti għad-determinazzjoni tal-multa li ġiet imposta fuqha. Hija tafferma, barra minn hekk, li kkonformat ruħha b’mod sħiħ mal-linji gwida. Fl-aħħar nett, il-fatt li fl-imgħoddi l-Kummissjoni applikat multi ta’ ċertu livell fil-konfront ta’ ċerti tipi ta’ ksur ma jistax iċaħħadha mill-possibbiltà li tgħolli dan il-livell skond il-limiti previsti mir-Regolament Nru 17.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

375    Dan il-motiv għandu jiġi ttrattat billi jiġu eżaminati l-ewwel nett it-tieni u t-tielet partijiet, li fihom AWA ssostni li l-Kummissjoni, billi injorat il-prattika preċedenti tagħha u l-linji gwida, ippreġudikat id-dritt tagħha li tinstema’ kif ukoll l-aspettativi leġittimi tagħha.

a)     Fuq il-ksur tad-dritt li tinstema’ u tan-nuqqas ta’ rispett ta’ l-aspettativi leġittimi safejn il-Kummissjoni injorat il-prattika preċedenti tagħha

376    Fir-rigward tal-prattika deċiżjonali preċedenti, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita sew, il-fatt li l-Kummissjoni applikat, fl-imgħoddi, multi ta’ ċertu livell fir-rigward ta’ ċerti tipi ta’ ksur ma jistax jipprivaha mill-possibbiltà li tgħolli dan il-livell skond il-limiti indikati fir-Regolament Nru 17, jekk dan ikun meħtieġ biex tiġi żgurata l-implementazzjoni tal-politika Komunitarja tal-kompetizzjoni (is-sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punt 109; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-10 ta’ Marzu 1992, Solvay vs Il-Kummissjoni, punt 196 iktar ’il fuq, punt 309, u ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, Europa Carton vs Il-Kummissjoni, T-304/94, Ġabra p. II‑869, punt 89). L-applikazzjoni effikaċi tar-regoli Komunitarji dwar il-kompetizzjoni titlob, fil-fatt, li l-Kummissjoni tista’ f’kull mument tadatta l-livell tal-multi għall-bżonnijiet ta’ din il-politika (is-sentenzi Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punt 109, u LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 237).

377    Barra minn hekk, skond ġurisprudenza stabbilita, l-operaturi ekonomiċi mhumiex iġġustifikati li jkollhom aspettattivi leġittimi li sitwazzjoni eżistenti li tista’ tinbidel mill-istituzzjonijiet Komunitarji meta jeżerċitaw is-setgħa diskrezzjonali tagħhom ser tibqa’ kif inhi (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1982, Edeka, 245/81, Ġabra p. 2745, punt 27, u ta’ l-14 ta’ Frar 1990, Delacre et vs Il-Kummissjoni, C-350/88, Ġabra p. I‑395, punt 33). Għaldaqstant, l-impriżi involuti fi proċedimenti amministrattivi li jistgħu jwasslu għal multa ma jistgħux jiksbu aspettattiva leġittima li l-Kummissjoni mhijiex ser taqbeż il-livell tal-multi impost preċedentement (is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Lulju 2001, Tate & Lyle et vs Il-Kummissjoni, T-202/98, T-204/98 u T-207/98, Ġabra p. II‑2035, punt 146, u LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 243).

378    Għaldaqstant, AWA ma tistax tiddeduċi argument favuriha mill-fatt li l-Kummissjoni qabżet il-livell tal-multa applikata fil-prattika preċedenti tagħha. Wara kollox, AWA tidher li qed tammetti, fir-replika tagħha, li l-prattika preċedenti tal-Kummissjoni, ma setgħetx toħloq aspettattivi leġittimi fil-konfront tagħha.

b)     Fuq il-ksur tad-dritt li tinstema’ u tal-prinċipju tal-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi safejn il-Kummissjoni injorat il-linji gwida

379    AWA ssostni li l-Kummissjoni injorat il-linji gwida mingħajr ma ddikjarat l-intenzjoni tagħha li tagħmel dan, u b’hekk ippreġudikat l-aspettattivi leġittimi li hija kellha bħala riżultat ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Il-Kummissjoni injorat il-linji gwida, l-ewwel nett, billi injorat il-fatt li l-ksur in kwistjoni ma kellu l-ebda effett jew, l-iżjed l-iżjed, kellu effett limitat. It-tieni nett, l-evalwazzjoni tagħha tal-gravità tal-ksur kienet twassalha sabiex tiffissa l-ammont inizjali tal-multa għal EUR 70 000 000, jiġifieri, ammont li huwa 3.5 darbiet superjuri għall-ammont inizjali msemmi fil-linji gwida għall-“ksur serju ħafna”, jiġifieri EUR 20 000 000. Fl-aħħar nett, AWA ssostni li l-Kummissjoni kellha tiddikjara l-intenzjoni tagħha li timponi multa li l-ammont tagħha, qabel it-tnaqqis magħmul skond il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, kien 2.5 darbiet superjuri għall-multa massima li qatt ġiet imposta mill-Kummissjoni fuq impriża waħda.

380    Għandu jiġi mfakkar li l-linji gwida ġew ippubblikati f’Jannar ta’ l-1998, jiġifieri wara l-ksur, iżda qabel ma ntbagħtet id-DO, fis-26 ta’ Lulju 2000.

381    Skond AWA, il-Kummissjoni setgħet tinjora l-linji gwida u timponi multi ogħla li kieku hija emendat il-linji gwida jew, għall-inqas, li kieku kienet iddikjarat din l-intenzjoni fid-DO, ħaġa li m’għamlitx.

382    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li AWA ma pprovatx b’liema mod il-Kummissjoni, meta ffissat il-multa, injorat il-linji gwida. Fil-fatt, AWA, meta tispjega l-motiv tagħha, tinterpreta ħażin kemm il-linji gwida kif ukoll id-deċiżjoni.

383    L-ewwel nett, f’dak li jikkonċerna l-impatt tal-ksur, il-Kummissjoni spjegat, fil-premessi 382 sa 409 tad-deċiżjoni, il-mod li bih hija kkunsidrat, fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq kif ukoll l-effett reali ta’ l-aġir illegali ta’ kull parteċipant fuq il-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni semmiet l-argument ta’ l-effett reali limitat ħafna ta’ l-akkordju fuq is-suq, li tqajjem minn uħud mill-impriżi, fosthom AWA, matul il-proċedimenti amministrattivi. It-tieni nett, il-Kummissjoni spjegat għaliex kellha tirrespinġi tali argument. Fid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni għaldaqstant qieset li l-ksur effettivament kellu impatt u ffissat il-multa relttiva abbażi ta’ dan. AWA ma tistax għaldaqstant issostni li l-Kummissjoni ma kkunsidratx l-impatt tal-ksur. Din il-kunsiderazzjoni timplika li l-Kummissjoni lanqas ma tista’ tiġi akkużata li ma ddikjaratx l-intenzjoni tagħha li ma tiħux in kunsiderazzjoni l-impatt ineżistenti jew limitat tal-ksur.

384    Jekk jitqies li AWA ikkontestat, fil-verità, l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fuq l-impatt tal-ksur fuq is-suq, il-kritika tagħha titħallat ma’ dik li fuqha huwa bbażat il-motiv tagħha rigward il-gravità tal-ksur u se tiġi eżaminata f’dan il-kuntest.

385    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kienet iddikjarat l-intenzjoni tagħha li tieħu in kunsiderazzjoni l-impatt tal-ksur. Fil-fatt, hija kienet indikat, fid-DO, li hija kienet se tieħu in kunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tagħha tal-gravità tal-ksur, “l-impatt effettiv [tiegħu] fis-suq” (punt 262).

386    It-tieni nett, safejn AWA ssostni li l-Kummissjoni qabżet l-ammont inizjali msemmi fil-linji gwida, għandu jiġi mfakkar li dawn jipprovdu, għall-“[k]sur serju ħafna”, bħar-“restrizzjonijiet orizzontali bħal ‘[akkordji fuq il-]prezzijiet’ u kwota [ta’ tqassim tas-swieq]”, “[m]ulti applikabbli” li jistgħu jammontaw għal “aktar minn 20 miljun ECU”. Fid-dawl tal-possibbiltà li għandha l-Kummissjoni li tagħżel ammont inizjali li jaqbeż l-EUR 20 000 000, ma jistax jiġi sostnut li l-Kummissjoni injorat il-linji gwida f’dan ir-rigward.

387    Għandu jingħad ukoll li l-Kummissjoni bbażat ruħha, għall-iffissar ta’ l-ammont inizjali ta’ EUR 70 000 000 iddeterminat fil-konfront ta’ AWA, fuq il-piż speċifiku ta’ l-impriża u fuq l-effett reali ta’ l-aġir illegali tagħha fuq il-kompetizzjoni, kif rifless mill-fatturat tar-rikorrenti fir-rigward tal-prodott ikkonċernat fiż-ŻEE. Għandu jiġi mfakkar, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni ddikjarat, fil-punt 266 tad-DO, li hija kienet se tieħu in kunsiderazzjoni l-importanza ta’ kull impriża parteċipanti fis-suq in kwistjoni kif ukoll l-effett ta’ l-aġir infrazzjonali tagħha fuq il-kompetizzjoni.

388    It-tielet nett, f’dak li jikkonċerna l-livell tal-multa kkunsidrata qabel it-tnaqqis magħmul skond il-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni, AWA ma turix b’liema mod il-linji gwida jimpedixxu l-impożizzjoni ta’ multa ta’ tali livell. Barra minn hekk, għandha tiġi mfakkra l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 377 iktar ’il fuq, li tistipula li ebda aspettattiva leġittima ma setgħet tinħoloq għal AWA fir-rigward tal-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx ser taqbeż il-livell tal-multi applikat preċedentement.

389    AWA tqajjem ukoll argument iktar ġenerali, li l-Kummissjoni kellha tiddikjara l-intenzjoni tagħha li tapplika “il-politka l-ġdida” tagħha “f’dak li jirrigwarda l-multi”.

390    Huwa diffiċli li jiġi dedott b’liema mod il-metodu tal-kalkolu użat fid-deċiżjoni huwa ġdid meta mqabbel mal-prattika preċedenti, jekk mhux permezz ta’ l-applikazzjoni tal-linji gwida li, fihom infushom, jirriflettu metodu tal-kalkolu li jikkostitwixxi bidla fir-rigward tal-prattika preċedenti f’dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-multi. Għandu jiġi enfasizzat li, bil-kontra tar-rikorrenti fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi intitolati “Pajpijiet preisolati” (b’mod partikolari s-sentenza Sigma Tecnologie vs Il-Kummissjoni, punt 209 iktar ’il fuq), AWA ma tikkontestax il-bdil li l-linji gwida ġabu fir-rigward tal-prattika preċedenti. Hija tidher li qed topponi biss l-applikazzjoni, fil-każ tagħha, ta’ metodu ta’ kalkolu tal-multi li jikkontradiċi, fil-fehma tagħha, kemm il-prattika amministrattiva kif ukoll il-linji gwida tal-Kummissjoni.

391    Skond il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata, ladarba hija kienet indikat elementi ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom hija kienet se tibbaża l-kalkolu tagħha ta’ l-ammont tal-multi, tispeċifika l-mod li bih kienet se tuża kull waħda minn dawn l-elementi sabiex tiddetermina l-livell tal-multa (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punt 21, u tad-9 ta’ Novembru 1983, Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, Ġabra p. 3461, punt 19).

392    Anki li kieku l-metodu użat mill-Kummissjoni kellu jiġi kkunsidrat bħala innovattiv meta mqabbel mal-prattika amministrattiva eżistenti, il-Kummissjoni ma kinitx madankollu marbuta, matul il-proċedimenti amministrattivi, tikkomunika lill-impriżi kkonċernati l-intenzjoni tagħha li tapplika metodu ġdid ta’ kalkolu tal-multi (is-sentenza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 207).

393    Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni fl-impożizzjoni tal-multi, ir-rikorrenti ma setgħetx tikseb aspettattiva leġittima li l-Kummissjoni ma kinitx se taqbeż il-livell tal-multi impost preċedentement (is-sentenza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 243).

394    Fl-aħħar nett, għandu jiġi rilevat li r-riferenza li tagħmel AWA, f’dan il-kuntest, għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, Sarrió vs Il-Kummissjoni (T-334/94, Ġabra p. II‑1439), billi tinvoka l-fatt li fid-DO ma saritx dikjarazzjoni li kienet ser tiġi adottata politika ta’ ffissar tal-multi radikalment ġdida u iktar stretta, hija irrilevanti, peress li din is-sentenza ma titrattax il-kontenut ta’ dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, iżda l-motivazzjoni tad-deċiżjoni.

395    Konsegwentement, l-ebda ksur tad-dritt għal smigħ jew tal-prinċipju tal-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi ma jista’ jiġi kkonstatat f’dak li jikkonċerna l-mod li bih il-Kummissjoni applikat il-linji gwida.

c)     Fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ safejn il-Kummissjoni ffissat il-multa billi bbażat ruħa fuq elementi mhux imsemmija fid-DO

396    Għad irid jiġi ttrattat l-argument li l-Kummissjoni ffissat il-multa imposta fuq AWA abbażi ta’ sensiela ta’elementi li ma ssemmewx fid-DO u li dwarhom AWA ma kellhiex, għaldaqstant, l-okkażjoni li tesprimi ruħha fil-proċedimenti amministrattivi. AWA takkuża lill-Kummissjoni li ma dikjaratx l-intenzjoni tagħha li żżid l-ammont inizjali tal-multa bħala metodu ta’ dissważjoni u li ma speċifikatx kif hija kienet se tieħu in kunsiderazzjoni d-dissważjoni, b’mod partikolari abbażi tad-daqs ta’ AWA. Il-Kummissjoni lanqas ma ddikjarat kif hija kienet se tieħu in kunsiderazzjoni l-leadership ta’ l-impriżi involuti.

397    Għandu jiġi mfakkar f’dan ir-rigward li, skond ġurisprudenza stabbilita, ladarba l-Kummissjoni tindika espressament, fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijet tagħha, li hija se teżamina jekk għandhomx jiġu imposti multi fuq l-impriżi kkonċernati u tiddikjara l-elementi prinċipali ta’ fatt u ta’ dritt li jistgħu jwasslu għal multa, bħall-gravità u t-tul ta’ żmien tal-ksur allegat u l-fatt li l-ksur isir deliberatament jew b’negliġenza, hija tissoddisfa l-obbligu tagħha li tirrispetta d-dritt li l-impriżi jinstemgħu. B’hekk, hija tagħtihom l-elementi meħtieġa biex jiddefendu ruħhom mhux biss kontra konstatazzjoni tal-ksur, iżda wkoll kontra l-fatt li multa tiġi imposta fuqhom (is-sentenzi Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punt 21, u LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 199).

398    Għaldaqstant, f’dak li jikkonċerna d-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multi, id-drittijiet tad-difiża ta’ l-impriżi kkonċernati huma ggarantiti quddiem il-Kummissjoni permezz tal-possibbiltà li jsiru osservazzjonijiet fuq it-tul ta’ żmien, il-gravità u n-natura antikompetittiva tal-fatti li bihom huma akkużati. Barra minn hekk, l-impriżi jibbenefikaw minn garanzija supplementari, f’dak li jikkonċerna d-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multi, inkwantu l-Qorti tal-Prim’Istanza għandha ġurisdizzjoni illimitata u tista’ b’mod partikolari tħassar jew tnaqqas il-multa, skond l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 17 (is-sentenzi Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punt 235, u LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 200).

399    F’dan il-każ, għandhom jiġu eżaminati ż-żewġ punti li fuqhom, skond AWA, il-Kummissjoni kisret id-dritt tagħha li tinstema’.

400    F’dak li jikkonċerna r-rwol prinċipali ta’ AWA fl-akkordju, għandu jiġi kkonstatat li d-DO ddikjarat li tali element kien se jittieħed in kunsiderazzjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni speċifikat, fil-punt 198 tad-DO, ir-“rwol ta’ koordinatriċi ta’ l-akkordju assunt minn AWA” filwaqt li hija indikat, fil-parti tad-DO li titkellem dwar il-multa, li l-multa individwali li kellha tiġi imposta fuq kull waħda mill-impriżi parteċipanti kienet se tirrifletti b’mod partikolari r-rwol ta’ kull waħda minnhom fl-akkordji kollużivi “deskritti iktar ‘il fuq”. Barra minn hekk, jirriżulta mid-deċiżjoni li AWA, matul il-proċedimenti amministrattivi, ikkontestat l-allegazzjoni li kellha rwol prinċipali fl-akkordju, li juri li hija fehmet l-oġġezzjoni li kienet saritlha f’dan ir-rigward fid-DO, u li tat l-opinjoni tagħha fuq dan il-punt.

401    Fir-rigward ta’ l-element ibbażat fuq id-dissważjoni, il-Kummissjoni ħabbret espressament, fil-punt 264 tad-DO, l-intenzjoni tagħha “li tiffissa l-multi fuq livell suffiċjenti sabiex tagħmilhom dissważivi”. Barra minn hekk, b’mod konformi mal-ġurisprudenza, il-Kummissjoni indikat, fil-punti 262 sa 266 tad-DO, l-elementi prinċipali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom hija kienet se tibbaża l-kalkolu ta’ l-ammont tal-multa li kellha tiġi imposta fuq ir-rikorrenti, b’mod li, f’dan ir-rigward, id-dritt ta’ din ta’ l-aħħar li tinstema’ ġie debitament irrispettat.

402    F’kuntest bħal dan, AWA ma tistax raġonevolment issostni li l-Kummissjoni kien imissha ħabbret, b’mod iktar dettaljat, il-fatturi li hija kienet se tieħu in kunsiderazzjoni sabiex tiżgura li l-multa jkollha effett suffiċjentement dissważiv. Fil-fatt, billi l-Kummissjoni ma setgħetx tiffissa l-ammont tal-multa qabel ma semgħet lill-impriżi u ġew iffinalizzati l-proċedimenti amministrattivi, kien impossibbli għaliha matul il-proċedimenti amministrattivi li tipprevedi l-ammonti tal-multi li kellha timponi fuq l-impriżi kkonċernati, jew li tevalwa l-effett dissważiv ta’ dawn l-ammonti u li tesprimi ruħha fuq il-bżonn eventwali ta’ tibdiliet sabiex taċċerta ruħa li l-multi jkollhom tali effett.

403    F’dan ir-rigward, għandha tiġi mfakkra l-ġurisprudenza li tistipula li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata, ladarba hija kienet indikat l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom hija kienet se tibbaża l-kalkolu tagħha ta’ l-ammont tal-multi, tippreċiża l-mod li bih hija kienet se tuża kull wieħed minn dawn l-elementi biex tiddetermina l-livell tal-multa. Fil-fatt, li kieku kellhom jingħataw indikazzjonijiet rigward il-livell tal-multi kkontemplati, meta l-impriżi ma jkunux għadhom ingħataw l-opportunità jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-oġġezzjonijiet magħmula kontrihom, dan ikun ifisser li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun qed tiġi antiċipata b’mod mhux xieraq (is-sentenzi Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punt 21, u Michelin vs Il-Kummissjoni, punt 391 iktar ’il fuq, punt 19).

404    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, il-motiv ta’ AWA ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju tal-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

B –  Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ non-retroattività

1.     L-argumenti tal-partijiet

405    L-affermazzjoni li l-Kummissjoni applikat, f’dan il-każ, politika ġdida fil-qasam tal-multi tikkostitwixxu wkoll il-bażi tal-motiv ta’ AWA dwar ksur tal-prinċipju ta’ non-retroattività. Il-ksur tal-prinċipju ta’ non‑retroattività jirriżulta mill-fatt li l-multa li ġiet imposta fuq AWA kienet ħafna ogħla mill-multi li kienu ġew imposti fil-mument tal-ksur. Skond AWA, il-Kummissjoni ma setgħetx tapplika politika ġdida fil-qasam tal-multi mingħajr ma twissi lill-impriżi b’tali bdil fil-politika tagħha.

406    Il-Kummissjoni tafferma li kienet segwiet il-linji gwida għal kollox, b’mod li ma tistax tiġi akkużata li, f’din il-kawża, applikat b’mod retroattiv politika ġdida fil-qasam tal-multi.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

407    Għandu jiġi mfakkar li l-impriżi involuti fi proċedimenti amministrattivi li jistgħu jagħtu lok għal multa ma jistgħux jiksbu aspettattiva leġittima li l-Kummissjoni mhijiex se taqbeż il-livell tal-multi applikat preċedentement u lanqas fir-rigward tal-metodu tal-kalkolu ta’ dawn ta’ l-aħħar. Għaldaqstant, l-imsemmija impriżi għandhom jieħdu in kunsiderazzjoni l-possibbiltà li, fi kwalunkwe mument, il-Kummissjoni tiddeċiedi li tgħolli l-livell ta’ l-ammont tal-multi b’relazzjoni ma’ dak applikat fl-imgħoddi. Dan japplika mhux biss meta l-Kummissjoni tgħolli l-livell ta’ l-ammont tal-multi billi tiffissa multi f’deċiżjonijiet individwali, iżda wkoll jekk din iż-żieda ssir bl-applikazzjoni, f’każijiet partikolari, ta’ regoli ta’ kondotta li jkollhom portata ġenerali bħal-linji gwida.

408    Għandu jiġi konkluż minn dan li l-linji gwida u, b’mod partikolari, il-metodu l-ġdid tal-kalkolu tal-multi li dawn jinkludu, jekk jitqies li dan kellu effett aggravanti fir-rigward tal-livell tal-multi imposti, kienu raġonevolment previdibbli għal impriżi bħar-rikorrenti f’dak iż-żmien meta sar il-ksur in kwistjoni.

409    Għaldaqstant, billi applikat il-linji gwida fid-deċiżjoni kontenzjuża għal ksur li sar qabel ma dwan ġew adottati, il-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ non-retroattività (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punti 228 sa 232).

410    Safejn AWA ssostni, fil-verità, li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ non-retroattività mhux minħabba li applikat il-linji gwida, iżda minħabba li injorathom meta imponiet il-multa fuq ir-rikorrenti, għandha ssir riferenza għall-punti 379 sa 395 fejn jirriżulta li hemm lok li dan il-motiv jiġi miċħud.

411    Fl-aħħar, safejn il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ non-retroattività għandu jiġi interpretat bħala li jallega wkoll li hija injorat il-prattika deċiżjonali preċedenti tagħha, għandha ssir riferenza f’dan ir-rigward għall-punti 376 sa 378 iktar ’il fuq li fihom il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

412    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, dan il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ non-retroattività għandu jiġi miċħud.

C –  Fuq il-motivi bbażati fuq l-insuffiċjenza tal- provi, fuq il-ksur tal-prinċipji tal-preżunzjoni ta’ l-innoċenza, ta’ proporzjonalità u ta’ trattament ugwali, kif ukoll fuq żbalji ta’ evalwazzjoni, f’dak li jikkonċerna l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni rigward il-parteċipazzjoni ta’ ċerti impriżi fl-akkordju Ewropew

413    Divipa u Zicuñaga jitolbu li jingħata tnaqqis fil-multa li ġiet imposta fuqhom billi jallegaw li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-parteċipazzjoni tagħhom f’akkordju Ewropew meta, fil-verità, huma pparteċipaw biss f’akkordju fuq livell nazzjonali. Dawn l-impriżi jirrepetu, f’dan ir-rigward, l-argumenti li huma żviluppaw ukoll bħala motiv sostantiv fil-kuntest tat-talbiet tagħhom għall-annullament tad-deċiżjoni. Permezz ta’ l-istess motiv, Divipa tallega mill-ġdid li l-Kummissjoni ma kkunsidratx, meta ffissat il-multa li imponiet fuqha, li hija ma pparteċipatx f’akkordju illegali u li ma pparteċipatx direttament fid-deċiżjonijiet meħuda fuq il-prezzijiet.

414    F’dak li jikkonċerna l-parteċipazzjoni fl-akkordju Ewropew, għandha ssir riferenza għall-punti 205 sa 215 iktar ’il fuq li minnhom jirriżulta li la Divipa u lanqas Zicuñaga ma setgħu jinjoraw il-fatt li l-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju fuq livell nazzjonali kien jagħmel parti mill-kuntest ikbar ta’ akkordju Ewropew. Għaldaqstant huma ma jistgħux jippretendu li jingħatalhom tnaqqis fil-multa tagħhom f’dan ir-rigward.

415    Fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta’ Divipa fl-akkordju, jirriżulta mill-punti 155 sa 204 iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni pprovat suffiċjentement, f’dak li jikkonċerna s-suq Spanjol, il-parteċipazzjoni ta’ Divipa fl-akkordju għall-perijodu ta’ bejn Marzu ta’ l-1992 u Jannar ta’ l-1995, li tirriżulta b’mod partikolari mill-parteċipazzjoni tagħha f’numru ta’ laqgħat li fihom l-impriżi attivi fis-suq Spanjol ftehmu fuq żieda fil-prezzijiet u, fil-laqgħa tat-30 ta’ Settembru 1993, fuq attribuzzjoni ta’ kwoti ta’ bejgħ. Għaldaqstant, Divipa ma tistax tippretendi li tingħata tnaqqis fil-multa li ġiet imposta fuqha bl-argument li ma pparteċipatx f’akkordju illegali.

416    Rigward l-argument ta’ Divipa, li hija ma pparteċipatx direttament fit-teħid ta’ deċiżjonijiet fuq il-prezzijiet, għandu jiġi enfasizzat li Divipa ma pprovatx li ddistazjat ruħha pubblikament mill-kontenut tal-laqgħat li għalihom hija kienet preżenti. Għaldaqstant, l-impriża tat l-impressjoni lill-parteċipanti l-oħra li hija kienet qed taqbel mar-riżultat tagħhom u li kienet se timxi miegħu (is-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 188 iktar ’il fuq, punt 82). Safejn dan l-argument ifisser li qed jiġi sostnut li r-rwol kien wieħed passiv, dan se jiġi eżaminat fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti (ara l-punti 596 sa 635 iktar ’il quddiem).

417    Rigward Zicuñaga, għandu jiġi determinat jekk u, skond il-każ, b’liema mod, il-fatt li l-parteċipazzjoni tagħha fil-prattiċi ta’ tqassim tas-suq ma ġietx stabbilita (ara l-punti 238 sa 240 iktar ’il fuq) jiġġustifikax tnaqqis fil-multa li ġiet imposta fuqha.

418    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rilevat li d-deskrizzjoni fil-qosor tal-ksur fil-parti introduttiva tad-deċiżjoni ssemmi “akkordju u/jew prattika miftiehma […] li biha [il-produtturi u distributuri kkonċernati] ftehmu fuq żieda fil-prezzijiet, attribwew kwoti ta’ bejgħ u ffissaw ishma mis-suq, u fasslu mekkaniżmu li jippermettilhom isegwu l-implementazzjoni ta’ l-akkordji restrittivi” (premessa 2 tad-deċiżjoni). Fid-deskrizzjoni tan-natura tal-ksur, il-Kummissjoni tindika, fil-premessa 376 tad-deċiżjoni, ksur li “jieħu l-forma ta’ ffissar tal-prezzijiet u ta’ tqassim tas-swieq, li jikkostitwixxu, minnhom infushom, l-iżjed ksur serju ta’ l-Artikolu 81(1), [KE] u ta’ l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim taż-ŻEE”.

419    Madankollu, il-parti operattiva tad-deċiżjoni tiddeskrivi l-ksur li bih hija akużata r-rikorrenti biss f’termini ġenerali, bħala “numru ta’ akkordji u prattiċi miftiehma fis-settur tal-karta saħħara ” (l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni).

420    Barra minn hekk, jirriżulta mid-deċiżjoni li l-akkordju fuq iż-żieda fil-prezzijiet huwa l-“għan prinċipali” (premessa 77) u l-“pedament” (premessa 383) ta’ l-akkordju. Fid-deskrizzjoni ta’ l-għanijiet ta’ l-akkordju, fil-premessi 77 sa 81 tad-deċiżjoni, il-Kummissjoni ssemmi “pjan antikompetittiv globali intiż essenzjalment sabiex tittejjeb il-profittabbiltà tal-parteċipanti b’żidiet kollettivi tal-prezzijiet” u tispeċifika li, “[f]il-kuntest ta’ dan il-pjan globali, l-għan ewlieni ta’ l-akkordju kien jikkonsisti fil-fatt li jintlaħaq ftehim fuq żieda fil-prezzijiet u fuq il-kalendarju ta’ l-implementazzjoni tagħhom”. Skond il-premessa 81 tad-deċiżjoni, l-attribuzzjoni ta’ kwoti ta’ bejgħ u ishma mis-suq, f’ċerti laqgħat nazzjonali ta’ l-akkordju, hija intiża sabiex “tiżgura l-applikazzjoni taż-żieda fil-prezzijiet miftiehma”, “tevita li s-sistema komuni ma tiġix osservata” u “tipprojbixxi kull kompetizzjoni f’aspetti kummerċjali oħra”.

421    Għandu jiġi rilevat, f’dan ir-rigward, li l-akkordji u l-prattiċi miftiehma msemmija fl-Artikolu 81(1) KE neċessarjament jirriżultaw mill-parteċipazzjoni ta’ numru ta’ impriżi, li lkoll huma koawturi tal-ksur, iżda li l-parteċipazzjoni tagħhom tista’ tieħu forom differenti, b’mod partikolari fid-dawl tal-karatteristiċi tas-suq ikkonċernat u l-pożizzjoni ta’ kull impriża f’dan is-suq, l-għanijiet segwiti u l-metodi ta’ eżekuzzjoni magħżula jew ippjanati.

422    Madankollu, is-sempliċi fatt li kull impriża tipparteċipa fil-ksur f’għamla partikolari għaliha mhuwiex biżżejjed biex tiġi eskluża r-responsabbiltà tagħha għall-ksur kollu, inkluż l-aġir li jiġi implementat minn impriża parteċipanti oħra, iżda li jkollhom l-istess għan jew l-istess effett antikompetittiv.

423    Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 81 KE jipprojbixxi l-akkordji bejn impriżi u d-deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, inkluż aġir li jikkostitwixxi l-implementazzjoni ta’ dawn l-akkordji jew deċiżjonijiet, kif ukoll il-prattiċi miftiehma, meta jkunu jistgħu jaffetwaw il-kummerċ intrakomunitarju u jkollhom għan jew effett antikompetittiv. Għaldaqstant, ksur ta’ dan l-Artikolu jista’ jirriżulta mhux biss f’att iżolat, iżda wkoll f’sensiela ta’ atti jew saħansitra aġir kontinwa. Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkontestata minħabba li element wieħed jew iżjed minn din is-seniela ta’ atti jew minn dan l-aġir kontinwu jistgħu jikkostitwixxu wkoll, fihom infushom, ksur ta’ l-imsemmi Artikolu 81 KE (is-sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 149 iktar ’il fuq, punti 79 sa 81).

424    F’dan il-każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, l-akkordji u l-prattiċi miftiehma kkonstatati jagħmlu parti, minħabba l-għan identiku tagħhom u s-sinerġiji stretta bejniethom, minn pjan globali li min-naħa tiegħu jagħmel parti minn sensiela ta’ sforzi ta’ l-impriżi in kwistjoni li jsegwu għan ekonomiku wieħed, jiġifieri li joħolqu restrizzjoni fl-evoluzzjoni tal-prezzijiet. Kif issostni ġustament il-Kummissjoni fil-premessa 253 tad-deċiżjoni, tkun ħaġa artifiċjali li dan l-aġir kontinwu, ikkaratterizzat minn għan wieħed, jiġi suddiviż billi jitqies li hemm numru ta’ vjoalzzjonijiet distinti, meta, għall-kuntrarju, dan huwa ksur wieħed li ġie kkonkretizzat progressivament kemm permezz ta’ akkordji kif ukoll ta’ prattiċi miftiehma. In-natura unika tal-ksur tirriżulta, fil-fatt, mill-identiċità ta’ l-għan imfittex minn kull parteċipant fl-akkordju u mhux mill-metodi ta’ applikazzjoni ta’ dan l-akkordju (is-sentenza Ciment, punt 4127).

425    F’dawn iċ-ċirkustanzi, impriża li pparteċipat f’tali ksur permezz ta’ aġir attribwibbli lilha, li jaqa’ taħt il-kunċetti ta’ akkordju jew ta’ prattika miftiehma b’għan antikompetittiv skond l-Artikolu 81(1) KE, u li kien intiż sabiex jikkontribwixxi għall-kisba tal-ksur b’mod ġenerali, hija wkoll responsabbli, għall-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmi ksur, għall-aġir ta’ impriżi oħra fil-kuntest ta’ l-istess ksur. Dan hu, fil-fatt, il-każ meta jkun ġie stabbilit li l-impriża in kwistjoni kienet taf dwar l-aġir infrazzjonali tal-parteċipanti l-oħra, jew setgħet raġonevolment tipprevedih u kienet lesta li taċċetta r-riskju.

426    Għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni stabbiliet suffiċjentement skond il-liġi l-pateċipazzjoni ta’ Zicuñaga fis-sistema ta’ laqgħat ta’ l-akkordju, fiż-żieda fil-prezzijiet kif ukoll f’ċerti miżuri intiżi sabiex litigi ffaċilitata l-implementazzjoni taż-żieda fil-prezzijiet għat-tul ta’ żmien kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur (ara l-punti 155 sa 243 iktar ’il fuq).

427    Il-fatt li Zicuñaga b’hekk kellha l-intenzjoni tikkontribwixxi għall-implemenetazzjoni tal-ksur b’mod ġenerali huwa tali li jagħti lok għar-responsabbiltà tagħha għall-aġir ippjanat jew implementat minn impriżi oħra u li jagħmel parti mid-diversi elementi li jikkostitwixxu l-ksur. Fil-fatt, hija kienet taf b’dawn l-elementi kollha jew setgħet raġonevolment tipprevedihom minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat perjodiċi ta’ produtturi u ta’ distributuri ta’ karta saħħara għal iktar minn sena.

428    F’dak li jirrigwarda l-miżuri intiżi sabiex tiġi ffaċilitata l-implementazzjoni taż-żieda fil-prezzijiet, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-forom differenti ta’ aġir imsemmija fil-premessa 2 tad-deċiżjoni lkoll huma ta’ natura aċċessorja meta mqabbla maż-żieda fil-prezzijiet inkwantu huma intenzjonati li joħolqu kundizzjonijiet favorevoli għall-kisba ta’ l-għanijiet relativi għall-prezzijiet iffissati mill-produtturi u d-distributuri tal-karta saħħara. Għandu jiġi kkunsdirat li Zicuñaga, peress li pparteċipat għal iktar minn sena fl-imsemmija inizjattivi fuq il-prezzijiet, setgħet raġonevolment tipprevedi li l-impriżi parteċipanti kienu se jippruvaw jassiguraw is-suċċess ta’ dawn l-inizjattivi b’mekkaniżmi differenti u kienet lesta li taċċetta din l-eventwalità. Għalhekk, anki jekk ma ġiex ipprovat li Zicuñaga effettivament ipparteċipat fl-adozzjoni jew l-implemenetazzjoni ta’ dawn il-miżuri kollha, xorta waħda hija responsabbli għall-aġir li ġie effettivament implementat, f’dan il-kuntest, minn impriżi oħra fil-kuntest tal-ksur uniku li pparteċipat fih u kkontribbwiet għalih (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 149 iktar ’il fuq, punti 205 sa 207).

429    Madankollu, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni ma stabbilietx il-parteċipazzjoni ta’ Zicuñaga fil-prattiċi ta’ tqassim tas-suq (ara iktar ’il fuq il-punti 238 sa 240). Għalkemm il-fatt li impriża ma pparteċipatx fl-aspetti kollha li jikkostitwixxu akkordju mhuwiex rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-ksur, tali aspett għandu jittieħed in kunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u, skond il-każ, meta tiġi ddeterminata l-multa (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 188 iktar ’il fuq, punt 292). Peress li l-Kummissjoni ma pprovatx li hija ma ħaditx in kunsiderazzjoni dan l-aspett ta’ nuqqas ta’ parteċipazzjoni fil-prattiċi ta’ tqassim tas-suq fil-parametri kollha li wasslu għad-determinazzjoni ta’ l-ammont finali tal-multa imposta fuq Zicuñaga, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra, fl-eżerċizzju tas-setgħa tagħha ta’ ġurisdizzjoni illimitata, li l-multa finali ta’ Zicuñaga għandha titnaqqas bi 15 %.

D –  Fuq il-motivi bbażati fuq insuffiċjenza ta’ provi, fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 253 KE, ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, u ta’ trattament ugwali, fuq in-nuqqas ta’ determinazzjoni individwali tal-multi, fuq konstatazzjonijiet fattwali żbaljati, fuq żbalji ta’ evalwazzjoni u fuq żbalji ta’ dritt fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur

430    Numru ta’ impriżi jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur li l-Kummissjoni għamlet abbażi ta’ l-elementi invokati fid-deċiżjoni tagħha, jiġifieri n-natura tal-ksur u ta’ l-impatt konkret tiegħu, kif ukoll il-klassifikazzjoni tal-parteċipanti fl-akkordju skond il-gravità tal-ksur u ż-żieda fil-multa għal finijiet dissważivi.

1.     In-natura tal-ksur

431    Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ksur ħa l-forma ta’ ffissar tal-prezzijiet u ta’ tqassim tas-swieq li jikkostitwixxu fihom infushom l-iżjed ksur serju ta’ l-Artikolu 81(1) KE, u ta’ l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE.

432    AWA tikkontesta l-gravità ta’ l-akkordji in kwistjoni billi ssostni li dawn essenzjalment kienu limitati għal diskussjonijiet fuq iż-żmien u l-ammont ta’ tħabbir ta’ żieda fil-prezzijiet u ma ttrattawx allokazzjoni ta’ ishma mis-suq u lanqas l-attribuzzjoni ta’ kwoti ta’ bejgħ jew inkella għamlu dan b’mod insinjifikanti u fil-parti l-kbira b’mod ineffettiv. Fil-fehma tagħha, uħud mid-dikjarazzjonijiet ta’ Sappi jikkonfermaw li l-laqgħat ma servewx bħala qafas għal ftehim relativ għall-ishma mis-suq. AWA żżid li l-akkordju fir-rigward tas-suq tal-karta ma kienx kompletament istituzzjonalizzat u ma kienx jinvolvi mekkaniżmu effettiv ta’ sorveljanza ta’ l-akkordji Dawn l-elementi kollha jagħmlu l-ksur inqas serju minn dak ikkonstatat f’kawżi oħrajn.

433    Torraspapel tallega li l-Kummissjoni kkunsidrat żbaljatament li l-akkordju kien jirrigwarda prattiċi ta’ ffissar tal-prezzijiet u ta’ tqassim tas-swieq u, għaldaqstant, żbaljatament ikkunsidrat dan l-akkordju bħala ksur serju ħafna.

434    Għandu jiġi mfakkar fl-ewwel lok li, skond ġurisprudenza stabbilita, l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur għandha ssir billi tittieħed in kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, in-natura tar-restrizzjonijiet fuq il-kompetizzjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Ottubru 1997, SCK u FNK vs Il-Kummissjoni, T-213/95 u T-18/96, Ġabra p. II‑1739, punt 246, u l-ġurisprudenza ċċitata).

435    Barra minn hekk, “il-ksur li jikkonsisti fl-iffissar tal-prezzijiet u t-tqassim tas-swieq […] għandu jiġi kkunsidrat bħala partikolarment serju peress li dawn jinvolvu interferenza diretta mal-parametri essenzjali tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat” (is-sentenza Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, punt 107 iktar ’il fuq, punt 675).

436    Il-Qorti tal-Prim’Istanza ppreċiżat il-kunċett ta’ ksur serju ħafna b’mod partikolari fis-sentenza tagħha tad-9 ta’ Lulju 2003, Archer Daniels Midland Company u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni (T-224/00, Ġabra p. II‑2597, iktar ’il quddiem is-“sentenza ADM vs Il-Kummissjoni ”, punti 117 sa 131). Minn din jirriżulta li l-kwalifika ta’ ksur serju ħafna mhijiex suġġetta għall-eżistenza ta’ tqassim tas-swieq. Għall-kuntrarju, l-akkordji orizzontali relativi għal akkordji fuq prezzijiet jew kwoti ta’ tqassim tas-swieq jitqiesu li jagħmlu ħsara lill-operat tajjeb tas-suq intern u li tali kwalifika tista’, barra minn hekk, tiġi aċċettata fir-rigward ta’ prattiċi oħra li jistgħu jipproduċu effett bħal dan.

437    La minn din il-ġurisprudenza u lanqas mil-linji gwida ma jirriżulta li l-kwalifika ta’ ksur serju ħafna tippresupponi l-preżenza ta’ dawn il-prattiċi kollha. Akkordju orizzontali fuq il-prezzijiet jista’, waħdu, jikkostitwixxi ksur ta’ dan it-tip jekk dan jikkomprometti l-operat tajjeb tas-suq. Huwa stabbilit li f’dan il-każ, l-impriżi kkonċernati ftehmu fuq il-prezzijiet bil-ħsieb li jikkompromettu l-operat tajjeb tas-suq. Dan huwa biżżejjed biex jiġġustifika f’dan il-każ il-kwalifika tal-ksur bħala serju ħafna, għalkemm l-akkordji in kwistjoni kienu jirrigwardaw biss prattiċi ta’ ffissar tal-prezzijiet.

438    Għall-finijet ta’ kompletezza, għandu jiġi rilevat li AWA ma tikkontestax fil-verità l-eżistenza ta’ akkordji ta’ tqassim tas-swieq jew ta’ attribuzzjoni ta’ kwoti, iżda ssostni pjuttost illi dawn l-attivitajiet kienu relativament insinjifikanti u li kienu fil-parti kbira ineffettivi.

439    Fl-aħħar nett, fir-rigward tan-natura allegatament mhux istituzzjonalizzata ta’ l-akkordju kif ukoll tan-nuqqas ta’ mekkaniżmu ta’ kontroll, għandu jiġi rilevat li l-istruttura stabbilita uriet li kienet suffiċjenti biex l-akkordju jaħdem għal numru ta’ snin. Jirriżulta minn diversi siltiet mid-deċiżjoni li l-parteċipanti fil-laqgħat ta’ l-akkordju kienu jiskambjaw informazzjoni dettaljata u individwali fuq il-prezzijiet tagħhom u fuq il-volumi tal-bejgħ tagħhom u li l-applikazzjoni ta’ l-akkordji kienet sorveljata, b’mod partikolari minn AWA.. Għaldaqstant, il-minuti tal-laqgħa ta’ l-1 ta’ Ottubru 1993 magħmula minn Mougeot (dokument Nru 7648, iċċitat fil-premessa 104 tad-deċiżjoni u anness mad-DO) jindikaw li ġew applikati sanzjonijiet fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ l-akkordji (“[Is-Sur B.] b’mod espliċitu ħafna indika li ma kienx se jittollera li din iż-żieda fil-prezz ma tiġix segwita u li kien se ‘jieħu ħsieb’ personalment ta’ dawk kollha li ma kinux se joqogħdu għar-regoli tal-logħba”). Meta ġiet mistiedna tiddeskrivi l-mekkaniżmu ta’ kontroll u tispjega r-raġunijiet għall-awtorità eżerċitata mis-Sur B. u minn AWA, Mougeot wieġbet (dokument Nru 11494, iċċitat fil-premessa 104 tad-deċiżjoni u anness mad-DO) :

“Safejn nafu aħna ma kienx hemm kuntratti, dokumenti jew ċirkustanzi legali li jippermettu lil AWA tippretendi li jkollha xi tip ta’ awtorità. Min-naħa l-oħra, hija kellha l-pożizzjoni ta’ leader morali u ekonomika fis-suq […] Il-preżenza finanzjarja u industrijali ta’ AWA kienet tippermettilha tiddikjara li f’każ li dawn iż-żidiet fil-prezzijiet ma jiġux osservati, AWA kienet timpenja ruħha biex tagħmel ħsara lis-suq billi tapplika politika tal-prezzijiet li kienet iġġiegħel lil ħafna nies jispiċċaw ħażin. Hija tat dimostrazzjoni ċara tal-kapaċità tagħħa billi ħanqet lil [Binda] fl-Italja.

440    Mougeot ġiet ukoll akkużata minn AWA talli ma kkonformatx ruħha ma’ l-istruzzjonijiet tagħha (premessa 143 tad-deċiżjoni). Barra minn hekk, il-fatt li Sappi segwiet ukoll attentivament l-evoluzzjoni tal-prezzijiet u l-kwoti ta’ membri ta’ l-akordju fir-rigward ta’ l-għanijiet iffissati jirriżulta min-nota tad-9 ta’ Marzu 1992 u min-nota dwar il-laqgħa tat-30 ta’ Settembru 1992, imsemmija, rispettivament, fil-punti 171 u 172 iktar ’il fuq.

441    Fi kwalunkwe każ, ma jirriżulta la mil-linji gwida u lanqas mill-ġurisprudenza li, sabiex jiġi kkwalifikat bħala ksur serju ħafna, l-akkordju għandu jinkludi strutturi istituzzjonali partikolari.

442    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, il-Kummissjoni ġustament ikkwalifikat l-akkordju in kwistjoni bħala ksur serju ħafna min-natura tiegħu stess.

2.     L-impatt konkret tal-ksur

443    Diversi rikorrenti (AWA, MHTP, Zanders u Torraspapel) jsostnu li l-impatt effettiv ta’ l-akkordju fuq is-suq tal-karta saħħara kien limitat ħafna. Il-Kummissjoni ma eżaminatx korrettement l-evoluzzjoni tal-prezzijiet ta’ dan il-prodott u ħadet biss in kunsiderazzjoni ż-żidiet u mhux it-tnaqqis. Skond ir-rikorrenti, il-prezzijiet effettivament miksuba fis-suq kienu inferjuri għaż-żidiet deċiżi jew imħabbra. Dan juri li dawn ta’ l-aħħar ma ġewx implementati fil-prattika. Barra minn hekk, ċerti rikorrenti jinvokaw l-evoluzzjoni sfavorevoli tal-prezzijiet tal-karta saħħara u t-tnaqqis fil-marġni tal-profitti tagħhom jew profitti żgħar ħafna. Il-prezz tal-karta saħħara jirrifletti essenzjalment il-varjazzjonijiet fil-prezzjiet u t-talba għall-pasta tal-karta.

444    AWA ppreżentat żewġ rapporti ta’ l-esperti magħmula mill-kumpannija National Economic Research Associates (iktar ’il quddiem ir-“rapporti Nera”). L-ewwel rapport, li li jġib id-data Diċembru tas-sena 2000, ġie ppreżentat fil-kuntest tal-proċedimenti amministrattivi. It-tieni rapport, li jġib id-data April tas-sena 2002, ġie mfassal għall-finijiet tal-proċedimenti ġudizzjarji. It-tnejn li huma jippruvaw juru li l-prezzijiet li rriżultaw mill-akkordji infrazzjonali ma setgħux jiżdiedu iktar minn dawk li kienu jiġu osservati f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni. Koehler u Zanders ippreżentaw matul il-proċedimenti amministrattivi u ressqu quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza ir-rapport ta’ PricewaterhouseCoopers, li jiddeskrivi s-sitwazzjoni tas-suq Ewropew tal-karta saħħara mis-sajf jew il-ħarifa ta’ l-1995 sa Frar jew Marzu ta’ l-1997 (ara l-punti 101 sa 103 iktar ’il fuq).

445    Fid-deċiżjoni, fil-premessi 382 sa 402, il-Kummissjoni tirrespinġi l-argument ta’ l-impriżi kkonċernati billi ssostni essenzjalment li fatt stess li ż-żidiet fil-prezzijiet u d-dati tagħhom ġew imħabbra wara l-ftehim huwa biżżejjed biex jiġi stabbilit impatt fuq is-suq. Filwaqt li tirrikonoxxi li s-suq tal-karta saħħara kien sejjer lura, hija tqis li dan ma jeskludix li l-akkordju rnexxielu jikkontrolla jew jilimita t-tnaqqis fil-prezzijiet. Skond il-Kummissjoni, l-eżempji ta’ diverġenzi fl-opinjoni b’ebda mod ma jistabilixxu falliment totali ta’ l-implementazzjoni ta’ l-akkordji. Ċerti żidiet deċiżi ġew posposti u xi drabi ġew applikati żidiet inqas għoljin minn dawk previsti.

446    Jeħtieġ l-ewwel nett li jiġi mfakkar li, meta tiġi ddeterminata l-gravità tal-ksur, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-kuntest regolamentari u ekonomiku ta’ l-aġir li bih il-persuna tkun qed tiġi akkużata (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punt 612, u tas-17 ta’ Lulju 1997, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, C-219/95 P, Ġabra p. I‑4411, punt 38). F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-ġurisprudenza li, sabiex jiġi evalwat l-impatt konkret ta’ ksur fuq is-suq, il-Kummissjoni għandha tirreferi għas-sitwazzjoni kompetittiva li kienet teżisti li kieku ma kienx seħħ il-ksur (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar iktar ’il fuq, punti 619 u 620; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, Mayr‑Melnhof vs Il-Kummissjoni, T-347/94, Ġabra p. II‑1751, punt 235, u Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, punt 107 iktar ’il fuq, punt 645).

447    Rigward il-linji gwida, dawn jiddisponu f’dan ir-rigward li l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur għandha tieħu in kunsiderazzjoni n-natura proprja tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq meta jista’ jiġi kkalkolat u l-firxa tas-suq ġeografiku kkonċernat. Taħt it-titolu “Ksur serju ħafna”, il-linji gwida jagħtu eżempji ta’ tipi ta’ ksur u l-għan tagħhom, mingħajr ma jissemma’ l-impatt konkret tagħhom, jekk mhux għar-riferenza ġenerali ħafna għall-periklu għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Ma ssirx rabta diretta bejn il-gravità tal-ksur u l-impatt tiegħu. L-impatt konkret jikkostitwixxi element fost oħrajn, li saħansitra m’għandux jiġi kkunsidrat meta ma jkunx jista’ jiġi kkalkolat.

448    Fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni madankollu bbażat ruħha fuq il-fatt li l-ksur kellu, fil-fehma tagħha, impatt konkret fuq is-suq tal-karta saħħara fiż-ŻEE (premessi 382 sa 402 tad-deċiżjoni), kif issa hija għandha tagħmel, skond l-ewwel inċiż tal-punt 1 A tal-linji gwida, meta jkun jidher li dan l-impatt jista’ jiġi kkalkolat.

449    Għandu jiġi kkonstatat li l-provi konkreti prodotti mill-Kummissjoni jindikaw bi probabbiltà ragonevoli li l-akkordju kellu impatt mhux żgħir fuq is-suq in kwistjoni.

450    Fl-ewwel lok, jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 203, 204, 213, 214, 215, 225, 227, 235, 236, 237 kif ukoll mill-anness V tad-deċiżjoni li l-akkordji fir-rigward tal-prezz ta’ spiss ġew implementati permezz tat-tħabbir lill-klijenti taż-żidiet fil-prezzijiet deċiżi fil-laqgħat. Skond id-dikjarazzjonijiet ta’ Mougeot ta’ l-14 ta’ April 1999 (dokument Nru 7649, anness mad-DO), is-Sur B. ippreċiża, fil-laqgħa ta’ l-1 ta’ Ottubru 1993, li ż-“żidiet fil-prezzijiet kellhom ikunu s-suġġett ta’ ċirkolari mibgħuta lill-klijenti sabiex dawn iż-żidiet isiru effettivi”. Kif tindika l-premessa 384 tad-deċiżjoni, iż-żidiet miftiehma neċessarjament servew bħala bażi għall-iffissar tal-prezzijiet ta’ tranżazzjoni individwali.

451    Il-fatt li l-impriżi effettivament ħabbru ż-żidiet miftiehma fil-prezzijiet u li l-prezzijiet hekk imħabbra servew bħala bażi għall-iffissar tal-prezzijiet ta’ tranżazzjoni individwali huwa biżżejjed, fih innifsu, sabiex jiġi kkonstatat li l-akkordju fuq il-prezzijiet kellu kemm bħala għan kif ukoll bħala effett restrizzjoni serja tal-kompetizzjoni (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, Cascades vs Il-Kummissjoni, T-308/94, Ġabra p. II‑925, punt 194). Il-Kummissjoni ma kinitx għaldaqstant marbuta teżamina d-dettallji ta’ l-argumenti tal-partijiet intiżi sabiex jiġi stabbilit li l-akkordji in kwistjoni ma kellhomx bħala effett li l-prezzijiet jiżdiedu iktar minn dawk li kienu jiġu osservati f’kundizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni u li tweġibhom punt b’punt. B’mod partikolari, hija ma obbligata tikkonfuta l-analiżi f’dan is-sens li tinsab fl-ewwel rapport Nera ippreżentat minn AWA, kif tispjega fil-premessi 390 sa 401 tad-deċiżjoni. Għall-kuntrarju ta’ dak li jidher li qed tallega AWA, il-Kummissjoni ma tista’ tiġi akkużata b’ebda nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward.

452    Barra minn hekk, il-fatt li l-istruzzjonijiet fir-rigward tal-prezzijiet ta’ uħud mir-rikorrenti mhux dejjem ikkorrispondew eżattament mal-prezzijiet immirati kif iddefiniti matul il-laqgħat ma jinvalidax il-konstatazzjoni ta’ impatt fis-suq permezz tal-kunsiderazzjoni tat-tħabbir tal-prezz miftiehem fl-iffissar tal-prezzijiet individwali, peress li l-effetti kkunsidrati mill-Kummissjoni sabiex jiġi ffissat il-livell ġenerali tal-multi mhumiex dawk li jirriżultaw mill-aġir effettiv li impriża partikolari tallega li tkun adottat, iżda dawk li jirriżultaw mill-ksur kollu li fih ipparteċipat l-impriża flimkien ma’ oħrajn (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, punt 196 iktar ’il fuq, punt 342).

453    Ma jistgħux jitqajmu dubji dwar din il-konstatazzjoni ta’ impatt fuq is-suq permezz ta’ tħabbir tal-prezzijiet miftiehma u dwar it-teħid in kunsiderazzjoni tagħhom mill-klijenti mill-fatt li l-provi dokumentarji miġbura mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward ma jkoprux il-perijodu indikat kollu. Minn naħa, jirriżulta kjarament mill-premessi 383 u 384 tad-deċiżjoni li l-Kummissjoni ħadet dan l-element in kunsiderazzjoni espressament meta kkalkolat l-impatt fuq is-suq. Min-naħa l-oħra, hija ħadet in kunsiderazzjoni elementi oħrajn fl-analiżi tagħha ta’ l-impatt fuq is-suq u, ulterjorment, tal-gravità tal-ksur.

454    Fil-fatt, fit-tieni lok, il-Kummissjoni tinvoka akkordji okkażjonali ta’ ffissar ta’ kwoti u ta’ tqassim tas-swieq li ġew irrispettati mill-inqas sa ċertu punt.

455    Jirriżulta mill-fajl li kwoti ta’ bejgħ ġew attribwiti fil-laqgħa ta’ Barċellona tat-30 ta’ Settembru 1993 (dokument Nru 5 imsemmi fil-punt 172 iktar ’il fuq) u fil-laqgħa ta’ Pariġi ta’ l-1 ta’ Ottubru 1993 (dokument Nru 6). L-informazzjoni mogħtija minn ċerti impriżi fuq il-bejgħ reali tagħhom għall-1992 u għall-1993 turi l-eżistenza ta’ korrelazzjoni diretta bejn il-kwoti miftiehma u l-figuri tal-bejgħ skambjati f’dawn il-laqgħat (ara l-anness III tad-deċiżjoni). Il-minuti tal-laqgħa tad-29 ta’ Ġunju 1994 (ara l-punt 175 iktar ’il fuq) ukoll isemmu kwoti. Barra minn hekk, jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet ta’ Mougeot ta’ l-14 ta’ April 1999 (dokumenti Nru 7651 sa 7653, imsemmija fil-punt 165 iktar ’il fuq) u mill-annessi tagħhom (dokumenti Nru 7657 u 7658, annessi mad-DO) li ġew konklużi akkordji fuq l-ishma mis-suq fil-laqgħa tal-31 ta’ Mejju 1994 f’Nogent‑sur‑Marne u f’dik tas-6 ta’ Diċembru 1994 f’Ġinevra. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament tikkunsidra li dawn l-attribuzzjonijiet ta’ kwoti u tqassim tas-swieq jikkostitwixxu indikazzjoni supplementari ta’ l-impatt tal-ksur fuq is-suq.

456    Fit-tielet lok, il-Kummissjoni ssostni li l-konklużjoni relativa għall-impatt konkret ta’ l-akkordju hija msaħħa mill-fatt li l-applikazzjoni taż-żidiet fil-prezzijiet kienet suġġetta għal sorveljanza u kontroll.

457    Għandu jiġi kkonstatat li l-fatturi msemmija mill-Kummissjoni fil-premessi 97 sa 106 juru effettivament l-eżistenza ta’ tali kontroll, eżerċitat partikolarment minn AWA. Dan jirriżulta b’mod partikolari mid-dikjarazzjonijiet ta’ Mougeot ta’ l-14 ta’ April 1999, li jinsabu fil-premessa 104 tad-deċiżjoni u diġà msemmija fil-punt 439 iktar ’il fuq, fejn intqal li “[s-Sur B.] b’mod espliċitu ħafna indika li huwa ma kienx se jittollera li din iż-żieda fil-prezz ma tiġix segwita u li kien se ‘jieħu ħsieb’ personalment ta’ dawk kollha li ma kinux se joqogħdu għar-regoli tal-logħba”. Numru ta’ noti ta’ Sappi (ara l-punti 169, 171, 175 u 176 iktar ’il fuq) juru wkoll l-eżistenza ta’ sorveljanza ta’ l-aġir tal-membri ta’ l-akkordju, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-applikazzjoni taż-żidiet fil-prezzijiet miftiehma.

458    Għandu jiġi enfasizzat li, għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, hija biss l-eżistenza ta’ dan il-kontroll jew sorveljanza li hija rilevanti, mingħajr ma huwa importanti jekk impriża jew oħra kellhiex rwol predominanti fih. Il-kontroll ta’ l-implementazzjoni tal-prezzijiet miftiehma kien jagħmel parti mill-pjan li qablu miegħu l-membri ta’ l-akkordju. Torraspapel ma tistax għaldaqstant takkuża lill-Kummissjoni talli kkunsidrat l-eżistenza ta’ dawn il-mekkaniżmu ta’ kontroll fl-istadju ta’ l-evalwazzjoni tan-natura tal-ksur, peress li r-responsabbiltà individwali ta’ kull parteċipant tiġi eżaminata fi stadju suċċessiv.

459    Fir-rigward ta’ l-aħħar indizju ta’ l-impatt ta’ l-akkordju ppreżentat mill-Kummissjoni u li jitratta ż-żmien twil li matulu dam għaddej il-ksur minkejja r-riskji involuti, għandu jiġi rilevat li, peress li l-prattiċi in kwistjoni damu tliet snin fil-parti l-kbira tal-każijiet, ma tantx huwa probabbli li l-produtturi, f’dak iż-żmien, ikkunsidraw li dwan kienu totalment ineffettivi u inutli (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, T-305/94 sa T-307/94, T-313/94 sa T-316/94, T-318/94, T-325/94, T-328/94, T-329/94 u T-335/94, Ġabra p. II‑931, punt 748).

460    Dawn l-elementi kollha jwasslu lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tikkonkludi li l-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li l-ksur in kwistjoni kellu impatt konkret fuq is-suq.

461    Għandu jingħad ukoll li l-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li ma ħaditx in kunsiderazzjoni f’dan l-istadju l-fatt li s-suq tal-karta saħħara kien sejjer lura. Fil-fatt, il-Kummissjoni ssemmi dan il-fatt fil-premessa 392 tad-deċiżjoni, preċiżament fil-kuntest ta’ l-eżami ta’ l-impatt konkret tal-ksur, billi tispjega kjarament ir-raġunijiet għalfejn din is-sitwazzjoni ma teskludix li l-akkordju kellu impatt fuq is-suq. Filwaqt li tammetti li f’tali stiwazzjoni wieħed jista’ jistenna li l-prezzijiet jinżlu, il-Kummissjoni tikkunsidra li “dan ma jeskludix li l-akkordju rnexxielu jikkontrolla jew jillimita t-tnaqqis fil-prezzijiet”. Għaldaqstant, fil-fehma tagħha, “jista’ jkun li l-akkordju kellu bħala effett li jostakola adattament naturali tal-kapaċità ta’ produzzjoni għat-talba billi żamm fis-suq kompetituri ineffikaċi għal iżjed żmien milli kieku kienu jdumu f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni ”.

462    Għandu jiġi enfasizzat f’dan ir-rigward li s-sempliċi fatt li s-suq in kwistjoni sejjer lura u li ċerti impriżi qed jagħmlu telf la jista’ jostakola l-implementazzjoni ta’ akkordju u lanqas l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 KE. Għall-kuntrarju, kif ammettew huma stess, ċerti imprżi affermaw li din is-sitwazzjoni ħajrithom jingħaqdu ma’ l-akkordju. Għandu jingħad ukoll li anki jekk titqies li seħħet, is-sitwazzjoni ħażina tas-suq ma tistax timplika n-nuqqas ta’ impatt ta’ l-akkordju, Kif issostni l-Kummissjoni, iż-żidiet fil-prezzijiet miftiehma ppermettew li jiġi kkontrollat jew limitat it-tnaqqis fil-prezzijiet, u b’hekk kien hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni. Il-fatt li seta’ kien hemm tnaqqis fil-prezz dovuti għall-kundizzjonijiet tas-suq ma jneħħi xejn mill-oġġezzjoni għaż-żieda fil-prezzijiet miftiehma. Rigward il-fatt li ż-żieda fil-prezz tal-polpa tal-karta setgħet ħajret lill-impriżi biex jgħollu l-prezz tal-karta saħħara, ma jaffettwax l-oġġezzjoni li dan ma sarx b’mod awtonomu, iżda bi ftehim u permezz tal-konklużjoni ta’ l-akkordji. Barra minn hekk, il-fatt li, f’suq li sejjer lura kkaratterizzat minn sovrakapaċità strutturali kunsiderevoli, fejn wieħed pjuttost jistenna li l-prezzijiet jinżlu, il-prezz tal-karta saħħara seta’ jsegwi ż-żidiet fil-prezzijiet tal-polpa tal-karta, jista’ preċiżament jiġi kkunsidrat bħala indizju ta’ akkordju.

463    Bħala konklużjoni rigward il-gravità tal-ksur, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-Kummissjoni ġustament ikklassifikat l-akkordji in kwistjoni bħala ksur serju ħafna. Fil-fatt dan huwa ksur li, minnu nnifsu, huwa serju ħafna, kellu impatt fuq is-suq u kien ikopri s-suq komuni kollu u, wara l-ħolqien tagħha, iż-ŻEE kollha.

3.     Klassifikazzjoni tal-parteċipanti fl-akkordju għall-finijiet ta’ l-iffissar ta’ l-ammonti tal-multi

464    Skond il-linji gwida, f’kull kategorija ta’ ksur prevista, u b’mod partikolari għall-kategoriji msejħa serji u serji ħafna, “l-iskala proposta ta' multi se tagħmilha possibli li jiġi applikat trattament differenti lill-intrapriżi skond in-natura tal-ksur li jkun sar”.

465    Billi ħadet bħala bażi l-fatturat miksub mill-bejgħ tal-prodott fiż-ŻEE fl-1995, il-Kummissjoni qasmet l-impriżi kkonċernati f’ħames kategoriji skond l-importanza relativa tagħhom fis-suq in kwistjoni fiż-ŻEE. AWA, li hija l-ikbar produttriċi ta’ karta saħħara, tifforma waħedha l-ewwel kategorija. It-tieni waħda tinkludi lil MHTP, Zanders u Koehler, it-tielet waħda lil Torraspapel u Bolloré, ir-raba’ waħda lil Sappi u Mougeot, u fl-aħħar nett, il-ħames waħda lil Divipa, Zicuñaga u Carrs.

466    L-argumenti mressqa mir-rikorrenti f’dan il-kuntest huma bbażati fuq numru ta’ fatturi, jiġifieri l-għażla tas-sena ta’ riferenza, it-teħid in kunsiderazzjoni ta’ fatturat żbaljat u r-riżultat sproporzjonat li pproduċa l-metodu tal-Kummissjoni.

467    Qabel ma jiġu analizzati dawn il-fatturi, għandha tiġi mfakkra l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 376 iktar ’il fuq, li minnha jirriżulta li l-Kummissjoni għandha, fil-kuntest tar-Regolament Nru 17, marġni ta’ diskrezzjoni fl-iffissar ta’ l-ammont tal-multi sabiex tiggwida l-aġir ta’ l-impriżi lejn l-osservanza tar-regoli dwar il-kompetizzjoni. L-applikazzjoni effikaċi ta’ l-imsemmija regoli teżiġi li l-Kummissjoni tista’ f’kull mument tadatta l-livell tal-multi għall-bżonnijiet tal-politika Komunitarja tal-kompetizzjoni, fejn jeħtieġ, billi tgħolli dan il-livell.

468    Barra minn hekk, skond ġurisprudenza stabbilita, fost l-elementi ta’ evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, jistgħu, skond il-każ, jinsabu l-volum u l-valur tal-merkanziji li huma s-suġġett tal-ksur, id-daqs u s-saħħa ekonomika ta’ l-impriża u, għaldaqstant, l-influwenza li din seta’ kellha fis-suq. Minn naħa, jirriżulta li huwa possibbli, sabiex jiġi determinat l-ammont tal-multa, li jittieħdu in kunsiderazzjoni kemm il-fatturat globali ta’ l-impriża, liema fatturat jikkostitwixxi indikazzjoni, anki jekk approssimativa u imperfetta, tad-daqs u tas-saħħa ekonomika tagħha, kif ukoll il-parti minn dan il-fatturat li tirriżulta mill-bejgħ tal-prodotti li jkunu s-suġġett tal-ksur u li għaldaqstant tista’ tagħti indikazzjoni tal-portata tiegħu. Min-naħa l-oħra, jirriżulta wkoll li la lil waħda u lanqas lill-oħra minn dawn il-figuri ma għandu jiġi attribwit importanza sproporzjonata meta mqabbla mal-fatturi l-oħra ta’ evalwazzjoni, b’mod li l-iffissar ta’ l-ammont xieraq ta’ multa ma jistax ikun ir-riżultat ta’ sempliċi kalkolu bbażat fuq il-fatturat globali (is-sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punti 120 u 121; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Lulju 1994, Parker Pen vs Il-Kummissjoni, T-77/92, Ġabra p. II‑549, punt 94, u ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, T-327/94, Ġabra p. II‑1373, punt 176, u ADM vs Il-Kummissjoni, punt 188).

a)     L-għażla tas-sena ta’ riferenza

469    L-għażla tas-sena ta’ riferenza hija kkritikata minn Torraspapel u Divipa. Din ta’ l-aħħar tqis li l-Kummissjoni jmissa bbażat ruħha fuq il-fatturat ta’ l-1994. Fil-fatt, numru ta’ impriżi, fosthom hija stess, ma kinux iżjed involuti fl-akkordju fl-1995. Min-naħa tagħha, Torraspapel issostni li l-fatturat għall-1995 kien eċċezzjonalment għoli meta mqabbel ma’ dak tas-snin preċedenti u ma kienx għaldaqstant jirrifletti preċiżament l-importanza reali tar-rikorrenti fis-suq matul il-perijodu tal-ksur.

470    Għandu jiġi mfakkar li, kif tammetti Divipa stess, skond il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni mhijiex marbuta tikkalkula l-ammont tal-multi skond il-gravità abbażi ta’ ammonti bbażati fuq il-fatturat ta’ l-impriżi involuti, peress li l-gravità tal-ksur għandha tiġi stabbilita skond diversi elementi bħal, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-effett dissważiv tal-multi, u dan mingħajr ma ġiet stabbilita lista vinkolanti jew eżawrjenti tal-kriterji li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni b’mod obbligatorju (id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Marzu 1996, SPO et vs Il-Kummissjoni, C-137/95 P, Ġabra p. I‑1611, punt 54, u s-sentenza Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, punt 446 iktar ’il fuq, punt 33; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, Buchmann vs Il-Kummissjoni, T-295/94, Ġabra p. II‑813, punt 163).

471    Mill-premessa 407 tad-deċiżjoni jirriżulta li l-Kummissjoni użat il-fatturat miksub fl-1995 – l-aħħar sena tal-perijodu tal-ksur li ġie deċiż li eżista – mill-bejgħ tal-prodott fiż-ŻEE sabiex tqabbel l-importanza relativa ta’ l-impriżi fis-suq ikkonċernat u tikklassifikahom f’kategoriji differenti skond il-kapaċità ta’ kull waħda minnhom li jirriżultaw f’distorsjoni tal-kompetizzjoni.

472    Għandu jiġi kkonstatat f’dan ir-rigward li, jkun x’ikun il-mertu ta’ l-allegazzjonijiet tagħhom, ir-riżultat, għal Torraspapel u Divipa, ma kienx ikun differenti li kieku l-Kummissjoni kienet ibbażat ruħha fuq il-fatturat tagħhom għall-1994. Jirriżulta, fil-fatt, mit-tabella 1 b) riprodott fil-premessa 18 tad-deċiżjoni li, b’fatturat u sehem mis-suq paragunabbli għal dawk ta’ Bolloré (Copigraph), Torraspapel tibqa’ fit-tielet kategorija u Divipa xorta waħda tinsab fl-aħħar kategorija. Id-deċiżjoni ma tistax għaldaqstant tiġi kkontestata fuq dan il-punt. Għaldaqstant għandu jiġi konkluż li dan l-ilment huwa irrilevanti.

b)     It-teħid in kunsiderazzjoni ta’ fatturat globali żbaljat

473    AWA u Koehler iqisu li l-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni l-fatturat kollu ta’ kull kumpannija fil-grupp rispettiv tagħhom, filwaqt li għal MHTP u Zanders hija ħadet biss in kunsiderazzjoni l-fatturat ta’ l-impriża kkonċernata b’mod individwali.

474    AWA ssostni li kieku l-Kummissjoni kienet ħadet biss in kunsiderazzjoni l-fatturat tagħha, hija ma kinitx tistabbilixxi differenza fid-daqs sostanzjali ħafna bejnha u l-impriżi l-oħra kkonċernati, u l-ammont inizjali tal-multa kien ikun inqas għoli u l-multa finali kienet tkun inqas b’EUR 141.75 miljun. Koehler tallega li, billi ma ħaditx in kunsiderazzjoni d-differenzi ta’ piż ekonomiku tal-gruppi li jagħmlu parti minnhom MHTP, Zanders u hi, il-Kummissjoni żbaljatament ikklassifikatha fl-istess kategorija bħal dawn iż-żewġ impriżi.

475    Safejn AWA u Koehler jikkritikaw il-klassifikazzjoni tal-parteċipanti fl-akkordju abbażi ta’ fatturat globali żbaljat, il-motiv tagħhom ma jistax jirnexxi.

476    Fil-fatt, jirriżulta kjarament mill-premessi 406 sa 409 tad-deċiżjoni li l-Kummissjoni sseparat lill-impriżi in kwistjoni “skond l-importanza relativa tagħhom fis-suq ikkonċernat” billi ħadet bħala bażi “il-fatturat miksub mill-bejgħ tal-prodott fiż-ŻEE”. Il-fatturat totali tal-kumpanniji jew tal-gruppi ta’ kumpanniji ma’ ġiex ikkunsidrat f’dan l-istadju.

477    Għall-kompletezza, għandu jiġi osservat li l-kontestazzjoni ta’ AWA u ta’ Koehler ma tirrigwardax il-fatturat tagħhom iżda pjuttost in-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni ta’ dak tal-grupp fir-rigward ta’ MHTP u Zanders. Anki li kieku l-Kummissjoni ħadet żball fil-każ ta’ dawn ta’ l-aħħar, ħadd ma jista’ jinvoka, favurih, illegalità li tkun saret favur ħaddieħor (is-sentenza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, punt 468 iktar ’il fuq, punt 160). L-argument li MHTP u Zanders ingħataw multa baxxa wisq ma jistax iwassal għal tnaqqis fil-multa ta’ AWA jew ta’ Koehler. Għaldaqstant, il-motiv li huma jinvokaw għandu jiġi miċħud.

478    Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ prova ta’ involviment fil-ksur tal-gruppi li għalihom jappartjenu Zanders u MHTP, il-Kummissjoni kellha raġun ma tikkunsidrax il-fatturat totali ta’ dawn il-gruppi. Peress li l-Kummissjoni ma sabitx indikazzjonijiet suffiċjenti biex tattribwixxi l-ksur lill-imsemmija gruppi, kien f’idejn ir-rikorrenti, safejn dawn qiesu li l-involviment ta’ dawn il-gruppi kien jirriżulta mil-fajl, li jġibu l-prova ta’ dan (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Marzu 2002, ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni, T-31/99, Ġabra p. II‑1881, iktar ’il quddiem is-“sentenza ABB vs Il-Kummissjoni”, punt 181). Issa, f’dan il-każ, la AWA u lanqas Koehler ma ġabu din il-prova. Il-motiv tagħhom għandu għaldaqstant jiġi miċħud.

c)     Riżultat sproporzjonat ta’ l-applikazzjoni tal-metodu tal-Kummissjoni

479    Diversi impriżi jsostnu li l-ammont tal-multa ffissat mill-Kummissjoni skond il-gravità huwa sproporzjonat meta mqabbel, skond il-każ, mal-fatturat tagħhom stess, mal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju jew meta mqabbel ma’ l-ammonti imposti f’deċiżjonijiet oħra, jew ma’ bosta minn dawn l-elementi flimkien. Il-metodu tal-kalkolu ta’ l-ammont bażiku tal-multa jikser għaldaqstant il-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-prinċipju ta’ trattament ugwali.

 Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

480    MHTP ssostni li ma jidhirx li l-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni l-fatturat tagħha fis-suq in kwistjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni kklassifikat lill-impriżi kkonċernati f’kategoriji differenti skond l-ishma tagħhom mis-suq ikkonċernat. Riferenza għall-ishma mis-suq sabiex issir distinzjoni bejn l-impriżi involuti fi ksur ma twassalx awtomatikament għar-rispett tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Billi tibbaża ruħha esklużivament fuq l-ishma mis-suq, il-Kummissjoni tieħu biss in kunsiderazzjoni d-differenzi relativi għall-fatturat u mhux il-livell assolut tal-fatturat fis-suq tal-prodott ikkonċernat.

481    Għandu jiġi mfakkar fl-ewwel lok li l-gravità tal-ksur għandha tiġi stabbilita skond diversi fatturi bħal, b’mod partikolarim iċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-effett dissważiv tal-multi, u dan mingħajr ma ġiet stabbilita lista vinkolanti jew eżawrjenti ta’ kriterji li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni (ara s-sentenza HFB et vs Il-Kummissjoni, punt 87 iktar ’il fuq, punt 443, u l-ġurisprudenza ċċitata).

482    Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni, f’dan il-kuntest, ma bbażatx ruħha esklużivament fuq il-fatturat fis-suq rilevanti ta’ kull waħda mill-impriżi, iżda ħadet in kunsiderazzjoni fatturi oħra li jirrigwardaw l-importanza ta’ l-impriżi f’dan is-suq, ma jistax iwassal għall-konklużjoni li l-Kummissjoni imponiet multa sproporzjonata. Fil-fatt, jirriżulta mill-ġurisprudenza li m’għandha tingħata importanza sproporzjonata meta mqabbla mal-fatturi l-oħra li għandhom jiġu kkunsidrati la lill-fatturat globali ta’ impriża u lanqas lill-fatturat li jirriżulta mill-prodotti li huma s-suġġett ta’ ksur (is-sentenza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 303).

483    Il-fatturi kkunsidrati mill-Kummissjoni f’dan il-każ huma kjarament imsemmija fid-deċiżjoni fil-premessi 372 sa 408. Dawn jinkludu l-fatturat fis-suq in kwistjoni. Barra minn hekk, il-fatt li l-ammonti inizjali ffissati mill-Kummissjoni mhumiex ibbażati fuq perċentwali stabbilita tal-fatturat, bħal fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni (T-354/94, Ġabra p. II‑2111), fih innifsu ma jistax jattribwilhom natura sproporzjonata.

484    Fl-aħħar, il-Kummissjoni mhijiex marbuta, meta tiddetermina l-ammont tal-multi skond il-gravità u t-tul ta’ żmien tal-ksur in kwistjoni, li teffetwa l-kalkolu tagħha tal-multa abbażi ta’ l-ammonti bbażati fuq il-fatturat ta’ l-impriżi kkonċernati, u lanqas ma hija marbuta li tiżgura, f’każ li jiġu imposti multi fuq numru ta’ impriżi involuti fl-istess ksur, li l-ammonti finali tal-multi li għalihom iwassal il-kalkolu tagħha għall-impriżi kkonċernati jirriflettu d-differenza bejniethom fir-rigward tal-fatturat globali tagħhom jew tal-fatturat fis-suq tal-prodott in kwistjoni (is-sentenza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 278).

485    Għaldaqstant, l-ilment ta’ MHTP għandu jiġi miċħud.

486    Skond Koehler, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi imponiet fuqha multa totlament sproporzjonata fid-dawl tas-saħħa ekonomika tagħha u tal-profitt li rriżulta mill-akkordju. Hija tenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonfermaw bosta drabi r-rwol essenzjali li għandu l-kriterju tas-saħħa ekonomika ta’ l-impriża kkonċernata sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur. Il-linji gwida wkoll jagħtu importanza kbira lid-daqs ta’ l-impriża kkonċernata.

487    Għandu jiġi mfakkar f’dan ir-rigward li, biex tieħu in kunsiderazzjoni s-saħħa speċifika ta’ kull impriża, u għaldaqstant l-effett reali ta’ l-aġir illegali tagħha fuq il-kompetizzjoni, il-Kummissjoni qasmet l-impriżi kkonċernati f’ħames kategoriji skond l-importanza relativa tagħhom fis-suq in kwistjoni (premessa 406 tad-deċiżjoni). Il-Kummissjoni għaldaqstant għamlet distinzjoni skond id-daqs ta’ l-impriżi.

488    Koehler tirrikonoxxi dan filwaqt li tafferma li l-Kummissjoni korrettement tosserva li hemm bżonn kalkolu ddivrenzjat tal-multa, iżda ma tasalx biex tapplika b’mod konvinċenti għall-każ konkret id-direttivi li hija stess għaldaqstant stabbiliet. Hija żżied fir-replika tagħha li l-Kummissjoni m’għamlitx id-distinzjonijiet neċessarji, li kienu meħtieġa mill-metodu tagħha stess ta’ ffissar tal-multa.

489    L-argument prinċipali ta’ Koehler jidher li jikkonsisti mill-fatt li hija impriża tal-familja li m’għandhiex aċċess għas-suq tal-kapital u li, kemm mil-lat tad-daqs tagħha kif ukoll minn dak tar-riżorsi tagħha, tagħmel parti, meta mqabbla mal-parteċipanti l-oħra penalizzati, mill-impriżi ż-żgħar.

490    Sabiex jiġi stabbilit il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, Koehler tqabbel il-multa li ġiet imposta fuqha ma’ dawk imposti fuq MHTP, Zanders u AWA.

491    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, sabiex tagħmel il-prova tagħha, Koehler tinkludi fil-fatturat globali ta’ MHTP u ta’ Zanders dak tal-grupp li tiegħu dawn l-impriżi jagħmlu parti, fil-fehma tagħha. Issa, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat fil-punt 478 iktar ’il fuq li l-Kummissjoni kellha raġun ma tiħux in kunsiderazzjoni l-fatturat totali tal-grupp li kienu jagħmlu parti minnu dawn iż-żewġ impriżi msemmija l-aħħar.

492    F’dak li jikkonċerna t-tqabbil tal-multa ta’ Koehler ma’ dik ta’ AWA, għandu jiġi mfakkar li l-ammont inizjali ffissat fil-premessa 409 tad-deċiżjoni tieħu espressament in kunsiderazzjoni l-importanza relativa ta’ l-impriżi fis-suq in kwistjoni billi tieħu bħala bażi l-fatturat miksub mill-bejgħ tal-prodott in kwistjoni fiż-ŻEE. Għaldaqstant, f’dan l-istadju, l-ammont inizjali tal-multa ta’ dawn iż-żewġ impriżi jirrifletti globalment id-differenzi fil-fatturat tagħhom fis-suq tal-karta saħħara.

493    Il-Kummissjoni imbagħad tirdoppja għal finijiet dissważivi l-ammont inizjali ta’ AWA, ta’ Sappi u ta’ Bolloré biex tieħu in kunsiderazzjoni d-daqs tagħhom u r-riżorsi globali tagħhom. Billi tirdoppja b’dan il-mod il-multa ta’ AWA u mhux dik ta’ Koehler, il-Kummissjoni tieħu għaldaqstant in kunsiderazzjoni id-differenza fid-daqs u fir-riżorsi globali li jisseparaw lil dawn iż-żewġ impriżi.

494    Għandu jingħad ukoll li s-sempliċi tqabbil tal-perċentwali li tirrappreżenta l-multi b’relazzjoni mal-fatturat globali ta’ l-impriżi kkonċernati ma jistax ikun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita n-natura sproporzjonata tal-multa ta’ Koehler. Fil-fatt, l-iffissar ta’ l-ammont xieraq ta’ multa ma jistax ikun ir-riżultat ta’ sempliċi kalkolu bbażat fuq il-fatturat globali (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 468 iktar ’il fuq).

495    Barra minn hekk, dawn il-paraguni ma jistabbilixxux li l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq Koehler huwa sproporzjonat, meta jiġu kkunsidrati d-daqs ta’ l-impriża u r-riżorsi globali tagħha. Ir-rikorrenti ma tipprovdi ebda element li jista’ jipprova li l-ammont bażiku tal-multa huwa eċċessiv meta mqabbel mas-saħħa speċifika tagħha. Għalkemm Koehler hija impriża tal-familja, il-fatturat tagħha relativ għall-karta saħħara, b’mod partikolari, ma jippermettix li tiġi kklassifikata fost l-impriżi ż-żgħar tas-settur.

496    Finalment, il-Kummissjoni mhijiex marbuta, meta tiddetermina l-ammont tal-multi, li tiżgura, f’każ li jiġu imposti multi fuq numru ta’ impriżi involuti fl-istess ksur, li l-ammonti finali tal-multi jirriflettu d-distinzjonijiet kollha bejn l-impriżi kkonċernati rigward il-fatturat globali tagħhom (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T-236/01, T-239/01, T-244/01 sa T-246/01, T-251/01 u T-252/01, Ġabra p. II‑1181, punt 217).

497    L-ilment ta’ Koehler ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għandu għaldaqstant jiġi miċħud.

–       Ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali

498    AWA tallega li l-ammont tal-multa ffissat fil-każ tagħha skond il-gravità hu eċċessiv meta mqabbel ma’ dak iffissat għall-parteċipanti l-oħra fl-akkodju. Il-Kummissjoni kkonformat ruħha mal-linji gwida f’dak li jikkonċerna MHTP, Zanders u Koehler, filwaqt applikat is-sistema l-qadima, ibbażata fuq l-importanza rispettiva ta’ l-impriżi kkonċernati fis-suq, fil-konfront tagħha.

499    Zanders issostni li l-klassifikazzjoni magħmula mill-Kummissjoni ddiskriminat kontriha meta mqabbla mal-kompetituri tagħha li kienu ħafna iżjed attivi fl-akkordju, bħal Koehler, MHTP u Torraspapel.

500    Rigward Koehler, hija ssostni li l-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali nkiser peress li, fid-dawl tas-saħħa ekonomika ta’ l-impriża in kwistjoni, multa tolqot lil din l-impriża ħafna iktar bil-qawwa mill-impriżi l-oħra kkonċernati. Bħala impriża tal-familja, hija tikkontesta l-klassifikazzjoni tagħha fl-istess kategorija bħal MHTP u Zanders. L-argumenti tagħha jixbhu ħafna lil dawk li diġà ġew eżaminati fil-kuntest tal-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Għaldaqstant, għandha ssir riferenza għall-punti 486 sa 497 iktar ’il fuq.

501    Skond ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ trattament ugwali jinkiser biss meta sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti jew meta sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, BPB de Eendracht vs Il-Kummissjoni, T-311/94, Ġabra p. II‑1129, punt 309, u l-ġurisprudenza ċċitata).

502    Il-linji gwida jipprevedu li, f’każ ta’ ksur li jinvolvi numru ta’ impriżi (bħal akkordju), jista’ jkun opportun li jiġu valutati, f’ċerti każijiet, l-ammonti ddeterminata fil-kategorija kkunsidrata sabiex jittieħed in kunsiderazzjoni s-saħħa speċifika, u għaldaqstant l-impatt reali, ta’ l-aġir infrazzjonali ta’ kull impriża fuq il-kompetizzjoni, b’mod partikolari meta teżisti diverġenza kunsiderevoli fid-daqs ta’ l-impriżi li jkunu wettqu ksur ta’ l-istess tip.

503    F’dan il-każ, il-linji gwida jżidu li “il-prinċipju ta’ trattament ugwali ta’ penalità għall-istess aġir jista’ jwassal, f’ċerti ċ-ċirkustanzi, għall-applikazzjoni ta’ ammonti divrenzjati għall-impriżi kkonċernati mingħajr ma dan id-divrenzjar […] jkun riżultat ta’ kalkolu aritmetiku”.

504    Skond il-ġurisprudenza, meta l-Kummissjoni taqsam l-impriżi kkonċernati f’kategoriji għall-finijiet ta’ l-iffissar ta’ l-ammont tal-multi, id-determinazzjoni ta’ l-ammont minimu għal kull waħda mill-kategoriji identifikati b’dan il-mod għandha tkun koerenti u oġġettivament iġġustifikata (is-sentenza Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, punt 496 iktar ’il fuq, punt 220).

505    Fuq din il-bażi, għandu jiġi vverifikat jekk il-klassifikazzjoni magħmula mill-Kummissjoni tirrispettax il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

506    Għandu jiġi mfakkar li, sabiex “tittieħed in kunsiderazzjoni s-saħħa speċifika ta’ kull impriża, u għaldaqstant l-effett reali ta’ l-aġir illegali tagħha fuq il-kompetizzjoni”, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni (premessi 406 u 407), qassmet lill-impriżi kkonċernati f’kategoriji “skond l-importanza relativa tagħhom fis-suq in kwistjoni”. Għal dan il-għan, hija kkunsidrat “bħala bażi l-fatturat miksub mill-bejgħ tal-prodott fiż-ŻEE sabiex tqabbel l-importanza relativa ta’ l-impriżi fis-suq ikkonċernat”. Il-premessa 408 tirreferi ukoll għall-ishma tagħhom mis-suq. Il-motivazzjoni tal-klassifikazzjoni magħmula hija għaldaqstant ċara.

507    Safejn jistgħu jagħtu indikazzjoni ta’ l-importanza ta’ l-impriża, dawn l-elementi, jiġifieri l-fatturat tagħha miksub mill-bejgħ tal-prodott fiż-ŻEE kif ukoll l-ishma tagħha mis-suq, jistgħu jittieħdu in kunsiderazzjoni mill-Kummissjoni f’dan il-kuntest, skond il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 468 iktar ’il fuq.

508    Kif tindika l-premessa 407 tad-deċiżjoni, il-Kummissjoni użat, biex tistabbilixxi l-kategoriji differenti, figuri li jinsabu fit-tabella 1 b) riprodotta fil-premessa 18 tad-deċiżjoni.

509    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-fatturati indikati f’din it-tabella huma bbażati fuq l-informazzjoni mogħtija mill-impriżi fir-risposti tagħhom għat-talbiet għal informazzjoni. AWA ma tistax għaldaqstant tibbaża ruħha, f’dawn il-proċedimenti, fuq il-fatt li hija stess ipprovdiet informazzjoni li ma kinitx eżatta. Fi kwalunkwe każ, jirriżulta li l-figuri l-ġodda li hija ssemmi fir-rikors tagħha huma bażikament l-istess u għaldaqstant ma jwasslux għal riżultat differenti.

510    Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni AWA, ma jirriżultax mit-tqabbil tal-figuri pprovduti fit-tabella in kwistjoni u mill-kategoriji ddefiniti mill-Kummissjoni li din ta’ l-aħħar applikat fil-konfront ta’ AWA sistema differenti minn dak applikat fil-konfront ta’ l-impriżi l-oħra.

511    Ċertament, riferenza għall-ishma mis-suq fost elementi oħra sabiex issir distinzjoni bejn l-impriżi tmur kontra l-prinċipju ta’ trattament ugwali li kieku din ma kellhiex tapplika għall-impriżi kollha kkonċernati. Madankollu, AWA stess tipprovdi fir-rikors tagħha tabella li minnha jirriżulta, skond l-affermazzjonijiet tagħha stess, li “l-ammonti determinati għall-gravità huma, f’termini ġenerali, korrelatati ma’ l-ishma mis-suq tal-parteċipanti fi ħdan is-suq milqut”. Għall-kuntrarju ta’ dak li tallega AWA, il-prinċipju ta’ trattament ugwali ġie għaldaqstant irrispettat.

512    Zanders tqis, min-naħa tagħha, li kienet soġġetta għal diskriminazzjoni billi ġiet ikklassifikata fl-istess kategorija ta’ MHTP u Koehler meta l-involviment tagħhom fl-akkordju kienet ħanfa iktar attiv minn tagħha, jew billi ma ġietx ikklassifikata fl-istess kategorija ta’ Torraspapel meta ma kienet teżisti l-ebda raġuni oġġettiva li tiġi ttrattata b’mod differenti.

513    Għandu jiġi rilevat li, skond il-figuri kkunsidrati mill-Kummissjoni, is-sehem mis-suq ta’ Zanders kien fl-1994 u fl-1995 ta’ madwar 12 %, dak ta’ MHTP ta’ madwar 14 % u dik ta’ Koehler ta’ madwar 10 %, filwaqt li dak ta’ Torraspapel kien ta’ 5.4 % fl-1994 u ta’ 6.9 % fl-1995. Fir-rigward ta’ dan il-kriterju, il-kategoriji stabbiliti mill-Kummissjoni mhumiex għaldaqstant diskriminatorji fir-rigward ta’ Zanders, u lanqas, mill-bqija, ma huma diskriminatorji fir-rigward ta’ Koehler, minkejja n-natura ta’ impriża tal-familja li din ta’ l-aħħar issostni li hi (ara wkoll il-punti 487 et seq. iktar ’il fuq).

514    Zanders madankollu tipprova tistabbilixxi li s-sehem tagħha mis-suq kien iżgħar minn dak ta’ Torraspapel f’ċerti swieq, b’mod partikolari fi Franza, fi Spanja u fir-Renju Unit.

515    Għandu jiġi enfasizzat f’dan ir-rigward li l-Kummissjoni bbażat ruħha, għall-parteċipanti kollha fl-akkordju, fuq il-fatturat tagħhom miksub mill-bejgħ tal-prodott u mill-ishma tagħhom mis-suq fiż-ŻEE. Fil-fatt, hija kkunsidrat li l-akkordju kopra s-suq komuni kollu u, wara li nħalqet, iż-ŻEE kollha (premessa 403 tad-deċiżjoni). L-espożizzjoni ta’ Zanders hija għaldaqstant irrilevanti safejn din tapplika biss għal ċerti swieq.

516    Rigward l-allegazzjoni ta’ Zanders li l-involviment tagħha fl-akkordju kien minimu, wara kollox ikkontestata mill-Kummissjoni, din tista’ eventwalment tittieħed in kunsiderazzjoni bħala ċirkustanza attenwanti skond il-linji gwida. Hija madankollu m’għandhiex tittieħed in kunsiderazzjoni fl-istadju ta’ l-iffissar ta’ l-ammont inizjali skond il-gravità fejn il-valutazzjoni ssir abbażi ta’ elementi oġġettivi intiżi sabiex “jieħdu in kunsiderazzjoni s-saħħa speċifika [...] ta’ kull impriża fuq il-kompetizzjoni”.

517    Fl-aħħar net, għandu jiġi eżaminat l-argument ta’ AWA, li l-livell ġenerali ta’ l-ammonti ffissati skond il-gravità għal dan l-akkordju huwa għoli wisq meta mqabbel ma’ dawk iffissati f’kawżi oħra reċenti.

518    AWA ssostni li, b’eċċezzjoni notevoli ħafna ta’ l-ammont iffissat fil-każ tagħha, l-ammonti inizjali f’dan il-każ u dawk iffissati għal kull ksur f’kawżi oħra li jinvolvu ksur serju ħafna huma simili ħafna. Issa, skond AWA, dawn kien imisshom kienu ħafna inqas peress li l-akkordji ma kellhomx l-effett li jżidu l-prezzijiet b’relazzjoni mal-kundizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni, ma waqqfux il-parteċipanti milli jagħmlu profitti minimi, kienu limitati għal diskussjonijiet fuq il-prezzijiet u ma kinux jinkludu mekkaniżmu ta’ kontroll.

519    Għandu jiġi kkonstatat li l-argument ta’ AWA huwa intiż sabiex jikkontesta l-kwalifika ta’ ksur serju ħafna f’dan il-każ u mhux l-ammonti ffissati b’relazzjoni ma’ din il-kwalifika tal-ksur bħala serju ħafna, li fir-rigward tagħhom AWA tirrileva xebh kbir ma’ dawk iffissati f’kawżi oħra għall-istess tip ta’ ksur.

520    Peress li l-Kummissjoni ġustament ikkwalifikat il-ksur bħala serju ħafna (ara l-punti 431 sa 442 iktar ’il fuq), l-ilment ta’ trattament mhux ugwali meta mqabbel mal-kawżi reċenti ma jreġix, peress li AWA tammetti li l-ammont huwa dak applikat f’kawżi oħra għal dan it-tip ta’ ksur.

521    Fir-rigward, barra minn dan, ta’ l-ammont iffissat fil-każ ta’AWA, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita sew, il-fatt li l-Kummissjoni applikat, fl-imgħoddi, multi ta’ ċertu livell għal ċerti tipi ta’ ksur ma jistax iċċaħħada mill-possibbiltà li tgħolli dan il-livell fil-limiti indikati fir-Regolament Nru 17, jekk dan jirriżulta li huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni tal-politika Komunitarja tal-kompetizzjoni.

522    Għaldaqstant, il-motivi intiżi sabiex jikkontestaw il-klassifikazzjoni tal-parteċipanti fl-akkordju u l-ammonti inizjali ffissati fuq din il-bażi għandhom jiġu miċħuda.

4.     Żieda fil-multa għal finijiet dissważivi

523    AWA u Bolloré jikkontestaw l-irduppjar ta’ l-ammont inizjali tal-multi għal finijiet dissważivi. Din iż-żieda twassal għal multa sproporzjonata ħafna meta mqabbla mal-volum tal-bejgħ ikkonċernat mill-akkordju u ma tiħux in kunsiderazzjoni l-gravità tal-ksur imputabbli lid-diversi impriżi u r-rwol speċifiku tagħhom. AWA ssostni wkoll li din iż-żieda għal finijiet dissważivi ma hija motivata la fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet u lanqas fid-deċiżjoni u hija inkompatibbli ma’ l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

524    Il-Kummissjoni esponiet, fil-premessi 410 sa 412 tad-deċiżjoni, li, sabiex jiġi aċċertat li l-multa jkollha effett suffiċjentment dissważiv, hija qieset, fil-każ ta’ AWA, ta’ Sappi u ta’ Bolloré, “li [kien] hemm lok li l-ammont inizjali tal-multa kkalkolat skond l-importanza relativa tas-suq in kwstjoni jiġi miżjud sabiex jittieħed in kunsiderazzjoni d-daqs tagħhom u r-riżorsi globali tagħhom”. Il-Kummissjoni kienet diġà ħabbret fid-DO l-intenzjoni tagħha li tiffissa l-multi f’livell suffiċjenti sabiex ikunu dissważivi.

525    Il-linji gwida jipprevedu li huwa meħtieġ “li tiġi stabbilita l-multa f'livell li jiggarantixxi effett suffiċjentament diswassiv”. Barra minn hekk, jista’ jiġi kkunsidrat il-fatt li “impriżi kbar ġeneralment ikollhom tagħrif u infrastrutturi ġuridiċi-ekonomiċi li faċilment jippermettulhom biex jirrikonoxxu li l-komportament tagħhom jikkostitwixxi ksur u li jkunu konxji tal-konsegwenzi ta' dan skond il-liġi tal-kompetizzjoni”.

526    Għandu jiġi mfakkar li huwa leċitu li l-Kummissjoni tgħolli l-livell tal-multi bil-għan li ssaħħaħ l-effett dissważiv tagħhom (is-sentenza ta’ l-10 ta’ Marzu 1992, Solvay vs Il-Kummissjoni, punt 196 iktar ’il fuq, punt 309). Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ timponi multi ikbar fuq impriża li l-azzjonijiet tagħha fis-suq, fid-dawl tal-fatt li hija tokkupa post determinanti fi ħdan is-suq, kellhom impatt iżjed importanti minn dawk ta’ impriżi oħra li kkommettew l-istess ksur, mingħajr ma tkun qed tikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali. Dan il-metodu sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tal-multa jissodisfa wkoll ir-rekwiżit li din tkun suffiċjentement dissważiva (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Diċembru 2003, Minoan Lines vs Il-Kummissjoni, T-66/99, Ġabra p. II‑5515, punt 284; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Ottubru 1996, Compagnie maritime belge transports et vs Il-Kummissjoni, T-24/93 sa T-26/93 u T-28/93, Ġabra p. II‑1201, punt 235).

527    Id-dissważjoni, kif tirriżulta mis-sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq (punt 106), għandha tkun kemm speċifika kif ukoll ġenerali. Filwaqt li tikkastiga ksur individwali, il-multa tagħmel ukoll parti minn politika ġenerali ta’ ħarsien mill-impriżi tar-regoli tal-kompetizzjoni. Anki fil-konfront ta’ l-impriża kkonċernata, id-dissważjoni ma tistax tkun limitata biss għas-suq in kwistjoni, iżda għandha tapplika għall-attivitajiet tagħha kollha. Bolloré ma tistax għaldaqstant tippretendi li tingħata tnaqqis fil-multa li ġiet imposta fuqha minħabba l-bejgħ tad-dipartiment tagħha “Karta saħħara” u minħabba n-nuqqas ta’ reċidiv possibbli f’dan is-settur.

528    B’risposta għall-kontestazzjoni, minn AWA, ta’ l-effett dissważiv erga omnes tal-multa, għandu jiġi rilevat li, għalkemm il-multa hija intenzjonata sabiex ikollha efett dissważiv kemm fir-rigward ta’ l-impriża kkundannata kif ukoll ta’ l-impriżi l-oħra li tiġihom it-tentazzjoni li jiksru r-regoli tal-kompetizzjoni, f’dan il-każ din ġiet ikkalkolata billi ġew ikkunsidrati kemm is-sitwazzjoni proprja ta’ l-impriża kkonċernata kif ukoll iċ-ċirkustanzi kollha tal-każ. Għaldaqstant, jekk din mhijiex sproporzjonata fil-konfront ta’ l-impriża kkonċernata, ma tistax issir sproporzionata mis-sempliċi fatt li fl-istess ħin din tipproduċi effett dissważiv erga omnes.

529    Madankollu, f’dan il-każ, ir-rikorrenti jikkontestaw fuq kollox l-ammont kbir taż-żieda għal finijiet dissważivi fil-każ tagħhom, li huma jqisu li huwa sproporzjonat u inspjegabbli.

530    Rigward in-natura allegatament sproporzjonata tal-multiplikatur applikat f’dan il-każ għal finijiet dissważivi, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fis-sentenza tagħha ABB vs Il-Kummissjoni (punt 162), approvat l-irduppjar tal-multa mill-Kummissjoni għal finijiet dissważivi sabiex tirrifletti l-importanza tar-rikorrenti fis-settur tal-pajpijiet preisolati sabiex tieħu in kunsiderazzjoni l-pożizzjoni tagħha bħala wieħed mill-gruppi prinċipali Ewropej.

531    Issa, li kieku wieħed kellu jirreferi għat-tabella 1 b) li tinsab fil-premessa 18 tad-deċiżjoni, AWA, Bolloré u Sappi huma l-gruppi prinċipali Ewropej. Il-fatturat totali tagħhom, li jinsab fl-istess livell, huwa superjuri ħafna għal dak ta’ l-impriżi l-oħra kkonċernati. Minn dan jirriżulta li l-irduppjar tal-multa ta’ AWA u ta’ Bolloré ma jistax jiġi kkunsidrat bħala sproporzjonat meta mqabbel mal-pożizzjoni tal-grupp tagħhom.

532    Għandu jiġi enfasizzat f’dan ir-rigward li, għall-kuntrarju ta’ l-idea li jidher li qed jibbażaw fuqha AWA u Bolloré, jiġifieri li l-Kummissjoni bbażat ruħha, għal din iż-żieda għal finijiet dissważivi, fuq il-fatturat dinji tal-grupp tagħhom, ir-rata multiplikatriċi ma ġietx ikkalkolata skond formola matematika u mingħajr rabta proporzjonali mal-fatturat globali tar-rikorrenti (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza ABB vs Il-Kummissjoni, punt 180). Fil-fatt, jekk wieħed iqabbel, skond l-importanza, fit-tabella 1 b), il-fatturat globali ta’ AWA, ta’ Sappi, ta’ Bolloré u ta’ Torraspapel, jirriżulta li dak ta’ Bolloré u ta’ AWA huwa minn ħames sa seba’ darbiet ogħla minn dak ta’ Torraspapel, filwaqt li l-Kummissjoni applikat biss rata multiplikatriċi ta’ 2, u dan mingħajr distinzjoni bejn AWA u Bolloré.

533    Fir-rigward ta’ l-argument li din iż-żieda hija sproporzjonata ħafna meta mqabbla mal-fatturat ikkonċernat mill-ksur, għandu jiġi rrimarkat li l-ammont inizjali tal-multa skond il-gravità ġie kkalkolat abbażi tal-fatturat miksub mill-bejgħ tal-prodott fis-suq ikkonċernat. Dan l-element għaldaqstant ittieħed in kunsiderazzjoni mill-Kummissjoni inizjalment. Iż-żieda għal finijiet dissważivi hija intiża sabiex jittieħdu in kunsiderazzjoni, fi stadju ulterjuri, id-daqs u r-riżorsi globali ta’ l-impriża.

534    Għandu jiġi mfakkar f’dan ir-rigward li l-Kummissjoni tista’ tieħu in kunsiderazzjoni kemm il-fatturat globali ta’ l-impriża li jikkostitwixxi indikazzjoni, anki jekk approssimativa u imperfetta, tad-daqs tagħha u tas-saħħa ekonomika tagħha, kif ukoll il-parti tal-fatturat li jirriżulta mill-merkanzija li hija s-suġġett tal-ksur (is-sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punt 121).

535    AWA madankollu tilmenta li l-Kummissjoni, diġà fl-istadju ta’ l-iffissar ta’ l-ammont inizjali, applikat koeffiċjent multiplikatur ta’ 3.5 minħabba l-importanza tar-rikorrenti fis-suq tal-karta saħħara, imbagħad, applikat koeffiċjent multiplikatur ta’ 2 bħala dissważjoni.

536    Issa, kif ġie espost iktar ’il fuq, iż-żewġ żidiet ma jeħdux in kunsiderazzjoni l-istess elementi. L-ewwel waħda tirreferi għall-importanza ta’ l-impriża fis-suq tal-prodott in kwistjoni u t-tieni waħda għall-attività kollha ta’ l-impriża jew tal-grupp li tagħmel parti minnu, sabiex jittieħdu in kunsiderazzjoni r-riżorsi globali tagħha.

537    Rigward il-karattru inspjegabbli taż-żieda għal finijiet dissważivi, għandu jiġi kkonstatat li, fid-deċiżjoni, il-Kummissjoni tesponi li, fil-każ ta’ AWA, ta’ Sappi u ta’ Bolloré, “ l-ammont inizjali tal-multa kkalkolat skond l-importanza relativa tas-suq in kwistjoni għandu jiġi miżjud sabiex jittieħdu in kunsiderazzjoni d-daqs tagħhom u r-riżorsi globali tagħhom”. Għall-kuntrarju ta’ dak li tafferma AWA, iż-żieda in kwistjoni hija għaldaqstant immotivata kif suppost.

538    Madankollu, AWA tikkontesta t-teħid in kunsiderazzjoni għal finijiet dissważivi tad-daqs ta’ l-impriża u r-riżorsi globali tagħha. Hija ssostni li, skond teorija ekonomika raġonevoli tad-dissważjoni, il-multi għandhom jiġu ffissati skond il-profitti mistennija mill-ksur fis-suq in kwistjoni u l-probabbiltà li dan jinkixef. Il-kwistjoni tad-dissważjoni mhijiex, fil-fehma tagħha, razzjonalment marbuta mal-fatturat tal-grupp fuq livell dinji ta’ impriża.

539    F’dak li jikkonċerna l-kunsiderazzjoni tad-daqs u tar-riżorsi globali ta’ l-impriżi kkonċernati, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-Kummissjoni m’għamlitx żball ta’ evalwazzjoni safejn hija tqis li l-impriżi ta’ daqs kbir għandhom, ġeneralment, riżorsi superjuri, sabiex ikollhom għarfien tal-bżonnijiet u tal-konsegwenzi tal-liġi tal-kompetizzjoni, meta mqabbla ma’ dawk ta’ impriżi iżgħar (is-sentenza ABB vs Il-Kummissjoni, punt 169).

540    Barra minn hekk, peress li t-teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-effett dissważiv ta’ multa jikkostitwixxi wieħed mill-fatturi li, skond il-ġurisprudenza, għandu jiġi kkunsidrat sabiex tiġi ddeterminata l-gravità tal-ksur, AWA ma tistax tikkritika lill-Kummissjoni talli kkunsidrat l-effett dissważiv tal-multi fl-iffissar ta’ l-ammont inizjali li jikkorrispondi għall-gravità tal-ksur tagħha. Fil-fatt, it-teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-effett dissważiv tal-multi jagħmel parti integrali mill-valutazzjoni tal-multi skond il-gravità tal-ksur (is-sentenza ABB vs Il-Kummissjoni, punt 167). AWA għaldaqstant m’għandhiex raġun meta tippretendi li l-Kummissjoni kellha l-obbligu li tapplika inkrementazzjoni għal finijiet dissważivi biss fl-aħħar stadju tal-kalkolu tal-multa.

541    Fir-rigward ta’ l-allegata inkompatibbiltà taż-żieda għal finijiet dissważivi ma’ l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, għandu jiġi enfasizzat li dawn iż-żewġ affarijiet huma manifestament differenti u l-applikazzjoni simultanea ta’ dawn iż-żewġ elementi ma tistax titqies bħala kontraddittorja. Fil-fatt, iż-żieda tal-multa għal finijiet dissważivi tagħmel parti mill-fażi tal-kalkolu tal-multa li tippenalizza l-ksur li seħħ. Ladarba jiġi ddeterminat dan l-ammont, l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni hija intima imbagħad biex tikkumpensa lill-impriżi li jkunu ddeċidew li jikkooperaw mal-Kummissjoni jiġu kkumpensati. Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni AWA, il-fatt li impriża tiddeċiedi li tikkoopera f’investigazzjoni sabiex tikseb tnaqqis fil-multa li tkun ġiet imposta fuqha f’dan il-kuntest ma jiggarantixxi bl-ebda mod li din mhijiex se twettaq ksur simili iktar ’il quddiem.

542    Rigward il-fatturi li jistgħu iwasslu għal tnaqqis fil-multa ta’ impriża skond ċirkustanzi attenwanti speċifiċi għaliha, dawn għandhom, skond il-każ, jittieħdu in kunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ l-eżami taċ-ċirkustanzi attenwanti u mhux fl-istadju taż-żieda għal finijiet dissważivi. Dan japplika, per eżempju, fir-rigward ta’ l-allegat rwol ta’ emulatriċi ta’ Copigraph (Bolloré) u l-waqfien mill-ksur minn din l-istess impriża qabel il-bidu ta’ l-investigazzjoni.

543    Fl-aħħar, qabel ma jintemm dan l-eżami ta’ l-argumenti tar-rikorrenti fuq iż-żieda fil-multa għal finijiet dissważivi, għandu jerġa’ jiġi kkunsidrat f’dan ir-rigward it-trattament mhux ugwali li skond ċerti impriżi jirriżulta mit-teħid in kunsiderazzjoni fil-każ tagħhom tal-fatturat tal-grupp li jappartjenu għalih filwaqt li, fir-rigward ta’ parteċipanti oħra fl-akkordju, il-Kummissjoni ma kkunsidratux. Fil-fatt, peress li l-Kummissjoni tafferma li tixtieq tieħu in kunsiderazzjoni d-daqs u r-riżorsi globali ta’ l-impriżi kkonċernati (premessa 411 tad-deċiżjoni) fil-kuntest taż-żieda tal-multi għal finijiet dissważivi, l-appartenenza jew le għal grupp tista’ tkun determinanti.

544    Rigward AWA, għandu jiġi mfakkar li peress li l-kumpannija parent tal-grupp ipparteċipat b’mod dirett u awtonomu fl-akkordju, fatt li mhuwiex ikkontestat, huwa bir-raġun li huwa l-fatturat tal-grupp li ttieħed in kunsiderazzjoni.

545    Fir-rigward ta’ Bolloré, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat, fil-punti 66 sa 81 iktar ’il fuq, li l-oġġezzjoni bbażata fuq l-involviment dirett ta’ Bolloré kellha tiġi respinta, peress li d-DO ma kinitx ippermettietilha ssir taf b’din l-oġġezzjoni u tiżgura d-difiża tagħha fuq dan il-punt. Madankollu, fi tmiem l-eżami tas-sitwazzjoni ta’ Bolloré (ara l-punti 129 sa 150 iktar ’il fuq), il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li l-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li din l-impriża kellha twieġeb għall-parteċipazzjoni tal-kumpannija sussidjarja tagħha Copigraph fl-akkordju.

546    Għaldaqstant, iż-żewġ kumpanniji setgħu jiġu kkunsidrati bħala responsabbli in solidum għall-aġir li ġew akkużati bih, peress li l-atti kommessi minn waħda huma imputabbli lill-oħra (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza HFB et vs Il-Kummissjoni, punt 87 iktar ’il fuq, punti 54, 524 u 525). Għandu jiġi enfasizzat li jirriżulta mit-tabella 1 b) fil-premessa 18 tad-deċiżjoni li l-fatturat relativ għall-karta saħħara li ttieħed in kunsiderazzjoni fil-każ ta’ Bolloré huwa dak ta’ Copigraph, peress li din ta’ l-aħħar biss kellha tali fatturat. Il-Kummissjoni għaldaqstant iffissat korrettement l-ammont inizjali tal-multa ta’ Bolloré billi ħadet in kunsiderazzjoni l-fatturat ta’ Copigraph. Peress li Copigraph u Bolloré jiffurmaw impriża waħda u unika fis-sens ta’ l-Artikolu 81 KE, it-teħid in kunsiderazzjoni tar-riżorsi globali tal-grupp sabiex jiġi żgurat li l-multa jkollha effett suffiċjentement dissważiv kien għaldaqstant iġġustifikat.

547    Fi tmiem din l-analiżi, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni kellha raġun iżżid, fil-każ ta’ AWA u ta’ Bolloré, l-ammont inizjali tal-multa sabiex tiżgura li din ta’ l-aħħar ikollha effett suffiċjentement dissważiv.

548    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ġustament applikat fil-konfront tal-fatturat dinji ta’ Bolloré ammont massimu ta’ 10 % tal-fatturat, previst fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. Fil-fatt, dan l-ammont għandu jiġi kkalkolat abbażi tal-fatturat totali tal-kumpanniji kollha li jikkostitwixxu l-entità ekonomika li topera bħala “impriża” fis-sens ta’ l-Artikolu 81 KE (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza HFB et vs Il-Kummissjoni, punt 87 iktar ’il fuq, punt 528).

549    Għandhom għaldaqstant jiġu miċħuda l-motivi kollha bbażati fuq insuffiċjenza ta’ provi, fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 253 KE, ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ trattament ugwali, fuq in-nuqqas ta’ determinazzjoni individwali tal-multi, fuq konstatazzjonijiet fattwali żbaljati, fuq żbalji ta’ evalwazzjoni u fuq żbalji tad-dritt fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur.

E –  Fuq il-motivi relativi għat-tul ta’ żmien tal-ksur

550    Għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, it-tul ta’ żmien tal-ksur jikkostitwixxi wieħed mill-elementi li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuq l-impriżi li huma kolpevoli tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

551    F’dak li jikkonċerna l-fattur relativ għat-tul ta’ żmien tal-ksur, il-linji gwida jagħmlu distinzjoni bejn il-ksur ta’ dewmien qasir (ġeneralment ta’ inqas minn sena), li fir-rigward tiegħu l-ammont inizjali kkunsidrat abbażi tal-gravità m’għandux jiżdied, il-ksur ta’ dewmien medju (ġeneralment minn sena sa ħames snin), li fir-rigward tiegħu dan l-ammont jista’ jiżdied b’50 %, u l-ksur ta’ dewmien twil (ġeneralment iktar minn ħames snin), li fir-rigward tiegħu dan l-ammont jista’ jiżdied b’10 % kull sena (l-ewwel sat-tielet sub-inċiżi, ta’ l-ewwel inċiż tal-punt 1 B).

552    Fil-premessi 414 sa 416 tad-deċiżjoni, il-Kummissjoni tesponi li:

“(414) [...] il-ksur kien ta’ dewmien medju (minn sena sa ħames snin) għal kull waħda mill-impriżi kkonċernati.

(415) AWA, Copigraph (Bolloré), Koehler, Sappi, MHTP (Stora), Torraspapel u Zanders ikkommettew ksur li dam għaddej tliet snin u disa’ xhur. L-ammonti inizjali ddeterminati abbażi tal-gravità [...] ġew għaldaqstant miżjuda b’total ta’ 35 % għal kull waħda minnhom.

(416) Fil-każ ta’ Mougeot, Carrs, Divipa u Zicuñaga, it-tul ta’ żmien tal-ksur varja bejn sena u erba’ xhur u tliet snin u ħames xhur. L-ammonti inizjali ddeterminati abbażi tal-gravità ġew għaldaqstant miżjuda bi 30 % għal Mougeot, b’25 % għal Carrs, b’25 % għal Divipa u b’10 % għal Zicuñaga.”

553    Diversi rikorrenti kkontestaw il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar it-tul ta’ żmien tal-ksur li ġie kommess minnhom. Għandha ssir riferenza, f’dan ir-rigward, għall-punti 256 sa 371 iktar ’il fuq fejn jirriżulta li ż-żidiet magħmula mill-Kummissjoni minħabba t-tul ta’ żmien tal-ksur huma fondati.

554    Barra minn hekk, dejjem f’dak li jikkonċerna ż-żieda marbuta mat-tul ta’ żmien tal-ksur, AWA ssostni li l-Kummissjoni applikat iż-żieda fil-multa marbuta mat-tul ta’ żmien tal-ksur, mhux, kif ġie indikat fil-premessa 415 tad-deċiżjoni, għall-ammont inizjali tal-multa iżda għal ammont ekwivalenti għad-doppju ta’ dan.

555    Huwa veru li l-premessa 415 tad-deċiżjoni tirreferi għall-“ammonti inizjali ddeterminati abbażi tal-gravità” u żżid f’parenteżi riferenza għall-premessa 409 li tinkludi l-ammonti inizjali tal-multi stabbiliti skond il-gravità mingħajr żieda għal finijiet dissważivi.

556    Il-Kummissjoni tammetti li dan kien żball ta’ l-istampa u li hija kellha tirreferi għall-premessa 412, li tindika l-ammonti li jinkludi ż-żieda għal finijiet dissważivi.

557    Fi kwalunkwe każ, ir-riżultat finali ma jinbidilx, Ċertament, sabiex tinżamm il-konsistenza mal-bqija tad-deċiżjoni, kien ikun aħjar li kieku saret riferenza għall-ammont inizjali diġà miżjud għal finijiet dissważivi. Madankollu, ir-riżultat ma kienx ikun differenti li kieku l-kalkolu sar f’ordni invers, jiġifieri billi jiżdied b’35 %, minħabba t-tul ta’ żmien tal-ksur, l-ammont inizjali ta’ EUR 70 miljun, biex imbagħad jiġi rduppjat għal finijiet dissważivi. L-ammont inizjali tal-multa ta’ AWA kien jibqa’ dak imsemmi fil-premessa 417.

558    Għaldaqstant il-motivi relativi għat-tul ta’ żmien tal-ksur għandhom jiġu miċħuda.

F –  Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ trattament ugwali kif ukoll fuq żball ta’ evalwazzjoni fattwali

559    Minħabba l-fattur aggravanti li r-rwol ta’ mexxej prinċipali fil-ksur jikkostitwixxi, il-Kummissjoni żiedet b’50 % l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq AWA (premessa 424 tad-deċiżjoni).

560    Għandu jiġi rilevat preliminarjament li t-teħid in kunsiderazzjoni tar-rwol ta’ mexxej prinċipali huwa konformi mal-ġurisprudenza u mal-linji gwida.

561    Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, meta jseħħ ksur minn numru ta’ impriżi, ikun jeħtieġ, fil-kuntest tad-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multi, li tiġi eżaminata l-gravità relativa tal-parteċipazzjoni ta’ kull waħda minnhom (is-sentenza Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, punt 446 iktar ’il fuq, punt 623), li jfisser, b’mod partikolari, li għandhom jiġu stabbiliti r-rwoli rispettivi tagħhom fil-ksur tul il-parteċipazzjoni tagħhom fih (is-sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 149 iktar ’il fuq, punt 150, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Diċembru 1991, Enichem Anic vs Il-Kummissjoni, T-6/89, Ġabra p. II‑1623, punt 264). Minn dan jirriżulta, b’mod partikolari, li r-rwol ta’ “mexxejja prinċipali” ta’ impriża waħda jew ta’ diversi impriżi fil-kuntest ta’ akkordju għandu jittieħed in kunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu ta’ l-ammont tal-multa, safejn l-impriżi li kellhom rwol bħal dan għandhom, minħabba f’hekk, jerfgħu responsabbiltà partikolari meta mqabbla ma’ impriżi oħra (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja IAZ et vs Il-Kummissjoni, punt 121 iktar ’il fuq, punti 57 u 58, u tas-16 ta’ Novembru 2000, Finnboard vs Il-Kummissjoni, C-298/98 P, Ġabra p. I‑10157, punt 45; is-sentenza Mayr‑Melnhof vs Il-Kummissjoni, punt 446 iktar ’il fuq, punt 291). Skond dawn il-prinċipji, il-punt 2 tal-linji gwida jistabbilixxi, taħt iċ-ċirkustanzi aggravanti, lista mhux eżawrjenti taċ-ċirkustanza li jistgħu iwasslu għal żieda fl-ammont bażiku tal-multa li tinkludi, b’mod partikolari, ir-“rwol ta’ mexxej jew provokatur tal-ksur (is-sentenza ADM vs Il-Kummissjoni, punti 238 sa 240).

562    Madankollu, AWA tallega li ma jeżistux, jew li jeżistu ftit, provi tal-leadership tagħha fil-ksur u li, fi kwalunkwe każ, żieda ta’ 50 % hija sproporzjonata u tmur kontra l-prinċipju ta’ trattament ugwali meta mqabbla ma’ impriżi oħra li assumew rwol ta’ leader fil-ksur.

1.     Żball ta’ evalwazzjoni fattwali

563    Skond il-premessi 418 u 419 tad-deċiżjoni, numru ta’ elementi juru li AWA assumiet ir-rwol ta’ mexxejja prinċipali fil-ksur, fosthom, b’mod partikolari, is-sejħa u l-koordinazzjoni ta’ ċerti laqgħat, ir-rwol tagħha ta’ instigatriċi tar-ristrutturar ta’ l-akkordju, it-tħabbir taż-żidiet fil-prezzijiet, u s-sorveljanza ta’ l-applikazzjoni ta’ l-akkordju.

564    AWA twieġeb punt b’punt għal kull waħda minn dawn l-allegazzjonjiet. Billi hija ħadet ħsieb l-organizzazzjoni prattika ta’ ċerti laqgħat ma jfissirx li hija l-leader ta’ l-akkordju, tant li impriżi oħra ħadu ħsieb li jirriżervaw xi swali għal laqgħat ġenerali jew lokali ta’ l-akkordju. Jekk issir is-suppożizzjoni, fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet iżjed preċiżi, li l-allegat rwol tagħha ta’ instigatriċi għandu jiġi rrelatat mal-funzjoni ta’ l-AEMCP li f’dak iż-żmien kien assunt mis-Sur B., AWA ssostni li din il-funzjoni ma tistax tikkostitwixxi l-prova ta’ kwalunkwe tmexxija min-naħa tagħha. L-allegazzjonijiet ta’ żidiet fil-prezzijiet li hija kkawżat ma huma kkorroborati minn ebda prova u jistrieħu fuq dikjarazzjonijiet ta’ Mougeot li mhumiex attendibbli. AWA ma kinitx l-unika impriża li ħabbret żidiet fil-prezzijiet u l-fatt li hija kienet l-ewwel waħda huwa spjegabbli mill-pożizzjoni tagħha ta’ leader tas-suq, pożizzjoni li m’għandhiex tiġi kkritikata u ma tagħmilhiex il-leader tal-ksur. AWA tikkontesta l-allegazzjoni li hija għamlet xi pressjoni fuq xi produttur u ma teżisti l-ebda prova li effettivament użat il-pożizzjoni tagħha ta’ leader tas-suq, jew għall-inqas li heddedt li tużaha, sabiex tiżgura li l-akkordji jiġu osservati. Anki li kieku d-dikjarazzjonijiet ta’ Mougeot kellhom jiġu aċċettati bħala veri, dawn l-iktar l-iktar juru li AWA użat il-fermezza fil-konfront ta’ produtturi oħra.

565    Għandu jiġi rilevat li ċerti elementi ta’ prova mhumiex fihom infushom ikkontestati minn AWA iżda pjuttost l-interpretazzjoni tagħhom mill-Kummissjoni. B’hekk, AWA ma tikkontestax l-argument li hija ħadet ħsieb l-organizzazzjoni prattika ta’ ċerti laqgħat u lanqas li s-Sur B. kien imexxi l-AEMCP fiż-żmien meta kienet qed tiġi ristrutturata jew li hija ħabbret iż-żidiet fil-prezzijiet u li kienet l-ewwel waħda li għamlet dan u lanqas, fl-aħħar nett, li hija talbet u rċeviet l-awtorizzazzjoni li tivverfika l-informazzjoni fuq il-volumi ta’ bejgħ ta’ Sarrió fl-uffiċċji ta’ din l-impriża.

566    Issa jirriżulta mill-premessa 423 li huma dawn l-elementi ta’ prova kollha li wasslu l-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li AWA kienet il-mexxejja prinċipali:

“Numru ta’ provi koerenti juru li AWA, li kellha leadership ekonomika fis-suq tal-karta saħħara u li kienet f’pożizzjoni li teżerċita pressjoni fuq il-kompetituri tagħha minħabba li kienet tixtri jew tiddistribwixi l-parti l-kbira tal-produzzjoni ta’ ċerti fornituri żgħar, kellhom ukoll rwol prinċipali fis-sorveljanza u l-implementazzjoni ta’ l-akkordji.”

567    Fid-DO, il-Kummissjoni sostniet:

“M’hemmx dubju li AWA, li hija l-produttriċi ewlenija ta’ karta saħħara fl-Ewropa, kienet il-koordinatriċi prinċipali ta’ l-akkordju fiż-ŻEE kollha, minbarra fi Spanja. Il-provi fattwali […] li jirrigwardaw laqgħat kollużivi juru li wħud minnhom ġew imsejħa u kkoordinati minn rappreżentanti ta’ AWA. […] Barra minn hekk, ċerti indikazzjonijiet jagħtu l-impressjoni li ż-żidiet fil-prezzijiet miftiehma f’żewġ laqgħat ġenerali, għall-inqas, u f’numru ta’ laqgħat nazzjonali kienu l-idea ta’ AWA u li [hija] kienet teżiġi mill-parteċipanti l-oħra li dawn japplikaw l-istess żidiet. Ir-rwol ta’ AWA bħala koordinatriċi ta’ l-akkordju huwa, barra minn hekk, ikkorroborat minn ċerti dokumenti li juru li AWA kienet l-ewwel waħda li ħabbret iż-żidiet fil-prezzijiet fis-suq u li kompetituri oħra segwew dan it-tħabbir. Fil-minuti tal-laqgħa ġenerali ta’ l-akkordju tat-2 ta’ Frar 1995, ġie espliċitament indikat li AWA kellha tkun l-ewwel li tħabbar iż-żidiet fil-prezzijiet miftiehma fil-laqgħa.”

568    Għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li, anki jekk, kif issostni AWA, impriżi oħra setgħu f’ċerti okkażjonijiet irriżervaw xi swali, isejħu ċerti laqgħat jew iħabbru żidiet fil-prezzijiet, m’hemm ebda impriża oħra minbarra AWA li fil-konfront tagħha inġabru daqshekk elementi ta’ prova li, meta kkunsidrati, flimkien juru li kellha rwol ta’ mexxej. F’dan ir-rigward, per eżempju, għalkemm Koehler ukoll ippresediet l-AEMCP minn Jannar ta’ l-1995, ir-rwol tas-Sur F. (Koehler) ma jistax jiġi mqabbel ma’ dak tas-Sur B. (AWA) li biddel il-mod ta’ kif jaħdem l-akkordju.

569    Fit-tieni lok, jirriżulta li l-membri ta’ l-akkordju ma ressqu ebda element ta’ prova li jixħet xi dubju fuq ir-rwol ta’ mexxej ta’ AWA. Għall-kuntrarju, id-dikjarazzjonijiet ta’ Mougeot imsemmija fil-premessi 95, 97, 104, 108, 120, 141, 143, 193, 194, 210, 234 u 246 tad-deċiżjoni, u b’mod partikolari dawk imsemmija fil-punt 439 iktar ’il fuq, jidhru li jikkorroboraw ir-rwol ta’ mexxej ta’ AWA.

570    AWA madakollu tikkontesta l-valur probatorju tad-dikjarazzjonijiet ta’ Mougeot li kienu mmotivati mill-interess ta’ din l-impriża li tidher bħala vittma tal-pressjoni eżerċitata minn AWA u li tibbenefika mill-klemenza tal-Kummissjoni in kambju għal tali informazzjoni.

571    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, anki li kieku jeżistu xi diverġenzi bejn Mougeot u AWA, id-dikjarazzjonijiet ta’ Mougeot jaqblu, b’mod ġenerali, fuq numru ta’ aspetti, b’mod partikolari l-istruttura u l-aspett storiku ta’ l-akkordju, ma’ dawk ta’ AWA, li huma wkoll intenzjonati sabiex jittieġed benefiċċju mid-dispożizzjonijiet tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni (ara, b’mod partikolari, punti 163 sa 168 u 261 iktar ’il fuq). Il-kredibbiltà tad-dikjarazzjonijiet ta’ Mougeot ma tistax għaldaqstant tiġi kkontestata unikament f’dak li jikkonċerna r-rwol bħala mexxejja ta’ AWA, u dan partikolarment ladarba dan ir-rwol ta’ mexxejja prinċipali huwa kkorroborat minn numru ta’ provi koerenti u konverġenti.

572    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat illi, minbarra d-dikjarazzjonijiet ta’ Mougeot, dawn il-provi jinkludu dokumenti misjuba mill-Kummissjoni għand Sappi (premessa 103 tad-deċiżjoni) u dikjarazzjonijiet u komunikazzjonijiet ta’ din l-impriża msemmija l-aħħar (ara l-premessa 181 kif ukoll ir-riferenza, għall-premessi 228 u 233, fil-paġna 7 tal-fajl tal-Kummissjoni li jinkludi d-dikjarazzjonjiet ta’ Sappi). Ma jistax għaldaqstant jiġi allegat li l-argument tal-Kummissjoni huwa sostnut biss mid-dikjarazzjonijiet ta’ Mougeot.

573    Finalment, fir-rigward tal-pressjoni eżerċitata minn AWA fuq impriżi oħra, il-Kummissjoni tippreċiża, fir-risposta tagħha, li hija m’akkużatx lil AWA li għamlet pressjoni fuq impriżi oħra sabiex dawn jipparteċipaw fl-akkordju, għalkemm uħud minnhom, bħal Carrs u Torraspapel sostnew fir-risposti tagħhom għad-DO li huma kienu aġixxew taħt pressjoni minn AWA.

574    Issa, ċertament, fil-premessa 425 tad-deċiżjoni, fil-kuntest ta’ l-eżami taċ-ċirkustanzi attenwanti marbuta mar-rwol esklużivament passiv, il-Kummissjoni ssemmi l-fatt li “Carrs, Copigraph u Torraspapel jaffermaw li kellhom rwol esklużivament passiv fil-ksur u ġew sfurzati jipparteċipaw fl-akkordju minħabba pressjoni eżerċitata fuqhom mill-mexxejja prinċipali ta’ l-akkordju, AWA” u li “Koehler issostni wkoll li t-theddid li sar minn AWA kien fattur li ġegħelha tieħu sehem fl-akkordju”. Madankollu, dawn huma l-argumenti mressqa mill-partijiet bħala risposta għad-DO sabiex jiksbu ċirkustanzi attenwanti, argumenti li l-Kummissjoni imbagħad tiċħad fil-premessi 426 u 427 tad-deċiżjoni.

575    Għandu jiġi barra minn hekk ikkonstatat li l-elementi ta’ prova mressqa mill-Kummissjoni fil-premessi 418 sa 423 tad-deċiżjoni sabiex jiġi stabbilit ir-rwol ta’ mexxejja prinċipali ta’ AWA ma jirreferux għal din il-persważjoni jew għal dan it-theddid min-naħa tagħha intiżi sabiex iġġiegħel lil impriżi jipparteċipaw fl-akkordju. AWA ma tistax għaldaqstant issostni li hija ġiet akkużata żbaljatament b’tali theddid u lanqas li hija ma kellhiex aċċess għad-dikjarazzjonijiet ta’ l-impriżi li rriferew għal dan it-theddid. Jirriżulta mill-premessi 420 sa 422 tad-deċiżjoni u mill-atti ta’ AWA li hija ttrattat l-ilment li kellha r-rwol ta’ mexxejja minn kull aspett u eżerċitat id-drittijiet tad-difiża billi kkontestatu. Hija ma tistax tinvoka l-ksur tad-drittijiet tad-difiża f’dan ir-rigward.

576    Il-kunsiderazzjonijiet kollha li jippreċedu jwasslu lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tikkunsidra li l-Kummissjoni m’għamlitx żball ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet, abbażi ta’ numru ta’ indizji koerenti u konverġenti, li AWA assumiet ir-rwol ta’ mexxejja prinċipali fil-ksur.

577    Għandu issa jiġi vverifikat jekk dan ir-rwol jiġġustifikax żieda ta’ 50 % fil-multa ta’ AWA.

2.     Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

578    AWA ssostni li, anki li kieku kienet il-leader tal-ksur, din iċ-ċirkustanza ma tiġġustifikax żieda fil-multa ta’ 50 %. Sabiex tistabbilixxi n-natura sproporzjonata ta’ din iż-żieda, hija tibbaża ruħha fuq il-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni u tqabbel is-sitwazzjoni tagħha ma’ dik ta’ l-impriżi l-oħra li fil-konfront il-multa żdiedet bl-istess mod.

579    Madankollu, l-argument li ż-żieda ta’ 50 % hija iżjed miż-żieda ġeneralment applikata fid-deċiżjonijiet l-oħra tal-Kummissjoni, mhuwiex tali li jirrivela ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza ADM vs Il-Kummissjoni, punt 248).

580    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiddetermina l-ammont ta’ kull multa, il-Kummissjoni għandha setgħa ta’ diskrezzjoni u mhijiex marbuta tapplika, f’dan ir-rigward, formula matematika preċiża (is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ April 1995, Martinelli vs Il-Kummissjoni, T-150/89, Ġabra p. II‑1165, punt 59, u Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, punt 67 iktar ’il fuq, punt 268, ikkonfermata, fl-appell, mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, C-283/98 P, Ġabra p. I‑9855, punt 47). 

581    Għall-kompletezza, u bħala risposta għall-argument li r-rata ta’ 50 % tirrappreżenta, f’perċentwali, l-iktar żieda għolja qatt imposta minħabba r-rwol ta’ mexxejja prinċipali u, f’termini assoluti, it-tieni l-ikbar żieda bbażata fuq dini ir-raġuni, għandu jiġi osservat li din ir-rata ma tistax tiġi kkunsidrata bħala eċċezzjonali.

582    Fil-fatt, fid-Deċiżjoni 2002/271/KE tagħha, tat-18 ta’ Lulju 2001, dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u ta’ l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (każ COMP/E‑1/36.490 – Elettrodi tal-grafita) (ĠU 2002, L 100, p. 1), il-Kummissjoni imponiet fuq SGL Carbon AG żieda ta’ 85 % minħabba ċirkustanzi aggravanti. Huwa madankollu veru li r-rwol ta’ mexxejja prinċipali ma kienx l-uniku ċirkustanza aggravanti, peress li SGL Carbon ġiet akkużata wkoll li ostakolat l-investigazzjoni tal-Kummissjoni u rrifjutat li ġġib il-ksur fi tmiem. Fil-każ ta’ UCAR International Inc., iż-żieda kienet ta’ 60 % minħabba r-rwol tagħha ta’ mexxejja prinċipali u instigatriċi kif ukoll talli kompliet bil-ksur wara li saru l-verifiki. Fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/210/KE, ta’ l-14 ta’ Ottubru 1998, dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 85 tat-Trattat KE (każ IV/F‑3/33.708 − British Sugar plc, każ IV/F‑3/33.709 − Tate & Lyle plc, każ IV/F-3/33.710 − Napier Brown & Company Ltd, każ IV/F-3/33.711 − James Budgett Sugars Ltd) (ĠU L 76, p. 1), iż-żieda kienet ta’ 75 %. British Sugar plc ġiet ippenalizzata minħabba r-rwol tagħha ta’ instigatriċi u bħala “dik li kellha influwenza ewlenija fil-ksur”, iżda wkoll minħabba li hija kienet kisret l-obbligi tagħha li tosserva d-dritt Komunitarju u kkommettiet żewġ vjolazzjonijiet tar-regoli tal-kompetizzjoni fl-istess suq.

583    Barra minn hekk, rata ta’ żieda ta’ 50 % ġiet applikata fil-konfront ta’ impriżi oħra minħabba r-rwol tagħhom bħala mexxejja prinċipali, per eżempju F. Hoffmann-La Roche AG bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/2/KE, tal-21 ta’ Novembru 2001, dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u ta’ l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (każ COMP/E-1/37.512 – Vitamini) (ĠU L 6, p. 1), kif ukoll Archer Daniels Midland u Ajinomoto bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/418/KE tas-7 ta’ Ġunju 2000, dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u ta’ l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (każ COMP/36.545/F3 – Amino aċidi) (ĠU L 152, p. 24).

584    Madankollu, AWA tqis li, skond il-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni, l-applikazzjoni ta’ din ir-rata ta’ 50 % teħtieġ element ta’ instigazzjoni jew ta’ ġegħil.

585    Rigward l-element ta’ instigazzjoni, għandu jiġi osservat li, fid-Deċiżjoni 2001/418, żieda ta’ 50 % ġiet imposta fuq ADM filwaqt li r-rwol ta’ instigatriċi ġie kjarament imputat lil Ajinomoto. Dan l-eżempju konsegwentement imur kontra l-argument ta’ AWA fuq il-bżonn ta’ element ta’ instigazzjoni għall-applikazzjoni ta’ rata ta’ 50 %.

586    Madankollu, anki li kieku kellu jiġi aċċettat l-argument ta’AWA li l-applikazzjoni ta’ rata ta’ żieda ta’ 50 % teħtieġ element ta’ instigazzjoni, dan l-element huwa preżenti f’dan il-każ. Fil-fatt, AWA sejħet u kkoordinat numru ta’ laqgħat ta’ l-akkordju, kienet “l-instigatriċi tar-ristrutturar ta’ l-akkordju” (premessa 418 tad-deċiżjoni), ħadet l-inizjattiva ta’ numru ta’ żidiet fil-prezzijiet u ta’ spiss kienet l-ewwel li tħabbar iż-żidiet fil-prezzijiet fis-suq. Iż-żieda ta’ 50 % m’għandhiex għaldaqstant tiġi kkunsidrata bħala sproporzjonata (ara punti 568 sa 576 iktar ’il fuq).

587    Għall-kompletezza, f’dak li jikkonċerna l-element ta’ ġegħil, għandu jiġi rilevat li l-linji gwida jsemmu wkoll fost iċ-ċirkustanzi aggravanti l-miżuri ta’ ritorsjoni fuq impriżi oħra bil-għan li jiġu rrispettati d-deċiżjonijiet jew prattiċi infrazzjonali. Dawn il-miżuri huma għaldaqstant fihom infushom ċirkustanza aggravanti differenti minn dik tar-rwol ta’ mexxej jew provokatur tal-ksur.

588    Barra minn hekk, f’dan il-każ, skond il-premessa 104 tad-deċiżjoni, id-dikjarazzjonijiet ta’ Mougeot isemmu theddid, peress li “[Is-Sur B.] b’mod espliċitu ħafna indika li ma kienx se jittollera li din iż-żieda fil-prezz ma tiġix segwita u li kien se ‘jieħu ħsieb’ personalment ta’ dawk kollha li ma kinux se joqogħdu għar-regoli tal-logħoba”.

589    Minbarra dan, ma jistax jiġi eskluż li l-leadership ekonomika inkontestabbli li kellha AWA fis-suq tal-karta saħħara kienet tatiha ċertu setgħa ta’ impożizzjoni. Id-dikjarazzjonijiet ta’ Mougeot imsemmija fil-punt 439 iktar ’il fuq jagħtu din l-idea.

590    Għaldaqstant, iż-żieda ta’ 50 % fil-multa ta’ AWA minħabba r-rwol tagħha bħala mexxejja prinċipali ma tiksirx il-prinċipju ta’ proporzjionalità.

3.     Il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali

591    Skond AWA, iż-żieda ta’ 50 % fil-multa minħabba r-rwol tagħha ta’ mexxejja prinċipali tikser ukoll il-prinċipju ta’ trattament ugwali safejn numru ta’ impriżi kellhom rwol identiku għal tagħha. Koehler organizzat numru ta’ laqgħat. Torraspapel, Mougeot u MHTP kellhom rwol ewlieni fl-akkordji nazzjonali, billi ħadu ħsieb l-organizzazzjoni prattika ta’ laqgħat. Id-deċiżjoni tiddeskrivi lil Torraspapel bħala mexxeja ta’ l-akkordju fis-suq Spanjol. Il-fatt li l-multa ta’ dawn l-impriżi ma ġietx miżjuda wkoll jikkostitwixxi għaldaqstant diskriminazzjoni mhux iġġustifikata.

592    Għandu jiġi osservat li ma jeżistux elementi ta’ prova koerenti u konverġenti fil-konfront ta’ dawn l-impriżi ta’ l-istess natura jew importanza bħal dawk li juru lil AWA bħala mexxejja prinċipali tal-ksur in kwistjoni. Il-fatt li impriża jew oħra setgħet kellha funzjoni partikolari fl-akkordju ma jfissirx li din kienet il-mexxejja prinċipali. Hija l-agglomerazzjoni ta’ ċertu numru ta’ elementi, ikkorroborati mid-dikjarazzjonijiet ta’ numru ta’ impriżi, li tattribwixxi din il-karatteristika lil AWA (ara l-punti 568 sa 576 iktar ’il fuq).

593    Il-Kummissjoni għaldaqstant ġustament żiedet b’50 % il-multa ta’ AWA minħabba ċirkustanzi aggravanti.

G –  Fuq il-motivi bbażati fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 253 KE, ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ trattament ugwali, fuq in-nuqqas ta’ determinazzjoni individwali tal-multi, fuq interpretazzjoni restrittiva wisq tal-linji gwida fil-qasam tal-multi, kif ukoll fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li jirriżultaw min-nuqqas ta’ teħid in kunsiderazzjoni ta’ ċerti ċirkustanzi attenwanti

1.     Ir-rwol esklużivament passiv jew emulattiv fl-akkordju

594    Numru ta’ rikorrenti (Bolloré, Zanders, Mougeot, Divipa u Zicuñaga) jsostnu li huma kellhom biss rwol passiv, emulattiv jew marġinali fl-akkordju. Il-Kummissjoni kellha għaldaqstant tnaqqas il-multa tagħhom minħabba ċirkustanzi attenwanti.

595    Il-Kummissjoni tirrespinġi l-argumenti tagħhom minħabba li l-parteċipanti kollha fl-akkordju kienu membri attivi tiegħu.

596    Għandu jiġi mfakkar li, meta jseħħ ksur minn numru ta’ impriżi, għandha tiġi eżaminata l-gravità relativa tal-parteċipazzjoni fil-ksur ta’ kull waħda minnhom (is-sentenzi Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, punt 446 iktar ’il fuq, punt 623, u Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 149 iktar ’il fuq, punt 150), sabiex jiġi determinat jekk jeżistux, fil-konfront tagħhom, ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti.

597    Il-punti 2 u 3 tal-linji gwida jipprovdu bdil fl-ammont bażiku tal-multa skond ċerti ċirkustanzi aggravanti u attenwanti. B’mod partikolari, ir-“rwol esklussivament passiv jew emulattiv” ta’ impriża fil-ksur jikkostitwixxi, jekk jiġu stabbilit, ċirkustanza attenwanti, skond it-tielet inċiż tal-punt 3, tal-linji gwida, filwaqt li huwa speċifikat li li dan ir-rwol passiv jimplika l-adozzjoni mill-impriża kkonċernata ta’ “ low profile”, jiġifieri nuqqas ta’ parteċipazzjoni attiva fit-ltfassil ta’ akkordju jew akkordji antikompetittivi (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 2003, Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, T-220/00, Ġabra p. II‑2473, punti 165 sa 167).

598    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jistgħux isostnu li l-fatt li huma ma kinux waħda mill-mexxejja prinċipali ta’ l-akkordju kellu jwassal għal tnaqqis fl-ammont tal-multa tagħhom. Fil-fatt, billi jallegaw li huma ma kellhomx rwol attiv, huma juru biss nuqqas ta’ ċirkustanza aggravanti (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza Lögstör Rör vs Il-Kummissjoni, punt 93 iktar ’il fuq, punt 322, u ta’ l-20 ta’ Marzu 2002, Dansk Rørindustri vs Il-Kummissjoni, T-21/99, Ġabra p. II‑1681, punt 230).

599    Skond Bolloré, il-Kummissjoni ddeduċiet mill-parteċipazzjoni regolari ta’ Copigraph fil-laqgħat ta’ l-akkordju u fl-inizjattivi ta’ żidiet fil-prezz li hija ma kellhiex rwol esklużivament passiv. Issa, fil-fehma tagħha, parteċipazzjoni regolari fil-laqgħat u fil-miżuri ta’ żidiet fil-prezz ma jippermettux li jiġi eskluż li l-impriża kkonċernata kellha unikament rwol ta’ emulatriċi fl-akkordju. Il-Kummissjoni hija marbuta li tivverifika b’mod konkret il-livell ta’ parteċipazzjoni ta’ l-impriża kkonċernata fl-akkordju, mil-lat kwantitattiv u kwalitattiv. Issa Bolloré kienet il-membru ta’ l-AEMCP l-inqas assidwa fil-laqgħat.

600    Għandu jiġi rilevat f’dan ir-rigward li r-rata ta’ parteċipazzjoni ta’ Copigraph, kif rikonoxxut minn Bolloré fir-rikors tagħha, jiġifieri 15 mill-21 laqgħa ta’ l-AEMCP, 8 mill-11-il laqgħa li nżammu bejn l-14 ta’ Settembru 1993 u Settembru ta’ l-1995 u 3 mill-4 laqgħat ġenerali, mingħajr ma tingħadd il-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat nazzjonali fis-suq Franċiż u f’4 mis-6 laqgħat li kkonċernaw is-suq Spanjol, mhijiex żgħira. Fi kwalunkwe każ, hija ma tistabbilixxix li l-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat kienet ħafna iktar sporadika meta mqabbla mal-membri ordinarji ta’ l-akkordju fis-sens tas-sentenza BPB de Eendracht vs Il-Kummissjoni, punt 501 iktar ’il fuq (punt 343). Il-parteċipazzjoni tagħha f’dawn il-laqgħat u f’inizjattivi ta’ żidiet fil-prezzijet kif ukoll l-ammissjoni tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju ma jikkostitwixxux, għaldaqstant, prova ta’ rwol esklużivament passiv jew emulattiv.

601    Madankollu, jidher li Bolloré qed issostni li meta impriża tinvoka rwol passiv, il-Kummissjoni għandha tippermetti ċirkustanzi attenwanti fil-konfront tagħha u tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuqha, sakemm ma jiġix ipprovat li l-impriża effettivament kellha rwol attiv. Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

602    Fil-fatt, mhuwiex indikat fil-linji gwida li l-Kummissjoni għandha dejjem tieħu in kunsiderazzjoni separatament kull waħda miċ-ċirkustanzi attenwanti elenkati fil-punt 3. Għandu jiġi kkunsidrat li jekk iċ-ċirkustanzi elenkati fil-lista li tinsab fil-punt 3 tal-linji gwida huma ċertament fost dawk li jistgħu jittieħdu in kunsiderazzjoni mill-Kummissjoni f’każ partikolari, hija mhijiex obbligata tagħti tnaqqis supplementari f’dan ir-rigward b’mod awtomatiku, malli impriża tressaq elementi ta’ prova li jistgħu jindikaw il-preżenza ta’ waħda minn dawn iċ-ċirkustanzi. Fil-fatt, in-natura adegwata ta’ tnaqqis eventwali fil-multa minħabba ċirkustanzi attenwanti għandha tiġi kkunsidrata minnn perspettiva globali fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti. Fin-nuqqas ta’ indikazzjoni ta’ natura obbligatorja fil-linji gwida taċ-ċirkustanzi attenwanti li jistgħu jittieħdu in kunsiderazzjoni, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni żammet ċertu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tevalwa b’mod globali l-ammont ta’ tnaqqis eventwali tal-multi minħabba ċirkustanzi attenwanti.

603    Fi kwalunkwe każ, il-linji gwida jiċċitaw, fost l-eżempji ta’ ċirkustanzi attenwanti, rwol “esklussivament” passiv jew emulattiv fil-ksur. Issa, il-parteċipazzjoni fil-maġġoranza tal-laqgħat kollużivi hija diġà suffiċjentement attiva biex ma tkunx “esklussivament” passiva jew emulattiva.

604    Mougeot tikkritika n-natura sproporzjonata tal-multa li ġiet imposta fuqha minħabba l-livell tagħha ta’ responsabbiltà fl-akkordju. Madankollu, l-argumenti li hija tesponi ma jistgħux jistabbilixxu li hija kellha rwol esklużivament passiv jew emulattiv, ħaġa li hija lanqas tallega. Il-fatt li hija ma kellhiex rwol ta’ mexxejja lanqas ma jista’ jwassal għal tnaqqis fil-multa, minħabba r-raġuni indikata fil-punt 598 iktar ’il fuq.

605    Divipa tesponi li l-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni r-rwol esklużivament passiv u subordinat tagħha fl-akkordju. Hija ssostni li ma pparteċipat f’ebda laqgħa jew teħid ta’ deċiżjoni tal-produtturi ta’ karta saħħara u li magħhom hija kienet żammet relazzjonijiet purament vertikali fil-kwalità tagħha ta’ sempliċi distributriċi. Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li kellu jiġi miċħud il-motiv ta’ Divipa intiż sabiex jikkontesta l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur (ara l-punti 155 sa 221 iktar ’il fuq). Peress li l-parteċipazzjoni tagħha f’laqgħat kollużivi fis-suq Spanjol ġiet stabbilita, ir-rwol tagħha ma jistax jiġi kkunsidrat bħala esklużivament passiv. Il-fatt li hija pparteċipat f’dawn il-laqgħat fil-kwalità tagħha ta’ distributriċi ma jistax ibiddel din il-konklużjoni.

606    Zicuñaga tiċċita, fost iċ-ċirkustanzi attenwanti li l-Kummissjoni jmissha ħadet in kunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-multa li ġiet imposta fuqha, ir-rwol esklużivament passiv jew emulattiv fil-ksur. In sostenn ta’ din l-affermazzjoni, hija tinvoka unikament deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li fihom hija ttrattat b’mod differenti l-mexxejja prinċipali u l-membri ordinarji.

607    Madankollu, billi l-Kummissjoni stabbiliet il-parteċipazzjoni ta’ Zicuñaga f’laqgħat kollużivi relativi għas-suq Spanjol (ara l-punti 155 sa 243 iktar ’il fuq), Zicuñaga ma tistax tgawdi minn tnaqqis fil-multa li ġiet imposta fuqha billi targumenta sempliċement li kellha rwol esklużivament passiv jew emulattiv mingħajr ma tipprovdi xi element li jista’ jipprova dan.

608    Rigward Zanders, hija ma tikkontestax il-fatt li kienet membru fl-akkordju fil-perijodu bejn Jannar ta’ l-1992 u Settembru ta’ l-1995, li wara kollox ippermettielha li tikseb tnaqqis fil-multa skond il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, iżda hija tiċħad ir-rwol attiv, saħansitra prinċipali, li l-Kummissjoni tallega li kellha fl-akkordju. Hija tikkontesta l-preżenza tagħha f’ċerti laqgħat u żżid li l-provi diretti li kienu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni jistabbilixxu li hija ma pparteċipatx f’aspetti importanti ta’ l-akkordju jew, għall-inqas, li hija pparteċipat fihom inqas minn impriżi oħra billi limitat ruħha għal rwol emulattiv. Zanders tiċħad b’mod partikolari l-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat mhux uffiċjali ta’ l-AEMCP wara li din ġiet ristrutturata fil-ħarifa ta’ l-1993.

609    Għandu jiġi rilevat li l-fatt li jista’ jkun li l-parteċipazzjoni ta’ Zanders f’ċerti laqgħat ma tkunx ġiet stabbilita u li hija kienet iżjed attiva fl-akkordji kollużivi fuq livell nazzjonali milli fuq livell Ewropew ma jipprovax li hija kellha rwol esklużivament passiv jew emulattiv. Zanders stess tgħid wara kollox li hija ma tiċħadx bħala prinċipju li seħħet konċertazzjoni magħha wara ċerti laqgħat li għalihom hija ma kinitx preżenti. Barra minn hekk, minkejja d-deċiżjoni tagħha li ma tibqax tipparteċipa fil-laqgħat uffiċjali ta’ l-AEMCP wara r-ristrutturar tagħha, Zanders irrikonoxxiet fis-seduta li naqset milli tinforma lill-membri l-oħra li hija kienet se tiddistanzja ruħha mill-akkordju jew li ma kinitx se tipparteċipa iżjed fih. Hija għaldaqstant baqgħet tiġi pperċepita bħala membru sħiħ mill-parteċipanti l-oħra u li kellha tiġi informata bir-riżultat tal-laqgħat kollużivi. Fl-aħħar nett, jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet ta’ Zanders fis-seduta li hija applikat id-deċiżjonijiet meħuda fil-laqgħat li fihom hija ma kinitx irrappreżentata, ħlief f’ċerti każijiet fejn hija ma kinitx segwiethom. Dawn l-elementi jwaqqgħu għaldaqstant l-argument ta’ attitudni esklużivament passiva ta’ Zanders.

610    Zanders tidher fuq kollox li qed tipprova tistabbilixxi li hija ma kellhiex “rwol prinċipali”. Issa, skond il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 598 iktar ’il fuq, b’din l-allegazzjoni, hija tinvoka biss in-nuqqas ta’ ċirkustanza aggravanti.

611    Rigward id-diskriminazzjoni li għaliha Zanders kienet soġġetta meta mqabbla ma’ impriżi oħra ħafna iktar attivi fl-akkordju skond hi, l-evalwazzjoni tar-rwol esklużivament passiv jew emulattiv fl-akkordju għandha ssir għal kull impriża individwalment. Il-fatt li impriżi oħra setgħu kienu iktar attivi ma jimplikax awtomatikament li Zanders kellha rwol esklużivament passiv jew emulattiv. Hija biss il-passività totali li tista’ tittieħed in kunsiderazzjoni, liema passività ma ġietx stabbilita.

612    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ġustament issostni li l-impriżi kollha li pparteċipaw fl-akkordju kienu membri attivi safejn huma pparteċipaw f’laqgħat li fihom huma skambjaw infromazzjoni u ddeċidew żidiet fil-prezzijiet li ġew sussegwentement imħabbra lill-klijenti. Għalkemm mhux bilfors kienu daqshekk attivi fl-aspetti kollha tal-ksur u fis-suq kollu, l-ebda waħda minnhom ma kellha, sewwasew, rwol esklużivament passiv jew emulattiv. Il-Kummissjoni għaldaqstant applikat korretement il-linji gwida li ma jipprovdux livelli differenti bejn ir-rwol ta’ mexxejja u r-rwol esklużivament passiv jew emulattiv.

2.     Id-daqs u l-influwenza fis-suq ta’ l-impriża li tikser ir-regoli

613    Divipa tqis li hija ma kellhiex tiġi kklassifikata fl-istess kategorija ta’ Carrs u Zicuñaga minħabba li hija tikkostitwixxi impriża tal-familja ta’ daqs żgħir li teżerċita l-attivitajiet tagħha ta’ trasformazzjoni u ta’ distribuzzjoni unikament fuq livell lokali. Il-ksur stabbilit kontriha ma kellu l-ebda effett restrittiv fuq il-kompetizzjoni.

614    Il-Kummissjoni ssostni li hija ħadet in kunsiderazzjoni l-influwenza limitata ta’ Divipa billi kklassifikatha fil-ħames kategorija. Billi l-impriżi kollha membri fl-akkordju kisru r-regoli tal-kompetizzjoni, l-argument ta’ Divipa ma jistax iwassal biex tiġi kklassifikata f’kategorija inferjuri għal dik ta’ Carrs u ta’ Zicuñaga.

615    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li d-daqs żgħir ta’ Divipa ittieħed debitament in kunsiderazzjoni, peress li hija ġiet ikklassifikata fl-aħħar kategorija b’multa li l-ammont inizjali tagħha ġie ffissat għal EUR 1.4 miljun filwaqt li għal ksur ikkwalifikat bħala serju ħafna dan l-ammont seta’ kien ta’ iktar minn EUR 20 miljun. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Prim’Istanza diġà ddeċidiet li l-fatt li r-rikorrenti tikkostitwixxi impriża tal-familja ta’ daqs medju b’ebda mod ma tista’ tikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti (is-sentenza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 338).

616    Rigward l-argument li l-ksur stabbilit kontra Divipa ma kellu l-ebda effett restrittiv fuq il-kompetizzjoni, l-evalwazzjoni ta’ l-effetti ta’ l-akkordju ma tistax tillimita ruħha biss għas-suq li fih Divipa tallega li qed topera meta l-akkordju kopra s-suq komuni kollu u, sussegwentement, iż-ŻEE. Għaldaqstant, il-kummerċ bejn l-Istati Membri ġie affettwat, b’mod li l-Artikolu 81 KE huwa applikabbli. Jekk dan l-argument għandu jiġi interpretat bħala li jallega li l-ksur li ġie stabbilit kontriha ma kellux impatt fuq il-kompetizzjoni, għandha ssir referenza għall-punti 445 sa 459 iktar ’il fuq.

617    Għaldaqstant, ma kienx hemm lok li Divipa tiġi akkordata ċirkustanza attenwanti minħabba d-daqs tagħha u l-influwenza limitata tagħha.

3.     Aġir fis-suq matul il-perijodu tal-ksur

618    Divipa tallega li hija qatt ma applikat l-akkordji allegatament konklużi f’laqgħat li fihom hija ma pparteċipatx. L-aġir kummerċjali tagħha kien l-oppost tal-kontenut ta’ l-imsemmija akkordji. L-effett ta’ l-aġir tagħha fuq is-suq kien għaldaqstant minimu, jew saħansitra ineżistenti.

619    Torraspapel issostni li l-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-fatt li hija ma rrispettatx l-akkordji fuq il-prezz minkejja l-pressjoni magħmula fuqha. L-evoluzzjoni tal-politika tagħha tal-prezzijiet ma tikkorrispondi b’ebda mod ma’ l-allegati akkordji fuq il-prezz. L-aġir tagħha fir-rigward tal-prezzijiet tellef regolarment l-effetti antikompetittivi ta’ l-akkordju, ħaġa li għandha tkun biżżejjed sabiex il-Kummissjoni tirrikonoxxi fil-konfront tagħha ċirkustanza attenwanti.

620    Zicuñaga tallega li, skond il-linji gwida u l-prattika tal-Kummissjoni, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni, bħala ċirkustanza attenwanti, il-fatt li l-akkordju pprojbit ma ġiex applikat jew ġie applikat parzjalment biss.

621    Il-Kummissjoni tafferma li hija mhijiex marbuta tikkunsidra bħala ċirkustanza attenwanti n-nuqqas ta’ osservanza ta’ akkordju illegali. Hija tinvoka f’dan ir-rigward, b’mod partikolari is-sentenza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, punt 468 iktar ’il fuq (punt 142).

622    Kif diġà ġie mfakkar, meta jseħħ ksur minn numru ta’ impriżi, għandha tiġi eżaminata l-gravità relativa tal-parteċipazzjoni fil-ksur ta’ kull waħda minnhom (is-sentenzi Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, punt 446 iktar ’il fuq, punt 623, u Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 149 iktar ’il fuq, punt 150), sabiex jiġi determinat jekk jeżistux, fil-konfront tagħhom, ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti.

623    Taħt il-punt 3 “Ċirkustanzi li jiskużaw il-gravità” tal-linji gwida insibu lista mhux eżawrjenti ta’ ċirkustanzi li jistgħu iwasslu għal tnaqqis ta’ l-ammont bażiku tal-multa, fosthom in-nuqqas ta’ implementazzjoni fil-prattika tal-ftehim (it-tieni inċiż tal-punt 3).

624    Għandu jiġi kkonstatat jekk dan it-test ma jelenkax b’mod imperattiv iċ-ċirkustanzi attenwanti li l-Kummissjoni hija marbuta tieħu in kunsiderazzjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha ċertu diskrezzjoni sabiex tevalwa b’mod globali l-importanza ta’ tnaqqis eventwali ta’ l-ammont tal-multi skond iċ-ċirkustanzi attenwanti.

625    Għandu jiġi vverifikat, f’dan ir-rigward, jekk iċ-ċirkustanzi esposti mir-rikorrenti humiex tali li jistabbilixxu li, matul il-perijodu li fih huma aderixxew ma’ l-akkordji infrazzjonali, huma effettivament naqsu milli japplikawhom billi adottaw aġir kompetittiv fis-suq (is-sentenza ADM vs Il-Kummissjoni, punt 268; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Ciment, punt 49 iktar ’il fuq, punti 4872 sa 4874).

626    F’dan il-każ, l-elementi pprovduti mir-rikorrenti ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li huma effettivament ma applikawx l-akkordji infrazzjonali in kwistjoni billi adottaw aġir kompetittiv fis-suq.

627    F’dak li jikkonċerna Torraspapel, għalkemm jista’ jiġi dedott mill-premessi 157, 166 u 216 tad-deċiżjoni li din l-impriża mhux dejjem segwiet iż-żidiet miftiehma fil-prezzijiet jew segwiethom iktar tard, ħafna elementi oħra (ara, b’mod partikolari, il-premessi 204, 206, 215, 225 sa 227, 236 sa 238 tad-deċiżjoni) jippermettu li jiġi stabbilit li, sa ċertu punt, hija implementat dawn l-akkordji. Jirriżulta, per eżempju, mill-premessi 204 u 206 li AWA, Koehler, Sappi, Stora u Torraspapel ħabbru, matul il-perijodu bejn Jannar u Mejju ta’ l-1994, żidiet fil-prezzijiet identiċi għal dawk deċiżi fil-laqgħa ġenerali tad-19 ta’ Jannar 1994. Bl-istess mod, għax-xhur ta’ Settembru u ta’ Ottubru 1994, AWA, Sappi, Stora, Torraspapel u Zanders ħabbru żidiet fil-prezzijiet identiċi għal dawk miftiehma fil-laqgħa tal-21 ta’ Ġunju 1994 (premessa 215). F’dak li jikkonċerna l-perijodu bejn Diċembru ta’ l-1994 u Frar ta’ l-1995, il-Kummissjoni ssostni fil-premessa 225 li skopriet li l-parteċipanti kollha fil-laqgħa ġenerali tat-22 ta’ Settembru 1994 – AWA, Koehler, Sappi, Stora, Torraspapel u Zanders – kienu ħabbru żidiet fil-prezzijiet identiċi għal dawk deċiżi f’din il-laqgħa. Fl-aħħar nett, f’dokument tas-16 ta’ Frar 1995 mibgħut minn Sappi u ċċitat fil-premessa 238, hemm miktub li “iż-żieda ta’ 6 % [bobina] fl-1 ta’ Marzu 1995 hija mħabbra mil-leaders tas-suq Sarrió/Stora/AWA”. Jirriżulta wkoll mid-dokumenti prodotti mill-Kummissjoni li Torraspapel xi drabi kkonkludiet akkordji separati għal ċerti klijenti kbar billi pposponiet iż-żieda fil-prezz miftiehma. Issa, fil-figuri li hija ppreżentat in sostenn ta’ l-argument tagħha bbażat fuq in-nuqqas ta’ applikazzjoni taż-żidiet fil-prezzijiet miftiehma, ir-rikorrenti tqabbel prezzijiet mensili medji, mingħajr ma tispjega dan id-dewmien jew il-fatt li pposponiet l-implementazzjoni tagħhom.

628    Rigward Divipa, il-pretensjoni tagħha li tippreżenta lilha nfisha bħala sempliċi distributriċi li mhijiex qed tikkompeti ma’ l-impriżi l-oħra involuti mhijiex fondata. Anki li kieku hija kienet tixtri bobini kbar mill-manifatturi, hija stess kienet timmanifattura folji u bobini żgħar li kienet tforni lil terzi, bħal impriżi oħra involuti. Fis-swieq Spanjoli u Portugiżi, ċerti manifatturi stess jiddistribwixxu l-prodotti tagħhom filwaqt li oħrajn jużaw distributuri indipendenti (premessa 153 tad-deċiżjoni). Il-produtturi integrati kienu jikkontrollaw il-proċess kollu u jimponu l-prezz tagħhom fuq l-istampaturi, filwaqt li l-produtturi mhux integrati vertikalment għandhom jiddiskutu l-prezz tal-bejgħ mad-distributur. F’dan il-każ, kellhom jiġu ffissati żewġ livelli ta’ prezz: dak mitlub mill-produttur lid-distributur u dak mitlub mid-distributuru lil terzi persuni. Issa, in-nota relativa għal-laqgħa ta’ Barċellona tad-19 ta’ Ottubru 1993 (dokument Nru 4474, iċċitat fil-premessa 192 u msemmi fil-punt 173 iktar ’il fuq) turi li l-akkordju kien ikopri wkoll dan l-aħħar prezz. Billi pparteċipat fl-akkordju, Divipa kellha għaldaqstant il-possibbiltà li tinfluwenza l-marġni ta’ qligħ tagħha.

629    Barra minn hekk, il-Kummissjoni stabbiliet li Divipa kienet ipparteċipat f’laqgħat kollużivi fis-suq Spanjol li fihom ġew deċiżi żidiet fil-prezzijiet. Divipa madankollu ssostni li hija m’applikatx dawn l-akkordji. F’dan il-każ, l-elementi ta’ prova pprovduti mir-rikorrenti ma jippermettux madankollu li jiġi kkunsidrat li hija m’applikatx l-akkordji in kwistjoni billi f’dan ir-rigward adottat aġir fis-suq li seta’ jostakola l-effetti antikompetittivi tal-ksur ikkonstatat. Fil-fatt, it-tabelli pprovduti minn Divipa annessi mar-rikors tagħha juru, per eżempju, li fl-1994 il-marġni tagħha u l-prezz tal-bejgħ żdiedu ħafna minkejja sovrakapaċità strutturali u suq sejjer lura. Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li hija setgħet ma aġixxietx b’mod li kien pjenament konformi ma’ l-akkordji miftiehma, li kieku dan kellu jiġi stabbilit, mhuwiex biżżejjed biex il-Kummissjoni tkun obbligata takkordalha ċirkustanzi attenwanti. Fil-fatt, ir-rikorrenti tista’, permezz tal-politika tagħha ftit jew wisq indipendenti fis-suq, sempliċement tipprova tuża l-akkordju favuriha (is-sentenzi ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, punt 468 iktar ’il fuq, punt 142, u Cascades vs Il-Kummissjoni, punt 451 iktar ’il fuq, punt 230).

630    L-istess kunsiderazzjonijiet bħal dawk magħmula fil-punt preċedenti fil-każ ta’ Divipa huma applikabbli fil-konfront ta’ Zicuñaga. Il-Kummissjoni stabbiliet il-parteċipazzjoni ta’ Zicuñaga f’laqgħat kollużivi fis-suq Spanjol li fihom ġew deċiżi żidiet fil-prezzijiet. Issa, filwaqt li huwa minnu li Zicuñaga tinvoka bħala ċirkustanza attenwanti n-nuqqas ta’ applikazzjoni tagħhom, dan hija ma tistabbiliehx. Fil-kuntest ta’ l-argument tagħha dwar iċ-ċirkustanzi attenwanti, hija sempliċiment tirreferi għal numru ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, li l-parti l-kbira tagħhom ittieħdu qabel ma saru applikabbli l-linji gwida. Hija tinvoka l-fatt li, f’dawn id-deċiżjonijiet, il-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, in-nuqqas ta’ applikazzjoni jew l-applikazzjoni limitata ta’ l-akkordji in kwistjoni. Issa, għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti, hemm lok, skond il-prinċipju ta’ l-individwalità tal-pieni u tal-penalitajiet, li tiġi eżaminata l-gravità relativa tal-parteċpazzjoni ta’ l-impriża fil-ksur (is-sentenza ADM vs Il-Kummissjoni, punt 265).

631    Fi kwalunkwe każ, l-informazzjoni mogħtija minn Zicuñaga f’siltiet oħra tar-rikors tagħha, li ma jirrigwardawx il-kwistjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti, tikkonferma li l-prezzijiet ta’ Zicuñaga u ta’ Divipa mxew b’mod parallel. Jirriżulta, barra minn hekk, mir-rikors ukoll li l-prezzijiet ta’ Zicuñaga nbidlu minn ESP 174.99 f’Novembru ta’ l-1993 għal ESP 210.99 f’Diċembru ta’ l-1994. Il-fatt li l-prezzijiet mitluba minn Zicuñaga ma jikkorrispondux eżattament għall-prezzijiet deċiżi f’diversi laqgħat kollużivi ma jistax, waħdu, jipprova li Zicuñaga ma implementatx l-akkordji in kwistjoni.

632    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni ssostni, fil-premessa 397 tad-deċiżjoni, li “[i]l-provi relativi għal-laqgħat u ż-żidiet fil-prezzijiet […] juru li, xi drabi, iż-żidiet deċiżi ġew posposta għal dati ulterjuri, li xi żidiet ftit inqas għoljin minn dawk previsti ġew implementati […] jew li laqgħat oħra ġew organizzati sabiex issir reviżjoni ta’ l-akkordju”. Il-Kummissjoni ddeduċiet minn dan li l-akkordju kellu “effett fuq il-politika ta’ ffissar tal-prezzijiet tal-membri ta’ l-akkordju, anki jekk iż-żidiet implementati xi drabi kienu inferjuri għal-livell miftiehem jew ġew posposti”.

633    Konsegwentement il-Kummissjoni ma sostnietx li ż-żidiet kollha fil-prezzijiet ġew implementata skond l-ammont iffissat fil-laqgħa in kwistjoni. In-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ l-ammont eżatt taż-żieda deċiża f’laqgħa jew oħra ma jistax jipprova li l-akkordju ma kellux effett fuq il-politika ta’ ffissar tal-prezzijiet tal-membri ta’ l-akkordju, li Zicuñaga kienet parti fih. Mill-bqija, ma jistax jiġi eskluż li, billi talbet prezzijiet li ma jikkorrispondux għal dawk li suppost kellhom jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ l-akkordji minkejja li kompliet tipparteċipa fil-laqgħat kollużivi fis-suq Spanjol, Zicuñaga pprovat tikseb mill-membri l-oħra ta’ l-akkordju l-awtorizzazzjoni sabiex tbigħ bi prezzijet inferjuri għal dawk indikati fid-deċiżjoni ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 342, ikkonfermata fl-appell, mis-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 409 iktar ’il fuq). In-nota ta’ Mougeot miktuba bl-idejn tal-21 ta’ Ottubru 1994, imsemmija fil-punt 177 iktar ’il fuq, tikkonferma fi kwalunkwe każ li Zicuñaga kisbet din l-awtorizzazzjoni, liema awtorizzazzjoni tista’ tikkostitwixxi mod ieħor ta’ kif tapprofitta ruħha mill-akkordju.

634    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li hija suffiċjentement informata mill-elementi ta’ prova pprovduti fid-deċiżjoni u l-informazzjoni mogħtija minn Zicuñaga sabiex tikkonferma, mingħajr ma titlob informazzjoni addizzjonali mill-Kummissjoni, li m’għandhiex tiġi akkordata ċirkostanza attenwanti lil Zicuñaga minħabba n-nuqqas ta’ applikazzjoni effettiva ta’l-akkordji jew prattiċi infrazzjonali.

635    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament iddeċidiet li ma takkordax ċirkustanzi attenwanti lir-rikorrenti għan-nuqqas ta’ applikazzjoni effettiva ta’ l-akkordji jew prattiċi infrazzjonali.

4.     L-eżistenza ta’ theddid u ta’ pressjoni

636    Numru ta’ rikorrenti (Koehler, Bolloré għal Copigraph u Torraspapel) isostnu li l-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni t-theddid jew il-pressjoni li għalihom huma ġew issoġġettati, essenzjalment min-naħa ta’ AWA.

637    Filwaqt li, fil-premessi 104, 106 u 425 tad-deċiżjoni, il-Kummissjoni tikkunsidra t-theddid magħmull minn AWA, hija ssostni, fil-premessa 427:

“ [I]t-theddid (tal-mexxejja prinċipali ta’ l-akkordju in kwistjoni) ma jistax jiġġustifika ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni Komunitarji u taż-ŻEE. Minflok ma ngħaqdu ma’ l-akkordju, l-impriżi jmisshom informaw lill-awtoritajiet kompetenti, b’mod partikolari l-Kummissjoni, dwar l-aġir illegali tal-kompetituri tagħhom, sabiex dan jintemm.”

638    Għandu jiġi kkonstatat li t-theddid u l-pressjoni mhumiex inklużi fil-lista ta’ ċirkustanzi attenwanti elenkati, għalkemm mhux b’mod eżawrjenti, fil-linji gwida.

639    Fil-fatt, din il-pressjoni, ikun x’ikun il-livell tagħha, ma tistax tikkostitwixi ċirkustanza attenwanti. L-eżistenza ta’ tali pressjoni ma tbiddel xejn mir-realtà u l-gravità tal-ksur li seħħ (is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Røhrindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 409 iktar ’il fuq, punt 370). Ir-rikorrenti setgħu jirraportaw il-pressjoni li kienu soġġetti għaliha lill-awtoritajiet kompetenti u jressqu lment quddiem il-Kummissjoni skond l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17 pjuttost milli jipparteċipaw fl-akkordju (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 339). Din il-kunsiderazzjoni hija valida fir-rigward ta’ l-impriżi kollha kkonċernati f’dan il-każ, mingħajr ma hemm bżonn li ssir distinzjoni bejniethom skond il-livell allegat ta’ l-intensità tal-pressjoni allegata.

640    Il-Kummissjoni ma kinitx konsegwentement marbuta tieħu in kunsiderazzjoni l-allegat theddid minn ċerti rikorrenti bħala ċirkustanza attenwanti.

5.     It-tmiem tal-ksur

641    Bolloré, MHTP u Zanders isostnu li l-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni, bħala ċirkustanza attenwanti fil-każ tagħhom, it-tmiem tal-ksur wara l-ewwel interventi mill-Kummissjoni. Zicuñaga tallega, min-naħa tagħha, li f’numru ta’ deċiżjonijiet preċedenti il-Kummissjoni naqqset il-multa minħabba li l-ksur kien intemm qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali.

642    Il-Kummissjoni twieġeb lil MHTP, fil-premessa 429 tad-deċiżjoni, li hija ħadet biss in kunsiderazzjoni, għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni tal-ksur, il-perijodu limitat li għalih hija qieset li kellha provi suffiċjenti. Hija żżid li billi l-ksur huwa evidenti, il-pretensjoni ta’ MHTP li t-tmiem antiċipat tal-ksur għandu jiġi kkunsidrat bħala ċirkustanza attenwanti għandha tiġi miċħuda.

643    Għandu jiġi kkonstatat li t-tmiem tal-ksur sa mill-ewwel interventi tal-Kummissjoni jinsab fost iċ-ċirkustanzi attenwanti espressament elenkati fil-punt 3 tal-linji gwida.

644    Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni ma tista’ tkun marbuta, bħala regola ġenerali, la li tikkunsidra t-tkomplija tal-ksur bħala ċirkustanza aggravanti u lanqas li tikkunsidra t-tmiem tal-ksur bħala ċirkustanza attenwanti (is-sentenza ABB vs Il-Kummissjoni, punt 213).

645    Jirriżulta f’dan il-każ li d-data li fiha qed jiġi allegat li r-rikorrenti kkonċernati temmew il-ksur, jiġifieri l-iktar tard Settembru ta’ l-1995, tippreċedi l-ewwel interventi jew verifiki tal-Kummissjoni li saru f’Jannar ta’ l-1997.

646    Issa, f’dan il-każ, l-applikazzjoni ta’ tnaqqis tfisser tnaqqis doppju minħabba li diġà ttieħed in kunsiderazzjoni, skond il-linji gwida, it-tul ta’ żmien tal-ksur fil-kalkolu tal-multi. Dan it-teħid in kunsiderazzjoni għandu preċiżament bħala għan li jippenalizza b’mod iżjed iebes lill-impriżi li jiksru r-regoli dwar il-kompetizzjoni matul perijodu estiż milli lil dawk li l-ksur tagħhom ikun dam inqas. Għaldaqstant, it-tnaqqis ta’ l-ammont ta’ multa minħabba li impriża temmet l-aġir infrazzjonali tagħha qabel l-ewwel verifiki min-naħa tal-Kummissjoni ikollu bħala effett li jivvantaġġa għal darb’oħra lil min hu responsabbli għal ksur ta’ dewmien qasir.

647    Madankollu, jirriżulta mill-premessa 348 tad-deċiżjoni li l-Kummissjoni ma setgħetx tistabbilixxi d-data li fiha ntemm l-akkordju. Hija kkunsidrat li l-ksur intemm f’Settembru ta’ l-1995 peress li hija kienet biss fil-pussess ta’ provi dokumentarji sa din id-data. Il-Kummissjoni ma teskludix madankollu li l-akkordju kompla għaddej wara din id-data. Jibqa’ l-fatt li, l-avvenimenti li saru wara Settembru ta’ l-1995 ma tteħdux in kunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-multi in kwistjoni, b’mod li kull talba għal tnaqqis tal-multi f’dan ir-rigward għandha tiġi miċħuda.

648    Għall-kompletezza, għalkemm kien hemm lok li jiġu eżaminati l-argumenti tal-partijiet intiżi sabiex jinkiseb tnaqqis fil-multa minħabba t-tmiem tall-ksur qabel l-intervent tal-Kummissjoni, is-soluzzjoni ma kinitx tkun differenti.

649    Fil-fatt, sabiex issostni t-talba tagħha għal tnaqqis fil-multa li ġiet imposta fuqha minħabba t-tmiem tal-ksur qabel l-intervent tal-Kummissjoni, Zicuñaga sempliċiment tiċċita xi deċiżjonijiet tal-Kummissjoni f’dan is-sens.

650    Għandu jiġi rilevat li, skond ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni mhijiex marbuta mid-deċiżjonijiet preċedenti tagħha,a fortiori peress li d-deċiżjonijiet invokati huma kollha preċedenti għall-applikazzjoni tal-linji gwida. Zicuñaga, barra minn hekk, ma invokat l-ebda element ta’ prova li jirreferi għas-sitwazzjoni tagħha li jiġġustifika t-tnaqqis tal-multa li ġiet imposta fuqha minħabba t-tmiem antiċipat tal-ksur. Il-fatt li t-tul ta’ żmien tal-ksur li qed jiġi allegat kontriha huwa inferjuri għal dak imputat fil-konfront ta’ l-impriżi l-oħra, diġà ttieħed in kunsiderazzjoni safejn iż-żieda li ġiet applikata fil-konfronti tagħha skond it-tul ta’ żmien hija inferjuri għal dik ta’ l-impriżi l-oħra.

651    Bolloré u MHTP lanqas ma jipprovdu elementi ta’ prova li jippermettu li jiġi stabbilit li, fir-rigward tat-tmiem tal-ksur, huma kienu f’sitwazzjoni partikolari li tiġġustifika tnaqqis fil-multa tagħhom.

652    Zanders, min-naħa l-oħra, ma tinvokax biss it-tmiem tal-ksur iżda ukoll ir-rwol attiv li hija kellha f’dan ir-rigward. Hija tesponi numru ta’ fatti. Il-bord tal-maniġment tagħha eżiġa osservanza stretta tar-regoli tal-kompetizzjoni waqt laqgħa tal-ħarifa ta’ l-1995 ma’ l-organi eżekuttivi kkonċernati ta’ l-impriża. Din il-laqgħa ssenjalat il-bidu ta’ programm importanti ta’ tqegħid f’konformità li fih l-impjegati ta’ l-impriża ngħataw taħriġ fil-liġi tal-kompetizzjoni. Il-president ta’ International Paper bagħat, fir-rebbiegħa ta’ l-1996, ittra (anness 8 mar-rikors) lill-kollaboraturi kollha tal-kumpannija fejn talabhom josservaw ir-regoli tal-kompetizzjoni, ittra li magħha ġew annessi xi direttivi fuq l-osservanza tad-dritt Ewropew tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, fil-konfront tad-dinja esterna, il-president tal-bord tal-maniġment ta’ Zanders, li sar president ta’ l-AEMCP fl-1 ta’ Jannar 1996, f’dan il-kuntest indika lill-kompetituri, mingħajr l-iċken possibbiltà li jinftiehem ħażin, li Zanders kienet “qatgħet linja” fuq l-akkordju. In-numru ta’ laqgħat ta’l-AEMCP naqas fl-1996 u Zanders ma kinitx irrappreżentata iżjed fil-laqgħat sigrieti.

653    Madankollu, minkejja li huwa ċertament importanti li r-rikorrenti ħadet miżuri sabiex timpedixxi li jseħħ ksur ġdid tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni fil-futur minn membri tal-persunal tagħha, dan il-fatt ma jbiddel xejn mir-realtà tal-ksur li ġie kkonstatat f’dan il-każ. Dan il-fatt ma jobbligax lill-Kummissjoni tnaqqas, bis-saħħa ta’ ċirkustanza attenwanti, l-ammont tal-multa tar-rikorrenti (is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 409 iktar ’il fuq, punt 373, li kkonfermat, fl-appell, is-sentenza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 345). Din il-konklużjoni tapplika a fortiori f’dan il-każ billi l-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni, fil-kalkolu tagħha tal-multa, il-perijodu li fih Zanders tallega li ħadet miżuri sabiex ittemm il-ksur.

654    Għall-kompletezza, għandu jiġi rilevat li jidher li hu diffiċli li r-rwol attiv li kellha Zanders fit-tmiem tal-ksur, b’mod partikolari fil-kwalità tagħha ta’ president ta’ l-AEMCP, jiġi rrikonċiljat mar-rwol esklużivament passiv jew emulattiv li hija tallega li kellha fil-ksur.

655    Fl-aħħar, fi kwalunkwe każ, fir-rigward ta’ l-impriżi kollha li jinvokaw dan il-motiv, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma tista’ tkun obbligata tagħti, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, tnaqqis fil-multa għat-tmiem ta’ ksur manifest, kemm jekk dan il-waqfien seħħ qabel jew wara l-interventi tagħha.

656    F’dan il-każ, billi l-iffissar tal-prezzijiet fis-settur tal-karta saħħara kien, bla dubju, ksur manifest, ikkwalifikat ġustament mill-Kummissjoni bħala “serju ħafna” (ara l-punti 434 sa 442 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti m’għandhomx raġun meta jakkużaw lill-Kummissjoni li ma naqqsitilhomx il-multa minħabba t-tmiem tal-parteċipazzjoni tagħhom f’dan il-ksur qabel ma nbdiet l-investigazzjoni.

6.     Is-Sitwazzjoni ekonomika tas-settur tal-karta saħħara

657    Diversi rikorrenti (Bolloré, Zanders, Mougeot, AWA sostnuta mir-Renju tal-Belġju, Koehler) jilmentaw li l-Kummissjoni, għall-kuntrarju ta’ prattika deċiżjonali stabbilita, ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-kriżi li kien għaddej minnha fiż-żmien in kwistjoni is-settur tal-karta saħħara.

658    Fil-punt 5, intitolat “Kummenti ġenerali”, il-linji gwida jipprovdu li huwa meħtieġ, skond iċ-ċirkustanzi, li tittieħed in kunsiderazzjoni “ċerti fatturi oġġettivi bħal kuntest ekonomiku speċifiku”.

659    Jirriżulta mill-premessi 24, 25 u 392 tad-deċiżjoni li s-suq tal-karta saħħara huwa kkaratterizzat minn sovrakapaċità strutturali u minn talba dejjem tonqos minħabba l-użu ta’ mezzi elettroniċi. Numru ta’ impriżi affermaw li batew telf kunsiderevoli matul il-perijodu in kwistjoni.

660    Il-Kummissjoni stess tammetti, fil-premessa 392 tad-deċiżjoni, li, fil-perijodu kopert mid-deċiżjoni, “is-suq tal-karta saħħara kien sejjer lura”. Hija tikkunsidra, madankollu, fil-premessa 431, li l-informazzjoni li rċeviet bħala risposta għad-DO u r-rapport tal-kumpannija Mikulski Hall Associates (iktar ’il quddiem ir-“rapport MHA”) ikkommissjonat mill-AEMCP ma jippermettux li jiġi konkluż li s-settur tal-karta saħħara kien, matul iż-żmien tal-ksur, bejn l-1992 u l-1995, f’sitwazzjoni ta’ kriżi paragunabbli ma’ dik tas-setturi kkonċernati fil-kawżi tal-kompetizzjoni preċedenti msemmija mill-impriżi.

661    Il-Kummissjoni ssostni li l-akkordji ta’ spiss joriġinaw minn sitwazzjoni ta’ kriżi ekonomika, b’mod li l-possibbiltà li jittiħedu in kunsiderazzjoni d-diffikultajiet ekonomiċi tas-settur ikkonċernat huwa biss possibbli f’ċirkustanzi eċċezzjonali għal kollox. Issa l-perijodu tal-ksur ma jistax jiġi kkunsidrat bħala perijodu ta’ kriżi partikolarment gravi. Fil-fatt, minkejja l-bidu ta’ fażi ta’ deklin, il-bejgħ baqa’ wieħed ta’ livell għoli.

662    Il-Kummissjoni ssostni li l-kwistjoni ta’ l-eżistenza u d-daqs eventwali ta’ kriżi fis-settur ikkonċernat timplika min-naħa tagħha l-evalwazzjoni ta’ l-informazzjoni ekonomika kumplessa, fir-rigward ta’ liema l-istħarriġ tal-qorti Komunitarja huwa limitat għall-verifika ta’ l-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, ta’ l-eżattezza materjali tal-fatti, tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ abbuż ta’ poter.

663    Rigward is-sitwazzjoni tas-settur tal-karta saħħara, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li, fis-sentenza tagħha Lögstör Rör vs Il-Kummissjoni, punt 93 iktar ’il fuq (punti 319 u 320), il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx marbuta tikkunsidra bħala ċirkustanza attenwanti l-qagħda finanzjarja ħażina tas-settur in kwistjoni. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonfermat ukoll li mbilli l-Kummissjoni kienet ħadet in kunsiderazzjoni, f’kawżi preċedenti, is-sitwazzjoni ekonomika tas-settur bħala ċirkustanza attenwanti hija mhux neċessarjament kellha tkompli tosserva din il-prattika (is-sentenza ta’ l-10 ta’ Marzu 1992, ICI vs Il-Kummissjoni, punt 56 iktar ’il fuq, punt 372). Fil-fatt, kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni, bħala regola ġenerali, l-akkordji jibdew meta settur jiffaċċja diffikultajiet. Li kieku kellu jiġi aċċettat ir-raġunament tar-rikorrenti, il-multa għandha sistematikament tiġi mnaqqsa kważi fil-każijiet kollha. Huwa għaldaqstant inutili li jiġi vverifikat ulterjorment jekk il-fatti ta’ dan il-każ u dawk li taw lok għal deċiżjonijiet oħra, li fihom ġiet ikkunsidrata kriżi strutturali bħala ċirkustanza attenwanti, setgħux verament jiġu pparagunati (is-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, punt 496 iktar ’il fuq, punt 345).

664    Għall-kompletezza, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tas-settur tal-karta saħħara u li r-rikorrenti ma pprovawx li l-analiżi tas-sitwazzjoni tas-suq li saret mill-Kummissjoni kienet ivvizzjataa minn żball manifest ta’ evalwazzjoni jew minn abbuż ta’ poter. F’dan ir-rigward, għandha tiġi mfakkra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1985, Remia et vs Il-Kummissjoni, 42/84, Ġabra p. 2545, punt 34, u tas-17 ta’ Novembru 1987, BAT u Reynolds vs Il-Kummissjoni, 142/84 u 156/84, Ġabra p. 4487, punt 62) li tgħid li, għalkemm il-qorti Komunitarja tistħarreġ, b’mod ġenerali u komplet, il-kwistjoni jekk il-kundizzjonijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81(1) KE humiex sodisfatti, l-istħarriġ tagħha ta’ l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi magħmula mill-Kummissjoni huwa essenzjalment limitat għall-verifika ta’ l-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, kif ukoll ta’ l-eżattezza materjali tal-fatti, tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ abbuż ta’ poter (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Mejju 1998, Deere vs Il-Kummissjoni, C-7/95 P, Ġabra p. I‑3111, punt 34).

665    Barra minn hekk jirriżulta mir-rapport MHA (premessi 25 sa 28 tad-deċiżjoni) li, għalkemm iż-żieda fit-talba naqset mill-1990/1991, il-veru tnaqqis seħħ matul is-sena 1995, jiġifieri lejn it-tmiem tal-ksur ikkonstatat fid-deċiżjoni. Il-partijiet ma pprovdew l-ebda element ta’ prova li tista’ titfa’ dell fuq din l-informazzjoni. Issa, din l-informazzjoni tagħti l-impressjoni li, għalkemm is-suq kien sejjer lura, il-bidu tal-kriżi jikkoinċidi mat-tmiem tal-ksur.

666    Il-Kummissjoni għaldaqstant ġustament ikkunsidrat li s-sitwazzjoni tas-suq tal-karta saħħara ma kinitx tikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti.

7.     In-nuqqas ta’ vantaġġ miksub mill-ksur u s-sitwazzjoni finanzjarja tat-trasgressur

667    Diversi rikorrenti jsostnu li, matul iż-żmien tal-ksur, huma għamlu profitti minimi, u saħansitra għamlu telf.

668    Mougeot u Bolloré jesponu t-telf tagħhom fil-kuntest ta’ motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ teħid in kunsiderazzjoni tal-kuntest ekonomiku diffiċli u għaldaqstant għandha ssir riferenza f’dan ir-rigward għall-punti 657 sa 666 iktar ’il fuq.

669    Għal Koehler, it-teħid in kunsiderazzjoni tal-profitti miksuba mill-akkordju għandu bħala korollarju t-teħid in kunsiderazzjoni tat-telf magħmul. Minn dan jirriżulta, fil-fehma tagħha, li, għal raġunijiet ta’ ekwità, il-Kummissjoni jmissha naqset il-multa li ġiet imposta fuqha, peress li hija għamlet telf kunsiderevoli prattikament tul iż-żmien kollu tal-ksur u għaldaqstant kisbet vantaġġ limitat ħafna biss, jekk mhux ebda vantaġġ, mill-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju.

670    Dan il-motiv ma jistax jintlaqa’.

671    Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet fis-sentenza Ciment (punt 4881), li l-fatt li impriża ma kisbet l-ebda vantaġġ mill-ksur ma jistax jostakola l-impożizzjoni ta’ multa għax li kieku ma kienx hekk, din titlef in-natura dissważiva tagħha. B’hekk il-Kummissjoni ma hija marbuta, meta tiġi biex tiffissa l-multi, la li tistabbilixxi li l-ksur ta vantaġġ illegali lill-impriżi kkonċernati u lanqas li tieħu in kunsiderazzjoni, skond il-każ, in-nuqqas ta’ vantaġġ miksub mill-ksur in kwistjoni.

672    Barra minn hekk, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, il-fatt li l-figuri ppreżentati mir-rikorrenti jindikaw telf fis-settur tal-karta saħħara fil-perijodu tal-ksur ma jeskludix madankollu li s-sitwazzjoni tagħha kienet tkun agħar fin-nuqqas ta’ akkordju u li għalhekk, minkejja kollox, hija kisbet ċertu vantaġġ minn dan. Skond il-figuri pprovduti minn Koehler fir-rikors tagħha, it-telf tagħha kien konsiderevoli fl-1992, iżda naqsu ħafna fl-1993. Ir-rikorrenti kisbet profitt sussegwenti fl-1994, biex imbagħad għamlet telf mil-ġdid fl-1995, b’ammont madankollu inferjuri għal dak ta’ l-1993. Ma jistax għaldaqstant jiġi eskluż li l-akkordju ppermetta lil Koehler tillimita t-telf tagħha.

673    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma għamlet l-ebda żball meta kkonkludiet li ma kienx hemm ċirkustanzi attenwanti f’dan il-każ.

H –  Fuq il-motivi bbażati fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi, ta’ proporzjonalità u ta’ trattament ugwali, fl-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, kif ukoll fuq applikazzjoni żbaljata ta’ din il-komunikazzjoni

674    Diversi rikorrenti (Zicuñaga, MHTP, Mougeot, AWA u Koehler) jikkritikaw il-mod kif il-Kummissjoni applikat il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni billi jinvokaw ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

1.     Zicuñaga

675    Zicuñaga ssostni li l-użu ta’ din is-sistema ta’ tnaqqis jew ta’ annullament tal-multa abbażi ta’ kollaborazzjoni mal-Kummissjoni tmur kontra l-prinċipju ta’ trattament ugwali li jeżiġi penalità ugwali għall-istess aġir.

676    Għandu jiġi osservat fl-ewwel lok li, għalkemm Zicuñaga tixtieq tikkontesta l-leġittimità tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, hija ma nvokatx in-nuqqas ta’ applikabbiltà tagħha abbażi ta’ l-Artikolu 241 KE.

677    Ghandu jiġi enfasizzat fit-tieni lok li tnaqqis fil-multa minħabba kooperazzjoni matul il-proċedimenti amministrattivi huwa iġġustifikat biss jekk l-aġir ta’ l-impriża in kwistjoni jippermetti lill-Kummissjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur b’inqas diffikultà u, skond il-każ, twaqqfu (is-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2000, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, punt 149 iktar ’il fuq, punt 36). Għaldaqstant ma jistax ikun hemm diskriminazzjoni bejn l-impriża li tagħżel liberament li tikkoopera u dik li tirrifjuta tagħmel dan, peress li l-aġir ta’ l-ewwel waħda huwa differenti minn dak tat-tieni, fatt li jiġġustifika għaldaqstant li l-penalità tkun differenti.

678    Għandu jiġi rilevat f’dan ir-rigward li t-triq tal-kooperazzjoni kienet ukoll miftuħa għal Zicuñaga (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 409 iktar ’il fuq, punt 419). Madankollu, hija m’għamlitx użu minn din il-possibbiltà. Għaldaqstant hija ma tistax tinvoka diskriminazzjoni fil-konfront tagħha f’dan ir-rigward.

679    Il-motiv invokat minn Zicuñaga f’dan ir-rigward għandu għaldaqstant jiġi miċħud.

2.     MHTP

680    MHTP ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji tal-ħarsien ta’ l-aspettattivi leġittimi u ta’ trattament ugwali billi naqset il-multa imposta fuqha b’10 % biss għalkemm hija rrikonoxxiet il-fatti u l-ksur. Hija ssostni li fiż-żmien li fih ikkooperat mal-Kummissjoni, id-deċiżjonijiet li kienu japplikaw il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni kienu jagħtu tnaqqis fil-multa ta’ mill-inqas 20 %, filwaqt li t-tnaqqis ta’ 10 % kien jingħata lill-impriżi li ma kinux irrikonoxxew il-ksur. Għaldaqstant hija kienet leġittimament qed tistenna li tibbenefika minn tnaqqis ta’ 20 %, peress li hija kienet irrinunzjat għall-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża u kienet irrikonoxxiet il-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur qabel ma ntbagħtet id-DO.

681    Għandu jiġi osservat li l-każ ta’ MHTP jaqa’ taħt il-punt D tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, li jgħid li “[l]adarba impriża tikkoopera mingħajr ma jiġu soddisfatti l-kundizzjonijiet esposti fil-[punti] B u Ċ, hija tibbenefika minn tnaqqis ta’ bejn 10 u 50 % mill-multa li kienet tkun ġiet imposta fuqha li kieku ma kkooperatx”. Din il-komunikazzjoni tispeċifika:

“Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, jekk:

–        qabel ma tintbagħat dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, impriża tipprovdi lill-Kummissjoni informazzjoni, dokumenti jew provi oħrajn li jikkontribwixxu sabiex tiġi kkonfermata l-eżistenza tal-ksur li seħħ,

–        wara li tkun irċeviet id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, impriża tinforma lill-Kummissjoni li hija ma tikkontestax il-fatti li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża l-akkużi tagħha.”

682    F’dan il-każ, il-Kummissjoni, skond it-tieni inċiż tal-punt D(2), tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, akkordat lil MHTP tnaqqis ta’ 10 % talli ma kkontestatx il-fatti (premessa 458 tad-deċiżjoni). Hija ma akkordatilhiex tnaqqis skond l-ewwel inċiż tal-punt D(2), ta’ din l-istess komunikazzjoni. Fil-fatt, għalkemm il-Kummissjoni tammetti, fil-premessa 446 tad-deċiżjoni, li MHTP kkomunikatilha xi informazzjoni qabel il-Dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, hija tenfasizza fil-premessa 450:

“Ir-risposta ta’ MHTP (Stora) kienet l-inqas waħda ċara: hija rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ diskussjonijiet fuq il-prezzijiet bejn kompetituri, iżda sostniet li ma ġie konkluż l-ebda akkordju dwar żieda. Din l-indikazzjoni vaga u mhux sostanzjata ma tistax tiġi kkwalifikata bħala informazzjoni jew bħala dokument li kkontribbwixxa sabiex tiġi kkonfermata l-eżistenza tal-ksur li seħħ u għaldaqstant ma tiġġustifika l-ebda tnaqqis tal-multa.”

683    Għandu jiġi rilevat li MHTP ma tressaq l-ebda element ta’ prova li jippermetti li jiġi stabbilit li l-informazzjoni li hija kienet ipprovdiet lill-Kummissjoni qabel id-DO kienet tikkontribwixxi sabiex tiġi kkonfermata l-eżistenza tal-ksur li seħħ.

684    Rigward it-tqabbil tal-każ in kwistjoni mal-prattika preċedenti tal-Kummissjoni, għandu jiġi enfasizzat li s-sempliċi fatt li l-Kummissjoni akkordat, fil-prattika deċiżjonali preċedenti tagħha, ċerta rata ta’ tnaqqis għal aġir partikolari ma jimplikax li hija marbuta tagħti l-istess tnaqqis proporzjonali meta tkun qiegħda tevalwa aġir simili fil-kuntest ta’ proċedimenti amministrattivi ulterjuri (is-sentenzi Mayr‑Melnhof vs Il-Kummissjoni, punt 446 iktar ’il fuq, punt 368, u ABB vs Il-Kummissjoni, punt 239).

685    Fis-sentenza ABB vs Il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza tibbaża ruħha fuq din il-konstatazzjoni sabiex teskludi l-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali meta jsir tqabbil ma’ deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni, mingħajr ma teżaminahom. Fil-fatt, l-eżami dettaljat, fil-punti 240 sa 245 ta’ din l-istess sentenza, ta’ l-osservanza tal-prinċipju ta’ trattament ugwali jiffoka biss fuq it-tqabbil tas-sitwazzjoni tad-diversi parteċipanti fl-akkordju.

686    MHTP tiċċita s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, punt 459 iktar ’il fuq (punt 1232), sabiex tistabbilixxi li l-Qorti tal-Prim’Istanza diġà eżaminat talbiet ibbażati fuq nuqqas ta’ trattament ugwali meta jsir tqabbil ma’ kawżi oħra. Issa, għalkemm huwa veru li din is-sentenza titratta din il-kwistjoni, dan isir biss sabiex jiġi miċħud l-argument ibbażat fuq kunsiderazzjoni żbaljata tal-Kummissjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali meta jsir tqabbil mal-prattika preċedenti tagħha. Skond il-Qorti tal-Prim’Istanza, id-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multi tistrieħ fuq numru ta’ kriterji, li għandhom jiġu evalwati każ b’każ, skond iċ-ċirkustanzi tal-każ u l-applikazzjoni mill-Kummissjoni, fl-imgħoddi, ta’ multi ta’ ċertu livell għal ċerti tipi ta’ ksur ma tistax iċċaħħadha mill-possibbiltà li tgħolli dan il-livell jekk dan huwa meħtieġ sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni. Għaldaqstant din is-sentenza ma ssostnix l-allegazzjonijiet ta’ MHTP.

687    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li l-perċentwali previsti mill-punt D tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni jvarjaw minn 10 sa 50 % mingħajr ma huma stabbiliti kriterji partikolari għall-iffissar tat-tnaqqis f’dawn il-limiti. Għaldaqstant dawn il-limiti ma joħloqux aspettativa leġittima sabiex tibbenefika minn perċentwali partikolari ta’ tnaqqis.

688    Dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jwasslu lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tiċħad dan il-motiv.

3.     Mougeot

689    Għandu jiġi mfakkar, preliminarjament, li skond ġurisprudenza stabbilita il-Kummissjoni ma tistax, fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tagħha tal-kooperazzjoni pprovduta mill-membri ta’ akkordju, tinjora l-prinċipju ta’ trattament ugwali (ara s-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, punt 496 iktar ’il fuq, punt 394, u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu għandha tiġi rikonoxxuta lill-Kummissjoni marġni wiesgħa ta’ diskrezzjoni sabiex tevalwa l-kwalità u l-utilità tal-kooperazzjoni pprovduta mid-diversi membri ta’ akkordju, peress li huwa biss eċċess manifest ta’ din il-marġni li jista’ jiġi prekluż.

690    Mougeot tallega li ġiet iddiskriminata meta mqabbla ma’ Sappi, li kisbet tnaqqis ta’ 100 % mill-multa, u li l-Kummissjoni kellha takkordalha l-vantaġġ tal-parti B tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, u b’hekk tnaqqis ta’ 75 %.

691    Għandu jiġi kkonstatat, kif jirriżulta mill-premessi 436 sa 445 tad-deċiżjoni, li Sappi, li rrappurtat l-akkordju, kienet l-unika impriża li ssoddisfat il-kundizzjonijiet kumulattivi tal-punt B tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. Billi pprovdiet provi dwar l-eżistenza ta’ l-akkordju biss wara li l-Kummissjoni għamlet xi verifiki ordnati minn deċiżjoni, Mougeot ma setgħetx tibbenefika mid-dispożizzjonijiet tal-punt B. Sabiex taqa ‘ taħt id-dispożizzjonijiet tal-punt Ċ, Mougeot kellha tissoddisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt B(b) sa (e). Issa Mougeot stess tirrikonoxxi, fir-rikors tagħha, li hija ma kintix l-ewwel impriża li bagħtet lill-Kummissjoni elementi ta’ prova dwar l-akkordju. Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ Sappi li hija stess ħadet l-inizjattiva li tirrapporta l-akkordju lill-Kummissjoni fil-ħarifa ta’ l-1996, Mougeot kkooperat biss bħala risposta għat-talba ta’ informazzjoni li ntbagħtet lilha mill-Kummissjoni f’Marzu ta’ l-1999.

692    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li jirriżulta mit-test stess tal-punt B(b) tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni li l-“ewwel” impriża mhux bilfors tkun ipprovdiet l-elementi kollha li jipprovaw id-dettalji kollha ta’ kif jaħdem l-akkordju, iżda li huwa biżżejjed li jitressqu "xi" elementi ta’ prova determinanti. B’mod partikolari, dan it-test ma jitlobx li l-elementi pprovduti jkunu, waħedhom, “suffiċjenti” għall-elaborazzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, jew saħansitra għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali li jikkonstata l-eżistenza ta’ ksur. Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li Mougeot setgħet tipprovdi, min-naħa tagħha, elementi li kienu jidhru determinanti sabiex jippermettu lill-Kummissjoni tipprova l-ksur ma jistax ineħħi l-kwalità ta’ Sappi bħala l-ewwel impriża li rrappurtat l-akkordju u ma jistax jirriżulta fl-applikazzjoni fil-konfront ta’ Mougeot ta’ dispożizzjoni riżervata għal din l-ewwel impriża li tirrapporta l-akkordju qabel il-verifiki tal-Kummissjoni.

693    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament applikat il-punt D tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni fil-konfront ta’ Mougeot. Billi akkordatilha f’dan ir-rigward tnaqqis ta’ 50 %, jiġifieri t-tnaqqis massimu previst, il-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni debitament l-importanza ta’ l-elementi ta’ prova li Mougeot kienet ikkomunikat u l-kollaborazzjoni tagħha meta saru verifiki fuq il-post u matul l-investigazzjoni.

4.     AWA

694    AWA ssostni, min-naħa tagħha, li hija kellha tibbenefika minn tnaqqis daqs dak li ġie akkodat lil Mougeot minħabba li hija kkuntattjat lill-Kummissjoni qabilha u l-provi li hija pprovdiet kienu iżjed utili minn dawk ippreżentati minn Mougeot.

695    Għaldaqstant għandu jiġi vverifikat, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 689 iktar ’il fuq, jekk, billi akkordat tnaqqis ta’ 35 % lil AWA kontra l-50 % ta’ Mougeot, il-Kummissjoni kkommettietx abbuż manifest fl-eżerċizzju tal-marġni wiesgħa ta’ disrezzjoni li hija għandha f’dan il-qasam.

696    Fir-rigward tal-kronoloġija ta’ l-għoti ta’ informazzjoni lill-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat illi ċertament AWA qabżet lil Mougeot fit-tħabbir ta’ l-intenzjoni tagħha li tikkoopera mal-Kummissjoni, iżda Mougeot kienet l-ewwel waħda fosthom li bagħtet effettivament xi informazzjoni lill-Kummissjoni, fl-14 ta’ April 1999. Il-kontribuzzjoni effettiva ta’ AWA saret fil-fatt fit-30 ta’ April 1999.

697    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni ma kinitx marbuta tikkunsidra bħala deċiżiv il-fatt li waħda mill-impriżi mmanifestat ruħha ftit iżjed malajr mill-oħrajn. Fil-fatt, jirriżulta kjarament mill-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni li l-fatt li impriża tkun l-ewwel waħda li tipprovdi elementi ta’ prova determinanti huwa neċessarju għall-applikazzjoni tal-punti B u C. Issa, f’dan il-każ, din il-kundizzjoni ġiet soddisfatta minn Sappi (ara l-punti 691 u 692 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, kemm AWA u Mougeot jaqgħu taħt il-punt D, li ma jagħmel l-ebda riferenza għal u ma jagħti l-ebda importanza lill-kwistjoni jekk il-kooperazzjoni ta’ impriża waħda ngħatatx qabel dik ta’ oħra.

698    Barra minn hekk, il-fatt li AWA setgħet xtaqet tinforma lill-membri l-oħra ta’ l-akkordju dwar l-intenzjoni tagħha li tikkoopera qabel ma tikkuntattja lill-Kummissjoni ma tagħmilx parti mill-kooperazzjoni tagħha mal-Kummissjoni.

699    Min-naħa l-oħra, peress li l-kontribuzzjonijiet ta’ AWA u ta’ Mougeot ntbagħtu lill-Kummissjoni wara dawk ta’ Sappi u wara l-verifiki li saru mill-Kummissjoni, għandu jiġi vverifikat jekk dawn humiex “ta’ natura simili”.

700    F’dan ir-rigward, għandha ssir riferenza għall-premessi 447 u 448 tad-deċiżjoni:

“Mougeot volontarjament għamlet dikjarazzjonijiet u pprovdiet dokumenti li kienu jinkludu informazzjoni dettaljata fuq il-laqgħat ta’ l-akkordju (essenzjalment dwar is-suq domestiku tagħha fi Franza), b’mod partikolari fuq id-dati tal-laqgħat, l-identità tal-parteċipanti, l-aġenda tal-laqgħat u l-akkordji konklużi.

AWA volontarjament ipprovdiet lill-Kummissjoni b’informazzjoni fuq il-laqgħat ta’ l-akkordju fejn speċifikat il-perijodi li fihom inżammu l-laqgħat f’diversi Stati Membri tal-Komunità u l-ismijiet ta’ l-impriżi parteċipanti. Rigward l-aġenda tal-laqgħat, AWA ddikjarat li ‘f’uħud minn dawn il-laqgħat, […] ġew diskussi l-prezzijiet tal-karta saħħara, […] u ġew skambjati l-intenzjonijiet rigward it-tħabbir taż-żidiet fil-prezzijiet’ ”.

701    Barra minn hekk, fil-premessa 252 tad-deċiżjoni, il-Kummissjoni telenka l-elementi ta’ prova li jirrigwardaw l-akkordju kollu kemm hu. Fosthom hemm id-dikjarazzjonijiet ta’ Mougeot u ta’ Sappi u l-provi pprovduti minn AWA rigward laqgħat “irregolari” fir-risposta tagħha għat-talba tal-Kummissjoni għal informazzjoni, kif ukoll il-minuti u d-dikjarazzjonijiet dettaljati tal-laqgħat nazzjonali jew reġjonali kkomunikati minn Mougeot u Sappi.

702    It-tqabbil ta’ dawn il-premessi juri li l-informazzjoni pprovduta minn Mougeot hija dettaljata filwaqt li dik ta’ AWA mhijiex. Mougeot b’mod partikolari speċifikat id-dati tal-laqgħat filwaqt li AWA indikat perijodi biss. Madankolu, anki jekk id-dikjarazzjoni inizjali ta’ AWA ma kinitx preċiża daqs dik ta’ Mougeot, skond il-premessa 61 tad-deċiżjoni, AWA, fir-risposta tagħha għat-talba għal informazzjoni, pprovdiet lill-Kummissjoni “lista ta’ laqgħat jew ta’ gruppi ta’ laqgħat ‘irregolari’ (improper) li nżammu bejn kompetituri mill-1992 sa l-1998”. Issa, din il-lista telenka laqgħat li saru f’dati preċiżi li AWA kkontribwiet sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tagħhom. Barra minn hekk, il-perijodu kopert mid-dikjarazzjonijiet ta’ AWA huwa itwal minn dak kopert mid-dikjarazzjonijiet ta’ Mougeot. Il-laqgħat li din ta’ l-aħħar issemmi fid-dikjarazzjoni tagħha ta’ l-14 ta’ April 1999 (dokumenti Nru 7647 sa 7655, imsemmija fil-punt 165 iktar ’il fuq) ikopru l-perijodu bejn l-1 ta’ Ottubru 1993 u s-sajf ta’ l-1995. B’hekk, f’dak li jikkonċerna l-informazzjoni miksuba fuq iż-żamma tal-laqgħat ta’ l-akkordju, m’hemmx differenza kbira bejn Mougeot u AWA.

703    Rigward il-parteċipanti fil-laqgħat ta’ l-akkordju, l-informazzjoni mogħtija minn Mougeot rigward l-“identità tal-parteċipanti” mhijiex differenti ħafna mill-indikazzjoni ta’ AWA dwar l-“ismijiet ta’ l-impriżi parteċipanti”. Fi kwalunkwe każ, jirriżulta mill-Anness II tad-deċiżjoni li d-dikjarazzjonijiet ta’ AWA (dokument Nru 7828) kienu utli ħafna għall-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-parteċipazzjoni ta’ kull impriża fil-laqgħat. Il-fatt li dan id-dokument jirriżulta mingħajr dubju bħala l-iktar dokument iċċitat fin-noti ta’ qiegħ il-paġna in sostenn tal-lista tal-laqgħat u tal-parteċipanti fihom, jikkonferma dan.

704    Fl-aħħar nett, il-premessi 447 u 448 juru limitazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta’ Mougeot essenzjalment għas-“suq domestiku fi Franza”, filwaqt li l-informazzjoni ta’ AWA kienet tirrigwarda laqgħat “f’diversi Stati Membri tal-Komunità”. Issa, il-fatt li numru ta’ impriżi kkontestaw l-akkordju fuq livell Ewropew jenfasizza l-importanza ta’ l-informazzjoni pprovduta minn AWA f’dan ir-rigward.

705    Għaldaqstant, il-Kummissjoni għamlet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi akkordat tnaqqis ta’ 50 % lil Mougeot u ta’ 35 % lil AWA. Fil-fatt, anki jekk, għall-kuntrarju ta’ AWA, Mougeot pprovdiet dokumenti li jmorru lura għaż-żmien in kwistjoni u jekk f’ċerti aspetti d-dikjarazzjonijiet tagħha huma iktar dettaljati, l-informazzjoni mogħtija minn AWA tittratta perijodu itwal u tkopri firxa ġeografika iktar estiża. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-kooperazzjoni ta’ AWA u ta’ Mougeot hija ta’ kwalità simili. Lanqas ma jista’ jiġi sostnut li l-kooperazzjoni tagħhom hija differenti f’dak li jikkonċerna l-utilità tagħha għall-Kummissjoni. Jirriżulta mill-bqija ta’ l-eżami li sar iktar ’il fuq mill-Qorti tal-Prim’Istanza rigward is-suq Spanjol (ara l-punti 161 sa 168 iktar ’il fuq) jew fuq in-natura kollużiva tal-laqgħat uffiċjali ta’ l-AEMCP qabel Settembru jew Ottubru ta’ l-1993 (ara punti 256 sa 310 iktar ’il fuq) li l-informazzjoni pprovduta minn AWA u minn Mougeot taqbel fil-parti l-kbira u tifforma, flimkien ma’ dik ta’ Sappi, ġabra ta’ indikazzjonijiet indispensabbli sabiex jiġi mifhum kif jaħdem l-akordju u tiġi stabbilita l-eżistenza tiegħu.

706    B’hekk il-motiv ta’ AWA bbażat fuq in-natura insuffiċjenti u diskriminatorja tat-tnaqqis li ngħata lilha minħabba l-kooperazzjoni tagħha għandu jiġi milqugħ.

707    Fl-eżerċizzju tas-setgħa tagħha ta’ ġurisdizzjoni illimitata, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li, billi l-provi pprovduti minn Mougeot u AWA huma ta’ kwalità simili, AWA għandha tingħata, minħabba l-kooperazzjoni tagħha, l-istess tnaqqis bħal Mougeot, jiġifieri 50 %. Il-multa imposta fuq AWA għandha għaldaqstant tiġi mnaqqsa b’mod korrispondenti.

5.     Koehler

708    Koehler, fl-aħħar nett, tikkunsidra li l-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-kooperazzjoni sħiħa tagħha kemm qabel kif ukoll wara li ntbagħtet id-DO. Fil-fehma tagħha, huwa kontra l-prinċipju ta’ trattament ugwali li Carrs, MHTP u Zanders ibbenefikaw mill-klemenza u hi le.

709    Skond il-premessi 457 u 458 tad-deċiżjoni:

“(457) Koehler tiddikjara li ma tikkontestax ‘ċerti fatti’ esposti fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet. Hija tikkontesta madankollu partijiet importanti tad-deskrizzjoni fattwali tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju matul il-perijodu kollu tiegħu. B’mod partikolari, Koehler tikkontesta d-deskrizzjoni magħmula mill-Kummissjoni dwar akkordji ta’ distribuzzjoni ta’ kwoti u ta’ tqassim tas-suq u l-eżistenza ta’ sistema ta’ kontroll. Il-Kummissjoni tikkonkludi għaldaqstant li Koehler ma kkooperatx b’mod effettiv.

(458) Il-Kummissjoni tagħti lil Carrs, MHTP u Zanders tnaqqis ta’ 10 % talli ma kkontestawx il-fatti.”

710    Rigward il-perijodu ta’ qabel ma ntbagħtet id-DO, Koehler issostni li kkooperat b’mod sħiħ mal-Kummissjoni. Hija żżid li “huwa b’dan il-mod li l-verifika li saret għand Koehler fid-9 u fl-10 ta’ Diċembru 1997 saret mingħajr ġegħil peress li [s-Sur F.], membru tal-bord tal-maniġment, kien ta l-kunsens tieħgu minn qabel”.

711    F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi kkunsidrat li s-sempliċi fatt li persuna tagħti l-permess tagħha għal verifika jistabbilixxi kooperazzjoni sħiħa. Il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni tipprovdi tnaqqis sinjifikattiv tal-multa meta, qabel ma tintbagħat dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, impriża tipprovdi lill-Kummissjoni b’informazzjoni, dokumenti jew provi oħra li jikkontribwixxu sabiex tiġi kkonfermata l-eżistenza tal-ksur li seħħ. Koehler ma pprovdiet xejn minn dan u lanqas ma tafferma li pprovdiethom. L-argument ta’ Koehler għaldaqstant ma jistax jiġi aċċettat.

712    F’dak li jikkonċerna l-perijodu ta’ wara ma tintbagħat id-DO, il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni tipprovdi għal tnaqqis sinjifikattiv tal-multa meta impriża tinforma lill-Kummissjoni li hija ma tikkontestax il-fatti li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża l-allegazzjonijiet tagħha. Għandu jiġi vverifikat jekk, kif hija tallega, Koehler tinsabx f’din is-sitwazzjoni, u dan ukoll meta mqabbla ma’ impriżi oħra li bbenefikaw minn din id-dispożizzjoni.

713    Fl-osservazzjonijiet tagħha fuq id-DO, Koehler iddikjarat li hija kienet tirrikonoxxi l-“fatti u l-oġġezzjonijiet debitament investigati u pprovati mill-Kummissjoni”. Hija żżid fir-rikors tagħha li “[s]afejn l-ammissjonijiet tagħha saru b’riżerva, hija għamlet dan minħabba li qieset li ma kienx aċċettabbli li kellha tiddikjara bħala eżatt dak li ma kienx eżatt sempliċiment sabiex tikseb tnaqqis fil-multa”.

714    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk Koehler sussegwentement tipprova tiġġustifika uħud mir-riżervi tagħha bi bdil fil-pożizzjoni tal-Kummissjoni li sar wara, hija tammetti li fformolat riżervi u li “rrelativizzat il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni rigward l-akkordji ta’ attribuzzjoni ta’ kwoti u ta’ tqassim tas-suq”. Barra minn dan, meta Koehler tammetti l-eżistenza ta’ skambju ta’ informazzjoni fuq il-kwantità mibjugħa fuq livell reġjonali - filwaqt li ċaħdet dan fuq livell Ewropew -, hija żżid li dawn huma eċċezzjonijiet relattivi għal perijodi li għaddew.

715    Barra minn hekk, huwa minnu li fis-seduta Koehler sostniet li l-kontestazzjoni kienet tikkonċerna biss il-perijodu ta’ qabel ix-xahar ta’ Ottubru ta’ l-1993 u li, fil-perijodu sussegwenti, minkejja xi formolazzjonijiet possibbilment mhux ċari ħafna jew vagi, hija kkooperat mal-Kummissjoni. Madankollu, ma jirriżultax mill-osservazzjonijiet tagħha fuq id-DO li Koehler limitat il-kontestazzjoni tagħha għall-ewwel perijodu espressament. Għall-kuntrarju, fir-rimarki introduttivi tagħha, hija tesponi li mhijiex se tikkontesta ċerti fatti, jiġifieri dawk li l-Kummissjoni kkonstatat u evalwat korrettement fid-DO. Imbagħad, il-parti III, dwar il-kontestazzjoni tal-fatti li bihom ġiet akkużata, tinkludi punt 3 intitolat “Ebda akkordji ta’ attribuzzjoni ta’ kwoti jew ta’ tqassim tas-swieq fuq livell Ewropew” u punt 4 intitolat “Ebda sistema ta’ kontroll”. Dawn il-kontestazzjonijiet li mhumiex limitati fiż-żmien ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li huma vagi jew mhux preċiżi.

716    Għandu jiġi mfakkar li tnaqqis fil-multa huwa biss iġġustifikat jekk l-aġir ta’ l-impriża kkonċernata jippermetti lill-Kummissjoni tikkonstata l-ksur b’inqas diffikultà u, skond il-każ, twaqqafu (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Diċembru 2001, Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, T-45/98 u T-47/98, Ġabra p. II‑3757, punt 270, u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Kummissjoni għandha setgħa ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-intestatura tal-punt D 2 tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni u partikolarment, tal-kliem tal-bidu “Dan jista’ b’mod partikolari jkun il-każ […]” Barra minn hekk u fuq kollox, tnaqqis abbażi tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni jista’ jiġi ġġustifikat biss meta l-informazzjoni pprovduta u, iżjed ġeneralment, l-aġir ta’ l-impriża kkonċernata jistgħu f’dan ir-rigward jiġu kkunsidrati bħala li juru kooperazzjoni ġenwina min-naħa tagħha (is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 409 iktar ’il fuq, punti 394 u 395).

717    Ammissjonijiet b’riżervi jew dikjarazzjonijiet ekwivoċi ma jirriflettux madankollu kooperazzjoni ġenwina u mhumiex tali li jiffaċilitaw ix-xogħol tal-Kummissjoni, peress li dawn ikunu jridu jiġu vverifikati. Dan huwa wisq iktar veru meta dawn ir-riżervi jirrigwardaw aspetti bħal, f’dan il-każ, it-tul ta’ żmien tal-ksur, il-kwoti ta’ bejgħ, l-isham mis-suq jew l-iskambju ta’ informazzjoni.

718    Safejn, permezz ta’ dawn ir-riżervi, Koehler ikkontestat numru ta’ elementi ta’ l-akkordju, jew għall-inqas ma għenitx lill-Kummissjoni fix-xogħol tagħha ta’ investigazzjoni u ta’ sanzjoni ta’ l-akkordju, hija ma tistax tippretendi tnaqqis sinjfikattiv fil-multa li ġiet imposta fuqha minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti.

719    Għandu jiġi vverifikat fl-aħħar nett jekk, kif tallega Koehler, ir-rifjut li hija tingħata tnaqqis fil-multa f’dan ir-rigward jiksirx il-prinċipju ta’ trattament ugwali, peress li Carrs, MHTP u Zanders, min-naħa tagħhom, kisbu tnaqqis ta’ 10 % tal-multa.

720    Safejn Koehler b’hekk tikkritika r-rata ta’ tnaqqis akkordata lil dawn l-impriżi l-oħra talli ma kkontestatx il-fatti li bihom ġiet akkużata, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni akkordat tnaqqis għoli wisq tal-multa imposta fuq dawn l-impriżi l-oħra, għandu jiġi mfakkar li l-osservanza tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għandu jiġi rrikonċijat ma’ l-osservanza tal-prinċipju ta’ legalità li jistipula li ħadd ma jista’ jinvoka, favurih, illegalità li tkun saret favur ħaddieħor (is-sentenzi ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, punt 468 iktar ’il fuq, punt 160, Mayr‑Melnhof vs Il-Kummissjoni, punt 446 iktar ’il fuq, punt 334, u LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 367). 

721    Barra minn hekk, safejn il-kontestazzjoni ta’ Koehler tirreferi għall-fatt li hija ma kisbitx tnaqqis fil-multa skond il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, għandha ssir riferenza għall-punti 708 sa 718 iktar ’il fuq, fejn jirriżulta li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, hija ma tistax tippretendi tali tnaqqis.

722    Għall-kompletezza, rigward il-kontestazzjoni tal-fatti mill-impriżi l-oħra li kisbu tnaqqis ta’ 10 % tal-multa tagħhom, għandu jiġi rilevat li Carrs tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ l-akkordju u l-parteċipazzjoni tagħha fih tul il-perijodu kollu tal-ksur speċifikat fid-deċiżjoni. Hija tgħid madankollu li pparteċipat biss fil-laqgħat relativi għas-suq tar-Renju Unit u ta’ l-Irlanda u li ma kinitx taf dwar l-akkordju fuq livell Ewropew. B’hekk, hija ma tikkontestax il-fatti. Barra minn hekk, il-fatt li Carrs tallega l-effetti limitati ta’ l-akkordju lanqas ma hu kontraddittorju ma’ l-ammissjoni tal-fatti.

723    Rigward Zanders u MHTP, Koehler issostni li l-premessi 455 u 456 li jgħidu li huma ma kkontestawx il-fatti, mhumiex kumpatibbli mal-konstatazzjoni, fil-premessa 395, li MHTP u Zanders ċaħdu l-applikazzjoni ta’ l-akkordji intiżi sabiex jiġu implementati l-iffissar tal-prezzijiet u t-tqassim tal-kwoti.

724    Għandu jiġi osservat li l-argumenti ta’ MHTP u Zanders riprodotti fil-premessa 395 huma intiżi sabiex jikkontestaw l-effettività ta’ l-akkordji bil-għan li jiġu kkunsidrati bħala inqas serji. Huma ma jqajmux dubji dwar l-eżistenza ta’ l-akkordju u għaldaqstant mhumiex inkompatibbli ma’ nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti.

725    Rigward il-fatt li MHTP rrikonoxxiet li pparteċipat fl-akkordju mill-aħħar ta’ l-1992 biss (premessi 270 u 271), għandu jiġi rilevat li l-Kummissjoni ħadet dan in kunsiderazzjoni. Skond il-premessa 456 tad-deċiżjoni, fil-fatt, “MHTP ssostni li ma tikkontestax il-fatti li jistabbilixxu l-konstatazzjoni ta’ ksur bejn l-1992 u nofs l‑1995”.

726    Barra minn hekk, l-attitudni ta’ MHTP li kkontestat biss id-data tal-bidu tal-ksur ma tistax tiġi meqjusa bħala paragunabbli ma’ dik ta’ Koehler li għamlet riżervi fuq diversi aspetti ta’ l-akkordju.

727    F’dawn iċ-ċirkustanzi, Koehler ma pprovatx li kienet soġġetta għal nuqqas ta’ trattament ugwali. Jirriżulta minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha li l-Kummissjoni ġustament ma naqqsitx il-multa li ġiet imposta fuqha skond il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

III –  Fuq it-talba ta’ AWA sabiex jiġu ppreżentati dokumenti

728    AWA tistieden lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex titlob lill-Kummissjoni tippreżenta dokumenti interni relativi għall-kalkolu tal-multa li ġiet imposta fuqha u d-dokumenti kolha msemmija fid-deċiżjoni minbarra dawk li ntbagħtulha fl-1 ta’ Awwissu 2000.

729    Għandu jiġi mfakkar, preliminarjament, li, skond l-Artikolu 49 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’, f’kull fażi tal-proċedura, tiddeċiedi dwar kull miżura fir-rigward ta’ l-organizzazzjoni tal-proċedura jew ta’ l-istruttorja previsti fl-Artikoli 64 u 65 tar-Regoli tal-Proċedura. It-talba għall-produzzjoni ta’ dokumenti tagħmel parti minn dawn il-miżuri.

730    Biex tippermetti lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tiddetermina jekk kienx utili għall-iżvolġiment korrett tal-proċedura li tordna l-produzzjoni ta’ ċerti dokumenti, il-parti li tagħmel it-talba għandha tidentifika d-dokumenti mitluba u tipprovdi lill-Qorti tal-Prim’Istanza għall-inqas b’minimu ta’ informazzjoni li turi l-utilità ta’ dawn id-dokumenti għall-bżonnijiet ta’ l-istanza (is-sentenza Baustahlgewerbe vs Il-Kummissjoni, punt 256 iktar ’il fuq, punt 93).

731    Għandu jiġi kkonstatat li, kif ifformolati fir-rikors, la t-talba għall-produzzjoni ta’ dokumenti interni relativi għall-kalkolu tal-multa u lanqas dik relativa għad-dokumenti kollha invokati fid-deċiżjoni, minbarra dawk li ntbagħtu lil AWA fl-1 ta’ Awwissu 2000 ma jidentifikaw id-dokumenti mitluba bi preċiżjoni suffiċjenti sabiex jippermettu lill-Qorti tal-Prim’Istanza tevalwa l-utilità tagħhom għall-finijiet ta’ l-istanza.

732    Għaldaqstant iż-żewġ talbiet għandhom jiġu miċħuda.

733    Għall-kompletezza, AWA ma pprovatx l-utilità ta’ dawn id-dokumenti għall-finijiet ta’ l-istanza.

734    Fil-fatt, rigward it-talba tagħha għall-produzzjoni ta’ dokumenti interni tal-Kummissjoni relativi għall-kalkolu tal-multa li ġiet imposta fuqha, is-sempliċi fatt, invokat minn AWA, li, b’mod partikolari f’numru ta’ kawżi li taw lok għas-sentenzi magħrufa bħala “Kartun” (b’mod partikolari s-sentenza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, punt 483 iktar ’il fuq), il-Qorti tal-Prim’Istanza talbet lill-Kummissjoni tipproduċi tali dokumenti ma jistax jipprova l-utilità tagħhom f’dan il-każ u ma jistax jobbliga lill-Qorti tal-Prim’Istanza tordna l-istess miżuri.

735    Barra minn hekk, kif tenfasizza l-Kummissjoni, is-sentenzi magħrufa bħala “Kartun” ġew deċiżi qabel ma bdew japplikaw il-linji gwida. Dawn ta’ l-aħħar huma intiżi preċiżament biex tiġi żgurata t-trasparenza u n-natura oġġettiva tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni billi jistipulaw il-qafas tal-metodu l-ġdid għall-ikkalkolar tal-multa. F’dan il-każ, id-deċiżjoni, li tapplika kjarament dawn il-linji gwida, tispjega b’mod dettaljat kif għandha tiġi kkalkolata l-multa.

736    Fl-aħħar nett, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li d-dokumenti interni tal-Kummissjoni ma jingħatawx lill-partijiet, ħlief jekk iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali tal-każ jitolbu dan, abbażi ta’ indikazzjonijiet serji li huma għandhom jipprovdu (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ġunju 1986, BAT u Reynolds vs Il-Kummissjoni, 142/84 u 156/84, Ġabra p. 1899, punt 11; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, punt 716 iktar ’il fuq, punt 34; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Ottubru 1994, Deere vs Il-Kummissjoni, T-35/92, Ġabra p. II‑957, punt 31). Issa AWA ma pprovdietx indikazzjonijiet serji f’dan is-sens.

737    Fir-rigward tat-talba għall-produzzjoni tad-dokumenti kollha invokati fid-deċiżjoni minbarra dawk mibgħuta lil AWA fl-1 ta’ Awwissu 2000, din ta’ l-aħħar issostni li din it-talba għandha bħala għan li tippermettilha tara u teżamina l-provi li l-Kummissjoni invokat fid-deċiżjoni.

738    F’dan ir-rigward, anki jekk hija tikkritika n-natura inutilizzabbli ta’ l-indiċi (ara l-punti 109 sa 117 iktar ’il fuq), AWA ma kkontestatx il-fatt li kellha aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni matul il-proċedimenti amministrattivi. Safejn hija ma tużax, sabiex tinkrimina impriża fid-deċiżjoni, dokumenti differenti minn dawk li għalihom l-impriża kellha aċċess matul il-proċedimenti amministrattivi, il-Kummissjoni ma tistax marbuta tagħtiha aċċess għad-dokumenti kollha ċċitati fid-deċiżjoni (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, u l-ġurisprudenza ċċitata).

739    It-talba magħmula lill-Qorti tal-Prim’Istanza tirrigwarda d-dokumenti kollha invokati fid-deċiżjoni minbarra dawk mibgħuta lil AWA fl-1 ta’ Awwissu 2000. Għall-kuntrarju ta’ l-ittra li AWA bagħtet lill-Kummissjoni fit-22 ta’ Frar 2002, din it-talba ma tispeċifikax li hija tirrigwarda b’mod partikolari r-risposti tad-destinatarji l-oħra tad-DO u r-rapport PricewaterhouseCoopers.

740    Madankollu, anki jekk jiġi aċċettat li jeħtieġ li dawn il-preċiżjonijiet rigward it-talba ġenerali magħmula lill-Qorti tal-Prim’Istanza jittieħdu in kunsiderazzjoni, u li talba li tirreferi għar-risposti kollha tad-destinatarji l-oħra tad-DO tista’ tiġi kkunsidrata bħala li tidentifika bi preċiżjoni suffiċjenti d-dokumenti mitluba, fi kwalunkwe każ, AWA ma stabbilietx l-utilità ta’ dawn id-dokumenti għall-finijiet ta’ l-istanza.

741    Għaldaqstant, it-talba ta’ miżura fir-rigward ta’ l-organizzazzjoni tal-proċedura magħmula lill-Qorti tal-Prim’Istanza minn AWA għandha tiġi miċħuda.

742    Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-rikorsi mressqa fil-kawżi T-109/02, T-122/02, T-125/02, T-126/02, T-128/02, T-129/02 u T-132/02 għandhom jiġu miċħuda. Fil-kawża T-118/02, il-multa imposta fuq AWA għandha titnaqqas għal EUR 141.75 miljun. Fil-kawża T-136/02, il-multa imposta fuq Zicuñaga għandha titnaqqas għal EUR 1.309 miljun.

 Fuq l-ispejjeż

743    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skond l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 ta’ l-istess dispożizzjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ taqsam l-ispejjeż jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq kap jew aktar.

744    Fil-kawżi T-109/02, T-122/02, T-125/02, T-126/02, T-128/02, T-129/02, T-u 132/02, ir-rikorrenti tilfu. Għaldaqstant huma għandhom ibatu l-ispejjeż kollha, skond it-talbiet tal-konvenuta.

745    Billi fil-kawża T-118/02, ir-rikors ġie parzjalment milqugħ, tkun saret evalwazzjoni xierqa taċ-ċirkustanzi tal-kawża jekk jiġi deċiż li r-rikorrenti tbati żewġ terzi ta’ l-ispejjeż tagħha u żewġ terzi ta’ l-ispejjeż tal-Kummissjoni u li din ta’ l-aħħar tbati terz ta’ l-ispejjeż tagħha u terz ta’ l-ispejjeż ta’ AWA. Peress li r-Renju tal-Belġju intervjena in sostenn tat-talbiet tar-rikorrenti intiżi sabiex jiksbu tnaqqis fil-multa minħabba ċ-ċirkustanzi attenwanti marbuta mad-diffikultajiet li kien għaddej minnhom is-settur tal-karta saħħara, huwa għandu jiġi ordnat ibati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk tal-Kummissjoni marbuta ma’ l-intervent tiegħu skond it-talbiet tal-Kummissjoni.

746    Billi fil-kawża T-136/02, ir-rikors ġie parzjalment milqugħ, tkun saret evalwazzjoni xierqa taċ-ċirkustanzi tal-kawża jekk jiġi deċiż li r-rikorrenti tbati żewġ terzi ta’ l-ispejjeż tagħha u żewġ terzi ta’ l-ispejjeż tal-Kummissjoni, filwaqt li din ta’ l-aħħar tbati terz ta’ l-ispejjeż tagħha u terz ta’ l-ispejjeż tar-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Fil-kawża T-109/02, Bolloré vs Il-Kummissjoni:

–        ir-rikors huwa miċħud;

–        ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż.

2)      Fil-kawża T-118/02, Arjo Wiggins Appleton vs Il-Kummissjoni:

–        l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti mill-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/337/KE ta’ l-20 ta’ Diċembru 2001, dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u ta’ l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (każ COMP/E-1/36.212 − Karta saħħara), huwa stabbilit għal EUR 141 750 000;

–        il-kumplament tar-rikors huwa miċħud;

–        ir-rikorrenti għandha tbati żewġ terzi ta’ l-ispejjeż tagħha u żewġ terzi ta’ l-ispejjeż tal-Kummissjoni, filwaqt li din ta’ l-aħħar għandha tbati terz ta’ l-ispejjeż tagħha u terz ta’ l-ispejjeż tar-rikorrenti;

–        il-parti intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni marbuta ma’ l-intervent.

3)      Fil-kawża T-122/02, Mitsubishi HiTec Paper Bielefeld vs Il-Kummissjoni:

–        ir-rikors huwa miċħud;

–        ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż.

4)      Fil-kawża T-125/02, Papierfabrik August Koehler vs Il-Kummissjoni:

–        ir-rikors huwa miċħud;

–        ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż.

5)      Fil-kawża T-126/02, M‑realZanders vs Il-Kummissjoni:

–        ir-rikors huwa miċħud;

–        ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż.

6)      Fil-kawża T-128/02, Papeteries Mougeot vs Il-Kummissjoni:

–        ir-rikors huwa miċħud;

–        ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż.

7)      Fil-kawża T-129/02, Torraspapel vs Il-Kummissjoni:

–        ir-rikors huwa miċħud;

–        ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż.

8)      Fil-kawża T-132/02, Distribuidora Vizcaína de Papeles vs Il-Kummissjoni:

–        ir-rikors huwa miċħud;

–        ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż.

9)      Fil-kawża T-136/02, Papelera Guipuzcoana de Zicuñaga vs Il-Kummissjoni:

–        l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti mill-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/337/KE ta’ l-20 ta’ Diċembru 2001, dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u ta’ l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (każ COMP/E-1/36.212 – Karta saħħara), huwa stabbilit għal EUR 1 309 000;

–        il-kumplament tar-rikors huwa miċħud;

–        ir-rikorrenti għandha tbati żewġ terzi ta’ l-ispejjeż tagħha u żewġ terzi ta’ l-ispejjeż tal-Kummissjoni, filwaqt li din ta’ l-aħħar għandha tbati terz ta’ l-ispejjeż tagħha u terz ta’ l-ispejjeż tar-rikorrenti.

Vilaras

Dehousse

Šváby

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-26 ta’ April 2007.

E. Coulon

 

      M. Vilaras

Reġistratur

 

      Il-President


Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

I –  Fuq il-motivi relativi għall-annullament tad-deċiżjoni

A –  Fuq il-motivi relativi għall-iżvolġiment tal-proċedura amministrattiva

1.  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt tal-partijiet li jinstemgħu li jirriżulta min-nuqqas ta’ żvelar, waqt il-proċedimenti aministrattivi, ta’ dokumenti kklassifikati bħala kunfidenzjali mill-Kummissjoni.

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

2.  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl minħabba n-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ dokumenti mhux inklużi fil-fajl ta’ l-investigazzjoni kkomunikat fuq CD-ROM

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

3.  Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju tal-kontraddittorju li jirriżulta minn nuqqas ta’ konsistenza bejn id-DO u d-deċiżjoni

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

4.  Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, tad-dritt għal smigħ xieraq u tal-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ l-innoċenza

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

5.  Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba fl-investigazzjoni tal-każ u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

6.  Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl u tad-drittijiet tad-difiża, li jirriżulta mill-fatt li kien diffiċli li jinsabu ċerti dokumenti fil-fajl ta’ l-investigazzjoni u li l-lista ta’ dokumenti li jikkostitwixxu l-imsemmi fajl ma setgħetx tintuża

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

7.  Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-drittijiet tad-difiża minħabba d-dewmien fin-notifika tad-deċiżjoni

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

B –  Fuq il-motivi bbażati fuq ksur ta’ l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE kif ukoll fuq żbalji ta’ l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni relativi għall-parteċipazzjoni ta’ ċerti impriżi fil-ksur

1.  Is-sitwazzjoni ta’ Bolloré

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

2.  Is-sitwazzjoni ta’ Divipa u ta’ Zicuñaga

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-eżistenza ta’ laqgħat kollużivi relativi għas-suq Spanjol

Fuq il-parteċipazzjoni ta’ Divipa u ta’ Zicuñaga fl-akkordju fis-suq Spanjol

Fuq il-parteċipazzjoni ta’ Divipa u ta’ Zicuñaga fl-akkordju fis-suq Ewropew

Fuq il-parteċipazzjoni ta’ Zicuñaga f’akkordji ta’ ffissar ta’ kwoti ta’ bejgħ u ta’ ishma mis-suq

C –  Fuq il-motivi relativi għat-tul ta’ żmien tal-ksur

1.  Fuq il-motivi mqajma minn Bolloré, MHTP, Koehler, Mougeot u Torraspapel

a)  Fuq il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur qabel Settembru jew Ottubru ta’ l-1993

L-argumenti tal-partijiet

Id-deċiżjoni

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

–  Fuq l-allegata sistema ta’ laqgħat kollużivi

–  Il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-laqgħat ta’ Settembru jew Ottubru ta’ l-1993

b)  Fuq il-parteċipazzjoni ta’ Mougeot fil-ksur wara l-1 ta’ Lulju 1995

2.  Fuq il-motiv imqajjem minn Divipa

3.  Fuq il-motiv imqajjem minn Zicuñaga

II –  Fuq il-motivi intiżi għat-tħassir jew għat-tnaqqis tal-multi ffissati fl-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 3, tad-deċiżjoni

A –  Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju tal-protezzjoni ta’ l-aspetattivi leġittimi minħabba n-natura inkompleta u impreċiża tad-DO fir-rigward tal-multi

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

a)  Fuq il-ksur tad-dritt li tinstema’ u tan-nuqqas ta’ rispett ta’ l-aspettativi leġittimi safejn il-Kummissjoni injorat il-prattika preċedenti tagħha

b)  Fuq il-ksur tad-dritt li tinstema’ u tal-prinċipju tal-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi safejn il-Kummissjoni injorat il-linji gwida

c)  Fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ safejn il-Kummissjoni ffissat il-multa billi bbażat ruħa fuq elementi mhux imsemmija fid-DO

B –  Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ non-retroattivitŕ

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

C –  Fuq il-motivi bbażati fuq l-insuffiċjenza tal- provi, fuq il-ksur tal-prinċipji tal-preżunzjoni ta’ l-innoċenza, ta’ proporzjonalitŕ u ta’ trattament ugwali, kif ukoll fuq żbalji ta’ evalwazzjoni, f’dak li jikkonċerna l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni rigward il-parteċipazzjoni ta’ ċerti impriżi fl-akkordju Ewropew

D –  Fuq il-motivi bbażati fuq insuffiċjenza ta’ provi, fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 253 KE, ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-prinċipji ta’ proporzjonalitŕ, u ta’ trattament ugwali, fuq in-nuqqas ta’ determinazzjoni individwali tal-multi, fuq konstatazzjonijiet fattwali żbaljati, fuq żbalji ta’ evalwazzjoni u fuq żbalji ta’ dritt fl-evalwazzjoni tal-gravitŕ tal-ksur

1.  In-natura tal-ksur

2.  L-impatt konkret tal-ksur

3.  Klassifikazzjoni tal-parteċipanti fl-akkordju għall-finijiet ta’ l-iffissar ta’ l-ammonti tal-multi

a)  L-għażla tas-sena ta’ riferenza

b)  It-teħid in kunsiderazzjoni ta’ fatturat globali żbaljat

c)  Riżultat sproporzjonat ta’ l-applikazzjoni tal-metodu tal-Kummissjoni

Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

–  Ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali

4.  Żieda fil-multa għal finijiet dissważivi

E –  Fuq il-motivi relativi għat-tul ta’ żmien tal-ksur

F –  Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalitŕ u ta’ trattament ugwali kif ukoll fuq żball ta’ evalwazzjoni fattwali

1.  Żball ta’ evalwazzjoni fattwali

2.  Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

3.  Il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali

G –  Fuq il-motivi bbażati fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 253 KE, ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-prinċipji ta’ proporzjonalitŕ u ta’ trattament ugwali, fuq in-nuqqas ta’ determinazzjoni individwali tal-multi, fuq interpretazzjoni restrittiva wisq tal-linji gwida fil-qasam tal-multi, kif ukoll fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li jirriżultaw min-nuqqas ta’ teħid in kunsiderazzjoni ta’ ċerti ċirkustanzi attenwanti

1.  Ir-rwol esklużivament passiv jew emulattiv fl-akkordju

2.  Id-daqs u l-influwenza fis-suq ta’ l-impriża li tikser ir-regoli

3.  Aġir fis-suq matul il-perijodu tal-ksur

4.  L-eżistenza ta’ theddid u ta’ pressjoni

5.  It-tmiem tal-ksur

6.  Is-Sitwazzjoni ekonomika tas-settur tal-karta saħħara

7.  In-nuqqas ta’ vantaġġ miksub mill-ksur u s-sitwazzjoni finanzjarja tat-trasgressur

H –  Fuq il-motivi bbażati fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi, ta’ proporzjonalitŕ u ta’ trattament ugwali, fl-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, kif ukoll fuq applikazzjoni żbaljata ta’ din il-komunikazzjoni

1.  Zicuñaga

2.  MHTP

3.  Mougeot

4.  AWA

5.  Koehler

III –  Fuq it-talba ta’ AWA sabiex jiġu ppreżentati dokumenti

Fuq l-ispejjeż




* Lingwi tal-kawża: l-Ispanjol, il-Ġermaniż, l-Ingliż u l-Franċiż.