Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija) fit-2 ta’ Novembru 2020 – J vs H Limited

(Kawża C-568/20)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Oberster Gerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: J

Konvenut: H Limited

Domandi preliminari

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali 1 , b’mod partikolari l-Artikolu 2(a) u l-Artikolu 39 tiegħu, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jkun hemm deċiżjoni eżegwibbli anki meta, wara eżami sommarju fil-kuntest ta’ proċedura kontradittorja li madankollu jikkonċerna biss in-natura ta’ res judicata ta’ sentenza mogħtija kontra l-parti indikata bħala debitur skont titolu eżekuttiv, din tal-aħħar tkun obbligata tħallas lill-parti li tirbaħ il-kawża mressqa fl-Istat terz id-dejn irrikonoxxut f’dan l-Istat terz permezz ta’ sentenza li tkun saret definittiva, f’sitwazzjoni fejn l-iskop tal-proċedura fl-Istat Membru jkun limitat għal eżami tal-eżistenza ta’ dritt mislut minn sentenza li tkun saret definittiva fil-konfront tal-parti li tkun qiegħda toġġezzjona għall-eżekuzzjoni?

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda:

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1215/2012, b’mod partikolari l-Artikolu 1, l-Artikolu 2(a), l-Artikolu 39, l-Artikolu 45, l-Artikolu 46 u l-Artikolu 52, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-eżekuzzjoni għandha tiġi miċħuda, irrispettivament mill-eżistenza ta’ waħda mir-raġunijiet elenkati fl-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 1215/2012, meta d-deċiżjoni li jkollha tiġi eżaminata ma tkunx deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 2(a), jew tal-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 1215/2012, jew meta l-pretensjoni li fuqha tkun ibbażata d-deċiżjoni fl-Istat Membru ta’ oriġini ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012?

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda u ta’ risposta affermattiva għat-tieni domanda:

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1215/2012, b’mod partikolari l-Artikolu 1, l-Artikolu 2(a), l-Artikolu 39, l-Artikolu 42(1)(b), l-Artikolu 46 u l-Artikolu 53, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest tal-proċedura dwar it-talba sabiex tiġi miċħuda l-eżekuzzjoni, il-qorti tal-Istat Membru indirizzat għandha, anki fuq il-bażi tad-data kkomunikata mill-qorti tal-oriġini fiċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1215/2012, tikkunsidra neċessarjament li hemm deċiżjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament u li għandha tiġi eżegwita?

____________

1     ĠU 2012, L 351, p. 1.