Language of document :

Appell ippreżentat fil-11 ta’ Novembru 2022 minn Helsingin Bussiliikenne Oy mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla Estiża) fl-14 ta’ Settembru 2022 fil-Kawża T-603/19, Helsingin Bussiliikenne Oy vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-697/22 P)

Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż

Partijiet

Appellant: Helsingin Bussiliikenne Oy (rappreżentanti: O. Hyvönen u N. Rosenlund, avukati)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, ir-Repubblika tal-Finlandja, Nobina Oy et Nobina AB

Talbiet

tannulla s-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2022, Helsingin Bussiliikenne vs Il-Kummissjoni, T-603/19, EU:T:2022:555 1  kollha kemm hi;

tilqa’ t-talbiet kollha kemm huma ppreżentati mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali, għall-motivi esposti fl-appell; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha sostnuti minn Helsingin Bussiliikenne Oy quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll l-interessi legali.

Aggravji u argumenti prinċipali

Fil-Kawża T-603/19, il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-Unjoniu wettqet żball ta’ liġi billi ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn Helsingin Bussiliikenne Oy.

Fl-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur ta’ rekwiżiti formali essenzjali, il-Qorti Ġenerali wettqet żball, peress li d-deċiżjoni kontenzjuża tal-Kummissjoni ġiet adottata bi ksur tad-drittijiet proċedurali tal-appellanti.

Il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball fir-raba’ motiv, sa fejn dan jirrigwarda l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tmur kontra l-Artikolu 108(2) TFUE u l-Artikolu 6(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 1 u tikser il-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri d-dritt għal smigħ tal-persuna fil-kawża li tikkonċernaha u l-priniċipju ta’ proporzjonalità.

Fl-appell tagħha, l-appellanti ssostni li d-dritt għal smigħ fi proċedura amministrattiva jikkostitwixxi dritt fundamentali. Il-fatt li l-parti kkonċernata ma tingħatax il-possibbiltà li tinstema’ qabel ma tittieħed deċiżjoni li tmur kontra l-interessi tagħha jikkostitwixxi ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali.

L-appellanti ssostni wkoll li rkupru żejjed jikkostitwixxi miżura li tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-iskop tal-irkupru. Meta rkupru jkun jimmira lill-benefiċjarju ta’ trasferiment ta’ impriża, għandu dejjem jiġi ddeterminat sa fejn dan jista’ eventwalment jibbenefika mill-għajnuna mill-Istat ipprojbita, fi kliem ieħor, għandu jiġi ddeterminat l-ammont tal-vantaġġ fiskali.

____________

1     EU:T:2022:555.

1     Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2005, L 248, p. 9)