Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-6 ta' Diċembru 2012 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Arbeitsgericht München - il-Ġermanja) - Johann Odar vs Baxter Deutschland GmbH

(Kawża C-152/11) 

(Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol - Direttiva 2000/78/KE - Projbizzjoni ta' kull diskriminazzjoni bbażata fuq l-età u fuq diżabbiltà - Allowance ta' tkeċċija - Pjan soċjali li jipprevedi t-tnaqqis tal-ammont tal-allowance ta' tkeċċija mħallsa lill-ħaddiema b'diżabbiltà)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Arbeitsgericht München

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Johann Odar

Konvenuti: Baxter Deutschland GmbH

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari - Arbeitsgericht München - Interpretazzjoni tal- Artikolu 1, tal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 16 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta' Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79) - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li jiġu esklużi minn benefiċċji previsti minn pjan soċjali ta' impriża ħaddiema li għandhom etajiet qrib l-età ta' bidu ta' dritt għall-pensjoni - Projbizzjoni ta' kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq l-età jew fuq diżabbiltà

Dispożittiv

L-Artikoli 2(6) u 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta' Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-imjieg u fix-xogħol, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni li taqa' taħt skema ta' previdenza soċjali li hija partikolari ta' impriża li tipprovdi, għall-ħaddiema ta' età iktar minn 54 sena u li jitkeċċew minħabba raġuni ekonomika, li l-ammont tal-allowance li għaliha għandhom dritt jiġi kkalkolat skont l-ewwel data possibbli ta' bidu tal-irtirar, kuntrarjament għall-metodu standard ta' kalkolu, li skont dan tali allowance hija bbażata b'mod partikolari fuq l-anzjanità fl-impriża, b'mod li l-allowance imħallsa hija inqas mill-allowance li tirriżulta mill-applikazzjoni ta' dan il-metodu standard għalkemm hija tal-inqas nofs din tal-aħħar.

L-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni li hija relatata ma' skema ta' previdenza soċjali partikolari ta' impriża li tipprovdi, għall-ħaddiema tagħha li għandhom iktar minn 54 sena u li jitkeċċew minħabba raġuni ekonomika, li l-ammont tal-allowance li għaliha huma għandhom dritt jiġi kkalkolat skont l-ewwel data possibbli ta' bidu tal-irtirar, kuntrarjament għall-metodu standard ta' kalkolu, skont liema tali allowance hija bbażata b'mod partikolari fuq l-anzjanità fl-impriża, b'mod li l-allowance imħallsa hija inqas mill-allowance li tirriżulta mill-applikazzjoni ta' dan il-metodu standard għalkemm hija tal-inqas ugwali għal nofs din tal-aħħar, u li tieħu inkunsiderazzjoni, waqt l-implementazzjoni ta' dan il-metodu l-ieħor, il-possibbiltà li ħaddiem jirċievi pensjoni ta' rtirar antiċipat imħallsa minħabba diżabbiltà.

____________

1 - ĠU C 204, 09.07.2011.