Language of document : ECLI:EU:T:2020:35

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

6 ta’ Frar 2020 (*)

“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Dokumenti tal-Kummissjoni relatati mal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni – Dokumenti li joriġinaw minn terz – Dokumenti li joriġinaw minn Stat Membru – Regolament (KE) Nru 1370/2007 – Rifjut parzjali ta’ aċċess – Rifjut totali ta’ aċċess – Obbligu ta’ motivazzjoni – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji – Interess pubbliku superjuri”

Fil-Kawża T‑485/18,

Compañía de Tranvías de la Coruña, SA, stabbilita f’La Coruña (Spanja), irrappreżentata minn J. Monrabà Bagan, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn W. Mölls u C. Ehrbar, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas‑7 ta’ Ġunju 2018 li tirrifjuta, parzjalment jew totalment, li tagħti lir-rikorrenti l-aċċess għal dokumenti b’rabta mal-opinjoni tal-Kummissjoni mibgħuta lir-Repubblika Franċiża dwar il-validità tal-kuntratt tal-linji tal-metro sal‑2039,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta, matul id-deliberazzjonijiet, minn S. Frimodt Nielsen, President, V. Kreuschitz (Relatur) u N. Półtorak, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fid‑19 ta’ Diċembru 2017, ir-rikorrenti, Compañía de Tranvías de la Coruña, SA, talbet l-aċċess għal diversi dokumenti tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) għall-Mobilità u Trasport tal-Kummissjoni Ewropea skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).

2        Fit-talba għal aċċess, ir-rikorrenti invokat id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 (ĠU 2007, L 315, p. 1), kif ukoll tal-Liġi Franċiża Nru 2009-1503 tat‑8 ta’ Diċembru 2009 dwar l-organizzazzjoni u r-regolamentazzjoni tat-trasport ferrovjarju u li tikkonċerna diversi dispożizzjonijiet dwar it-trasport (JORF tad‑9 ta’ Diċembru 2009, p. 21226). Barra minn hekk, hija spjegat li kellha għarfien tal-fatt li l-Kummissjoni kienet bagħtet lir-Repubblika Franċiża l-opinjoni tagħha dwar il-validità tal-kuntratt tal-linji tal-metro sal‑2039. F’dan il-kuntest, hija talbet l-aċċess għad-dokumenti eżistenti kollha marbuta ma’ din il-kwistjoni, fosthom kull korrispondenza interna, u għad-dokumenti kollha marbuta ma’ din il-kwistjoni, irrispettivament minn jekk kinux skambjati jew le mas-Société nationale des chemins de fer français (il-Kumpannija Nazzjonali Franċiża għall-Ferroviji (SNCF)), ir-Régie autonome des transports parisiens (il-Kumpannija Awtonoma tat-Trasport ta’ Pariġi (RATP)) jew ir-rappreżentanti jew il-persuni responsabbli tal-Gvern Franċiż, l-opinjonijiet tal-Kummissjoni, il-minuti tal-laqgħa jew kwalunkwe dokument ieħor ta’ kwalunkwe natura dwar din il-kwistjoni.

3        Permezz ta’ ittra tal‑5 ta’ Marzu 2018, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ għall-Mobilità u Trasport informa lir-rikorrenti li 27 dokument setgħu jkunu koperti mit-talba għal aċċess u li, wara eżami tad-dokumenti, huwa kien iddeċieda, abbażi tal-Artikolu 4(1)(b) u t-tieni inċiż tal-paragrafu 2 tar-Regolament Nru 1049/2001, li jagħti aċċess parzjali għal 13 minn dawn is‑27 dokument u li jirrifjuta l-iżvelar tal-14 l-oħrajn. Fl-anness għall-ittra tagħha, il-Kummissjoni għamlet lista tal-imsemmija 27 dokument kif ukoll id-dokumenti li kien ingħata aċċess parzjali għalihom.

4        Fid‑19 ta’ Marzu 2018, ir-rikorrenti ppreżentat lill-Kummissjoni talba konfermattiva skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1049/2001, billi stidnitha teżamina mill-ġdid il-pożizzjoni espressa fl-ittra tal‑5 ta’ Marzu 2018. Fil-kuntest ta’ din it-talba, hija kkontestat ir-rifjut totali u parzjali li jiġu żvelati d-dokumenti inkwistjoni sa fejn dan kien iġġustifikat bil-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji konformement mat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

5        Permezz ta’ deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni tas‑7 ta’ Ġunju 2018, adottata f’isem il-Kummissjoni skont l-Artikolu 4 tar-Regoli ta’ Implimentazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 (C(2018) 3780 final), ingħatat tweġiba għat-talba konfermattiva (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

6        Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-ewwel nett, ikkonfermat ir-rifjut li tiżvela għaxra mid-dokumenti tagħha u erba’ dokumenti li joriġinaw mir-Repubblika Franċiża, it-tieni nett, ikkonfermat l-aċċess parzjali għal għaxra mid-dokumenti tagħha u, it-tielet nett, irrifjutat totalment l-aċċess għal tliet dokumenti li joriġinaw mir-RATP li kien ġie parzjalment awtorizzat l-iżvelar tagħhom. Hija mmotivat din id-deċiżjoni abbażi tal-ħtieġa li jiġu protetti proċeduri ġudizzjarji pendenti fil-kawżi li taw lok, sadanittant, għas-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2019, Mobit u Autolinee Toscane (C‑350/17 u C‑351/17, EU:C:2019:237), kif ukoll, għat-tliet dokumenti tal-aħħar, għad-digriet tat‑12 ta’ Lulju 2018, RATP vs Il‑Kummissjoni (T‑250/18 R, mhux ippubblikat, EU:T:2018:458), u għad-digriet tat‑12 ta’ Settembru 2019, RATP vs Il‑Kummissjoni (T‑250/18, mhux ippubblikat, EU:T:2019:615). Essenzjalment, hija qieset li l-kontenut tas-siltiet mhux żvelati fl-imsemmija dokumenti kien marbut mill-qrib mal-kwistjonijiet legali mqajma fil-proċeduri ġudizzjarji inkwistjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni eżaminat jekk kienx possibbli li jingħata aċċess parzjali għad-dokumenti mitluba jew jekk interess pubbliku superjuri setax jiġġustifika l-iżvelar tagħhom u kkonkludiet dan l-eżami billi kkonfermat ir-rifjut tagħha, parzjali jew totali, li tagħti aċċess għad-dokumenti inkwistjoni.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

7        Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑9 ta’ Awwissu 2018, ir-rikorrenti ppreżentat ir-rikors odjern.

8        Ir-rikorrenti titlob, formalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

9        Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

10      Skont l-Artikolu 91(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti Ġenerali, permezz ta’ digriet tat‑3 ta’ Mejju 2019, talbet lill-Kummissjoni tipproduċi d-dokumenti kollha li fid-deċiżjoni kkontestata kien ġie rrifjutat, parzjalment jew totalment, l-aċċess għalihom. Il-Kummissjoni pproduċiet l-imsemmija dokumenti fit-termini mogħtija.

11      Barra minn hekk, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet jipprovdu ċerti dokumenti u għamlet lill-partijiet ċerti mistoqsijiet bil-miktub. Il-partijiet ippreżentaw dawn id-dokumenti u wieġbu għall-mistoqsijiet fit-termini mogħtija.

12      Ebda waħda mill-partijiet ma ppreżentat talba għal smigħ waqt seduta skont l-Artikolu 106 tar-Regoli tal-Proċedura. Il-Qorti Ġenerali (it-Tielet Awla) iddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tal-imsemmija regoli, li taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura.

 Id-dritt

 Osservazzjonijiet preliminari

13      Wara l-espożizzjoni ta’ kull wieħed mill-motivi, ir-rikorrenti titlob ukoll lill-Qorti Ġenerali li tordna lill-Kummissjoni tikkomunikalha d-dokumenti li d-deċiżjoni kkontestata totalment jew parzjalment irrifjutat l-aċċess għalihom.

14      Dawn it-talbiet għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma tistax tindirizza ordni lill-istituzzjonijiet jew tissostitwixxihom fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE. Din il-limitazzjoni tal-istħarriġ tal-legalità hija applikabbli fil-kontenzjuż kollu li l-Qorti Ġenerali tista’ tieħu konjizzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑3 ta’ Ġunju 2010, Z vs Il‑Kummissjoni, T‑173/09, mhux ippubblikat, EU:T:2010:221, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2018, Pint vs Il‑Kummissjoni, T‑634/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:662, punt 19).

 Fuq l-ewwel motiv

 Fuq il-portata tal-ewwel motiv

15      Ir-rikorrenti tqis li r-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti li hija kienet talbet f’dan il-każ ma setax jiġi ġġustifikat abbażi tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Skont hi, l-għan prinċipali tat-talba għal aċċess kien li jiġi ddeterminat id-dies a quo applikat mill-Kummissjoni għall-kuntratti għal servizzi pubbliċi attribwiti konformement mad-dritt tal-Unjoni Ewropea u mad-dritt nazzjonali meta dawn kienu jaqgħu taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 8(3)(b) tar-Regolament Nru 1370/2007. Ir-rikorrenti tqis li ebda waħda mid-domandi preliminari mqajma fil-kawżi li taw lok, sadanittant, għas-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2019, Mobit u Autolinee Toscane (C‑350/17 u C‑351/17, EU:C:2019:237), ma talbet espressament lill-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpreta jew tiddetermina d-dies a quo għall-kuntratti għal servizzi pubbliċi attribwiti konformement mad-dritt tal-Unjoni u mad-dritt nazzjonali u li jaqgħu taħt l-imsemmija eċċezzjoni. Hija ma ssib l-ebda rabta diretta, meħtieġa għall-applikazzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, bejn l-imsemmija kawżi u l-informazzjoni li hija kienet talbet inizjalment. Barra minn hekk, il-Kummissjoni naqset milli teżamina b’mod konkret u individwali l-kontenut tad-dokumenti li kien intalab l-aċċess għalihom.

16      Ir-rikorrenti tiddeduċi minn dan li d-deċiżjoni kkontestata ma tagħtix motivazzjoni suffiċjenti sabiex torbot it-talba għal aċċess mal-kawżi li taw lok, sadanittant, għas-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2019, Mobit u Autolinee Toscane (C‑350/17 u C‑351/17, EU:C:2019:237), u tiġġustifika l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. B’mod partikolari, hija tqis li, fl-interpretazzjoni li għandha tingħata dwar jekk istituzzjoni tatx spjegazzjoni adegwata għad-deċiżjoni tagħha, ir-riskju li tiġi ppreġudikata proċedura ġudizzjarja għandu jkun raġonevolment prevedibbli, u mhux purament ipotetiku. Għal dan l-għan, il-konklużjonijiet għandhom jiġu sostnuti b’punti ddettaljati, fid-dawl tal-kontenut konkret tar-rapport, li jippermetti li r-raġunijiet li għalihom l-iżvelar tagħhom seta’ jippreġudika serjament il-proċess deċiżjonali jkunu jinftiehmu. Barra minn hekk, il-motivazzjoni ta’ att ma għandhiex tkun ġenerali u astratta. Issa, skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi ebda raġunament iddettaljat sabiex jiġġustifika r-rifjut parzjali jew totali li jingħata l-aċċess għad-dokumenti mitluba.

17      Il-Kummissjoni tqis, essenzjalment, li n-nuqqas ta’ żvelar tad-dokumenti inkwistjoni kollha jew parti minnhom kien iġġustifikat bl-eżistenza ta’ rabta suffiċjenti bejn dawn id-dokumenti u l-kwistjonijiet legali mqajma quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi li taw lok, sadanittant, għas-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2019, Mobit u Autolinee Toscane (C‑350/17 u C‑351/17, EU:C:2019:237), u li d-deċiżjoni kkontestata kienet debitament immotivata.

18      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, minkejja li, fir-rikors, l-ewwel motiv huwa formalment ibbażat fuq “ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali”, ċerti argumenti mqajma insostenn ta’ dan il-motiv jirrigwardaw l-obbligu ta’ motivazzjoni u oħrajn il-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni.

19      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u fl-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, skont liema kull att legali adottat mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandu jkun immotivat. Dan l-obbligu jimplika li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom juru b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-awtur tal-att b’mod li jippermettu, minn naħa, lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenzi tat‑2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 63, u tal‑4 ta’ Ġunju 2013, ZZ, C‑300/11, EU:C:2013:363, punt 53; ara, ukoll, is-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2013, Il‑Kummissjoni vs Edison, C‑446/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:798, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20      Għaldaqstant, fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001, ġie deċiż li      l-obbligu għall-istituzzjoni li timmotiva d-deċiżjoni tagħha li tirrifjuta l-aċċess għal dokument għandu l-għan, minn naħa, li jipprovdi lill-parti kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew jekk hijiex, eventwalment, ivvizzjata b’difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-validita tagħha u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lill-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità tad-deċiżjoni. Il-portata ta’ dan l-obbligu tiddependi min-natura tal-att inkwistjoni u mill-kuntest li fih ikun ġie adottat (ara s-sentenza tal‑25 ta’ April 2007, WWF European Policy Programme vs Il‑Kunsill, T‑264/04, EU:T:2007:114, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      Fid-dawl tal-kontenut tiegħu u tal-funzjoni tiegħu fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, l-obbligu ta’ motivazzjoni ġie kklassifikat bħala formalità essenzjali li tista’, jew saħansitra għandha, titqajjem ex officio mill-qorti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2009, VIP Car Solutions vs Il‑Parlament, T‑89/07, EU:T:2009:163, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata) u li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, li taqa’ taħt il-legalità fil-mertu tal-att kontenzjuż (sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2013, Il‑Kummissjoni vs Edison, C‑446/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:798, punt 20; ara, ukoll, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2015, Total vs Il‑Kummissjoni, C‑597/13 P, EU:C:2015:613, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      Għaldaqstant, f’dan il-każ, għandhom jiġu evalwati, minn naħa, l-argumenti mqajma insostenn tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u, min-naħa l-oħra, dawk imqajma insostenn tal-ilment ibbażat fuq ksur tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

 Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

23      F’dak li jirrigwarda l‑20 dokument li joriġinaw tal-Kummissjoni, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-aċċess għalihom ġie parzjalment jew totalment irrifjutat. Il-Kummissjoni mmotivat it-teħid ta’ dawn id-deċiżjonijiet billi indikat li l-imsemmija dokumenti kienu jirrigwardaw il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Franċiża mar-Regolament Nru 1370/2007 u kienu jinkludu skambji bejnha, ir-RATP u l-awtoritajiet Franċiżi kif ukoll skambji bejn id-diversi servizzi tagħha, fosthom is-servizz legali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat li waħda mid-domandi preliminari magħmula mill-Kunsill tal-Istat Taljan lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi li taw lok, sadanittant, għas-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2019, Mobit u Autolinee Toscane (C‑350/17 u C‑351/17, EU:C:2019:237), kienet tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament li kien inkwistjoni fl-imsemmija evalwazzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Franċiża. Hija kkonkludiet minn dan li l-informazzjoni inkluża fid-dokumenti mitluba rrigwardat direttament id-domandi preliminari sottomessi mill-Kunsill tal-Istat Taljan li jistgħu jiġu analizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja. Skont hi, l-iżvelar tal-verżjonijiet sħaħ tad-dokumenti mitluba kien jaffettwa għaldaqstant il-protezzjoni ta’ dawn il-proċeduri ġudizzjarji pendenti fil-kawżi li taw lok, sadanittant, għas-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2019, Mobit u Autolinee Toscane (C‑350/17 u C‑351/17, EU:C:2019:237). Il-Kummissjoni ppreċiżat ukoll fl-imsemmija deċiżjoni li żvelar tad-dokumenti mitluba kien jaffettwa serjament il-pożizzjoni tagħha kif ukoll dik tal-awtoritajiet Franċiżi u tar-RATP fl-imsemmija kawżi, li kienu pendenti, għaliex dawn id-dokumenti kienu jinkludu deliberazzjonijiet interni u argumenti li jistgħu jintużaw b’mod li jkun ta’ żvantaġġ għall-partijiet fil-proċeduri pendenti.

24      F’dak li jirrigwarda l-erba’ dokumenti li joriġinaw mill-awtoritajiet Franċiżi, il-Kummissjoni qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li dawn l-awtoritajiet kienu taw raġunijiet xierqa sabiex jirrifjutaw l-aċċess għalihom skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Hija indikat li l-imsemmija awtoritajiet kienu qiesu li d-dokumenti mitluba kienu marbuta mill-qrib mal-kwistjonijiet legali mqajma mill-Kunsill tal-Istat Taljan fil-proċeduri ġudizzjarji pendenti fil-kawżi li taw lok, sadanittant, għas-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2019, Mobit u Autolinee Toscane (C‑350/17 u C‑351/17, EU:C:2019:237), u li, prima facie, dawn l-argumenti kienu jiġġustifikaw l-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni. Il-Kummissjoni għaldaqstanti ddeċidiet li ma tiżvelahomx skont din id-dispożizzjoni.

25      F’dak li jirrigwarda t-tliet dokumenti tar-RATP, il-Kummissjoni indikat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-iżvelar parzjali ta’ dawn id-dokumenti deċiż wara talba għal aċċess oħra kien is-suġġett ta’ kontestazzjoni quddiem il-qrati tal-Unjoni mir-RATP (ara l-kawżi li taw lok, sadanittant, għad-digriet tat‑12 ta’ Lulju 2018, RATP vs Il‑Kummissjoni (T‑250/18 R, mhux ippubblikat, EU:T:2018:458), u għad-digriet tat‑12 ta’ Settembru 2019, RATP vs Il‑Kummissjoni (T‑250/18, mhux ippubblikat, EU:T:2019:615)), b’tali mod li hija ma setgħetx tagħti aċċess għal dawn id-dokumenti skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 minħabba mhux biss tal-kawżi li taw lok, sadanittant, għas-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2019, Mobit u Autolinee Toscane (C‑350/17 u C‑351/17, EU:C:2019:237), li kienu pendenti, iżda wkoll għall-kawża li tat lok għad-digriet tat‑12 ta’ Settembru 2019, RATP vs Il-Kummissjoni (T‑250/18, mhux ippubblikat, EU:T:2019:615), li kienet pendenti.

26      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni rrifjutat aċċess parzjali għad-dokumenti mitluba għar-raġuni li ma kienx possibbli li jingħata tali aċċess mingħajr ma ssir ħsara lill-interessi inkwistjoni. Hija qieset ukoll li ma kienx hemm interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti. B’mod partikolari, hija qieset li, anki jekk seta’ jkun hemm ċertu interess pubbliku wara l-kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1370/2007, ma kienx hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-interess partikolari tal-applikant fil-kuntest ta’ talba għal aċċess skont ir-Regolament Nru 1049/2001. Konsegwentement, hija qieset li, f’dan il-każ, ma kienx hemm interess pubbliku superjuri li seta’ jipprevali fuq l-interess li jiġu protetti l-proċeduri ġudizzjarji pendenti kopert mit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament tal-aħħar.

27      Fid-dawl tal-konstatazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni pprovdiet lir-rikorrenti b’indikazzjoni suffiċjenti sabiex din tkun tista’ tkun taf jekk id-deċiżjoni kinitx fondata sew jew jekk kinitx ivvizzjata bi żball li jippermetti li tiġi kkontestata l-validità tagħha. Barra minn hekk, abbażi ta’ dawn il-motivi, ir-rikorrenti setgħet tikkontesta, fil-kawża odjerna, kemm l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni skont liema kien hemm rabta diretta bejn il-kawżi li taw lok, sadanittant, għas-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2019, Mobit u Autolinee Toscane (C‑350/17 u C‑351/17, EU:C:2019:237), u l-informazzjoni mitluba mir-rikorrenti kif ukoll dik skont liema l-interess pubbliku superjuri kien debitament ittieħed inkunsiderazzjoni fil-każ.

28      Barra minn hekk, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tippermetti lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tal-legalità tagħha fuq l-imsemmija deċiżjoni.

29      Konsegwentement, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

–       Fuq id-dritt ta’ aċċess inġenerali

30      Ir-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż, bħalma jindikaw il-premessa 4 u l-Artikolu 1 tiegħu, li jagħti lill-pubbliku dritt ta’ aċċess l-iktar wiesa’ possibbli għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet. Dan id-dritt huwa suġġett għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat. B’dan il-mod, dan ir-regolament jipprevedi, fl-Artikolu 4 tiegħu, sistema ta’ eċċezzjonijiet li jawtorizzaw lill-istituzzjonijiet jirrifjutaw l-aċċess għal dokument fil-każ li l-iżvelar ta’ dan tal-aħħar jippreġudika wieħed mill-interessi protetti minn dan l-artikolu.

31      Peress li tali eċċezzjonijiet jidderogaw mill-prinċipju tal-aċċess pubbliku l-iktar wiesa’ possibbli għad-dokumenti, dawn għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2013, Il‑Kunsill vs Access Info Europe, C‑280/11 P, EU:C:2013:671, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑15 ta’ Settembru 2016, Philip Morris vs Il‑Kummissjoni, T‑18/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:487, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Barra minn hekk, is-sempliċi ċirkustanza li dokument jikkonċerna interess protett minn eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 ma hijiex suffiċjenti sabiex tiġi ġġustifikata l-applikazzjoni ta’ din tal-aħħar (sentenzi tat‑3 ta’ Lulju 2014, Il‑Kunsill vs in’t Veld, C‑350/12 P, EU:C:2014:2039, punt 51, u tal‑15 ta’ Settembru 2016, Philip Morris vs Il‑Kummissjoni, T‑18/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:487, punt 34).

33      Fil-fatt, minn naħa, meta l-istituzzjoni kkonċernata tiddeċiedi li tirrifjuta l-aċċess għal dokument li tkun intalbitilha l-komunikazzjoni tiegħu, din l-istituzzjoni għandha, bħala prinċipju, l-obbligu li tipprovdi spjegazzjonijiet dwar kif l-aċċess għal dan id-dokument jista’ jippreġudika konkretament u effettivament l-interess protett mill-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 li hija tinvoka. Barra minn hekk, ir-riskju ta’ tali preġudizzju għandu jkun raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku (ara s-sentenzi tat‑3 ta’ Lulju 2014, Il‑Kunsill vs in’t Veld, C‑350/12 P, EU:C:2014:2039, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑15 ta’ Settembru 2016, Philip Morris vs Il‑Kummissjoni, T‑18/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:487, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Min-naħa l-oħra, meta istituzzjoni tapplika waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, hija għandha l-obbligu li tibbilanċja l-interess speċifiku li għandu jiġi protett min-nuqqas ta’ żvelar tad-dokument ikkonċernat u, b’mod partikolari, l-interess ġenerali li dan id-dokument isir aċċessibbli, fid-dawl tal-vantaġġi li jirriżultaw, kif tosserva l-premessa 2 tar-Regolament Nru 1049/2001, minn trasparenza ikbar, jiġifieri parteċipazzjoni aħjar miċ-ċittadini fil-proċess deċiżjonali kif ukoll iktar leġittimità, effikaċja u responsabbiltà mill-amministrazzjoni fil-konfront taċ-ċittadini f’sistema demokratika (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, Philip Morris vs Il‑Kummissjoni, T‑18/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:487, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-attività ġudizzjarja u l-attività amministrattiva ma jeżiġux l-istess portata tal-aċċess għad-dokumenti bħal dik meħtieġa mill-attività leġiżlattiva ta’ istituzzjoni tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C‑139/07 P, EU:C:2010:376, punt 60, u tal‑21 ta’ Settembru 2010, L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punt 77).

36      Fl-aħħar nett, il-fondatezza tal-applikazzjoni ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-fatti li kienu jeżistu fid-data li fiha ġiet adottata d-deċiżjoni li tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti abbażi ta’ din l-eċċezzjoni. Fil-fatt, il-legalità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata skont il-punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti meta ġie adottat l-att (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, C‑562/14 P, EU:C:2017:356, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

–       Fuq it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

37      Skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw l-aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jippreġudika l-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji, sakemm interess pubbliku superjuri ma jiġġustifikax l-iżvelar tad-dokument inkwistjoni.

38      Il-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji timplika b’mod partikolari li għandhom jiġu żgurati kemm l-osservanza tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet kif ukoll l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u l-integrità tal-proċedura ġudizzjarja.

39      Minn naħa, fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju tal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet, għandu jiġi osservat li, jekk il-kontenut tad-dokumenti li jesponu l-pożizzjoni ta’ istituzzjoni f’tilwima kellu jkun is-suġġett ta’ dibattitu pubbliku, ikun hemm riskju illi l-kritika kontrihom tinfluwenza indebitament il-pożizzjoni difiża mill-istituzzjoni quddiem il-qrati inkwistjoni. Barra minn hekk, l-aċċess għad-dokumenti relatati mal-pożizzjoni ta’ istituzzjoni fi proċedura ġudizzjarja pendenti minn parti oħra tista’ tikkawża distorsjoni fl-ekwilibriju indispensabbli bejn il-partijiet f’tilwima, ekwilibriju illi huwa l-bażi tal-prinċipju tal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet, peress illi hija biss l-istituzzjoni kkonċernata minn talba għal aċċess għal dokumenti, u mhux il-partijiet kollha fil-proċedura, li hija suġġetta għall-obbligu ta’ żvelar. L-osservanza tal-prinċipju tal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet huwa madankollu indispensabbli peress li huwa korollarju tal-kunċett innifsu ta’ smigħ xieraq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 2010, L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punti 86 u 87 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑28 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, C‑404/10 P, EU:C:2012:393, punt 132).

40      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u tal-integrità tal-proċedura ġudizzjarja, għandu jitfakkar li l-esklużjoni tal-attività ġudizzjarja mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti hija ġġustifikata mill-ħtieġa li jiġi żgurat, matul il-proċedura ġudizzjarja kollha, li d-dibattiti bejn il-partijiet kif ukoll id-deliberazzjoni tal-qorti kkonċernata dwar il-kawża inkwistjoni jipproċedu b’serenità, mingħajr pressjoni esterna fuq l-attività ġudizzjarja. Issa, l-iżvelar tad-dokumenti li jesponu l-pożizzjoni difiża minn istituzzjoni fi proċedura ġudizzjarja pendenti jippermetti li ssir, jekk biss fil-perċezzjoni tal-pubbliku, pressjoni esterna fuq l-attività ġudizzjarja u li tiġi ppreġudikata s-serenità tad-dibattiti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2010, L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punti 92, 93 u 130).

41      B’dan il-mod, skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-interess pubbliku jipprekludi l-iżvelar tal-kontenut tad-dokumenti redatti għall-finijiet biss ta’ proċedura ġudizzjarja partikolari. Dawn id-dokumenti jinkludu n-noti jew atti ppreżentati matul proċedura ġudizzjarja, id-dokumenti interni dwar is-smigħ ta’ kawża pendenti, il-komunikazzjonijiet dwar il-kawża bejn id-direttorat ġenerali kkonċernat u s-servizz legali jew ditta legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, Philip Morris vs Il‑Kummissjoni, T‑18/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:487, punti 51 u 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      It-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprekludi wkoll l-iżvelar tad-dokumenti li ma jkunux ġew redatti għall-ħtiġijiet biss ta’ tilwima partikolari, iżda li l-iżvelar tagħhom jista’ jikkomprometti, fil-kuntest ta’ tilwima partikolari, il-prinċipju tal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet. Madankollu, sabiex din l-eċċezzjoni tkun tista’ tapplika, id-dokumenti mitluba, meta tittieħed id-deċiżjoni li tirrifjuta l-aċċess għalihom, għandu jkollhom rabta rilevanti jew ma’ proċedura ġudizzjarja pendenti quddiem il-qorti tal-Unjoni u li l-istituzzjoni kkonċernata tinvoka l-eċċezzjoni għaliha, jew ma’ proċedura pendenti quddiem qorti nazzjonali, sakemm din tqajjem kwistjoni ta’ interpretazzjoni jew ta’ validità ta’ att ta’ dritt tal-Unjoni b’tali mod li, fid-dawl tal-kuntest tal-kawża, rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun jidher partikolarment plawżibbli. F’dawn iż-żewġ każijiet, minkejja li l-imsemmija dokumenti ma jkunux ġew imfassla fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja partikolari, l-integrità tal-proċedura ġudizzjarja kkonċernata u l-prinċipju tal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet jistgħu jiġu ppreġudikati serjament jekk partijiet jibbenefikaw minn aċċess privileġġat għal informazzjoni interna tal-parti l-oħra li jkollha rabta mill-qrib mal-aspetti legali ta’ tilwima pendenti jew potenzjali, iżda imminenti (sentenzi tal‑15 ta’ Settembru 2016, Philip Morris vs Il‑Kummissjoni, T‑796/14, EU:T:2016:483, punti 88 sa 90, u tal‑15 ta’ Settembru 2016, Philip Morris vs Il‑Kummissjoni, T‑18/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:487, punti 64 u 65).

43      Fl-aħħar nett, l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 tipprekludi l-iżvelar tad-dokumenti biss sakemm ir-riskju ta’ preġudizzju għal proċedura ġudizzjarja ikun għadu jeżisti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2010, L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punti 130 sa 135) u hija għalhekk limitata ratione temporis.

–       Fuq il-portata tad-deċiżjoni kkontestata

44      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrifjutat totalment jew parzjalment l-aċċess għal 27 dokument mitluba għar-raġuni li l-iżvelar tagħhom kien jaffettwa l-proċedura ġudizzjarja pendenti fil-kawżi li taw lok, sadanittant, għas-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2019, Mobit u Autolinee Toscane (C‑350/17 u C‑351/17, EU:C:2019:237), kif ukoll, għad-dokumenti li joriġinaw mir-RATP, il-proċedura ġudizzjarja pendenti fil-kawżi li taw lok, sadanittant, għad-digriet tat-12 ta’ Lulju 2018, RATP vs Il-Kummissjoni (T-250/18 R, mhux ippubblikat, EU:T:2018:458), u għad-digriet tat‑12 ta’ Settembru 2019, RATP vs Il‑Kummissjoni (T‑250/18, mhux ippubblikat, EU:T:2019:615). Hija tqis, essenzjalment, li d-dokumenti kollha li l-aċċess għalihom kien totalment jew parzjalment irrifjutat kienu jaqgħu taħt l-eċċezzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, għaliex dawn kienu marbuta mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1370/2007, li kien inkwistjoni fil-kawżi li taw lok, sadanittant, għas-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2019, Mobit u Autolinee Toscane (C‑350/17 u C‑351/17, EU:C:2019:237), li kienu pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

45      Ir-rikorrenti tikkontesta din l-evalwazzjoni. Hija tqis, essenzjalment, li ma hemmx rabta diretta bejn il-kawżi li taw lok, sadanittant, għas-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2019, Mobit u Autolinee Toscane (C‑350/17 u C‑351/17, EU:C:2019:237), u l-informazzjoni mitluba, b’tali mod li l-iżvelar tagħhom ma jistax jaffettwa l-proċedura ġudizzjarja pendenti fl-imsemmija kawżi. Ir-rikorrenti tallega b’mod partikolari li l-kwistjoni tad-dies a quo għall-kuntratti għal servizzi pubbliċi attribwiti skont l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 8(3)(b) tar-Regolament Nru 1370/2007 ma kellhiex rabta diretta mad-domandi preliminari magħmula mill-qorti Taljana fl-imsemmija kawżi.

46      Madankollu, ir-raba’ domanda preliminari magħmula mill-qorti Taljana lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi li taw lok, sadanittant, għas-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2019, Mobit u Autolinee Toscane (C‑350/17 u C‑351/17, EU:C:2019:237), hija fformulata kif ġej:

“Il-fatt li d-data oriġinali ta’ skadenza ta’ għoti dirett ta’ kuntratt tmur lil hinn mit-terminu ta’ tletin sena li jgħalaq fit-3 ta’ Diċembru 2039 (terminu li beda jiddekorri mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament [Nru 1370/2007]) għandu jitqies li xorta waħda jimplika li l-għoti ma huwiex konformi mal-prinċipji previsti fid-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikoli 5 u 8(3) tal-istess regolament, jew inkella li din l-irregolarità għandha titqies li tiġi awtomatikament sanata, għall-finijiet kollha tal-liġi, billi l-imsemmija skadenza titnaqqas impliċitament “ex lege” għal tali terminu ta’ tletin sena?”

47      B’dan il-mod, il-qorti Taljana tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-konsegwenzi legali tal-għoti ta’ kuntratt kopert mid-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikolu 5 u tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1370/2007 għal perijodu ta’ iktar minn 30 sena li jiskadi fit‑3 ta’ Diċembru 2039. Billi għamlet din id-domanda, hija telqet mill-preżunzjoni li t-terminu ta’ 30 sena msemmi mill-Artikolu 8(3) tal-imsemmi regolament jibda jiddekorri mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament. Din il-preżunzjoni madankollu ma torbotx lill-Qorti tal-Ġustizzja. Dan huwa wkoll il-każ għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawżi magħquda Mobit u Autolinee Toscane (C‑350/17 u C‑351/17, EU:C:2018:869), li ġew adottati wara d-deċiżjoni kkontestata u għaldaqstant, bħalma jirriżulta mill-punt 36 iktar ’il fuq, ma humiex meħuda inkunsiderazzjoni f’dan il-każ.

48      Għaldaqstant, ir-rikorrenti tallega b’mod żbaljat li l-kwistjoni tad-dies a quo għall-kuntratti għal servizzi pubbliċi mogħtija skont l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 8(3)(b) tar-Regolament Nru 1370/2007 ma kellhiex rabta diretta mad-domandi preliminari magħmula mill-qorti Taljana fil-kawżi li taw lok, sadanittant, għas-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2019, Mobit u Autolinee Toscane (C‑350/17 u C‑351/17, EU:C:2019:237).

–       Fuq l-aċċess għad-dokumenti li joriġinaw mill-Kummissjoni

49      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, totalment irrifjutat l-aċċess għal għaxra mid-dokumenti tagħha għar-raġuni li l-iżvelar tagħhom kien jaffettwa l-pożizzjoni tal-partijiet u s-serenità tad-dibattiti fil-proċeduri ġudizzjarji inkwistjoni fil-kawżi li taw lok, sadanittant, għas-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2019, Mobit u Autolinee Toscane (C‑350/17 u C‑351/17, EU:C:2019:237).

50      L-għaxar dokumenti inkwistjoni jinkludu nota interna tad-DĠ għall-Mobilità u Trasport tal‑24 ta’ Novembru 2014, tliet noti tal-imsemmi DĠ tal‑15 ta’ Lulju 2011, is‑6 ta’ Frar 2012 u t‑28 ta’ Ottubru 2014 indirizzati lis-servizz legali tal-Kummissjoni, tliet noti ta’ dan id-DĠ tat‑30 ta’ April 2012, il‑25 ta’ Mejju 2012 u d‑9 ta’ April 2014 indirizzati lill-kabinett tal-Viċi-President tal-Kummissjoni S. Kallas kif ukoll tliet noti tas-servizz legali tal-Kummissjoni tal‑25 ta’ Lulju 2011, l‑24 ta’ April 2012 u l‑1 ta’ Diċembru 2014 indirizzati lill-istess DĠ.

51      In-noti tas-servizz legali lid-DĠ għall-Mobilità u Trasport kif ukoll in-noti tal-imsemmi DĠ lis-servizz legali tal-Kummissjoni msemmija fil-punt 50 iktar ’il fuq irrigwardaw biss il-kwistjoni tal-interpretazzjoni u tal-applikazzjoni għall-kuntratt tar-RATP tal-eċċezzjoni prevista mill-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1370/2007 wara l-adozzjoni tal-Liġi dwar l-organizzazzjoni u r-regolamentazzjoni tat-trasport ferrovjarju u li tikkonċerna diversi dispożizzjonijiet dwar it-trasport. Fir-rigward tan-noti ta’ dan id-DĠ lill-kabinett tal-Viċi-President tal-Kummissjoni S. Kallas imsemmija fil-punt 50 iktar ’il fuq, dawn jirrigwardaw is-segwitu wara l-interpretazzjoni magħmula mill-Kummissjoni tal-imsemmi regolament, bħan-nota interna tal-istess DĠ tal‑24 ta’ Novembru 2014.

52      L-għaxar dokumenti inkwistjoni huma dokumenti interni tal-Kummissjoni li rrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1370/2007 u l-konsegwenzi legali ta’ din l-interpretazzjoni. L-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti lir-rikorrenti minkejja li l-kawżi li taw lok, sadanittant, għas-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2019, Mobit u Autolinee Toscane (C‑350/17 u C‑351/17, EU:C:2019:237), kienu pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, seta’ jaffettwa kemm l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u l-integrità tal-proċedura ġudizzjarja kif ukoll il-prinċipju tal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet bejn il-Kummissjoni u l-partijiet l-oħrajn għal dawn il-kawżi.

53      Fil-fatt, minn naħa, l-iżvelar tal-għaxar dokumenti inkwistjoni lir-rikorrenti meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata kien ikollu l-konsegwenza li jippermetti li ssir, jekk biss fil-perċezzjoni tal-pubbliku, pressjoni esterna fuq l-attività ġudizzjarja u li tiġi ppreġudikata s-serenità tad-dibattiti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2010, L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, C‑514/07 P, C-528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punt 93).

54      Min-naħa l-oħra, l-iżvelar tal-għaxar dokumenti inkwistjoni seta’ jwassal għal dibattitu pubbliku fuq l-interpretazzjoni ta      l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1370/2007. F’tali sitwazzjoni, il-kritika eventwalment imqajma kontra l-Kummissjoni setgħet tinfluwenza l-pożizzjoni difiża minnha fil-kawżi li taw lok, sadanittant, għas-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2019, Mobit u Autolinee Toscane (C‑350/17 u C‑351/17, EU:C:2019:237), u, għaldaqstant, tippreġudika l-prinċipju tal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2010, L‑Isvejza et vs API u Il‑Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punt 86). Fil-fatt, fl-ipoteżi li l-Kummissjoni kien ikollha tiżvela dawn id-dokumenti interni, hija kienet tkun l-unika parti fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari fl-imsemmija kawżi li jkollha tagħmel dan u potenzjalment setgħet tqis li għandha tieħu inkunsiderazzjoni tal-pożizzjonijiet interni meħuda mis-servizzi tagħha fl-osservazzjonijiet tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li l-partijiet l-oħrajn kienu jkunu jistgħu jiddefendu l-interessi tagħhom indipendentement minn kwalunkwe influwenza esterna, li setgħet tikkawża distorsjoni fl-ekwilibriju indispensabbli bejn il-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilit mill-prinċipju tal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 2010, L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punt 87, u tal‑15 ta’ Settembru 2016, Philip Morris vs Il‑Kummissjoni, T‑796/14, EU:T:2016:483, punti 97 u 98).

55      Dawn l-evalwazzjonijiet ma humiex ikkontestati miċ-ċirkustanza li l-proċedura ġudizzjarja inkwistjoni li tat lok, sadanittant, għas-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2019, Mobit u Autolinee Toscane (C‑350/17 u C‑351/17, EU:C:2019:237), kienet proċedura għal deċiżjoni preliminari. Fil-fatt, il-kriterju ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u l-prinċipju tal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet, li għandu l-għan li jiżgura l-ekwilibriju proċedurali bejn il-partijiet fi proċedura ġudizzjarja, billi jiżgura l-ugwaljanza fid-drittijiet u l-obbligi ta’ dawn il-partijiet f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, ir-regoli li jirregolaw l-amministrazzjoni tal-provi u d-dibattitu kontradittorju quddiem il-qorti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, Ordre des barreaux francophones et germanophone et, C‑543/14, EU:C:2016:605, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata), japplikaw ukoll għall-proċeduri għal deċiżjoni preliminari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, Philip Morris vs Il‑Kummissjoni, T‑796/14, EU:T:2016:483, punt 97).

56      Iċ-ċirkustanza li r-rikorrenti ma intervjenietx fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari fil-kawża li tat lok, sadanittant, għas-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2019, Mobit u Autolinee Toscane (C‑350/17 u C‑351/17, EU:C:2019:237) lanqas ma tinvalida l-imsemmija evalwazzjonijiet. Fil-fatt, l-iżvelar tal-informazzjoni inkluża fl-għaxar dokumenti inkwistjoni lir-rikorrenti kien jippermettilha taqsamha ma’ terzi jew tagħtiha pubbliċità wiesgħa. F’tali ipoteżi, il-partijiet l-oħrajn fl-imsemmija proċedura kienu jkunu jistgħu jibbenefikaw fil-kuntest ta’ din il-proċedura fil-konfront tal-Kummissjoni.

57      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta qieset li l-iżvelar tal-għaxar dokumenti msemmija fil-punt 50 iktar ’il fuq seta’ jippreġudika l-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji.

58      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, parzjalment irrifjutat ukoll l-aċċess għal għaxra mid-dokumenti tagħha għar-raġuni li l-iżvelar tal-partijiet mgħottija ta’ dawn id-dokumenti kien jaffettwa l-pożizzjoni tal-partijiet u s-serenità tad-dibattiti fil-proċeduri ġudizzjarji pendenti fil-kawżi li taw lok, sadanittant, għas-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2019, Mobit u Autolinee Toscane (C‑350/17 u C‑351/17, EU:C:2019:237).

59      L-għaxar dokumenti inkwistjoni huma noti tad-DĠ għall-Mobilità u Trasport tas‑27 ta’ Lulju 2010, is‑27 ta’ Settembru 2010, is‑7 ta’ Settembru 2012 u d‑9 ta’ April 2013 indirizzati lis-servizz legali tal-Kummissjoni, lill-kabinett tal-Viċi-President tal-Kummissjoni S. Kallas u lir-RATP, nota tas-servizz legali tal‑11 ta’ Awwissu 2010 indirizzata lill-imsemmi DĠ, żewġ ittri tal-Kummissjoni tal‑25 u t‑28 ta’ Ottubru 2010 indirizzati lill-awtoritajiet Franċiżi, korrispondenza tal-imsemmi Viċi-President tal-Kummissjoni tas‑27 ta’ Lulju 2012 u l‑5 ta’ Ġunju 2013 lir-RATP, kif ukoll korrispondenza bejn dan id-DĠ u s-servizz legali tal-Kummissjoni tal‑24 ta’ Settembru 2012.

60      Fir-rigward, l-ewwel nett, tan-noti tad-DĠ għall-Mobilità u Trasport tas‑27 ta’ Lulju 2010, is‑27 ta’ Settembru 2010, is‑7 ta’ Settembru 2012 u d‑9 ta’ April 2013 indirizzati lis-servizz legali tal-Kummissjoni, lill-kabinett tal-Viċi-President tal-Kummissjoni S. Kallas u lir-RATP, tan-nota tas-servizz legali tal‑11 ta’ Awwissu 2010 indirizzata lill-awtoritajiet Franċiżi u tal-korrispondenza bejn dan id-DĠ u s-servizz legali tal-Kummissjoni tal‑24 ta’ Settembru 2012, għandu jiġi kkonstatat li l-partijiet ta’ dawn id-dokumenti li ma ġewx żvelati lir-rikorrenti rrigwardaw jew data personali li ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti li ma għandhiex tiġi żvelata, bħal firem, jew jesponu l-pożizzjoni tal-Kummissjoni, tar-Repubblika Franċiża jew tar-RATP fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1370/2007 u tal-osservanza ta’ din id-dispożizzjoni fl-għoti tad-drittijiet ta’ operat lir-RATP mir-Repubblika Franċiża.

61      F’dan ir-rigward, f’dak li jirrigwarda l-informazzjoni dwar l-interpretazzjoni magħmula mill-Kummissjoni tal-portata tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1370/2007 u tal-konsegwenzi li hija tislet minnha, fid-dawl tal-motivi esposti fil-punti 53 u 54 iktar ’il fuq, hija ġustament qieset li l-iżvelar tagħhom seta’ jagħmel, jekk biss fil-perċezzjoni tal-pubbliku, pressjoni esterna fuq l-attività ġudizzjarja u jippreġudika s-serenità tad-dibattiti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Dan l-iżvelar seta’ jwassal għal dibattitu pubbliku fuq l-interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni u l-kritika eventwalment imqajma kontra l-Kummissjoni setgħet tinfluwenza l-pożizzjoni difiża minnha fil-kawżi li taw lok, sadanittant, għas-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2019, Mobit u Autolinee Toscane (C‑350/17 u C‑351/17, EU:C:2019:237). Barra minn hekk, fl-ipoteżi li l-Kummissjoni kien ikollha tiżvela dawn id-dokumenti, hija kienet tkun l-unika parti fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari li jkollha tagħmel dan, li seta’ jikkawża distorsjoni fl-ekwilibriju indispensabbli bejn il-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilit mill-prinċipju tal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet.

62      Barra minn hekk, fir-rigward tan-nuqqas ta’ żvelar tal-interpretazzjoni magħmula mir-Repubblika Franċiża jew ir-RATP tal-portata tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1370/2007 fid-dokumenti msemmija fil-punt 60 iktar ’il fuq, għandu jiġi osservat li kemm ir-Repubblika Franċiża kif ukoll ir-RATP kienu partijiet fil-proċedura fil-kawżi li taw lok, sadanittant, għas-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2019, Mobit u Autolinee Toscane (C‑350/17 u C‑351/17, EU:C:2019:237).

63      Konsegwentement, l-iżvelar tal-interpretazzjoni magħmula mir-Repubblika Franċiża u r-RATP seta’ jikser il-prinċipju tal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet. Dawn il-partijiet setgħu jqisu ruħhom potenzjalment kostretti li jieħdu inkunsiderazzjoni tat-teħid ta’ pożizzjonijiet tagħhom quddiem il-Kummissjoni matul l-interventi tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi li taw lok, sadanittant, għas-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2019, Mobit u Autolinee Toscane (C‑350/17 u C‑351/17, EU:C:2019:237), minkejja li l-partijiet l-oħrajn quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn il-kawżi setgħu jiddefendu l-interessi tagħhom indipendentement minn kwalunkwe influwenza esterna.

64      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta qieset li l-iżvelar tad-dokumenti msemmija fil-punt 60 iktar ’il fuq seta’ jippreġudika l-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji.

65      Min-naħa l-oħra, fir-rigward, it-tieni nett, tas-siltiet imħassra fl-ittra tal-Kummissjoni tal‑25 ta’ Ottubru 2010 indirizzata lill-awtoritajiet Franċiżi u fl-ittri tal-Viċi-President tal-Kummissjoni S. Kallas tas‑27 ta’ Lulju 2012 u tal‑5 ta’ Ġunju 2013 indirizzati lir-RATP li ma rrigwardawx data personali, għandu jiġi kkonstatat li dawn ma jirrigwardawx direttament l-interpretazzjoni jew konsegwenzi legali tal-interpretazzjoni magħmula mill-Kummissjoni, ir-Repubblika Franċiża jew ir-RATP tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1370/2007. Dawn is-siltiet imħassra għaldaqstant ma humiex relatati direttament mal-kwistjonijiet li huma s-suġġett tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari fil-kawżi li taw lok, sadanittant, għas-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2019, Mobit u Autolinee Toscane (C‑350/17 u C‑351/17, EU:C:2019:237). Għaldaqstant, il-fatt li dawn ġew imħassra ma jistax jiġi ġġustifikat bl-applikazzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

66      Għaldaqstant, l-ilment odjern huwa fondat sa fejn dan jirrigwarda s-siltiet imħassra fid-dokumenti msemmija fil-punt 65 iktar ’il fuq li ma rrigwardawx data personali u, konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, sa fejn din irrifjutat parzjalment l-aċċess għalihom.

–       Fuq l-aċċess għad-dokumenti li joriġinaw mir-Repubblika Franċiża

67      Fir-rigward tan-nuqqas ta’ żvelar tad-dokumenti li joriġinaw mir-Repubblika Franċiża, qabel xejn, għandu jiġi osservat li d-dokumenti inkwistjoni huma ittra tas-segretarju tal-Istat Franċiż responsabbli mit-trasport tat‑3 ta’ Ġunju 2010 indirizzata lill-Viċi-President tal-Kummissjoni S. Kallas, nota tal-awtoritajiet Franċiżi tat‑23 ta’ Diċembru 2010 dwar l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1370/2007 bi tweġiba għal ittra tal-Kummissjoni tal‑25 ta’ Ottubru 2010, annessi għan-nota msemmija iktar ’il fuq u nota tal-awtoritajiet Franċiżi tas‑6 ta’ Jannar 2012 bi tweġiba għall-ittra tal-Kummissjoni tat‑28 ta’ Ottubru 2011.

68      Sussegwentement, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, Stat Membru jista’ jopponi li istituzzjoni tiżvela dokument li joriġina minnu biss jekk huwa jibbaża u jimmotiva l-oppożizzjoni tiegħu fuq l-eċċezzjonijiet sostantivi previsti fl-Artikolu 4(1) sa (3) tal-imsemmi regolament. B’dan il-mod, fil-kuntest tal-proċess tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ rifjut tal-aċċess, l-istituzzjoni għandha tiżgura ruħha bl-eżistenza ta’ tali motivazzjoni u tagħmel riferiment għaliha fid-deċiżjoni adottata fl-aħħar tal-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2007, L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, C‑64/05 P, EU:C:2007:802, punt 99; tal‑21 ta’ Ġunju 2012, IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds vs Il‑Kummissjoni, C‑135/11 P, EU:C:2012:376, punt 62, u tal‑5 ta’ April 2017, Franza vs Il‑Kummissjoni, T‑344/15, EU:T:2017:250, punt 41).

69      Ma hijiex ir-responsabbiltà tal-istituzzjoni adita li twettaq evalwazzjoni eżawrjenti tad-deċiżjoni ta’ oppożizzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, billi twettaq stħarriġ li jmur lil hinn mill-verifika tas-sempliċi eżistenza ta’ motivazzjoni li tagħmel riferiment għall-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001 (sentenzi tal‑21 ta’ Ġunju 2012, IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds vs Il‑Kummissjoni, C‑135/11 P, EU:C:2012:376, punt 63, u tal‑21 ta’ Novembru 2018, Stichting Greenpeace Nederland u PAN Europe vs Il‑Kummissjoni, T‑545/11 RENV, EU:T:2018:817, punt 44).

70      Madankollu, l-obbligu ta’ eżami diliġenti tal-istituzzjoni għandu jwassalha biex tivverifika jekk l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Istat Membru sabiex jopponi għall-iżvelar tad-dokumenti tiegħu jidhrulhiex prima facie fondati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ April 2017, Franza vs Il‑Kummissjoni, T‑344/15, EU:T:2017:250, punt 54, u tal‑21 ta’ Novembru 2018, Stichting Greenpeace Nederland u PAN Europe vs Il‑Kummissjoni, T‑545/11 RENV, EU:T:2018:817, punt 44). Hija r-responsabbiltà tal-istituzzjoni li tivverifika jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ u tar-regoli ta’ dritt applikabbli, il-motivi mressqa mill-Istat Membru insostenn tal-oppożizzjoni tiegħu kinux ta’ natura li jiġġustifikaw prima facie tali rifjut u, għaldaqstant, jekk dawn il-motivi kinux jippermettu lill-imsemmija istituzzjoni tassumi r-responsabbiltà li jagħtiha l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1049/2001. Għandha tiġi evitata l-adozzjoni mill-istituzzjoni ta’ deċiżjoni li hija ma kinitx tqis difendibbli minkejja li hija l-awtur tagħha u għalhekk responsabbli għal-legalità tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ April 2017, Franza vs Il‑Kummissjoni, T‑344/15, EU:T:2017:250, punti 46 u 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li, wara li kkonsultat l-awtoritajiet Franċiżi, dawn tennew l-oppożizzjoni tagħhom għall-iżvelar tad-dokumenti tagħhom għar-raġuni li dan l-iżvelar kien jikser it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Hija rrilevat li l-awtoritajiet Franċiżi kienu qiesu li l-kwistjonijiet imqajma f’dawn id-dokumenti kienu marbuta mill-qrib mal-kwistjonijiet legali mqajma mill-Kunsill tal-Istat Taljan fil-kawżi li taw lok, sadanittant, għas-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2019, Mobit u Autolinee Toscane (C‑350/17 u C‑351/17, EU:C:2019:237), li kienu pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Skont il-Kummissjoni, dawn l-awtoritajiet, b’mod partikolari, qiesu li d-dokumenti inkwistjoni kienu jinkludu l-interpretazzjoni tagħhom tal-prinċipji esposti fl-Artikolu 5 u l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1370/2007. Hija qieset li, prima facie, dawn l-argumenti kienu jiġġustifikaw l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni msemmija fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, kif invokata mill-awtoritajiet Franċiżi. Għaldaqstant, hija rrifjutat l-aċċess għall-imsemmija dokumenti.

72      B’dan il-mod, fir-rigward tad-dokumenti li joriġinaw mir-Repubblika Franċiża, il-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq l-invokazzjoni minnha ta’ eċċezzjoni prevista mill-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Barra minn hekk, il-motivi mqajma mir-Repubblika Franċiża setgħu prima facie jiġġustifikaw ir-rifjut. Fil-fatt, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ u, b’mod partikolari, tas-suġġetti koperti fid-dokumenti inkwistjoni, l-iżvelar tal-pożizzjoni tar-Repubblika Franċiża fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1370/2007 matul il-proċedura quddiem il-Kummissjoni seta’ jippreġudika l-prinċipju tal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi li taw lok, sadanittant, għas-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2019, Mobit u Autolinee Toscane (C‑350/17 u C‑351/17, EU:C:2019:237). Fil-fatt, li kieku l-informazzjoni inkluża fl-imsemmija dokumenti kienet saret pubblika mir-rikorrenti, din kienet potenzjalment tpoġġi lir-Repubblika Franċiża, li kienet parti fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari pendenti fl-imsemmija kawżi, f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ meta mqabbla mal-partijiet l-oħrajn fl-imsemmija proċedura. Billi jkunu jafu minn qabel il-pożizzjoni tar-Repubblika Franċiża, il-partijiet l-oħrajn kien jista’ jkollhom il-possibbiltà li jaġġustaw u jirfinaw l-argumenti tagħhom, li kien jagħti vantaġġ sistematiku favurihom.

73      Għaldaqstant, il-Kummissjoni setgħet ġustament tqis li l-ispjegazzjonijiet mogħtija mir-Repubblika Franċiża dwar l-iżvelar tad-dokumenti msemmija fil-punt 67 iktar ’il fuq kienu jidhrulha prima facie fondati.

–       Fuq l-aċċess għad-dokumenti li joriġinaw mir-RATP

74      Id-dokumenti li joriġinaw mir-RATP li ġie rrifjutat l-aċċess għalihom lir-rikorrenti huma tliet ittri tal-President-Direttur Ġenerali tar-RATP, l-ewwel waħda tat‑22 ta’ Mejju 2012 indirizzata lil direttur ġenerali tal-Kummissjoni u l-ann      essi tagħha, it-tieni waħda tal‑21 ta’ Mejju 2012 indirizzata lill-President tal-Kummissjoni, u t-tielet waħda tat‑28 ta’ Marzu 2013 indirizzata lill-Viċi-President tal-Kummissjoni S. Kallas. Kull waħda minn dawn l-ittri ttrattat il-kwistjoni tal-interpretazzjoni mill-Kummissjoni tal-portata tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1370/2007. Għall-istess raġunijiet bħal dawk imsemmija fil-punti 53, 54 u 61 iktar ’il fuq, l-iżvelar tagħhom seta’ jagħmel, jekk biss fil-perċezzjoni tal-pubbliku, pressjoni esterna fuq l-attività ġudizzjarja u jippreġudika s-serenità tad-dibattiti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll li jippreġudika l-prinċipju tal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet fil-kuntest tal-proċedura pendenti fil-kawżi li taw lok, sadanittant, għas-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2019, Mobit u Autolinee Toscane (C‑350/17 u C‑351/17, EU:C:2019:237), li għaliha pparteċipat ir-RATP.

75      Barra minn hekk, meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, kemm rikors għal annullament kif ukoll rikors għal miżuri provviżorji (kawżi li taw lok, sadanittant, għad-digriet tat‑12 ta’ Lulju 2018, RATP vs Il‑Kummissjoni (T‑250/18 R, mhux ippubblikat, EU:T:2018:458), u għad-digriet tat‑12 ta’ Settembru 2019, RATP vs Il‑Kummissjoni (T‑250/18, mhux ippubblikat, EU:T:2019:615)) kienu pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali, li permezz tagħhom ir-RATP opponiet għall-iżvelar parzjali tad-dokumenti msemmija fil-punt 74 iktar ’il fuq lil applikant għal aċċess. Żvelar ta’ dawn id-dokumenti mill-Kummissjoni wara t-talba għal aċċess kien jaffettwa l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u l-integrità tal-proċedura ġudizzjarja peress li tali żvelar, meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, kien jipprekludi lill-President tal-Qorti Ġenerali milli jiddikjara b’mod utli s-sospensjoni tal-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti jekk din kienet id-deċiżjoni tagħha. Bl-istess mod, tali żvelar kien jostakola l-possibbiltà għall-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi b’mod utli t-tilwima quddiemu dwar id-deċiżjoni ta’ żvelar parzjali tad-dokumenti inkwistjoni

76      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta qieset li l-iżvelar tad-dokumenti msemmija fil-punt 74 iktar ’il fuq seta’ jippreġudika l-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji.

77      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jsegwi li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud, ħlief sa fejn dan jirrigwarda s-siltiet imħassra minbarra dawk li ttrattaw data personali fl-ittra tal-Kummissjoni indirizzata lill-awtoritajiet Franċiżi fil‑25 ta’ Ottubru 2010 u fl-ittri tal-Viċi-President tal-Kummissjoni S. Kallas tas‑27 ta’ Lulju 2012 u tal‑5 ta’ Ġunju 2013 indirizzati lir-RATP.

 Fuq it-tieni motiv

78      Ir-rikorrenti tqis li, anki jekk jitqies li kien hemm rabta bejn il-kawzi li taw lok, sadanittant, għas-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2019, Mobit u Autolinee Toscane (C‑350/17 u C‑351/17, EU:C:2019:237) u d-dokumenti mhux żvelati jew żvelati parzjalment, l-interess pubbliku li dawn għandhom għall-partijiet kemm pubbliċi kif ukoll privati jagħmel l-aċċess għalihom rilevanti biżżejjed sabiex jitneħħa kwalunkwe rifjut ta’ żvelar. Il-Kummissjoni tikkontesta li l-interess pubbliku superjuri jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni.

79      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta istituzzjoni tapplika waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, hija r-responsabbiltà tagħha li tibbilanċja l-interess speċifiku li għandu jiġi protett min-nuqqas ta’ żvelar tad-dokument ikkonċernat u, b’mod partikolari, l-interess ġenerali li dan id-dokument ikun aċċessibbli, fid-dawl tal-vantaġġi li jirriżultaw, kif tosserva l-premessa 2 tar-Regolament Nru 1049/2001, minn trasparenza ikbar, jiġifieri parteċipazzjoni aħjar miċ-ċittadini fil-proċess deċiżjonali kif ukoll iktar leġittimità, effikaċja u responsabbiltà min-naħa tal-amministrazzjoni fil-konfront taċ-ċittadini f’sistema demokratika (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2013, Il‑Kunsill vs Access Info Europe, C‑280/11 P, EU:C:2013:671, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, interess pubbliku superjuri jista’ jiġġustifika l-iżvelar ta’ dokument li huwa mitlub l-aċċess għalih minkejja l-fatt li waħda mill-eċċezzjonijiet imsemmija mill-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 hija applikabbli.

80      Għandu madankollu jiġi ppreċiżat li l-interess partikolari li jista’ jqajjem applikant għall-aċċess għal dokument li jikkonċernah personalment ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni bħala interess pubbliku superjuri fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2010, Umbach vs Il‑Kummissjoni, T‑474/08, mhux ippubblikata, EU:T:2010:443, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, ir-Regolament Nru 1049/2001 għandu l-għan li jiftaħ dritt ta’ aċċess tal-pubbliku inġenerali għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, u mhux li jistipula regoli intiżi li jipproteġu l-interess speċifiku li xi persuna partikolari jista’ jkollha sabiex taċċedi għal xi wieħed minnhom (sentenzi tal‑1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il‑Kunsill, C‑266/05 P, EU:C:2007:75, punt 43, u tal‑11 ta’ Diċembru 2018, Arca Capital Bohemia vs Il‑Kummissjoni, T‑441/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:899, punt 80).

81      Barra minn hekk, hija dik li tinvoka l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri li għandha ssemmi b’mod konkret iċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw l-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati. L-espożizzjoni ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ natura purament ġenerali ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li interess pubbliku superjuri jipprevali fuq ir-raġunijiet li jiġġustifikaw ir-rifjut tal-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, C‑562/14 P, EU:C:2017:356, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82      Sabiex tintwera l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri għall-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati, l-ewwel nett, ir-rikorrenti tinvoka l-interess tal-partijiet pubbliċi u tal-partijiet privati li jkunu jafu l-interpretazzjoni mill-Kummissjoni tal-portata tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1370/2007. It-tieni nett, hija tinvoka l-impossibbiltà, fl-assenza ta’ żvelar tad-dokumenti mitluba, minn naħa, li jiġi vverifikat il-kriterju li ġie applikat fl-għoti tal-kuntratti mir-Repubblika Franċiża lis-SNCF u lir-RATP skont l-imsemmi regolament u, min-naħa l-oħra, li wieħed ikun jaf jekk dan il-kriterju kienx applikabbli għaliha jew għal kwalunkwe operatur jew awtorità oħra. Hija tiddeduċi minn dan li l-partijiet kollha li jintervjenu fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti għal servizzi pubbliċi li jaqgħu taħt l-Artikolu 8(3)(b) ta’ dan ir-regolament għandhom interess pubbliku leġittimu li jkollhom aċċess għad-dokumenti inkwistjoni. It-tielet nett, hija tinvoka ċertezza legali ikbar fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regolament inkwistjoni u, konsegwentement, it-tnaqqis ta’ tilwim possibbli fir-rigward tad-data ta’ applikazzjoni tal-istess regolament fil-każ ta’ żvelar tad-dokumenti mitluba. Fl-aħħar nett, ir-raba’ nett, hija tqis li l-assenza ta’ żvelar tal-imsemmija dokumenti ser twassal għal ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fil-konfront tar-RATP u l-operaturi l-oħrajn li għandhom interess li jkunu jafu l-pożizzjoni tal-Kummissjoni.

83      Fid-dawl ta’ dawn l-argumenti, għandu jitfakkar li r-rikorrenti ma tistax, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 80 iktar ’il fuq, tinvoka l-interess rispettiv tagħha sabiex turi l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri. Barra minn hekk, l-interpretazzjoni magħmula mill-Kummissjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma għandhiex awtorità peress li l-ġurisdizzjoni esklużiva fl-interpretazzjoni definittiva tad-dritt tal-Unjoni hija tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, Opinjoni 2/13 tat‑18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 246, u Opinjoni 1/17 tat‑30 ta’ April 2019, EU:C:2019:341, punt 111). Għaldaqstant, l-interpretazzjoni magħmula mill-Kummissjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni meta din hija segwita b’deċiżjoni meħuda minn awtorità nazzjonali tista’ tkun is-suġġett ta’ domanda preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja wara tilwima quddiem il-qrati nazzjonali dwar l-imsemmija deċiżjoni. Anki meta l-Kummissjoni timponi l-interpretazzjoni tagħha ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni fuq Stat Membru fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, din tista’ tkun is-suġġett ta’ stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja meta l-Istat Membru ma jikkonformax ruħu magħha. Konsegwentement, l-interpretazzjoni magħmula mill-Kummissjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tagħtix ċertezza legali u ma ġiex muri li din tillimita n-numru ta’ tilwimiet dwar il-portata tal-imsemmija dispożizzjoni. Barra min hekk, il-fatt li l-Kummissjoni ma tiżvelax l-interpretazzjoni tagħha tal-portata tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1370/2007, kif imsemmija fid-dokumenti inkwistjoni, ma jwassalx għal inugwaljanza fit-trattament peress li r-rikorrenti ma tinsabx f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik tar-Repubblika Franċiża u tar-RATP li kienu involuti fi proċedimenti EU Pilot u kienu parti għall-proċedura għal deċiżjoni preliminari fil-kawżi li taw lok, sadanittant, għas-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2019, Mobit u Autolinee Toscane (C‑350/17 u C‑351/17, EU:C:2019:237).

84      Barra minn hekk u fi kwalunkwe każ, meta jiġu bbilanċjati, l-interess tal-partijiet li jintervjenu fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti għal servizzi pubbliċi li jaqgħu taħt l-Artikolu 8(3)(b) tar-Regolament Nru 1370/2007 li jkunu jafu l-interpretazzjoni mill-Kummissjoni tal-portata ta’ din id-dispożizzjoni ma jistax jitqies bħala superjuri għal dak tal-Kummissjoni u tal-Qorti tal-Ġustizzja li jaraw li l-prinċipju tal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja jiġu osservati.

85      Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma wrietx l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri għall-iżvelar tad-dokumenti mitluba.

86      Fl-aħħar nett, sa fejn ir-rikorrenti tqis, fil-kuntest tat-tieni motiv, li, peress li jeżisti interess pubbliku evidenti li kellu jneħħi r-rifjut li jingħata aċċess għad-dokumenti u peress li l-Kummissjoni ma mmotivatx b’mod suffiċjenti d-deċiżjoni tagħha li ma tapplikax din l-eċċezzjoni, id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata mingħajr motivazzjoni suffiċjenti, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi rekwiżit formali essenzjali li għandu jiġi distint minn ilmenti li jikkontestaw il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 21 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, sa fejn ir-rikorrenti tallega insuffiċjenza ta’ motivazzjoni insostenn tat-tieni motiv, għandu jiġi kkonstatat li dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

87      Fi kwalunkwe każ, fid-dawl tal-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni kif espost fil-punti 19 sa 21 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni suffiċjentement immotivat fid-deċiżjoni kkontestata r-raġunijiet li għalihom hija qieset li ma kienx hemm interess pubbliku superjuri għall-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni.

88      Fil-fatt, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-interess invokat mir-rikorrenti kien l-interess rispettiv tagħha u li ma setax jittieħed inkunsiderazzjoni u li, fil-każ odjern, ma kienx hemm interess pubbliku superjuri li kien jipprevali fuq l-interess li tiġi salvata l-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji kif kopert mil-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Barra minn hekk, din l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni setgħet tiġi kkontestata mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali, bħalma juri t-tieni motiv, u l-Qorti Ġenerali tista’ tagħti deċiżjoni fuq din il-kwistjoni, bħalma turi l-evalwazzjoni magħmula fil-punti 79 sa 85 iktar ’il fuq.

89      Minn dan isegwi li l-ilment ibbażat fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, it-tieni lment għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

90      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-rikors odjern għandu jiġi milqugħ parzjalment u, konsegwentement, għandha tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din irrifjutat parzjalment l-aċċess għal data li ma hijiex personali, inkluża fl-ittra tal-Kummissjoni tal‑25 ta’ Ottubru 2010 indirizzata lill-awtoritajiet Franċiżi u fl-ittri tal-Viċi-President tal-Kummissjoni S. Kallas tas‑27 ta’ Lulju 2012 u l‑5 ta’ Ġunju 2013 indirizzati lir-RATP.

 Fuq l-ispejjeż

91      Skont l-Artikolu 134(2) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk ikun hemm iktar minn parti waħda li titlef il-kawża, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar kif għandhom jinqasmu l-ispejjeż.

92      F’dan il-każ, għandu jiġi deċiż li l-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll 20 % tal-ispejjeż tar-rikorrenti. Ir-rikorrenti għandha tbati 80 % mill-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tas7 ta’ Ġunju 2018 li tirrifjuta, parzjalment jew totalment, li tagħti lil Compañía de Tranvías de la Coruña, SA, l-aċċess għal dokumenti b’rabta mal-opinjoni tal-Kummissjoni mibgħuta lir-Repubblika Franċiża dwar il-validità tal-kuntratt tal-linji tal-metro sal2039, hija annullata sa fejn din irrifjutat parzjalment l-aċċess għal data li ma hijiex data personali inkluża fl-ittra tal-Kummissjoni tal25 ta’ Ottubru 2010 indirizzata lill-awtoritajiet Franċiżi u fl-ittri tal-Viċi-President tal-Kummissjoni S. Kallas tas27 ta’ Lulju 2012 u l5 ta’ Ġunju 2013 indirizzati lir-RATP.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż rispettivi tagħha u għal 20 % tal-ispejjeż ta’ Compañía de Tranvías de la Coruña.

4)      Compañía de Tranvías de la Coruña hija kkundannata għal 80 % tal-ispejjeż rispettivi tagħha.

Frimodt Nielsen

Kreuschitz

Półtorak

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-6 ta’ Frar 2020.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.