Language of document : ECLI:EU:T:2013:645

Kawża T‑240/10

l-Ungerija

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Rilaxx intenzjonat ta’ OMĠ fl-ambjent — Proċedura ta’ awtorizzazzjoni għal tqegħid fis-suq — Opinjonijiet xjentifiċi tal-EFSA — Komitoloġija — Proċedura regolatorja — Ksur tal-forom proċedurali sostanzjali — Konstatazzjoni ex officio”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla Estiża) tat-13 ta’ Diċembru 2013

1.      Rikors għal annullament — Motivi — Ksur tal-forom proċedurali sostanzjali — Nuqqas ta’ kompetenza tal-istituzzjoni awtur tal-att ikkontestat — Eżami ex officio mill-qorti — Kundizzjoni — Osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju

(Artikolu 263 TFUE)

2.      Rikors għal annullament — Motivi — Ksur tal-forom proċedurali sostanzjali — Portata — Ksur ta’ regoli proċedurali — Proċedura ta’ awtorizzazzjoni għal tqegħid fis-suq ta’ organiżmi mmodifikati ġenetikament — Nuqqas ta’ sottomissjoni mill-Kummissjoni ta’ abbozzi emendati tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni lill-kumitati regolatorji kompetenti — Inklużjoni — Konsegwenza — Nullità tal-imsemmija deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1829/2003; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/18; Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468, Artikolu 5)

3.      Dritt tal-Unjoni Ewropea — Interpretazzjoni — Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Teħid inkunsiderazzjoni — Deċiżjonijiet ibbażati fuq l-opinjonijiet ta’ awtorità xjentifika — Inklużjoni tal-imsemmija opinjonijiet fil-motivazzjoni ta’ tali deċiżjonijiet

1.      Il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, jikkostitwixxi motiv, imsejjaħ ta’ ordni pubbliku, li għandu jitqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni. L-istess jgħodd għan-nuqqas ta’ kompetenza, fis-sens tal-imsemmi artikolu. Barra minn hekk, l-obbligu għall-qorti tal-Unjoni li tqajjem ex officio motiv ta’ ordni pubbliku għandu jiġi eżerċitat fid-dawl tal-prinċipju ta’ kontradittorju.

(ara l-punti 70, 71)

2.      Jikkostitwixxi, b’mod partikolari, ksur tal-forom proċedurali sostanzjali n-nuqqas ta’ osservanza ta’ regoli ta’ proċedura jekk, fil-każ tal-osservanza ta’ din ir-regola, ir-riżultat tal-proċedura jew il-kontenut tal-att adottat kien ikun sostanzjalment differenti.

Għal dak li jirrigwarda l-miżuri proposti mill-Kummissjoni dwar it-tqegħid fis-suq ta’ organiżmi mmodifikati ġenetikament, dawn għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja, kif stabbilita fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 1999/468, li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implementazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni. Din il-proċedura tobbliga lill-Kummissjoni tissottometti abbozz ta’ miżuri lill-kumitat regolatorju kompetenti.

Għaldaqstant, sa fejn jista’ jiġi kkunsidrat li r-riżultat ta’ proċedura ta’ awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ organiżmi mmodifikati ġenetikament jew il-kontenut tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni adottati setgħu jkunu sostanzjalment differenti kieku l-proċedura prevista fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 1999/468 kienet ġiet osservata mill-Kummissjoni, din, meta tadotta deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq filwaqt li tonqos milli tissottometti lill-kumitati regolatorji kompetenti l-abbozzi emendati ta’ dawn id-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni, tikser l-obbligi proċedurali tagħha taħt l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 1999/468 kif ukoll taħt id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/18, dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220, u tar-Regolament Nru 1829/2003, dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament, li jirreferu għalihom u bl-istess mod twettaq, ksur tal-forom proċedurali sostanzjali fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li l-Qorti Ġenerali għandha l-obbligu tqajjem ex officio. Għaldaqstant, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, dawn id-deċiżjonijiet huma nulli kollha kemm huma.

(ara l-punti 80, 84, 85, 87)

3.      Il-parti operattiva ta’ att għandha tinqara fid-dawl tal-motivi li jkunu wasslu għall-adozzjoni tiegħu u li minnhom huwa ma jistax jiġi separat peress li l-att jifforma t-totalità. Billi fid-deċiżjonijiet tagħha bbażat ruħha fuq l-opinjonijiet ta’ awtorità xjentifika, l-Istituzzjoni tinkorpora l-kontenut ta’ dawn l-opinjonijiet fl-evalwazzjoni li hija ċentrali għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet tagħha u fil-motivazzjoni tagħhom.

(ara l-punti 90, 91)