Language of document :

Rikors ippreżentat fl-24 ta' Mejju 2010 - Il-Polonja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-241/10)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika tal-Polonja (rappreżentant: M. Szpunar, aġent)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

li tiġi annullanta d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/152/UE, tal-11 ta' Marzu 2010 [innotifikata taħt in-Numru C(2010) 1317], li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri taħt it-Taqsima ta' Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) u taħt il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) 1, sa fejn hija teskludi mill-finanzjament Komunitarju l-ammonti ta' PLN 279 794 442.15 u EUR 25 583 996.81 mogħtija mill-istituzzjoni ta' ħlas awtorizzata fir-Repubblika tal-Polonja.

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Id-deċiżjoni kkontestata tipprovdi għal korrezzjoni finanzjarja minħabba żbalji fis-sistema ta' identifikazzjoni u kontroll ta' pakketti tal-art fis-snin 2005 u 2006 li tikkonsisti f'sistema tal-pakketti tal-art mhux vettorizzata għal kollox, aċċettazzjoni ta' art ineliġibbli għall-ħlasijiet, numru baxx wisq ta' verifiki fuq il-post f'reġjuni b'rati għolja ta' żball (Województwo opolskie) u applikazzjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet dwar in-nonkonformità intenzjonali.

Ir-rikorrenti tikkontesta l-eżistenza tal-iżbalji allegati u ssostni, fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata, il-motivi li ġejjin.

Fl-ewwel lok, hija tallega l-ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament (KE) Nru 1258/1999 2 u tal-Artikolu 31(1) tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005 3, kif ukoll tal-linji gwida fid-dokument VI/216/93, minħabba li saret korrezzjoni finanzjarja abbażi ta' verifika żbaljata tal-fatti u abbażi ta' interpretazzjoni żbaljata, minkejja li l-awtoritajiet Pollakki wettqu l-ħlasijiet b'mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.

L-ebda wieħed mill-iżbalji allegati, ir-raġuni għall-korrezzjoni finanzjarja, ma twettaq fil-fatt u l-infiq li d-Deċiżjoni teskludi mill-finanzjament mill-Unjoni Ewropea sar b'mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.

Is-sistema ta' identifikazzjoni ta' pakketti ta' art agrikola applikata fil-Polonja fl-2005 u fl-2006 issodisfat b'mod sħiħ ir-rekwiżiti tal-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 4 u tal-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 796/2004 5; f'diversi aspetti hija marret ħafna lil hinn minn dawn ir-rekwiżiti u ggarantixxiet ħarsien rigoruż tal-interessi ekonomiċi tal-Unjoni Ewropea.

Il-proċeduri nazzjonali applikati fl-2005 u fl-2006 ippermettew il-verifika b'mod effikaċi u oġġettiva jekk rikorrent ikunx indika b'mod intenzjonali jew le daqs ikbar tas-superfiċje li għaliha ntalab il-ħlas, u f'każ ta' dubju kienu jipprovdu għal deċiżjoni ġudizzjarja u għall-ħarsien tal-prinċipju tal-innoċenza.

Ir-rikonoxximent tas-superfiċje għal ħlas saret b'mod konformi mar-rekwiżiti neċessarji sabiex ikun hemm id-dritt għal għajnuna għas-superfiċje, fid-dawl tal-fatt li, skont l-Att ta' Adeżjoni, il-kundizzjoni hija li s-superfiċje tkun inżammet f'kundizzjoni agrikola tajba (KAT) fit-30 ta' Ġunju 2003, filwaqt li ż-żamma tas-superfiċje f'kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba (KAAT) fid-data tal-kontroll mhijiex rekwiżit sabiex l-imsemmija superfiċje tkun tista' tibbenefika minn għajnuna, iżda minflok hija kundizzjoni li jekk ma tiġix sodisfatta twassal għal tnaqqis fl-ammont li jitħallas.

In-numru ta' kontrolli fuq il-post li ġew ikkompletati fl-2005 f'Województwo opolskie ssodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 26 tar-Regolament (KE) Nru 796/2004.

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tallega ksur tar-raba' paragrafu tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament (KE) Nru 1258/1999 u tal-Artikolu 31(2) tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005, tal-linji gwida stabbiliti fid-dokument VI/5330/97, kif ukoll tal-prinċipju ta' proporzjonalità, fid-dawl tal-fatt li l-korrezzjoni hija maqbuża b'mod estrem jekk jitqabbel ir-riskju ta' telf għall-baġit tal-Unjoni Ewropea.

Anki kieku s-sistema ta' kontroll u ta' sanzjoni stabbilita mill-awtoritajiet Pollakki tinkludi ċerti żbalji, u dan mhuwiex il-każ, l-imsemmija żbalji huma tant insinjifikattivi li r-riskju ta' telf għall-baġit tal-Unjoni jirreferi għal ammont ħafna inqas mill-korrezzjoni li l-Kummissjoni għamlet fid-deċiżjoni kkontestata. Dan huwa l-każ, b'mod partikolari, fir-rigward tal-ammont tal-korrezzjoni li saret mill-Kummissjoni, għaliex allegatament is-sistema ta' identifikazzjoni u kontroll ta' pakketti ta' art agrikola ma ġietx vettorizzata għal kollox u fl-2005 ma sarux biżżejjed kontrolli fuq il-post f'Województwo opolskie.

____________

1 - ĠU L 63, p. 7.

2 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999, tas-17 ta' Mejju 1999, dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 414).

3 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, tal-21 ta' Ġunju 2005, dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (ĠU L 209, p. 1).

4 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003, tad-29 ta' Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta' appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta' appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 40, p. 269).

5 - Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004, tal-21 ta' April 2004, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' konformità, modulazzjoni u amministrazzjoni integrata u sistema ta' kontroll kif hemm provvediment dwarhom fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixi regoli komuni għal skemi ta' sostenn dirett taħt il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta' sostenn għall-bdiewa (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 44, p. 243).