Language of document :

Appell ippreżentat fid-19 ta’ Novembru 2021 minn Mytilinaios AE - Omilos Epicheiriseon mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla Estiża) fit-22 ta’ Settembru 2021 fil-Kawżi magħquda T-639/14 RENV, T-352/15 u T-740/17, Dimosia Epicheirisi Ilektrismou AE vs Il-Kummissjoni Ewropea, sostnuta minn Mytilinaios AE - Omilos Epicheiriseon

(Kawża C-701/21 P)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Appellant: Mytilinaios AE - Omilos Epicheiriseon (rappreżentanti: Vassilios-Spyridon Christianos u Georgios Karydis, avukati)

Partijiet oħra fil-proċedura: Dimosia Epicheirisi Ilektrismou AE (DEI), Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawżi magħquda T-639/14 RENV, T-325/15 u T-740/17;

jekk ikun hemm bżonn, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tagħti deċiżjoni;

tikkundanna lil DEI AE għall-ispejjeż kollha tal-kawża.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-għan tas-sentenza appellata kien li jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni kienx imissha kellha, fis-sens tal-Artikolu 4(3) u (4) tar-Regolament 2015/1589 1 , dubji jew diffikultajiet serji fir-rigward tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat li tikkonċerna t-tariffa għall-provvista ta’ enerġija elettrika applikata minn DEI AE fir-rigward tal-appellanti wara deċiżjoni ta’ arbitraġġ, dubji jew diffikultajiet serji li kellhom iwasslu lill-Kummissjoni tibda proċedura ta’ investigazzjoni formali.

L-appellanti tinvoka tliet aggravji u ssostni li fis-sentenza appellata:

- Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina l-prinċipji ġenerali tad-dritt ta’ “nemo auditur [...]” u ta’ “venire contra factum proprium” fir-rigward tal-interess leġittimu ta’ DEI AE li tippreżenta rikors għal annullament.

- Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, minn naħa, fir-rigward tal-kriterju ta’ operatur privat previst fl-Artikolu 107(1) TFUE u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kwalità tat-tribunal ta’ arbitraġġ bħala korp tal-Istat.

- Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tar-Regolament 2015/1589, minn naħa, fir-rigward tar-rekwiżit ta’ dubji jew ta’ diffikultajiet serji dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fil-fażi tal-eżami preliminari tal-ilmenti u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-inverżjoni tal-oneru tal-prova.

____________

1     Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9).