Language of document : ECLI:EU:T:2019:144

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

7 ta’ Marzu 2019 (*)

“REACH – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-użu tas-sulfokromat taċ-ċomb isfar u s-sulfat tal-molibdat tal-kromat taċ-ċomb aħmar – Artikolu 60(4) u (5) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 – Eżami tan-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi – Żball ta’ liġi”

Fil-Kawża T‑837/16,

Ir-Renju tal-Isvezja, inizjalment irrappreżentat minn A. Falk u F. Bergius, sussegwentement minn A. Falk, C. Meyer‑Seitz, H. Shev u J. Lundberg, bħala aġenti,

rikorrent,

sostnut minn

Ir-Renju tad-Danimarka, inizjalment irrappreżentat minn C. Thorning u M. Wolff, sussegwentement minn M. Wolff u J. Nymann‑Lindegren, bħala aġenti,

minn

Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn S. Hartikainen, bħala aġent,

u minn

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn A. Neergaard u A. Tamás, bħala aġenti,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn R. Lindenthal, K. Mifsud-Bonnici, K. Simonsson u G. Tolstoy, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), irrappreżentata minn M. Heikkilä, W. Broere u C. Schultheiss, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C (2016) 5644 finali tas‑7 ta’ Settembru 2016 li tawtorizza għal ċerti użi s-sulfokromat taċ-ċomb isfar u s-sulfat tal-molibdat tal-kromat taċ-ċomb aħmar taħt ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn D. Gratsias, President, I. Labucka u I. Ulloa Rubio (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tas‑27 ta’ Settembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Is-sulfokromat taċ-ċomb isfar (C. I. Pigment Yellow 34; Nru KE 215‑693‑7, Nru CAS 1344‑37‑2) u s-sulfat tal-molibdat tal-kromat taċ-ċomb aħmar indikat bħala Pigment Red 104 (C. I. Pigment Red 104; Nru KE 235‑759‑9, Nru CAS 12656‑85‑8) (iktar ’il quddiem il-“pigmenti inkwistjoni f’dan il-każ” jew il-“kromati taċ-ċomb inkwistjoni f’dan il-każ” jew ukoll is-“sustanzi inkwistjoni f’dan il-każ”) huma taħlitiet ta’ elementi ta’ ċomb u ta’ kromju VI.

2        Minħabba d-durabbiltà tagħhom, il-kulur ċar tagħhom u l-fatt li jleqqu, dawn il-pigmenti jintużaw fil-verniċ u fiż-żebgħa, pereżempju għall-pontijiet u għall-istrutturi tal-ħadid u tal-azzar jew ukoll f’sitwazzjonijiet li fihom iż-żebgħa għandha funzjoni ta’ senjalazzjoni, pereżempju fuq is-sinjali ta’ twissija. Il-kromati taċ-ċomb huma użati wkoll għas-sinjali tat-triq sofor.

3        Taħt in-numri tal-indiċi 082‑009‑00‑X u 082‑010‑00‑5 li jinsabu fil-Lista ta’ klassifikazzjoni u tikkettar armonizzati ta’ sustanzi perikolużi li jinsabu fit-Tabella 3.1 inkluża fil-Parti 3 tal-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU 2008, L 353, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2016, L 349, p. 1 u fil-ĠU 2011, L 16, p. 1), il-pigmenti inkwistjoni f’dan il-każ ġew ikklassifikati, b’mod partikolari, bħala karċinoġeni u bħala tossiċi għar-riproduzzjoni umana.

4        Permezz tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 125/2012 tal‑14 ta’ Frar 2012 li jemenda l-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (“REACH”) (ĠU 2012, L 41, p. 1) il-Kummissjoni Ewropea inkludiet il-pigmenti inkwistjoni f’dan il-każ, minħabba l-proprjetajiet tagħhom inkwantu sustanzi karċinoġeni u inkwantu sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni, fl-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2009, L 36, p. 84, fil-ĠU 2008, L 141, p. 22 u fil-ĠU 2007, L 136, p. 3), b’data ta’ terminazzjoni stabbilita għall‑21 ta’ Mejju 2015.

5        Tmien impriżi rreġistraw kromati taċ-ċomb b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1907/2006, fosthom DCC Maastricht BV, li hija r-rappreżentant fl-Unjoni Ewropea, fis-sens tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1907/2006, ta’ manifattur Kanadiż ta’ tali sustanzi.

6        DCC Maastricht, li tipprovdi, b’mod partikolari, il-pigmenti inkwistjoni f’dan il-każ lil madwar 100 utent downstream fl-Unjoni, hija l-unika impriża li ppreżentat, fid‑19 ta’ Novembru 2013, applikazzjoni għal awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 1907/2006 bil-għan tat-tqegħid fis-suq tal-pigmenti inkwistjoni f’dan il-każ. B’mod partikolari, l-awtorizzazzjoni ntalbet għall-użi segwenti, li huma identiċi għaż-żewġ sustanzi:

–        id-distribuzzjoni u t-taħlit ta’ trab tal-pigment f’ambjent industrijali sabiex issir żebgħa bbażata fuq is-solventi mhux maħsuba għal użu min-naħa tal-konsumaturi;

–        l-applikazzjoni industrijali taż-żebgħa fuq uċuħ tal-metall (bħall-magni, il-vetturi, l-istrutturi, is-sinjali, l-għamara tat-triq, il-kisi tal-koljaturi, eċċ);

–        l-applikazzjoni taż-żebgħa fuq uċuħ tal-metall (bħall-magni, il-vetturi, l-istrutturi, is-sinjali, l-għamara tat-triq, eċċ) jew għas-sinjali tat-triq min-naħa tal-professjonisti u mhux tal-konsumaturi;

–        id-distribuzzjoni u t-taħlit ta’ trab tal-pigment f’ambjent industrijali sabiex isiru taħlitiet f’forma likwida jew solida lesti minn qabel sabiex jintużaw biex jingħata kulur lil oġġetti tal-plastik jew plastiċizzati mhux maħsubin għal użu min-naħa tal-konsumaturi;

–        l-użu industrijali ta’ taħlitiet u ta’ komposti f’forma likwida jew solida lesti minn qabel li fihom pigment biex jingħata kulur lil oġġetti tal-plastik jew plastiċizzati mhux maħsubin għal użu min-naħa tal-konsumaturi;

–        l-użu ta’ taħlitiet u ta’ komposti f’forma likwida jew solida lesti minn qabel li fihom pigment fl-applikazzjoni ta’ sinjali tat-triq permezz tat-tidwib bis-sħana min-naħa tal-professjonisti.

7        L-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tinkludi l-eżempji segwenti, li ma humiex eżawrjenti, ta’ prodotti koperti mill-użi msemmija fiha u li, skont l-applikant, jeħtieġu l-prestazzjoni teknoloġika pprovduta mill-pigmenti: koperturi għas-soqfa ta’ vetturi konvertibbli, sinjali ta’ twissija, kontenituri għal skart farmaċewtiku, tubi għall-industrija petrokimika, krejnijiet, makkinarju agrikolu, tagħmir tat-toroq, pontijiet tal-azzar, kmamar tas-sigurtà u kontenituri tal-azzar.

8        Skont l-Artikolu 64(2) tar-Regolament Nru 1907/2006, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) wettqet konsultazzjoni pubblika sabiex it-terzi kkonċernati jkunu jistgħu jikkomunikaw informazzjoni dwar is-sustanzi jew it-teknoloġiji alternattivi. Fil-kuntest ta’ din il-konsultazzjoni, ingħataw opinjonijiet minn xi manifatturi tal-Unjoni, utenti downstream tal-pigmenti inkwistjoni f’dan il-każ, organizzazzjonijiet tal-industrija, Stati Membri, kif ukoll minn xi organizzazzjonijiet mhux governattivi.

9        L-utenti downstream li esprimew ruħhom waqt il-konsultazzjonijiet indikaw li s-sustanzi li jistgħu jintużaw minflok il-kromati taċ-ċomb inkwistjoni f’dan il-każ ma għandhomx l-istess benefiċċji u li dawn kienu ogħla fil-biċċa l-kbira tal-każijiet. Għall-kuntrarju, il-British Coatings Federation, li tirrappreżenta 90 % tal-industrija tal-kisi tar-Renju Unit, essenzjalment iddikjarat li hija ma kinitx taqbel mal-konklużjoni tal-applikant li ma kienx hemm alternattivi oħra għall-kromati taċ-ċomb. Din l-organizzazzjoni essenzjalment indikat li, f’dak il-mument, numru sinjifikattiv ta’ alternattivi, li ma kienx fihom ċomb, kienu użati fl-industrija taż-żebgħa. Bl-istess mod, A., manifattur ta’ żebgħa u ta’ kisi, osserva li alternattivi iktar adatti u sikuri mill-kromati taċ-ċomb inkwistjoni f’dan il-każ kienu disponibbli fil-kummerċ madwar id-dinja għal ħafna snin u li dawn setgħu jintużaw sabiex jinkisbu l-karatteristiċi tal-prodott u l-prestazzjoni mixtieqa bi spiża raġonevoli. Fl-aħħar nett, B., manifattur ieħor ta’ prodotti kimiċi u ta’ żebgħa, indika li l-biċċa l-kbira tal-klijenti tiegħu kienu għaddew b’suċċess għal alternattivi mingħajr ċomb jew kienu lesti li jagħmlu dan. L-applikant wieġeb għall-kummenti ta’ B. u ta’ A. billi indika li ċertu numru ta’ impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), li kienu sostnew l-applikazzjoni tiegħu fil-kuntest tal-konsultazzjonijiet, kellhom bżonn il-pigmenti inkwistjoni f’dan il-każ sabiex jimmanifatturaw prodotti speċifiċi intiżi għal użi speċifiċi msejħa “ta’ niċċa”.

10      Fil‑11 ta’ Diċembru 2014, il-Kumitat għall-Istima tar-Riskji u l-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika tal-ECHA adottaw tnax-il opinjoni kkonsolidata dwar l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni s-sitt użi mitluba fir-rigward ta’ kull waħda miż-żewġ sustanzi kkonċernati.

11      F’dawn l-opinjonijiet, il-Kumitat għall-Istima tar-Riskji kkonkluda, fir-rigward tal-pigmenti inkwistjoni f’din il-kawża, li ma kienx possibbli li jiġi stabbilit livell tal-ebda effett derivat skont il-punt 6.4 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1907/2006 la għall-proprjetajiet karċinoġeniċi u lanqas għall-proprjetajiet tossiċi għar-riproduzzjoni.

12      Fir-rigward tal-fattibbiltà teknika tal-alternattivi b’mod ġenerali għal dak li jirrigwarda l-ewwel u r-raba’ użu mitlub, hekk kif indikati fil-punt 6 iktar ’il fuq, il-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika indika, fil-punt 7 tal-opinjonijiet ikkonsolidati rispettivi (Annessi E.1, E.4, E.7 u E.10 tan-nota tar-Renju tal-Isvezja tal‑21 ta’ Awwissu 2018) li l-applikant għall-awtorizzazzjoni ma kienx ipprovda analiżi tal-alternattivi. Minn dawn l-opinjonijiet jirriżulta wkoll li, fl-“istadju tal-formulazzjoni”, il-pigmenti inkwistjoni f’dan il-każ ma jkollhom ebda funzjoni u li, konsegwentement, ebda analiżi tal-alternattivi validi ma setgħet jew ma kellha ssir.

13      F’dak li jirrigwarda l-fattibbiltà teknika tal-alternattivi b’mod ġenerali għat-tieni u għall-ħames użu mitlub, fil-punt 7.2.1 tal-opinjonijiet rispettivi, (Annessi E.2, E.5, E.8 u E.11 tan-nota tar-Renju tal-Isvezja tal‑21 ta’ Awwissu 2018), il-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika essenzjalment elenka l-opinjonijiet tal-applikant għall-awtorizzazzjoni u tal-atturi oħra li nstemgħu waqt il-konsultazzjoni pubblika. Dawn l-opinjonijiet kienu essenzjalment kontradittorji.

14      Fir-rigward tal-fattibbiltà teknika tal-alternattivi b’mod ġenerali għat-tielet użu mitlub, fil-punt 7.2.1 tal-opinjonijiet rispettivi (Anness A.5 tar-rikors u Anness E.3 tan-nota tar-Renju tal-Isvezja tal‑21 ta’ Awwissu 2018), il-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika iddikjara, bħala konklużjoni, li “huwa kien inklinat jaqbel mal-opinjoni tal-applikant għall-awtorizzazzjoni, li kienet tipprovdi li ma [kienx] hemm alternattivi”. Madankollu, skont dan il-kumitat, minħabba l-opinjonijiet kontradittorji espressi matul il-konsultazzjoni pubblika din il-kwistjoni kienet teħtieġ eżami addizzjonali fir-rigward tal-qasam tas-sinjali tat-triq. Skont dan il-kumitat, l-inċertezzi marbuta ma’ dan il-punt kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-iffissar tal-perijodu ta’ reviżjoni.

15      Fir-rigward tal-fattibbiltà teknika tal-alternattivi b’mod ġenerali għas-sitt użu indikat fil-punt 6 iktar ’il fuq, il-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika kkonkluda fil-punt 7.2.1 tal-opinjonijiet ikkonsolidati rispettivi (Annessi E.6 u E.12 tan-nota tar-Renju tal-Isvezja tal‑21 ta’ Awwissu 2018) li, fid-dawl tal-opinjonijiet kuntrarji espressi waqt il-konsultazzjoni pubblika, din il-kwistjoni kienet teħtieġ eżami addizzjonali għall-qasam tas-sinjali tat-triq. Huwa ppreċiża wkoll li “din l-inċertezza” kienet ser tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-iffissar tal-perijodu ta’ reviżjoni.

16      Fl-aħħar nett, fil-parti introduttiva tal-opinjonijiet ikkonsolidati kollha tal‑11 ta’ Diċembru 2014 (ara l-paġna 4 tal-Anness A.5 tar-rikors u l-paġna 4 tal-Annessi E.1 sa E.10 tan-nota tar-Renju tal-Isvezja tal‑21 ta’ Awwissu 2018), il-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika rrileva li “kien jidhirlu” li ma kienx hemm alternattivi li kienu teknikament u ekonomikament adatti “għall-applikant”.

17      Il-Kummissjoni rċeviet it-tnax-il opinjoni kkonsolidata fit‑2 ta’ Jannar 2015.

18      Fis‑7 u fit‑8 ta’ Lulju 2015, fit‑22 u fit‑23 ta’ Settembru 2015 u fit‑3 u fl‑4 ta’ Frar 2016, l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni kienet ġiet eżaminata wkoll mill-kumitat imwaqqaf skont l-Artikolu 133 tar-Regolament Nru 1907/2006 (iktar ’il quddiem il-“kumitat REACH”).

19      Waqt id-diskussjoni dwar l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni mill-kumitat REACH, żewġ Stati Membri u r-Renju tan-Norveġja indikaw li dawn il-kromati taċ-ċomb ma kinux użati bħala pigmenti fiż-żebgħa għas-sinjali tat-triq safra fit-territorji nazzjonali tagħhom. F’wieħed minn dawn l-Istati Membri, l-użu tal-kromati taċ-ċomb għas-sinjali tat-triq kien ilu saħansitra ipprojbit għal 20 sena. Ir-Renju tan-Norveġja indika wkoll li l-kromati taċ-ċomb ma kinux użati fiż-żebgħa tal-pjattaformi taż-żejt fil-baħar tat-Tramuntana jew tal-pjattaformi li kienu jappartjenu għall-kumpannija taż-żejt S.

20      Il-Kummissjoni ressqet l-abbozz ta’ deċiżjoni tagħha għall-votazzjoni tal-membri tal-kumitat REACH. Tlieta u għoxrin Stat Membru vvotaw favur l-abbozz, filwaqt li tliet Stati Membri, fosthom ir-Renju tal-Isvezja, ivvotaw kontra. Żewġ Stati Membri astjenew ruħhom.

21      Fis‑7 ta’ Settembru 2016, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2016) 5644 finali li tawtorizza għal ċerti użi s-sulfokromat taċ-ċomb isfar u s-sulfat tal-molibdat tal-kromat taċ-ċomb aħmar taħt ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

22      Fil-premessa 6 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat dan li ġej:

“Il-[Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika tal-ECHA] ikkonferma l-konklużjoni tal-applikant li l-benefiċċji globali [soċjo-ekonomiċi] li jirriżultaw mill-użi mitluba kienu ikbar mir-riskji għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent li jirriżultaw minn dawn l-użi. Huwa kkonferma wkoll li ma kienx hemm sustanzi alternattivi jew teknoloġiji alternattivi adatti f’termini ta’ fattibbiltà teknika u ekonomika għall-utenti downstream tal-applikant.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

23      Mill-premessi 8 u 9 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fl-opinjonijiet tiegħu, il-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika tal-ECHA kien irrakkomanda li l-perijodu ta’ reviżjoni msemmi fl-Artikolu 60(9)(e) tar-Regolament Nru 1907/2006 ikun stabbilit għal tnax-il sena fir-rigward ta’ erba’ użi taż-żewġ sustanzi mitluba, jiġifieri għall-użi msemmija fl-ewwel, fit-tieni, fir-raba’ u fil-ħames inċiż tal-punt 6 iktar ’il fuq, u għal seba’ snin fir-rigward taż-żewġ użi l-oħra taż-żewġ sustanzi mitluba, jiġifieri għall-użi msemmija fit-tielet u fis-sitt inċiż tal-punt 6 iktar ’il fuq.

24      Hekk kif essenzjalment jirriżulta mill-premessi 8 u 9 tad-deċiżjoni kkontestata, dawn il-perijodi ta’ reviżjoni rrakkomandati mill-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika jieħdu b’mod partikolari inkunsiderazzjoni n-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi adatti għall-pigmenti inkwistjoni f’dan il-każ għall-użi mitluba f’termini tal-fattibbiltà teknika, l-importanza partikolari tal-adegwatezza teknika tal-alternattivi għal ċerti użi speċifiċi fejn is-sigurtà hija meħtieġa, il-fatt li l-użi taż-żewġ sustanzi jwasslu għal riskji żgħar ħafna u l-fatt li l-benefiċċji għas-saħħa tal-bniedem li jistgħu jirriżultaw mir-rifjut li tingħata l-awtorizzazzjoni kienu żgħar ħafna. Fir-rigward tal-użi msemmija fit-tielet u fis-sitt inċiżi tal-punt 6 iktar ’il fuq, il-perijodu ta’ reviżjoni rrakkomandat mill-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika jieħu inkunsiderazzjoni wkoll l-inċertezzi marbuta mal-affermazzjoni tal-applikant fir-rigward tan-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi teknikament fattibbli fis-settur tas-sinjali tat-triq.

25      Skont l-istess premessi, fl-opinjoni tal-Kummissjoni, minħabba d-diffikultajiet li jiġi stabbilit kompletament in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi teknikament fattibbli għall-imsemmija użi kollha, l-awtorizzazzjoni kellha tiġi rriveduta iktar kmieni minn kif kien irrakkomandat mill-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika. B’mod partikolari, skont il-premessa 9 tad-deċiżjoni kkontestata, minn skambju ġdid mal-Istati Membri kien jirriżulta li l-użu tal-pigmenti inkwistjoni f’dan il-każ fis-settur tas-sinjali tat-triq kien ġie ssostitwit jew ipprojbit f’ċerti Stati Membri u mhux f’oħrajn. Skont il-Kummissjoni, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, kien għalhekk adatt li jiġi stabbilit perijodu ta’ reviżjoni ta’ seba’ snin fir-rigward ta’ erba’ użi taż-żewġ sustanzi mitluba, jiġifieri għall-użi msemmija fl-ewwel, fit-tieni, fir-raba’ u fil-ħames inċiż tal-punt 6 iktar ’il fuq, u ta’ erba’ snin fir-rigward taż-żewġ użi l-oħra taż-żewġ sustanzi mitluba, jiġifieri għall-użi msemmija fit-tielet u fis-sitt inċiż tal-punt 6 iktar ’il fuq.

26      Barra minn hekk, fil-premessa 12 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat is-segwenti:

“Minħabba d-diffikultajiet li jiġi stabbilit kompletament in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi teknikament fattibbli għall-użi kollha koperti mill-applikazzjoni, għandhom jiġu speċifikati wkoll l-użi awtorizzati, f’termini tal-karatteristiċi ta’ prestazzjoni teknikament meħtieġa ta’ taħlitiet [ta’ pigmenti] lesti minn qabel, ta’ żebgħat u ta’ komposti lesti minn qabel li fihom pigmenti u ta’ oġġetti li jinkluduhom, miksuba permezz taż-żewġ sustanzi u li ma jistgħux jinkisbu permezz ta’ sustanzi jew ta’ teknoloġiji alternattivi adatti, ikunu liema jkunu. L-awtorizzazzjoni għandha għaldaqstant tkun suġġetta għall-kundizzjoni li d-detentur tal-awtorizzazzjoni jippreżenta rapport dwar l-adegwatezza u d-disponibbiltà ta’ alternattivi għall-utenti downstream tiegħu u, fuq din il-bażi, jirfina d-deskrizzjoni tal-użi awtorizzati. Barra minn hekk, jekk ir-rapport ta’ reviżjoni msemmi fl-Artikolu 61(1) tar-Regolament Nru 1907/2006 ikun ġie ppreżentat, id-detentur tal-awtorizzazzjoni għandu jippreċiża d-deskrizzjoni tal-użi awtorizzati fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-utenti downstream fil-katina ta’ provvista tiegħu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

27      Fl-Artikolu 1(1) u (2) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni awtorizzat l-użi tal-kromati taċ-ċomb inkwistjoni f’dan il-każ, kif indikati fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni (ara l-punt 6 iktar ’il fuq), bil-kundizzjoni li l-prestazzjoni tat-taħlitiet lesti minn qabel, taż-żebgħat u tal-komposti ta’ kulur lesti minn qabel li jkun fihom is-sustanzi kkonċernati jew tal-oġġetti lesti li jkunu jinkluduhom, f’termini ta’ funzjonalità, ta’ intensità tal-kulur, ta’ opaċità (setgħa ta’ ħabi) ta’ dispersibbiltà, ta’ reżistenza għall-kundizzjonijiet tat-temp, ta’ stabbiltà fis-sħana jew ta’ nuqqas ta’ tlissija, jew kombinazzjoni ta’ dawn, tista’ teknikament tintlaħaq biss permezz tal-użu tal-imsemmija sustanzi u li din il-prestazzjoni tkun meħtieġa għall-użu previst.

28      Skont l-Artikolu 1(3)(d) tad-deċiżjoni kkontestata, l-awtorizzazzjoni għall-użi kollha kienet suġġetta għall-kundizzjoni li, essenzjalment, l-utenti downstream tad-detentur tal-awtorizzazzjoni jipprovdu lill-ECHA, sa mhux iktar tard mit‑30 ta’ Ġunju 2017, informazzjoni dwar l-adattatezza u d-disponibbiltà ta’ alternattivi għall-użu tagħhom, filwaqt li jiġġustifikaw b’mod iddettaljat in-neċessità li jużaw is-sustanzi inkwistjoni f’dan il-każ.

29      Barra minn hekk, mill-Artikolu 1(3)(e) tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-awtorizzazzjoni hija suġġetta għall-kundizzjoni li, essenzjalment, id-detentur tal-awtorizzazzjoni jippreżenta lill-Kummissjoni, sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 2017, rapport li jinkludi l-elementi msemmija fl-Artikolu 1(3)(d), ta’ din id-deċiżjoni. Id-detentur tal-awtorizzazzjoni għandu jirfina, fir-rapport tiegħu, id-deskrizzjoni tal-użi awtorizzati fuq il-bażi tal-informazzjoni dwar l-alternattivi, kif ipprovduta mill-utenti downstream.

30      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 1(4) tad-deċiżjoni kkontestata jipprevedi, essenzjalment, fir-rigward tal-użi għas-sinjali tat-triq, li l-awtorizzazzjoni ma għandhiex tapplika fl-Istati Membri li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom tipprojbixxi l-użu tal-kromati taċ-ċomb għas-sinjali tat-triq.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

31      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ Novembru 2016, ir-Renju tal-Isvezja ppreżenta dan ir-rikors.

32      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali rispettivament fl‑10 ta’ Frar, fis‑27 u fit‑30 ta’ Marzu 2017, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Finlandja u l-Parlament Ewropew talbu jintervjenu f’din il-proċedura insostenn tar-Renju tal-Isvezja. Permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑24 ta’ Marzu u tat‑3 ta’ Mejju 2017, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali ppermettilhom jintervjenu.

33      Fl‑20 ta’ Marzu 2017, l-ECHA talbet tintervjeni f’din il-proċedura insostenn tal-Kummissjoni. Fl-istess jum, ClientEarth, organizzazzjoni mingħajr skop ta’ lukru mhux governattiva li għandha bħala għan il-protezzjoni tal-ambjent, talbet ukoll tintervjeni f’din il-kawża insostenn tar-Renju tal-Isvezja.

34      Permezz ta’ digriet tal‑20 ta’ Lulju 2017, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali ppermetta lill-ECHA tintervjeni. Għall-kuntrarju, huwa ċaħad it-talba għal intervent ta’ ClientEarth permezz ta’ digriet tat‑13 ta’ Ottubru 2017, L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni (T‑837/16, mhux ippubblikat, EU:T:2017:740).

35      Ir-risposta ġiet ippreżentata fis‑7 ta’ Marzu 2017.

36      In-noti ta’ intervent tar-Renju tad-Danimarka, tal-Parlament, tal-ECHA u tar-Repubblika tal-Finlandja ġew ippreżentati rispettivament fl‑10 ta’ Mejju, fid‑29 ta’ Settembru, fl‑4 u fil‑5 ta’ Ottubru 2017.

37      Ir-replika u l-kontroreplika ġew ippreżentati rispettivament fit‑2 ta’ Mejju 2017, mir-Renju tal-Isvezja, u fil‑5 ta’ Ottubru 2017, mill-Kummissjoni.

38      Ir-Renju tal-Isvezja u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq in-noti ta’ intervent fid‑19 ta’ Diċembru 2017.

39      Permezz ta’ ittra tat‑18 ta’ Lulju 2018, bħala miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura skont l-Artikolu 89(3)(c) u (d) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti Ġenerali stiednet lir-Renju tal-Isvezja jippreżenta l-opinjonijiet ikkonsolidati tal‑11 ta’ Diċembru 2014, għajr dak li jirrigwarda t-tielet użu mitlub għas-sulfokromat taċ-ċomb isfar, kif inkluż fil-proċess tal-Qorti Ġenerali fl-Anness A.5 tar-rikors. Permezz ta’ din l-istess ittra, ir-Renju tal-Isvezja ġie mistieden jipprovdi informazzjoni dwar fajl li l-ECHA kienet qegħda tipprepara sabiex tivverifika jekk kienx hemm lok li jiġi limitat l-użu tal-kromati taċ-ċomb fil-prodotti. Dan il-fajl kien ġie msemmi mir-Renju tal-Isvezja fir-rikors tiegħu. Fl-aħħar nett, permezz tal-istess ittra, il-Kummissjoni ġiet mistiedna tipproduċi kopja tar-rapport li d-detentur tal-awtorizzazzjoni kellu jippreżentalha sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 2017 b’mod konformi mal-Artikolu 1(3)(e) tad-deċiżjoni kkontestata.

40      Ir-Renju tal-Isvezja u l-Kummissjoni laqgħu dawn it-talbiet fit-terminu mogħti.

41      Ir-Renju tal-Isvezja jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

42      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Renju tal-Isvezja għall-ispejjeż;

–        iżżomm, fil-każ tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, l-effetti ta’ din id-deċiżjoni sakemm hija tkun tista’, bl-assistenza tal-ECHA, teżamina mill-ġdid l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni.

43      Ir-Renju tad-Danimarka u l-Parlament jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla d-deċiżjoni kkontestata. Ir-Repubblika tal-Finlandja titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla d-deċiżjoni kkontestata u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

44      L-ECHA titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors u tikkundanna lir-Renju tal-Isvezja għall-ispejjeż.

 Id-dritt

45      Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-Renju tal-Isvezja, sostnut mill-Parlament, mir-Renju tad-Danimarka u mir-Repubblika tal-Finlandja, jinvoka tliet motivi.

46      Permezz tal-ewwel motiv tiegħu, ir-Renju tal-Isvezja, essenzjalment isostni żbalji ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006, kif ukoll ksur tal-prinċipju ta’ diliġenza. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuq il-Kummissjoni bis-saħħa tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 130 tar-Regolament Nru 1907/2006, kif ukoll tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Permezz tat-tielet motiv tiegħu, ir-Renju tal-Isvezja jinvoka ksur tal-Artikolu 55 tar-Regolament Nru 1907/2006.

47      L-ewwel motiv jinqasam fi tliet partijiet. Permezz tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv, ir-Renju tal-Isvezja essenzjalment isostni li l-Kummissjoni ma wettqet ebda evalwazzjoni adatta u indipendenti dwar jekk il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni kinux issodisfatti skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kienet fdat il-kompitu ta’ evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ din id-dispożizzjoni lill-kumitati tal-ECHA biss, jiġifieri lill-Kumitat għall-Istima tar-Riskji u lill-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika. Permezz tat-tieni parti tal-ewwel motiv tiegħu, ir-Renju tal-Isvezja jsostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006 meta tat l-awtorizzazzjoni inkwistjoni f’dan il-każ mingħajr ma kien ġie debitament stabbilit li ma kienx hemm sustanzi jew teknoloġiji alternattivi għall-kromati taċ-ċomb adatti għall-użi msemmija fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni. Is-sempliċi fatt li hija tat l-awtorizzazzjoni mingħajr ma kienet debitament ivverifikat in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi jippermetti li jiġi konkluż li hija wkoll naqset mid-dmir tagħha ta’ diliġenza. It-tielet parti hija bbażata fuq il-fatt li, billi ssuġġettat l-awtorizzazzjoni għal ċerti kundizzjonijiet u għal ċerti perijodi ta’ reviżjoni, il-Kummissjoni b’mod żbaljat ippruvat tirrimedja għan-nuqqasijiet li jinsabu fl-analiżi tal-alternattivi ppreżentata minn DCC Maastricht, minn naħa, u għan-nuqqasijiet li kellha l-analiżi tal-alternattivi li hija stess kienet wettqet skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006, min-naħa l-oħra, billi ssuġġettat l-awtorizzazzjoni għal ċerti kundizzjonijiet u għal perijodi qosra ta’ reviżjoni, mingħajr ma hija “awtorizzata” taġixxi f’dan is-sens.

48      Il-Qorti Ġenerali tqis li hemm lok li l-ewwel nett tiġi eżaminata t-tieni parti tal-ewwel motiv.

 Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, dwar l-eżistenza ta’ żball ta’ liġi allegatament imwettaq mill-Kummissjoni waqt l-eżami tan-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi u dwar id-dmir ta’ diliġenza

49      Skont ir-Renju tal-Isvezja, sostnut mir-Renju tad-Danimarka, mir-Repubblika tal-Finlandja u mill-Parlament, billi tat l-awtorizzazzjoni inkwistjoni f’dan il-każ mingħajr ma kien ġie debitament stabbilit li ma kienx hemm sustanzi jew teknoloġiji alternattivi għall-kromati taċ-ċomb adatti għall-użi msemmija fl-applikazzjoni, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006. Il-“bażi deċiżjonali fil-kawża” ma wrietx in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ sustanzi jew ta’ teknoloġiji alternattivi adatti li jistgħu jintużaw minflok il-kromati taċ-ċomb għall-użi msemmija fid-deċiżjoni kkontestata.

50      L-ewwel nett, skont ir-Renju tal-Isvezja, l-applikant għall-awtorizzazzjoni inkwistjoni f’dan il-każ ma pproduċiex il-prova li ma kienx hemm alternattivi. It-tieni nett, l-analiżi tal-alternattivi mwettqa mill-Kummissjoni nnifisha f’dan il-każ kienet insuffiċjenti. Fil-fatt, skont ir-Renju tal-Isvezja, ċerti elementi li ħarġu waqt il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni kienu juru li kien hemm — tal-inqas parzjalment, pereżempju għas-sinjali tat-triq — alternattivi adatti sabiex jissostitwixxu l-kromati taċ-ċomb inkwistjoni f’dan il-każ Skont ir-Renju tal-Isvezja, din kienet il-konklużjoni li l-Kummissjoni kien imissha waslet għaliha kieku hija kienet debitament eżaminat l-informazzjoni mogħtija minn terzi bħall-British Coatings Federation, A. u B.(ara l-punt 9 iktar ’il fuq) kif ukoll l-informazzjoni ppreżentata minn xi Stati Membri u mir-Renju tan-Norveġja. Fi kwalunkwe każ u t-tielet nett, minħabba l-eżistenza ta’ informazzjoni kontradittorja, il-Kummissjoni kien imissha eżaminat il-kundizzjoni dwar in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi adattati b’mod iktar iddettaljat. Skont ir-Renju tal-Isvezja, fid-dawl tal-informazzjoni li tikkontradixxi l-konklużjoni tal-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika, jidher li l-Kummissjoni sempliċement ma investigatx il-kawża b’mod suffiċjenti sabiex tkun tista’ tagħti l-awtorizzazzjoni inkwistjoni.

51      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-ECHA, tikkontesta dawn l-argumenti.

52      Skont il-Kummissjoni, l-ewwel nett, il-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika ħa inkunsiderazzjoni l-komunikazzjonijiet kollha trażmessi matul il-konsultazzjoni pubblika. Billi analizzat u approvat l-opinjonijiet tal-Kumitati tal-ECHA, hija wkoll kienet ħadet inkunsiderazzjoni l-informazzjoni pprovduta minn terzi. Hekk kif jirriżulta mill-minuti tal-laqgħat tal-Kumitat REACH, hija kienet ukoll ħadet inkunsiderazzjoni l-komunikazzjonijiet kollha ta’ terzi rċevuti wara l-opinjonijiet tal-Kumitati tal-ECHA u kienet eżaminat jekk dawn il-komunikazzjonijiet kinux jinkludu informazzjoni addizzjonali jew ġdida. Dan ma kienx il-każ.

53      It-tieni nett, sussegwentement għal mistoqsijiet magħmula minn xi Stati Membri fi ħdan il-Kumitat REACH, il-Kummissjoni wettqet analiżijiet addizzjonali sabiex tiġi eżaminata l-eżistenza ta’ alternattivi għall-użi msemmija. Fil-fatt, hija kienet stiednet lill-applikant jipprovdi kjarifiki dwar l-użi koperti mill-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni u l-applikant kien ikkomunika informazzjoni dwar il-fatturi tekniċi u ekonomiċi speċifiċi li jiġġustifikaw l-għażla tas-sustanza mill-utenti downstream. Din l-informazzjoni ulterjuri kienet ġiet irreġistrata u kkomunikata lill-Istati Membri fi ħdan il-Kumitat REACH (Anness B.3 tar-risposta). L-Istati Membri kienu wkoll ġew ikkonsultati mill-Kummissjoni dwar eventwali obbligi jew projbizzjonijiet nazzjonali applikabbli għall-pigmenti taċ-ċomb użati għas-sinjali tat-triq. L-informazzjoni addizzjonali rċevuta kienet ikkorroborat il-konklużjonijiet li kien wasal għalihom il-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika fl-opinjonijiet tiegħu, jiġifieri li ma kienx hemm alternattivi teknikament u ekonomikament adatti għall-użi previsti.

54      It-tielet nett, fit-tmiem tal-valutazzjoni tagħha tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006, il-Kummissjoni kienet, ċertament, qieset li l-applikant ma kienx stabbilixxa b’mod definittiv li ma kienx hemm alternattivi teknikament u ekonomikament adatti għall-użi kollha possibbli li jaqgħu taħt id-deskrizzjoni tal-użi. Madankollu, hija kienet tal-fehma li ma kienx hemm tali alternattivi biss għal ċerti użi li jaqgħu taħt id-deskrizzjoni inkluża fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni.

55      Minkejja d-diffikultajiet marbuta mal-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi, il-Kummissjoni ma qisitx li kien hemm lok li tirrifjuta l-awtorizzazzjoni. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, ikun sproporzjonat li tiġi rrifjutata awtorizzazzjoni sabiex jittieħed kont ta’ xi tħassib meta dan it-tħassib jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod inqas rigoruż, pereżempju billi tiġi limitata d-definizzjoni tal-użi awtorizzati, u meta l-informazzjoni rilevanti kollha tinsab diġà fid-dokumentazzjoni.

56      Għalhekk, skont il-Kummissjoni, l-unika konsegwenza tad-diffikultajiet ikkonstatati fil-kuntest tal-eżami tal-assenza ta’ alternattivi kienet li l-awtorizzazzjoni tiġi limitata għall-użi biss li għalihom kien ġie stabbilit li ma kienx hemm alternattivi. Għal dan il-għan, fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1) u (2) tad-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet stabbilita sensiela ta’ restrizzjonijiet applikabbli għall-applikant u għall-utenti downstream tiegħu koperti mill-awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 56(2) tar-Regolament Nru 1907/2006, jiġifieri li l-prestazzjoni tat-taħlitiet lesti minn qabel, taż-żebgħat u tal-komposti ta’ kulur lesti minn qabel li jkun fihom is-sustanzi kkonċernati jew tal-oġġetti lesti li jkunu jinkluduhom tkun meħtieġa għall-użu previst (ara l-punt 27 iktar ’il fuq).

57      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-argumenti invokati mir-Renju tal-Isvezja fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv jeħtieġu li jiġu kkjarifikati għadd ta’ elementi, li mingħajrhom ma tistax tingħata tweġiba b’mod konvinċenti għal dawn l-argumenti. Dawn l-elementi jirrigwardaw, fl-ewwel lok, il-kuntest ġuridiku li abbażi tiegħu tista’ tingħata awtorizzazzjoni għall-użu ta’ sustanza ta’ tħassib serju ħafna (ara l-punti 58 sa 62 iktar ’il fuq). F’dan il-kuntest, hemm lok li jiġi ddeterminat jekk huwiex b’mod korrett li l-Kummissjoni għażlet l-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006 bħala l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 63 iktar ’il quddiem). Fit-tieni lok, huma meħtieġa wkoll xi kjarifiki fir-rigward tat-tqassim tal-kompiti li l-awturi involuti għandhom, fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006, jiġifieri, il-Kummissjoni, minn naħa, u l-kumitati tal-ECHA, min-naħa l-oħra (ara l-punti 64 sa 69 iktar ’il quddiem). Fit-tielet lok, huwa meħtieġ li jsiru ċerti kjarifiki preliminari fir-rigward tal-kunċett ta’ “alternattivi”, kif imsemmi fir-Regolament Nru 1907/2006 (ara l-punti 70 sa 76 iktar ’il quddiem). Ir-raba’ nett, bi tweġiba għall-argumenti tar-Renju tal-Isvezja, hemm lok li jsiru numru ta’ kjarifiki fir-rigward tal-oneru tal-prova, kif previst fl-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006, moqri flimkien mal-premessa 69 tal-istess regolament (ara l-punti 77 sa 79 iktar ’il quddiem). Fil-ħames lok, huwa utli li jiżdiedu xi kunsiderazzjonijiet dwar il-mod ta’ amministrazzjoni tal-oneru tal-prova previst minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet (ara l-punti 80 sa 85 iktar ’il quddiem).

58      Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li awtorizzazzjoni għall-użu ta’ sustanza tista’ tingħata skont dik li tissejjaħ “proċedura ta’ kontroll adegwat”, kif prevista fl-Artikolu 60(2) tar-Regolament Nru 1907/2006, jew — alternattivament — skont proċedura magħrufa bħala “soċjo-ekonomika”, kif prevista fl-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006.

59      Skont l-Artikolu 60(2) tar-Regolament Nru 1907/2006, awtorizzazzjoni għandha tingħata jekk ir-riskju għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent li l-użu ta’ sustanza jirrappreżenta, minħabba l-proprjetajiet intrinsiċi tagħha, kif imsemmija fl-Anness XIV tal-imsemmi regolament, ikun ikkontrollat adegwatament, hekk kif tindika l-istima tar-riskji prevista fil-punt 6 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1907/2006.

60      Fil-każ fejn l-awtorizzazzjoni ma tistax tingħata skont l-Artikolu 60(2) tar-Regolament Nru 1907/2006 jew għas-sustanzi elenkati fl-Artikolu 60(3) tal-imsemmi regolament, l-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006 jipprevedi li l-awtorizzazzjoni tista’ tingħata biss jekk jintwera li l-benefiċċji soċjo-ekonomiċi jkunu akbar mir-riskji għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent li jirriżultaw mill-użu tas-sustanza, u li ma hemm sustanzi jew teknoloġiji alternattivi adatti.

61      B’mod partikolari, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006, tali deċiżjoni għandha tittieħed b’teħid inkunsiderazzjoni tal-opinjoni tal-Kumitat għall-Istima tar-Riskji tal-ECHA u tal-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika tal-ECHA u wara teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi kollha msemmija fl-Artikolu 60(4)(a) sa (d) tal-istess regolament. Dawn l-elementi jinkludu, b’mod partikolari, il-benefiċċji soċjo-ekonomiċi li jirriżultaw mill-użu tas-sustanza u l-implikazzjonijiet soċjo-ekonomiċi ta’ rifjut tal-awtorizzazzjoni (Artikolu 60(4)(b) tar-Regolament Nru 1907/2006), kif ukoll analiżi tal-alternattivi proposti mill-applikant skont l-Artikolu 62(4)(e) tar-Regolament Nru 1907/2006 (Artikolu 60(4)(ċ) tar-Regolament Nru 1907/2006).

62      F’dan il-każ, mill-fajl, u b’mod partikolari mill-opinjoni tal-Kumitat għall-Istima tar-Riskji tal-ECHA jirriżulta li, fir-rigward tal-kromati taċ-ċomb inkwistjoni f’dan il-każ, ma kienx possibbli li jiġi ddeterminat livell tal-ebda effett derivat skont il-punt 6.4 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1907/2006, u dan, la għal proprjetajiet karċinoġeniċi u lanqas għall-proprjetajiet tossiċi għar-riproduzzjoni, fis-sens tal-Artikolu 60(3)(a) ta’ dan ir-regolament.

63      Huwa għalhekk b’mod korrett li l-Kummissjoni telqet mill-premessa li l-unika bażi legali li tista’ tippermetti l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kienet l-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006.

64      Fit-tieni lok, fir-rigward tat-tqassim tal-kompiti bejn l-atturi involuti fil-proċedura ta’ awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006, hemm lok li qabel kollox jiġi rrilevat li hija l-Kummissjoni biss li għandha tivverifika jekk il-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni humiex issodisfatti. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha l-obbligu teżamina ex officio l-informazzjoni rilevanti, peress li r-rwol tagħha ma huwiex dak ta’ arbitru, li l-kompetenza tiegħu hija limitata għal li jiddeċiedi biss fid-dawl tal-informazzjoni u tal-provi pprodotti mill-atturi involuti fil-proċedura ta’ awtorizzazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2012, GLS, C‑338/10, EU:C:2012:158, punt 32). B’osservanza għall-obbligu li twettaq eżami ex officio tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006, il-Kummissjoni għandha, fil-kuntest ta’ amministrazzjoni tajba, u fid-dawl tad-dmir ta’ diliġenza li hija għandha, tassisti permezz tal-mezzi tagħha stess għall-istabbiliment tal-fatti u taċ-ċirkustanzi rilevanti (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 1966, Constgen u Grundig vs Il‑Kummissjoni, 56/64 u 58/64, EU:C:1966:41, p. 501).

65      Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-evalwazzjonijiet tekniċi u ekonomiċi meħtieġa għat-twettiq ta’ analiżi soċjo-ekonomika jew ta’ analiżi tal-alternattivi adatti f’każ partikolari, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-opinjonijiet tal-kumitati tal-ECHA msemmija fl-Artikolu 64(1) tar-Regolament Nru 1907/2006. B’mod iktar preċiż, l-evalwazzjoni tar-riskju marbut mal-użi tas-sustanza u l-evalwazzjoni tal-informazzjoni dwar ir-riskji li sustanzi jew teknoloġiji alternattivi possibbli għandhom għas-saħħa jew għall-ambjent jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet fdati lill-Kumitat għall-Istima tar-Riskji skont l-Artikolu 64(4)(a) tar-Regolament Nru 1907/2006. B’mod simili, l-evalwazzjoni tal-benefiċċji soċjo-ekonomiċi li jirriżultaw mill-użu tas-sustanza u l-implikazzjonijiet soċjo-ekonomiċi ta’ rifjut ta’ awtorizzazzjoni, li l-applikant jew partijiet oħra kkonċernati għandhom jipproduċu l-prova tagħhom, u l-analiżi tal-alternattivi jew ta’ pjan ta’ sostituzzjoni u ta’ kull komunikazzjoni trażmessa minn terz matul il-konsultazzjoni pubblika li l-ECHA għandha twettaq jikkorrispondu għall-kompiti fdati lill-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika skont l-Artikolu 64(4)(b) tal-istess regolament.

66      L-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Istima tar-Riskji u tal-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika għandhom il-valur ta’ opinjonijiet xjentifiċi. Il-premessa 102 tar-Regolament Nru 1907/2006, li essenzjalment tipprovdi li l-ECHA għandha r-rwol li kull kumitat xjentifiku stabbilit fi ħdan il-Kummissjoni għandu, timmilita favur tali interpretazzjoni. Skont it-tieni sentenza tal-premessa 81 tar-Regolament Nru 1907/2006, dawn l-opinjonijiet “għandhom” jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni meta hija tiddeċiedi li tagħti l-awtorizzazzjoni jew le. Mill-kelma “għandhom” jirriżulta li l-Kummissjoni ma hijiex marbuta minn dawn l-opinjonijiet.

67      Il-Kummissjoni madankollu ma hijiex prekluża milli tadotta parzjalment jew kompletament l-evalwazzjonijiet magħmula f’opinjoni ta’ wieħed mill-kumitati tal-ECHA, u dan, barra minn hekk, mingħajr ma hija għandha tirriproduċihom jew tissostitwixxihom kull darba bil-motivazzjoni tagħha. Meta ma jkunx hemm informazzjoni li tqajjem dubju serju fuq l-opinjonijiet ta’ dawn il-kumitati tal-ECHA, l-analiżi xjentifika inkluża f’tali opinjoni tista’, bħala prinċipju, tkun biżżejjed sabiex tippermetti lill-Kummissjoni tagħti jew ma tagħtix awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006, u dan, mingħajr ma lanqas huma neċessarji eżamijiet xjentifiċi addizzjonali min-naħa tal-Kummissjoni.

68      Meta l-Kummissjoni tadotta l-opinjoni ta’ wieħed mill-imsemmija kumitati tal-ECHA sabiex tiġġustifika deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, hija għandha tivverifika l-kompletezza, il-koerenza u r-rilevanza tar-raġunament inkluż fl-opinjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2002, Pfizer Animal Health vs Il‑Kunsill, T‑13/99, EU:T:2002:209, punt 198). Jekk l-opinjoni kkonċernata ma tkunx kompleta jew ma tkunx koerenti jew, ukoll, jekk ir-raġunament ma jkunx rilevanti, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-kumitat mistoqsijiet intiżi li jirrimedjaw għan-nuqqasijiet eventwali kkonstatati.

69      Minkejja l-fatt li ma hijiex marbuta bl-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Istima tar-Riskji u tal-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika, fil-każ li l-Kummissjoni tippreferi titbiegħed b’mod sostanzjali minn opinjoni jew tissostitwixxi, fuq punti tekniċi jew ekonomiċi, l-opinjoni tagħha minflok dik espressa minn wieħed mill-imsemmija kumitati tal-ECHA, hija għandha l-obbligu li timmotiva speċifikament l-evalwazzjoni tagħha meta mqabbla ma’ dik espressa f’din tal-aħħar, filwaqt li l-motivazzjoni tagħha għandha tindika r-raġunijiet li għalihom hija tbiegħdet minnha. Din il-motivazzjoni għandha tkun ta’ livell xjentifiku mill-inqas ekwivalenti għal dak tal-opinjoni inkwistjoni. F’tali każ, l-istituzzjoni tista’ tibbaża ruħha jew fuq opinjoni addizzjonali tal-istess kumitat, jew fuq elementi oħra li għandhom saħħa probatorja mill-inqas ekwivalenti għall-opinjoni inkwistjoni. Fil-każ li l-istituzzjoni titbiegħed biss parzjalment, iżda madankollu b’mod sostanzjali, mill-opinjoni, hija tista’ xorta waħda tibbaża ruħha fuq il-partijiet tar-raġunament xjentifiku tal-opinjoni li hija ma tikkontestax (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2002, Pfizer Animal Health vs Il‑Kunsill, T‑13/99, EU:T:2002:209, punt 199).

70      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kelma “alternattivi”, ir-Regolament Nru 1907/2006 jipprovdi b’mod partikolari fl-Artikolu 55 tiegħu li wieħed mill-għanijiet tiegħu huwa s-sostituzzjoni progressiva tas-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna. Mill-Artikolu 64(4), mill-Artikolu 60(5) u mill-premessa 69 tar-Regolament Nru 1907/2006 jirriżulta li “alternattiva” tikkostitwixxi “sustanza” jew “teknoloġija alternattiva”, li huma rilevanti għall-finijiet tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni prevista fir-Regolament Nru 1907/2006 biss sa fejn dawn huma “adatti”. Dan l-aħħar terminu huwa użat kemm fl-Artikolu 55 kif ukoll fl-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006.

71      Sabiex tirfina l-elementi msemmija fil-punt 58 iktar ’il fuq, il-“Gwida [tal-ECHA] dwar it-tħejjija ta’ applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni” (ĠU 2011, C 28, p. 1), imħejjija u mqassma lill-pubbliku abbażi tal-premessa 31 u tal-Artikolu 77(2)(g) tar-Regolament Nru 1907/2006 bil-għan li tipprovdi gwida dwar l-analiżi tal-alternattivi, il-pjan ta’ sostituzzjoni u dwar il-possibbiltajiet ta’ kontribuzzjoni tat-terzi kkonċernati għall-proċedura ta’ awtorizzazzjoni f’dan il-qasam, tindika, fil-punt 3.2 tagħha, dan li ġej:

“Alternattiva hi tibdil possibbli għas-sustanza tal-Anness XIV [tar-Regolament Nru 1907/2006]. Din għandha tkun tista’ tibdel il-funzjoni li twettaq is-sustanza tal-Anness XIV. L-alternattiva tista’ tkun sustanza oħra jew tista’ tkun teknika (eż proċess, proċedura, tagħmir, jew modifika fil-prodott aħħari) jew kombinazzjoni ta’ alternattivi tekniċi u sustanzi. Pereżempju, alternattiva teknika tista’ tkun mezz fiżiku għall-kisba tal-istess funzjoni bħal tas-sustanza tal-Anness XIV jew forsi bidliet fil-produzzjoni, il-proċess jew il-prodott li jneħħu għal kollox il-ħtieġa tal-funzjoni tas-sustanza tal-Anness XIV.”

72      Fir-rigward tat-terminu “adatti”, kif imsemmi fil-punt 70 iktar ’il fuq, għandu jiġi osservat li dan huwa intiż li jillimita n-numru ta’ alternattivi rilevanti għan-numru ta’ alternattivi “aktar sikuri” fis-sens tal-premessa 73 tar-Regolament, jiġifieri sustanzi jew teknoloġiji li l-użu tagħhom jinvolvi riskju iżgħar meta mqabbel mar-riskju li jwassal għalih l-użu tas-sustanza ta’ tħassib serju ħafna kkonċernata. Barra minn hekk, dan it-terminu jfisser li tali alternattiva għandha tkun “ekonomikament u teknikament vijabbli” fis-sens tal-Artikolu 55 tar-Regolament.

73      Hekk kif jista’ jiġi dedott mill-parti tas-sentenza “ekonomikament u teknikament vijabbli”, it-tifsira tal-kelma “adatti” ma hijiex limitata għall-eżistenza ta’ alternattiva in abstracto jew f’kundizzjonijiet ta’ laboratorju jew ukoll f’kundizzjonijiet li huma biss ta’ natura eċċezzjonali. Fil-fatt, il-kelma “adatti” tirreferi għad-“disponibbiltà” tas-sustanzi u tat-teknoloġiji alternattivi li huma teknikament u ekonomikament fattibbli fl-Unjoni, fatt li jimplika, b’mod partikolari, li l-analiżi relatata għandha ssir f’termini ta’ kapaċità ta’ produzzjoni ta’ dawn is-sustanzi u ta’ fattibbiltà ta’ dawn it-teknoloġiji, kif ukoll fir-rigward tal-kundizzjonijiet legali u fattwali għat-tqegħid tagħhom fiċ-ċirkulazzjoni.

74      Fl-aħħar nett, fil-kuntest ta’ proċedura soċjo-ekonomika, skont l-Artikolu 60(5)(b) tar-Regolament Nru 1907/2006, għandu jiġi ddeterminat wkoll jekk l-alternattivi, li jkunu ntwerew waqt il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, humiex teknikament u ekonomikament fattibbli “għall-applikant” għall-awtorizzazzjoni.

75      Meta l-analiżi prevista mill-Artikolu 62(4)(e) tar-Regolament Nru 1907/2006 jew l-informazzjoni li tkun inġabret mill-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika tal-ECHA jew mill-Kummissjoni, pereżempju l-informazzjoni minn terzi miksuba fil-kuntest ta’ konsultazzjoni pubblika bħal dik prevista fl-Artikolu 64(2) tal-istess regolament, jew ukoll l-analiżijiet stess tal-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika jew tal-Kummissjoni, jippermettu li jiġi konkluż li jeżistu alternattivi adatti b’mod ġenerali, iżda meta dawn l-alternattivi ma humiex teknikament jew ekonomikament fattibbli għall-applikant, dan ma jimplikax neċessarjament li l-awtorizzazzjoni taħt l-Artikolu 60(4) tar-Regolament għandha tiġi rrifjutata.

76      Fil-fatt, jekk dan ikun il-każ u jekk jintwera li l-benefiċċji soċjo-ekonomiċi jegħlbu r-riskji li jirriżultaw mill-użu tas-sustanza għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent, jiġifieri l-analiżi prevista fl-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006, awtorizzazzjoni tista’ tingħata jekk l-applikant jippreżenta, skont l-Artikolu 62(4)(f) tal-istess regolament, pjan ta’ sostituzzjoni fis-sens tal-Artikolu 60(4)(ċ) ta’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, il-kriterju suġġettiv previst fl-Artikolu 60(5)(b) tar-Regolament Nru 1907/2006, jiġifieri l-kriterju marbut mal-assenza, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, ta’ alternattivi teknikament jew ekonomikament fattibbli għall-applikant għall-awtorizzazzjoni, jikkostitwixxi wieħed mill-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit pjan ta’ sostituzzjoni. Dan tal-aħħar għandu, b’mod partikolari, jinkludi skeda kronoloġika għall-azzjonijiet proposti mill-applikant għall-awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 62(4)(f) tar-Regolament li tinkludi, b’mod partikolari, l-informazzjoni dwar ir-riċerka u l-iżvilupp li l-applikant għall-awtorizzazzjoni jkun qiegħed jagħmel jew ikollu l-ħsieb li jagħmel fil-kuntest tas-sostituzzjoni eventwali tas-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna b’sustanzi u teknoloġiji oħra adatti (premessa 72 tar-Regolament Nru 1907/2006).

77      Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-oneru tal-prova, kif invokat mir-Renju tal-Isvezja insostenn tat-tieni parti tal-ewwel motiv, hemm lok li jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006, moqri flimkien mal-premessa 69 ta’ dan tal-aħħar, waqt il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, huwa ċertament l-applikant għall-awtorizzazzjoni li għandu juri li l-ebda alternattiva ma hija disponibbli.

78      Madankollu, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-eżami tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 60(4) u (5) tar-Regolament Nru 1907/2006, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi jekk il-fatti kollha rilevanti u l-evalwazzjonijiet tekniċi u ekonomiċi kollha relatati jippermettux li jiġi konkluż li l-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni huma effettivament issodisfatti (ara l-punt 64 iktar ’il fuq).

79      Fid-dawl ta’ dan l-obbligu ta’ eżami tal-Kummissjoni, l-oneru tal-prova previst fl-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006, moqri flimkien mal-premessa 69 ta’ dan tal-aħħar, jimplika li l-applikant għall-awtorizzazzjoni għandu r-riskju ta’ eventwali impossibbiltà li jiġi ddeterminat jekk għandux jiġi konkluż li ma hemmx alternattivi. Għaldaqstant, meta, minkejja l-produzzjoni ta’ elementi mid-diversi atturi involuti fil-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, inklużi l-elementi li l-Kummissjoni ġabret permezz tal-mezzi tagħha stess, ikun għad hemm inċertezzi fir-rigward tal-kundizzjoni marbuta man-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi, għandu jiġi konkluż li l-applikant ma ssodisfax l-oneru tal-prova u li, għaldaqstant, l-awtorizzazzjoni ma tistax tingħatalu. F’dan il-kuntest, huwa utli li jiġi enfasizzat ukoll li l-ebda wieħed mill-atturi involuti fil-proċedura ta’ awtorizzazzjoni u lanqas, barra minn hekk, l-ECHA u l-Kummissjoni ma huma obbligati juru l-kuntrarju tal-kundizzjoni marbuta mal-assenza ta’ alternattivi, jiġifieri li effettivament jeżistu alternattivi.

80      Fil-ħames lok, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni tar-rabta, mill-Kummissjoni, bejn l-amministrazzjoni tal-oneru tal-prova li għaliha huwa suġġett l-applikant għall-awtorizzazzjoni, minn naħa, u l-mod ta’ tmexxija, minn din l-istess istituzzjoni, tal-eżami tagħha stess tal-kundizzjoni marbuta man-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi, min-naħa l-oħra.

81      L-ewwel nett, il-Kummissjoni ma tistax tadotta deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni fuq il-bażi ta’ sempliċi suppożizzjonijiet mhux kkonfermati u lanqas invalidati mill-informazzjoni li hija għandha (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2009, Il‑Kummissjoni vs MTU Friedrichshafen, C‑520/07 P, EU:C:2009:557, punti 51 u 52). Jekk, fi tmiem tal-eżami dwar in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi, ikun hemm biss suppożizzjonijiet, ikun hemm lok li jiġi konkluż li l-kundizzjonijiet speċifiċi previsti fl-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006 ma humiex issodisfatti u li l-Kummissjoni ma tistax, għaldaqstant, tagħti awtorizzazzjoni, anki suġġetta għal kundizzjonijiet.

82      F’dan ir-rigward, u bir-riskju li jiġi mwieġeb argument li ma ġiex invokat b’mod speċifiku fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv, iżda biss fil-kuntest tat-tielet parti ta’ dan l-aħħar (ara l-punt 47 iktar ’il fuq), filwaqt li jitqies madankollu l-fatt li dawn iż-żewġ partijiet huma marbuta mill-qrib, għandu jiġi enfasizzat li, bħala prinċipju, irrispettivament mill-kontenut tagħhom, il-kundizzjonijiet imposti skont l-Artikolu 60(8) u (9)(d) u (e) tar-Regolament Nru 1907/2006 ma jistgħux ikunu intiżi sabiex jirrimedjaw għall-eventwali nuqqasijiet ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni jew tal-analiżi tal-alternattivi ppreżentata minn applikant għall-awtorizzazzjoni jew ukoll għall-eventwali insuffiċjenzi tal-eżami, mill-Kummissjoni, tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006.

83      Fi kliem ieħor, il-possibbiltà ta’ issuġġettar ta’ awtorizzazzjoni għal ċerti kundizzjonijiet, hekk kif prevista fl-Artikolu 60(8) u (9)(d) tar-Regolament Nru 1907/2006, ma tistax tiġi interpretata fis-sens li l-Kummissjoni tista’ tħalli miftuħa l-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 1907/2006 humiex issodisfatti u tirreaġixxi għal din is-sitwazzjoni billi tissuġġetta l-awtorizzazzjoni għal kundizzjonijiet intiżi sabiex jirrimedjaw għall-eventwali insuffiċjenzi jew lakuni fil-valutazzjoni li hija għandha twettaq skont din id-dispożizzjoni

84      It-tieni nett, hekk kif sostna ġustament ir-Renju tal-Isvezja, jekk l-elementi pprovduti mill-applikant għall-awtorizzazzjoni fl-analiżi tiegħu tal-alternattivi huma kontradetti mill-elementi ppreżentati minn terzi jew minn Stati Membri, hija l-Kummissjoni, skont id-dmir tagħha ta’ diliġenza, li għandha teżamina iktar fil-fond il-kundizzjoni dwar in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi.

85      Jekk, fit-tmiem tal-eżami dwar il-kundizzjoni relatata man-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi, kif prevista fl-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006, ikun għad hemm inċertezzi marbuta mal-valutazzjoni xjentifika li ma setgħux jitneħħew la permezz tal-elementi ppreżentati mill-applikant għall-awtorizzazzjoni fuq talba jew tal-Kummissjoni jew ta’ wieħed mill-kumitati tal-ECHA, u lanqas permezz tal-elementi miġbura mill-Kummissjoni jew minn dawn il-kumitati jew ukoll minn terzi jew minn Stati Membri, ikun hemm lok li jiġi konkluż hekk kif ġie rrilevat fil-punt 81 iktar ’il fuq, li, bħala prinċipju, din il-kundizzjoni ma hijiex issodisfatta u li l-Kummissjoni ma tistax, għaldaqstant, tagħti awtorizzazzjoni, anki suġġetta għal kundizzjonijiet.

86      Fis-sitt u fl-aħħar lok, sabiex tingħata tweġiba għall-argumenti li l-partijiet qajmu fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ebda element ma kien juri n-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ sustanzi jew ta’ teknoloġiji alternattivi adatti li jistgħu jintużaw minflok il-kromati taċ-ċomb inkwistjoni f’dan il-każ għall-użi msemmija fid-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni kellha, fil-mument tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, informazzjoni li kienet timmilita kemm sfavur kif ukoll favur l-assenza ta’ alternattivi teknikament vijabbli għall-użi kollha koperti mill-applikazzjoni u l-ebda konklużjoni ċara ma kienet setgħet għada tiġi misluta f’dan ir-rigward. Għalhekk, f’din id-data, l-eżami, mill-Kummissjoni, tal-kundizzjoni marbuta man-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi b’mod ġenerali, kif prevista fl-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006, ma kienx ġie debitament iffinalizzat. Fil-realtà, il-Kummissjoni tat l-awtorizzazzjoni mingħajr ma qabel ivverifikat numru suffiċjenti ta’ informazzjoni sostanzjali u affidabbli sabiex tkun tista’ tikkonkludi jew li effettivament ma kienx hemm alternattivi għall-użi kollha mitluba jew li l-inċertezzi li kien għad hemm f’dan ir-rigward fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata setgħu jitqiesu bħala negliġibbli. Fl-assenza ta’ eżami iktar iddettaljat ta’ din il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006, l-awtorizzazzjoni inkwistjoni f’dan il-każ ma setgħetx tingħata.

87      Din il-konstatazzjoni tirriżulta, l-ewwel nett, minn numru kbir ta’ dokumenti inklużi fil-fajl mill-partijiet.

88      Huwa minnu li, fl-analiżi tiegħu tal-alternattivi, l-applikant kien qabbel il-proprjetajiet ta’ iktar minn tletin sustanza mal-karatteristiċi tal-kromati taċ-ċomb inkwistjoni f’dan il-każ. Is-sustanzi għajr dawn il-kromati kienu indikati permezz tal-ismijiet kimiċi u grafiċi tagħhom. DCC Maastricht kienet essenzjalment indikat li l-ebda waħda minn dawn is-sustanzi ma kienet tissodisfa l-karatteristiċi tekniċi tal-pigmenti inkwistjoni f’dan il-każ. B’mod partikolari, dawn tal-aħħar huma essenzjalment ikkaratterizzati, skont l-applikant għall-awtorizzazzjoni, minn livell għoli ta’ prestazzjoni teknika u minn “funzjonalitajiet uniċi” li ma jistgħu jinkisbu permezz ta’ ebda waħda mill-alternattivi. In-numru ta’ provi xjentifiċi, tekniċi u ekonomiċi li l-applikant għall-awtorizzazzjoni kien ipproduċa insostenn tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tiegħu kien għaldaqstant sostanzjali u konklużiv fih innifsu.

89      Madankollu, uħud mill-kunsiderazzjonijiet tat-terzi u tal-Istati Membri li nstemgħu matul il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni kienu tefgħu dubju serju fuq l-analiżi ppreżentata mill-applikant għall-awtorizzazzjoni. Fil-fatt, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, dawn il-kunsiderazzjonijiet kienu għad jitfgħu dubju serju wkoll fuq l-evalwazzjonijiet tal-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika, hekk kif inklużi fit-tnax-il opinjoni kkonsolidata tal‑11 ta’ Diċembru 2014.

90      Fil-fatt, bid-differenza għad-dokumenti ppreżentati minn British Coatings u minn A. matul il-proċedura ta’ konsultazzjoni pubblika, li, sakemm jista’ jiġi dedott mill-elementi inklużi fil-fajl (ara l-Annessi A.11 u A.12 tar-rikors), ċertament ma kinux iddettaljati jew sostanzjali, id-dokument ippreżentat minn B. (ara l-Anness A.13 tar-rikors) kien jinkludi analiżi simili għal dik imħejjija minn DCC Maastricht. B’mod partikolari, fir-rigward tal-fattibbiltà teknika tal-alternattivi għall-oġġetti tal-plastik, B. kienet iddistingwixxiet erba’ livelli ta’ prestazzjoni. Sussegwentement, din l-impriża kienet indikat il-pigmenti li, fil-fehma tagħha, jistgħu jissostitwixxu s-sustanzi inkwistjoni f’dan il-każ. Dawn is-soluzzjonijiet kienu jirrigwardaw diversi sustanzi organiċi jew inorganiċi. Fir-rigward tal-fattibbiltà ekonomika ta’ dawn is-soluzzjonijiet, fil-fehma ta’ B., jekk l-utenti downstream jaċċettaw ċerti kompromessi dwar il-kulur jew l-opaċità, l-ispejjeż marbuta mal-użu ta’ alternattivi setgħu jitnaqqsu b’mod sinjifikattiv. Skont B., taħt ċerti kundizzjonijiet, bħal abbandun volontarju, mill-utent downstream, ta’ ċertu livell ta’ prestazzjoni u ta’ funzjonalità tal-kulur, seta’ jiġi konkluż li kienu jeżistu fis-suq tal-Unjoni alternattivi għall-użi kollha msemmija minn DCC Maastricht fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tagħha.

91      Barra minn hekk, f’dan il-każ, l-ipoteżi tal-applikant għall-awtorizzazzjoni li ma kienx hemm alternattivi kienet diffiċilment kompatibbli mal-fatt li r-Renju tan-Norveġja u diversi Stati Membri, fosthom ir-Renju tal-Isvezja, kienu manifestament irrinunzjaw għall-użu tal-pigmenti inkwistjoni f’dan il-każ f’ċerti oqsma, bħal dak tas-sinjali tat-triq.

92      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet tal-applikant għall-awtorizzazzjoni u ta’ terzi li l-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika kien għamel il-konklużjonijiet tiegħu dwar il-fattibbiltà teknika tal-alternattivi għall-użi inkwistjoni f’din il-każ, hekk kif imsemmija fil-punti 12 sa 15 iktar ’il fuq. Issa, dawn l-evalwazzjonijiet tal-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika ma humiex konvinċenti.

93      Fil-fatt, qabelxejn, fir-rigward tal-fattibbiltà teknika tal-alternattivi għat-tieni u l-ħames użu, ir-rimarki tal-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika f’dan ir-rigward huma limitati għal sempliċi enumerazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet espressi mill-applikant għall-awtorizzazzjoni u mill-atturi l-oħra mismugħa waqt il-konsultazzjoni pubblika. Minkejja l-fatt li dawn il-kunsiderazzjonijiet essenzjalment kienu kontradittorji, il-kumitat ma silitx konklużjoni speċifika fir-rigward tagħhom. L-evalwazzjoni magħmula minn dan il-kumitat fil-parti introduttiva tal-opinjonijiet ikkonsolidati, li abbażi tagħha huwa “kien tal-opinjoni” li ma kienx hemm alternattivi teknikament u ekonomikament adatti għall-applikant, ma tbiddel xejn minn din il-konstatazzjoni. Mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li din l-evalwazzjoni turi li l-kumitat kien għad kellu xi eżitazzjonijiet importanti li kien jistħoqqilhom li jiġu msemmija, din tirrigwarda wkoll il-fattibbiltà ta’ alternattivi “għall-applikant”, kif imsemmija fl-Artikolu 60(5) tar-Regolament Nru 1907/2006 u mhux il-fattibbiltà tagħhom b’mod ġenerali (ara l-punt 86 iktar ’il fuq).

94      Sussegwentement, fir-rigward tal-fattibbiltà teknika ta’ alternattivi b’mod ġenerali għat-tielet u għas-sitt użu mitlub, il-kumitat indika b’mod espliċitu li l-kwistjoni dwar jekk ma kienx hemm alternattivi kienet teħtieġ eżami addizzjonali għall-qasam tas-sinjali tat-triq. Issa, fil-verità, fid-dawl tal-kontribuzzjonijiet ta’ terzi, bħal B., din il-konklużjoni kienet tapplika wkoll għall-oqsma li ma humiex is-settur tas-sinjali tat-triq, u dan iktar u iktar peress li l-użi mitluba kienu ġew deskritti, mill-applikant, b’mod mhux restrittiv.

95      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ewwel u tar-raba’ użu mitlub, l-analiżi tal-alternattivi mwettqa mill-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika lanqas ma hija konvinċenti. Huwa minnu li l-affermazzjoni, li analiżi tal-alternattivi ma setgħetx jew ma kellhiex titwettaq fir-rigward tal-ewwel u tar-raba’ użu (ara l-punt 12 iktar ’il fuq), tista’, fl-ewwel lok, tiġi aċċettata bħala l-konsegwenza loġika tal-fatt li l-pigmenti inkwistjoni f’dan il-każ ma għandhom ebda funzjoni fl-istadju tal-formulazzjoni taż-żebgħat koperti b’dawn l-użi, iżda għandhom biss funzjoni fl-istadju tal-użu konkret tagħhom, pereżempju, fl-istadju tal-manifattura ta’ uċuħ tal-metall u ta’ oġġetti tal-plastik jew plastiċizzati koperti mill-użi l-oħra mitluba. Madankollu, fit-tieni lok, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward il-fatt li, f’dan il-każ, kien hemm interdipendenza funzjonali bejn l-ewwel u r-raba’ użu, minn naħa, u l-użi l-oħra mitluba, min-naħa l-oħra. Fil-fatt, il-funzjoni speċifika tal-pigmenti inkwistjoni f’dan il-każ, jiġifieri li tippermetti effett ta’ kuntrast, li, ċertament, għadha ma tkunx rilevanti fl-istadju tad-distribuzzjoni jew tat-taħlit ta’ trab tal-pigmenti f’ambjent industrijali sabiex issir żebgħa bbażata fuq is-solventi jew f’taħlitiet f’forma likwida jew solida lesti minn qabel (ara l-ewwel u r-raba’ użu) toħroġ mhux iktar tard mill-istadju tal-manifattura ta’ uċuħ tal-metall u ta’ oġġetti tal-plastik jew plastiċizzati (ara l-użi l-oħra). B’teħid inkunsiderazzjoni ta’ din l-interdipendenza u fid-dawl tal-portata wiesgħa ħafna tad-deskrizzjoni tal-ewwel u tar-raba’ użi, fl-assenza ta’ spjegazzjoni addizzjonali, għandu jitqies f’dan il-każ li kull żball li jivvizzja l-analiżi ta’ alternattivi għall-użi l-oħra għajr l-ewwel u r-raba’ użu jivvizzja wkoll l-analiżi tal-alternattivi fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar.

96      It-tieni nett, l-evalwazzjoni magħmula fil-punt 86 iktar ’il fuq tirriżulta minn qari tal-premessi 8, 9, 12 tad-deċiżjoni kkontestata. Minn dawn il-premessi essenzjalment jirriżulta li, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kien għad kellha hija stess dubji dwar in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi teknikament fattibbli għall-użi kollha koperti mill-applikazzjoni.

97      Fit-tielet lok, il-kunsiderazzjoni magħmula fil-punt 86 iktar ’il fuq hija kkorroborata minn qari tal-kundizzjoni magħmula mill-Kummissjoni fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1) u (2) tad-deċiżjoni kkontestata li hija tindika bħala “restrizzjoni” (ara l-punt 56 iktar ’il fuq). Fil-fatt, il-fatt li jiġi indikat li l-użu tal-kromati taċ-ċomb inkwistjoni f’dan il-każ huwa limitat biss għal dawk il-każijiet li fihom il-prestazzjoni tal-kompożizzjonijiet ta’ sustanzi li fihom dawn kromati hija verament neċessarja huwa ekwivalenti għal li jiġi ddikjarat li, kull darba li jidentifika alternattiva, l-utent downstream għandu jastjeni milli juża l-kromati taċ-ċomb inkwistjoni f’dan il-każ. Issa, tali dikjarazzjoni tikkostitwixxi indikazzjoni qawwija tal-fatt li, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni stess ma kinitx tqis li l-eżami tal-kundizzjoni dwar in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi kien konkluż.

98      Ir-raba’ nett u fl-aħħar nett, il-konstatazzjoni mwettqa fil-punt 86 iktar ’il fuq hija kkonfermata mill-Artikolu 1(3)(d) u (e), tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 28 sa 29 iktar ’il fuq). Il-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom, minn naħa, l-utenti downstream tad-detentur tal-awtorizzazzjoni kellhom jipprovdu informazzjoni dwar l-alternattivi adatti u disponibbli li jiġġustifikaw b’mod iddettaljat in-neċessità li jintużaw il-kromati taċ-ċomb inkwistjoni f’dan il-każ u, min-naħa l-oħra, id-detentur tal-awtorizzazzjoni kellu jipprovdi rapport li fih huwa kellu jippreċiża d-deskrizzjoni tal-użi awtorizzati abbażi tal-alternattivi pprovduti mill-utenti downstream tagħhom huma kollha elementi li jindikaw b’mod partikolari li l-evalwazzjoni, mill-Kummissjoni, tan-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi ma kinitx għadha ntemmet.

99      Fis-seba’ lok, l-argumenti l-oħra tal-Kummissjoni ma humiex ta’ natura li jikkontestaw l-evalwazzjoni magħmula fil-punt 86 iktar ’il fuq.

100    Minn naħa, l-argument tal-Kummissjoni li hija kienet wettqet analiżijiet addizzjonali sabiex teżamina n-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi (ara l-punt 53 iktar ’il fuq), ma jistax jiġi milqugħ.

101    Huwa minnu li, bħala prinċipju, it-twettiq ta’ analiżijiet addizzjonali sabiex jiġi eżaminat in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ alternattivi huwa mod tajjeb ta’ kif wieħed jipproċedi. Madankollu, sakemm jista’ jiġi dedott mill-elementi inklużi fil-fajl, l-analiżijiet addizzjonali mwettqa mill-Kummissjoni kienu essenzjalment ikkonsistew fit-talba għal informazzjoni mingħand l-applikant għall-awtorizzazzjoni. Issa, l-informazzjoni addizzjonali ppreżentata mill-applikant għall-awtorizzazzjoni ma pprovdietx l-iċken kjarifika fir-rigward tal-użi li għalihom ma kienx hemm alternattivi li jippermettu li jiġu ssostitwiti l-kromati taċ-ċomb inkwistjoni f’dan il-każ. Huwa minnu li l-lista ppreżentata mill-Kummissjoni bħala l-Anness B.3 tar-risposta tinkludi eżempji ta’ applikazzjonijiet speċifiċi koperti mill-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni. Madankollu, din il-lista ma tweġibx għall-mistoqsija għaliex l-alternattivi li, skont ir-Renju tal-Isvezja, kienu jeżistu fis-suq ma setgħux jintużaw minflok dawn il-kromati taċ-ċomb għall-applikazzjonijiet imsemmija fil-lista.

102    Min-naħa l-oħra, huwa minnu li, meta tadotta deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni, il-Kummissjoni hija wkoll obbligata tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Madankollu, meta l-kundizzjonijiet previsti minn waħda mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1907/2006 ma humiex issodisfatti, il-kwistjoni tal-proporzjonalità hija irrilevanti.

103    Fit-tmien lok u fl-aħħar nett, fid-dawl tal-evalwazzjonijiet preċedenti, ma hemmx iktar lok li tingħata tweġiba għall-argument tar-Renju tal-Isvezja li l-Kummissjoni kisret id-dmir ta’ diliġenza (ara l-punt 46 iktar ’il fuq).

104    Fil-fatt, dan l-argument ma għandux portata awtonoma fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, iżda huwa addizzjonali għall-argument dwar il-ksur tal-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006 minħabba eżami insuffiċjenti tal-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni (ara l-punti 86 sa 102 iktar ’il fuq).

105    Fid-dawl ta’ dan kollu li jippreċedi, it-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi milqugħa.

106    Minn dan isegwi li, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-ewwel u t-tielet parti tal-ewwel motiv, kif ukoll il-motivi l-oħra mressqa fil-kuntest tar-rikors, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

 Fuq iż-żamma tal-effetti tad-deċiżjoni kkontestata sas-sostituzzjoni tagħha permezz ta’ deċiżjoni ġdida

107    Il-Kummissjoni talbet li, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata, l-effetti ta’ din tal-aħħar jinżammu sakemm hija tkun tista’, bl-assistenza tal-ECHA, teżamina mill-ġdid l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni.

108    Din it-talba għandha madankollu tiġi miċħuda.

109    Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, il-qorti tal-Unjoni tista’, jekk tqis li dan ikun neċessarju, tindika liema mill-effetti ta’ att annullat għandhom jitqiesu bħala definittivi. Jista’ jsir użu mill-possibbiltà mogħtija minn din id-dispożizzjoni sabiex jinżammu d-drittijiet stabbiliti mill-att ikkontestat sakemm l-istituzzjonijiet kompetenti ikunu adottaw il-miżuri adegwati (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 1985, Timex vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, 264/82, EU:C:1985:119, punt 32).

110    Skont ġurisprudenza stabbilita, hemm lok, għall-qorti tal-Unjoni, li teżerċita s-setgħa mogħtija lilha mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE u li żżomm l-effetti ta’ att ikkontestat li huwa annullat permezz ta’ sentenza meta dan jikkorrispondi għall-prinċipju ta’ ċertezza legali (sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑137/12, EU:C:2013:675, punt 81), kif interpretat fir-rigward ta’ interess ieħor tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Ottubru 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑137/12, EU:C:2013:675, punt 80; tal‑24 ta’ Ġunju 2014, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑658/11, EU:C:2014:2025, punti 90 u 91, u tas‑6 ta’ Settembru 2012, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑490/10, EU:C:2012:525, punt 91), jew ta’ interess ta’ Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑299/05, EU:C:2007:608, punt 74).

111    Il-possibbiltà prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, tista’ tiġi eżerċitata wkoll fil-każ ta’ interess ta’ individwu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2016, Il‑Ġermanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑113/14, EU:C:2016:635, punt 83). Fil-fatt, fid-dawl ta’ motivi marbuta maċ-ċertezza legali, l-effetti ta’ att annullat jistgħu jinżammu b’mod partikolari meta l-effetti immedjati tal-annullament tiegħu jwasslu għal konsegwenzi negattivi serji għall-persuni kkonċernati u meta l-legalità tal-att ikkontestat ma tkunx qiegħda tiġi kkontestata minħabba l-għan jew il-kontenut tiegħu, iżda minħabba raġunijiet ta’ nuqqas ta’ kompetenza tal-awtur tiegħu jew ta’ ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2016, Il‑Ġermanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑113/14, EU:C:2016:635, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

112    F’dan il-każ, annullament b’effett immedjat tad-deċiżjoni kkontestata jista’, ċertament, iwassal għal konsegwenzi negattivi serji għal DCC Maastricht. Din il-kumpannija ma tkunx tista’ iktar tikkummerċjalizza l-pigmenti inkwistjoni f’dan il-każ. Madankollu, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata huwa dovut għal raġunijiet relatati mal-legalità sostantiva tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, ir-Regolament Nru 1907/2006 huwa intiż li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem. Issa, fid-dawl tal-osservazzjonijiet preċedenti, iż-żamma tal-effetti tad-deċiżjoni kkontestata ma tkunx kompatibbli ma’ dan il-għan.

 Fuq l-ispejjeż

113    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mir-Renju tal-Isvezja.

114    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Minn dan isegwi li r-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Finlandja u l-Parlament għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C (2016) 5644 finali tas7 ta’ Settembru 2016 li tawtorizza għal ċerti użi s-sulfokromat taċ-ċomb isfar u s-sulfat tal-molibdat tal-kromat taċ-ċomb aħmar taħt ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006, hija annullata.

2)      It-talba tal-Kummissjoni intiża għaż-żamma, fil-każ ta’ annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C (2016) 5644 finali tas7 ta’ Settembru 2016, tal-effetti ta’ din id-deċiżjoni sakemm hija tkun tista’ teżamina mill-ġdid l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni hija miċħuda.

3)      Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mir-Renju tal-Isvezja.

4)      Ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Finlandja u l-Parlament Ewropew għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Gratsias

Labucka

Dittrich

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑7 ta’ Marzu 2019.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.