SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA
(L-Ewwel Awla)
11 ta’ Frar 2014
Kawża F‑65/12
Enrico Maria Armani
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
“Servizz pubbliku — Remunerazzjoni — Allowances tal-familja — Dritt għall-benefiċċju tal-allowance għall-ulied dipendenti — Wild dipendenti — Wild tal-konjuġi tar-rikorrent”
Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu E. M. Armani jitlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tirrifjuta li tirrikonoxxi d-dritt tiegħu għal allowance għall-ulied dipendenti fir-rigward ta’ wild il-konjuġi tiegħu.
Deċiżjoni: Id-deċiżjoni tas‑17 ta’ Awwissu 2011, li permezz tagħha l-Kummissjoni Ewropea rrifjutat li tirrikonoxxi d-dritt ta’ Armani għal allowance għall-ulied dipendenti fir-rigward ta’ wild il-konjuġi tiegħu, hija annullata. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti minn E. M. Armani.
Sommarju
Uffiċjali — Remunerazzjoni — Allowances tal-familja — Allowance għall-ulied dipendenti — Kundizzjonijiet għall-għoti — Manteniment effettiv — Kunċett
(Regolamenti tal-Persunal, Anness VII, Artikolu 2(2))
Il-kunċett ta’ manteniment effettiv ta’ wild, li jinsab fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, jikkorrispondi għat-teħid ta’ responsabbiltà effettiva għall-bżonnijiet essenzjali kollha tal-wild jew għall-parti minnhom, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-akkomodazzjoni, l-ikel, il-ħwejjeġ, l-edukazzjoni, il-kura u l-ispejjeż mediċi.
Għaldaqstant, meta uffiċjal jieħu responsabbiltà b’mod effettiv għall-bżonnijiet essenzjali kollha ta’ wild il-konjuġi tiegħu jew għall-parti minnhom, huwa għandu jitqies li attwalment qed imantni lill-wild u, konsegwentement, li huwa dipendenti minnu fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. F’dan ir-rigward, la din id-dispożizzjoni u ebda dispożizzjoni oħra tar-Regolamenti tal-Persunal ma jissuġġettaw litteralment id-dritt ta’ uffiċjal li jibbenefika mill-allowance għall-ulied dipendenti għal wild il-konjuġi tiegħu għall-kundizzjoni li l-imsemmi konjuġi ma jkunx uffiċjal jew membru tal-persunal tal-Unjoni. Tali kundizzjoni lanqas ma tista’ tiġi dedotta mill-istruttura tat-testi tar-Regolamenti tal-Persunal.
(ara l-punti 31, 32, 40 u 41)
Referenza:
Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 11 ta’ Lulju 2000, Skrzypek vs Il‑Kummissjoni, T‑134/99, punt 69; 10 ta’ Ottubru 2006, Arranz Benitez vs Il‑Parlament, T‑87/04, punt 42