Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta' Lulju 2009 - Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-298/09)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Evropaïki Dynamiki - Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE (Atene, il-Greċja) (rappreżentanti: N. Korogiannakis u M. Dermitzakis, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jagħżlu l-offerti tar-rikorrenti, ippreżentati b'risposta għas-sejħa għal offerti EAC/01/2008 għall-provvista ta' servizzi esterni ta' programmi edukattivi (ESP-ISEP) Lott 1 "Żvilupp u manutenzjoni IS" u Lott 2 "Studji, Eżaminazzjoni, Taħriġ u Għajnuna IS" (ĠU 2008/S 158-212752) bħala t-tieni appaltatur tal-cascade mechanism, ikkomunikati lir-rikorrenti permezz ta' żewġ ittri separati tat-12 ta' Mejju 2009, u kull deċiżjoni ulterjuri relatata tal-Kummissjoni inkluża d-deċiżjoni li l-kuntratti jingħataw lill-appaltatur li l-offerta tiegħu rnexxiet;

tordna lill-Kummissjoni tħallas id-danni li ġarrbet ir-rikorrenti fir-rigward tal-proċedura ta' sejħa għal offerti inkwistjoni fl-ammont ta' EUR 9.554.480;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż legali u spejjeż oħra inkorsi f'dak li għandu x'jaqsam ma' dan ir-rikors, anki jekk dan ir-rikors jiġi miċħud.

Motivi u argumenti prinċipali

Fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni tar-rikorrenti li tagħżel l-offerti tagħha, ippreżentati b'risposta għas-sejħa għal offerti għall-provvista ta' servizzi esterni ta' programmi edukattivi (ESP-ISEP) (EAC/01/2008) bħala t-tieni appaltatur tal-cascade mechanism, u li tagħti l-kuntratti lill-appaltaturi li l-offerta tagħhom rnexxiet. Ir-rikorrenti titlob ukoll kumpens għal danni li hija allegatament ġarrbet minħabba l-proċedura tas-sejħa għal offerti.

Insostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti tressaq il-motivi li ġejjin.

L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta kisret il-prinċipji ta' amministrazzjoni tajba u ta' trattament ugwali peress li naqset milli tosserva l-kriterji ta' esklużjoni stabbiliti mill-Artikoli 93(1) u 94 tar-Regolament Finanzjarju1 billi ma eskludietx mill-proċedura tas-sejħa għal offerti wieħed mill-membri tal-konsorzju magħżul minħabba ksur tal-obbligi kuntrattwali tiegħu lejn il-konvenuta. Minħabba dan, il-konvenuta kisret ukoll l-Artikoli 133a u 134 tar-Regoli ta' Implementazzjoni2.

It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta kisret l-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju peress li naqset milli timmotiva d-deċiżjoni tagħha. Fl-opinjoni tar-rikorrenti, il-kummenti magħmula mill-Kummissjoni kienu ġeneriċi, qarrieqa u vagi.

It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni estendiet illegalment il-validità tal-offerti bi ksur tal-Artikolu 130 tar-Regolament Finanzjarju u bi ksur tal-priniċpji ta' amministrazzjoni tajba, ta' trasparenza u ta' trattament ugwali.

____________

1 - Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1605/25 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU 2002 L 248, p. 1)

2 - Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, EURATOM) Nru 2342/2002 tat-23 ta' Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolamenti Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 478/2007, tat-23 ta' April 2007 (ĠU 2007 L 111, p. 13)