Language of document : ECLI:EU:T:2019:831

(Kawża T607/15)

Yieh United Steel Corp.

vs

IlKummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tat-3 ta’ Diċembru 2019

“Dumping – Importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar inossidabbli irrumblati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mit-Tajwan – Dazju antidumping definittiv – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1429 – Artikolu 2(3) u (5) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 [li sar l-Artikolu 2(3) u (5) tar-Regolament (UE) 2016/1036] – Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament Nru 1225/2009 [li sar l-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament 2016/1036] – Kalkolu tal-valur normali – Kalkolu tal-ispiża tal-produzzjoni – Bejgħ tal-prodott simili maħsub għall-konsum fis-suq intern tal-pajjiż esportatur”

1.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Marġni ta’ dumping – Determinazzjoni tal-valur normali – Prezz applikat matul it-tranżazzjonijiet kummerċjali normali – Kunċett ta’ tranżazzjoni kummerċjali normali

(Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, Artikolu 2)

(ara l-punti 52-55, 58, 59, 79, 125)

2.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Marġni ta’ dumping – Determinazzjoni tal-valur normali – Użu tal-valur maħdum – Kalkolu tal-ispejjeż ta’ produzzjoni abbażi tal-kotba tal-kontijiet – Deroga – Spejjeż marbuta mal-produzzjoni u mal-bejgħ tal-prodott suġġett għall-investigazzjoni li ma ġietx raġonevolment riprodotta f’dawn ir-reġistri – Oneru tal-prova li jaqa’ fuq l-istituzzjonijiet – Stħarriġ ġudizzjarju – Portata

(Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, Artikolu 2(5))

(ara l-punti 63-68)

3.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Żvolġiment tal-investigazzjoni – Obbligu tal-Kummissjoni li tivverifika l-eżattezza tal-informazzjoni pprovduta mill-partijiet ikkonċernati – Limiti – Kooperazzjoni volontarja tal-partijiet interessati

(Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, Artikoli 6(8) u 18)

(ara l-punti 71-73, 77, 106-110)

4.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Interpretazzjoni – Testi plurilingwi – Interpretazzjoni uniformi – Diverġenzi bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi – Teħid inkunsiderazzjoni tal-istruttura ġenerali u tal-iskop tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, Artikolu 2(2))

(ara l-punti 127-130)

5.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Marġni ta’ dumping – Determinazzjoni tal-valur normali – Prezz applikat matul it-tranżazzjonijiet kummerċjali normali – Prodott simili intiż għall-konsum fis-suq intern tal-pajjiż esportatur – Kunċett

(Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, Artikolu 2(2))

(ara l-punti 131-133, 135)

Sommarju

Permezz tas-sentenza tagħha tat-3 ta’ Diċembru 2019, Yieh United Steel vs Il‑Kummissjoni (T‑607/15), il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba għal annullament imressqa minn Yieh United Steel Corp. kontra r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2015/1429, li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar inossidabbli irrumblati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mit-Tajwan (1).

Din il-kawża toriġina minn proċedura antidumping li saret mill-Kummissjoni fl-2014 u fl-2015, li wasslet għall-istabbiliment, permezz tar-regolament ikkontestat, ta’ dazju antidumping ta’ 6.8 % fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar inossidabbli irrumblati ċatti fil-kiesaħ. Ir-rikorrenti hija kumpannija stabbilita fit-Tajwan, attiva fil-manifattura u fid-distribuzzjoni tal-prodotti koperti minn dan id-dazju antidumping.

Ir-rikorrenti adixxiet lill-Qorti Ġenerali sabiex tikseb l-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/1429 sa fejn dan jikkonċernaha, billi invokat, b’mod partikolari, ksur tal-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku antidumping (2). Abbażi tat-tieni paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni, il-“valur normali” tal-prodotti kkonċernati mid-dazju antidumping huwa normalment iddeterminat abbażi tal-bejgħ tal-prodott simili maħsub għall-konsum fis-suq intern tal-pajjiż esportatur. Skont l-ewwel paragrafu tal-imsemmi artikolu, il-valur normali tal-prodott kopert mid-dazju antidumping huwa normalment ibbażat fuq il-prezzijiet imħallsa jew li għandhom jitħallsu, matul tranżazzjonijiet kummerċjali normali, minn xerrejja indipendenti.

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti kkontestat, b’mod partikolari, ir-rifjut tal-Kummissjoni li tnaqqas il-valur tal-metall irriċiklat mill-ispiża ta’ produzzjoni tal-prodott ikkonċernat mid-dazju antidumping għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur normali tiegħu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet irrifjutat b’mod żbaljat li tieħu inkunsiderazzjoni ċertu bejgħ tagħha lil klijent indipendenti fil-pajjiż esportatur, li huwa wkoll distributur tal-prodott ikkonċernat, li kien jikkostitwixxi, skont ir-rikorrenti, bejgħ domestiku sa fejn hija ma kinitx tikkunsidrahom għall-esportazzjoni jew ma kinitx taf liema kienet id-destinazzjoni finali tagħhom. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kienet irrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni dan il-bejgħ għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur normali tal-prodott ikkonċernat, peress li, skont l-investigazzjoni, kienu jeżistu provi oġġettivi li skonthom l-imsemmi bejgħ kien fir-realtà bejgħ għall-esportazzjoni li wħud minnu kienu, barra minn hekk, is-suġġett ta’ sistema ta’ tnaqqis fuq l-esportazzjoni.

Qabel kollox, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Kummissjoni setgħet tiċħad it-talba għal tnaqqis tal-valur tal-metall irriċiklat mill-ispiża ta’ produzzjoni tal-prodott ikkonċernat mid-dazju antidumping, peress li ma setgħetx tivverifika b’mod preċiż jekk l-ispejjeż marbuta mal-produzzjoni u mal-bejgħ tal-prodott ikkonċernat kinux raġonevolment riflessi fil-kotba tal-kontijiet tar-rikorrenti.

Fir-rigward tat-talba li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-bejgħ tal-prodotti tal-azzar inossidabbli irrumblati ċatti fil-kiesaħ lil klijent indipendenti fil-pajjiż esportatur, il-Qorti Ġenerali qabel kollox irrilevat li, anki jekk jeżistu diverġenzi bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku antidumping, parti kbira tal-imsemmija verżjonijiet lingwistiċi tirreferi għad-destinazzjoni tal-prodott ikkonċernat mingħajr ma tirreferi għall-intenzjoni tal-produttur fir-rigward tal-imsemmija destinazzjoni fil-mument tal-bejgħ.

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, enfasizzat li l-Artikolu 2.1 tal-ftehim antidumping GATT (3) juża, fit-tliet lingwi uffiċjali tiegħu, rispettivament l-espressjoni “destined for consumption” bl-Ingliż, “destiné à la consommation” bil-Franċiż u “destinado al consumo” bl-Ispanjol, u, min-naħa l-oħra, fakkar li d-dispożizzjonijiet tar-regolament bażiku antidumping għandhom jiġu interpretati, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-imsemmi ftehim antidumping.

L-interpretazzjoni li tgħid li ma huwiex neċessarju li tiġi stabbilita “intenzjoni” jew “għarfien speċifiku” tal-bejjiegħ fir-rigward tad-destinazzjoni finali tal-prodott inkwistjoni hija, barra minn hekk, ikkonfermata mill-analiżi li wettqet il-Qorti Ġenerali tal-kuntest tal-Artikolu 2 tar-Regolament antidumping bażiku.

Din l-interpretazzjoni hija sostnuta wkoll mill-għan tal-investigazzjoni antidumping, li jikkonsisti fit-tfittxija ta’ provi oġġettivi. F’dan il-kuntest, l-issuġġettar tan-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-bejgħ ta’ prodotti li jkunu ġew esportati mid-determinazzjoni tal-valur normali għall-prova tal-intenzjoni tal-bejjiegħ fir-rigward tad-destinazzjoni finali tal-prodott ikkonċernat ikun ifisser, skont il-Qorti Ġenerali, li jiġi permess it-teħid inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur normali, tal-prezzijiet ta’ prodotti esportati li jistgħu joħolqu distorsjoni u jikkompromettu d-determinazzjoni korretta tal-imsemmi valur normali.

Finalment, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li l-imsemmija interpretazzjoni hija wkoll kompatibbli mal-prinċipji ta’ prevedibbiltà u ta’ ċertezza legali, peress li l-applikazzjoni ta’ kriterju bbażat fuq l-intenzjoni jew fuq il-konoxxenza speċifika tal-bejjiegħ tagħmel it-teħid inkunsiderazzjoni tal-prezz tal-bejgħ ta’ prodotti esportati għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur normali dipendenti fuq element suġġettiv li l-eżistenza tiegħu tista’ tirriżulta fil-prattika każwali, jew saħansitra impossibbli li tiġi stabbilita.

B’hekk, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li r-rikorrenti ma kinitx uriet f’dan il-każ li l-Kummissjoni kienet wettqet żball ta’ liġi jew żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti meta rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur normali tal-prodott ikkonċernat mill-proċedura antidumping, il-bejgħ tar-rikorrenti lill-klijent indipendenti tagħha.


1      Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1429 tas-26 ta’ Awwissu 2015 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar inossidabbli irrumblati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mit-Tajwan (ĠU 2015, L. 224, p. 10)


2      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51).


3      Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u Kummerċ tal-1994 (GATT) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 91, li jinsab fl-Anness 1 A tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 82).