Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-21 ta’ Diċembru 2016 (talbiet għal deċiżjoni preliminari tal-Kammarrätten i Stockholm – l-Isvezja, u tal-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) – ir-Renju Unit) – Tele2 Sverige AB vs Post- och telestyrelsen (C-203/15), Secretary of State for the Home Department vs Tom Watson, Peter Brice, Geoffrey Lewis (C-698/15)

(Kawżi magħquda C-203/15 u C-698/15) 1

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Komunikazzjonijiet elettroniċi – Ipproċessar ta’ data personali – Kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Protezzjoni – Direttiva 2002/58/KE – Artikoli 5, 6 u 9 kif ukoll Artikolu 15(1) – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll Artikolu 52(1) – Leġiżlazzjoni nazzjonali – Fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Obbligu dwar iż-żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni – Awtoritajiet nazzjonali – Aċċess għad-data – Assenza ta’ kontroll minn qabel minn qorti jew minn awtorità amministrattiva indipendenti – Kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni”

Lingwa tal-kawża: l-Iżvediż u l-Ingliż

Qrati tar-rinviju

Kammarrätten i Stockholm, Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Tele2 Sverige AB (C-203/15), Secretary of State for the Home Department (C-698/15)

Konvenuti: Post- och telestyrelsen (C-203/15), Tom Watson, Peter Brice, Geoffrey Lewis (C‑698/15)

fil-preżenza ta’: Open Rights Group, Privacy International, The Law Society of England and Wales

Dispożittiv

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Lulju 2002, dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11, kif ukoll tal-Artikolu 52(1), tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità, żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tad-data kollha dwar it-traffiku u tad-data kollha dwar il-lokalizzazzjoni tal-abbonati u tal-utenti rreġistrati kollha fir-rigward tal-mezzi kollha ta’ komunikazzjoni elettronika.

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, kif emendata bid-Direttiva 2009/136, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11, kif ukoll tal-Artikolu 52(1), tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-protezzjoni u s-sigurtà tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni, b’mod partikolari l-aċċess mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għad-data miżmuma, mingħajr ma tillimita, fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-kriminalità, dan l-aċċess għall-finijiet biss tal-ġlieda kontra l-kriminalità gravi, mingħajr ma tissuġġetta l-imsemmi aċċess għal kontroll minn qabel minn qorti jew minn awtorità amministrattiva indipendenti, u mingħajr ma teżiġi li d-data inkwistjoni tinżamm fit-territorju tal-Unjoni. 

It-tieni domanda magħmula mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) [qorti tal-appell (Ingilterra u Wales) (diviżjoni ċivili), ir-Renju Unit] hija inammissibbli.

____________

1 ĠU C 221, 6.7.2015.

    ĠU C 98, 14.3.2016.