Language of document :

Appell ippreżentat fis-17 ta’ Ġunju 2022 minn SAS Cargo Group A/S, Scandinavian Airlines System Denmark-Norway-Sweden, SAS AB mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża) fit-30 ta’ Marzu 2022 fil-Kawża T-324/17, SAS Cargo Group et vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-403/22 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: SAS Cargo Group A/S, Scandinavian Airlines System Denmark-Norway-Sweden, SAS AB (rappreżentanti: B. Creve u M. Kofmann, advokater, u J. Killick u G. Forwood, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata sa fejn hija ċaħdet ir-rikors għal annullament tal-appellanti;

tannulla fl-intier tagħha jew parzjalment id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 1742 finali tas-17 ta’ Marzu 2017 dwar proċedura taħt l-Artikolu 101 TFUE, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-Trasport bl-Ajru. (Każ AT.39258 – Trasport ta’ merkanzija bl-ajru) (id-Deċiżjoni) sa fejn tikkonċerna l-appellanti ;

tannulla jew tnaqqas b’mod sostanzjali l-multa imposta;

sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-appell u tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw ħames aggravji.

L-ewwel aggravju bbażat fuq żbalji ta’ liġi fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl billi ma ngħatax aċċess għall-provi favur u kontra.

It-tieni aggravju bbażat fuq żbalji ta’ liġi fir-rigward tad-dritt ta’ smigħ fuq is-suġġett tal-kriterju ta’ effetti kkwalifikati u ta’ rotot inbound.

It-tielet aggravju ibbażat fuq żbalji ta’ liġi fir-rigward tal-applikazzjoni tat-test tal-effetti kkwalifikati.

Ir-raba’ aggravju ibbażat fuq żbalji ta’ liġi fir-rigward tal-ksur uniku u kontinwu.

Il-ħames aggravju bbażat fuq żbalji ta’ liġi fir-rigward tal-eżerċizzju mill-Qorti Ġenerali tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha biex tistabbilixxi l-multa.

____________