Language of document : ECLI:EU:T:2018:548

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

13 ta’ Settembru 2018 (*)

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina – Inklużjoni u, sussegwentement, żamma ta’ isem ir-rikorrenti fil-lista tal-entitajiet li għalihom japplikaw miżuri restrittivi – Obbligu ta’ motivazzjoni – Bażi legali – Ftehim ta’ sħubija u ta’ kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Russja – Dritt għall-proprjetà – Dritt għall-eżerċizzju ta’ attività ekonomika – Proporzjonalità”

Fil-Kawżi T‑735/14 u T‑799/14,

Gazprom Neft PAO, li kienet Gazprom Neft OAO, stabbilita f’Saint Petersburg (ir-Russja), irrappreżentata minn L. Van den Hende, J. Charles, avukati, u S. Cogman, solicitor,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bishop u S. Boelaert, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat inizjalment minn C. Brodie u S. Simmons, sussegwentement minn C. Brodie u V. Kaye, sussegwentement minn C. Brodie, C. Crane u S. Brandon, u fl-aħħar nett minn C. Brodie, R. Fadoju u M. Brandon, bħala aġenti, assistiti minn G. Facenna, QC, u C. Banner, barrister,

u minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Havas, T. Scharf u D. Gauci, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament, l-ewwel nett, tal-Artikolu 1(2)(b) sa (d), (3) u (4), tal-Artikolu 4, tal-Artikolu 4a, tal-Artikolu 7(1)(a) u tal-Anness III tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK tal-31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 229, p. 13, rettifika fil-ĠU 2014, L 263, p. 35), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/659/PESK tat-8 ta’ Settembru 2014 (ĠU 2014, L 271, p. 54), u bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/872/PESK tal-4 ta’ Diċembru 2014 (ĠU 2014, L 349, p. 58), u, it-tieni nett, tal-Artikolu 3, tal-Artikolu 3a, tal-Artikolu 4(3) u (4), tal-Artikolu 5(2)(b) sa (d), (3) u (4), tal-Artikolu 11(1)(a) u tal-Anness VI tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal-31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 229, p. 1, rettifika fil-ĠU 2014, L 246, p. 59), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 960/2014 tat-8 ta’ Settembru 2014 (ĠU 2014, L 271, p. 3), u bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1290/2014 tal-4 ta’ Diċembru 2014 (ĠU 2014, L 349, p. 20),

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn G. Berardis (Relatur), President, D. Spielmann u Z. Csehi, Imħallfin,

Reġistratur: L. Grzegorczyk, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-14 ta’ Diċembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Gazprom Neft PAO, hija kumpannija kummerċjali rregolata mid-dritt Russu li tispeċjalizza fl-esplorazzjoni u fil-produzzjoni taż-żejt u tal-gass, il-bejgħ u d-distribuzzjoni taż-żejt mhux maħdum u l-produzzjoni u l-bejgħ ta’ prodotti petroliferi. L-azzjonist maġġoritarju tagħha hija Gazprom Joint Stock Company, li għandha direttament u indirettament 95.7 % tal-azzjonijiet tagħha. Il-Gvern Russu għandu direttament u indirettament 50.23 % tal-azzjonijiet ta’ Gazprom Joint Stock Company.

2        Fl-20 ta’ Frar 2014, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kkundanna bl-iktar mod qawwi possibbli l-użu ta’ vjolenza fl-Ukraina. Huwa sejjaħ għall-waqfien immedjat tal-vjolenza kif ukoll għar-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali fl-Ukraina. Il-Kunsill ippreveda wkoll l-istabbiliment ta’ miżuri restrittivi kontra l-persuni responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, għall-vjolenzi u għall-użu ta’ forza eċċessiv.

3        Waqt laqgħa straordinarja li nżammet fit-3 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill ikkundanna l-atti ta’ aggressjoni tal-forzi armati Russi, li kienu jikkostitwixxu ksur manifest tas-sovranità u tal-integrità territorjali tal-Ukraina kif ukoll l-awtorizzazzjoni mogħtija mis-Soviet Federatsii Federal’nogo Sobrania Rossiskoï Federatsii (il-Kunsill tal-Federazzjoni tal-Assemblea Federali tal-Federazzjoni Russa), fl-1 ta’ Marzu 2014, li jsir użu mill-forzi armati fit-territorju tal-Ukraina. L-Unjoni Ewropea sejħet lill-Federazzjoni Russa sabiex tirtira minnufih il-forzi armati tagħha lejn iż-żoni ta’ stazzjonament permanenti tagħhom, skont l-obbligazzjonijiet internazzjonali tagħhom.

4        Fil-5 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill adotta miżuri restrittivi ffokati fuq l-iffriżar u l-irkupru ta’ fondi miżapproprjati tal-Istat tal-Ukraina.

5        Fis-6 ta’ Marzu 2014, il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-Unjoni approvaw il-konklużjonijiet tal-Kunsill adottati fit-3 ta’ Marzu 2014. Huma kkundannaw bil-qawwa l-ksur, mhux provokat, tas-sovranità u tal-integrità territorjali tal-Ukraina mill-Federazzjoni Russa u appellaw lill-Federazzjoni Russa sabiex tirtira immedjatament il-forzi armati tagħha lejn iż-żoni ta’ stazzjonament permanenti tagħhom, f’konformità mal-ftehimiet applikabbli. Il-kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-Unjoni ddikjaraw li kwalunkwe miżura oħra tal-Federazzjoni Russa li tkun ta’ natura li tiddestabbilizza s-sitwazzjoni fl-Ukraina kienet se twassal għal konsegwenzi oħra, ta’ portata kunsiderevoli, għar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Federazzjoni Russa, min-naħa l-oħra, u dan f’numru kbir ta’ oqsma ekonomiċi. Huma talbu lill-Federazzjoni Russa biex tippermetti aċċess immedjat għall-osservaturi internazzjonali, filwaqt li enfasizzaw li s-soluzzjoni għall-kriżi fl-Ukraina kellha tkun ibbażata fuq l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-pajjiż kif ukoll fuq l-osservanza rigoruża tal-istandards internazzjonali.

6        Fis-16 ta’ Marzu 2014, il-Parlament tar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u l-Gvern Lokali tal-belt ta’ Sebastopol, it-tnejn suddiviżjonijiet tal-Ukraina, organizzaw referendum dwar l-istatus tal-Krimea. Fil-kuntest ta’ dan ir-referendum, il-popolazzjoni tal-Krimea kienet mistiedna tindika jekk riditx tintrabat mal-Federazzjoni Russa bħala suġġett jew jekk hija riditx li terġa’ lura għall-Kostituzzjoni tal-1992 u l-istatus tal-Krimea fi ħdan l-Ukraina. Ir-riżultat imħabbar fir-Repubblika Awtonoma tal-Krimea kien jindika 96.77 % tal-voti favur l-integrazzjoni tar-reġjun fil-Federazzjoni Russa, b’rata ta’ parteċipazzjoni ta’ 83.1 %.

7        Fis-17 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill adotta konklużjonijiet oħra dwar l-Ukraina. Il-Kunsill ikkundanna bil-qawwa r-referendum fil-Krimea tas-16 ta’ Marzu 2014, dwar l-għaqda mal-Federazzjoni Russa, li skontu sar bi ksur manifest tal-Kostituzzjoni Ukraina. Il-Kunsill talab immedjatament lill-Federazzjoni Russa sabiex tieħu miżuri għat-trażżin tal-kriżi, sabiex immedjatament, treġġa’ l-forzi tagħha għall-persunal u għall-bażijiet kif kienu qabel il-kriżi, f’konformità mal-impenji internazzjonali tagħha, tidħol f’diskussjonijiet diretti mal-Gvern tal-Ukraina u tagħmel użu mill-mekkaniżmi internazzjonali rilevanti kollha sabiex issib soluzzjoni paċifika u nnegozjata, b’osservanza sħiħa tal-impenji bilaterali u multilaterali tagħha sabiex tiġi żgurata s-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukraina. F’dan ir-rigward, il-Kunsill iddispjaċih li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti ma setax jadotta riżoluzzjoni, minħabba veto mill-Federazzjoni Russa kontra. Barra minn hekk, huwa ħeġġeġ lill-Federazzjoni Russa sabiex ma tiħux passi sabiex il-Krimea tiġi annessa bi ksur tad-dritt internazzjonali.

8        Fl-istess jum, il-Kunsill adotta, abbażi tal-Artikolu 29 TUE, id-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 16), kif ukoll, abbażi tal-Artikolu 215 TFUE, ir-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 6, rettifika fil-ĠU 2014, L 294, p. 64), li bihom impona restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u ffriżar tal-assi kontra l-persuni responsabbli għal azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina kif ukoll il-persuni u l-entitajiet li kienu assoċjati magħhom.

9        Fis-17 ta’ Marzu 2014, il-Federazzjoni Russa rrikonoxxiet uffiċjalment ir-riżultati tar-referendum fil-Krimea tas-16 ta’ Marzu 2014. Wara dan ir-referendum, il-Kunsill Suprem tal-Krimea u l-kunsill muniċipali ta’ Sebastopol ipproklamaw l-indipendenza tal-Krimea mill-Ukraina u talbu li din tingħaqad mal-Federazzjoni Russa. Fl-istess jum, il-President Russu ffirma digriet li jirrikonoxxi r-Repubblika tal-Krimea bħala Stat sovran u indipendenti.

10      Fil-21 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill Ewropew fakkar id-dikjarazzjoni tal-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-Unjoni tas-6 ta’ Marzu 2014, u talab lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iħejju miżuri mmirati oħra possibbli.

11      Fit-23 ta’ Ġunju 2014, il-Kunsill iddeċieda li l-importazzjoni fl-Unjoni ta’ oġġetti li joriġinaw mill-Krimea jew minn Sebastopol kellha tiġi pprojbita, bl-eċċezzjoni ta’ oġġetti li joriġinaw mill-Krimea jew minn Sebastopol li għalihom il-Gvern tal-Ukraina kien ħareġ ċertifikat ta’ oriġini.

12      Sussegwentement għall-inċident tas-17 ta’ Lulju 2014 li kkawża d-distruzzjoni, f’Donetsk (l-Ukraina), tal-ajruplan tal-Malaysia Airlines mikri għat-titjira MH17, il-Kunsill talab lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) sabiex jiffinalizzaw il-ħidma preparatorja tagħhom dwar miżuri mmirati possibbli u sabiex, sal-24 ta’ Lulju 2014, iressqu proposti għal miżuri, inkluż dwar l-aċċess għas-swieq tal-kapital, id-difiża, il-prodotti b’użu doppju u t-teknoloġiji sensittivi, b’mod partikolari fis-settur tal-enerġija.

13      Fil-31 ta’ Lulju 2014, il-Kunsill adotta, abbażi tal-Artikolu 29 TUE, id-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 229, p. 13, rettifika fil-ĠU 2014, L 263, p. 35). Fl-istess data, il-Kunsill adotta, abbażi tal-Artikolu 215 TFUE, ir-Regolament (UE) Nru 833/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 229, p. 1, rettifika fil-ĠU 2014, L 246, p. 59).

14      L-Anness II tar-Regolament Nru 833/2014 jinkludi lista tat-teknoloġiji msemmija fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, imqassma skont il-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda tagħhom, jiġifieri, prinċipalment, tubi u pajpijiet ta’ tip użat għal linji ta’ pajpijiet taż-żejt jew tal-gass, u għodod għal tħaffir ta’ blat jew toqob fl-art, pompi bi spostament pożittiv għal-likwidi, magni għall-irfigħ tal-likwidi, makkinarju għal tħaffir jew tħaffir ta’ xaftijiet żgħar fil-minjieri għat-tħaffir tal-art jew partijiet ta’ tali makkinarju, pjattaformi ta’ tħaffir jew ta’ produzzjoni, deriks mobbli għat-tħaffir, bastimenti-fanali, fire-floats, eċċ.

15      Imbagħad, il-Kunsill adotta, fit-8 ta’ Settembru 2014, id-Deċiżjoni 2014/659/PESK li temenda d-Deċiżjoni 2014/512 (ĠU 2014, L 271, p. 54), u r-Regolament (UE) Nru 960/2014 li jemenda r-Regolament Nru 833/2014 (ĠU 2014, L 271, p. 3). Dawn l-atti kienu jissuġġettaw għal ċertu restrizzjonijiet addizzjonali s-servizzi assoċjati meħtieġa għall-esplorazzjoni u l-produzzjoni taż-żejt fl-ilma fond, għall-esplorazzjoni u l-produzzjoni taż-żejt fl-Artiku jew għal proġetti tax-shale taż-żejt (oil shale) fir-Russja. L-istess atti kienu jimponu restrizzjonijiet addizzjonali dwar l-aċċess għas-swieq tal-kapital tal-Unjoni u kienu jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom għall-ikbar tliet kumpanniji Russi kkontrollati mill-Istat jew fil-parti l-kbira proprjetà tal-Istat li joperaw fil-qasam taż-żejt mhux maħdum u tal-prodotti petroliferi, inkluża r-rikorrenti.

16      Fl-aħħar nett, id-Deċiżjoni 2014/512, kif emendata bid-Deċiżjoni 2014/659, ġiet emendata permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/872/PESK, tal-4 ta’ Diċembru 2014 (ĠU 2014, L 349, p. 58, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Ir-Regolament Nru 833/2014, kif emendat bir-Regolament Nru 960/2014, ġie emendat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1290/2014, tal-4 ta’ Diċembru 2014 (ĠU 2014, L 349, p. 20) (iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”).

17      L-Artikolu 1(2)(b) sa (d), (3) u (4) tad-deċiżjoni kkontestata, kif inserit jew emendat permezz tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2014/659, u sussegwentement permezz tal-Artikolu 1(1)(a) u (b) tad-Deċiżjoni 2014/872, jipprevedi:

“2. Il-bejgħ jew ix-xiri b’mod dirett jew indirett, il-provvista b’mod dirett jew indirett ta’ servizzi ta’ investiment, jew l-assistenza fil-ħruġ, jew kwalunkwe negozjar ieħor ta’ bonds, ekwità jew strumenti finanzjarji simili b’maturità li taqbeż it-30 jum, maħruġa wara t-12 ta’ Settembru 2014 minn:

[…]

b)      entitajiet stabbiliti fir-Russja li huma kkontrollati pubblikament jew b’sjieda pubblika ta’ aktar minn 50 % li għandhom assi totali stmati ta’ aktar minn triljun rublu Russu u li tal-inqas 50 % tad-dħul stmat tagħhom joriġina mill-bejgħ jew it-trasport ta’ prodotti taż-żejt mhux maħdum jew ta’ prodotti petroliferi fit-12 ta’ Settembru 2014, kif elenkat fl-Anness III;

c)      kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp stabbilit barra l-Unjoni li aktar minn 50 % minnhom huma proprjetà ta’ entità msemmija [f’(a) u (b);] jew

d)      kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp li jaġixxu f’isem, jew taħt id-direzzjoni, ta’ entità fil-kategorija msemmija [f’(c)] jew elenkata fl-Anness II jew III,

għandhom ikunu pprojbiti.

3.      Għandu jkun ipprojbit li, b’mod dirett jew indirett, wieħed jagħmel jew ikun parti minn arranġament biex jagħmel self jew kreditu ġdid b’maturità li taqbeż it-30 jum lil kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp imsemmijin fil-paragrafu 1 jew fil-paragrafu 2, wara t-12 ta’ Settembru 2014 ħlief għal self jew kreditu li jkollu objettiv speċifiku u dokumentat li jipprovdi finanzjament għal importazzjonijiet jew esportazzjonijiet, diretti jew indiretti, mhux projbiti ta’ prodotti u ta’ servizzi mhux finanzjarji bejn l-Unjoni u kwalunkwe Stat terz ieħor jew għal self li jkollu objettiv speċifiku u dokumentat li jipprovdi finanzjament ta’ emerġenza biex jissodisfa kriterji ta’ solvenza u likwidità għal persuni ġuridiċi stabbiliti fl-Unjoni, li aktar minn 50 % tad-drittijiet proprjetarji tagħhom ikunu ta’ entità msemmija fl-Anness I.

4.      Il-projbizzjoni fil-paragrafu 3 ma għandhiex tapplika għal użu ta’ kreditu disponibbli jew ħlasijiet magħmula taħt kuntratt konkluż qabel it-12 ta’ Settembru 2014 jekk:

a)      it-termini u kondizzjonijiet kollha ta’ dan l-użu ta’ kreditu jew ta’ dawn il-ħlasijiet:

i)      kienu miftehmin qabel it-12 ta’ Settembru 2014; u

ii)      ma ġewx emendati f’dik id-data jew warajha; u

b)      qabel it-12 ta’ Settembru 2014 kienet ġiet iffissata data ta’ skadenza kuntrattwali għar-rimborż sħiħ tal-fondi kollha li kienu saru disponibbli u għall-kanċellament tal-impenji, drittijiet u obbligi kollha taħt il-kuntratt.

It-termini u l-kondizzjonijiet tal-użu ta’ kreditu disponibbli u ħlasijiet imsemmijin f’dan il-paragrafu jinkludu dispożizzjonijiet li jikkonċernaw it-tul tal-perijodu tar-rimborż għal kull użu ta’ kreditu disponibbli jew ħlas, ir-rata ta’ imgħax applikata jew il-metodu tal-kalkolu tar-rata ta’ imgħax, u l-ammont massimu.”

18      L-anness għad-Deċiżjoni 2014/659 iżid Anness III għad-Deċiżjoni 2014/512, li jinkludi isem ir-rikorrenti fil-lista ta’ persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi msemmija fl-Artikolu 1(2)(b) ta’ din id-deċiżjoni.

19      L-Artikolu 5(2)(b) sa (d), (3) u (4) tar-regolament ikkontestat, kif inseriti jew emendati permezz tal-Artikolu 1(5) tar-Regolament Nru 960/2014, u sussegwentement permezz tal-Artikolu 1(6) u (7) tar-Regolament Nru 1290/2014, jipprevedi dan li ġej:

“2.      Għandu jkun ipprojbit li b’mod dirett jew indirett jinxtraw, jinbiegħu, jiġu pprovduti servizzi ta’ investiment għal, jew assistenza fil-ħruġ ta’, jew li b’xi mod ieħor isir negozjar f’titoli trasferibbli u strumenti fis-suq tal-flus b’maturità li taqbeż it-30 jum, maħruġa wara t-12 ta’ Settembru 2014 minn:

[…]

b)      persuna ġuridika, entità jew korp stabbiliti fir-Russja, taħt kontroll pubbliku jew li aktar minn 50 % tagħhom jaqa’ taħt sjieda pubblika u li għandhom assi totali stmati ta’ aktar minn triljun rublu Russu, u li tal-inqas 50 % tad-dħul stmat tagħhom joriġina mill-bejgħ jew it-trasport taż-żejt mhux maħdum jew ta’ prodotti petroliferi, kif elenkati fl-Anness VI;

c)      persuna ġuridika, entità jew korp stabbiliti barra l-Unjoni li iktar minn 50 % tad-drittijiet proprjetarji tagħhom ikun, direttament jew indirettament, taħt is-sjieda ta’ entità elenkata [f’(a) jew (b)] ta’ dan il-paragrafu; jew

d)      persuna ġuridika, entità jew korp li jaġixxu f’isem jew taħt id-direzzjoni ta’ entità msemmija [f’(a), (b) jew (c)] ta’ dan il-paragrafu.

3.      Għandu jkun ipprojbit li, b’mod dirett jew indirett, wieħed jagħmel jew ikun parti minn arranġament biex jagħmel self jew kreditu ġdid b’maturità li taqbeż it-30 jum lil kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp imsemmijin fil-paragrafu 1 jew fil-paragrafu 2, wara t-12 ta’ Settembru 2014.

Il-projbizzjoni ma tapplikax għal:

a)      self jew kreditu li jkollu objettiv speċifiku u dokumentat biex jipprovdi finanzjament għal importazzjonijiet jew esportazzjonijiet mhux projbiti ta’ prodotti u servizzi mhux finanzjarji bejn l-Unjoni u kwalunkwe Stat terz, inkluż l-infiq għal oġġetti u servizzi minn kwalunkwe Stat terz li jkun meħtieġ għall-eżekuzzjoni tal-kuntratti ta’ esportazzjoni jew importazzjoni; jew

b)      selfiet li jkollhom objettiv speċifiku u dokumentat li jipprovdu finanzjament ta’ emerġenza biex jissodisfaw kriterji ta’ solvenza u likwidità għal persuni ġuridiċi stabbiliti fl-Unjoni, li aktar minn 50 % tad-drittijiet proprjetarji tagħhom ikunu ta’ xi entità msemmija fl-Anness III.

4.      Il-projbizzjoni fil-paragrafu 3 ma tapplikax għal użu ta’ kreditu disponibbli jew żborżi magħmula skont kuntratt konkluż qabel it-12 ta’ Settembru 2014 kemm-il darba jkunu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

a)      il-patti u l-kondizzjonijiet kollha ta’ tali użu ta’ kreditu disponibbli jew ta’ tali żborżi:

i)      kienu miftehma qabel it-12 ta’ Settembru 2014, u

ii)      ma kinux modifikati f’dik id-data jew wara; u

b)      qabel it-12 ta’ Settembru 2014 ġiet iffissata data tal-maturità kuntrattwali għall-ħlas lura sħiħ tal-fondi kollha disponibbli u għall-kanċellazzjoni tal-impenji, drittijiet u obbligi kollha taħt il-kuntratt.

Il-patti u l-kondizzjonijiet tal-użu ta’ kreditu disponibbli u żborżi msemmija fil-punt (a) jinkludu dispożizzjonijiet dwar it-tul tal-perjodu ta’ ħlas lura għal kull użu ta’ kreditu disponibbli jew żborż, ir-rata tal-imgħax applikata jew il-metodu ta’ kalkolu tar-rata tal-imgħax, u l-ammont massimu.”

20      L-Artikolu 1(9) tar-Regolament Nru 960/2014 jipprevedi li l-Anness III tal-imsemmi regolament, li jinkludi isem ir-rikorrenti fil-lista ta’ persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi msemmija fl-Artikolu 5(2)(b) tar-Regolament Nru 833/2014, huwa miżjud bħala l-Anness VI ta’ dan l-aħħar regolament.

21      L-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata, kif emendat bid-Deċiżjoni 2014/872, jipprevedi:

“1.      Il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, diretti jew indiretti, ta’ ċertu tagħmir adatt għall-kategoriji segwenti ta’ proġetti ta’ esplorazzjoni u produzzjoni fir-Russja, inkluża ż-Żona Ekonomika Esklużiva u l-Blata Kontinentali tagħha, minn ċittadini tal-Istati Membri, jew mit-territorji tal-Istati Membri, jew bl-użu ta’ bastimenti jew ajruplani taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri, għandhom ikunu soġġetti għall-awtorizzazzjoni minn qabel tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li qed jesporta:

a)      l-esplorazzjoni u l-produzzjoni taż-żejt fl-ilmijiet aktar fondi minn 150 metru;

b)      l-esplorazzjoni u l-produzzjoni taż-żejt fiż-żona lil hinn mill-kosta fit-tramuntana taċ-Ċirku tal-Artiku;

c)      proġetti li jkollhom il-potenzjal li jipproduċu ż-żejt minn riżorsi li jinsabu f’formazzjonijiet ta’ shale permezz ta’ fratturazzjoni idrawlika; dan ma japplikax għall-esplorazzjoni u l-produzzjoni f’formazzjonijiet ta’ shale bl-għan li jinstab jew jiġi estratt żejt minn depożiti mhux tax-shale.

L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiddetermina l-oġġetti rilevanti li għandhom ikunu koperti minn dan il-paragrafu.

2.      L-għoti ta’:

a)      għajnuna teknika jew servizzi oħra relatati mat-tagħmir imsemmi fil-paragrafu 1;

b)      finanzjament jew għajnuna finanzjarja għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni tat-tagħmir imsemmi fil-paragrafu 1 jew għall-għoti ta’ assistenza teknika jew taħriġ tekniku relatati;

għandu wkoll ikun soġġett għall-awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li qed jesporta.

3.      L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ma għandhom jagħtu l-ebda awtorizzazzjoni għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni tat-tagħmir jew għall-provvista tas-servizzi, kif imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, jekk huma jiddeterminaw li l-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni kkonċernati jew il-provvista tas-servizz ikkonċernat ikunu destinati għal waħda mill-kategoriji ta’ esplorazzjoni u produzzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

4.      Il-paragrafu 3 għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratti konklużi qabel l-1 ta’ Awwissu 2014 jew kuntratti anċillari meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratti.

5.      Tista’ tingħata awtorizzazzjoni fejn il-bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni tal-oġġetti jew il-provvista tas-servizzi, kif imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, ikunu meħtieġa għall-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni urġenti ta’ avveniment li probabbilment ikollu impatt serju u sinifikanti fuq is-saħħa u s-sikurezza tal-bniedem jew fuq l-ambjent. F’każijiet debitament ġustifikati ta’ emerġenza, il-bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni jew il-provvista tas-servizzi, kif imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, jistgħu jipproċedu mingħajr awtorizzazzjoni, sakemm l-esportatur jinnotifika lill-awtorità kompetenti fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol wara li jkunu saru l-bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni jew il-provvista tas-servizzi, filwaqt li jagħti dettalji dwar il-ġustifikazzjoni rilevanti għall-bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni jew il-provvista ta’ servizzi mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel[.]”

22      Bl-istess mod, l-Artikolu 3 u l-Artikolu 4(3) u (4) tar-Regolament Nru 833/2014, kif emendati permezz tar-Regolament 1290/2014, jipprevedu:

Artikolu 3

1.      Għandha tkun meħtieġa awtorizzazzjoni minn qabel għall-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, direttament jew indirettament, ta’ oġġetti kif elenkati fl-Anness II, kemm jekk joriġinaw fl-Unjoni kif ukoll jekk le, lil kull persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja, inkluża ż-Żona Ekonomika Esklussiva u l-Blata Kontinentali tagħha jew f’kull Stat ieħor, jekk tali oġġetti jkunu għall-użu fir-Russja, inkluża ż-Żona Ekonomika Esklussiva u l-Blata Kontinentali tagħha.

2.      Għall-bejgħ, fornimenti, trasferimenti jew esportazzjonijiet kollha li jeħtieġu awtorizzazzjoni taħt dan l-Artikolu, tali awtorizzazzjoni għandha tingħata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit l-esportatur u għandha tkun f’konformità mar-regoli dettaljati stabbiliti fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 428/2009. L-awtorizzazzjoni tkun valida fl-Unjoni kollha.

3.      L-Anness II jinkludi ċerti oġġetti adattati għall-kategoriji segwenti ta’ proġetti ta’ esplorazzjoni u produzzjoni fir-Russja, inkluża ż-Żona Ekonomika Esklussiva u l-Blata Kontinentali tagħha:

a)      esplorazzjoni u produzzjoni taż-żejt f’ilmijiet aktar fondi minn 150 metru;

b)      esplorazzjoni u produzzjoni taż-żejt fiż-żona lil hinn mill-kosta fit-Tramuntana taċ-Ċirku Artiku; jew

c)      proġetti li jkollhom il-potenzjal li jipproduċu ż-żejt minn riżorsi li jinsabu f’formazzjonijiet ta’ shale permezz ta’ fratturazzjoni idrawlika; dan ma japplikax għall-esplorazzjoni u l-produzzjoni f’formazzjonijiet ta’ shale bl-għan li jinstab jew jiġi estratt żejt minn depożiti mhux tax-shale.

4.      L-esportaturi jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti bl-informazzjoni relevanti kollha meħtieġa għall-applikazzjoni tagħhom għal awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni.

5.      L-awtoritajiet kompetenti ma jagħtu awtorizzazzjoni għall-ebda bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ oġġetti inklużi fl-Anness II, jekk ikollhom raġunijiet validi biex jiddeterminaw li l-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-oġġetti huma maħsubin għal xi waħda mill-kategoriji ta’ proġetti ta’ esplorazzjoni u l-produzzjoni msemmija fil-paragarfu 3.

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu, madankollu, jagħtu awtorizzazzjoni fejn il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni jirrigwardaw l-eżekuzzjoni ta’ obbligu li jirriżulta minn kuntratt konkluż qabel l-1 ta’ Awwissu 2014 jew kuntratti anċillari neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratt.

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu wkoll jagħtu awtorizzazzjoni fejn il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-oġġetti jkunu meħtieġa għall-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni urġenti ta’ avveniment li probabbilment ikollu impatt serju u sinifikanti fuq is-saħħa u s-sikurezza tal-bniedem jew l-ambjent. F’każijiet debitament ġustifikati ta’ emerġenza, il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni jistgħu jipproċedu mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel sakemm l-esportatur jinnotifika lill-awtorità kompetenti fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol wara li jkunu saru l-bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni, filwaqt li jagħti dettalji dwar il-ġustifikazzjoni rilevanti għall-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel.

6.      Bil-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 5, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jannullaw, jissospendu, jimmodifikaw jew jirrevokaw awtorizzazzjoni ta’ esportazzjoni li huma jkunu diġà taw.

7.      Meta awtorità kompetenti tiċħad li tagħti awtorizzazzjoni, jew tannulla, tissospendi, tillimita sostanzjalment jew tirrevoka awtorizzazzjoni f’konformità mal-paragrafu 5 jew 6, l-Istat Membru kkonċernat jinnotifika lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni dwar dan u jikkondividi l-informazzjoni relevanti magħhom, filwaqt li jikkonforma mad-dispożizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità ta’ din l-informazzjoni li jinsabu fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97.

8.      Qabel ma Stat Membri jagħti awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 5 għal tranżazzjoni li hija essenzjalment identika għal tranżazzjoni li hija s-soġġett ta’ ċaħda li tkun għadha valida maħruġa minn Stat Membru ieħor jew minn Stati Membri oħra taħt il-paragrafi 6 u 7, l-ewwel jikkonsulta lill-Istat jew Stati Membri li jkunu ħarġu ċ-ċaħda. Jekk, wara dawn il-konsultazzjonijiet, l-Istat Membru kkonċernat jiddeċiedi li jagħti l-awtorizzazzjoni, huwa jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni b’dan, filwaqt li jipprovdi l-informazzjoni relevanti kollha biex jispjega d-deċiżjoni.

[…]

Artikolu 4

[…]

3.      Il-forniment ta’ dawn li ġejjin għandu jkun soġġett għal awtorizzazzjoni mill-awtorità kompetenti kkonċernata:

a)      assistenza teknika jew servizzi ta’ senserija relatati ma’ oġġetti elenkati fl-Anness II, u mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ dawk l-oġġetti, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja, inkluża ż-Żona Ekonomika Esklussiva u l-Blata Kontinentali tagħha, [jew,] jekk tali assistenza tikkonċerna oġġetti għall-użu fir-Russja, inkluża ż-Żona Ekonomika Esklussiva u l-Blata Kontinentali tagħha, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fi kwalunkwe Stat ieħor;

b)      il-finanzjament jew l-assistenza finanzjarja relatati mal-oġġetti msemmija fl-Anness II, inklużi b’mod partikolari l-għotjiet, is-self u l-assigurazzjoni fuq il-kreditu għall-esportazzjoni, għal kull bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ dawk il-prodotti, jew għal kull forniment ta’ assistenza teknika relatata, direttament jew indirettament, lil kull persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja, inkluża ż-Żona Ekonomika Esklussiva u l-Blata Kontinentali tagħha jew, jekk tali assistenza tirrigwarda oġġetti għall-użu fir-Russja, inkluża ż-Żona Ekonomika Esklussiva u l-Blata Kontinentali tagħha, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fi kwalunkwe Stat ieħor.

F’każijiet debitament ġustifikati ta’ emerġenza msemmija fl-Artikolu 3(5), il-provvista tas-servizzi msemmija f’dan il-paragrafu tista’ tipproċedi mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel, sakemm l-esportatur jinnotifika lill-awtorità kompetenti fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol wara l-provvista tas-servizzi.

4.      Fejn l-awtorizzazzjonijiet huma mitluba skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, l-Artikolu 3, u b’mod partikolari l-paragrafi 2 u 5 tiegħu, għandhom japplikaw mutatis mutandis.”

23      L-Artikolu 4a tad-deċiżjoni kkontestata, kif inserit permezz tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni 2014/659, u sussegwentement emendat permezz tal-Artikolu 1(6) tad-Deċiżjoni 2014/872, jipprevedi:

“1.      Il-forniment dirett jew indirett ta’ servizzi assoċjati meħtieġa għall-kategoriji segwenti ta’ proġetti ta’ esplorazzjoni u produzzjoni fir-Russja, inkluża ż-Żona Ekonomika Esklużiva u l-Blata Kontinentali tagħha, minn ċittadini tal-Istati Membri, jew mit-territorji tal-Istati Membri, jew bl-użu ta’ bastimenti jew ajruplani taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri, għandu jkun ipprojbit:

a)      l-esplorazzjoni u l-produzzjoni taż-żejt fl-ilmijiet aktar fondi minn 150 metru;

b)      l-esplorazzjoni u l-produzzjoni taż-żejt fiż-żona lil hinn mill-kosta fit-tramuntana taċ-Ċirku tal-Artiku;

c)      proġetti li jkollhom il-potenzjal li jipproduċu ż-żejt minn riżorsi li jinsabu f’formazzjonijiet ta’ shale permezz ta’ fratturazzjoni idrawlika; dan ma japplikax għall-esplorazzjoni u l-produzzjoni f’formazzjonijiet ta’ shale bl-għan li jinstab jew jiġi estratt żejt minn depożiti mhux tax-shale.

2.      Il-projbizzjoni stipulata fil-paragrafu 1 għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratti jew ftehimiet qafas konklużi qabel it-12 ta’ Settembru 2014 jew kuntratti anċillari neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratti.

3.      Il-projbizzjoni stipulata fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika fejn is-servizzi inkwistjoni jkunu neċessarji għall-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni urġenti ta’ xi avveniment li probabbilment ikollu impatt serju u sinifikanti fuq is-saħħa u s-sikurezza tal-bniedem jew l-ambjent.”

24      Bl-istess mod, l-Artikolu 3a tar-regolament ikkontestat, kif inserit permezz tal-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 960/2014, u sussegwentement emendat permezz tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament Nru 1290/2014, jipprevedi:

“1.      Għandu jkun ipprojbit il-forniment, dirett jew indirett, tas-servizzi assoċjati li jkunu meħtieġa għall-kategoriji segwenti ta’ proġetti ta’ esplorazzjoni u produzzjoni fir-Russja, inkluża ż-Żona Ekonomika Esklussiva u l-Blata Kontinentali tagħha:

a)      esplorazzjoni u produzzjoni taż-żejt f’ilmijiet aktar fondi minn 150 metru;

b)      esplorazzjoni u produzzjoni taż-żejt fiż-żona lil hinn mill-kosta fit-tramuntana taċ-Ċirku Artiku; jew

c)      proġetti li jkollhom il-potenzjal li jipproduċu ż-żejt minn riżorsi li jinsabu f’formazzjonijiet ta’ shale permezz ta’ fratturazzjoni idrawlika; dan ma japplikax għall-esplorazzjoni u l-produzzjoni f’formazzjonijiet ta’ shale bl-għan li jinstab jew jiġi estratt żejt minn depożiti mhux tax-shale.

Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, servizzi assoċjati tfisser:

i)      it-tħaffir,

ii)      ittestjar ta’ bjar,

iii)      servizzi ta’ logging u tlestija,

iv)      forniment ta’ bastimenti speċjalizzati li jżommu f’wiċċ l-ilma.

2.      Il-projbizzjonijiet fil-paragrafu 1 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-eżekuzzjoni ta’ obbligu li jirriżulta minn kuntratt jew ftehim qafas konkluż qabel it-12 ta’ Settembru 2014 jew kuntratti anċillari meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratt.

3.      Il-projbizzjoni fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika fejn is-servizzi inkwistjoni jkunu meħtieġa għall-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni urġenti ta’ avveniment li probabbilment ikollu impatt serju u sinifikanti fuq is-saħħa u s-sikurezza tal-bniedem jew l-ambjent.

Il-fornitur tas-servizz għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol wara kwalunkwe attività li tkun saret taħt dan il-paragrafu, filwaqt li jagħti dettalji dwar il-ġustifikazzjoni rilevanti għall-bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni.”

25      L-Artikolu 7(1)(a) tad-deċiżjoni kkontestata, kif emendat permezz tal-Artikolu 1(4) tad-Deċiżjoni 2014/659, jipprevedi:

“1.      L-ebda pretensjoni b’konnessjoni ma’ kwalunkwe kuntratt jew transazzjoni fejn il-prestazzjoni ta’ dawn ġiet affettwata, direttament jew indirettament, b’mod sħiħ jew parzjalment, mill-miżuri imposti skont din id-Deċiżjoni, inklużi pretensjonijiet għal indennizz jew kwalunkwe pretensjoni oħra ta’ dan it-tip, bħal pretensjoni għal kumpens jew pretensjoni taħt garanzija, b’mod partikolari pretensjoni għal estensjoni jew ħlas ta’ bond, garanzija jew indennizz, b’mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta’ kwalunkwe għamla, ma tiġi sodisfatta, jekk din issir minn:

a)      entitajiet imsemmijin [fl-Artikolu 1(1)(b) jew (c)] u [fl-Artikolu 1(2)(c) jew (d),] jew elenkati fl-Anness I, II, III jew IV”.

26      Bl-istess mod, l-Artikolu 11(1)(a) tar-Regolament Nru 833/2014, kif emendat permezz tal-Artikolu 1(5a) tar-Regolament Nru 960/2014, jipprevedi:

“1.      L-ebda pretensjoni b’konnessjoni ma’ xi kuntratt jew tranżazzjoni fejn l-eżekuzzjoni tagħhom ġiet affettwata, direttament jew indirettament, b’mod sħiħ jew parzjalment, mill-miżuri imposti skont dan ir-Regolament, inklużi pretensjonijiet għal indennizz jew kwalunkwe pretensjoni oħra ta’ dan it-tip, bħal pretensjoni għal kumpens jew pretensjoni taħt garanzija, b’mod partikolari pretensjoni għal estensjoni jew ħlas ta’ bond, garanzija jew indennizz, b’mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta’ kwalunkwe għamla, ma għandha tiġi sodisfatta, jekk din issir minn:

a)      entitajiet imsemmijin [fl-Artikolu 5(1)(b) u (c),] u [fl-Artikolu 5(2)(c) u (d),] jew elenkati fl-Annessi III, IV, V u VI”.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

27      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Ottubru 2014, ir-rikorrenti ressqet l-azzjoni tagħha fil-Kawża T‑735/14.

28      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Diċembru 2014, ir-rikorrenti ressqet l-azzjoni tagħha fil-Kawża T‑799/14.

29      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Jannar 2015, ir-rikorrenti talbet li l-Kawżi T‑735/14 u T‑799/14 jingħaqdu u adattat ir-rikorsi fl-imsemmija kawżi biex jittieħed kont tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2014/872 u tar-Regolament Nru 1290/2014.

30      B’deċiżjoni tal-President tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Marzu 2015, il-Kawżi T‑735/14 u T‑799/14 ġew magħquda għall-finijiet tal-fażi bil-miktub u tal-fażi orali tal-proċedura, konformement mal-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991.

31      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq talbu li jintervjenu fil-proċedura preżenti insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Permezz ta’ digrieti tal-24 ta’ Ġunju 2015, il-President tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza dawn l-interventi. L-intervenjenti ppreżentaw in-noti tagħhom u l-partijiet prinċipali ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar dawn in-noti fit-termini mogħtija.

32      Permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Ottubru 2015, il-President tad-Disa’ Awla, wara li ġabar l-osservazzjonijiet tal-partijiet, ordna s-sospensjoni tal-proċedura sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti s-sentenza tagħha fil-Kawża C‑72/15, Rosneft.

33      Wara s-sentenza tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft (C‑72/15, EU:C:2017:236), is-sospensjoni tal-proċedura ġiet fi tmiemha, skont l-Artikolu 71(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

34      F’dan il-kuntest, il-partijiet prinċipali ġew mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mis-sentenza tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft (C‑72/15, EU:C:2017:236), f’dak li jirrigwarda l-motivi u l-argumenti mqajma fil-kuntest ta’ dawn ir-rikorsi. Il-partijiet wieġbu għal din it-talba fit-terminu mogħti.

35      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali ġiet mibdula, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Sitt Awla, u l-kawżi preżenti ġew għalhekk assenjati lil din l-awla, skont l-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura.

36      Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tat-12 ta’ Ottubru 2017, il-partijiet ġew mistiedna jippreċiżaw ċerti argumenti dwar l-ammissibbiltà tar-rikors.

37      Fil-Kawża T‑735/14, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata, kif emendat permezz tal-Artikolu 1(5) tad-Deċiżjoni 2014/872;

–        tannulla l-Artikolu 3 u l-Artikolu 4(3) u (4) tar-regolament ikkontestat, kif emendati permezz tal-Artikolu 1(3) u (5) tar-Regolament Nru 1290/2014;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

38      Fil-Kawża T‑799/14, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 4a tad-deċiżjoni kkontestata, kif inserit permezz tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni 2014/659 u emendat permezz tal-Artikolu 1(6) tad-Deċiżjoni 2014/872;

–        tannulla l-Artikolu 3a tar-regolament ikkontestat, kif inserit permezz tal-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 960/2014 u emendat permezz tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament Nru 1290/2014;

–        tannulla l-Artikolu 1(2)(b) sa (d), (3) u (4) u l-Anness III tad-deċiżjoni kkontestata, kif inseriti jew emendati permezz tal-Artikolu 1(1) u l-Anness tad-Deċiżjoni 2014/659 u permezz tal-Artikolu 1(1)(a) u (b) tad-Deċiżjoni 2014/872, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernawha;

–        tannulla l-Artikolu 5(2)(b) sa (d), (3) u (4) u l-Anness VI tar-regolament ikkontestat, kif inseriti jew emendati permezz tal-Artikolu 1(5) u (9) u l-Anness III tar-Regolament Nru 960/2014 u permezz tal-Artikolu 1(6) u (7) tar-Regolament Nru 1290/2014, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernawha;

–        tannulla l-Artikolu 7(1)(a) tad-deċiżjoni kkontestata, kif emendat permezz tal-Artikolu 1(4) tad-Deċiżjoni 2014/659, sa fejn din id-dispożizzjoni tikkonċernaha;

–        tannulla l-Artikolu 11(1)(a) tar-regolament ikkontestat, kif emendat permezz tal-Artikolu 1 (5a)(a) tar-Regolament Nru 960/2014;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

39      Fil-Kawża T‑735/14, il-Kunsill jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors fir-rigward tal-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata minħabba nuqqas ta’ ġurisdizzjoni jew, sussidjarjament, bħala inammissibbli;

–        tiċħad ir-rikors fir-rigward tal-Artikolu 3 u l-Artikolu 4(3) u (4) tar-regolament ikkontestat bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

40      Fil-Kawża T‑799/14, il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata minħabba nuqqas ta’ ġurisdizzjoni jew, sussidjarjament, bħala inammissibbli;

–        tiċħad ir-rikors fir-rigward tar-regolament ikkontestat bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

41      Fir-risposta bil-miktub tiegħu għad-domanda tal-Qorti Ġenerali wara s-sentenza tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft (C‑72/15, EU:C:2017:236), il-Kunsill speċifika li huwa kien qiegħed jikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali, abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, biss fir-rigward tal-Artikoli 4 u 4a tad-deċiżjoni kkontestata.

42      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali sabiex, fil-Kawżi magħquda T‑735/14 u T‑799/14, tiċħad ir-rikorsi fl-intier tagħhom.

43      Ir-Renju Unit jitlob lill-Qorti Ġenerali sabiex, fil-Kawżi magħquda T‑735/14 u T‑799/14, tiċħad ir-rikorsi.

 Id-dritt

44      Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tgħaqqad il-Kawżi T‑735/14 u T‑799/14 għall-finijiet tas-sentenza, skont l-Artikolu 68(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

45      Sussegwentement, għandha tiġi eżaminata l-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali u l-ammissibbiltà tar-rikors, li huma kkontestati mill-Kunsill.

 Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali

46      Għal dak li jirrigwarda l-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tieħu konjizzjoni tat-talba intiża għall-annullament tal-Artikolu 1(2)(b) sa (d), (3) u (4), tal-Artikolu 4, tal-Artikolu 4a, tal-Artikolu 7(1)(a) u tal-Anness III tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill indika, fir-risposta bil-miktub tiegħu għad-domanda tal-Qorti Ġenerali wara s-sentenza tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft (C‑72/15, EU:C:2017:236), li ma kienx għadu jikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tistħarreġ il-legalità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 4 u 4a tad-deċiżjoni kkontestata.

47      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li dawn id-dispożizzjonijiet kellhom portata ġenerali, peress li dawn kellhom l-għan li jipprojbixxu l-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ ċertu tagħmir li jinsab fl-anness tad-deċiżjoni kkontestata jew servizzi oħra assoċjati għal ċerti kategoriji ta’ proġetti ta’ produzzjoni jew ta’ esplorazzjoni fir-Russja, irrispettivament mill-identità u n-numru ta’ impriżi li jistgħu jużaw dawn it-teknoloġiji jew servizzi, u mingħajr ebda indikazzjoni ta’ isem ir-rikorrenti f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, dawn id-dispożizzjonijiet ma jikkostitwixxux miżuri restrittivi fil-konfront ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE.

48      Barra minn hekk, il-Kunsill iqis li l-fatt li r-rikorrenti hija waħda miż-żewġ operaturi prinċipali Russi li jagħmlu użu mit-teknoloġiji msemmija fl-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata ma huwiex biżżejjed sabiex din id-dispożizzjoni tkun ta’ natura suffiċjentement individwali biex titqies bħala deċiżjoni li tipprevedi miżuri restrittivi fil-konfront tagħha, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE.

49      Ir-rikorrenti tikkontesta dawn l-argumenti u ssostni, f’kull każ, li l-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ id-dispożizzjonijiet kollha tar-regolament ikkontestat.

50      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja u, għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali għandhom ġurisdizzjoni sabiex “[j]iddeċied[u] dwar rikorsi, mressqa skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 263 ta’ dan it-Trattat dwar il-legalità ta’ deċiżjonijiet li jipprovdu miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi adottati mill-Kunsill abbażi tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-[TUE]”.

51      Min-naħa l-oħra, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE jipprevedi li “[i]l-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea m’għandiex tkun kompetenti fir-rigward tad-dispożizzjonijiet relatati mal-politika estera u ta’ sigurtà komuni, u lanqas fir-rigward ta’ l-atti adottati abbażi tagħhom.”

52      Skont il-ġurisprudenza, il-miżuri restrittivi jidhru, fl-istess waqt, bħala atti ta’ portata ġenerali sa fejn huma jipprojbixxu kategorija ġenerali u astratta ta’ destinatarji milli jpoġġu riżorsi ekonomiċi għad-dispożizzjoni tal-entitajiet li jaqgħu taħt l-annessi tagħhom, u kif ukoll bħala deċiżjonijiet individwali fir-rigward ta’ dawn l-entitajiet (ara s-sentenza tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      Għandu jitfakkar barra minn hekk li, fir-rigward tal-atti adottati abbażi tad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK), hija n-natura individwali ta’ dawn l-atti li tagħti, skont il-kliem tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, l-aċċess għall-qrati tal-Unjoni (ara s-sentenza tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      Minkejja l-fatt li tali miżuri jistgħu wkoll jimmiraw, b’mod individwali, entitajiet oħrajn ta’ industrija partikolari fi Stat terz, xorta jibqa’ l-fatt li min-natura tal-imsemmija miżuri jirriżulta li, fil-każ li l-legalità ta’ dawn tal-aħħar tiġi kkontestata, dawn għandhom ikunu jistgħu jiġu suġġetti, konformement mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 104).

55      F’dan il-każ, għandu jitfakkar li l-Artikolu 1(2)(b) sa (d), u (3) tad-deċiżjoni kkontestata jipprojbixxi lill-operaturi kollha tal-Unjoni milli jwettqu ċerti tipi ta’ tranżazzjonijiet finanzjarji jew li jikkonkludu xi tipi ta’ ftehimiet ma’ entitajiet stabbiliti fir-Russja li huma kkontrollati mill-Istat jew miżmuma iktar minn 50 % mill-Istat, b’attiv totali stmat għal iktar minn triljun rubil Russu (RUB) (madwar EUR 13 biljun), u li tal-inqas 50 % tad-dħul stmat tagħhom ġej mill-bejgħ jew mit-trasport taż-żejt mhux maħdum jew ta’ prodotti petroliferi fit-12 ta’ Settembru 2014, li ismihom jinsab fl-Anness III tal-imsemmija deċiżjoni, jew ma’ kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp stabbilit barra l-Unjoni li iktar minn 50 % minnhom huwa miżmum minn entità li isimha jidher fl-Anness III tal-imsemmija deċiżjoni jew li taġixxi f’isem jew fuq struzzjonijiet ta’ entità li taqa’ fiż-żewġ kategoriji msemmija hawn fuq.

56      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, billi stabbilixxa l-kriterji, previsti fl-Artikolu 1(2)(b) sa (d) tad-deċiżjoni kkontestata, li jippermettu li tiġi identifikata r-rikorrenti, u billi fl-Anness III ta’ din id-deċiżjoni rrefera għaliha, il-Kunsill adotta miżuri restrittivi fil-konfront ta’ din il-persuna ġuridika partikolari.

57      L-Artikolu 1(3) u (4) tad-deċiżjoni kkontestata jippermetti wkoll li tiġi identifikata direttament ir-rikorrenti, sa fejn jirreferi għall-entitajiet u għall-korpi msemmija fil-paragrafu (1) jew (2) ta’ dan l-artikolu, fosthom ir-rikorrenti.

58      Bl-istess mod, l-Artikolu 7 tad-deċiżjoni kkontestata jirreferi wkoll b’mod espliċitu għall-entitajiet fl-Anness III tad-deċiżjoni kkontestata, fosthom ir-rikorrenti.

59      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-Artikoli 4 u 4a tad-deċiżjoni kkontestata, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-istħarriġ tal-legalità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma jaqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali.

60      Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex immirati lejn persuni fiżiċi jew ġuridiċi identifikati, iżda japplikaw għall-operaturi kollha involuti fil-bejgħ, fil-forniment, fit-trasferiment jew fl-esportazzjoni ta’ tagħmir li jaqa’ taħt l-obbligu ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u għall-fornituri kollha ta’ servizzi assoċjati b’mod ġenerali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-miżuri previsti fl-Artikoli 4 u 4a tad-deċiżjoni kkontestata ma jikkostitwixxux miżuri restrittivi fil-konfront ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, iżda miżuri ta’ portata ġenerali, li fir-rigward tagħhom la l-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas il-Qorti Ġenerali ma għandhom ġurisdizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punti 97 sa 99).

61      Din is-soluzzjoni ma tinbidilx mill-fatt li r-rikorrenti indikat li ser tikkontesta dawn id-dispożizzjonijiet biss sa fejn dawn kienu jikkonċernawha jew mill-fatt li hija waħda miż-żewġ kumpanniji taż-żejt li kisbu l-approvazzjonijiet meħtieġa biex iwettqu attivitajiet fuq il-blata kontinentali Russa, b’mod li dawn jipproduċu l-istess effetti ta’ miżuri restrittivi fir-rigward tagħha. Fil-fatt, iċ-ċirkustanza li l-imsemmija dipożizzjonijiet ġew applikati għar-rikorrenti ma tbiddilx in-natura legali tagħhom ta’ att ta’ portata ġenerali. F’dan il-każ, id-“deċiżjonijiet li jipprovdu miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi”, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE għandhom jinstabu fid-dispożizzjonijiet li permezz tagħhom isem ir-rikorrenti ġie inkluż fl-Anness III tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 104, u tal-4 ta’ Ġunju 2014, Sina Bank vs Il‑Kunsill, T‑67/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:348, punt 39). Dan huwa konformi mal-ġurisprudenza li skontha, fir-rigward tal-atti adottati abbażi tad-dispożizzjonijiet relattivi għall-PESK, hija n-natura individwali ta’ dawn l-atti li tagħti, konformement mal-kliem tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, l-aċċess għall-qrati tal-Unjoni (ara l-punt 53 iktar ’il fuq).

62      Għalhekk, hemm lok li jiġi konkluż li l-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikors tar-rikorrenti intiż għall-annullament tal-Artikolu 1(2)(b) sa (d), (3) u (4) tal-Anness III u tal-Artikolu 7(1)(a) tad-deċiżjoni kkontestata (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjonijiet kontenzjużi tad-deċiżjoni kkontestata”), sa fejn dawn jipprevedu miżuri restrittivi fil-konfront tagħha. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikors għal annullament sa fejn dan huwa dirett kontra l-Artikoli 4 u 4a tad-deċiżjoni kkontestata.

63      Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni wkoll sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikors għal annullament sa fejn dan huwa dirett kontra r-regolament ikkontestat, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, fatt li ma huwiex ikkontestat mill-Kunsill. Fil-fatt, għalkemm huwa intiż sabiex jimplimenta d-deċiżjoni kkontestata, li ġiet adottata fil-kuntest tal-PESK, ir-regolament ikkontestat ma huwiex “dispożizzjoni relatata mal-politika estera u ta’ sigurtà komuni” fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, li ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

 Fuq l-ammissibbiltà

64      Il-Kunsill isostni li r-rikors huwa inammissibbli, kemm sa fejn jirrigwarda l-Artikoli 3 u 3a, l-Artikolu 4(3) u (4), l-Artikolu 5(2)(b) sa (d), (3) u (4), l-Anness VI u l-Artikolu 11(1)(a) tar-regolament ikkontestat kif ukoll sa fejn jirrigwarda d-dispożizzjonijiet kontenzjużi tad-deċiżjoni kkontestata (iktar ’il quddiem, flimkien, id-“dispożizzjonijiet kontenzjużi”), peress li l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263, li għalih jirreferi espressament it-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, ma humiex issodisfatti, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-inċidenza diretta tar-rikorrenti.

65      Fil-fatt, l-ewwel nett, ir-rikorrenti ma hijiex direttament ikkonċernata mid-dispożizzjonijiet kontenzjużi, peress li dawn għandhom neċessarjament jiġu implimentati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tal-Unjoni, li għandhom marġni ta’ diskrezzjoni għal dan il-għan. Skont l-Artikolu 4(3) tad-deċiżjoni kkontestata, huma dawn l-awtoritajiet li għandhom jistabbilixxu jekk il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tat-tagħmir inkwistjoni jew il-provvista tas-servizzi kkonċernati humiex intiżi għall-esplorazzjoni u għall-produzzjoni taż-żejt fl-ilmijiet fondi jew fl-Artiku jew għal proġetti fil-qasam taż-żejt tax-shale fir-Russja. Bl-istess mod, l-Artikolu 3 u l-Artikolu 4(3) u (4) tar-regolament ikkontestat jeżiġu li tinkiseb awtorizzazzjoni minn qabel mingħand l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għal kwalunkwe forniment jew esportazzjoni ta’ ċerti teknoloġiji li huma intiżi għall-esplorazzjoni u għall-produzzjoni taż-żejt fl-ilmijiet fondi jew fl-Artiku jew għal proġetti fil-qasam taż-żejt tax-shale fir-Russja, kif ukoll għas-servizzi ta’ assistenza teknika jew ta’ senserija jew il-finanzjament jew l-għajnuna finanzjarja relatati ma’ dawn it-teknoloġiji.

66      Barra minn hekk, il-Kunsill jinnota li, meta d-dispożizzjonijiet kontenzjużi ġew adottati inizjalment, it-tifsira preċiża ta’ ċerti termini ewlenin ma kinitx stabbilita u ġiet stabbilita biss iktar tard, fid-Deċiżjoni 2014/872 u fir-Regolament Nru 1290/2014. Madankollu, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom xorta waħda ċerta marġni ta’ diskrezzjoni.

67      It-tieni nett, il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, isostni li r-rikorrenti ma hijiex direttament ikkonċernata mid-dispożizzjonijiet kontenzjużi sa fejn dawn ma jipproduċux direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tagħha, fis-sens tal-ġurisprudenza. Fil-fatt, f’dan il-każ, il-fornituri u l-esportaturi ta’ teknoloġiji u servizzi assoċjati tal-Unjoni huma suġġetti għar-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni previsti mid-dispożizzjonijiet kontenzjużi, iżda dawn ir-restrizzjonijiet la japplikaw għar-rikorrenti u lanqas għall-industrija taż-żejt fir-Russja. Barra minn hekk, xejn f’dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprojbixxi lir-rikorrenti milli twettaq l-esplorazzjoni u l-produzzjoni taż-żejt fl-ilmijiet fondi jew fl-Artiku jew inkella proġetti fil-qasam taż-żejt tax-shale fir-Russja. Anki jekk din ma għadhiex tista’ takkwista t-teknoloġiji elenkati mingħand il-fornituri tal-Unjoni għall-użu f’dawn il-proġetti, u lanqas ma għadha tista’ tikseb assistenza teknika jew finanzjarja relatata, dan ma jfissirx li ġew prodotti effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali tagħha. L-istess kunsiderazzjonijiet japplikaw ukoll fir-rigward, b’mod partikolari, tar-restrizzjonijiet għall-aċċess għas-swieq tal-kapital tal-Unjoni jew dawk li jirrigwardaw is-self u l-krediti l-ġodda b’maturità li taqbeż it-30 jum.

68      It-tielet nett, b’risposta għal domanda tal-Qorti Ġenerali, il-Kunsill u l-Kummissjoni indikaw li l-Artikolu 3 u l-Artikolu 4(3) u (4) tar-regolament ikkontestat jinvolvu miżuri ta’ implimentazzjoni, peress li dawn jipprevedu sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel. Għaldaqstant, ir-rikorrenti jkollha mhux biss turi li hija kkonċernata direttament, iżda wkoll li hija individwalment ikkonċernata minn dawn id-dispożizzjonijiet, li ma huwiex il-każ f’din il-kawża.

69      Ir-rikorrenti tikkontesta dawn l-argumenti.

70      Għandha ssir distinzjoni bejn il-kwistjoni tal-locus standi tar-rikorrenti fil-konfront tad-dispożizzjonijiet kontenzjużi tad-deċiżjoni kkontestata u l-Artikolu 5(2)(b) sa (d), (3) u (4), l-Anness VI u l-Artikolu 11(1)(a) tar-regolament ikkontestat (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għas-suq tal-kapital”), minn naħa, u fil-konfront tal-Artikoli 3, 3a u l-Artikolu 4(3) u (4) tar-regolament ikkontestat (iktar’ il quddiem id-“dispożizzjonijiet tar-regolament ikkontestat dwar ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni”), min-naħa l-oħra.

 Fuq il-locus standi tar-rikorrenti fil-konfront tad-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għas-suq tal-kapital

71      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni paragrafi, tressaq rikors kontra atti indirizzati lilha jew li jirrigwardawha direttament u individwalment, kif ukoll kontra kull att regolatorju li jirrigwardaha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni. It-tieni parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE għaldaqstant tispeċifika li jekk il-persuna fiżika jew ġuridika li tippreżenta r-rikors għal annullament ma tkunx id-destinatarju tal-att ikkontestat, l-ammissibbiltà tar-rikors tkun suġġetta għall-kundizzjoni li r-rikorrenti tkun direttament u individwalment ikkonċernata minnu. Barra minn hekk, it-Trattat ta’ Lisbona żied, mar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, it-tielet parti, li naqqset is-severità tal-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament ippreżentati minn persuni fiżiċi u ġuridiċi. Fil-fatt, din il-parti, mingħajr ma tissuġġetta l-ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament ippreżentati mill-persuni fiżiċi u ġuridiċi għall-kundizzjoni dwar l-inċidenza individwali, tagħti dan ir-rimedju fir-rigward tal-“atti regolatorji” li ma jinvolvux miżuri ta’ implimentazzjoni u li jikkonċernaw lir-rikorrenti direttament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punti 56 u 57).

72      L-ewwel nett, fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-inċidenza diretta tar-rikorrenti, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kundizzjoni li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun direttament ikkonċernata, kif previst fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, teħtieġ li l-miżura tal-Unjoni kkontestata tkun tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-individwu u ma tkun tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tagħha li huma inkarigati sabiex jimplimentawha, peress li din hija ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr l-applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2008, Il-Kummissjoni vs Infront WM, C‑125/06 P, EU:C:2008:159, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73      Issa, f’dan il-każ, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għas-suq tal-kapital jipprojbixxu b’mod partikolari lill-operaturi kollha tal-Unjoni milli jwettqu ċerti tranżazzjonijiet finanzjarji jew milli jikkonkludu ftehim ma’ entitajiet stabbiliti fir-Russja li huma kkontrollati mill-Istat jew miżmuma għal iktar minn 50 % mill-Istat, b’attiv totali li jkun stmat għal iktar minn triljun RUB u li minn tal-inqas 50 % tad-dħul stmat tagħhom joriġina mill-bejgħ jew mit-trasport taż-żejt mhux maħdum jew ta’ prodotti petroliferi fit-12 ta’ Settembru 2014, li isimhom jidher fl-Anness III tad-deċiżjoni kkontestata jew fl-Anness VI tar-regolament ikkontestat (ara l-punti 17 sa 20 iktar ’il fuq).

74      Għandu jiġi kkonstatat, għaldaqstant, li r-rikorrenti hija direttament ikkonċernata mid-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għas-suq tal-kapital, li ma jħallu ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji responsabbli mill-implimentazzjoni tagħhom. Fil-fatt, il-miżuri restrittivi li jirriżultaw minnhom japplikaw direttament fir-rigward tagħha, bħala konsegwenza immedjata tal-fatt li hija entità msemmija fl-Artikolu 1(2)(b), u (3) tad-deċiżjoni kkontestata u fl-Artikolu 5(2)(b), u (3) tar-regolament ikkontestat u li isimha jinsab fl-Anness III tad-deċiżjoni kkontestata u fl-Anness VI tar-regolament ikkontestat. F’dan ir-rigward, ma tantx hu rilevanti li dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux lir-rikorrenti milli twettaq it-tranżazzjonijiet imsemmija barra mill-Unjoni. Fil-fatt, huwa paċifiku li d-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għas-suq tal-kapital jimponu restrizzjonijiet fuq l-aċċess għas-suq tal-kapital tal-Unjoni lir-rikorrenti.

75      Bl-istess mod, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kunsill li s-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti ma hijiex direttament affettwata, peress li l-miżuri stabbiliti mid-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għas-suq tal-kapital japplikaw biss għall-korpi stabbiliti fl-Unjoni. Għalkemm huwa minnu li dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu projbizzjonijiet li japplikaw, fl-ewwel lok, għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u għall-korpi finanzjarji l-oħrajn stabbiliti fl-Unjoni, dawn il-projbizzjonijiet għandhom bħala għan u bħala effett li jaffettwaw direttament l-entitajiet, bħar-rikorrenti, li jsibu ruħhom limitati fl-attivita ekonomika tagħhom bħala riżultat tal-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri fir-rigward tagħhom. Huwa ovvju li huma l-korpi stabbiliti fl-Unjoni li għandhom japplikaw dawn il-miżuri, peress li l-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma humiex intiżi, fil-prinċipju, japplikaw barra mit-territorju tal-Unjoni. Madankollu, dan ma jfissirx li l-entitajiet affettwati mid-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għas-suq tal-kapital ma humiex direttament ikkonċernati mill-miżuri restrittivi applikati fil-konfront tagħhom. Tabilħaqq, il-fatt li l-operaturi tal-Unjoni jiġu pprojbiti milli jwettqu ċerti tipi ta’ tranżazzjonijiet ma’ entitajiet stabbiliti barra l-Unjoni huwa ekwivalenti għal projbizzjoni lil dawn l-entitajiet milli jwettqu t-tranżazzjonijiet inkwistjoni ma’ operaturi tal-Unjoni. Barra minn hekk, jekk it-teżi tal-Kunsill f’dan ir-rigward tintlaqa’, dan iwassal sabiex jitqies li, anki fil-każijiet ta’ ffriżar ta’ fondi individwali, il-persuni elenkati li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi ma humiex ikkonċernati direttament minn tali miżuri, peress li huma primarjament l-Istati Membri tal-Unjoni u l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom li għandhom japplikawhom.

76      Minbarra dan, huwa inutli li f’dan ir-rigward il-Kunsill jibbaża ruħu fuq il-kawża li tat lok għad-digriet tas-6 ta’ Settembru 2011, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il-Kunsill (T‑18/10, EU:T:2011:419). Fil-fatt, f’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li r-Regolament (KE) Nru 1007/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki (ĠU 2009, L 286, p. 36), kienet taffettwa biss is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti li kienu attivi fit-tqegħid, fis-suq tal-Unjoni, ta’ prodotti mill-foki u li kienu kkonċernati mill-projbizzjoni ġenerali ta’ tqegħid fis-suq ta’ dawn il-prodotti, b’differenza tar-rikorrenti li l-attività tagħhom ma kinitx it-tqegħid fis-suq ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawk li kienu jaqgħu taħt l-eċċezzjoni prevista mir-Regolament Nru 1007/2009, peress li, bħala prinċipju, it-tqegħid fis-suq tal-Unjoni ta’ prodotti mill-foki provenjenti minn forom ta’ kaċċa pprattikati tradizzjonalment mill-komunitajiet Inuit u minn komunitajiet indiġeni oħra għal skopijiet ta’ sussistenza baqgħet awtorizzata (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-6 ta’ Settembru 2011, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, T‑18/10, EU:T:2011:419, punt 79). F’dan il-każ, mill-banda l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti hija attiva fis-suq tas-servizzi finanzjarji koperti mid-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għas-suq tal-kapital, u mhux f’xi suq upstream jew downstream kwalunkwe ta’ dawn is-servizzi, kif isostni l-Kunsill. Fil-fatt, huwa minħabba d-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għas-suq tal-kapital li r-rikorrenti tinsab fl-impossibbiltà li twettaq ċerti tranżazzjonijiet finanzjarji pprojbiti ma’ korpi stabbiliti fl-Unjoni, filwaqt li fl-assenza ta’ dawn l-atti hija kien ikollha dritt li twettaq tali tranżazzjonijiet.

77      Bl-istess mod, għandu jitfakkar li l-Artikolu 7 tad-deċiżjoni kkontestata u l-Artikolu 11 tar-regolament ikkontestat jipprevedu li ma għandha tintlaqa’ ebda talba fl-okkażjoni ta’ kwalunkwe kuntratt jew tranżazzjoni li l-eżekuzzjoni tagħha kienet affettwata, direttament jew indirettament, b’mod sħiħ jew parzjalment, mill-miżuri stabbiliti permezz tal-imsemmija deċiżjoni jew tal-imsemmi regolament, meta tali talba titressaq, b’mod partikolari, minn entità elenkata fl-Anness III tad-deċiżjoni kkontestata jew fl-Anness VI tar-regolament ikkontestat. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti hija direttament ikkonċernata minn dawn id-dispożizzjonijiet, għaliex hija fost l-entitajiet elenkati fl-Anness li l-kapaċità tagħhom li jkunu parti fi proċeduri ġudizzjarji ġiet limitata.

78      Għandu jiġi konkluż, għaldaqstant, li r-rikorrenti hija direttament ikkonċernata mid-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għas-suq tal-kapital.

79      It-tieni nett, mingħajr il-bżonn li jiġi eżaminat jekk id-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għas-suq tal-kapital jinkludux miżuri ta’ implimentazzjoni, għandu jiġi rrilevat li l-kundizzjoni dwar l-inċidenza individwali, prevista mit-tieni każ tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, hija wkoll issodisfatta fil-kawża ineżami.

80      Fil-fatt, f’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li għalih jirreferi t-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, kull inklużjoni f’lista ta’ persuni jew ta’ entitajiet ikkonċernati minn miżuri restrittivi tiftaħ għal din il-persuna jew din l-entità, sa fejn fir-rigward tagħha din tkun tista’ tiġi assimilata għal deċiżjoni individwali, l-aċċess għall-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Novembru 2013, Il-Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, C‑348/12 P, EU:C:2013:776, punt 50; tal-1 ta’ Marzu 2016, National Iranian Oil Company vs Il‑Kunsill, C‑440/14 P, EU:C:2016:128, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81      Issa, f’dan il-każ, peress li isem ir-rikorrenti jissemma fil-listi tal-Anness III tad-deċiżjoni kkontestata u tal-Anness VI tar-regolament ikkontestat fost l-entitajiet li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti fl-Artikolu 1(2) tal-imsemmija deċiżjoni u fl-Artikolu 5(2) tar-regolament ikkontestat, ir-rikorrenti għandha titqies li hija kkonċernata individwalment minn dawn il-miżuri.

82      Kwalunkwe soluzzjoni oħra tkun tikser id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 263 u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE u għalhekk tkun kuntrarja għas-sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja stabbilita mit-Trattat FUE, kif ukoll għad-dritt għal rimedju effettiv stabbilit bl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2014, National Iranian Oil Company vs Il-Kunsill, T‑578/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:678, punt 36).

83      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li r-rikorrenti għandha tiġi ammessa sabiex titlob l-annullament tal-miżuri restrittivi stabbiliti mid-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għas-suq tal-kapital, sa fejn dawn jikkonċernawha.

 Fuq il-locus standi tar-rikorrenti fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tar-regolament ikkontestat dwar ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni

84      Preliminarjament, għandu jitfakkar, qabelxejn, li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikors għal annullament inkwantu dan huwa dirett kontra d-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata li jirrigwardaw ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni, jiġifieri l-Artikoli 4 u 4a tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn dawn huma miżuri ta’ portata ġenerali adottati fil-kuntest tal-PESK (ara l-punti 59 sa 62 iktar ’il fuq). Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sabiex teżamina l-legalità tad-dispożizzjonijiet ekwivalenti tar-regolament ikkontestat (ara l-punt 63 iktar ’il fuq).

85      Għalhekk huwa neċessarju li jiġi eżaminat il-locus standi tar-rikorrenti fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tar-regolament ikkontestat dwar ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (ara l-punt 71 iktar ’il fuq).

86      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, anki jekk id-dispożizzjonijiet tar-regolament ikkontestat dwar ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni jikkostitwixxu dispożizzjonijiet ta’ portata ġenerali, dawn jaffettwaw lir-rikorrenti direttament.

87      Fil-fatt, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet tar-regolament ikkontestat dwar ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni jipprevedu li “[g]ħandha tkun meħtieġa awtorizzazzjoni minn qabel għall-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, direttament jew indirettament, ta’ oġġetti kif elenkati fl-Anness II, kemm jekk joriġinaw fl-Unjoni kif ukoll jekk le, lil kull persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja, inkluża ż-Żona Ekonomika Esklussiva u l-Blata Kontinentali tagħha jew f’kull Stat ieħor, jekk tali oġġetti jkunu għall-użu fir-Russja, inkluża ż-Żona Ekonomika Esklussiva u l-Blata Kontinentali tagħha” (Artikolu 3(1)). Huwa ppreċiżat ukoll li “[l]-awtoritajiet kompetenti ma jagħtu awtorizzazzjoni għall-ebda bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ oġġetti inklużi fl-Anness II, jekk ikollhom raġunijiet validi biex jiddeterminaw li l-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-oġġetti huma maħsubin għal xi waħda mill-kategoriji ta’ proġetti ta’ esplorazzjoni u l-produzzjoni msemmija fil-paragarfu 3” (Artikolu 3(5)). Skont l-Artikolu 3a tar-regolament ikkontestat, il-projbizzjoni testendi wkoll għas-servizzi assoċjati elenkati f’dan l-artikolu. L-Artikolu 4(3) u (4) tal-imsemmi regolament jipprevedi l-applikazzjoni tal-istess proċedura ta’ awtorizzazzjoni minn qabel bħal dik prevista fl-Artikolu 3 għas-servizzi ta’ “assistenza teknika jew servizzi ta’ senserija relatati ma’ oġġetti elenkati fl-Anness II, u mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ dawk l-oġġetti” u għall-“finanzjament jew [għall]-assistenza finanzjarja relatati mal-oġġetti msemmija fl-Anness II, inklużi b’mod partikolari l-għotjiet, is-self u l-assigurazzjoni fuq il-kreditu għall-esportazzjoni”.

88      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti hija direttament ikkonċernata mid-dispożizzjonijiet tar-regolament ikkontestat dwar ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni, peress li hija wriet, permezz ta’ dokumenti ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali, li hija attiva fi proġetti ta’ esplorazzjoni u ta’ produzzjoni fir-Russja, bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 3(3) tar-regolament ikkontestat, jiġifieri l-esplorazzjoni u l-produzzjoni taż-żejt f’ilmijiet iktar fondi minn 150 metru, l-esplorazzjoni u l-produzzjoni taż-żejt fiż-żona lil hinn mill-kosta fit-tramuntana taċ-Ċirku Artiku jew il-proġetti li jkollhom il-potenzjal li jipproduċu ż-żejt minn riżorsi li jinsabu f’formazzjonijiet ta’ shale permezz ta’ fratturazzjoni idrawlika (iktar ’il quddiem il-“proġetti mhux konvenzjonali”) u mhux f’xi suq upstream jew downstream kwalunkwe tagħhom (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 76 iktar ’il fuq).

89      Fil-fatt, minħabba l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-regolament ikkontestat dwar ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni, ir-rikorrenti tinsab f’inkapaċità materjali u ġuridika li tikkonkudi kuntratti ġodda jew li titlob l-eżekuzzjoni ta’ kuntratti konklużi wara l-1 ta’ Awwissu 2014 ma’ operaturi tal-Unjoni, dwar oġġetti elenkati fl-Anness II tar-regolament ikkontestat, jekk dawn ikunu maħsuba għal proġetti mhux konvenzjonali. Hija għandha, barra minn hekk, titlob u tikseb awtorizzazzjoni minn qabel għall-kuntratti protetti minn drittijiet miksuba u l-kuntratti fir-rigward ta’ użi awtorizzati (Artikolu 3(1) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(5), Artikolu 3a(2), u Artikolu 4(3) tar-regolament ikkontestat).

90      Fir-rigward, sussegwentement, tal-argument tal-Kunsill li jgħid li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom marġni ta’ diskrezzjoni, b’mod li r-rikorrenti ma hijiex direttament ikkonċernata mid-dispożizzjonijiet tar-regolament ikkontestat fir-rigward ta’ restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm huwa minnu li dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel li permez tagħha dawn l-awtoritajiet għandhom jimplimentaw il-projbizzjonijiet previsti, fir-realtà ma għandhom ebda marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward.

91      Għalhekk, l-Artikolu 3(5) tar-regolament ikkontestat jipprevedi, pereżempju, li l-awtoritajiet kompetenti “ma jagħtu” ebda awtorizzazzjoni għall-bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni tal-oġġetti inklużi fl-Anness II jekk ikollhom raġunijiet validi sabiex jistabbilixxu li dan il-bejgħ, dan il-forniment, dan it-trasferiment jew din l-esportazzjoni jikkonċerna oġġetti maħsubin għal waħda mill-kategoriji ta’ proġetti ta’ esplorazzjoni u ta’ produzzjoni msemmija fil-paragrafu 3 tal-istess artikolu. Is-sempliċi evalwazzjoni, purament fattwali u upstream, li jistgħu jwettqu l-awtoritajiet nazzjonali hija għalhekk li jiġi ddeterminat jekk it-tranżazzjoni inkwistjoni tirrigwardax oġġetti intiżi għal waħda mill-kategoriji ta’ proġetti mhux konvenzjonali msemmija fil-paragrafu 3. Madankollu huma ma jistgħu jagħtu l-ebda awtorizzazzjoni jekk huma jkollhom raġunijiet raġonevoli biex jistabbilixxu li dan huwa l-każ.

92      L-istess jgħodd fir-rigward tal-Artikolu 4(3) u (4) tar-regolament ikkontestat, li jissuġġetta l-provvista ta’ ċerti servizzi ta’ assistenza teknika jew ta’ senserija, ta’ finanzjament jew ta’ assistenza finanzjarja relatati mat-teknoloġiji elenkati fl-Anness II għal awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità kkonċernata, sa fejn huwa previst li l-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, u b’mod partikolari l-paragrafi 2 u 5 tiegħu, għandhom japplikaw mutatis mutandis fejn huma mitluba awtorizzazzjonijiet.

93      L-Artikolu 3a tar-regolament ikkontestat lanqas ma jħalli ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali sa fejn dan jipprovdi li għandu jkun ipprojbit il-forniment, dirett jew indirett, tas-servizzi assoċjati li jkunu meħtieġa għall-kategoriji ta’ proġetti ta’ esplorazzjoni u ta’ produzzjoni fir-Russja, inkluża fiż-Żona Ekonomika Esklużiva u l-Blata Kontinentali tagħha, li huma msemmija fl-Artikolu 3(3) tar-regolament ikkontestat. Il-Kunsill irrikonoxxa wkoll, fir-rigward ta’ din id-dispożizzjoni, li din ma kien fiha ebda miżura ta’ eżekuzzjoni, li jimplika neċessarjament li ma jibqa’ l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni għall-awtoritajiet nazzjonali.

94      Għandu jiġi konkluż, għaldaqstant, li r-rikorrenti hija direttament ikkonċernata mid-dispożizzjonijiet tar-regolament ikkontestat dwar ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni.

95      B’risposta għal domanda tal-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, il-Kunsill u l-Kummissjoni argumentaw, madankollu, li l-kunċett ta’ inċidenza diretta fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, għandu jiġi interpretat b’mod iktar restrittiv fil-qasam tal-PESK milli f’oqsma oħra ta’ attivitajiet tal-Unjoni, bħal-liġi tal-kompetizzjoni jew l-għajnuna mill-Istat.

96      Madankollu, argument bħal dan ma jistax jintlaqa’.

97      Fil-fatt, il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE għandhom ikunu l-istess għar-rikorsi kollha ppreżentati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi kontra atti tal-Unjoni, irrispettivament mit-tip ta’ att jew il-qasam ikkonċernat. B’hekk, għalkemm huwa minnu li, skont il-ġurisprudenza, il-kundizzjoni li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun direttament ikkonċernata b’att tal-Unjoni tkun issodisfatta biss jekk l-att ikkontestat jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ din il-persuna, ma huwiex rari li l-ġurisprudenza tilqa’ bħala ammissibbli rikorsi għal annullament ippreżentati minn individwi kontra atti tal-Unjoni li l-effetti tagħhom fuq il-partijiet rikorrenti ma humiex effetti legali, fis-sens strett, imma effetti purament materjali minħabba l-fatt, pereżempju, li huma jkunu direttament ikkonċernati fil-kwalità tagħhom ta’ operaturi li jinsabu f’kompetizzjoni ma’ operaturi oħra. Għalhekk, sabiex tiġi stabbilita l-inċidenza diretta ta’ individwu, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss l-effetti ta’ att tal-Unjoni fuq il-pożizzjoni legali tagħha, iżda wkoll l-effetti materjali tiegħu fuqha, fejn tali effetti għandhom ikunu ikbar minn sempliċi effetti indiretti, u din hija xi ħaġa li għandha tiġi ddeterminata f’kull każ individwali b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kontenut regolatorju tal-att ġuridiku tal-Unjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-Kawża Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:21, punti 70 sa 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

98      It-tieni nett, għandu jiġi eżaminat jekk id-dispożizzjonijiet tar-regolament ikkontestat dwar ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni jipprevedux miżuri ta’ implimentazzjoni.

99      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, sabiex jiġi evalwat jekk att regolatorju jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni, hemm lok li ssir referenza għall-pożizzjoni tal-persuna li tinvoka d-dritt għal azzjoni skont l-aħħar parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Għalhekk huwa irrilevanti jekk l-att inkwistjoni jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward ta’ partijiet oħra fil-kawża (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il-Kummissjoni, C‑274/12 P, EU:C:2013:852, punt 30).

100    Issa, f’dan il-każ, kif il-Kunsill u l-Kummissjoni rrikonoxxew waqt is-seduta, ma huwiex evidenti li r-rikorrenti nnifisha tista’ titlob lill-awtoritajiet nazzjonali li tinħarġilha awtorizzazzjoni u li tkun tista’ tikkontesta l-att li jagħti tali awtorizzazzjoni jew li jirrifjutaha quddiem il-qrati nazzjonali, b’mod partikolari fir-rigward tat-tranżazzjonijiet relatati mal-proġetti mhux konvenzjonali, jiġifieri dawk li jikkonċernaw il-“bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ oġġetti inklużi fl-Anness II, jekk ikollhom raġunijiet validi biex jiddeterminaw li l-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-oġġetti huma maħsubin għal xi waħda mill-kategoriji ta’ proġetti ta’ esplorazzjoni u l-produzzjoni msemmija fil-paragarfu 3” (Artikolu 3(5) tar-regolament ikkontestat). L-istess jgħodd fir-rigward tas-servizzi assoċjati msemmija fl-Artikolu 3a tar-regolament ikkontestat.

101    Għalhekk, għall-kuntrarju ta’ dak li ssuġġerixxa l-Kunsill waqt is-seduta, ma jistax jitqies li dawn id-dispożizzjonijiet jinkludu miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward tar-rikorrenti għas-sempliċi fatt li hija tista’ eventwalment titlob lill-partijiet kontraenti tagħha stabbiliti fl-Unjoni jippreżentaw applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, sabiex tkun tista’ tikkontesta d-deċiżjonijiet meħuda minn dawn l-awtoritajiet quddiem il-qrati nazzjonali.

102    Barra minn hekk, kif sostniet ir-rikorrenti fir-risposta tagħha għal domanda tal-Qorti Ġenerali, anki jekk jitqies li awtorizzazzjoni tista’ eventwalment tintalab, tali talba tista’ twassal biss għal rifjut jekk hija tkun tindirizza waħda mit-tranżazzjonijiet relatati mal-proġetti mhux konvenzjonali msemmija fl-Artikolu 3(3) tar-regolament ikkontestat, skont l-Artikolu 3(5), l-Artikolu 3a u l-Artikolu 4(3) u (4) ta’ dan ir-regolament. Issa, f’tali każ, ikun artifiċjali jew eċċessiv li jiġi rikjest minn operatur li jitlob att ta’ implimentazzjoni bl-uniku skop li jkun jista’ jiġi kkontestat quddiem il-qrati nazzjonali, meta jkun evidenti li tali talba sejra neċessarjament tirriżulta f’rifjut, b’tali mod li hija ma kinitx tiġi ppreżentata fil-kors normali tan-negozju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2016, Doux vs Il-Kummissjoni, T‑434/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:7, punti 59 sa 64).

103    Għaldaqstant għandu jiġi konkluż li d-dispożizzjonijiet tar-regolament ikkontestat dwar ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni jikkostitwixxu dispożizzjonijiet regolatorji li ma jinvolvux miżuri ta’ implimentazzjoni, fis-sens tat-tielet każ imsemmi fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Ir-rikorrenti kellha għalhekk biss tistabbilixxi li hija kienet affettwata direttament minn dawn id-dispożizzjonijiet, kif għamlet f’dan il-każ. Għalhekk, ir-rikors tagħha għandu jiġi ddikjarat bħala ammissibbli, inkluż f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet tar-regolament ikkontestat dwar ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni.

104    Bħala konklużjoni, ir-rikors huwa ammissibbli inkwantu intiż kontra d-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għas-suq tal-kapital u kontra d-dispożizzjonijiet tar-regolament ikkontestat dwar ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni.

 Fuq il-mertu

105    Fil-Kawża T‑735/14, ir-rikorrenti tqajjem tliet motivi bbażati, l-ewwel nett, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tieni nett, fuq nuqqas ta’ bażi legali xierqa u, it-tielet nett, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tad-drittijiet fundamentali.

106    Fil-Kawża T‑799/14, ir-rikorrenti tqajjem erba’ motivi bbażati, l-ewwel nett, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tieni nett, fuq l-assenza ta’ bażi legali xierqa fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tar-regolament ikkontestat dwar ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni u d-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għas-suq tal-kapital, it-tielet nett, fuq ksur tal-Ftehim dwar Sħubija u l-Koperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u l-Federazzjoni Russa, min-naħa l-oħra, iffirmat fl-24 ta’ Ġunju 1994 u approvat f’isem il-Komunitajiet Ewropej bid-Deċiżjoni 97/800/KEFA, KE, Euratom tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, tat-30 ta’ Ottubru 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 26, p. 356, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Sħubija UE-Russja”) u, ir-raba’ nett, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tad-drittijiet fundamentali.

 Fuq l-ewwel motiv imqajjem fil-Kawżi T735/14 u T799/14, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

107    Permezz tal-ewwel motiv tagħha fiż-żewġ kawżi magħquda, ir-rikorrenti tinvoka ksur tal-Artikolu 296 TFUE, inkwantu d-deċiżjoni kkontestata u r-regolament ikkontestat (iktar ’il quddiem l-“atti kkontestati”) ma humiex immotivati sal-grad rikjest mil-liġi. Hija tqis li s-sanzjonijiet imposti permezz ta’ dawn l-atti huma miżuri mhux tas-soltu, li kienu għaldaqstant jeħtieġu motivazzjoni eżawrjenti. Issa, l-atti kkontestati lanqas biss jipprovaw jispjegaw għaliex il-proġetti mhux konvenzjonali huma s-suġġett ta’ miżuri restrittivi mmirati. Fil-fatt, dawn il-proġetti fil-biċċa l-kbira tagħhom jinsabu fl-istadju ta’ żvilupp u jibdew jipproduċu profitti taxxabbli għall-Gvern Russu mhux qabel għoxrin sena oħra. Bl-istess mod, ma huwiex spjegat għalfejn il-kategoriji ta’ tagħmir li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tar-regolament ikkontestat fir-rigward dwar ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni għandhom ikunu kkunsidrati bħala prodotti u teknoloġiji “sensittivi”.

108    Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għas-suq tal-kapital, ir-rikorrenti tqis ukoll li l-motivazzjoni tal-atti kkontestati ma tippermettix li wieħed jifhem kif dawn se jippermettu li jintlaħaq l-għan allegat ta’ dawn l-atti, li huwa li ssir pressjoni fuq il-Gvern Russu. Barra minn hekk, il-motivazzjoni pprovduta mill-Kunsill fir-risposta tiegħu kienet tardiva u, fi kwalunkwe każ, ma tippermettix li wieħed jiġġustifika r-raġunijiet għall-impożizzjoni ta’ tali restrizzjonijiet fuq ir-rikorrenti.

109    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li ma teżisti ebda motivazzjoni dwar ir-rabta meħtieġa bejnha u l-Gvern Russu, u lanqas dwar il-proporzjonalità tal-miżuri restrittivi jew l-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali tagħha, fatt dan li jagħmel iktar diffiċli l-kontestazzjoni tal-legalità ta’ dawn il-miżuri. Din l-assenza ta’ motivazzjoni hija f’kuntrast ċar mal-motivazzjoni mogħtija lill-individwi u l-entitajiet fil-mira tal-miżuri restrittivi l-oħra, bħall-iffriżar ta’ fondi. Jekk jiġi aċċettat li l-Kunsill jista’ jadotta kwalunkwe tip ta’ miżuri restrittivi mingħajr ma jipprovdi l-ebda motivazzjoni razzjonali, dan ikun inaċċetttabbli u jkun fundamentalment ta’ preġudizzju għall-istat tad-dritt.

110    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni u mir-Renju Unit, jikkontesta dawn l-argumenti.

111    Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, “[l]-atti legali għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet li fuqhom ikunu bbażati”. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta, li l-Artikolu 6(1) TUE jirrikonoxxilha l-istess valur legali bħat-Trattati, id-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi, fost l-oħrajn, “l-obbligu għall-amministrazzjoni li tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha”.

112    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE u mill-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta għandha tiġi adattata għan-natura tal-att ikkontestat u għall-kuntest li fih huwa ġie adottat. Hija għandha turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’tali mod li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u li tippermetti lill-qorti li jkollha ġurisdizzjoni li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-kawża ineżami (ara s-sentenza tal-14 ta’ April 2016, Ben Ali vs Il-Kunsill, T‑200/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:216, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2017, Almaz-Antey Air and Space Defence vs Il-Kunsill, T‑255/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:25, punt 56).

113    B’hekk, ma huwiex rikjest li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat. Għalhekk, minn naħa, att li jikkawża preġudizzju jkun motivat b’mod suffiċjenti jekk jiġi adottat f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata, li permezz tiegħu tkun tista’ tifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tagħha. Min-naħa l-oħra, il-livell ta’ preċiżjoni tal-motivazzjoni ta’ att għandu jkun proporzjonat għall-possibbiltajiet materjali u għall-kundizzjonijiet tekniċi jew ta’ terminu li fihom għandu jiġi adottat l-att (ara s-sentenza tal-14 ta’ April 2016, Ben Ali vs Il‑Kunsill, T‑200/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:216, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2017, Almaz-Antey Air and Space Defence vs Il-Kunsill, T‑255/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:25, punt 56).

114    Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, għandha ssir distinzjoni skont jekk il-motivazzjoni tal-atti kkontestati tirrigwardax dispożizzjonijiet ta’ portata ġenerali jew dispożizzjonijiet li, għar-rikorrenti, huma ekwivalenti għal miżuri restrittivi ta’ portata individwali.

115    Fil-fatt, fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet ta’ portata ġenerali bħalma huma d-dispożizzjonijiet tar-regolament ikkontestat dwar ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni, il-Kunsill huwa ġġustifikat li jsostni li l-motivazzjoni tista’ sempliċement tindika, minn naħa, is-sitwazzjoni ġenerali li wasslet għall-adozzjoni tagħhom u, min-naħa l-oħra, l-għanijiet ġenerali li huma intiżi jiksbu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 120 u l-ġurisprudenza ċċitata).

116    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għas-suq tal-kapital, għandu jitfakkar li dawn id-dispożizzjonijiet jikkostitwixxu, fir-rigward tar-rikorrenti, sa fejn dawn jikkonċernawha, miżuri restrittivi ta’ portata individwali (ara l-punti 56 u 81 iktar ’il fuq).

117    Issa, f’dan ir-rigward il-ġurisprudenza ppreċiżat li l-motivazzjoni ta’ att tal-Kunsill li jimponi miżura restrittiva ma kellhiex biss tidentifika l-bażi legali ta’ din il-miżura, iżda wkoll ir-raġunijiet speċifiċi u konkreti li għalihom, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu, il-Kunsill qies li l-persuna kkonċernata kellha tkun suġġetta għal tali miżura (ara s-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2014, National Iranian Tanker Company vs Il-Kunsill, T‑565/12, EU:T:2014:608, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2017, Almaz-Antey Air and Space Defence vs Il‑Kunsill, T‑255/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:25, punt 55).

118    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk il-Kunsill issodisfax l-obbligu tiegħu ta’ motivazzjoni, b’mod suffiċjenti fid-dritt, tad-dispożizzjonijiet kontenzjużi f’din il-kawża.

119    L-ewwel nett, fir-rigward, b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet tar-regolament ikkontestat dwar ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni, għandu jitfakkar li l-miżuri kollha inkwistjoni jagħmlu parti mill-kuntest, magħruf mir-rikorrenti, ta’ tensjoni internazzjonali li kien hemm qabel l-adozzjoni tal-atti kkontestati, imfakkar fil-punti 2 sa 16 iktar ’il fuq. Mill-premessi 1 sa 8 tad-deċiżjoni kkontestata u mill-premessa 2 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li l-għan iddikjarat tal-atti kkontestati huwa li tikber l-ispiża tal-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa intiżi li jdgħajfu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina u li tiġi mħeġġa soluzzjoni paċifika għall-kriżi. Barra minn hekk, il-premessa 12 tad-deċiżjoni kkontestata tippreċiża li l-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ ċerti oġġetti u teknoloġiji sensittivi għandhom ikunu pprojbiti meta huma jkunu intiżi għall-esplorazzjoni u l-produzzjoni taż-żejt fl-ilmijiet fondi, għall-esplorazzjoni u l-produzzjoni taż-żejt fl-Artiku jew għal proġetti fil-qasam taż-żejt tax-shale. L-atti kkontestati għaldaqstant jindikaw is-sitwazzjoni globali li wasslet għall-adozzjoni tagħhom u l-għanijiet ġenerali li huma jixtiequ jilħqu (sentenza tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 123).

120    It-tieni nett, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għas-suq tal-kapital, għandu jitfakkar li dawn jipprevedu miżuri restrittivi fil-konfront tar-rikorrenti, sa fejn isimha ġie inkluż fl-Anness III tad-deċiżjoni kkontestata u fl-Anness VI tar-regolament ikkontestat, f’dak li jikkonċerna l-attivitajiet ipprojbiti li huma msemmija fl-Artikolu 1(2)(b) sa (d) tad-deċiżjoni kkontestata u fl-Artikolu 5(2)(b) sa (d) tar-regolament ikkontestat, rispettivament.

121    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi miċħud l-argument tal-Kunsill li jgħid li l-kriterji ġurisprudenzjali dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ atti li jimponu miżuri restrittivi individwali ma humiex applikabbli f’dan il-każ.

122    Għandu jiġi kkunsidrat, madankollu, li “r-raġunijiet speċifiċi u konkreti” li għalihom il-Kunsill, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu, ikkunsidra li r-rikorrenti kellha tkun is-suġġett ta’ tali miżuri, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, jaqblu f’dan il-każ mal-kriterji stabbiliti fid-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għas-suq tal-kapital.

123    Fil-fatt, peress li r-rikorrenti hija waħda mill-entitajiet imsemmija, jiġifieri l-entitajiet “stabbiliti fir-Russja li huma kkontrollati mill-Istat jew miżmuma għal iktar minn 50 % mill-Istat, b’attiv totali li jkun stmat għal iktar minn triljun rubil Russu u li minn tal-inqas 50 % tad-dħul stmat tagħhom joriġina mill-bejgħ jew mit-trasport taż-żejt mhux maħdum jew ta’ prodotti petroliferi fit-12 ta’ Settembru 2014”, l-ebda motivazzjoni addizzjonali ma tista’ tiġi rikjesta għall-finijiet tal-inklużjoni ta’ isimha fl-annessi tal-atti kkontestati.

124    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-fatt li jsir użu mill-istess kunsiderazzjonijiet sabiex jiġu adottati miżuri restrittivi fil-konfront ta’ diversi persuni ma jeskludix li dawn il-kunsiderazzjonijiet iwasslu għal motivazzjoni suffiċjentement speċifika għal kull waħda mill-persuni kkonċernati (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il-Kunsill, T‑256/11, EU:T:2014:93, punt 115).

125    Ir-rikorrenti ssostni madankollu li l-Kunsill kien imissu espona r-raġunijiet speċifiċi għalfejn is-settur taż-żejt ġie mmirat u b’liema mod l-immirar ta’ dan is-settur jippermetti sabiex jiġi promoss l-għan segwit mill-miżuri inkwistjoni.

126    Madankollu għandu jitfakkar li ma huwiex rikjest li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti (ara l-punt 113 iktar ’il fuq). Għalhekk, il-Kunsill ma kellux għalfejn jimmotiva iktar r-raġunijiet li fuqu bbaża d-deċiżjoni tiegħu li jimponi miżuri restrittivi mmirati lejn ċerti setturi tal-ekonomija u li jipprojbixxi l-esportazzjoni ta’ ċerti oġġetti u servizzi meqjusa bħala “sensittivi”. Barra minn hekk, il-kwistjoni ta’ jekk miżuri bħal dawn humiex konformi mal-għanijiet tal-PESK, u jekk humiex xierqa u meħtieġa sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet taqa’ iktar taħt l-eżami tal-mertu tagħhom.

127    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti, li hija operatur ewlieni fis-settur taż-żejt fir-Russja u li, fid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2014/512, l-ishma tagħha kienu fil-biċċa l-kbira miżmuma, anki indirettament, mill-Istat Russu, ma setgħetx raġonevolment tinjora r-raġunijiet li għalihom il-Kunsill kien adotta miżuri mmirati fil-konfront tagħha. Konformement mal-għan li tikber l-ispiża tal-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa fil-konfront tal-Ukraina, l-Artikolu 1(2)(b) tad-Deċiżjoni 2014/512 jistabbilixxi restrizzjonijiet fil-konfront ta’ ċerti entitajiet tas-settur taż-żejt ikkontrollati mill-Istat Russu abbażi, b’mod partikolari, tal-attiv totali tagħhom, stmat iktar minn triljun rubil Russu. Peress li l-kuntest politiku fid-data tal-adozzjoni tal-imsemmija miżuri u l-importanza li s-settur taż-żejt għandu għall-ekonomija Russa huma barra minn hekk magħrufa, l-għażla li għamel il-Kunsill li jadotta miżuri restrittivi fil-konfront tal-atturi ta’ din l-industrija jista’ jinftiehem faċilment fid-dawl tal-għan iddikjarat tal-imsemmija atti (sentenza tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 124).

128    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li l-Kunsill immotiva suffiċjentement l-atti kkontestati u li l-ewwel motiv imqajjem fil-Kawżi T‑735/14 u T‑799/14 għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni motiv imqajjem fil-Kawżi T735/14 u T799/14, ibbażat fuq nuqqas ta’ bażi legali xierqa

129    Ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 215 TFUE, li jippermetti lill-Kunsill jadotta sanzjonijiet ekonomiċi kontra pajjiżi terzi, jista’ jintuża biss eċċezzjonalment sabiex jolqtu persuni u entitajiet speċifiċi, sakemm ikun hemm rabta suffiċjenti, minn naħa, bejn l-entità ssanzjonata u l-gvern tal-pajjiż terz ikkonċernat u, min-naħa l-oħra, bejn l-entità fil-mira u l-għan tal-miżura. Dawn il-prinċipji jirriżultaw ukoll mil-Linji gwida tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2005 dwar l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni ta’ miżuri restrittivi (sanzjonijiet) fil-qafas tal-PESK tal-Unjoni. Madankollu, dawn il-kundizzjonijiet ma humiex issodisfatti f’dan il-każ.

130    Fil-fatt, l-ewwel nett, ir-rabtiet bejn ir-rikorrenti u l-Gvern Russu huma insuffiċjenti, peress li hija bl-ebda mod ma hija emanazzjoni tal-Istat Russu u hija ma tipparteċipax fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, u lanqas ma tamministra servizz pubbliku taħt il-kontroll tal-awtoritajiet. Il-fatt li r-rikorrenti hija kumpannija rregolata mid-dritt privat li tagħmel parti mill-grupp Gazprom, li 50.23 % mill-ishma tiegħu huma miżmuma mill-Istat Russu, ma huwiex suffiċjenti f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, ma huwiex permess li wieħed jassumi l-eżistenza ta’ rabtiet mal-gvern Russu, mingħajr ma l-entità kkonċernata tiġi permessa ssostni l-fehma tagħha dwar dan is-suġġett.

131    It-tieni nett, l-atti kkontestati ma jispjegaw bl-ebda mod ir-rabta meħtieġa bejn l-entitajiet fil-mira tal-miżuri restrittivi u l-għan ta’ dawn il-miżuri. Huwa diffiċli li wieħed jifhem kif id-dispożizzjonijiet tar-regolament ikkontestat dwar ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni, li jirrigwardaw proġetti mhux konvenzjonali, jew id-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għas-suq tal-kapital jistgħu jikkontribwixxu għall-għanijiet tal-atti kkontestati. Il-Kunsill ma jistax jimponi miżuri bħal dawn, li jikkawżaw dannu kunsiderevoli għall-entitajiet imsemmija kif ukoll għas-sħab kummerċjali tagħhom fl-Unjoni, b’mod totalment arbitrarju.

132    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni u mir-Renju Unit, jikkontesta dawn l-argumenti.

133    L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li rabta suffiċjenti mal-Gvern Russu hija nieqsa fil-każ ineżami, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li l-Artikolu 215 TFUE jipprevedi li, minn naħa, meta deċiżjoni li tkun adottata skont il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE tipprevedi l-“interruzzjoni […] parzjali jew sħiħ, tar-relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji, ma’ pajjiż terz wieħed jew aktar”, il-Kunsill għandu jadotta l-miżuri neċessarji u, min-naħa l-oħra, li meta deċiżjoni adottata konformement mal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE tipprevedih, il-Kunsill jista’ jadotta “miżuri restrittivi […] kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi, gruppi jew entitajiet mhux Statali”. L-Artikolu 215(2) TFUE għalhekk jipprevedi l-possibbiltà li jiġu adottati miżuri restrittivi kontra entitajiet mhux Statali, bil-għan li tiġi implimentata deċiżjoni PESK adottata fuq il-bażi tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE.

134    Issa, kif ġie osservat iktar ’il fuq, id-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għas-suq tal-kapital jikkostitwixxu miżuri restrittivi fil-konfront tar-rikorrenti (ara l-punti 56 u 81 iktar ’il fuq). Fir-rigward ta’ dawn il-miżuri, ir-rikorrenti ma tistax issostni validament, għalhekk, li dawn għandhom neċessarjament ikunu imposti kontra entitajiet li għandhom rabta suffiċjenti mal-Gvern Russu.

135    Sussegwentement, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tar-regolament ikkontestat dwar ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni, għandu jitfakkar li l-għan ta’ dawn il-miżuri mhuwiex li jissanzjonaw ċerti entitajiet minħabba r-rabtiet tagħhom mas-sitwazzjoni fl-Ukraina, iżda li jiġu imposti sanzjonijiet ekonomiċi kontra l-Federazzjoni Russa, bil-għan li tikber l-ispiża tal-azzjonijiet tagħha intiżi sabiex idgħajfu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina u li tiġi mħeġġa s-soluzzjoni paċifika għall-kriżi.

136    Peress li dawn il-miżuri jikkonċernaw settur tal-ekonomija partikolari, minħabba l-importanza tiegħu għall-ekonomija tar-Russja jew minħabba r-rabta tiegħu mal-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa intiżi sabiex jiddestabbilizzaw l-Ukraina, ma huwiex meħtieġ li l-impriżi fil-mira jkunu impriżi Russi pubbliċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2017, Almaz-Antey Air and Space Defence vs Il-Kunsill, T‑255/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:25, punt 135).

137    F’dan ir-rigward, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2012, Tay Za vs Il‑Kunsill (C‑376/10 P, EU:C:2012:138), ma tistax tiġi utilment invokata mir-rikorrenti. Huwa minnu li, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet ħsieb tfakkar li l-kunċett ta’ “pajjiż terz”, fis-sens tal-Artikoli 60 u 301 KE, li jikkorrispondu, essenzjalment, għall-Artikolu 215(1) TFUE, seta’ jinkludi l-mexxejja ta’ tali pajjiż kif ukoll individwi u entitajiet li kienu assoċjati ma’ dawn il-mexxejja jew ikkontrollati direttament jew indirettament minnhom (ara s-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2012, Tay Za vs Il-Kunsill, C‑376/10 P, EU:C:2012:138, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). Hija għalhekk qieset li, billi ddeċidiet li kien permess li wieħed jassumi li l-membri tal-familja tal-mexxejja ta’ impriżi kienu jiksbu vantaġġ mill-funzjoni mwettqa minnhom b’tali mod li dawn kienu wkoll jibbenefikaw mill-politika ekonomika tal-gvern, u li, konsegwentement, kienet teżisti rabta suffiċjenti bejn l-appellant u r-reġim militari fil-Mjanmar, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2012, Tay Za vs Il-Kunsill, C‑376/10 P, EU:C:2012:138, punt 71).

138    Madankollu, għandu jitfakkar li, fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2012, Tay Za vs Il-Kunsill (C‑376/10 P, EU:C:2012:138), il-miżuri restrittivi adottati mill-Kunsill kienu bbażati fuq il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2006/318/PESK tas-27 ta’ April 2006 li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra l-Burma/il-Mjanmar (ĠU 2006, L 270M, p. 441). Dawn il-miżuri kienu jipprevedu, b’mod partikolari, l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi tal-membri tal-Gvern tal-Mjanmar u ta’ kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp assoċjat magħhom. L-isem tal-appellant, Pye Phyo Tay Za, kien ġie inkluż fil-lista tal-persuni suġġetti għal miżuri restrittivi, taħt it-Titolu J tal-Anness II tal-Pożizzjoni Komuni 2006/318 intitolat “[p]ersuni li jibbenefikaw mil-linji politiċi ekonomiċi tal-Gvern u persuni oħrajn assoċjati mar-reġim”, flimkien mal-informazzjoni “Iben Tay Za” (sentenza tat-13 ta’ Marzu 2012, Tay Za vs Il‑Kunsill, C‑376/10 P, EU:C:2012:138, punti 4 sa 11). Għalhekk, f’din il-kawża kellu jiġi ddeterminat jekk il-Qorti Ġenerali u l-Kunsill setgħux ġustament jikkonkludu li P. Tay Za, bħala membru tal-familja tal-mexxej ta’ impriża Tay Za, seta’ jitqies li jibbenefika personalment mill-politiki tal-gvern u għalhekk seta’ jitqies li huwa assoċjat ma’ dan ir-reġim, skont il-kriterji bażiċi stabbiliti fil-Pożizzjoni Komuni 2006/318. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma qegħditx fid-dubju, madankollu, il-possibbiltà li jiġu adottati sanzjonijiet ekonomiċi fil-konfront ta’ Stati terzi, u lanqas ma rrikjediet li l-entitajiet affettwati minn tali miżuri, mingħajr ma jkunu mmirati b’mod individwali, ikunu “emanazzjonijiet tal-Istat”, kif issostni r-rikorrenti.

139    Għall-kuntrarju, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kunsill għandu marġni diskrezzjonali wiesa’ meta jiddefinixxi l-għan ta’ miżuri restrittivi, u dan, b’mod partikolari, meta tali miżuri jipprevedu, konformement mal-Artikolu 215(1) TFUE, l-interruzzjoni jew it-tnaqqis, totali jew parzjali, tar-relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji ma’ pajjiż terz wieħed jew iktar (sentenza tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 132). Kwalunkwe miżura ta’ dan it-tip tinvolvi, mid-definizzjoni tagħha stess, effetti li jolqtu d-drittijiet għall-proprjetà u l-libertà ta’ eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali, u b’hekk toħloq danni lil partijiet li ma għandhom ebda responsabbiltà fir-rigward tas-sitwazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Lulju 1996, Bosphorus, C‑84/95, EU:C:1996:312, punt 22).

140    Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li rabta bejn l-entitajiet allegatament fil-mira tal-miżuri restrittivi inkwistjoni u l-Gvern Russu hija meħtieġa, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-fatt li hija miżmuma, anki indirettament, għal iktar minn 50 % mill-Istat Russu, ir-rikorrenti għandha titqies bħala impriża taħt il-kontroll tal-Istat Russu. Il-fatt li r-rikorrenti ma hijiex emanazzjoni tal-Istat, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2013, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, T‑35/10 u T‑7/11, EU:T:2013:397, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata), huwa irrilevanti f’dan ir-rigward, peress li ma huwiex meħtieġ li r-rikorrenti tkun entità li tipparteċipa fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika jew li tkun tamministra servizz pubbliku taħt il-kontroll tal-awtoritajiet sabiex hija tkun tista’ tintlaqat minn sanzjonijiet ekonomiċi adottati mill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 215(1) TFUE.

141    It-tieni nett, fir-rigward tal-allegata assenza ta’ rabta bejn il-miżuri adottati f’dan il-każ u l-għanijiet segwiti mill-atti kkontestati, hemm lok li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kunsill għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni bl-għan tal-adozzjoni ta’ miżuri ta’ sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji abbażi tal-Artikolu 29 TUE u l-Artikolu 215 TFUE. Peress li l-Qorti tal-Unjoni ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Kunsill fir-rigward tal-provi, tal-fatti u taċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ tali miżuri b’dik tagħha, l-istħarriġ li hija teżerċita għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali u ta’ motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti kif ukoll tal-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti u ta’ użu ħażin ta’ poter. Dan l-istħarriġ ristrett japplika, b’mod partikolari, għall-evalwazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet ta’ opportunità li fuqhom huma bbażati tali miżuri (ara s-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2017, Almaz-Antey Air and Space Defence vs Il-Kunsill, T‑255/15, mhux ippublikata, EU:T:2017:25, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata).

142    F’dan il-każ, mill-premessi 1 sa 8 tad-deċiżjoni kkontestata u mill-premessa 2 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li l-għan iddikjarat ta’ dawn l-atti huwa li tikber l-ispiża tal-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa intiżi li jdgħajfu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina u li tiġi mħeġġa soluzzjoni paċifika għall-kriżi. Tali għan huwa konsistenti ma’ dak taż-żamma tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali, konformement mal-għanijiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni elenkati fl-Artikolu 21 TUE (sentenza tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 115).

143    Issa, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat, u kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, teżisti tabilħaqq rabta loġika bejn il-fatt li jiġu mmirati l-impriżi tas-settur taż-żejt Russu, abbażi, b’mod partikolari, tal-attiv totali tagħhom, stmat iktar minn triljun RUB, fid-dawl tal-importanza ta’ dan is-settur għall-ekonomija tar-Russja, u l-għan tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, li huwa li tikber l-ispiża tal-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa intiżi li jdgħajfu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina u li tiġi mħeġġa soluzzjoni paċifika għall-kriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 147).

144    It-tielet nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-miżuri li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tar-regolament ikkontestat dwar ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni jirrigwardaw biss il-proġetti mhux konvenzjonali tas-settur taż-żejt u mhux is-settur taż-żejt inġenerali, li jkompli jiġġenera dħul sostanzjali għall-ekonomija Russa, għandu jiġi rrilevat li huwa possibbli għall-Kunsill jimponi, jekk iqis li hu xieraq, restrizzjonijiet li huma mmirati lejn impriżi attivi f’setturi speċifiċi tal-ekonomija Russa li fihom il-prodotti, it-teknoloġiji jew is-servizzi li ġejjin mill-Unjoni għandhom post partikolarment importanti. Fil-fatt, l-għażla li jiġu mmirrati impriżi jew setturi li jiddependu mit-teknoloġija l-iktar avvanzata jew minn kompetenza disponibbli prinċipalment fl-Unjoni tissodisfa l-għan li tiġi ggarantita l-effettività tal-miżuri restrittivi inkwistjoni u li jiġi evitat li l-effett ta’ dawn il-miżuri jkun innewtralizzat permezz tal-importazzjoni, lejn ir-Russja, ta’ prodotti, ta’ teknoloġiji jew ta’ servizzi ta’ sostituzzjoni provenjenti minn pajjiżi terzi (sentenza tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 132).

145    Il-fatt li l-proġetti mhux konvenzjonali fil-mira ta’ xi wħud minn dawn il-miżuri ma humiex se jiġġeneraw dħul immedjat għall-Istat Russu ma huwiex ta’ natura li jqiegħed inkwistjoni din il-konklużjoni, peress li, billi kkomprometta l-investiment u d-dħul futuri tal-entitajiet attivi fis-settur taż-żejt fil-mira ta’ dawn il-miżuri, il-Kunsill seta’ b’mod raġonevoli jistenna li dan jgħin sabiex issir pressjoni fuq il-Gvern Russu u sabiex tikber l-ispiża tal-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa intiżi li jdgħajfu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina.

146    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, hemm lok li t-tieni motiv imqajjem fil-Kawżi T‑735/14 u T‑799/14 jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tielet motiv imqajjem fil-Kawża T799/14, ibbażat fuq ksur tal-Ftehim ta’ Sħubija UE-Russja

147    Permezz tat-tielet motiv tagħha, ippreżentat biss fil-Kawża T‑799/14, ir-rikorrenti tinvoka ksur tal-l-Artikolu 52(5) u (9), tal-Artikolu 98(1) u tal-Artikolu 36 tal-Ftehim ta’ Sħubija UE-Russja. Hija ssostni li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom effett dirett sa fejn dawn jinkludu obbligi ċari u speċifiċi biżżejjed li, fl-eżekuzzjoni tagħhom jew fl-effetti tagħhom, ma humiex suġġetti għall-intervent ta’ att ulterjuri.

148    L-ewwel nett, ir-rikorrenti tqis li d-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għas-suq tal-kapital jiksru l-Artikolu 52(5) tal-Ftehim ta’ Sħubija UE-Russja, li jistipula li “il-Partijiet ma għandhom idaħħlu l-ebda restrizzjoni dwar il-moviment tal-kapital u l-ħlasijiet kurrenti konnessi miegħu bejn residenti tal-[Unjoni] u residenti tar-Russja u ma għandhomx jagħmlu l-arranġamenti eżistenti iktar restrittivi”. It-tieni nett, dawn id-dispożizzjonijiet imorru kontra l-Artikolu 52(9) tal-Ftehim ta’ Sħubija UE-Russja, li jistipula li l-Unjoni u r-Russja “għandhom jikkonċedu lil xulxin it-trattament ta’ nazzjon l-iżjed favorit rigward il-libertà tal-ħlasijiet kurrenti u l-moviment tal-kapital u rigward il-metodu tal-ħlas”. It-tielet nett, id-dispożizzjoni dwar in-nuqqas ta’ ssodisfar tal-pretensjonijiet tmur kontra l-Artikolu 98(1) ta’ dan il-ftehim, li jirrikjedi li l-Unjoni “tiżgura li persuni naturali u legali [tar-Russja] jkollhom aċċess ħieles minn kull diskriminazzjoni rigward iċ-ċittadini tagħha fil-qrati kompetenti u l-organi amministrattivi tal-[Unjoni] biex jiddefendu d-drittijiet individwali tagħhom u drittijiet tagħhom dwar il-proprjetà, inklużi dawk li jirrigwardaw il-proprjetà intellettwali, industrijali u kummerċjali”. Ir-raba’ nett, ir-restrizzjonijiet tal-esportazzjoni jiksru l-Artikolu 36 tal-Ftehim ta’ Sħubija UE-Russja, li jipprevedi wkoll klawżola tan-nazzjon l-iżjed favorit fir-rigward tal-kundizzjonijiet li jaffettwaw il-forniment transkonfinali tas-servizzi.

149    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni u mir-Renju Unit, jikkontesta dawn l-argumenti.

150    Fir-rigward tal-Ftehim ta’ Sħubija UE-Russja, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dispożizzjoni ta’ ftehim konkluż bejn l-Unjoni u Stati terzi għandha tiġi kkunsidrata bħala direttament applikabbli meta, fid-dawl tal-kliem tagħha kif ukoll tal-għan u tan-natura tal-ftehim, hija tinkludi obbligu ċar u preċiż li mhuwiex suġġett, fl-eżekuzzjoni jew fl-effetti tagħha, għall-intervent ta’ xi att sussegwenti (sentenza tat-12 ta’ April 2005, Simutenkov, C‑265/03, EU:C:2005:213, punt 21).

151    F’dan il-każ, anki jekk jitqies li d-dispożizzjonijiet invokati mir-rikorrenti huma direttament applikabbli u li l-miżuri restrittivi inkwistjoni ma humiex konformi ma’ uħud minn dawn id-dispożizzjonijiet, l-Artikolu 99 tal-Ftehim ta’ Sħubija UE-Russja jippermetti fi kwalunkwe każ l-adozzjoni tagħhom. Fil-fatt, skont l-Artikolu 99(1)(d) tal-imsemmi ftehim, ebda dispożizzjoni ta’ dan il-ftehim ma tipprekludi lil parti milli tieħu l-miżuri li hija tqis meħtieġa għall-protezzjoni tal-interessi essenzjali tas-sigurtà tagħha, b’mod partikolari, fil-każ ta’ gwerra jew ta’ tensjoni serja internazzjonali li tikkostitwixxi theddida ta’ gwerra jew sabiex tissodisfa l-obbligi tagħha li tkun aċċettat bil-għan taż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punti 110 u 111).

152    F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-premessa 2 tar-regolament ikkontestat, il-miżuri restrittivi stabbiliti permezz tal-atti kkontestati kienu intiżi li jħeġġu soluzzjoni paċifika għall-kriżi fl-Ukraina. Tali għan huwa konsistenti ma’ dak taż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali, konformement mal-għanijiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni elenkati fl-Artikolu 21 TUE (sentenza tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 115).

153    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu f’dan il-qasam, il-Kunsill seta’ jqis li l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni kienet meħtieġa għall-protezzjoni tal-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Unjoni kif ukoll għaż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 99 tal-Ftehim ta’ Sħubija UE‑Russja (sentenza tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 116).

154    Għaldaqstant hemm lok li t-tielet motiv imqajjem fil-Kawża T‑799/14 jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv imqajjem fil-Kawża T735/14 u fuq ir-raba’ motiv imqajjem fil-Kawża T799/14, ibbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti

155    Ir-rikorrenti tinvoka ksur, minn naħa, tal-libertà ta’ intrapriża u tad-dritt għall-proprjetà, iggarantiti mill-Artikoli 16 u 17 tal-Karta, u, min-naħa l-oħra, ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif previst fl-Artikolu 52(1) tal-Karta u bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Skont dan il-prinċipju, kull miżura prevista minn att tal-Unjoni trid issegwi għan leġittimu, tikkostitwixxi mezz xieraq sabiex jintlaħaq dan l-għan, tkun meħtieġa u ma għandhiex tikkawża inkonvenjenzi sproporzjonati meta mqabbla mal-benefiċċji li din il-miżura toffri. F’dan il-każ, id-dispożizzjonijiet kontenzjużi jimponu sanzjonijiet li jimmiraw preċiżament il-proġetti mhux konvenzjonali tar-rikorrenti, f’kuntest fejn din la ġiet akkużata li kkommettiet ksur, u lanqas ma tqiegħdet f’pożizzjoni li tesprimi l-fehma tagħha, u dan jeħtieġ stħarriġ iktar strett mill-perspettiva tad-drittijiet fundamentali u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

156    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni u mir-Renju Unit, jikkontesta dawn l-argumenti.

157    Skont ir-rikorrenti, il-miżuri li jirriżultaw mill-atti kkontestati jikkostitwixxu preġudizzju sproporzjonat għad-drittijiet fundamentali tagħha, protetti speċifikament mill-Artikoli 16 u 17 tal-Karta, peress li dawn ixekkluha milli teżerċita b’mod liberu attività ekonomika, u din il-limitazzjoni tad-drittijiet tagħha la hija meħtieġa u lanqas xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet segwiti mill-Kunsill.

158    L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 16 tal-Karta, “[i]l-libertà ta’ intrapriża skond il-liġi ta’ l-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali hija rikonoxxuta”.

159    It-tieni nett, l-Artikolu 17(1) tal-Karta jipprevedi dan li ġej:

“Kull persuna għandha d-dritt li tgawdi mill-proprjetà tal-beni tagħha li tkun akkwistat legalment, li tużahom, li tiddisponi minnhom u li tħallihom bħala wirt. L-ebda persuna ma tista’ tiġi mċaħħda mill-proprjetà tagħha, ħlief fl-interess pubbliku u fil-każijiet u skond il-kondizzjonijiet previsti mil-liġi, bi ħlas ta’ kumpens xieraq fi żmien utli għal dak li tkun tilfet. L-użu tal-proprjetà jista’ jiġi rregolat bil-liġi safejn ikun meħtieġ għall-interess pubbliku.”

160    Huwa ċertament minnu li miżuri restrittivi bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża jillimitaw inkontestabbilment id-drittijiet li r-rikorrenti għandha bis-saħħa tal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-22 ta’ Settembru 2016, NIOC et vs Il‑Kunsill, C‑595/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:721, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

161    Madankollu, id-drittijiet fundamentali invokati mir-rikorrenti ma jikkostitwixxux prerogattivi assoluti u konsegwentement jistgħu ikunu suġġetti għal limitazzjonijiet, fil-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 52(1) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Novembru 2013, Il-Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, C‑348/12 P, EU:C:2013:776, punt 121, u tas-27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il-Kunsill, T‑256/11, EU:T:2014:93, punt 195 u l-ġurisprudenza ċċitata).

162    F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, minn naħa, “[k]ull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti [mill‑]Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet” u, min-naħa l-oħra, “[b]la ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.”

163    B’hekk, sabiex tkun konformi mad-dritt tal-Unjoni, limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali inkwistjoni għandha tissodisfa kundizzjoni tripla. L-ewwel nett, il-limitazzjoni għandha tkun prevista mil-liġi. Fi kliem ieħor, il-miżura inkwistjoni għandu jkollha bażi legali. It-tieni nett, il-limitazzjoni għandu jkollha għan ta’ interess ġenerali, irrikonoxxut bħala tali mill-Unjoni. It-tielet nett, il-limitazzjoni ma għandhiex tkun eċċessiva. Minn naħa, hija għandha tkun neċessarja u proporzjonali għall-għan li għandu jintlaħaq. Min-naħa l-oħra, l-“essenza”, jiġifieri s-sustanza tad-dritt jew tal-libertà inkwistjoni, ma għandhiex tiġi ppreġudikata (ara s-sentenza tat-30 ta’ Novembru 2016, Rotenberg vs Il‑Kunsill, T‑720/14, EU:T:2016:689, punti 170 sa 173 u l-ġurisprudenza ċċitata).

164    Issa, għandu jiġi kkonstatat li dawn it-tliet kundizzjonijiet huma ssodisfatti f’din il-kawża.

165    Fl-ewwel lok, il-miżuri restrittivi inkwistjoni huma “previsti mil-liġi”, peress li dawn huma stabbiliti f’atti li b’mod partikolari għandhom portata ġenerali u għandhom bażi legali ċara fid-dritt tal-Unjoni kif ukoll motivazzjoni suffiċjenti (ara l-punti 111 sa 128 iktar ’il fuq).

166    Fit-tieni lok, mill-premessi 1 sa 8 tad-deċiżjoni kkontestata u mill-premessa 2 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li l-għan iddikjarat ta’ dawn l-atti huwa li tikber l-ispiża tal-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa intiżi li jdgħajfu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina u li tiġi mħeġġa soluzzjoni paċifika għall-kriżi. Tali għan jikkorrispondi ma’ dak li jikkonsisti fiż-żamma tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali, konformement mal-għanijiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni elenkati fl-Artikolu 21 TUE (sentenza tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 115).

167    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jitfakkar li dan il-prinċipju, inkwantu prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jirrikjedi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni. B’hekk, meta jkun hemm għażla bejn numru ta’ miżuri xierqa, għandha tiġi adottata l-inqas waħda restrittiva u l-inkonvenjenti kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet li għandhom jintlaħqu (ara s-sentenza tat-30 ta’ Novembru 2016, Rotenberg vs Il-Kunsill, T‑720/14, EU:T:2016:689, punt 178 u l-ġurisprudenza ċċitata).

168    F’dan ir-rigward il-ġurisprudenza tispeċifika li, fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandha tiġi rrikonoxxuta setgħa diskrezzjonali wiesgħa lil-leġiżlatur tal-Unjoni f’oqsma li min-naħa ta’ dan tal-aħħar jinvolvu għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, u li fihom huwa jintalab iwettaq evalwazzjonijiet kumplessi. Għalhekk, hija biss in-natura manifestament mhux xierqa ta’ miżura adottata f’dawn l-oqsma, meta mqabbla mal-għan li l-istituzzjoni kompetenti tixtieq tilħaq, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ miżura bħal din (ara s-sentenza tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 146 u l-ġurisprudenza ċċitata).

169    Għandu jiġi kkonstatat, f’dan ir-rigward, li teżisti rabta raġonevoli bejn il-kontenut tal-atti kkontestati u l-għan imfittex minn dawn tal-aħħar. Fil-fatt, sa fejn dan l-għan huwa, b’mod partikolari, li tikber l-ispiża tal-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa intiżi sabiex idgħajfu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina, l-approċċ li jikkonsisti f’li jiġi identifikat operatur ewlieni tas-settur taż-żejt, li barra minn hekk huwa fil-maġġoranza tiegħu miżmum mill-Istat Russu, jissodisfa b’mod koerenti l-imsemmi għan u ma jistax, fi kwalunkwe każ, jitqies li huwa manifestament mhux xieraq fid-dawl tal-għan imfittex (sentenza tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 147).

170    Barra minn hekk, huwa ċertament minnu li l-miżuri restrittivi għandhom, mid-definizzjoni tagħhom stess, effetti li jaffettwaw id-drittijiet għall-proprjetà u l-eżerċizzju liberu ta’ attivitajiet professjonali, u b’hekk joħolqu preġudizzji lil partijiet li ma għandhom ebda responsabbiltà fir-rigward tas-sitwazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tas-sanzjonijiet. Dan huwa a fortiori l-effett tal-miżuri restrittivi mmirati lejn l-entitajiet imsemmija minnhom (ara s-sentenza tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 149 u l-ġurisprudenza ċċitata).

171    Madankollu, hemm lok li jiġi rrilevat li l-importanza tal-għanijiet imfittxija mill-atti kkontestati, jiġifieri l-protezzjoni tal-integrità territorjali, tas-sovranità u tal-indipendenza tal-Ukraina kif ukoll li tiġi mħeġġa soluzzjoni paċifika għall-kriżi f’dan il-pajjiż, li jaqgħu taħt l-għan iktar wiesa’ taż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali, konformement mal-għanijiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni elenkati fl-Artikolu 21 TUE, hija ta’ natura li tiġġustifika konsegwenzi negattivi, anki kunsiderevoli, għal ċerti operaturi li ma għandhom ebda responsabbiltà fir-rigward tas-sitwazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tas-sanzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punti 149 u 150 u l-ġuripsrudenza ċċitata).

172    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl, b’mod partikolari, tal-evoluzzjoni b’mod progressiv tal-intensità tal-miżuri restrittivi adottati mill-Kunsill b’reazzjoni għall-kriżi fl-Ukraina, l-interferenza fil-libertà tal-intrapriża u d-dritt għall-proprjetà tar-rikorrenti ma tistax titqies bħala sproporzjonata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 150).

173    Għalkemm, kif issostni r-rikorrenti, uħud mis-sħab u mill-partijiet kontraenti tagħha setgħu jiġu mġiegħla jwaqqfu r-relazzjonijiet ta’ negozju tagħhom magħha, li l-proġetti mhux konvenzjonali tagħha fil-qasam taż-żejt ġew posposti, u għalkemm dawk il-miżuri setgħu kellhom impatt negattiv fuq id-dritt għall-proprjetà tal-azzjonisti tar-rikorrenti u tal-kumpannija omm tagħha, dan huwa preċiżament l-għan tal-miżuri stabbiliti permezz tal-atti kkontestati, b’mod li kull interferenza għad-dritt għall-proprjetà tagħha u għad-dritt tiegħu għall-eżerċizzju ta’ attività ekonomika ma tistax tiġi kklassifikata bħala sproporzjonata f’dan ir-rigward.

174    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi miċħud it-tielet motiv fil-Kawża T‑735/14 u r-raba’ motiv fil-Kawża T‑799/14 u li r-rikors jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

175    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li jiġi deċiż li, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, hija għandha tbati l-ispejjeż tal-Kunsill, kif mitlub mill-Kunsill.

176    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess. Għaldaqstant, il-Kummissjoni u r-Renju Unit għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-Kawżi T735/14 u T799/14 huma magħquda għall-finijiet tas-sentenza.

2)      Ir-rikors huwa miċħud.

3)      Gazprom Neft PAO għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, l-ispejjeż sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

4)      Il-Kummissjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Berardis

Spielmann

Csehi

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Settembru 2018.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.