Language of document : ECLI:EU:T:2017:410

Kawża T20/16

M/S Indeutsch International

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea li tirrappreżenta disinn forma ta’ żigużajg bejn żewġ linji paralleli – Karattru distintiv – Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 – Eżami tat-trade mark kif irreġistrata”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tal-21 ta’ Ġunju 2017

1.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Definizzjoni u kisba tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Trade marks li ma humiex ta’ karattru distintiv – Trade mark figurattiva kkostitwita mir-rappreżentazzjoni bidimensjonali jew tridimensjonali ta’ prodott – Karattru distintiv – Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 7(1)(b))

2.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Ċessjoni, revoka u invalidità – Raġunijiet assoluti ta’ invalidità – Reġistrazzjoni kuntrarja għall-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 – Trade mark figurattiva li tirrappreżenta disinn forma ta’ żigużajg bejn żewġ linji paralleli

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 7(1)(b))

1.      Meta t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jew li ġiet irreġistrata tikkonsisti f’rappreżentazzjoni bidimensjonali jew tridimensjonali tal-prodott li hija tkopri, il-karattru distintiv tagħha jiddependi fuq il-kwistjoni dwar jekk hija titbigħedx b’mod sinjifikattiv min-norma jew mill-użanzi tas-settur u, minħabba f’hekk, tistax tissodisfa l-funzjoni essenzjali tagħha ta’ identifikazzjoni tal-oriġini tal-prodott.

Dan huwa wkoll il-każ meta t-trade mark tkun ikkostitwita minn parti mill-forma tal-prodott li hija tkopri, sa fejn il-pubbliku rilevanti ser jipperċepixxiha, immedjatament u mingħajr riflessjoni partikolari, bħala rappreżentazzjoni ta’ dettall jew ta’ aspett tal-prodott inkwistjoni F’każ bħal dan, l-element determinanti ma huwiex il-klassifikazzjoni tas-sinjal inkwistjoni bħala sinjal figurattiv, tridimensjonali jew ieħor, iżda l-fatt li dan jinkorpora ruħu mad-dehra tal-prodott li jirrappreżenta.

Fil-fatt, jekk, f’każ bħal f’dan, l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade mark ma titwettaqx b’riferiment għad-differenza li hija tirrappreżenta pparagunata man-normi jew mal-użanzi tas-settur tal-prodotti koperti, ikun suffiċjenti li tiġi ppreżentata applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ sinjal immedjatament perċepibbli bħala parti mill-prodott kopert sabiex tiżdied il-possibbiltà li dan jiġi rreġistrat u b’hekk tingħata kważi awtomatikament protezzjoni lid-dehra jew lill-forma tal-prodott innifsu. Issa, peress li l-konsumaturi medji ma għandhomx l-użanza li jippreżumu l-oriġini tal-prodotti billi jibbażaw ruħhom fuq id-dehra jew il-forma tagħhom, din il-possibbiltà tkun tippreżenta riskju sinjifikattiv li jiġi evitat l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 u għalhekk tkun tippreġudika l-interess pubbliku li din id-dispożizzjoni tħares.

Fir-rigward tat-trade marks ikkostitwiti mill-forma tal-prodott li huma jkopru, l-awtorità kompetenti tista’ tidentifika l-karatteristiċi essenzjali tagħhom billi teżamina l-prodott innifsu. Fil-fatt, eżami bħal dan huwa meħtieġ meta l-identifikazzjoni ta’ karatteristika essenzjali tat-trade mark hija neċessarja sabiex tiġi ddeterminata n-natura eżatta tal-elementi li jagħmlu parti mir-rappreżentazzjoni grafika u tad-deskrizzjonijiet eventwali ppreżentati fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, u b’hekk jiġi mħares l-interess pubbliku li fuqu huwa bbażat l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 207/2009. Dan l-interess jikkonsisti fil-projbizzjoni ta’ operatur ekonomiku milli japproprja ruħu indebitament minn sinjal ikkostitwit mill-forma tal-prodott u li jinkorpora soluzzjoni teknika. Din il-problema tqum, b’definizzjoni, fil-preżenza ta’ trade mark ikkostitwita mill-forma ta’ prodott konkret u mhux minn forma astratta.

(ara l-punti 37‑40)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 41‑47)