Language of document : ECLI:EU:T:2020:618

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

16 ta’ Diċembru 2020 (*)

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Konjuġi superstiti – Pensjoni tas-superstiti – Artikoli 18 u 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal – Kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà – Tul taż-żwieġ – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Ugwaljanza fit-trattament – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Proporzjonalità – Kunċett ta’ ‘konjuġi’”

Fil-Kawża T‑442/17 RENV,

RN, irrappreżentata minn F. Moyse, avukat,

rikorrenti,

vs

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Gattinara u B. Mongin, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

IlParlament Ewropew, irrappreżentat minn M. Ecker u E. Taneva, bħala aġenti,

intervenjent,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal‑24 ta’ Settembru 2014 li tiċħad it-talba tar-rikorrenti għall-għoti ta’ pensjoni tas-superstiti,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),

komposta minn R. da Silva Passos, President, I. Reine (Relatriċi) u L. Truchot, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-kuntest ġuridiku

1        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 79 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) jipprovdi:

“Is-sieħba li tibqa’ ħajja ta’ uffiċjal jew ta’ dak li qabel kien uffiċjal għandha tkun intitolata, fil-mod ipprovdut fil-Kapitolu 4 ta’ l-Anness VIII [tar-Regolamenti tal-Persunal], għal pensjoni għal min jibqa’ ħaj daqs 60 % tal-pensjoni ta’ l-irtirar jew il-benefiċċju ta’ l-invalidità li kienet titħallas lil żewġha, jew li, jkun xi jkun it-tul tas-servizz jew ta’ l-età, kieku kieket titħallas lilu li kieku kkwalifika għaliha meta miet.”

2        L-Artikolu 18 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jindika dan li ġej:

“Meta wieħed li qabel kien uffiċjal rċieva pensjoni ta’ l-irtirar, is-sieħeb li jibqa’ ħaj għandu jkun intitolat, sakemm il-koppja kienet diġà miżżewġa qabel l-uffiċjal telaq mis-servizz ta’ l-istituzzjoni u li ż-żwieġ dam għal mill-anqas sena, u suġġett għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 22 [ta’ dan l-anness], għal pensjoni ta’ min jibqa’ ħaj daqs 60 % tal-pensjoni ta’ l-irtirar li kien jirċievi qabel miet. […]

It-tul taż-żwieġ m’għandux ikun ikkunsidrat jekk hemm tifel wieħed jew aktar minn żwieġ ikkuntrattat mill-uffiċjal qabel telaq mis-servizz, sakemm is-sieħeb li jibqa’ ħaj imantni jew mantna dawk it-tfal.”

3        L-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jaqra kif ġej:

“Għall-iskopijiet [tal-Artikolu 18 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal], it-tul taż-żwieġ ma jkunx ikkunsidrat meta ż-żwieġ, għalkemm ikkuntrattat wara li jintemm is-servizz ta’ l-uffiċjal, dam għal mill-anqas ħames snin.”

4        Fl-aħħar nett, l-ewwel u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 27 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdu dan li ġej:

“Is-sieħba ddivorzjata ta’ uffiċjal jew ta’ wieħed li qabel kien uffiċjal, għandha tkun intitolata għall-pensjoni għal min għadu ħaj, kif definit f’dan il-Kapitolu, sakemm, mal-mewt tas-sieħeb ta’ qabel, huwa/hija tist’ tiġġustifika l-intitolament lejh/lejha li tirċievi manteniment mingħandu bis-saħħa ta’ ordni mill-qorti jew bħala riżultat ta’ ftehim uffiċjali rreġistrat bejnu/bejnha u s-sieħeb tiegħu/tagħha ta’ qabel.

[…]

L-intitolament tas-sieħeb iddivorzjat [għall-pensjoni tas-superstiti] jieqaf, jekk huwa jew hija tiżżewweġ qabel is-sieħeb ta’ qabel imut […]”

II.    Il-fatti li wasslu għall-kawża

5        Ir-rikorrenti, RN, u l-konjuġi tagħha, uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea, għexu bħala koppja mill-1985. Fl-10 ta’ Ġunju 1987, il-koppja kellha wild. Fis-7 ta’ Mejju 1988, huma kkuntrattaw l-ewwel żwieġ. Il-konjuġi ddivorzjaw fid-29 ta’ April 1996. Fl-20 ta’ Awwissu 2012, ir-rikorrenti, li ma kienet ikkuntrattat ebda żwieġ ieħor minn mindu ddivorzjat, reġgħet iżżewġet mal-ex konjuġi tagħha.

6        Bejn il-11 ta’ Settembru 1998 u t-22 ta’ Diċembru 2011, l-ex konjuġi tar-rikorrenti kien miżżewweġ ma’ terza persuna.

7        Il-konjuġi tar-rikorrenti daħal fil-kariga mal-Kummissjoni fl-1991 u ġie awtorizzat jinvoka d-drittijiet tiegħu għall-pensjoni fl-1 ta’ Ottubru 2007. Huwa miet fit-2 ta’ Awwissu 2014.

8        Wara l-mewt tal-konjuġi tagħha, ir-rikorrenti, fil-kwalità tagħha ta’ konjuġi superstiti ta’ ex uffiċjal, ressqet, fit-3 ta’ Settembru 2014, talba għall-għoti ta’ pensjoni tas-superstiti abbażi tal-Kapitolu 4 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

9        Fl-24 ta’ Settembru 2014, il-Kap tal-Unità “Pensjonijiet” tal-Uffiċċju “Amministrazzjoni u Ħlas tal-Intitolamenti Individwali” (PMO) tal-Kummissjoni ċaħad it-talba tar-rikorrenti għall-għoti ta’ pensjoni tas-superstiti (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Dan tal-aħħar qies, essenzjalment, li, sabiex jiġi evalwat id-dritt tar-rikorrenti għal pensjoni tas-superstiti fir-rigward tal-konjuġi mejjet tagħha, kellha tittieħed inkunsiderazzjoni mhux id-data tal-ewwel żwieġ tagħha, li kien inħall permezz ta’ deċiżjoni ta’ divorzju u għalhekk ma setax iktar jipproduċi effetti, iżda d-data tat-tieni żwieġ tagħha, li kien ġie kkuntrattat fl-20 ta’ Awwissu 2012. Konsegwentement, wara li kkonstata li dan iż-żwieġ tal-aħħar kien ġie konkluż wara t-tmiem tal-attività tal-konjuġi tagħha u li kien dam biss madwar sentejn mid-data tal-mewt ta’ dan tal-aħħar, il-Kap tal-Unità “Pensjonijiet” tal-PMO kkonkluda li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 18 u 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal ma kinux issodisfatti, b’mod li r-rikorrenti ma kinitx intitolata tibbenefika minn pensjoni tas-superstiti.

10      Fit-22 ta’ Diċembru 2014, ir-rikorrenti ressqet ilment kontra d-deċiżjoni kkontestata. Hija pproduċiet provi komplementari insostenn tal-ilment tagħha fit-23 ta’ Diċembru 2014.

11      Fl-10 ta’ April 2015, l-Awtorità tal-Ħatra tal-Kummissjoni ċaħdet dan l-ilment u kkonfermat l-analiżi tal-Kap tal-Unità “Pensjonijiet” tal-PMO (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment”).

III. Il-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u quddiem il-Qorti Ġenerali wara appell

12      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fis-17 ta’ Lulju 2015, ir-rikorrenti ppreżentat rikors li permezz tiegħu talbet l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment u l-kundanna tal-Kummissjoni għall-ispejjeż. Ir-rikors ġie rreġistrat bin-numru tal-Kawża F‑104/15.

13      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti qajmet tliet motivi, ibbażati, l-ewwel, fuq żball ta’ liġi, jew inkella fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikoli 18 u 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, it-tieni, fuq eċċezzjoni ta’ illegalità u fuq ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età u ta’ proporzjonalità u, it-tielet, fuq żball ta’ interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “konjuġi” fis-sens tal-iskema applikabbli għall-pensjoni tas-superstiti.

14      Il-Kummissjoni talbet li r-rikors jiġi miċħud u li r-rikorrenti tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

15      Permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2015, il-Parlament Ewropew ġie awtorizzat jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

16      Permezz ta’ sentenza tal-20 ta’ Lulju 2016, RN vs Il‑Kummissjoni (F‑104/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza inizjali”, EU:F:2016:163), it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku annulla d-deċiżjoni kkontestata. Huwa kkundanna wkoll lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk sostnuti mir-rikorrenti. Il-Parlament Ewropew kien obbligat ibati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

17      Fis-sentenza inizjali, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonstata, essenzjalment, li, għalkemm is-sitwazzjoni partikolari tar-rikorrenti ma kinitx espressament prevista mill-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, it-test innifsu ta’ dan l-artikolu ma kienx jeskludi interpretazzjoni li tobbliga lill-amministrazzjoni tieħu inkunsiderazzjoni t-tul akkumulat tal-perijodi ta’ żwieġ inkwistjoni, jiġifieri dawk tal-ewwel u tat-tieni żwieġ mal-istess uffiċjal, sabiex tivverifika l-osservanza tal-kundizzjoni ta’ ħames snin ta’ żwieġ prevista minn din id-dispożizzjoni sabiex wieħed ikun jista’ jibbenefika mill-pensjoni tas-superstiti.

18      Barra minn hekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qies li, kieku kellhom jiġu interpretati fis-sens li jeskludu t-teħid inkunsiderazzjoni tat-tul akkumulat tal-perijodi ta’ żwieġ tar-rikorrenti, l-Artikoli 18 u 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal kienu jistabbilixxu differenza fit-trattament bejn il-konjuġi superstiti ta’ ex uffiċjal skont jekk iż-żwieġ kienx ġie kkuntrattat qabel jew wara t-tmiem tal-attività tal-uffiċjal. Għaldaqstant, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li, sa fejn tali interpretazzjoni ma kinitx espliċitament eskluża mill-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu, l-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal kellu jiġi interpretat b’mod konformi mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, fis-sens li kien jobbliga lill-Awtorità tal-Ħatra, għall-finijiet li tivverifika l-osservanza tal-kundizzjoni ta’ tul minimu taż-żwieġ, li tgħodd flimkien id-diversi perijodi ta’ żwieġ, fil-każ li, bħal fil-każ inkwistjoni, ir-rikorrenti kienet iżżewġet darbtejn mal-istess uffiċjal, l-ewwel darba qabel it-tmiem tal-attività ta’ dan tal-aħħar, u t-tieni darba wara t-tmiem tal-attività.

19      Għaldaqstant, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku laqa’ l-ewwel motiv tar-rikors, ibbażat fuq żball ta’ liġi, u annulla d-deċiżjoni kkontestata.

20      Permezz ta’ dokument ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑29 ta’ Settembru 2016, il-Kummissjoni ppreżentat appell mis-sentenza inizjali, irreġistrat bin-numru T‑695/16 P. Il-Kummissjoni talbet lill-Qorti Ġenerali, l-ewwel, tannulla s-sentenza inizjali, it-tieni, tiċħad ir-rikors bħala infondat, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tqis li l-kawża kienet fi stat li tista’ tiġi deċiża, u t-tielet, tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

21      Permezz ta’ sentenza tat-18 ta’ Lulju 2017, Il‑Kummissjoni vs RN (T‑695/16 P, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza wara appell”, EU:T:2017:520), il-Qorti Ġenerali (Awla tal-Appell) laqgħet l-ewwel parti tat-tieni aggravju u t-tielet parti tat-tielet aggravju, ibbażati, essenzjalment, fuq żball ta’ liġi mwettaq mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

22      Skont il-Qorti Ġenerali, billi qieset li d-dispożizzjoni kontenzjuża ma kinitx teskludi interpretazzjoni li tobbliga lill-amministrazzjoni, f’każ partikolari bħal dak inkwistjoni, tieħu inkunsiderazzjoni t-tul akkumulat tal-perijodi ta’ żwieġ sabiex tivverifika l-osservanza tal-kundizzjoni ta’ tul taż-żwieġ, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kien interpreta din id-dispożizzjoni b’mod partikolarment wiesa’. Issa, tali interpretazzjoni kienet tmur kontra l-ġurisprudenza stabbilita li skontha d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li jagħtu dritt għal benefiċċji finanzjarji għandhom jiġu interpretati b’mod strett. Barra minn hekk, skont il-Qorti Ġenerali, din l-interpretazzjoni kienet timponi fuq l-amministrazzjoni obbligu li ma kienx jirriżulta minn din id-dispożizzjoni u kienet tmur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali.

23      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal adottata mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kienet tammonta għal obbligu impost fuq l-amministrazzjoni li tqis li żwieġ maħlul permezz ta’ deċiżjoni ta’ divorzju kienet għadha tista’ tipproduċi effetti fuq id-dritt li wieħed jibbenefika minn pensjoni tas-superstiti abbażi tal-imsemmi artikolu. Issa, il-Qorti Ġenerali osservat li tali possibbiltà kienet miftuħa abbażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li, madankollu, ma kienx applikabbli f’dan il-każ, skont it-tielet paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni, minħabba li r-rikorrenti żżewġet mill-ġdid mal-konjuġi tagħha fl-20 ta’ Awwissu 2012.

24      Il-Qorti Ġenerali żiedet li ma kienx hemm lok li tiddeċiedi dwar l-argument tar-rikorrenti dwar l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità eżaminat mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, sa fejn dan l-argument kien ibbażat fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal adottata fis-sentenza inizjali, li kienet ivvizzjata bi żball ta’ liġi.

25      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali annullat is-sentenza inizjali. Barra minn hekk, filwaqt li kkonstatat li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma kienx eżamina t-tielet motiv invokat mir-rikorrenti, hija qieset li l-kawża ma kinitx fi stat li tista’ tiġi deċiża u bagħtet il-kawża quddiem awla tal-Qorti Ġenerali li ma kinitx dik li kienet iddeċidiet l-appell, filwaqt li rriżervat l-ispejjeż.

26      Għaldaqstant, dan ir-rikors ġie rreġistrat bin-numru tal-kawża T‑442/17 RENV.

IV.    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet wara r-rinviju

27      Sussegwentement għas-sentenza wara appell, il-partijiet ġew mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom fuq it-tkomplija tal-proċedura skont l-Artikolu 217(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

28      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Settembru 2017, ir-rikorrenti rrinunzjat għall-preżentata ta’ osservazzjonijiet bil-miktub supplimentari. Permezz ta’ att ippreżentat fl-istess jum, il-Parlament ukoll irrinunzja għall-preżentata ta’ osservazzjonijiet bil-miktub. Il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha tard, fl-4 ta’ Ottubru 2017. Wara l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Kummissjoni, il-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li l-imsemmija osservazzjonijiet jiddaħħlu fil-proċess.

29      Fid-19 ta’ Diċembru 2017, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, biex jesprimu ruħhom dwar iż-żamma tal-interess ġuridiku tar-rikorrenti f’din it-tilwima.

30      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Jannar 2018, il-Parlament informa lill-Qorti Ġenerali li ma xtaqx jippreżenta tweġibiet għall-mistoqsijiet magħmula fid-19 ta’ Diċembru 2017. Ir-rikorrenti u l-Kummissjoni wieġbu għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fil-5 ta’ Jannar 2018 u fit-8 ta’ Jannar 2018, rispettivament. Huma talbu li jinżamm l-interess ġuridiku tar-rikorrenti.

31      Fl-20 ta’ Novembru 2018, il-Qorti Ġenerali indirizzat mistoqsijiet ġodda lill-partijiet abbażi tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura. Dawn tal-aħħar wieġbu għalihom fit-terminu stabbilit.

32      Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Marzu 2019, il-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali ordna s-sospensjoni ta’ din il-kawża sal-għoti tad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza fil-Kawża C‑460/18 P, HK vs Il‑Kummissjoni.

33      Peress li l-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, l-Imħallef Relatriċi ġiet assenjata lis-Seba’ Awla, li lilha, konsegwentement, ġiet assenjata din il-kawża.

34      Permezz ta’ ittri tat-23 ta’ Diċembru 2019, ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali informa lill-partijiet li, wara l-għoti tas-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, HK vs Il‑Kummissjoni (C‑460/18 P, EU:C:2019:1119), il-proċedura kienet tkompliet u stedinhom jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-konsegwenzi li kellhom jinsiltu minn dik is-sentenza għal din il-kawża. Il-partijiet ikkonformaw ruħhom ma’ din it-talba fit-terminu stabbilit.

35      Fl-assenza ta’ talba għal seduta għas-sottomissjonijiet orali mressqa mill-partijiet prinċipali, il-Qorti Ġenerali, peress li qieset li kellha biżżejjed informazzjoni mill-annessi fil-proċess, iddeċidiet li taqta’ l-kawża mingħajr fażi orali tal-proċedura, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

36      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tannulla d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

37      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

38      Il-Parlament jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors.

V.      Id-dritt

A.      Fuq is-suġġett tat-tilwima u l-portata tagħha wara r-rinviju

39      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, talbiet għal annullament diretti formalment kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ lment għandhom l-effett li l-Qorti Ġenerali tiġi adita bl-att li kontrih ikun tressaq l-ilment meta l-imsemmija talbiet ikunu, bħala tali, neqsin minn kontenut awtonomu (ara s-sentenzi tas-6 ta’ April 2006, Camós Grau vs Il‑Kummissjoni, T‑309/03, EU:T:2006:110, punt 43, u tat-13 ta’ Lulju 2018, Curto vs Il‑Parlament, T‑275/17, EU:T:2018:479, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Fil-każ inkwistjoni, peress li d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tikkonferma biss id-deċiżjoni kkontestata, billi tispeċifika l-motivi li jsostnu din id-deċiżjoni tal-aħħar, għandu jiġi kkonstatat li t-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment huma nieqsa minn kontenut awtonomu u li għalhekk ma hemmx bżonn li tittieħed deċiżjoni speċifikament dwarhom. Madankollu, fl-eżami tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-motivazzjoni fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, liema motivazzjoni hija preżunta li tikkoinċidi ma’ dik tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ April 2019, Wattiau vs Il‑Palrament, T‑737/17, EU:T:2019:273, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-portata tat-tilwima wara r-rinviju, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, wara l-annullament ta’ deċiżjoni u wara li l-kawża tkun intbagħtet lura quddiem il-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar tkun adita bil-kawża permezz tas-sentenza mogħtija wara appell u għandha tiddeċiedi mill-ġdid dwar il-motivi ta’ annullament kollha mqajma mir-rikorrent, ħlief għall-elementi tad-dispożittiv li ma ġewx annullati mis-sentenza wara appell kif ukoll għall-kunsiderazzjonijiet li jikkostitwixxu l-bażi neċessarja tal-imsemmija elementi, peress li dawn kisbu l-awtorità ta’ res judicata (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2011, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, T‑236/02, EU:T:2011:465, punt 83).

42      Fil-każ inkwistjoni, il-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza wara appell jannulla s-sentenza inizjali wara li ntlaqgħet l-ewwel parti tat-tieni aggravju u t-tielet parti tat-tielet aggravju. Permezz ta’ dawn tal-aħħar, il-Kummissjoni sostniet, essenzjalment, li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kien wettaq żball ta’ liġi meta interpreta l-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, fis-sens li l-amministrazzjoni kienet obbligata tieħu inkunsiderazzjoni t-tul akkumulat taż-żewġ perijodi ta’ żwieġ tar-rikorrenti, u li kien adotta interpretazzjoni li kienet tmur kontra l-formulazzjoni ċara ta’ din id-dispożizzjoni. Mill-banda l-oħra, is-sentenza wara appell ma ddeċidietx dwar il-partijiet l-oħra tal-ewwel u tat-tieni aggravju u lanqas dwar it-tielet aggravju.

43      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi mill-ġdid dwar il-motivi ta’ annullament kollha mqajma mir-rikorrenti fid-dawl tal-punti ta’ liġi maqtugħin mis-sentenza wara appell li jorbtu lill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tar-rinviju.

44      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li s-sentenza wara appell qatgħet ukoll it-tieni motiv invokat mir-rikorrenti, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età u ta’ proporzjonalità.

45      Huwa minnu li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 63 tas-sentenza wara appell, li t-Tribunal tas-Servizz Pubbliku kien eżamina l-argumenti tar-rikorrenti fid-dawl tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal. Madankollu, il-Qorti Ġenerali speċifikat li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kien wettaq dan l-eżami biss wara li l-ewwel qies li l-interpretazzjoni intiża li tieħu inkunsiderazzjoni t-tul akkumulat tal-perijodi ta’ żwieġ tar-rikorrenti ma kinitx eskluża mid-dispożizzjoni inkwistjoni. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, sa fejn din l-analiżi preliminari kienet ivvizzjata bi żball ta’ liġi u sa fejn is-sentenza inizjali kellha tiġi annullata għal din ir-raġuni, ma kienx neċessarju li hija tiddeċiedi dwar l-argument tar-rikorrenti dwar l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

46      Għaldaqstant, fis-sentenza wara appell, il-Qorti Ġenerali ma qatgħetx il-partijiet tat-tieni motiv ibbażati fuq ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età u ta’ proporzjonalità.

B.      Fuq il-mertu

1.      Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikoli 18 u 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal

47      F’dak li jirrigwarda l-ewwel motiv imqajjem mir-rikorrenti insostenn tar-rikors tagħha, dwar żball ta’ liġi allegat fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 18 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, kif iddeċieda dwar dan it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, mingħajr ma dan il-punt ġie kkritikat fis-sentenza wara appell, ir-rikorrenti ma tistax validament tinvoka l-kwalità tagħha ta’ konjuġi superstiti sabiex, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, tkun intitolata għall-benefiċċju ta’ pensjoni tas-superstiti fir-rigward tal-ewwel żwieġ tagħha kkuntrattat fis-7 ta’ Mejju 1988 u maħlul fid-29 ta’ April 1996 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza wara appell, punt 11, u s-sentenza inizjali, punti 28 u 30).

48      F’dak li jirrigwarda allegat żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, kif jirriżulta mill-punt 42 iktar ’il fuq, fis-sentenza wara appell, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal ma setax jiġi interpretat fis-sens li l-amministrazzjoni kienet obbligata tieħu inkunsiderazzjoni t-tul akkumulat taż-żewġ perijodi ta’ żwieġ tar-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza wara appell, punti 49 u 57).

49      Għalhekk għandu jiġi deċiż li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħha, il-Kummissjoni ma wettqitx żball fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal meta qieset li kellu biss jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tat-tieni żwieġ tar-rikorrenti mal-konjuġi mejjet tagħha, wara t-tmiem tal-attività ta’ dan tal-aħħar, għall-finijiet li jiġi vverifikat jekk il-kundizzjoni ta’ tul minimu ta’ ħames snin ta’ żwieġ sabiex wieħed jibbenefika minn pensjoni tas-superstiti, prevista mill-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, kinitx issodisfatta.

50      Għaldaqstant, l-ewwel motiv huwa infondat.

2.      Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal minħabba ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età u ta’ proporzjonalità

51      Ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li abbażi tiegħu ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, huwa illegali. Hija ssostni, essenzjalment, li dan l-artikolu jikser il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età, kif iggarantiti, b’mod partikolari, mill-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kif ukoll mill-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal.

52      Ir-rikorrenti tqis li l-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal iġiegħel lill-koppji anzjani jikkuntrattaw iż-żwieġ matul tal-inqas ħames snin sabiex il-konjuġi superstiti tal-uffiċjal irtirat ikun jista’ jibbenefika minn pensjoni tas-superstiti, meta, għal koppji iżgħar fil-mument taż-żwieġ ikkuntrattat meta l-konjuġi uffiċjal kien għadu fil-kariga, il-konjuġi superstiti jibbenefika minn dritt għal pensjoni tas-superstiti fi tmiem sena waħda biss ta’ żwieġ abbażi tal-Artikolu 18 ta’ dan l-anness. Issa, tali koppji huma f’sitwazzjoni tal-familja paragunabbli, ikun xi jkun il-mument li huma jagħżlu sabiex jiżżewġu, jiġifieri qabel jew wara t-tmiem tal-attività tal-uffiċjal. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li t-tul tal-kontribuzzjonijiet fl-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni ma jippermettix li tiġi ġġustifikata d-differenza fit-trattament inkwistjoni.

53      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li d-differenza fit-trattament stabbilita ma tistax tiġi oġġettivament u raġonevolment iġġustifikata mill-ġlieda kontra ż-żwiġijiet ta’ konvenjenza u kontra l-frodi. Id-differenza fit-trattament bejn koppji, ibbażata fuq il-mument li fih jiġi kkuntrattat iż-żwieġ, jeċċedi l-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan sa fejn b’ebda mod ma tkun ittieħdet inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni individwali tal-konjuġi superstiti. Ir-rikorrenti tenfasizza b’mod partikolari l-assenza ta’ kwalunkwe possibbiltà ta’ konfutazzjoni tal-preżunzjoni ta’ frodi. Hija żżid li l-għan ta’ salvagwardja tal-bilanċ finanzjarju tal-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni lanqas ma jista’ jiġġustifika l-kundizzjoni ta’ ħames snin ta’ żwieġ prevista, peress li l-Kummissjoni b’ebda mod ma pprovat li każijiet bħal dak inkwistjoni jistgħu jikkompromettu dan il-bilanċ. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ma taċċettax ġustifikazzjonijiet ta’ natura purament baġitarja.

54      Il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà tal-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal għar-raġuni li la l-kwistjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età u lanqas dik tal-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità ma tqajmu fl-ilment. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma osservatx ir-regola ta’ konkordanza bejn l-ilment u r-rikors.

55      Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li l-eċċezzjoni ta’ illegalità inkwistjoni ma hijiex fondata. Hija tqis li d-differenza fit-trattament inkwistjoni ma hijiex ibbażata fuq l-età tal-uffiċjal iżda tabilħaqq fuq l-ammissjoni jew le għall-irtirar ta’ dan tal-aħħar. Barra minn hekk, l-uffiċjal u l-ex uffiċjal, kif ukoll il-konjuġi rispettivi tagħhom, ma jinsabux f’sitwazzjonijiet paragunabbli sa fejn, fl-ewwel każ, il-karriera tal-imsemmi uffiċjal għandha tiżviluppa u għandu jkompli jaħdem u jħallas kontribuzzjonijiet għall-pensjoni tiegħu filwaqt li, fit-tieni każ, dan ma huwiex iktar il-każ. Din id-differenza fis-sitwazzjonijiet ġiet irrikonoxxuta fis-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 1993, Arauxo-Dumay vs Il‑Kummissjoni (T‑65/92, EU:T:1993:47).

56      Fi kwalunkwe każ, id-differenza fit-trattament inkwistjoni hija ġġustifikata sa fejn il-pensjoni tas-superstiti tinkiseb indirettament bis-saħħa tal-kontribuzzjonijiet imħallsa fl-iskema ta’ pensjoni mill-uffiċjal qabel ma jiġi ammess għall-irtirar. Skont il-Kummissjoni, ir-Regolamenti tal-Persunal jeħtieġu rabta finanzjarja preeżistenti bejn l-istituzzjoni u l-konjuġi superstiti li jitlob il-benefiċċju ta’ pensjoni tas-superstiti, liema rabta tinħoloq meta, permezz taż-żwieġ, il-konjuġi tal-uffiċjal mejjet ikun sostna indirettament il-piż tal-kontribuzzjonijiet miżmuma mis-salarju ta’ dan tal-aħħar matul il-perijodi ta’ attività tiegħu.

57      Barra minn hekk, id-differenza fit-trattament hija ġġustifikata fid-dawl tal-għan innifsu tal-pensjoni tas-superstiti, li huwa li jiġi żgurat il-benesseri materjali tal-konjuġi superstiti ta’ uffiċjal. Ikun hemm riskju ikbar li dan il-benesseri jiġi kompromess fil-każ ta’ konjuġi superstiti ta’ uffiċjal li jinħasad bil-mewt ta’ dan tal-aħħar meta dan ikun għadu fil-kariga milli fil-każ tal-konjuġi superstiti ta’ ex uffiċjal, liema konjuġi kellu ż-żmien sabiex jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura tali sigurtà finanzjarja.

58      Barra minn hekk, il-kundizzjoni ta’ tul minimu ta’ ħames snin ta’ żwieġ impost fuq il-konjuġi superstiti meta ż-żwieġ ġie kkuntrattat wara t-tmiem tal-attività tal-uffiċjal hija intiża li tiddisswadi l-frodi u li tissalvagwarda l-bilanċ finanzjarju tal-iskema ta’ pensjoni. Skont il-Kummissjoni, ir-riskju ta’ frodi huwa ogħla meta ż-żwieġ jiġi konkluż wara t-tmiem tal-attività, minħabba l-prevedibbiltà ikbar tal-mewt. Għaldaqstant, il-kundizzjoni ta’ ħames snin ta’ żwieġ hija intiża li timpedixxi ż-żwiġijiet in extremis bil-għan prinċipali li jintitolaw lill-konjuġi superstiti ta’ ex uffiċjal għall-pensjoni tas-superstiti.

59      Il-Parlament iżid li l-kundizzjoni ta’ tul minimu ta’ ħames snin ta’ żwieġ tippermetti li jiġi evitat li persuna iżgħar tabbuża mid-dgħufija ta’ uffiċjal benefiċjarju ta’ pensjoni iktar anzjan bit-tama li tikseb malajr id-dritt matul ħajjitha kollha għal pensjoni tas-superstiti.

a)      Fuq l-ammissibbiltà tal-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal

60      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, bħala prinċipju, l-istruttura tar-rimedju inċidentali li tikkostitwixxi l-eċċezzjoni ta’ illegalità tiġġustifika li tali eċċezzjoni mqajma għall-ewwel darba quddiem il-qorti tal-Unjoni tiġi ddikjarata ammissibbli, b’deroga għar-regola ta’ konkordanza bejn ir-rikors u l-ilment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2016, BĊE vs Cerafogli, T‑787/14 P, EU:T:2016:633, punt 47). Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal tqajmet għall-ewwel darba fl-istadju tar-rikors ma jwassalx għall-inammissibbiltà ta’ din l-eċċezzjoni.

61      Madankollu, il-possibbiltà li tiġi invokata eċċezzjoni ta’ illegalità fl-okkażjoni ta’ tilwima bejn uffiċjal u istituzzjoni hija suġġetta għall-osservanza ta’ diversi kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà. Fir-rigward ta’ rimedju inċidentali, l-ewwel, dan jippreżupponi li jkun ġie ppreżentat rikors prinċipali, it-tieni, li jiġi indirizzat kontra deċiżjoni li tikkawża preġudizzju lill-uffiċjal, it-tielet, li dan ir-rikors prinċipali jkun ammissibbli, ir-raba’, li l-uffiċjal ma kienx f’pożizzjoni li jitlob l-annullament tal-att ta’ portata ġenerali li jikkostitwixxi l-bażi tad-deċiżjoni li tikkawżalu preġudizzju, u, il-ħames, li teżisti rabta ta’ konnessjoni suffiċjenti bejn l-att ta’ portata ġenerali u d-deċiżjoni individwali kkontestata (sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2016, BĊE vs Cerafogli, T‑787/14 P, EU:T:2016:633, punt 67).

62      Fil-każ inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal tqajmet mir-rikorrenti fl-okkażjoni ta’ rikors prinċipali ammissibbli. Dan ir-rikors jirrigwarda l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, li tikkawża preġudizzju lir-rikorrenti sa fejn tirrifjuta li tagħtiha pensjoni tas-superstiti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti, bħala individwu, ma kinitx f’pożizzjoni li titlob direttament l-annullament tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal. Fl-aħħar nett, teżisti manifestament rabta ta’ konnessjoni suffiċjenti bejn l-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal u d-deċiżjoni kkontestata peress li din tal-aħħar hija bbażata fuq din id-dispożizzjoni.

63      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jitqies li l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mir-rikorrenti kontra l-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal hija ammissibbli.

b)      Fuq il-fondatezza tal-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal

64      Għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta, li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 21(1) tal-Karta huwa espressjoni partikolari tiegħu. Dan il-prinċipju jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2017, Fries, C‑190/16, EU:C:2017:513, punti 29 u 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65      Skont il-ġurisprudenza, sabiex il-leġiżlatur tal-Unjoni jkun jista’ jiġi kkritikat li kiser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, jeħtieġ li huwa jkun ittratta sitwazzjonijiet paragunabbli b’mod differenti, li jwassal għal żvantaġġ għal ċerti persuni meta mqabbla ma’ oħrajn (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2018, FV vs Il‑Kunsill, T‑750/16, EU:T:2018:972, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      F’dak li jirrigwarda r-rekwiżit dwar in-natura paragunabbli tas-sitwazzjonijiet, din tal-aħħar għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom. Dawn l-elementi għandhom, b’mod partikolari, jiġu ddeterminati u evalwati fid-dawl tas-suġġett u tal-għan tal-att tal-Unjoni li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li l-att inkwistjoni jagħmel parti minnu (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, HK vs Il‑Kummissjoni, C‑460/18 P, EU:C:2019:1119, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67      Barra minn hekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk it-trattament mir-Regolamenti tal-Persunal tas-sitwazzjonijiet li għandhom jiġu pparagunati jiksirx il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, wieħed għandu jibbaża ruħu fuq analiżi ffokata fuq id-dispożizzjonijiet legali kollha li jirregolaw il-pożizzjonijiet ta’ kull waħda mis-sitwazzjonijiet li għandhom jiġu pparagunati, filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari s-suġġett tad-dispożizzjoni kkontestata (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2017, Milkova, C‑406/15, EU:C:2017:198, punt 58).

68      Sabiex differenza fit-trattament tista’ tkun kompatibbli mal-prinċipji ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, din id-differenza għandha tkun iġġustifikata abbażi ta’ kriterju oġġettiv u raġonevoli u proporzjonat għall-għan li din id-differenzazzjoni tfittex li tilħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Frar 2005, Pyres vs Il‑Kummissjoni, T‑256/01, EU:T:2005:45, punt 61). F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti minn din il-karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawn id-drittijiet u ta’ dawn il-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

69      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, filwaqt li, meta teżisti għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u l-inkonvenjenzi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija (ara s-sentenza tas-26 ta’ Frar 2016, Bodson et vs BEI, T‑240/14 P, EU:T:2016:104, punt 116 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70      Għandu madankollu jiżdied li, sabiex jiġu miġġielda l-abbużi, u saħansitra l-frodi, il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu marġni ta’ diskrezzjoni fl-istabbiliment tad-dritt għal pensjoni tas-superstiti (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, HK vs Il‑Kummissjoni, C‑460/18 P, EU:C:2019:1119, punt 89). Ir-rikonoxximent ta’ tali setgħa diskrezzjonali tal-leġiżlatur jimplika n-neċessità li jiġi vverifikat jekk ma jidhirx li huwa irraġonevoli li l-leġiżlatur tal-Unjoni jqis li d-differenza fit-trattament stabbilita tista’ tkun xierqa u neċessarja għall-finijiet tat-twettiq tal-għan li għandu jintlaħaq (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2018, FV vs Il‑Kunsill, T‑750/16, EU:T:2018:972, punt 114 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji kollha li għandu jiġi vverifikat jekk il-kundizzjoni ta’ tul minimu taż-żwieġ prevista fl-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal tmurx kontra l-prinċipji ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età fid-dawl tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu minn din il-kundizzjoni. Għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk din il-kundizzjoni hijiex prevista mil-liġi u tosservax il-kontenut essenzjali tad-dritt għall-ugwaljanza fit-trattament u tal-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni, jekk is-sitwazzjonijiet previsti mill-Artikoli 18 u 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal humiex paragunabbli u, fl-affermattiv, jekk il-kundizzjoni tat-tul minimu ta’ ħames snin prevista fl-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal għandhiex għan ta’ interess ġenerali. F’dan ir-rigward, għandu jiġi vverifikat jekk ma jidhirx li huwa irraġonevoli li l-leġiżlatur tal-Unjoni jqis li d-differenza fit-trattament stabbilita tista’ tkun xierqa u neċessarja għall-finijiet tat-twettiq ta’ tali għan.

1)      Fuq l-eżistenza ta’ differenza fit-trattament

72      Għandu jitfakkar li, fis-sentenza tagħha tad-19 ta’ Diċembru 2019, HK vs Il‑Kummissjoni (C‑460/18 P, EU:C:2019:1119, punt 68), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għan tal-pensjoni tas-superstiti kien li jingħata lill-konjuġi superstiti dħul ta’ sostituzzjoni intiż li jikkumpensa parzjalment it-telf tad-dħul tal-konjuġi mejjet. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dan id-dritt ma huwiex suġġett għal kundizzjonijiet ta’ riżorsi jew ta’ patrimonju li għandhom jikkaratterizzaw l-inkapaċità tal-konjuġi superstiti sabiex jissodisfa l-bżonnijiet tiegħu u li juru għalhekk id-dipendenza finanzjarja preċedenti tiegħu fuq il-mejjet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, HK vs Il‑Kummissjoni, C‑460/18 P, EU:C:2019:1119, punt 69).

73      Għall-kuntrarju, l-għoti tal-pensjoni tas-superstiti jiddependi biss min-natura legali tar-rabtiet li kienu jgħaqqdu l-persuna kkonċernata mal-uffiċjal mejjet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, HK vs Il‑Kummissjoni, C‑460/18 P, EU:C:2019:1119, punt 70). Ma’ din il-kundizzjoni tiżdied dik tat-tul minimu taż-żwieġ, f’dan il-każ sena waħda skont l-Artikolu 18 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal u ħames snin skont l-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

74      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikoli 18 u 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jittrattaw il-konjuġi superstiti ta’ ex uffiċjali b’mod differenti skont jekk iż-żwieġ ikunx ġie kkuntrattat qabel jew wara t-tmiem tal-attività ta’ dawn tal-aħħar. Kif tindika wkoll il-Qorti Ġenerali fil-punt 47 tas-sentenza wara appell, id-data taż-żwieġ għalhekk tikkostitwixxi l-kriterju adottat mil-leġiżlatur sabiex issir distinzjoni bejn iż-żewġ sitwazzjonijiet.

75      Issa, in-natura legali tar-rabtiet li kienu jgħaqqdu l-konjuġi superstiti mal-uffiċjal mejjet hija identika, irrispettivament minn jekk iż-żwieġ ikunx ġie konkluż qabel jew wara t-tmiem tal-attività ta’ dan tal-aħħar. Din in-natura legali ma hijiex differenti skont jekk l-uffiċjali kinux iwettqu attività professjonali jew le u skont l-ammont tal-kontribuzzjonijiet fl-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni li tħallsu jew jkunu għadhom dovuti.

76      Barra minn hekk, l-Artikoli 18 u 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal it-tnejn li huma jintitolaw għal pensjoni tas-superstiti lill-konjuġi superstiti ta’ ex uffiċjal li ma jkunx għadu fil-kariga u li, konsegwentement, ma jkunx għadu qiegħed iħallas kontribuzzjonijiet fl-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni fil-mument tal-mewt tiegħu.

77      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tinvoka s-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1993, Arauxo‑Dumay vs Il‑Kummissjoni (T‑65/92, EU:T:1993:47), sabiex tipprova li s-sitwazzjonijiet previsti mill-Artikoli 18 u 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal huma differenti. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 33 ta’ dik is-sentenza, f’dik is-sentenza l-Qorti Ġenerali wettqet paragun bejn, minn naħa, is-sitwazzjoni tal-konjuġi superstiti ta’ ex uffiċjal li miet wara li bbenefika minn miżura ta’ tmiem tas-servizz u wara li rċieva l-benefiċċji u l-vantaġġi previsti minn regolament speċifiku li jirregola din is-sitwazzjoni u, min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni tal-konjuġi superstiti ta’ uffiċjal li miet meta kien għadu fil-kariga, prevista mill-Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

78      Minn dan jirriżulta li l-argumenti tal-Kummissjoni li skonthom id-differenza fit-trattament inkwistjoni hija marbuta mal-iżvilupp tal-karriera tal-uffiċjal u mal-kontribuzzjoni fl-iskema ta’ pensjoni għandhom jiġu miċħuda.

79      Barra minn hekk, l-għan tal-pensjoni tas-superstiti, li l-iskema tagħha hija stabbilita mill-Artikoli 18 u 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa li jikkumpensa, għall-benefiċċju tal-konjuġi superstiti, it-telf ta’ dħul li jirriżulta mill-mewt tal-ex uffiċjal. Għalhekk dan jirrigwarda l-għoti ta’ dħul ta’ sostituzzjoni lill-konjuġi superstiti (ara l-punt 72 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, il-fatt li l-uffiċjal mejjet iżżewweġ qabel jew wara t-tmiem tas-servizz tiegħu ma huwiex ta’ natura li jbiddel b’mod essenzjali s-sitwazzjoni tal-konjuġi superstiti f’dak li jirrigwarda d-drittijiet patrimonjali tiegħu. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 72 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-livell tal-bżonnijiet finanzjarji tal-konjuġi superstiti u l-eventwali dipendenza finanzjarja tiegħu fil-konfront tal-uffiċjal jew tal-ex uffiċjal ma jikkostitwixxux kriterju li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni.

80      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li s-sitwazzjoni tal-konjuġi superstiti ta’ ex uffiċjal li żżewġu qabel it-tmiem tal-attività ta’ dan tal-aħħar ma hijiex differenti minn dik tal-konjuġi superstiti ta’ ex uffiċjal li kkuntrattaw iż-żwieġ wara dan it-tmiem għall-finijiet tal-għoti ta’ pensjoni tas-superstiti skont l-Artikolu 18 jew l-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

81      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li teżisti differenza fit-trattament ta’ sitwazzjonijiet paragunabbli skont id-data tal-konklużjoni taż-żwieġ peress li din hija l-uniku element li jiddetermina l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ tulijiet minimi differenti taż-żwieġ skont l-Artikoli 18 u 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

82      Din id-differenza fit-trattament twassal għal żvantaġġ, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 65 iktar ’il fuq, għall-konjuġi superstiti ta’ ex uffiċjal li żżewġu wara t-tmiem tal-attività ta’ dan tal-aħħar, li għalihom tapplika l-iskema tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, meta mqabbla mal-konjuġi superstiti ta’ ex uffiċjal li kkuntrattaw iż-żwieġ qabel dan it-tmiem u li jaqgħu taħt l-Artikolu 18 ta’ dan l-anness.

83      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-kundizzjoni ta’ tul minimu ta’ ħames snin ta’ żwieġ prevista mill-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal twassal għal żvantaġġ partikolari għall-konjuġi superstiti li żżewġu ex uffiċjal minħabba l-fatt li, fil-maġġoranza l-kbira tal-każijiet, peress li t-tmiem tal-attività ta’ uffiċjal jikkorrispondi għall-irtirar tiegħu, bl-età tal-irtirar iffissata mir-Regolamenti tal-Persunal, dan tal-aħħar ikun iktar anzjan minn uffiċjal fil-kariga. Għaldaqstant, l-ex uffiċjali previsti mill-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal ġeneralment ikunu żżewġu f’età iktar avvanzata mill-ex uffiċjali previsti mill-Artikolu 18 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li jkunu żżewġu qabel it-tmiem tal-attività tagħhom. Konsegwentement, bħala regola ġenerali, il-konjuġi superstiti li żżewġu ex uffiċjal isibu diffikultà ikbar biex jissodisfaw il-kundizzjoni tat-tul minimu taż-żwieġ prevista mill-imsemmi Artikolu 20, li jammonta għal ħames snin, mill-konjuġi superstiti li żżewġu uffiċjal qabel it-tmiem tal-attività u li għalihom l-Artikolu 18 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi biss tul minimu ta’ żwieġ ta’ sena.

84      Għaldaqstant, minħabba t-tul minimu ta’ ħames snin ta’ żwieġ li jimponi, it-trattament previst fl-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal għall-konjuġi superstiti li żżewġu ex uffiċjal wara t-tmiem tal-attività ta’ dan tal-aħħar huwa inqas favorevoli mit-trattament previst fl-Artikolu 18 tal-imsemmi anness għall-konjuġi superstiti li żżewġu meta l-uffiċjal kien għadu fil-kariga u ġeneralment kien iżgħar minn ex uffiċjal.

85      Għalhekk teżisti wkoll differenza fit-trattament ta’ sitwazzjonijiet paragunabbli bbażata indirettament fuq l-età tal-ex uffiċjal fid-data li fiha kkuntratta ż-żwieġ.

2)      Fuq l-osservanza tal-kriterji indikati fl-Artikolu 52(1) tal-Karta u l-ġustifikazzjoni tad-differenza fit-trattament

86      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li d-differenza fit-trattament stabbilita mill-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal hija prevista mil-“liġi” fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta sa fejn din id-dispożizzjoni tirriżulta mir-Regolamenti tal-Persunal.

87      Barra minn hekk, sabiex tiġġustifika d-differenza fit-trattament inkwistjoni, l-ewwel, il-Kummissjoni ssostni li jeżisti riskju ikbar li l-benesseri tal-konjuġi superstiti jiġi kompromess fil-każ ta’ konjuġi superstiti ta’ uffiċjal li jinħasad bil-mewt ta’ dan tal-aħħar, meta dan ikun għadu fil-kariga, milli fil-każ tal-konjuġi superstiti ta’ ex uffiċjal li kellu ż-żmien sabiex jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura tali sigurtà finanzjarja.

88      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Artikoli 18 u 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal it-tnejn li huma jirrigwardaw il-ħlas ta’ pensjoni tas-superstiti lill-konjuġi superstiti ta’ ex uffiċjal benefiċjarju ta’ pensjoni tal-irtirar. Għaldaqstant, kemm f’każ wieħed kif ukoll fl-ieħor, il-konjuġi superstiti jitlob pensjoni tas-superstiti meta l-konjuġi tiegħu jkun diġà temm is-servizz tiegħu. Għalhekk l-argument tal-Kummissjoni li l-konjuġi superstiti jinħasad iktar bil-mewt tal-uffiċjal fil-kariga milli bil-mewt ta’ ex uffiċjal irtirat huwa irrilevanti.

89      It-tieni, il-Kummissjoni, sostnuta mill-Parlament, tqis li l-kundizzjoni ta’ tul minimu ta’ ħames snin ta’ żwieġ prevista mill-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal hija intiża, minn naħa, li tipprevjeni l-frodi u, min-naħa l-oħra, li tissalvagwarda l-bilanċ finanzjarju tal-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni. Kull wieħed minn dawn iż-żewġ għanijiet għandu jiġi eżaminat suċċessivament fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 70 iktar ’il fuq.

i)      Fuq l-għan intiż li jipprevjeni l-frodi

90      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ projbizzjoni tal-frodi u tal-abbuż ta’ dritt jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li l-osservanza tiegħu hija meħtieġa mill-individwi (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, HK vs Il‑Kummissjoni, C‑460/18 P, EU:C:2019:1119, punti 88 u 89). Għalhekk il-ġlieda kontra l-frodi tikkostitwixxi għan ta’ interess ġenerali.

91      F’dan ir-rigward, mis-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, HK vs Il‑Kummissjoni (C‑460/18 P, EU:C:2019:1119, punti 89 u 90), jirriżulta, essenzjalment, li kundizzjoni ta’ tul minimu taż-żwieġ ta’ sena, kif prevista fl-Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, hija intiża li tiżgura r-realtà u l-istabbiltà tar-relazzjonijiet bejn il-persuni kkonċernati u, għal din ir-raġuni, ma tidhirx li hija manifestament inadegwata fid-dawl tal-għan ta’ ġlieda kontra l-frodi.

92      Għaldaqstant, ma jidhirx li huwa irraġonevoli li d-dritt tal-konjuġi superstiti ta’ uffiċjal jew ta’ ex uffiċjal li jirċievi pensjoni tas-superstiti jkun suġġett għal kundizzjoni ta’ tul minimu. Fil-fatt, tali kundizzjoni tippermetti li jiġi żgurat li dan iż-żwieġ ma jkunx ibbażat esklużivament fuq kunsiderazzjonijiet mhux relatati ma’ pjan ta’ ħajja komuni, bħalma huma kunsiderazzjonijiet purament finanzjarji jew marbuta mal-kisba ta’ dritt ta’ residenza.

93      Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li japplika meta ż-żwieġ ġie konkluż wara t-tmiem tal-attività tal-uffiċjal, jimponi kundizzjoni ta’ tul minimu taż-żwieġ ħames darbiet ikbar minn dak previst mill-Artikolu 18 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li japplika meta ż-żwieġ ġie konkluż qabel dan it-tmiem tal-attività tal-uffiċjal.

94      Għaldaqstant, għandu wkoll jiġi vverifikat jekk il-kundizzjoni tat-tul taż-żwieġ meħtieġa mill-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li tapplika mingħajr ebda eċċezzjoni possibbli, tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tiġi ggarantita l-assenza ta’ frodi.

95      F’dan ir-rigward, qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li l-proċess ma jinkludi ebda spjegazzjoni konvinċenti jew ebda prova li tippermetti li tiġi sostnuta l-premessa, imressqa mill-Kummissjoni u mill-Parlament, li l-probabbiltà li jiġi konkluż żwieġ frawdolenti tiżdied wara t-tmiem tal-attività tal-uffiċjali, b’mod li, pereżempju, uffiċjal li jiżżewweġ lejlet it-tmiem tal-attività inqas jista’ jikkonkludi żwieġ frawdolenti minn uffiċjal li jiżżewweġ l-għada ta’ tali tmiem. Il-Kummissjoni u l-Parlament lanqas ma spjegaw għal liema raġuni uffiċjal li temm l-attività tiegħu huwa inqas adatt biex jipproteġi ruħu mill-intenzjonijiet frawdolenti ta’ persuna li tixtieq tiżżewġu minn uffiċjal li jkun għadu fil-kariga, b’mod li huwa neċessarju li jiġi impost tul minimu ta’ żwieġ ħames darbiet ikbar meta ż-żwieġ jiġi kkuntrattat wara t-tmiem tal-attività tal-uffiċjal.

96      Ulterjorment, skont ġurisprudenza stabbilita, preżunzjoni ġenerali ta’ frodi ma tistax tkun biżżejjed sabiex tiġġustifika miżura li tippreġudika l-għanijiet tat-Trattat FUE (ara s-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑577/10, EU:C:2012:814, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

97      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li t-tul taż-żwieġ ma huwiex neċessarjament l-uniku element rappreżentattiv tas-sinċerità ta’ dan tal-aħħar (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et, C‑20/12, EU:C:2013:411, punti 72 u 73 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑18 ta’ Lulju 2013, Prinz u Seeberger, C‑523/11 u C‑585/11, EU:C:2013:524, punti 36 u 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

98      Issa, l-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal juża esklużivament il-kundizzjoni ta’ tul minimu ta’ ħames snin ta’ żwieġ mingħajr ma jipprevedi ebda eċċezzjoni, b’mod li huwa impossibbli għall-konjuġi superstiti li kkuntratta żwieġ wara t-tmiem tal-attività tal-ex uffiċjal li jsostni li ż-żwieġ ġie konkluż bona fide, u dan irrispettivament mill-provi oġġettivi li jista’ jipproduċi f’dan ir-rigward. B’dan il-mod, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi preżunzjoni ġenerali u inkonfutabbli ta’ frodi fil-konfront taż-żwiġijiet li jkunu damu inqas minn ħames snin.

99      Mill-banda l-oħra, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 18 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi ċirkustanzi oġġettivi li fihom ebda tul minimu taż-żwieġ ma huwa meħtieġ, jiġifieri t-twelid ta’ wild miż-żwieġ tal-uffiċjal qabel it-tmiem tal-attivitajiet tiegħu, sakemm il-konjuġi superstiti jmantni jew mantna lil dan il-wild. Għalhekk il-leġiżlatur qies, fil-każ ta’ żwieġ konkluż qabel it-tmiem tal-attività tal-ex uffiċjal, li kienu jeżistu ċirkustanzi oġġettivi li kienu jippermettu li tiġi kkonfutata l-preżunzjoni ta’ frodi.

100    Iċ-ċirkustanzi oġġettivi mfakkra fil-punt preċedenti jikkostitwixxu kriterji ċari li jippermettu li l-pensjonijiet tas-superstiti jiġu ġġestiti b’mod effikaċi b’osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

101    Fil-każ inkwistjoni, minkejja li t-tieni żwieġ tar-rikorrenti ġie konkluż wara t-tmiem tal-attività tal-konjuġi tagħha, jeżistu diversi provi oġġettivi li jistgħu juru li dan ma huwiex żwieġ frawdolenti. Fil-fatt, ir-rikorrenti u l-konjuġi tagħha għexu bħala koppja mill-1985. Fl‑10 ta’ Ġunju 1987 kellhom wild. Fis-7 ta’ Mejju 1988 ikkuntrattaw l-ewwel żwieġ. Huwa minnu li ddivorzjaw fid‑29 ta’ April 1996 iżda reġgħu bdew ħajja komuni mill-2002 u reġgħu żżewġu fl-20 ta’ Awwissu 2012. Barra minn hekk, la l-Kummissjoni u lanqas il-Parlament ma sostnew li l-każ inkwistjoni kien ivvizzjat bi frodi.

102    Barra minn hekk, wara d-divorzju tagħha, ir-rikorrenti ma reġgħetx iżżewġet ma’ terza persuna. Għaldaqstant, kif irrilevat b’mod partikolari l-Qorti Ġenerali fil-punt 56 tas-sentenza wara appell, fl-assenza ta’ żwieġ mill-ġdid mal-ex konjuġi tagħha, hija kienet tkun tista’ tibbenefika minn pensjoni tas-superstiti fil-kwalità tagħha ta’ konjuġi ddivorzjata skont l-Artikolu 27 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal – dritt li hija tilfet minħabba ż-żwieġ mill-ġdid tagħha.

103    Barra minn hekk, fid-dawl tal-età ġeneralment ogħla tal-ex uffiċjali previsti mill-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-rekwiżit ta’ tul minimu ta’ ħames snin ta’ żwieġ huwa partikolarment diffiċli li jiġi ssodisfatt għall-konjuġi superstiti li żżewġu tali ex uffiċjal. Għaldaqstant, dan jista’ jeskludi numru sinjifikattiv ta’ dawn il-konjuġi li, madankollu, setgħu jipprovaw l-assenza ta’ frodi, mill-benefiċċju tal-pensjoni tas-superstiti.

104    Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-leġiżlatur mhux dejjem eskluda kull evalwazzjoni individwali fir-Regolamenti tal-Persunal. Għaldaqstant, l-Artikolu 1(1)(d) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li uffiċjal li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti għall-għoti tal-allowance tad-dar jista’, abbażi ta’ “deċiżjoni raġunata speċjali ta’ l-awtorità tal-ħatra bbażata fuq dokumenti ta’ appoġġ”, jibbenefika minn din l-allowance meta huwa madankollu effettivament jassumi spejjeż tal-familja.

105    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li huwa irraġonevoli li jitqies li l-kundizzjoni ta’ tul minimu ta’ ħames snin ta’ żwieġ prevista mill-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li hija ħames darbiet iktar severa minn dik prevista mill-Artikolu 18 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal u li ma hija suġġetta għal ebda eċċezzjoni li tippermetti li tiġi pprovata l-assenza ta’ frodi, irrispettivament mill-provi oġġettivi prodotti, tista’ tkun neċessarja għall-finijiet tat-twettiq tal-għan ta’ ġlieda kontra l-frodi.

ii)    Fuq l-għan intiż li jissalvagwarda l-bilanċ finanzjarju tal-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni

106    Preliminarjament, għandu jiġi speċifikat li ġie deċiż li l-għan li jikkonsisti fis-salvagwardja tal-bilanċ finanzjarju tal-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni jista’ jitqies li huwa leġittimu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Frar 2005, Pyres vs Il‑Kummissjoni, T‑256/01, EU:T:2005:45, punti 64 u 65). Madankollu, għandu jiżdied li tali għan, li jaqa’ taħt kunsiderazzjonijiet ta’ natura baġitarja, ma jistax jiġġustifika, waħdu, deroga mill-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Fuchs u Köhler, C‑159/10 u C‑160/10, EU:C:2011:508, punt 74).

107    Issa, kif ġie konkluż fil-punt 105 iktar ’il fuq, il-kundizzjoni tat-tul minimu taż-żwieġ prevista fl-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal ma tistax tiġi ġġustifikata mill-għan ta’ ġlieda kontra l-frodi. Konsegwentement, id-differenza fit-trattament stabbilita minn din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata mis-sempliċi salvagwardja tal-bilanċ finanzjarju tal-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni.

108    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni u l-Parlament ma pproduċewx l-iċken prova prima facie li tippermetti li jiġi pprovat li l-bilanċ finanzjarju tal-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni kien ser jiġi mhedded li kieku l-konjuġi superstiti ta’ ex uffiċjali li kkuntrattaw żwieġ wara t-tmiem tal-attività ta’ dan tal-aħħar setgħu jibbenefikaw minn pensjoni tas-superstiti mingħajr ma kienu miżżewġin għal tal-inqas ħames snin. Lanqas ma ġie pprovat li dan il-bilanċ finanzjarju ma kienx ikun jista’ jintlaħaq li kieku l-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal kien jipprevedi eċċezzjonijiet għall-kundizzjoni li ż-żwieġ kellu jkun dam tal-inqas ħames snin.

109    Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-argument tal-Kummissjoni li l-konjuġi superstiti ta’ ex uffiċjal li żżewweġ wara t-tmiem tal-attività ta’ dan tal-aħħar ma pparteċipax fl-isforz kontributorju għall-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni, għandu jiġi rrilevat li la mill-formulazzjoni u lanqas mill-kuntest tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal ma jirriżulta li l-pensjoni tas-superstiti hija kkundizzjonata minn rabta finanzjarja suffiċjentement qawwija bejn il-konjuġi superstiti u l-istituzzjoni li fis-servizz tagħha kien jinsab l-uffiċjal jew l-ex uffiċjal. Għall-kuntrarju, huwa biżżejjed li ż-żwieġ ikkuntrattat qabel it-tmiem tal-attività tal-uffiċjal ikun dam sena sabiex il-konjuġi superstiti jkun jista’ jibbenefika minn tali pensjoni, anki jekk il-mewt isseħħ, pereżempju, fil-bidu tal-karriera tal-uffiċjal (skont l-Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal), jew jekk iż-żwieġ ikun ġie kkuntrattat xi jiem qabel it-tmiem tal-attività tal-uffiċjal (skont l-Artikolu 18 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal).

110    Konsegwentement, l-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi differenza fit-trattament bejn konjuġi superstiti ta’ ex uffiċjali li la hija ġġustifikata mill-għan ta’ ġlieda kontra l-frodi, peress li din ma hijiex neċessarja sabiex jintlaħaq dan l-għan, u lanqas mill-għan intiż li jissalvagwarda l-bilanċ finanzjarju tal-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni.

111    Barra minn hekk, sa fejn jistabbilixxi preżunzjoni ġenerali u inkonfutabbli ta’ frodi fil-konfront tal-koppji li ż-żwieġ tagħhom dam inqas minn ħames snin, minkejja li preżunzjoni ġenerali ta’ frodi ma tistax tkun biżżejjed sabiex tiġġustifika miżura li tippreġudika l-għanijiet tat-Trattat FUE, l-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal ma josservax il-kontenut essenzjali tad-dritt għall-ugwaljanza fit-trattament u tal-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni.

112    Għaldaqstant, l-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jikser il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament kif ukoll il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età. Għalhekk l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mir-rikorrenti għandha tintlaqa’.

113    Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata, adottata abbażi tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, hija nieqsa minn bażi legali, b’mod li għandha tiġi annullata.

3.      Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq l-iżball ta’ interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “konjuġi” fis-sens tal-iskema applikabbli għall-pensjoni tas-superstiti

114    Ir-rikorrenti ssostni li l-kunċett ta’ koppja ma jistax jiġi ridott għas-sempliċi relazzjoni bbażata fuq iż-żwieġ, fid-dawl tal-iżvilupp soċjali ġenerali li seħħ f’dan il-qasam minn diversi snin ’l hawn. Dan l-iżvilupp huwa kkorroborat, minn naħa, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1d(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, li jassimila s-sħubiji mhux patrimonjali maż-żwieġ, u, min-naħa l-oħra, mir-rikonoxximent wiesa’ tas-sħubija rreġistrata fi ħdan l-Unjoni. Konsegwentement, it-tul tal-ħajja komuni tar-rikorrenti u tal-konjuġi mejjet tagħha, kif jixhdu diversi dokumenti, ma jistax jiġi injorat.

115    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Parlament, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

116    Għandu jitfakkar li l-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżerva l-benefiċċju ta’ pensjoni tas-superstiti lill-“konjuġi” superstiti. Dan jimplika li l-benefiċjarju tal-pensjoni tas-superstiti kellu jkun marbut mal-ex uffiċjal fil-kuntest ta’ relazzjoni ċivili li tkun ħolqot sett ta’ drittijiet u ta’ obbligi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, HK vs Il‑Kummissjoni, C‑460/18 P, EU:C:2019:1119, punt 71).

117    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, għalkemm, f’ċerti aspetti, l-unjonijiet ta’ fatt u l-unjonijiet legali, bħaż-żwieġ, jistgħu jixxiebhu, dawn ma jistgħux neċessarjament iwasslu għal assimilazzjoni bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ unjoni. Fil-fatt, iż-żwieġ huwa kkaratterizzat minn formaliżmu rigoruż u joħloq drittijiet u obbligi reċiproċi bejn il-konjuġi, ta’ livell għoli, fosthom id-dmirijiet ta’ assistenza u ta’ solidarjetà (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, HK vs Il‑Kummissjoni, C‑460/18 P, EU:C:2019:1119, punti 72 u 73).

118    Barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni espliċitament estenda l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal dwar il-persuni miżżewġa, taħt ċerti kundizzjonijiet, għall-persuni marbuta bi sħubija mhux matrimonjali rreġistrata. F’dan ir-rigward, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1d(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li, sabiex sħubija mhux matrimonjali rreġistrata tiġi assimilata maż-żwieġ fis-sens tar-Regolamenti tal-Persunal, l-uffiċjal irreġistrat bħala sieħeb stabbli mhux miżżewweġ għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet legali stabbiliti mill-imsemmija dispożizzjoni (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, HK vs Il‑Kummissjoni, C‑460/18 P, EU:C:2019:1119, punti 74 u 76).

119    Mill-banda l-oħra, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, unjoni ta’ fatt, bħalma huwa l-konkubinaġġ, ma tissodisfax dawn il-karatteristiċi, peress li din, bħala prinċipju, ma hijiex is-suġġett ta’ status stabbilit mil-liġi (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, HK vs Il‑Kummissjoni, C‑460/18 P, EU:C:2019:1119, punt 78).

120    Fil-każ inkwistjoni, ir-rikorrenti ssostni li hija għexet f’ħajja komuni mill-2002 mal-ex uffiċjal mejjet qabel ma l-koppja reġgħet iżżewġet fl-2012. Madankollu, ir-rikorrenti ma tallegax li, qabel ma reġgħet iżżewġet, il-koppja kkonkludiet sħubija rreġistrata. Barra minn hekk, huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-ex uffiċjal mejjet kien miżżewweġ ma’ terza persuna bejn il-11 ta’ Settembru 1998 u t-22 ta’ Diċembru 2011.

121    Konsegwentement, ir-rikorrenti ma tistax tibbenefika mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1d(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

122    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest soċjali li fih ġie ppreżentat dan ir-rikors, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti Ġenerali li twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal fir-rigward tat-terminu “konjuġi”. Huwa l-leġiżlatur li għandu jwettaq tali emenda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1993, Arauxo-Dumay vs Il‑Kummissjoni, T‑65/92, EU:T:1993:47, punti 30 u 31).

123    Ulterjorment, kif tosserva l-Kummissjoni, fl-okkażjoni tar-riformi tar-Regolamenti tal-Persunal, il-leġiżlatur ħa inkunsiderazzjoni l-iżvilupp soċjali. B’mod partikolari, permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004 tat‑22 ta’ Marzu 2004 Li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal ta’ l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet ta’ l-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 2, p. 130, rettifiki fil-ĠU 2007, L 248, p. 26, fil-ĠU 2012, L 130, p. 24, fil-ĠU 2012, L 342, p. 48, u fil-ĠU 2016, L 289, p. 21), il-leġiżlatur wettaq emenda tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1d(1) tar-Regolamenti tal-Persunal sabiex ikopri l-każijiet tas-sħubiji mhux matrimonjali.

124    Konsegwentement, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

125    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-ewwel u t-tielet motiv għandhom jiġu miċħuda bħala infondati u d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata abbażi tat-tieni motiv.

 Fuq l-ispejjeż

126    Skont l-Artikolu 133 tar-Regoli tal-Proċedura, id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż għandha tingħata fis-sentenza li tagħlaq l-istanza. Skont l-Artikolu 219 tal-imsemmija regoli, li huwa applikabbli b’analoġija għal din il-proċedura wara r-rinviju, u sa fejn, fis-sentenza wara appell, il-Qorti Ġenerali rriżervat l-ispejjeż, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż marbuta, minn naħa, mal-proċeduri mressqa abbażi tal-Artikolu 270 TFUE quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u l-Qorti Ġenerali u, min-naħa l-oħra, mal-proċedura tal-appell quddiem il-Qorti Ġenerali.

127    F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

128    Mill-motivi msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni hija l-parti li fl-aħħar mill-aħħar tilfet il-kawża. Konsegwentement, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż marbuta, minn naħa, mal-proċedura inizjali mressqa quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F‑104/15 kif ukoll, min-naħa l-oħra, ma’ din il-proċedura wara r-rinviju.

129    F’dak li jirrigwarda l-proċedura tal-appell fil-Kawża T‑695/16 P, skont l-Artikolu 211(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Barra minn hekk, peress li l-Qorti Ġenerali laqgħet l-appell ippreżentat mill-Kummissjoni, ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż li hija sostniet fil-kuntest tal-imsemmija proċedura.

130    Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għalhekk għandu jiġi deċiż li l-Parlament Ewropew għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu marbuta mal-Kawża F‑104/15 u ma’ din il-proċedura wara r-rinviju. Barra minn hekk, peress li l-Parlament ma ppreżentax dokumenti fil-kuntest tal-proċedura tal-appell u peress li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet l-imsemmija proċedura mingħajr fażi orali tal-proċedura, il-Parlament ma pparteċipax fil-proċedura tal-appell fis-sens tal-Artikolu 211(5) tar-Regoli tal-Proċedura u għalhekk ma sostniex spejjeż marbuta mal-imsemmija proċedura.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-24 ta’ Settembru 2014 li tiċħad it-talba ta’ RN għall-għoti ta’ pensjoni tas-superstiti hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni għandha tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, l-ispejjeż ta’ RN marbuta mal-Kawża F104/15 u ma’ din il-proċedura wara r-rinviju.

3)      Il-Kummissjoni u RN għandhom ibatu, kull waħda minnhom, l-ispejjeż rispettivi tagħhom marbuta mal-proċedura fil-Kawża T695/16 P.

4)      Il-Parlament Ewropew għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu marbuta mal-Kawża F104/15 u ma’ din il-proċedura wara r-rinviju.

da Silva Passos

Reine

Truchot

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Diċembru 2020.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.