Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-26 ta’ Lulju 2017 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Verwaltungsgerichtshof - l-Awstrija) – proċedura mressqa minn Khadija Jafari, Zainab Jafari

(Kawża C-646/16) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz – Wasla ta’ numru eċċezzjonalment għoli ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jiksbu protezzjoni internazzjonali – Organizzazzjoni tal-qsim tal-fruntiera mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru bil-ħsieb ta’ tranżitu lejn Stat Membru ieħor – Dħul awtorizzat b’deroga għal raġunijiet umanitarji – Artikolu 2(m) – Kunċett ta’ ‘viża’ – Artikolu 12 – Ħruġ ta’ viża – Artikolu 13 – Qsim irregolari ta’ fruntiera esterna)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Khadija Jafari, Zainab Jafari

Dispożittiv

L-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, moqri flimkien mal-Artikolu 2(m) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt, għall-awtoritajiet tal-ewwel Stat Membru kkonfrontati bil-wasla ta’ numru eċċezzjonalment għoli ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jittranżitaw minn dan l-Istat Membru sabiex iressqu applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor, li jittolleraw id-dħul fit-territorju ta’ tali ċittadini, li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet ta’ dħul meħtieġa bħala prinċipju f’dan l-ewwel Stat Membru, ma għandux jiġi kklassifikat bħala “viża” fis-sens tal-Artikolu 12.

L-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 604/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li ċittadin ta’ pajjiż terz li d-dħul tiegħu ġie ttollerat, mill-awtoritajiet tal-ewwel Stat Membru kkonfrontati bil-wasla ta’ numru eċċezzjonalment għoli ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jittranżitaw minn dan l-Istat Membru sabiex iressqu applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor, mingħajr ma jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ dħul bħala prinċipju meħtieġa f’dan l-ewwel Stat Membru, għandu jitqies li “qasam b’mod irregolari” il-fruntiera tal-imsemmi l-ewwel Stat Membru fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

____________

1 ĠU C 53, 20.2.2017.