Language of document : ECLI:EU:C:2019:1128

Kawża C168/18

Pensions-Sicherungs-Verein VVaG

vs

Günther Bauer

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesarbeitsgericht)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-19 ta’ Diċembru 2019

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Protezzjoni tal-ħaddiema impjegati fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega – Direttiva 2008/94/KE – Artikolu 8 – Skemi komplementari ta’ previdenza – Protezzjoni tad-drittijiet għal benefiċċji tax-xjuħija – Livell minimu ta’ protezzjoni ggarantita – Obbligu ta’ tpaċija mill-ex persuna li timpjega ta’ tnaqqis tal-pensjoni tal-irtirar professjonali – Organu estern ta’ previdenza – Effett dirett”

1.        Politika soċjali – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Protezzjoni tal-ħaddiema fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega – Direttiva 2008/94 – Skemi komplementari ta’ previdenza professjonali – Obbligu għall-Istat Membru kkonċernat li jadotta l-miżuri neċessarji għall-protezzjoni tal-interessi tal-ħaddiema impjegati – Kamp ta' applikazzjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/94, Artikolu 8)

(ara l-punti 35, 36, u d-dispożittiv 1)

2.        Politika soċjali – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Protezzjoni tal-ħaddiema fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega – Direttiva 2008/94 – Skemi komplementari ta’ previdenza professjonali – Protezzjoni tad-drittijiet għal benefiċċji tax-xjuħija – Livell minimu ta’ protezzjoni meħtieġa – Tnaqqis tal-benefiċċji tal-irtirar professjonali – Kumpens li jikkorrispondi tal-inqas għal 50 % tal-valur tad-drittijiet miksuba mill-ex ħaddiem impjegat – Kumpens li għandu josserva l-livell ta’ riskju ta’ faqar

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/94, Artikolu 8)

(ara l-punti 38 sa 46, u d-dispożittiv 2)

3.        Politika soċjali – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Protezzjoni tal-ħaddiema fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega – Direttiva 2008/94 – Skemi komplementari ta’ previdenza professjonali – Protezzjoni tad-drittijiet għal benefiċċji tax-xjuħija – Organu estern ta’ previdenza – Possibbiltà għal ħaddiem impjegat li jinvoka kontra tali organu l-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva b’effett dirett – Kundizzjonijiet

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/94, Artikolu 8)

(ara l-punti 48 sa 54, 57, u d-dispożittiv 3)


Sommarju

Stat Membru huwa obbligat li jiggarantixxi lil ex ħaddiem impjegat, fil-każ ta’ tnaqqis tal-ammont ta’ benefiċċji tal-irtirar professjonali sussegwentement għall-insolvenza tal-persuna li timpjegah, tal-inqas in-nofs ta’ dawn il-benefiċċji jew, fil-każ fejn it-telf subit ikun inqas min-nofs tal-imsemmija benefiċċji, li dan it-tnaqqis ma għandux bħala effett li dan l-ex ħaddiem ikollu jgħix taħt il-livell ta’ riskju ta’ faqar

Fis-sentenza Pensions-Sicherungs-Verein (C‑168/18), mogħtija fid-19 ta’ Diċembru 2019, il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li interpretat l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 dwar il-protezzjoni tal-impjegati fil-każ tal-insolvenza ta’ min iħaddimhom (1), iddeċidiet li tnaqqis tal-ammont tal-benefiċċji għall-irtirar professjonali pprovduti lil ex ħaddiem impjegat, minħabba l-insolvenza tal-ex persuna li timpjega tiegħu, huwa kkunsidrat bħala manifestament sproporzjonat meta dan l-ex ħaddiem impjegat diġà jgħix jew ikollu jgħix, minħabba dan it-tnaqqis, taħt il-livell ta’ riskju ta’ faqar. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dan huwa l-każ ukoll jekk il-persuna kkonċernata tirċievi tal-inqas in-nofs tal-ammont tal-benefiċċji li jirriżultaw mid-drittijiet miksuba tagħha.

Fil-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, ċittadin Ġermaniż ibbenefika, minn Diċembru 2000, minn irtirar professjonali li kien jinkludi suppliment għall-irtirar għal kull xahar u bonus annwali tal-Milied, mogħtija direttament mill-ex persuna li timpjega, kif ukoll pensjoni, imħallsa mill-fond tal-irtirar Ġermaniż fuq il-bażi tal-kontribuzzjonijiet ta’ din l-ex persuna li timpjega. Sussegwentement għal diffikultajiet ekonomiċi li dan il-fond tal-irtirar iltaqa’ magħhom fis-sena 2003, l-ammont tal-benefiċċji mogħtija ġie mnaqqas, bl-awtorizzazzjoni tal-Uffiċċju Federali tas-Sorveljanza tas-Servizzi Finanzjarji. L-ex persuna li timpjega paċiet dan it-tnaqqis sas-sena 2012, meta nfetħet proċedura ta’ insolvenza fir-rigward tagħha. Sa minn din id-data, l-ex ħaddiem ma jirċevix iktar kumpens għat-tnaqqis, billi l-organu, irregolat mid-dritt privat, maħtur mill-Ġermanja bħala l-organu ta’ garanzija kontra r-riskju ta’ insolvenza tal-persuni li jimpjegaw fil-qasam tal-irtirar professjonali kien ħa responsabbiltà biss għas-suppliment tal-irtirar għal kull xahar u għall-bonus annwali tal-Milied, bl-esklużjoni tat-tpaċija tat-tnaqqis.

L-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat jekk l-elementi materjali msemmija fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 kinux issodisfatti u wieġbet fl-affermattiv, sa fejn dan kien ex ħaddiem impjegat li l-ex persuna li timpjega tiegħu kienet tinsab fi stat ta’ insolvenza u li, fid-data tal-bidu tal-insolvenza tagħha u minħabba din l-insolvenza, id-drittijiet miksuba għal benefiċċji tax-xjuħija kienu ġew ippreġudikati. Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 kien tassew applikabbli għal sitwazzjoni bħal dik hawnhekk.

Fir-rigward, sussegwentement, taċ-ċirkustanzi li fihom għandu jitqies li tnaqqis tal-ammont tal-benefiċċji tal-irtirar professjonali huwa manifestament sproporzjonat, li jwassal għall-obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw ċerta protezzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-Istati Membri għandhom, fil-kuntest tat-traspożizzjoni tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94, marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa u huma obbligati biss li jiggarantixxu l-minimu ta’ protezzjoni meħtieġ minn din id-dispożizzjoni. Hija fakkret ukoll li ex ħaddiem impjegat għandu jirċievi, fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjegah, minn tal-inqas in-nofs tal-benefiċċji tax-xjuħija li jirriżultaw mid-drittijiet miksuba tiegħu, fatt li madankollu ma għandux l-effett li jeskludi li, ukoll fil-każ ta’ preżenza ta’ din il-garanzija minima, f’ċerti ċirkustanzi, it-telf subit jista’ jitqies bħala manifestament sproporzjonat. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li tnaqqis tal-benefiċċji tax-xjuħija għandu jitqies bħala manifestament sproporzjonat meta l-kapaċità tal-persuna kkonċernata li tissodisfa l-bżonnijiet tagħha tiġi affettwata b’mod serju. Dan ikun il-każ ta’ ex ħaddiem impjegat li diġà jgħix jew ikollu jgħix minħabba dan it-tnaqqis taħt il-livell ta’ riskju ta’ faqar stabbilit għall-Istat Membru kkonċernat minn Eurostat, fejn l-Istat Membru rispettiv huwa għalhekk obbligat li jiggarantixxi kumpens għal ammont li, mingħajr ma jkopri neċessarjament it-telf sostnut kollu, ikun jista’ wkoll jirrimedja n-natura manifestament sproporzjonata tiegħu.

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-imsemmi Artikolu 8, sa fejn jimponi fuq l-Istati Membri li jiżguraw protezzjoni minima għall-ex ħaddiem espost għal tnaqqis tal-benefiċċji tax-xjuħija manifestament sproporzjonat, jinkludi obbligu ċar, preċiż u inkundizzjonat impost fuq l-Istati Membri, li għandu bħala għan li jagħti drittijiet lill-individwi. Konsegwentement, din id-dispożizzjoni tista’ tiġi invokata fil-konfront ta’ organu, irregolat mid-dritt privat, maħtur mill-Istat Membru bħala l-organu ta’ garanzija kontra r-riskju ta’ insolvenza tal-persuni li jimpjegaw fil-qasam tal-irtirar professjonali, meta, fid-dawl tal-missjoni li dan l-organu jingħata u tal-kundizzjonijiet li fihom huwa jwettaqha, dan l-organu jista’ jiġi assimilat mal-Istat, sa fejn il-missjoni ta’ garanzija li dan l-organu jingħata hija effettivament estiża għat-tipi ta’ benefiċċji tax-xjuħija li għalihom hija mitluba l-protezzjoni minima prevista f’din id-dispożizzjoni.


1 Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom (ĠU 2008, L 283, p. 36).