Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-19 ta’ Diċembru 2019 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesarbeitsgericht - il-Ġermanja) – Pensions-Sicherungs-Verein VVaG vs Günther Bauer

(Kawża C-168/18) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Protezzjoni tal-ħaddiema impjegati fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega – Direttiva 2008/94/KE – Artikolu 8 – Skemi komplementari ta’ previdenza – Protezzjoni tad-drittijiet għal benefiċċji tax-xjuħija – Livell minimu ta’ protezzjoni ggarantita – Obbligu ta’ tpaċija mill-ex persuna li timpjega ta’ tnaqqis tal-pensjoni tal-irtirar professjonali – Organu estern ta’ previdenza – Effett dirett)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesarbeitsgericht

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Pensions-Sicherungs-Verein VVaG

Konvenut: Günther Bauer

Dispożittiv

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa applikabbli għal sitwazzjoni li fiha persuna li timpjega, li tiżgura benefiċċji tal-irtirar professjonali permezz tal-intervent ta’ organu interprofessjonali, ma tistax tiggarantixxi, minħabba l-insolvenza tagħha, it-tpaċija għat-telf li jirriżulta mit-tnaqqis tal-ammont tal-imsemmija benefiċċji pprovduti minn dan l-organu interprofessjonali, liema tnaqqis kien ġie awtorizzat mill-awtorità pubblika ta’ sorveljanza tas-servizzi finanzjarji li teżerċita sorveljanza prudenzjali ta’ dan l-organu.

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 għandu jiġi interpretat fis-sens li tnaqqis tal-ammont tal-benefiċċji tal-irtirar professjonali pprovduti lil ex ħaddiem impjegat, minħabba l-insolvenza tal-ex persuna li timpjega tiegħu, huwa kkunsidrat bħala manifestament sproporzjonat, anki jekk il-persuna kkonċernata tirċievi tal-inqas in-nofs tal-ammont tal-benefiċċji li jirriżultaw mid-drittijiet miksuba tagħha, meta dan l-ex ħaddiem impjegat diġà jgħix jew ikollu jgħix minħabba dan it-tnaqqis taħt il-livell ta’ riskju ta’ faqar stabbilit għall-Istat Membru kkonċernat mill-Eurostat.

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94, li jipprevedi obbligu ta’ protezzjoni minima, jista’ jkollu effett dirett, b’tali mod li jista’ jiġi invokat fil-konfront ta’ organu, irregolat mid-dritt privat, li kien ġie maħtur mill-Istat bħala l-organu ta’ garanzija kontra r-riskju ta’ insolvenza tal-persuni li jimpjegaw fil-qasam tal-irtirar professjonali, meta, fid-dawl tal-missjoni li dan l-organu jingħata u tal-kundizzjonijiet li fihom huwa jwettaqha, dan l-organu jista’ jiġi assimilat mal-Istat, sa fejn il-missjoni ta’ garanzija li dan l-organu jingħata hija effettivament estiża għat-tipi ta’ benefiċċji tax-xjuħija li għalihom hija mitluba l-protezzjoni minima prevista f’dan l-Artikolu 8.

____________

1     ĠU C 231, 2.7.2018.