Language of document :

Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Frar 2024 – Coöperatieve Rabobank vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-57/24)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Coöperatieve Rabobank U.A. (Utrecht, il-Pajjiżi l-Baxxi) (rappreżentanti: R. Wesseling u F. Brouwer, avukati)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2023) 7811 tat-22 ta’ Novembru 2023 dwar il-proċedimenti skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.40512 – Bonds denominati f’Euro (BDE) (“id-Deċiżjoni”) skont l-Artikolu 263 TFUE;

sussidjarjament, tannulla parzjalment l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni skont l-Artikolu 263 TFUE, u tnaqqas il-multa imposta fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni skont l-Artikolu 261 TFUE;

fi kwalunkwe każ, tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni skont l-Artikolu 261 TFUE;

tikkundanna l-Kummissjoni għall-ispejjeż tar-rikorrenti jew, sussidjarjament, proporzjon xieraq tal-ispejjeż skont l-Artikolu 134 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni żbaljat fil-liġi, ipprovdiet raġunijiet insuffiċjenti u/jew evalwat inkorrettament l-evidenza meta kkonstatat li Rabobank kienet involuta f’imġieba li għandha bħala l-għan tagħha r-restrizzjoni u/jew żnaturament tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE. B’mod partikolari,

il-Kummissjoni naqset milli tipprova fl-istandard legali meħtieġ li l-komunikazzjonijiet fid-Deċiżjoni jirristrinġu l-kompetizzjoni skont l-għan;

l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni jinkludu inkorrettament komunikazzjonijiet fir-rigward biss ta’ kummerċ tal-kontroparti bejn Rabobank u Deutsche Bank.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni żbaljat fil-liġi, ipprovdiet raġunijiet insuffiċjenti u/jew evalwat inkorrettament l-evidenza meta kkonkludiet skont l-Artikolu 101 TFUE li (a) l-imġieba segwiet mira waħda jew pjan ġenerali u (b) l-allegat ksur kien kontinwu waqt il-perijodu rilevanti. B’mod partikolari,

il-Kummissjoni naqset milli tistabbilixxi li l-komunikazzjonijiet kollha segwew l-pjan antikompetittiv allegat fid-Deċiżjoni;

il-Kummissjoni naqset milli tistabbilixxi, fil-grad rekwiżit, li l-istanzi differenti ta’ allegat kuntatt antikompetittiv jikkostitwixxu ksur mhux interrott u kontinwu li jdum iktar minn 10 snin.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-metodoloġija tal-Kummissjoni sabiex tiddetermina l-multa tikser l-Artikolu 23 tar-Regolament 1/2003, il-Linji Gwida fuq il-Multi u l-prinċipju ta’ proporzjonalità. B’mod partikolari,

il-Kummissjoni ma għandha ebda bażi biex timponi multa għall-perijodi li matulhom il-ksur kien interrott;

il-multa fid-Deċiżjoni tkun sproporzjonata għall-gravità u l-importanza ekonomika tal-ksur allegat, li jikkonsisti f’numru żgħir ħafna ta’ kuntatti allegatament antikompetittivi mifruxin fuq perijodu ta’ żmien fit-tul ħafna;

il-proxy għal “Valur tal-Bejgħ” fid-Deċiżjoni jiddikjara ż-żejjed b’mod sinjifikattiv id-dħul ta’ Rabobank u għalhekk l-importanza ekonomika tal-ksur allegat, li jitlaq mill-kunċett ta’ “Valur tal-Bejgħ” u l-obbligu li wieħed juża l-“l-aħjar figuri disponibbli” fil-Linji Gwida fuq il-Multi.

____________