Language of document : ECLI:EU:T:2022:586

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

28 ta’ Settembru 2022 (*)

“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Dokumenti relatati mal-investigazzjoni kontra l-ex Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka għal użu abbużiv tal-fondi Ewropej u kunflitti ta’ interessi potenzjali – Rifjut ta’ aċċess – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-għanijiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ awditu – Tmiem parzjali tal-interess ġuridiku – Assenza parzjali ta’ lok li tingħata deċiżjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑174/21,

Agrofert, a.s., stabbilita fi Praga (ir-Repubblika Ċeka), irrappreżentata minn S. Sobolová, avukata,

rikorrenti,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn N. Görlitz, J.-C. Puffer u O. Hrstková Šolcová, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Ehrbar, M. Salyková u J. Hradil, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

Komposta, matul deliberazzjonijiet, minn G. De Baere (Relatur), President, G. Steinfatt u S. Kingston, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

fid-dawl tal-assenza ta’ talba għall-iffissar ta’ seduta mressqa mill-partijiet fit-terminu ta’ tliet ġimgħat min-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u peress li ddeċidiet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni mingħajr ma jkun hemm fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Agrofert, a.s., titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew A (2019) 8551 C (D 300153) tal‑15 ta’ Jannar 2021 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li permezz tagħha huwa rrifjutalha l-aċċess għal żewġ dokumenti relatati mal-investigazzjoni kontra l-ex Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka għal użu abbużiv tal-fondi Ewropej u kunflitti ta’ interessi potenzjali.

 Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Ir-rikorrenti hija kumpannija holding Ċeka li tikkontrolla iktar minn 230 kumpannija attiva f’diversi setturi tal-ekonomija, bħall-agrikoltura, il-produzzjoni tal-prodotti tal-ikel, l-industrija kimika jew il-media. Hija ġiet inizjalment ikkostitwita minn Andrej Babiš, li sar Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka fl‑2017 u baqa’ hekk sa Diċembru 2021.

3        Permezz ta’ ittra tal‑31 ta’ Lulju 2020, ir-rikorrenti ppreżentat lill-Parlament talba għal aċċess għal dokumenti skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).

4        Fit-talba tagħha, ir-rikorrenti indikat li r-Riżoluzzjoni tal-Parlament 2019/2987 (RSP) tad‑19 ta’ Ġunju 2020 dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura fil-konfront tal-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka dwar l-użu ħażin ta’ fondi tal-UE u kunflitti ta’ interess potenzjali (ĠU 2021, C 362, p. 37, iktar ’il quddiem ir-“riżoluzzjoni”), iddikjarat li A. Babiš kompla jikkontrolla l-grupp Agrofert wara li ġie maħtur bħala Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka. Fid-dawl ta’ din l-affermazzjoni ineżatta, ir-rikorrenti spjegat li xtaqet tkun taf is-sorsi u l-informazzjoni miżmuma mill-Parlament qabel l-adozzjoni tar-riżoluzzjoni, bl-eċċezzjoni tar-rapport dwar il-missjoni ta’ ġbir ta’ informazzjoni tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (CONT) tal-Parlament fir-Repubblika Ċeka mis‑26 sat‑28 ta’ Frar 2020 (iktar ’il quddiem ir-“rapport dwar il-missjoni ta’ ġbir ta’ informazzjoni”), li jinkludi l-istess dikjarazzjoni. B’hekk hija talbet l-aċċess, l-ewwel, għad-dokumenti kollha miġbura jew użati mill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament bħala dokumenti ġustifikattivi insostenn tad-dikjarazzjoni li tgħid li l-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka, A. Babiš, kompla dejjem jikkontrolla l-grupp Agrofert u dikjarazzjonijiet oħra li jikkonċernaw lir-rikorrenti jew lill-grupp Agrofert li kienu jinsabu fir-rapport dwar il-missjoni ta’ ġbir ta’ informazzjoni, it-tieni, għad-dokumenti kollha li ntużaw waqt il-preparazzjoni tal-proposta ta’ riżoluzzjoni tal-Parlament, tal‑15 ta’ Ġunju 2020, dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni kontra l-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka dwar l-użu abbużiv ta’ fondi Ewropej u kunflitti ta’ interessi potenzjali u, it-tielet, għad-dokumenti kollha pprovduti jew mitluba mill-membri tal-Parlament jew mill-gruppi politiċi tal-Parlament fir-rigward tar-riżoluzzjoni jew tal-proposta ta’ riżoluzzjoni.

5        Permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Settembru 2020, il-Parlament wieġeb għat-talba tar-rikorrenti. Minn naħa, huwa identifika ċertu numru ta’ dokumenti bħala li jikkorrispondu għal din it-talba u informa lir-rikorrenti li parti minn dawn id-dokumenti kienet aċċessibbli pubblikament. Min-naħa l-oħra, abbażi tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) u tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-Parlament irrifjuta l-aċċess għal żewġ dokumenti (iktar ’il quddiem id-“dokumenti mitluba”), jiġifieri, l-ewwel, l-ittra tal-membru tal-Kummissjoni Ewropea, G. Oettinger, lill-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka, tad‑29 ta’ Novembru 2018, bir-referenza ARES (2018) 6120850 (iktar ’il quddiem l-“ittra tal-Kummissjoni”) u, it-tieni, ir-rapport tal-awditjar finali tal-Kummissjoni, tad‑29 ta’ Novembru 2019, bir-referenza ARES (2018) 6120850 dwar awditu dwar il-funzjonament tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll stabbiliti fir-Repubblika Ċeka sabiex jiġu evitati kunflitti ta’ interessi konformement mal-Artikoli 72 sa 75 u 125 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU 2013, L 347, p. 320, rettifiki fil-ĠU 2016, L 200, p. 140, fil-ĠU 2019, L 66, p. 6 u ĠU 2022, L 146, p. 155) (iktar ’il quddiem ir-“rapport tal-awditjar finali”).

6        Permezz ta’ ittra tad‑9 ta’ Ottubru 2020, irreġistrata mill-Parlament fit‑28 ta’ Ottubru 2020, ir-rikorrenti ippreżentat applikazzjoni konfermatorja intiża sbiex il-Parlament jirrevedi l-pożizzjoni tiegħu. Hija tqis li l-ipproċessar tal-applikazzjoni inizjali tagħha ma kienx konformi mar-Regolament Nru 1049/2001. L-ewwel, hija qieset li l-lista tad-dokumenti identifikati mill-Parlament kienet inkompleta u, it-tieni, li r-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti mitluba ma kienx iġġustifikat.

7        Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Parlament, qabelxejn, indika li d-dokumenti identifikati fid-deċiżjoni tiegħu tal‑14 ta’ Settembru 2020 kienu jikkostitwixxu d-dokumenti kollha fil-pussess tiegħu li jikkorrispondu għat-talba tar-rikorrenti. Il-Parlament sussegwentement ikkonferma r-rijfut ta’ aċċess tiegħu għad-dokumenti mitluba abbażi tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il-protezzjoni tal-għanijiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ awditu.

8        Il-Parlament fakkar li, peress li l-Kummissjoni kienet l-awtur tad-dokumenti mitluba, huwa kien ikkonsultaha skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001, sabiex jikseb l-opinjoni tagħha dwar żvelar possibbli ta’ dawn id-dokumenti. Il-Kummissjoni informat lill-Parlament li l-iżvelar tad-dokumenti mitluba jippreġudika investigazzjonijiet u awditi li jkunu għadhom għaddejja dwar kwistjonijiet imqajma fir-riżoluzzjoni u jikkomprometti r-riżultati kollha tagħhom.

9        Il-Parlament ikkunsidra li d-dokumenti mitluba kienu ġew stabbiliti mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ investigazzjoni li kienet għadha għaddejja dwar ksur possibbli, mir-Repubblika Ċeka, tad-dritt tal-Unjoni Ewropea dwar il-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interessi u li l-iżvelar tagħhom kien jippreġudika l-għan ta’ din l-investigazzjoni.

10      Minn naħa, il-Parlament indika li l-għan tal-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar ksur potenzjali tad-dritt tal-Unjoni huwa li jagħti l-opportunità lill-Istat Membru kkonċernat li jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu taħt dan id-dritt u li jagħmel użu mid-drittijiet tad-difiża tiegħu kontra l-oġġezzjonijiet ifformulati mill-Kummissjoni. Huwa qies li l-Istat Membru kkonċernat kellu d-dritt li jistenna mill-Kummissjoni l-osservanza tal-kunfidenzjalità, u fin-nuqqas ta’ dan jista’ jirriżulta iktar diffiċli li jinbeda djalogu bejn il-Kummissjoni u dan l-Istat Membru intiż sabiex jintemm il-ksur allegat, sabiex ikun jista’ jkun hemm l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni u sabiex jiġu evitati proċeduri ġudizzjarji. Huwa kkunsidra li l-kunfidenzjalità kienet tiġġustifika rifjut ta’ aċċess għal dokumenti relatati ma’ investigazzjonijiet tal-Kummissjoni li setgħu possibbilment iwasslu għal proċedura ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni.

11      Min-naħa l-oħra, il-Parlament irrileva li, kif dan kien indikat fir-riżoluzzjoni, l-investigaturi u l-partijiet interessati fl-investigazzjoni dehru li kienu mdawra minn klima ta’ theddid. Huwa qies li l-pubblikazzjoni prematura tad-dokumenti mitluba jkollha għalhekk impatt negattiv fuq il-livell ta’ kooperazzjoni bejn l-investigaturi u l-partijiet interessati, li jiġu esposti għal pressjonijiet addizzjonali min-naħa ta’ terzi, u tikkomprometti l-kapaċità tal-Kummissjoni li twettaq l-investigazzjoni tagħha bl-iktar mod effikaċi possibbli.  Barra minn hekk, il-kwalità tal-informazzjoni li tista’ tinġabar mill-investigaturi tiġi wkoll kompromessa.

12      Għal dawn ir-raġunijiet, il-Parlament qies li aċċess pubbliku għad-dokumenti mitluba jippreġudika l-għan tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

13      Fl-aħħar nett, huwa rrileva li d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, invokati minnha fl-applikazzjoni konfermatorja tagħha, kienu jikkostitwixxu interess privat u mhux interess pubbliku superjuri. Huwa qies li ma ntweriex li, f’dan il-każ, interess pubbliku sabiex id-dokumenti mitluba jkunu aċċessibbli jipprevali fuq l-interess intiż għall-protezzjoni tal-għan tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

 Fuq ilfatti sussegwenti għallpreżentata ta’ dan irrikors

14      Fit‑23 ta’ April 2021, il-Kummissjoni ppubblikat, fis-sit internet tagħha, ir-rapport tal-awditjar finali f’verżjoni fejn kienet tneħħiet id-data dwar il-funzjonament intern tal-fondi fiduċjarji AB Private Trust I u AB Private Trust II kif ukoll data personali tal-individwi kkonċernati.

15      Fis-sit internet tagħha, il-Kummissjoni indikat:

“Wara l-adozzjoni tar-rapport tal-awditjar finali, sar progress sabiex jiġu kkjarifikati ċerti konklużjonijiet tal-awditu […], sabiex jiġu implimentati korrettament rakkomandazzjonijiet tal-awditjar […] jew sabiex tingħata tweġiba parzjali għal oħrajn. L-awtoritajiet Ċeki wettqu wkoll xi titjib fis-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll sabiex jitnaqqsu l-kunflitti ta’ interessi potenzjali tal-aġenti pubbliċi.

Fid-dawl tal-miżuri ta’ prekawzjoni meħuda mill-awtoritajiet tal-programm fuq it-talba tal-Kummissjoni, ebda spiża ma ġiet iddikjarata għall-operazzjonijiet affettwati mir-riżultati tal-awditu, u l-fondi tal-Unjoni jibqgħu protetti kontra r-riskji identifikati matul l-awditu.

‘Disclaimer’: Bħala prinċipju, il-Kummissjoni ma tippubblikax ir-rapporti tal-awditjar tagħha u lanqas l-informazzjoni dwar l-awditu, ħlief f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali bħal dawk fejn it-trasparenza tal-informazzjoni tkun ta’ interess pubbliku importanti. Dan ir-rapport tal-awditjar finali huwa ppubblikat b’teħid inkunsiderazzjoni tar-rekwiżiti relatati mal-protezzjoni ta’ ċerta informazzjoni, bħad-data personali jew is-sigrieti kummerċjali, konformement mar-Regolament Nru 1049/2001.”

 Ittalbiet talpartijiet

16      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.

17      Il-Parlament, sostnut mill-Kummissjoni, jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Iddritt

18      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem żewġ motivi, ibbażati, essenzjalment, fuq il-ksur tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-Parlament ma stabbilixxiex li l-kundizzjonijiet ta’ rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti mitluba kienu ġew osservati. It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-Parlament ma ħax inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti mitluba.

 Fuq ittalba għallirtirar millproċess ta’ diversi dokumenti prodotti flanness tarrikors

19      Il-Kummissjoni titlob li ċerti dokumenti li jidhru fl-Annessi A.10 sa A.12 tar-rikors jiġu esklużi mill-proċess. Dan jirrigwarda l-abbozz tar-rapport tal-awditjar tal‑20 ta’ Mejju 2019, ir-rapport tal-awditjar finali u l-ittra ta’ segwitu tal-awditu tat‑22 ta’ Ottubru 2020 (iktar ’il quddiem l-“ittra ta’ segwitu”), li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni tindika li ma awtorizzatx l-iżvelar sħiħ tagħhom.

20      Il-Kummissjoni tirrileva li s-sussidjarji tar-rikorrenti kellhom aċċess għal parti mill-ittra ta’ segwitu għall-finijiet tal-proċedura amministrattiva nazzjonali dwar l-għoti ta’ sussidji. Il-Kummissjoni tindika li, fuq it-talba tal-Městský soud v Praze (il-Qorti Muniċipali ta’ Praga, ir-Repubblika Ċeka), hija aċċettat, fl‑4 ta’ Frar 2021, li waħda mill-kumpanniji tal-grupp Agrofert ikollha aċċess għall-abbozz tar-rapport tal-awditjar u għar-rapport tal-awditjar finali, iżda biss għall-finijiet tal-proċedura ġudizzjarja nazzjonali. Hija tirrileva li, fit‑23 ta’ April 2021, hija ppubblikat ir-rapport tal-awditjar finali f’verżjoni li minnha tneħħiet data dwar il-funzjonament intern tal-fondi fiduċjarji AB Private Trust I u AB Private Trust II kif ukoll data personali tal-individwi kkonċernati.

21      Għaldaqstant, hija tqis li ż-żamma ta’ dawn it-tliet dokumenti fil-proċess ta’ din il-kawża tippermetti lir-rikorrenti li tevita, minn naħa, l-obbligu ta’ kunfidenzjalità li hija kienet ifformulat waqt il-komunikazzjoni ta’ dawn id-dokumenti skont il-kooperazzjoni leali u, min-naħa l-oħra, il-proċedura ta’ talba għal aċċess għad-dokumenti prevista mir-Regolament Nru 1049/2001.

22      Ir-rikorrenti ssostni li d-dokumenti li jinsabu fl-Annessi A.10 sa A.12 tar-rikors huma dawk li ġew ippubblikati fil-media Ċeka u li għadhom jistgħu jiġu kkonsultati fl-internet. Għalhekk dawn ma humiex dokumenti li l-Kummissjoni kienet ikkomunikat taħt is-sistema ta’ kunfidenzjalità lir-rikorrenti jew lil waħda mis-sussidjarji tagħha, li pproduċew ukoll ir-rapport tal-awditjar finali kif ippubblikat fl-istampa fil-kuntest tar-rikorsi tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali rreġistrati bin-numri tal-Kawża T‑101/21 u T‑213/21.

23      Għandu jitfakkar li l-prinċipju li jipprevali fid-dritt tal-Unjoni huwa dak tal-evalwazzjoni libera tal-provi, li minnu jirriżulta li l-ammissibbiltà ta’ prova prodotta fi żmien utli tista’ tiġi kkontestata quddiem il-qrati tal-Unjoni abbażi biss tal-fatt li din il-prova kienet inkisbet b’mod irregolari (ara s-sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2021, Il‑Qorti tal-Awdituri vs Pinxten, C‑130/19, EU:C:2021:782, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Hemm lok li jiġi rrilevat li la l-fatt li d-dokumenti inkwistjoni jistgħu jkunu ta’ natura kunfidenzjali u lanqas il-fatt li dawn id-dokumenti setgħu nkisbu b’mod irregolari ma jipprekludu bħala prinċipju li jinżammu fil-proċess Fil-fatt, ma teżisti l-ebda dispożizzjoni li tipprevedi espliċitament il-projbizzjoni li jittieħdu inkunsiderazzjoni provi miksuba illegalment (ara s-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2018, QB vs BĊE, T‑827/16, EU:T:2018:756, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-Kummissjoni ma awtorizzatx l-iżvelar tal-verżjonijiet sħaħ tad-dokumenti li jinsabu fl-Annessi A.10 sa A.12 tar-rikors.

26      L-ewwel, sa fejn il-verżjonijiet ta’ dawn id-dokumenti huma dawk li ġew ippubblikati fl-internet mill-istampa Ċeka, ma huwiex stabbilit li r-rikorrenti kisbet dawn id-dokumenti illegalment. Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax issostni li r-rikorrenti tipproduċihom bi ksur tal-obbligu ta’ kunfidenzjalità li jirriżulta mill-fatt li kienu ġew ikkomunikati lilha fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja nazzjonali.

27      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li n-natura kunfidenzjali ta’ dawn id-dokumenti, fi kwalunkwe każ, ġiet kompromessa minħabba din il-pubblikazzjoni fl-internet, b’tali mod li l-produzzjoni tagħhom fil-proċess ta’ din il-proċedura ma tippreġudikax b’xi mod ieħor l-imsemmija natura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2015, Dalli vs Il‑Kummissjoni, T‑562/12, EU:T:2015:270, punt 50).

28      It-tieni, il-Kummissjoni, sabiex issostni li ż-żamma ta’ dawn id-dokumenti fil-proċess ta’ din il-proċedura tikkostitwixxi evitar tal-proċedura ta’ talba għal aċċess għad-dokumenti prevista mir-Regolament Nru 1049/2001, sempliċement issemmi d-digriet tal‑14 ta’ Mejju 2019, L‑Ungerija vs Il‑Parlament (C‑650/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:438, punt 14), is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2020, Is‑Slovenja vs Il‑Kroazja (C‑457/18, EU:C:2020:65, punt 68), kif ukoll id-digriet tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Wagenknecht vs Il‑Kummissjoni (T‑350/20, mhux ippubblikat, EU:T:2020:635, punt 19).

29      Issa, skont il-ġurisprudenza invokata mill-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali qiesu li, billi jinvoka u billi jipproduċi, fil-kuntest ta’ rikors, parir legali mogħti mis-servizz legali ta’ istituzzjoni tal-Unjoni li jinkludi evalwazzjoni ġuridika fuq kwistjonijiet ta’ liġi rilevanti fir-rigward tas-suġġett tar-rikors, ir-rikorrent kellu l-intenzjoni li jikkonfronta lil din l-istituzzjoni b’dan il-parir legali fil-proċedura. Huma kkunsidraw li l-awtorizzazzjoni taż-żamma ta’ dan il-parir legali fil-proċess tal-kawża, filwaqt li l-iżvelar tiegħu ma kienx ġie awtorizzat mill-istituzzjoni kkonċernata, ikun ifisser li r-rikorrent ikun jista’ jevita l-proċedura ta’ talba għal aċċess għal tali dokument, stabbilita bir-Regolament Nru 1049/2001.

30      Għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, id-deċiżjonijiet iċċitati fil-punt 28 iktar ’il fuq, kienu jikkonċernaw il-produzzjoni, fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja, ta’ parir maħruġ mis-servizz legali ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, jiġifieri ta’ dokument intiż għal użu intern. Min-naħa l-oħra, f’dawn is-sentenzi, il-ġustifikazzjoni tar-rifjut li d-dokument jiġi inkluż fil-proċess kienet ibbażata fuq il-fatt li l-istituzzjoni inkwistjoni kellha tieħu pożizzjoni pubblikament dwar il-kontenut ta’ dan id-dokument fil-kuntest ta’ rikors, li jista’ jikkomprometti l-interess tal-istituzzjonijiet li jitolbu pariri legali u li jirċievu pariri sinċieri, oġġettivi u kompleti.

31      Għandu jiġi kkonstatat li din il-ġurisprudenza ma hijiex applikabbli f’dan il-każ.

32      Fil-fatt, f’dan il-każ, id-dokumenti prodotti fl-Annessi A.10 sa A.12 tar-rikors la huma dokumenti interni tal-Parlament u lanqas tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, peress li s-suġġett ta’ dan ir-rikors jikkonċerna l-legalità tad-deċiżjoni tal-Parlament li tirrifjuta l-aċċess għal ċerti dokumenti, dan il-każ ma jikkonċernax li l-Parlament jew il-Kummissjoni jintalbu jieħdu pożizzjoni dwar il-kontenut tad-dokumenti prodotti fl-Annessi A.10 sa A.12 tar-rikors, jiġifieri dwar l-awditu mwettaq minn din tal-aħħar jew dwar l-eżistenza ta’ kunflitti ta’ interessi fir-Repubblika Ċeka.

33      Għaldaqstant, ma hemmx lok li tintlaqa’ t-talba tal-Kummissjoni intiża sabiex id-dokumenti prodotti mir-rikorrenti, bħala Annessi A.10 sa A.12 tar-rikors, jitneħħew mill-proċess.

 Fuq ittelf parzjali ta’ interess ġuridiku tarrikorrenti

34      Ir-rikorrenti ssostni li hija żżomm interess ġuridiku anki wara l-pubblikazzjoni parzjali tar-rapport tal-awditjar finali, peress li din iċ-ċirkustanza ma tinfluwenzax il-kwistjoni dwar jekk il-Parlament kienx adotta d-deċiżjoni kkontestata konformement mal-leġiżlazzjoni applikabbli. Skont il-ġurisprudenza, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-istituzzjoni kkonċernata ssodisfat l-obbligu tagħha li tagħti l-aċċess għal dokument minħabba s-sempliċi fatt li dan id-dokument kien ġie żvelat minn terz. Ir-rikorrenti tirrileva wkoll li l-Kummissjoni ppubblikat biss parti mir-rapport tal-awditjar finali u mhux il-verżjoni sħiħa tiegħu.

35      Il-Parlament jirrileva li, wara l-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni tar-rapport tal-awditjar finali, tqum il-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti għadx għandha interess ġuridiku sa fejn it-talba għal annullament tagħha tirrigwarda r-rifjut ta’ aċċess għal dan ir-rapport u tindika li qiegħda tirreferi ruħha għad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Huwa jżid li l-ġurisprudenza ċċitata mir-rikorrenti ma hijiex rilevanti sa fejn, f’dan il-każ, ir-rapport tal-awditjar finali kien ġie ppubblikat mill-awtur tiegħu, jiġifieri mill-Kummissjoni.

36      Il-Kummissjoni ssostni li l-pubblikazzjoni parzjali tar-rapport tal-awditjar finali hija konformi mal-għanijiet tar-Regolament Nru 1049/2001 u ċċaħħad l-ewwel motiv mill-għan tiegħu f’dak li jirrigwarda dan ir-rapport.

37      F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li r-rikorrenti kellha interess ġuridiku meta ppreżentat dan ir-rikors fil‑31 ta’ Marzu 2021.

38      Issa, wara l-preżentata ta’ dan ir-rikors, fit‑23 ta’ April 2021, il-Kummissjoni ppubblikat, fis-sit internet tagħha, ir-rapport tal-awditjar finali f’verżjoni li fiha tneħħiet data dwar il-funzjonament intern tal-fondi fiduċjarji AB Private Trust I u AB Private Trust II kif ukoll data personali tal-individwi kkonċernati.

39      Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-interess ġuridiku ta’ rikorrent għandu, fid-dawl tas-suġġett tar-rikors, jeżisti fl-istadju tal-preżentata tiegħu, taħt piena ta’ inammissibbiltà. Dan is-suġġett tat-tilwima għandu jippersisti, bl-istess mod bħall-interess ġuridiku, sakemm tingħata d-deċiżjoni ġudizzjarja, taħt piena li ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni, li jippreżumi li r-rikors ikun jista’, bl-eżitu tiegħu, ikun ta’ benefiċċju għall-parti li tkun ippreżentatu (ara s-sentenzi tat‑30 ta’ April 2020, Izba Gospodarcza Producentów i Operatorów Urządzeń Rozrywkowych vs Il‑Kummissjoni, C‑560/18 P, EU:C:2020:330, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑21 ta’ Jannar 2021, Leino-Sandberg vs Il‑Parlament, C‑761/18 P, EU:C:2021:52, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk ir-rapport tal-awditjar finali kien ġie ppubblikat mill-Kummissjoni f’verżjoni li minnha tneħħew xi partijiet, id-deċiżjoni kkontestata ma ġietx irtirata formalment mill-Parlament, b’tali mod li t-tilwima, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, żammet is-suġġett tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2021, Leino-Sandberg vs Il‑Parlament, C‑761/18 P, EU:C:2021:52, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Madankollu, għandu jiġi kkunsidrat li, minħabba din il-pubblikazzjoni, ir-rikorrenti tilfet l-interess tagħha li titlob l-annullament tar-rifjut tal-Parlament ta’ aċċess għal dan id-dokument, ibbażat fuq l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

42      Fil-fatt, permezz tal-pubblikazzjoni tar-rapport tal-awditjar finali fl-internet, il-Kummissjoni għamlet dan id-dokument aċċessibbli għall-pubbliku.

43      Issa, għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, konformement mal-premessa 1 tiegħu, ir-Regolament Nru 1049/2001 jirrifletti r-rieda li tinħoloq unjoni li fiha d-deċiżjonijiet jittieħdu bl-ikbar osservanza possibbli tal-prinċipju ta’ ftuħ u b’mod kemm jista’ jkun qrib taċ-ċittadini. Hekk kif tfakkar il-premessa 2 tal-imsemmi regolament, id-dritt ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet huwa marbut man-natura demokratika ta’ dawn tal-aħħar (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2018, De Capitani vs Il‑Parlament, T‑540/15, EU:T:2018:167, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ir-Regolament Nru 1049/2001 għandu bħala għan li jagħti dritt ta’ aċċess lill-pubbliku inġenerali għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet u mhux li jistipula regoli intiżi sabiex jipproteġu l-interess speċifiku li persuna jista’ jkollha sabiex taċċedi għal wieħed minnhom (sentenza tal‑1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il‑Kunsill, C‑266/05 P, EU:C:2007:75, punt 43).

44      Dan jirriżulta, kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari mill-Artikolu 2(1), mill-Artikolu 6(1) u mill-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 1049/2001 kif ukoll mit-titolu u mill-premessi 4 u 11 ta’ dan ir-regolament. L-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet fil-fatt tiggarantixxi indistintament id-dritt ta’ aċċess lil kull ċittadin tal-Unjoni u lil kull persuna fiżika jew ġuridika residenti jew li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru, filwaqt li t-tieni waħda tispeċifika f’dan ir-rigward li l-applikant ma huwiex obbligat li jiġġustifika l-applikazzjoni tiegħu. It-tielet waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet tipprovdi li l-istituzzjonijiet sa fejn possibbli jagħmlu d-dokumenti “direttament” aċċessibbli lill-pubbliku f’forma elettronika jew permezz ta’ reġistru. It-titolu tal-istess regolament kif ukoll il-premessi 4 u 11 tiegħu jenfasizzaw ukoll li dan ir-regolament għandu l-għan li jirrendi d-dokumenti tal-istituzzjonijiet aċċessibbli għall-“pubbliku” (sentenza tal‑1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il‑Kunsill, C‑266/05 P, EU:C:2007:75, punt 44).

45      Għandu jitfakkar ukoll li, skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-benefiċjarji tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet huma “[k]ull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna naturali jew legali residenti jew bl-uffiċċju reġistrat f’Stat Membru”. Minn dan jirriżulta li dan ir-regolament huwa intiż sabiex jiggarantixxi l-aċċess ta’ kulħadd għad-dokumenti u mhux biss l-aċċess tal-applikant għad-dokumenti li jirrigwardawh (sentenzi tas‑6 ta’ Lulju 2006, Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni, T‑391/03 u T‑70/04, EU:T:2006:190, punt 136, u tat‑12 ta’ Mejju 2015, Technion u Technion Research & Development Foundation vs Il‑Kummissjoni, T‑480/11, EU:T:2015:272, punt 74).

46      Minn dan jirriżulta li, wara l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-awditjar finali, ir-rifjut tal-Parlament ta’ aċċess għal dan id-dokument abbażi tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma għandux iktar effett sa fejn l-awtur tad-dokument, il-Kummissjoni, ikun iddeċieda li jirrendih aċċessibbli għall-pubbliku.

47      Għandu jiġi kkonstatat li, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Parlament ikun irrifjuta l-aċċess għar-rapport tal-awditjar finali, dan tal-aħħar, f’deċiżjoni ġdida li tiddeċiedi dwar it-talba għal aċċess tar-rikorrenti, jista’ jikkonstata biss li dan id-dokument ikun sar pubbliku minħabba l-pubblikazzjoni tiegħu mill-Kummissjoni. Issa, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn tirrifjuta l-aċċess tar-rikorrenti għar-rapport tal-awditjar finali, ma jwassal għal ebda konsegwenza addizzjonali fir-rigward tal-iżvelar ta’ dan id-dokument u ma jistax jagħti benefiċċju lir-rikorrenti.

48      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma ppubblikatx il-verżjoni sħiħa tar-rapport tal-awditjar finali.

49      Fil-fatt, għandu jitfakkar li applikazzjoni għal aċċess għal dokument abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001 għandha l-effett li tagħmel dan id-dokument aċċessibbli għall-pubbliku u għalhekk tista’ twassal biss għall-iżvelar tal-verżjoni pubblika ta’ dan id-dokument.

50      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni, meta ppubblikat ir-rapport tal-awditjar finali fis-sit internet tagħha, indikat li “[i]r-rapport tal-awditjar finali għandu jiġi ppubblikat b’kont meħud tar-rekwiżiti relatati mal-protezzjoni ta’ ċerta informazzjoni, bħad-data personali jew is-sigrieti kummerċjali, konformement mar-Regolament Nru 1049/2001”.

51      Minn dan jirriżulta li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tagħmilx aċċessibbli għall-pubbliku ċerta data li tinsab fir-rapport tal-awditjar finali ma hijiex ibbażata fuq l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il-protezzjoni tal-għanijiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ awditu.

52      Għaldaqstant, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Parlament irrifjuta l-aċċess għar-rapport tal-awditjar finali abbażi tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jistax ikollu l-effett li jagħmel din id-data pubblika. Peress li l-Parlament ma huwiex l-awtur tar-rapport tal-awditjar finali, dan ma jistax imur lil hinn mill-iżvelar mogħti mill-Kummissjoni, awtur ta’ dan id-dokument.

53      Għaldaqstant, ir-rikorrenti kisbet, minħabba l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-awditjar finali, l-uniku benefiċċju li r-rikors tagħha, sa fejn jirrigwarda r-rifjut ta’ aċċess għal dan id-dokument abbażi tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, seta’ jagħtiha.

54      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, sabiex tistabbilixxi l-persistenza tal-interess tagħha li tikseb l-annullament tar-rifjut ta’ aċċess għar-rapport tal-awditjar finali, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka utilment il-punt 45 tas-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2021, Leino-Sandberg vs Il‑Parlament (C‑761/18 P, EU:C:2021:52), li jipprovdi li “ma jistax jitqies li l-istituzzjoni kkonċernata tkun issodisfat l-obbligu tagħha li tagħti l-aċċess għal dokument minħabba s-sempliċi fatt li dan id-dokument ikun ġie żvelat minn terz u li l-applikant ikun sar jaf bih”.

55      Fil-fatt, din il-ġurisprudenza ma hijiex applikabbli f’dan il-każ, sa fejn l-iżvelar tar-rapport tal-awditjar finali jirriżulta mill-pubblikazzjoni tiegħu fl-internet mill-Kummissjoni, jiġifieri l-istituzzjoni li hija l-awtur tiegħu.

56      Il-fatt li r-rikorrenti għażlet li titlob l-aċċess għar-rapport tal-awditjar finali lill-Parlament u mhux lill-istituzzjoni li hija l-awtur tiegħu ma jistax iwassal sabiex jiġi kkunsidrat li l-pubblikazzjoni ta’ dan id-dokument mill-Kummissjoni tikkostitwixxi żvelar minn “terz”.

57      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 46 tas-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2021, Leino-Sandberg vs Il‑Parlament (C‑761/18 P, EU:C:2021:52), invokat mir-rikorrenti, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, kuntarjament għas-sitwazzjoni li fiha l-istituzzjoni kkonċernata tkun hija stess żvelat dokument, li jippermetti għaldaqstant lill-applikant li jsir jaf bih u li jagħmel użu minnu b’mod legali filwaqt li jkun żgurat min-natura eżawrjenti u mill-integrità ta’ dan id-dokument, dokument żvelat minn terz ma jistax jitqies bħala li jikkostitwixxi dokument uffiċjali jew bħala li jesprimi l-pożizzjoni uffiċjali ta’ istituzzjoni fl-assenza ta’ approvazzjoni univokali ta’ din l-istituzzjoni li tgħid li dak li nġabar tassew joriġina minnha u jesprimi l-pożizzjoni uffiċjali tagħha.

58      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, f’sitwazzjoni fejn ir-rikorrenti kienet kisbet unikament aċċess għad-dokument ikkontestat żvelat minn terz u fejn il-Parlament kompla jirrifjutalha l-aċċess għad-dokument mitlub, ma setax jitqies li kienet kisbet l-aċċess għal dan l-aħħar dokument, fis-sens tar-Regolament Nru 1049/2001, u lanqas, għaldaqstant, li kienet tilfet l-interess li titlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sempliċement minħabba dan l-iżvelar. Bil-kontra, f’tali sitwazzjoni, ir-rikorrenti żammet interess reali li tikseb l-aċċess għal verżjoni awtentikata tad-dokument mitlub, fis-sens tal-Artikolu 10(1) u (2) ta’ dan ir-regolament, li jiggarantixxi li din l-istituzzjoni kienet l-awtur tiegħu u li dan id-dokument esprima l-pożizzjoni uffiċjali tagħha (sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2021, Leino-Sandberg vs Il‑Parlament, C‑761/18 P, EU:C:2021:52, punt 48).

59      Issa, dan ma huwiex il-każ hawnhekk. Il-pubblikazzjoni tar-rapport tal-awditjar finali mill-Kummissjoni, li hija l-awtur tiegħu, tiggarantixxi li r-rikorrenti kellha aċċess għall-verżjoni awtentikata tad-dokument.

60      Isegwi li, peress li r-rikorrenti ma għandhiex iktar interess ġuridiku fir-rigward tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Parlament irrifjuta l-aċċess għar-rapport tal-awditjar finali, ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar din it-talba.

61      Għaldaqstant, dan ir-rikors għandu jiġi analizzat bħala talba għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Parlament irrifjuta lir-rikorrenti l-aċċess għall-ittra tal-Kummissjoni.

 Fuq lewwel motiv, ibbażat fuq ilksur tattielet inċiż talArtikolu 4(2) tarRegolament Nru 1049/2001, sa fejn ilParlament ma stabbilixxiex li lkundizzjonijiet ta’ rifjut ta’ aċċess għallittra talKummissjoni kienu osservati

62      Ir-rikorrenti ssostni li l-Parlament ma setax jibbaża r-rifjut tiegħu ta’ aċċess għall-ittra tal-Kummissjoni fuq it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 billi jsostni li l-iżvelar tagħha jippreġudika l-għan tal-investigazzjoni li tkun għadha għaddejja, sa fejn, l-ewwel, l-investigazzjoni ta’ awditu kienet diġà laħqet l-għan tagħha u fejn, it-tieni, fi kwalunkwe każ, il-Parlament ma stabbilixxiex li l-iżvelar tagħha seta’ jippreġudika din l-investigazzjoni.

63      Għandu jitfakkar li mill-premessa 2 tar-Regolament Nru 1049/2001 jirriżulta li t-trasparenza tippermetti li tingħata lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni iktar leġittimità, effikaċja u responsabbiltà fil-konfront taċ-ċittadini tal-Unjoni f’sistema demokratika. Għal dawn il-finijiet, l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprevedi li dan huwa intiż sabiex jagħti lill-pubbliku dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jkun l-iktar wiesa’ possibbli. Mill-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, li jistabbilixxi sistema ta’ eċċezzjonijiet f’dan ir-rigward, jirriżulta wkoll li dan id-dritt ta’ aċċess lanqas ma huwa suġġett għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat (ara s-sentenzi tat‑22 ta’ Jannar 2020, MSD Animal Health Innovation u Intervet international vs EMA, C‑178/18 P, EU:C:2020:24, punti 50 sa 52 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑28 ta’ Mejju 2020, Campbell vs Il‑Kummissjoni, T‑701/18, EU:T:2020:224, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      Peress li dawn l-eċċezzjonijiet jidderogaw mill-prinċipju tal-aċċess l-iktar wiesa’ possibbli tal-pubbliku għad-dokumenti, dawn għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett (ara s-sentenzi tat‑22 ta’ Jannar 2020, MSD Animal Health Innovation u Intervet international vs EMA, C‑178/18 P, EU:C:2020:24, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑28 ta’ Mejju 2020, Campbell vs Il‑Kummissjoni, T‑701/18, EU:T:2020:224, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65      Fost l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti hemm dik stabbilita fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, li bis-saħħa tagħha l-istituzzjonijiet jirrifjutaw l-aċċess għal dokument fil-każ fejn l-iżvelar tiegħu jippreġudika l-protezzjoni tal-għanijiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ awditu, sakemm interess pubbliku superjuri ma jiġġustifikax l-iżvelar tad-dokument imsemmi.

66      Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-evalwazzjoni tal-fondatezza tal-applikazzjoni ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 għandha ssir fid-dawl tal-fatti li kienu jeżistu fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti abbażi ta’ din l-eċċezzjoni. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-legalità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata skont punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data tal-adozzjoni tal-att (ara s-sentenzi tal‑11 ta’ Mejju 2017, L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, C‑562/14 P, EU:C:2017:356, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑6 ta’ Frar 2020, Compañía de Tranvías de la Coruña vs Il‑Kummissjoni, T‑485/18, EU:T:2020:35, punt‑36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67      F’dan il-każ, id-data tal‑15 ta’ Jannar 2021, li fiha ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, hija l-unika waħda rilevanti f’dan il-każ fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-eċċezzjoni bbażata fuq it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 kinitx iġġustifikata. Għaldaqstant, il-pubblikazzjoni tar-rapport tal-awditjar finali fis-sit internet tal-Kummissjoni, fit‑23 ta’ April 2021, li saret wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ma hijiex rilevanti fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

68      Għaldaqstant, għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi l-argumenti tar-rikorrenti, imqajma fir-replika, fejn skont dawn il-pubblikazzjoni tar-rapport tal-awditjar finali mill-Kummissjoni tikkonferma l-fondatezza tar-rikors tagħha, sa fejn din tal-aħħar ammettiet, permezz tal-iżvelar tar-rapport tal-awditjar finali, li ma kienx iktar possibbli li jiġu ppreġudikati l-għanijiet tal-attività tagħha ta’ investigazzjoni u ta’ awditu.

 Fuq lewwel parti, ibbażata fuq ilfatt li linvestigazzjoni kienet diġà laħqet lgħan tagħha

69      Ir-rikorrenti ssostni li l-Parlament ma setax jirrifjutalha l-aċċess għall-ittra tal-Kummissjoni għar-raġuni li l-iżvelar tagħha seta’ jippreġudika l-għanijiet tal-investigazzjoni li tkun għadha għaddejja, sa fejn l-investigazzjoni tal-awditu kienet diġà laħqet l-għan tagħha.

70      Hija tqis li l-investigazzjoni, imsemmija mill-Parlament, hija investigazzjoni tal-awditu miftuħa mid-Direttorat Ġenerali tal-Politika Reġjonali u Urbana u mid-Direttorat Ġenerali tal-Impjieg, tal-Inklużjoni u tal-Affarijiet Soċjali tal-Kummissjoni li l-għan tagħhom huwa li tiġi kkontrollata l-konformità tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll stabbiliti fir-Repubblika Ċeka mal-kuntest ġuridiku dwar il-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interessi.

71      Ir-rikorrenti ssostni li, fid-data tal-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-ittra ta’ segwitu, il-proċedura ta’ investigazzjoni kienet intemmet, li ma setax iktar jiġi ppreġudikat it-twettiq tal-għanijiet tal-awditu u li l-eċċezzjoni għalhekk ma baqgħetx tapplika iktar. Ir-rikorrenti tindika li, skont din l-ittra ta’ segwitu, il-konklużjonijiet tal-awditu kienu ġew iċċarati, ċerti rakkomandazzjonijiet tal-awditu kienu ġew implimentati u oħrajn kienu għadhom miftuħa. Hija ssostni li, f’din id-data, konformement mal-Artikolu 75(1) u (3) tar-Regolament Nru 1303/2013, il-Kummissjoni kienet żgurat ruħha bil-mod kif kienu jiffunzjonaw is-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll stabbiliti mir-Repubblika Ċeka u kienet talbet lill-awtoritajiet Ċeki li jadottaw il-miżuri li hija kienet tqis neċessarji.

72      L-awditu għalhekk kien laħaq l-għan tiegħu, sa fejn ippermetta lill-Kummissjoni tippreżenta l-konklużjonijiet tagħha u tifformula r-rakkomandazzjonijiet tagħha. Din tal-aħħar indikat, f’ittra indirizzata lir-rikorrenti fit‑22 ta’ Ottubru 2020, li, “f’dan l-istadju tal-proċedura, wara l-adozzjoni tar-rapport tal-awditjar finali, huma l-awtoritajiet ta’ programm [ta’ sussidju] ikkonċernati li għandhom jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet”. Issa, skont ir-rikorrenti, l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet ifformulati fil-kuntest tal-awditu ma tistax titqies li tikkostitwixxi “investigazzjoni li għadha għaddejja”. Interpretazzjoni stretta tal-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma tippermettix li jiġi inkluż fiha sempliċi kontroll tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet diġà adottati.

73      Għandu jiġi rrilevat li t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 li, bħal kull eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti, għandu jiġi interpretat u applikat strettament, ma huwiex intiż sabiex jipproteġi l-attivitajiet ta’ investigazzjoni bħala tali, iżda l-għanijiet li għandhom jintlaħqu minn dawn l-attivitajiet (ara s-sentenza tal‑5 ta’ April 2017, Franza vs Il‑Kummissjoni, T‑344/15, EU:T:2017:250, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, din id-dispożizzjoni tapplika biss jekk l-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni jirriskja li jipperikola t-twettiq tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni jew ta’ awditu (sentenzi tas‑6 ta’ Lulju 2006, Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni, T‑391/03 u T‑70/04, EU:T:2006:190, punt 109, u tas‑7 ta’ Ġunju 2011, Toland vs Il‑Parlament, T‑471/08, EU:T:2011:252, punt 43).

74      Ċertament, l-atti differenti ta’ investigazzjoni jew ta’ spezzjoni jistgħu jibqgħu koperti mill-eċċezzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ awditu, sa fejn l-attivitajiet ta’ investigazzjoni jew ta’ spezzjoni jkollhom segwitu, anki jekk l-investigazzjoni jew l-ispezzjoni partikolari li jkunu taw lok għal rapport li għalih ġie mitlub aċċess, ikunu ntemmu (ara s-sentenzi tas‑6 ta’ Lulju 2006, Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni, T‑391/03 u T‑70/04, EU:T:2006:190, punt 109 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-7 ta’ Ġunju 2011, Toland vs Il‑Parlament, T‑471/08, EU:T:2011:252, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75      Madankollu, li jingħad li d-dokumenti differenti li kienu jikkonċernaw attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni jew ta’ awditu huma koperti mill-eċċezzjoni bbażata fuq it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, tant illi s-segwitu li jingħata lil dawn il-proċeduri ma jkunux ġie stabbilit, iwassal biex jissuġġetta l‑aċċess għall-imsemmija dokumenti għal avveniment aleatorju, futur u possibbilment iktar ’il bogħod, skont il-ħeffa u d-diliġenza tal-awtoritajiet differenti. Tali sitwazzjoni tmur kontra l-għan ta’ garanzija ta’ aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti relatati ma’ irregolaritajiet possibbli mwettqa fil-ġestjoni tal-interessi finanzjarji, bil-għan li tingħata liċ-ċittadini l-possibbiltà li jikkontrollaw b’mod iktar effettiv il-legalità tal-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika (ara s-sentenzi tas‑6 ta’ Lulju 2006, Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni, T‑391/03 u T‑70/04, EU:T:2006:190, punti 111 u 112 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑7 ta’ Ġunju 2011, Toland vs Il‑Parlament, T‑471/08, EU:T:2011:252, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

76      Għandu għalhekk jiġi vverifikat jekk, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet kkontestata, kinux għadhom għaddejja attivitajiet ta’ spezzjoni u ta’ investigazzjoni, li setgħu jiġu pperikolati mill-iżvelar tal-ittra tal-Kummissjoni, u jekk dawn l-attivitajiet seħħewx f’terminu raġonevoli (sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2006, Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni, T‑391/03 u T‑70/04, EU:T:2006:190, punt 113; ara, ukoll, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2011, Toland vs Il‑Parlament, T‑471/08, EU:T:2011:252, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77      Minn dawn id-dikjarazzjonijiet jirriżulta li l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 tista’ tiġi ddikjarata applikabbli għal rapport tal-awditjar li l-iżvelar tiegħu jipperikola attivitajiet ta’ spezzjoni jew ta’ investigazzjoni li jseħħu, f’terminu raġonevoli, fuq il-bażi tal-kontenut tiegħu (sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2011, Toland vs Il‑Parlament, T‑471/08, EU:T:2011:252, punt 47).

78      Għandu jiġi kkonstatat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Parlament irrileva li “[w]ara li l-investigazzjoni [kienet] qed issir, diversi atti ta’ investigazzjoni, bħal awditu partikolari li ta lok għal rapport tal-awditjar, [setgħu] jibqgħu jibqgħu koperti minn din l-eċċezzjoni”. Il-Parlament ikkunsidra li “[i]d-dokumenti inkwistjoni [kienu] tfasslu mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ investigazzjoni li tkun għadha għaddejja dwar ksur possibbli, mir-Repubblika Ċeka, tad-dritt tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interessi” u li “[l]-iżvelar pubbliku ta’ dawn id-dokumenti jikkomprometti l-għan ta’ din l-investigazzjoni”.

79      F’dan il-każ, il-Kummissjoni wettqet l-awditu dwar il-funzjonament tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll stabbiliti fir-Repubblika Ċeka sabiex jiġu evitati kunflitti ta’ interessi fuq il-bażi, b’mod partikolari, tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 1303/2013.

80      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 75(1) tar-Regolament Nru 1303/2013 jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tiżgura ruħha, abbażi tal-informazzjoni disponibbli, inkluża awditi mwettqa minn organi tal-Unjoni, li l-Istati Membri jkunu stabbilixxew sistemi ta’ kontroll u ta’ ġestjoni konformi ma’ dan ir-regolament u mar-regoli speċifiċi ta’ Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (iktar ’il quddiem il-“Fondi ESI”), u li dawn is-sistemi joperaw b’mod effettiv matul l-implimentazzjoni tal-programmi. Skont l-Artikolu 75(2) ta’ dan ir-regolament, l-uffiċjali tal-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti awtorizzati tagħhom jistgħu jwettqu awditi li jistgħu jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-verifika tal-funzjonament effettiv tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll ta’ programm jew ta’ parti ta’ programm, tal-operazzjonijiet u dwar l-evalwazzjoni tal-ġestjoni finanzjarja tajba tal-operazzjonijiet jew tal-programmi. Skont l-Artikolu 75(3) tal-istess regolament, il-Kummissjoni tista’ teħtieġ li Stat Membru jieħu l-azzjonijiet meħtieġa biex jiżgura t-tħaddim effettiv tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll tiegħu jew il-korrettezza tan-nefqa skont ir-regoli speċifiċi tal-Fondi ESI.

81      Barra minn hekk, l-Artikolu 144 tar-Regolament Nru 1303/2013, li jistabbilixxi l-kriterji applikabbli għall-korrezzjonijiet finanzjarji, jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tagħmel korrezzjonijiet finanzjarji, billi tikkanċella l-kontribuzzjoni kollha tal-Unjoni jew parti minnha fi programm operattiv meta, wara li jkun twettaq l-eżami meħtieġ, hija tikkonkludi li jeżisti nuqqas gravi fil-funzjonament effettiv tas-sistema ta’ ġestjoni jew ta’ kontroll tal-programm operattiv li pperikola l-kontribuzzjoni tal-Unjoni li tkun diġà tħallset lill-programm operattiv. Skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 145 tar-Regolament Nru 1303/2013, qabel ma tieħu deċiżjoni dwar korrezzjoni finanzjarja, il-Kummissjoni għandha tiftaħ il-proċedura billi tinforma lill-Istat Membru dwar il-konklużjonijiet provviżorji tal-eżami tagħha u billi tistiednu biex jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu f’terminu ta’ xahrejn. Dan l-artikolu jiddeskrivi l-proċedura ta’ djalogu bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru u jipprevedi, b’mod partikolari fil-paragrafu 4 tiegħu, li meta l-Istat Membru ma jaċċettax il-konklużjonijiet provviżorji tal-Kummissjoni, hija għandha tistieden lill-Istat Membru għal seduta ta’ smigħ sabiex jiżgura ruħu li l-informazzjoni u l-osservazzjonijiet kollha rilevanti jkunu disponibbli bħala bażi għall-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja. Barra minn hekk, l-Artikolu 145(6) tal-istess regolament jipprovdi li, sabiex tapplika korrezzjonijiet finanzjarji, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, fi żmien sitt xhur mid-data tas-seduta ta’ smigħ, jew mid-data tal-wasla ta’ informazzjoni addizzjonali meta l-Istat Membru jaqbel li jissottometti din l-informazzjoni addizzjonali wara s-seduta ta’ smigħ u għandha tqis l-informazzjoni u l-osservazzjonijiet kollha ppreżentati matul il-proċedura. Barra minn hekk, l-Artikolu 145(7) tar-Regolament Nru 1303/2013 jipprevedi b’mod partikolari li meta l-Kummissjoni, filwaqt li twettaq ir-responsabbiltajiet tagħha skont l-Artikolu 75 tal-istess regolament, tidentifika irregolaritajiet li jagħtu xhieda ta’ nuqqas serju fil-funzjonament effettiv tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll, il-korrezzjoni finanzjarja li tirriżulta minn dan għandha tnaqqas l-appoġġ mogħti mill-Fondi ESI għall-programm operattiv.

82      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tiżbalja meta ssostni li l-għan tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 1303/2013 intlaħaq bl-adozzjoni tal-ittra ta’ segwitu, sa fejn il-Kummissjoni żgurat ruħha bil-mod kif jiffunzjonaw is-sistemi ta’ kontroll u ta’ ġestjoni fir-Repubblika Ċeka u sa fejn hija talbet lill-awtoritajiet Ċeki sabiex jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw dan il-funzjonament. Fil-fatt, l-għan tal-awditu inkwistjoni, imwettaq abbażi ta’ dan l-artikolu, huwa għall-Kummissjoni li tiżgura ruħha bil-konformità tas-sistemi ta’ kontroll u ta’ ġestjoni eżistenti fir-Repubblika Ċeka mad-dritt tal-Unjoni u, għal dan il-għan, hija tista’ titlob lill-awtoritajiet Ċeki li jieħdu l-miżuri neċessarji.

83      Kif jirrileva l-Parlament, l-għan ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni ma jistax ikun limitat biss għall-analiżi, mill-Kummissjoni, tas-sistemi stabbiliti mir-Repubblika Ċeka. Fil-fatt, l-implimentazzjoni mill-Istat tar-rakkomandazzjonijiet ifformulati mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-awditu tikkostitwixxi stadju għat-twettiq tal-għan tal-investigazzjoni, intiż sabiex tiġi żgurata l-konformità tas-sistemi ta’ kontroll u ta’ ġestjoni ta’ Stat Membru mad-dritt tal-Unjoni.

84      Mid-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti 80 u 81 iktar ’il fuq u mill-istruttura ġenerali tar-Regolament Nru 1303/2013 jirriżulta li t-tfassil ta’ rapport tal-awditjar finali u t-trażmissjoni ta’ dan ir-rapport, li jinkludi rakkomandazzjonijiet relatati ma’ azzjonijiet li għandhom jittieħdu, itemmu biss stadju tal-proċedura, jiġifieri l-fażi ta’ awditu, u jiftħu fażi ta’ skambji mal-Istat Membru kkonċernat dwar azzjonijiet inkwistjoni (digriet tas‑16 ta’ Settembru 2019, Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni, T‑703/18, mhux ippubblikat, EU:T:2019:628, punt 53).

85      Din il-fażi ta’ skambji għandha l-għan li tippermetti lill-Istat Membru kkonċernat li jipprovdi informazzjoni addizzjonali li tista’ tbiddel l-evalwazzjonijiet li jinsabu fir-rapport tal-awditjar finali, li jieħu, jekk ikun il-każ, l-azzjonijiet irrakkomandati mill-Kummissjoni, jew inkella li jipproponi azzjonijiet alternattivi (digriet tas‑16 ta’ Settembru 2019, Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni, T‑703/18, mhux ippubblikat, EU:T:2019:628, punt 54).

86      Din l-interpretazzjoni tapplika wkoll għall-ittra ta’ segwitu li fiha l-Kummissjoni tiżgura s-segwitu tar-rakkomandazzjonijiet ifformulati fir-rapport tal-awditjar finali u li tiftaħ ukoll fażi ta’ skambji mal-Istat Membru.

87      Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti tirrikonoxxi li, fl-ittra ta’ segwitu, ċerti rakkomandazzjonijiet baqgħu miftuħa. Għaldaqstant, fid-data tal-adozzjoni tal-ittra ta’ segwitu, fir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet ifformulati fir-rapport tal-awditjar finali li kienu għadhom miftuħa, l-awtoritajiet Ċeki xorta setgħu jippreżentaw osservazzjonijiet bil-għan li jwieġbu għal dawn ir-rakkomandazzjonijiet.

88      Konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 73 u 74 iktar ’il fuq, il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni żgurata mill-eċċezzjoni bbażata fuq it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 la tintlaħaq bl-adozzjoni tar-rapport tal-awditjar finali u lanqas bl-adozzjoni tal-ittra ta’ segwitu tal-Kummissjoni. Il-fażi ta’ skambji mal-Istat Membru dwar ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni li jibqgħu miftuħa tagħmel parti mill-attivitajiet ta’ investigazzjonijiet koperti minn din l-eċċezzjoni.

89      Minn dan jirriżulta li huwa żbaljat li r-rikorrenti ssostni, minn naħa, li l-awditu kien laħaq l-għan tiegħu minħabba l-fatt li l-Kummissjoni kienet ippreżentat il-konklużjonijiet tagħha u fformulat ir-rakkomandazzjonijiet tagħha fl-ittra ta’ segwitu u, min-naħa l-oħra, li l-implimentazzjoni mill-awtoritajiet Ċeki tar-rakkomandazzjonijiet, li jidhru fir-rapport tal-awditjar finali u fl-ittra ta’ segwitu, kif ukoll il-kontroll mill-Kummissjoni ta’ din l-implimentazzjoni, ma jagħmlux parti mill-investigazzjoni li tkun għadha għaddejja.

90      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti ma tistax issostni li, wara l-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-ittra ta’ segwitu, l-awditu kien laħaq l-għan tiegħu u ma kienx għadu jikkostitwixxi investigazzjoni li tkun għadha għaddejja.

91      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-kunsiderazzjoni li l-proċedura ta’ awditu prevista fl-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 1303/2013 tinkludi numru preċedentement mhux iddefinit ta’ skambji bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat, li jkomplu sakemm il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fir-rapport tal-awditjar ikunu jistgħu jiġu emendati, ikollha l-konsegwenza li l-iżvelar tal-ittra tal-Kummissjoni jkun suġġett għall-eżistenza ta’ avveniment aleatorju, futur u potenzjalment imbiegħed ħafna, dipendenti fuq id-diliġenza tal-awtoritajiet ikkonċernati. Hija ssostni li t-twettiq tad-djalogu bejn l-Istat Membru kkonċernat u l-Kummissjoni ma huwiex ifformalizzat mir-Regolament Nru 1303/2013 u jiddependi mir-rieda tal-Kummissjoni. Skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 75 iktar ’il fuq, din l-interpretazzjoni illimitata tal-kunċett ta’ awditu tmur kontra l-għan tar-Regolament Nru 1049/2001.

92      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Parlament huwa ġġustifikat li jinvoka l-preżunzjoni ġenerali ta’ preġudizzju għall-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, ta’ spezzjoni u ta’ awditu sabiex jirrifjuta l-iżvelar ta’ dokumenti li jikkonċernaw investigazzjoni meta din tkun għadha għaddejja jew tkun għadha kemm ingħalqet u li, f’dan l-aħħar każ, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunu għadhom ma ddeċidewx, f’terminu raġonevoli, dwar is-segwitu li għandu jingħata lir-rapport tal-investigazzjoni tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑1 ta’ Settembru 2021, Homoki vs Il‑Kummissjoni, T‑517/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:529, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

93      Huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Ċeka l-ittra ta’ segwitu tat‑22 ta’ Ottubru 2020 fil-verżjoni Ingliża tagħha u fit‑18 ta’ Diċembru 2020 fil-verżjoni Ċeka tagħha. Kif jindika l-Parlament u kif dan jirriżulta mill-ittra ta’ segwitu, it-terminu ta’ tliet xhur li kellhom l-awtoritajiet Ċeki sabiex iwieġbu għall-ittra ta’ segwitu beda meta ntbagħtet il-verżjoni Ċeka u għalhekk ma kienx skada fid-data ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fil‑15 ta’ Jannar 2021.

94      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, fid-data ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fil‑15 ta’ Jannar 2021, peress li l-awtoritajiet Ċeki kienu għadhom ma ħadux pożizzjoni dwar l-ittra ta’ segwitu, l-għan ta’ investigazzjoni kien għadu ma ntlaħaqx.

95      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ssostni b’mod żbaljat li, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Parlament ma setax jinvoka l-eċċezzjoni msemmija fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

96      Għaldaqstant, l-ewwel parti għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-fatt li l-Parlament ma stabbilixxiex li l-iżvelar tal-ittra tal-Kummissjoni jista’ jippreġudika l-investigazzjoni

97      Ir-rikorrenti ssostni li, anki jekk jitqies li l-investigazzjoni kienet għadha “għaddejja”, il-Parlament ma stabbilixxiex li l-iżvelar tal-ittra tal-Kummissjoni seta’ jippreġudika din l-investigazzjoni. Hija ssostni li, skont il-ġurisprudenza, il-fatt li dokument jikkonċerna attività ta’ investigazzjoni ma jistax fih innifsu jkun biżżejjed sabiex jiġġustifika l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni bbażata fuq it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, iżda li l-istituzzjoni għandha tipprovdi spjegazzjonijiet fir-rigward tal-kwistjoni dwar kif l-aċċess għal dan id-dokument jimplika riskju raġonevolment prevedibbli li l-interess protett jiġi konkretament u effettivament ippreġudikat.

98      Għandu jitfakkar li, konformement mal-konklużjoni li tinsab fil-punt 60 iktar ’il fuq, ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar l-argumenti tar-rikorrenti dwar ir-rifjut ta’ aċċess għar-rapport tal-awditjar finali.

99      Fir-rigward tar-rifjut ta’ aċċess għall-ittra tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti ssostni li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija insuffiċjenti.

100    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivokabbli r-raġunament tal-istituzzjoni jew tal-korp, awtur tal-att, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti tal-Unjoni li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ kollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti rilevanti kollha ta’ fatt u ta’ liġi, sa fejn il-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att issodisfatx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-formulazzjoni tiegħu iżda wkoll tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenzi tal‑1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il‑Kunsill, C‑266/05 P, EU:C:2007:75, punt 80 u ġurisprudenza ċċitata, u tas‑26 ta’ Marzu 2020, Bonnafous vs Il‑Kummissjoni, T‑646/18, EU:T:2020:120, punti 22 u 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

101    Minn ġurisprudenza wkoll stabbilita jirriżulta li, meta istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni li quddiemu titressaq talba għal aċċess għal dokument jiddeċiedu li jiċħdu din it-talba abbażi ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, huma għandhom, bħala prinċipju, jipprovdu spjegazzjonijiet fir-rigward tal-kwistjoni ta’ kif l-aċċess għal dan id-dokument jista’ konkretament u effettivament jippreġudika l-interess protett minn din l-eċċezzjoni, bir-riskju ta’ tali preġudizzju li għandu jkun raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku (ara s-sentenzi tad‑29 ta’ Ottubru 2020, Intercept Pharma u Intercept Pharmaceuticals vs EMA, C‑576/19 P, EU:C:2020:873, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad‑29 ta’ Settembru 2021, AlzChem Group vs Il‑Kummissjoni, T‑569/19, EU:T:2021:628, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

102    Għalhekk hija l-istituzzjoni li tkun irrifjutat l-aċċess għal dokument li għandha tipprovdi motivazzjoni li tippermetti li jiġi mifhum u li jiġi vverifikat, minn naħa, jekk id-dokument mitlub effettivament jikkonċernax il-qasam kopert mill-eċċezzjoni invokata u, min-naħa l-oħra, jekk il-ħtieġa ta’ protezzjoni relattiva għal din l-eċċezzjoni hijiex reali (sentenza tal‑1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il‑Kunsill, C‑266/05 P, EU:C:2007:75, punt 61; ara, ukoll, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Bonnafous vs Il‑Kummissjoni, T‑646/18, EU:T:2020:120, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

103    Għalkemm l-istituzzjoni kkonċernata hija obbligata li tesponi r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-applikazzjoni f’dan il-każ ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess previsti mir-Regolament Nru 1049/2001, hija ma hijiex obbligata li tipprovdi informazzjoni li tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex il-persuna li titlob l-aċċess tifhem ir-raġunijiet li wasslu għad-deċiżjoni tagħha u għall-istħarriġ, mill-Qorti Ġenerali, tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Bonnafous vs Il‑Kummissjoni, T‑646/18, EU:T:2020:120, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

104    Barra minn hekk, meta tweġiba tikkonferma, bħal f’dan il-każ, iċ-ċaħda ta’ talba abbażi tal-istess raġunijiet bħal dawk li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni inizjali ta’ ċaħda, għandha tiġi eżaminata n-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni fid-dawl tal-iskambji bejn l-istituzzjoni u l-applikant, billi tittieħed inkunsiderazzjoni informazzjoni li l-applikant kellu għad-dispożizzjoni tiegħu dwar in-natura u l-kontenut tad-dokumenti mitluba (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ April 2000, Kuijer vs Il‑Kunsill, T‑188/98, EU:T:2000:101, punt 44).

105    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Parlament ma weriex l-eżistenza ta’ rabta rilevanti bejn l-ittra tal-Kummissjoni u l-investigazzjoni tal-awditu. Fid-dawl tal-fatt li la l-abbozz tar-rapport tal-awditjar, la r-rapport tal-awditjar finali, u lanqas l-ittra ta’ segwitu ma jirreferu għall-ittra tal-Kummissjoni, il-Parlament ma stabbilixxiex li r-riżultati tal-investigazzjoni tal-awditu jiddependu minn din l-ittra u huwa possibbli li jiġi preżunt li din l-ittra ma għandha l-ebda rabta mal-investigazzjoni tal-awditu.

106    F’dan il-każ, l-ewwel, għandu jitfakkar li l-ittra mitluba hija ittra tal-membru tal-Kummissjoni, G. Oettinger, inkarigat b’mod partikolari mill-baġit, indirizzata lill-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka, li ġiet identifikata, bi tweġiba għat-talba għal aċċess tar-rikorrenti, mill-Parlament bħala li tagħmel parti mid-dokumenti relatati mal-investigazzjoni kontra l-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka għal użu abbużiv ta’ fondi Ewropej u kunflitti ta’ interessi potenzjali.

107    It-tieni, hemm lok li jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni tal‑14 ta’ Settembru 2020, bi tweġiba għat-talba inizjali tar-rikorrenti, il-Parlament indika li, wara eżami tal-kontenut tagħha, din l-ittra kienet tikkonċerna investigazzjoni dwar l-interessi ekonomiċi fis-sens tal-Artikolu 61(3) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 60, p. 36), li jinkludi d-definizzjoni tal-kunflitt ta’ interessi.

108    It-tielet, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Parlament irrileva li l-Kummissjoni kienet informatu li l-iżvelar tal-ittra tal-Kummissjoni kien ser jippreġudika l-investigazzjonijiet u l-awditi li kienu għadhom għaddejjin fir-rigward tal-kwistjonijiet imqajma fir-riżoluzzjoni. Huwa qies li sakemm l-investigazzjoni tkun għadha għaddejja, diversi atti ta’ investigazzjoni, bħal awditu partikolari li ta lok għal rapport tal-awditjar, setgħu jibqgħu koperti mill-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Huwa indika li l-ittra tal-Kummissjoni kienet tfasslet minn din tal-aħħar fil-kuntest ta’ investigazzjoni li kienet għadha għaddejja dwar ksur possibbli mir-Repubblika Ċeka tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interessi.

109    Għalhekk, kif jirrileva l-Parlament, minn dan jirriżulta li l-ittra tal-Kummissjoni kienet tirrigwarda l-istess suġġett bħall-investigazzjoni tal-awditu.

110    Ir-raba’, għandu jiġi kkonstatat, kif tagħmel il-Kummissjoni, li l-korrispondenza ma’ G. Oettinger, membru tal-Kummissjoni, tissemma fir-rapport tal-awditjar finali kif ukoll fl-ittra ta’ segwitu bħala li tikkonċerna l-attivitajiet tal-Prim Ministru Ċek, A. Babiš, fil-kunsill Ċek għall-Fondi ESI.

111    Issa, kif issostni r-rikorrenti, ir-rapport tal-awditjar finali u l-ittra ta’ segwitu kienu ġew ippubblikati fl-istampa Ċeka u kienu magħrufa lilha qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant hija ma tistax tallega li l-ittra tal-Kummissjoni ma kinitx imsemmija fir-rapport tal-awditjar finali u fl-ittra ta’ segwitu, dokumenti li hija, barra minn hekk, ipproduċiet fl-anness tar-rikors.

112    Minn dan jirriżulta li dawn l-elementi kollha kienu suffiċjenti sabiex ir-rikorrenti tifhem li l-ittra tal-Kummissjoni kienet dokument relatat mal-investigazzjoni tal-awditu dwar ksur possibbli mill-Prim Ministru Ċek tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam ta’ prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interessi u għalhekk hija ma tistax issostni insuffiċjenza ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward.

113    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tistax issostni b’mod utli li l-Parlament ma stabbilixxiex l-eżistenza ta’ rabta bejn l-ittra tal-Kummissjoni u l-investigazzjoni ta’ awditu billi ma weriex li r-riżultati tal-investigazzjoni tal-awditu kienu jiddependu minn din l-ittra. Fil-fatt, sabiex jistabbilixxi din ir-rabta, il-Parlament kellu juri biss li din l-ittra kienet tagħmel parti mid-dokumenti dwar l-attivitajiet tal-investigazzjoni li kienet għadha għaddejja.

114    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li, peress li naqas milli jistabbilixxi rabta bejn l-ittra tal-Kummissjoni u l-investigazzjoni tal-awditu, il-Parlament ma stabbilixxiex l-eżistenza ta’ riskju raġonevolment prevedibbli ta’ dannu konkret u effettiv għall-investigazzjoni tal-awditu permezz tal-iżvelar ta’ din l-ittra. Il-Parlament ma spjegax b’liema mod l-iżvelar tal-ittra tal-Kummissjoni jista’ jippreġudika l-awditu.

115    L-ewwel, għandu jitfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Parlament iġġustifika r-rifjut ta’ aċċess għall-ittra tal-Kummissjoni għar-raġuni, b’mod partikolari, li l-għan tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni kien li jagħti l-opportunità lill-Istat Membru kkonċernat li jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu skont id-dritt tal-Unjoni u li jagħmel użu mid-drittijiet tad-difiża tiegħu kontra oġġezzjonijiet ifformulati mill-Kummissjoni u li l-Istat Membru kellu d-dritt li jistenna mill-Kummissjoni l-osservanza tal-kunfidenzjalità, u fin-nuqqas ta’ dan, jista’ jkun iktar diffiċli li jinbeda djalogu bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru intiż li jintemm id-dritt allegat.

116    Għandu jitfakkar li l-għan tal-investigazzjoni tal-awditu u b’mod partikolari tad-djalogu bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Ċeki dwar ir-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fir-rapport tal-awditjar finali huwa li tippermetti lir-Repubblika Ċeka tikkonforma s-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontrolli tagħha mad-dritt tal-Unjoni sabiex jiġu evitati kunflitti ta’ interessi. Issa, sa fejn mill-analiżi tal-ewwel parti jirriżulta li, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, dan id-djalogu kien għadu għaddej u fejn l-ittra tal-Kummissjoni tikkostitwixxi element ta’ din l-investigazzjoni, il-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjenti sabiex tiġi spjegata r-raġuni li għaliha l-iżvelar ta’ din l-ittra seta’ jippreġudika l-għan tal-investigazzjoni tal-awditu.

117    Barra minn hekk, kif jirrileva l-Parlament, fid-dawl tal-involviment dirett tal-Prim Ministru Ċek, issuspettat li jinsab f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi, kien iktar u iktar importanti li tiġi osservata l-kunfidenzjalità tad-djalogu bejn dan tal-aħħar u l-membru tal-Kummissjoni sabiex jiġi żgurat djalogu miftuħ fi spirtu ta’ kooperazzjoni.

118    It-tieni, il-Parlament irrileva wkoll, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-investigaturi u l-partijiet interessati fl-investigazzjoni dehru li kienu mdawra minn klima ta’ theddid u li żvelar malajr tal-ittra tal-Kummissjoni jkollu effett negattiv fuq il-livell ta’ kooperazzjoni tagħhom u jikkomprometti l-kapaċità ta’ din tal-aħħar li twettaq bl-iktar mod effikaċi possibbli l-missjonijiet ta’ investigazzjoni tagħha.

119    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-interess protett mill-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ awditu, prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, huwa dak li jippermetti li l-awditi jitwettqu b’mod indipendenti u mingħajr pressjonijiet, kemm jekk dawn ikunu ġejjin mill-entità awditjata, minn entitajiet ikkonċernati oħra jew mill-pubbliku inġenerali (sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2015, Technion u Technion Research & Development Foundation vs Il‑Kummissjoni, T‑480/11, EU:T:2015:272, punt 63).

120    Għaldaqstant, ir-rikorrenti tiżbalja meta ssostni li l-Parlament ma indikax b’mod suffiċjenti, fid-deċiżjoni kkontestata, għal liema raġuni l-iżvelar tal-ittra tal-Kummissjoni jista’ jippreġudika b’mod konkret u effettiv l-għanijiet tal-investigazzjoni tal-awditjar.

121    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li, sa fejn l-abbozz tar-rapport tal-awditjar, ir-rapport tal-awditjar finali u l-ittra ta’ segwitu kienu ġew trażmessi fil-media Ċeka, rispettivament f’Ġunju 2019, f’Novembru 2019 u f’Diċembru 2020, l-iżvelar tal-ittra tal-Kummissjoni ma jwassalx għal theddida konkreta u effettiva għall-investigazzjoni tal-awditu.

122    Issa, sa fejn ir-rikorrenti tirrikonoxxi li l-ittra tal-Kummissjoni ma kinitx ġiet ippubblikata lanqas parzjalment u sa fejn il-kontenut ta’ din l-ittra ma huwiex riprodott fid-dokumenti ppubblikati fil-media Ċeka, għandu jiġi kkunsidrat li dan l-argument ma jaffettwax il-kwistjoni dwar jekk din l-ittra kinitx koperta mill-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, fid-dawl b’mod partikolari tan-neċessità li tinżamm il-kunfidenzjalità tad-djalogu bejn il-Prim Ministru Ċek u l-Kummissjoni.

123    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjenti sabiex jinftiehem li l-ittra tal-Kummissjoni kienet taqa’ taħt l-investigazzjoni tal-awditjar u għalhekk kienet ikkonċernata mill-eċċezzjoni msemmija fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u li, peress li din l-investigazzjoni kienet għadha għaddejja fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-ħtieġa ta’ protezzjoni relatata ma’ din l-eċċezzjoni kienet reali.

124    Isegwi li t-tieni parti għandha tiġi miċħuda u, għaldaqstant, l-ewwel motiv kollu kemm hu.

 Fuq ittieni motiv, ibbażat fuq ilksur tattielet inċiż talArtikolu 4(2) tarRegolament Nru 1049/2001, sa fejn ilParlament ma ħax inkunsiderazzjoni leżistenza ta’ interess pubbliku superjuri li jiġġustifika liżvelar talittra talKummissjoni

125    Ir-rikorrenti ssostni li, anki jekk jitqies li l-awditu kien ikkostitwixxa investigazzjoni li kienet għadha għaddejja li fiha l-iżvelar tal-ittra tal-Kummissjoni seta’ joħloq preġudizzju, il-Parlament ma setax jirrifjutalha l-aċċess għal dan id-dokument sa fejn kien jeżisti interess pubbliku superjuri għall-iżvelar tiegħu fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

126    Ir-rikorrenti tirrileva li l-Unjoni hija bbażata fuq ir-rispett tal-Istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tad-difiża. Fid-dawl tal-fatt li, fir-rapport dwar il-missjoni ta’ ġbir ta’ informazzjoni u fir-riżoluzzjoni, il-Parlament għamel akkużi serji dwar il-mod li bih il-grupp Agrofert huwa mmexxi, hija kellha tkun f’pożizzjoni li tanalizza d-dokumenti li fuqhom kienu bbażati dawn l-allegazzjonijiet u li topponihom. Il-Parlament kien obbligat li jieħu inkunsiderazzjoni l-interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tal-ittra tal-Kummissjoni li jikkonsisti fil-protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti bħala persuna direttament u individwalment ikkonċernata minn dawn l-allegazzjonijiet. L-Istat tad-dritt, ibbażat fuq il-protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali, jista’ jinżamm biss permezz tar-rispett ta’ dawn id-drittijiet u libertajiet f’kull każ individwali u, għaldaqstant, l-interess tar-rikorrenti jikkostitwixxi interess pubbliku fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

127    Skont ġurisprudenza stabbilita, hija l-parti li ssostni l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri li għandha tinvoka b’mod konkret iċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw l-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati (ara s-sentenzi tal‑11 ta’ Mejju 2017, L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, C‑562/14 P, EU:C:2017:356, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad‑29 ta’ Settembru 2021, AlzChem Group vs Il‑Kummissjoni, T‑569/19, EU:T:2021:628, punt 124 u l-ġurisprudenza ċċitata).

128    Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 45 iktar ’il fuq, ir-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż li jiggarantixxi l-aċċess għad-dokumenti kollha u mhux biss l-aċċess tal-applikant għad-dokumenti li jikkonċernawh.

129    Konsegwentement, l-interess partikolari li jista’ jinvoka applikant għall-aċċess għal dokument li jikkonċernah personalment ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri fis-sens tal-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2006, Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni, T‑391/03 u T‑70/04, EU:T:2006:190, punt 137; ara, ukoll, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2015, Technion u Technion Research & Development Foundation vs Il‑Kummissjoni, T‑480/11, EU:T:2015:272, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

130    L-interess ġenerali sostnut mir-rikorrenti huwa parti mid-drittijiet tad-difiża. Huwa ċertament veru li l-eżistenza tad-drittijiet tad-difiża tippreżenta fiha nnifisha interess ġenerali. Madankollu, il-fatt li dawn id-drittijiet jimmanifestaw ruħhom f’dan il-każ mill-interess suġġettiv tar-rikorrenti li tiddefendi ruħha jimplika li l-interess li tinvoka r-rikorrenti ma huwiex interess ġenerali, iżda interess privat (sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2006, Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni, T‑391/03 u T‑70/04, EU:T:2006:190, punt 138).

131    Minn dan jirriżulta li l-Parlament ġustament qies, fid-deċiżjoni kkontestata, abbażi tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 128 sa 130 iktar ’il fuq, li d-drittijiet tad-difiża invokati mir-rikorrenti ma kinux jikkostitwixxu interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tal-ittra tal-Kummissjoni.

132    Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, il-kumplament tar-rikors fl-intier tiegħu.

 Fuq lispejjeż

133    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Parlament.

134    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 137 tar-Regoli tal-Proċedura, fil-każ li ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali għandha tuża d-diskrezzjoni tagħha fid-deċiżjoni dwar l-ispejjeż. F’dan il-każ, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li wasslu lill-Qorti Ġenerali sabiex tikkonstata li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni parzjali, issir evalwazzjoni ġusta jekk jiġi deċiż li r-rikorrenti għandha tbati wkoll l-ispejjeż relatati magħhom.

135    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Konsegwentement, għandu jiġi deċiż li l-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew A(2019) 8551 C (D 300153) tal15 ta’ Jannar 2021 sa fejn irrifjuta l-aċċess għar-rapport tal-awditjar finali tal-Kummissjoni, tad29 ta’ Novembru 2019, bir-referenza ARES (2018) 6120850 dwar awditu dwar il-funzjonament tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll stabbiliti fir-Repubblika Ċeka sabiex jiġu evitati kunflitti ta’ interessi.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Agrofert a.s. hija kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Parlament.

4)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

De Baere

Steinfatt

Kingston

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑28 ta’ Settembru 2022.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.