Language of document :

Appell ippreżentat fis-27 ta’ Jannar 2022 mir-Rumanija mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla) fl-10 ta’ Novembru 2021 fil-Kawża T-495/19, Ir-Rumanija vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-54/22 P)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Partijiet

Appellant: Ir-Rumanija (rappreżentanti: E. Gane, L. Liţu, L.-E. Baţagoi, aġenti)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, L-Ungerija

Talbiet

tiddikjara l-appell ammissibbli, tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-495/19 sa fejn tirrigwarda l-analiżi tal-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011 u tiddeċiedi l-Kawża T-495/19, billi tilqa’ r-rikors għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/721;

jew

tiddikjara l-appell ammissibbli, tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-495/19 sa fejn tirrigwarda l-analiżi tal-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011 u tibgħat lura l-Kawża T-495/19 quddiem il-Qorti Ġenerali li, fl-eżami mill-ġdid, għandha tilqa’ r-rikors għal annullament u tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/721;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, ir-Rumanija tinvoka aggravju wieħed, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011 flimkien mal-Artikolu 5(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u għalhekk kisret dawn id-dispożizzjonijiet:

i)    L-ewwel, bl-interpretazzjoni tagħha tal-kundizzjonijiet li fihom il-Kummissjoni tista’ tirrifjuta li tirreġistra inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej, b’mod partikolari meta ddeċidiet li tali rifjut jista’ jseħħ biss jekk il-possibbiltà tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta għal att ġuridiku tal-Unjoni għall-implimentazzjoni tat-Trattati tkun tista’ tiġi kompletament eskluża.

Madankollu, tali inizjattiva tkun taqa’, b’mod ċar, barra mill-kompetenza tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta għal att ġuridiku jekk, wara evalwazzjoni legali b’mod astratt tal-miżuri proposti, ikun hemm dubji serji li tali miżuri jistgħu jiġu adottati taħt it-Trattati.

ii)    It-tieni, bl-interpretazzjoni tagħha tal-possibbiltà għall-Kummissjoni li tirreġistra proposta għal inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej b’riżerva jew b’kundizzjoni.

F’każ bħal dan, il-Kummissjoni hija meħtieġa tirreferi għall-informazzjoni obbligatorja u fakultattiva kollha pprovduta mill-organizzaturi, li ma tistax tiġi injorata lanqas parzjalment.

____________