Language of document : ECLI:EU:T:2010:215

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

20 ta’ Mejju 2010

Kawża T-261/09 P

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Antonello Violetti et

“Appell — Servizz pubbliku — Uffiċjali — Deċiżjoni tal-OLAF li jittrażmetti informazzjoni dwar persuni fiżiċi lill-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani — Att li ma jikkawżax preġudizzju”

Suġġett: Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tat-28 ta’ April 2009, Violetti et vs Il-Kummissjoni (F‑5/05 u F‑7/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑83 u II‑A‑1‑473), intiż għall-annullament parzjali ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni: Is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea tat-28 ta’ April 2009, Violetti et vs Il-Kummissjoni (F‑05/05 u F‑05/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑83 u II‑A‑1‑473), hija annullata sa fejn tiddikjara ammissibbli t-talbiet għall-annullament tan-nota tal-5 ta’ Awwissu 2003 li permezz tagħha l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi bagħat lill-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani informazzjoni dwar Antonello Violetti, Nadine Schmit kif ukoll tnax-il uffiċjal ieħor tal-Kummissjoni Ewropea, li l-ismijiet tagħhom jinsabu fl-anness tas-sentenza appellata. It-talbiet għal annullament imressqa quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku minn A. Violetti, N. Schmit kif ukoll mit-tnax-il uffiċjal ieħor tal-Kummissjoni li l-ismijiet tagħhom jinsabu fl-anness tas-sentenza appellata huma miċħuda. A. Violetti, N. Schmit kif ukoll it-tnax-il uffiċjal ieħor tal-Kummissjoni li l-ismijiet tagħhom jinsabu fl-anness tas-sentenza għandhom ibatu żewġ terzi tal-ispejjeż tagħhom relatati mal-istanza quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kif ukoll l-ispejjeż tagħhom relatati ma’ din l-istanza. Il-Kummissjoni għandha tbati, rigward l-istanza quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, l-ispejjeż tagħha u terz tal-ispejjeż tar-rikorrenti fl-ewwel istanza kif ukoll l-ispejjeż tagħha relatati ma’ din l-istanza. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, intervenjent fl-ewwel istanza insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikors — Att li jikkawża preġudizzju — Kunċett — Deċiżjoni tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) li jibgħat informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali — Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 90a; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1073/1999, Artikolu 10(2))

2.      Uffiċjali — Rikors — Att li jikkawża preġudizzju — Kunċett — Deċiżjoni tal-OLAF li jibgħat informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali — Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 90a; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1073/1999, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2); Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/396, Artikolu 4(2))

3.      Uffiċjali — Rikors — Att li jikkawża preġudizzju — Kunċett — Deċiżjoni tal-OLAF li jibgħat informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali — Esklużjoni — Opinjoni tal-Kumitat tad-Dixxiplina — Inklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90)

1.      Jikkostitwixxu atti li jikkawżaw preġudizzju u, għaldaqstant, atti li jistgħu jiġu kkontestati dawk il-miżuri biss li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura tali li jistgħu jaffettwaw l-interessi ta’ uffiċjal, billi jbiddlu, b’mod sinjifikattiv, is-sitwazzjoni legali tal-istess uffiċjal.

B’mod iktar speċifiku, deċiżjoni tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) li jibgħat informazzjoni dwar l-uffiċjal ikkonċernat lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali uffiċjali ma tistax tiġi kkunsidrata bħala att li jikkawża preġudizzju peress li ma tbiddilx b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tal-persuna kkonċernata, u dan filwaqt li l-imsemmija awtoritajiet jibqgħu liberi, skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1073/1999, dwar investigazzjonijiet immexxija mill-OLAF, li jevalwaw, fil-kuntest tas-setgħat tagħhom stess, il-kontenut u l-portata tal-imsemmija informazzjoni u, għaldaqstant, l-azzjoni li għandha tittieħed fir-rigward ta’ din l-informazzjoni.

Il-fatt li l-informazzjoni tintbagħat bi ksur tad-dispożizzjonijiet intiżi li jipproteġu d-drittijiet tad-difiża tal-uffiċjal ikkonċernat mill-imsemmija informazzjoni ma jista’ jkollu ebda effett fuq il-kwalifika tad-deċiżjoni li tintbagħat informazzjoni bħala att li jikkawża preġudizzju.

Din il-konklużjoni ma għandhiex l-effett li tagħmel impossibbli kull kontestazzjoni min-naħa tal-uffiċjal ikkonċernat minn dan il-ksur. Fil-fatt, kull illegalità mwettqa mill-OLAF li ma tirrigwardax att li jikkawża preġudizzju tista’ tiġi ssanzjonata fil-kuntest ta’ rikors għad-danni.

Barra minn hekk, l-awtoritajiet nazzjonali, fil-każ li jiddeċiedu li jiftħu investigazzjoni, għandhom jevalwaw il-konsegwenzi li għandhom jirriżultaw minn din l-illegalità u din l-evalwazzjoni tista’ tiġi kkontestata, bil-garanziji kollha pprovduti mid-dritt intern, fosthom dawk li jirriżultaw mid-drittijiet fundamentali, permezz tar-rimedji nazzjonali.

(ara l-punti 46, 47, 58 u 59)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 19 ta’ April 2005, Tillack vs Il-Kummissjoni, C‑521/04 P(R), Ġabra p. 3103, punti 32 u 34; Il-Qorti Ġenerali 15 ta’ Lulju 1993, Camara Alloisio et vs Il-Kummissjoni, T‑17/90, T‑28/91 u T‑17/92, Ġabra p. II‑841, punt 39; Il-Qorti Ġenerali 19 ta’ Ottubru 1995, Obst vs Il-Kummissjoni, T‑562/93, ĠabraSP p. I‑A‑247 u II‑737, punt 23; Il-Qorti Ġenerali 13 ta’ Lulju 2004, Comunidad Antónoma de Andalucía vs Il-Kummissjoni, T‑29/03, Ġabra p. II‑2923, punt 29; Il-Qorti Ġenerali 15 ta’ Ottubru 2004, Tillack vs Il‑Kummissjoni, T‑193/04 R, Ġabra p. II‑3575, punti 43 u 44; Il-Qorti Ġenerali 4 ta’ Ottubru 2006, Tillack vs Il-Kummissjoni, T‑193/04, Ġabra p. II‑3995, punt 70

2.      Deċiżjoni tal-OLAF li tintbagħat informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali ma għandhiex effetti legali vinkolanti, la fuq il-karriera u lanqas fuq is-sitwazzjoni materjali tal-uffiċjal ikkonċernat mill-informazzjoni inkwistjoni.

Minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament Nru 1073/1999, dwar investigazzjonijiet immexxija mill-OLAF, jipprovdi biss, fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tiegħu, li l-informazzjoni relatata mal-investigazzjonijiet interni ma tistax tiġi kkomunikata, b’mod partikolari, lil persuni oħra għajr dawk li, minħabba l-funzjonijiet tagħhom, jeħtieġu li jkunu jafu dwarha, u lanqas ma tista’ tintuża għal għanijiet oħra għajr dawk tal-ġlieda kontra l-frodi, kontra l-korruzzjoni u kontra kull attività illegali oħra. Id-deċiżjoni mudell annessa mal-Ftehim Interistituzzjonali tal-25 ta’ Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni u, fir-rigward tal-uffiċjali tal-Kummissjoni, id-Deċiżjoni 1999/396, it-tnejn li huma relatati mal-kundizzjonijiet u mal-modalitajiet ta’ investigazzjonijiet interni fil-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali ta’ preġudizzju għall-interessi tal-Komunitajiet, jirrikjedu biss, fl-Artikolu 4(2) tagħhom, li s-Segretarju Ġenerali tal-istituzzjoni jagħti l-kunsens tiegħu sabiex l-obbligu li tinstema’ l-persuna kkonċernata jiġi diferit meta dan huwa rikjest mill-ħtiġijiet tal-investigazzjoni. Minn dan jirriżulta li d-dispożizzjonijeit applikabbli ma jipprovdux li s-superjuri immedjati, direttament responsabbli għall-evalwazzjoni tal-uffiċjal ikkonċernat, ikunu informati bid-deċiżjoni li tintbagħat l-informazzjoni. Min-naħa l-oħra, teħid inkunsiderazzjoni eventwali, waqt din l-evalwazzjoni, tal-fatt li xi informazzjoni ntbagħtet lill-awtoritajiet nazzjonali jikkostitwixxi illegalità ta’ natura tali li tiġġustifika l-annullament tar-rapport tal-iżvilupp tal-karriera u ma jikkostitwixxix effett legali vinkolanti li jirriżulta mid-deċiżjoni li tintbagħat informazzjoni.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sempliċi possibbiltà li l-fatt li tintbagħat informazzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali jista’ jiġi kkomunikat bi żball lis-superjuri immedjati responsabbli għall-evalwazzjoni tal-uffiċjal ikkonċernat u jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni illegalment waqt l-imsemmija evalwazzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala effett tad-deċiżjoni li tintbagħat informazzjoni rilevanti sabiex din id-deċiżjoni tiġi kkwalifikata bħala att li jikkawża preġudizzju.

(ara l-punti 62 sa 64)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 8 ta’ Marzu 2007, Strack vs Il-Kummissjoni, C‑237/06 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 66; Il-Qorti Ġenerali 22 ta’ Marzu 2006, Strack vs Il-Kummissjoni, T‑4/05, ĠabraSP p. I‑A‑2‑83 u II‑A‑2‑361, punt 49

3.      Għandha tiġi mwarrba l-analoġija bejn id-deċiżjoni tal-OLAF li tintbagħat l-informazzjoni dwar uffiċjal lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat tad-Dixxiplina, li tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju. Fil-fatt, filwaqt li l-Kumitat tad-Dixxiplina jiddeċiedi dwar nuqqas eventwali tal-uffiċjal ikkonċernat fid-dawl, b’mod partikolari, tal-obbligi li jirriżultaw mir-Regolamenti tal-Persunal u, b’mod aktar ġenerali, mill-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, fejn l-opinjoni tiegħu hija intiża li twassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni mill-istituzzjoni li huwa parti minnha l-uffiċjal, deċiżjoni favorevoli jew sfavorevoli għal dan tal-aħħar, is-sitwazzjoni hija kompletament differenti fil-każ tad-deċiżjoni li tintbagħat informazzjoni, u dan peress li l-OLAF sempliċement jibgħat lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali informazzjoni li l-evalwazzjoni tagħha, mill-aspett tad-dritt kriminali, għandha ssir esklużivament mill-imsemmija awtoritajiet.

(ara l-punt 70)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 29 ta’ Jannar 1985, F. vs Il-Kummissjoni, 228/83, Ġabra p. 275