Language of document :

Appell ippreżentat fis-6 ta’ Frar 2023 mir-Repubblika tal-Awstrija mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fit-30 ta’ Novembru 2022 fil-Kawża T-101/18, Ir-Repubblika tal-Awstrija vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-59/23 P)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellant: Ir-Repubblika tal-Awstrija (rappreżentanti: M. Klamert u F. Koppensteiner bħala aġenti, kif ukoll H. Kristoferitsch, Rechtsanwalt)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Franċiża, l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Slovakka, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq

Talbiet

Ir-Repubblika tal-Awstrija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha,

tannulla kollha kemm hi s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Novembru 2022 fil-Kawża T-101/18, Ir-Repubblika tal-Awstrija vs Il-Kummissjoni Ewropea,

tilqa’ kollha kemm hi t-talba magħmula fl-ewwel istanza għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2112 tas-6 ta’ Marzu 2017 dwar il-miżura/l-iskema ta’ għajnuna/l-għajnuna mill-Istat SA.38454 — 2015/C (ex 2015/N) li l-Ungerija qed tippjana li timplimenta biex tappoġġja l-iżvilupp ta’ żewġ reatturi nukleari ġodda fl-impjant tal-enerġija nukleari Paks II 1 ,

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Ir-Repubblika tal-Awstrija tinvoka erba’ aggravji.

L-ewwel aggravju: assenza ta’ twettiq ta’ proċedura għall-għoti.

Is-sentenza appellata tidher li hija illegali sa fejn, bil-kontra tal-opinjoni legali tal-Qorti Ġenerali, l-assenza ta’ twettiq ta’ proċedura għall-għoti għandha impatt fuq il-proċedura ta’ għajnuna mill-Istat u tirrendi d-deċiżjoni kkontestata illegali.

It-tieni aggravju: natura sproporzjonata tal-miżura.

Is-sentenza appellata tikkonferma b’mod żbaljat li l-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni suffiċjenti tal-proporzjonalità. Dan jgħodd iktar u iktar għaliex, minn naħa, ma huwiex ċar f’hiex tikkonsisti eżattament il-miżura ta’ għajnuna u, min-naħa l-oħra, l-ekwivalent ta’ sussidju tagħha ma ġiex stabbilit.

It-tielet aggravju: distorsjoni sproporzjonata tal-kompetizzjoni u ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti.

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet b’mod żbaljat l-eżistenza ta’ distorsjoni sproporzjonata ta’ kompetizzjoni u l-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti. Il-Qorti Ġenerali injorat il-fatt li l-għeluq tal-impjant tal-enerġija nukleari Paks I kien ser jillibera kapaċitajiet ta’ enerġija li għalihom teżisti kompetizzjoni fis-suq tal-elettriku lliberalizzat. Barra minn hekk, Paks I u II kienu ser jiġu operati b’mod parallel għal iktar żmien milli ppjanat; l-indipendenza taż-żewġ impriżi ma hijiex iggarantita.

Ir-raba’ aggravju: stabbiliment insuffiċjenti tal-għajnuna.

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet b’mod żbaljat li l-elementi tal-għajnuna kienu ġew stabbiliti b’mod insuffiċjenti. L-assenza ta’ proċedura għall-għoti, l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż tal-iffinanzjar estern kif ukoll l-assenza ta’ kalkolu ta’ ekwivalent ta’ sussidju kollha jimmilitaw favur stabbiliment insuffiċjenti tal-ammont tal-għajnuna.

____________

1 ĠU 2017, L 317, p. 45.