Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vilniaus apygardos teismas (il-Litwanja) fis-27 ta’ Novembru 2023 – “Skycop.com” UAB vs Ryanair DAC

(Kawża C-716/23, Skycop.com)

Lingwa tal-kawża: il-Litwan

Qorti tar-rinviju

Vilniaus apygardos teismas

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: “Skycop.com” UAB

Konvenut: Ryanair DAC

Domandi preliminari

L-Artikolu 6(1)(iii) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 1 , moqri flimkien mal-Artikolu 8(1)(a) tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-passiġġieri li rrifjutaw li jaqbdu titjira li kienet iddewmet b’mill-inqas ħames sigħat u li ma kienx għad għandha skop għalihom għandhom dritt għall-kumpens previst fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, liema huma l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex tali passiġġier ikollu dritt għal kumpens skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004, jew inkella dan il-passiġġier għandu dritt għal kumpens irrispettivament mir-raġuni għalfejn irrifjuta li jieħu titjira li kienet iddewmet b’mill-inqas ħames sigħat?

____________

1  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10