Language of document : ECLI:EU:T:2004:198

         SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Ir-Raba' Awla)

30 ta' Ġunju 2004 (*)

"Trade mark Komunitarja – Trade mark verbali Mehr für Ihr Geld – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Karattru distintiv – Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94"

Fil-kawża T-281/02,

Norma Lebensmittelfilialbetrieb GmbH & Co. KG, stabbilita f'Nuremberg (Il-Ġermanja), irrappreżentata minn S. Rojahnu u S. Freytag, avocats,

rikorrenti

kontra

l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn D. Schennen, bħala aġent,

konvenut

li għandha bħala suġġett rikors magħmul kontra d-deċiżjoni tat-Tielet Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tat-3 ta' Lulju 2002 (Każ R 239/2002-3), dwar ir-reġistrazzjoni tat-trade mark verbali Mehr für Ihr Geld bħala trade mark Komunitarja,

 

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba' Awla),

komposta minn H. Legal, President, V. Tiili u M. Vilaras, Imħallfin,

Reġistratur : J. Plingers, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-18 ta' Settembru 2002,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-16 ta' Diċembru 2002,

wara s-seduta tat-3 ta' Marzu 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1       Fid-19 ta' Mejju 2000, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni għal trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat.

2       It-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali Mehr für Ihr Geld.

3       Il-prodotti u s-servizzi li għalihom saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark jaqgħu fil-klassijiet 3, 29, 30 u 35 skond il-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta' Prodotti u Servizzi għall-Finijiet tar-Reġistrazzjoni ta' Trade marks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda mill-klassijiet, għad-deskrizzjoni segwenti:

–       klassi 3: "Preparazzjonijiet ta' bliċ u sustanzi oħra għall-ħasil tal-ħwejjeġ; prodotti għat-tindif, għal-lustrar, biex togħrok u li joborxu; spapen; fwejjaħ, żjut essenzjali, kożmetiċi, oġġetti tat-twaletta (inklużi fil-klassi 3); lozjonijiet tax-xagħar, prodotti għall-kura tax-xagħar; prodotti deodorizzanti għal użu personali; tutpejst";

–       klassi 29: "Laħam, prieżet, ħut (inklużi krustaċji, frott tal-baħar bil-qoxra u molluski pproċessati), tjur u selvaġġina; laħam, prieżet, tjur, selvaġġina u ħut; estratti tal-laħam; frott, ħaxix, ħwawar u patata ppriżervati, imnixxfin, imsajrin, iffriżati jew ipproċessati, inklużi karawett, ġewż, lewż u ġewż ta' l-anakardju, anki bħala snacks; prodotti magħmulin mill-patata, jiġifieri ċipps, kroketti tal-patata, fritturi tal-patata, boċċi tal-patata u patata moqlija; ġelatina tal-laħam, tal-prieżet, tal-ħut, tal-frott u tal-ħaxix; marmellati u ġammijiet; bajd, ħalib, b'mod partikolari xorrox, ħalib qares, baqta, ħalib tal-bott u ħalib magħqud; butir, butir imdewweb, ġobon, b'mod partikolari ġobon abjad, ġobon ippreżervat, kefir, krema, jogurt (anki bil-frott), ħalib tat-trab għall-użu fl-ikel; deżerti magħmulin mill-ħalib, mill-jogurt, mill-quark, mill-ġelatina, mil-lamtu u/jew mill-krema; xorb mhux alkoħoliku tal-ħalib; żejt u xaħmijiet li jittieklu, inklużi l-marġerina u l-lardu; pejst magħmul mix-xaħam u minn taħlit ta' xaħmijiet; żjut għat-tisjir, xaħmijiet għat-tisjir, żjut u xaħmijiet tat-tisjir; laħmijiet, prieżet, ħut, frott u ħaxix ippreżervati; insalati u ikel iffriżat, ikel imħallat, ikel mhux misjur għal kollox (anki bil-mili) u ikel misjur, inkluż ikel ippreżervat, magħmul mil-laħam, mill-prieżet, mill-ħut, mit-tjur, mis-selvaġġina, mill-frott u mill-ħaxix ipproċessat, mil-legumi, mill-ġobon, mill-bajd, mill-patata, mill-għaġin, mir-ross, mill-qamħirrum, ikel u/jew prodotti tal-patata (inkluż dqiq tal-patata) anki biż-żieda tal-ħwawar u ta' zlazi (inklużi zlazi għall-insalata) u/jew bil-ħobż jew panini (per eżempju ħambergers u sandwiċijiet); torti, jiġifieri torti tal-laħam, torti mimlijin prinċipalment bil-laħam, bil-ħut, bil-frott u bil-ħaxix u forom vojta għat-torti; pikles imħalltin; estratti tal-brodu tal-laħam, dadi tal-brodu tal-laħam u preparazzjonijiet oħra magħmulin mill-brodu tal-laħam, b'mod partikolari trab tal-brodu tal-laħam, dadi tal-brodu tal-ħaxix; sopop lesti, sopop konċentrati u ħwawar għas-sopop f'għamla likwida, magħquda u mnixxfa, preparazzjonijiet għall-brodu f'forma ta' pejst, estratti tal-ħaxix li jintużaw ma' l-ikel u mal-laħam";

–       klassi 30: "Kafè, tè, kawkaw, zokkor (inklużi vanillin u zokkor tal-vanilja u destrosju għall-ikel), ross, tapjoka, sagu, sustanzi artifiċjali li jintużaw flok il-kafè, estratti tal-kafè u tat-tè; trab tal-kawkaw; xorb mhux alkoħoliku magħmul mill-kafè, mit-tè, mill-kawkaw u miċ-ċikkulata, inkluż ta' l-għamla instant; pudini, trab għall-pudini u għad-deżerti abbażi ta' pudina; dqiq u preparazzjonijiet magħmulin miċ-ċereali (bl-eċċezzjoni ta' l-ikel ta' l-annimali); popcorn, kornflejks għall-ikel; ċereali għall-ikel tal-bniedem, b'mod partikolari flejks tal-ħafur u flejks oħra ta' ċereali, partikolarment għall-kolazzjon, kif ukoll imħalltin ma' frott imnixxef (inkluż il-ġewż), maz-zokkor u/jew ma' l-għasel; dqiq tal-patata, smid; għaġin, ikel lest magħmul mill-għaġin u minn priżervi ta' għaġin; ħobż, gallettini, kejkijiet u ħelu ieħor; snacks ħelwin u/jew imħawra magħmulin minn ċereali, mill-kawkaw, mill-kejkijiet niexfa, miċ-ċikkulata, miz-zokkor, mill-għasel, mill-frott imnixxef, mill-ġewż, mill-prodotti tal-patata (inkluż id-dqiq tal-patata), mill-karawett, mil-lewż, mill-ġewż ta' l-anakardju u/jew mill-ħelu; kejkijiet u ħelu li jdumu ma jiskadu (anki b'mili ħelu u mħawwar), b'mod partikolari ħobż mixwi jqarmeċ, kejkijiet u gallettini żgħar; pizez, anki ppriżervati; ċikkulata; ħlewwiet, b'mod partikolari ċikkulata u ċikkulatini, anki mimlijin bil-frott, bil-kafè, b'xorb mhux alkoħoliku, bl-inbid u/jew bix-xorb alkoħoliku, kif ukoll bil-ħalib jew bil-prodotti tal-ħalib, b'mod partikolari l-jogurt; ġelat u ġelat tat-trab; ħlewwiet, b'mod partikolari ħelu u ċjuwing-gamm mhux għal użu mediku; pastarjali; għasel, krema magħmula minn invert sugar (taħlita ta' fructose u glukosju), ġulepp tal-frott, għasel iswed; pejst tal-kawkaw, pejsts magħmulin miz-zokkor, mill-kawkaw, mill-qubbajt, mill-ħalib u/jew mix-xaħmijiet; ħmira, trab tal-ħami, essenzi għat-tisjir fil-forn (bl-esklużjoni taż-żjut essenzjali); melħ, mustarda, bżar, ħall, zlazi (inklużi z-zlazi għall-insalata), zlazi tat-trab u estratti taz-zlazi (inklużi dawk taz-zlazi għall-insalata), zlazi għall-insalata; majoneż; keċap, ħwawar u ħwawar imħallta; silġ";

–       klassi 35:" Reklamar, promozzjoni ta' bejgħ, konsulenzi fil-kamp tal-bejgħ u x-xiri, riċerka u analiżi tas-suq; konsulenzi azjendali, fir-rigward ta' organizzazzjoni, ta' persunal u ta' tmexxija tan-negozju; reklamar; dokumentazzjoni għar-reklamar; konsulenzi fir-rigward tad-disinn ta' ġewwa ta' bini kummerċjali u ħwienet għal skop ta' reklamar, tiżjin tal-vetrini; għoti ta' informazzjoni u ta' know-how fil-qasam tal-bejgħ u tan-negozju, b'mod partikolari fis-settur ta' l-ikel; kontabbiltà, negozjar u konklużjoni ta' ftehim kummerċjali, negozjar ta' kuntratti ta' bejgħ u ta' xiri ta' merkanzija; distribuzzjoni ta' kampjuni ".

4       Permezz ta' deċiżjoni tat-18 ta' Jannar 2002, l-eżaminatur irrifjuta l-applikazzjoni għal trade mark għar-raġuni li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni kienet deskrittiva u mhux distintiva skond it-tifsira ta' l-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 40/94.

5       Fil-15 ta' Marzu 2002, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-UASI, skond l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94, kontra d-deċiżjoni ta' l-eżaminatur.

6       Permezz ta' deċiżjoni tat-3 ta' Lulju 2002 (iktar 'il quddiem "id-deċiżjoni kkontestata"), it-Tielet Bord ta' l-Appell annulla d-deċiżjoni ta' l-eżaminatur fil-parti fejn din irrifjutat l-applikazzjoni għal trade mark għas-servizzi li jaqgħu fil-klassi 35. Il-Bord ta' l-Appell ċaħad il-bqija ta' l-appell.

7       Għal dak li jirrigwarda l-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 3, 29 u 30, il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra, essenzjalment, li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, minn naħa waħda, kienet tikkonsisti esklużivament minn indikazzjonijiet deskrittivi u, min-naħa l-oħra, ma kellhiex karattru distintiv.

 Talbiet tal-partijiet

8       Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–       tannulla d-deċiżjoni kkontestata safejn tikkonferma r-rifjut ta' l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni għall-klassijiet 3, 29 u 30;

–       tordna lill-UASI jbati l-ispejjeż.

9       L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prin'Istanza sabiex:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

10     Ir-rikorrenti tinvoka żewġ raġunijiet ibbażati, rispettivament, fuq il-ksur ta' l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94 u l-ksur ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Huwa xieraq li t-tieni raġuni tiġi eżaminata l-ewwel.

 L-argumenti tal-partijiet

11     Ir-rikorrenti ssostni li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni Mehr für Ihr Geld tippossjedi d-distintività minima mitluba mill-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

12     Il-konsumatur iqis is-sinjal Mehr für Ihr Geld bħala ħaġa sħiħa u bħala indikazzjoni ta' l-impriża partikolari li minnha joriġinaw il-prodotti u s-servizzi li għalihom japplika s-sinjal. Huwa preċiżament għaliex is-sinjal huwa fl-għamla ta' dikjarazzjoni diretta, li tfisser "jekk tixtru minn għandna, tiksbu aktar għal fluskom!", li l-konsumatur medju jarah, mhux tant bħala indikazzjoni tal-kwalità ta' prodott daqskemm bħala indikazzjoni tal-vantaġġi li jistgħu jinkisbu jekk jixtri mingħand l-utilizzatur ta' dan l-islogan.

13     Barra minn hekk, skond ir-rikorrenti, peress illi t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni Mehr für Ihr Geld hija qasira u tiġbed l-attenzjoni, il-konsumatur huwa kurjuż biex isir jaf x'inhu dan l-"aktar", b'tali mod li l-islogan jibqa' stampat fil-memorja tiegħu u għandu l-funzjoni ta' indikazzjoni ta' l-oriġini. L-islogan juża, b'mod oriġinali, l-ambivalenza bejn il-kelma "mehr" ("aktar"), li mhuwiex speċifiku, u, għalhekk, it-tifsira tiegħu mhijiex ċara, u l-kliem "Ihr Geld" ("fluskom"), li, għall-konsumatur, jinftiehmu aħjar u għandhom tifsira aktar personali.

14     Il-fatt li l-islogan in kwistjoni huwa kostitwit minn elementi komuni, komprensibbli u li diġà ntużaw f'diversi okkażjonijiet fil-kummerċ mhuwiex rilevanti għall-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, peress illi l-liġi tat-trade marks ma tipproteġix l-elementi individwali tat-trade mark u peress li hija dejjem għandha tiġi kkunsidrata bħala ħaġa sħiħa. Skond ir-rikorrenti, il-fatt li ċertu kliem ta' l-islogan "mehr für Ihr Geld" kultant jintuża b'mod deskrittiv fir-reklami tal-prodotti u s-servizzi koperti ma jiġġustifikax ir-rifjut ta' l-applikazzjoni għal trade mark fuq il-bażi tan-nuqqas ta' karattru distintiv. Fil-fatt, fl-abbinament konkret ta' dan il-kliem, li hu indirizzat direttament lill-konsumatur li huwa d-destinatarju tar-reklami, is-sinjal jinftiehem, bħal fil-każ ta' trade mark "tad-ditta", bħala indikazzjoni ta' l-oriġini kummerċjali tal-prodotti u mhux biss bħala indikazzjoni ta' kwalità partikolari ta' dawn il-prodotti.

15     Ir-rikorrenti żżid li, minħabba li ­t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni hi qasira, tiġbed l-attenzjoni u hi ambivalenti, il-konsumatur fiha ħa jsib, għalkemm dan mhuwiex meħtieġ biex tingħeleb ir-raġuni għar-rifjut, kunċett sħiħ li joħloq effett ta' sorpriża u għalhekk ta' identifikazzjoni. L-interpretazzjoni ta' l-element "mehr" ("aktar"), li jqanqal il-kurżità, flimkien ma' l-indikazzjoni "Ihr Geld" ("fluskom"), tipproduċi effett ta' stagħġib u stranezza għall-konsumatur fil-kuntest ta' slogan li jikkomunika dikjarazzjoni pubbliċitarja pożittiva, b'mod li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għandha, fit-totalità tagħha, tiġi kkunsidrata bħala distintiva skond it-tifsira tal-ġurisprudenza [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-11 ta' Diċembru 2001, Erpo Möbelwerk vs l-UASI (DAS PRINZIP DER BEQUEMLICHKEIT), T-138/00, Ġabra p. II‑3739].

16     Skond ir-rikorrenti, it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni ser tkun ipperċepita bħala trade mark "tad-ditta" u ser tippermetti lill-konsumatur jifhem il-valur akbar tal-prodott mixtri fil-ħwienet tar-rikorrenti minħabba n-natura qasira u li tiġbed l-attenzjoni tal-formulazzjoni tagħha, li tikkostitwixxi appell dirett u personali, u t-tifsira vaga tagħha. Hija tikkontesta l-affermazzjoni ta' l-eżaminatur li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni ma fiha ebda element immaġinattiv. Din l-evalwazzjoni ma tippermettix li jiġi konkluż li hemm nuqqas ta' karattru distintiv.

17     Minbarra dan, ir-rikorrenti tosserva li l-eżempji kollha ta' l-użu tas-sinjal in kwistjoni jew ta' l-elementi tiegħu, invokati mill-eżaminatur, jixhdu użu deskrittiv ta' elementi tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni jew tal-varjazzjonijiet tagħha. Madankollu, l-impriżi li jikkompetu mar-rikorrenti jkunu liberi li jagħmlu użu deskrittiv minnha anki wara r-reġistrazzjoni.

18     Barra minn hekk, ir-rikorrenti tinvoka deċiżjoni tal-Bundesgerichtshof, Partner with the best (Markenrecht 2000, p. 50 u 51), fejn ġie deċiż li l-preżenza ripetuta ta' diversi kliem ta' slogan pubbliċitarju jew ta' slogan pubbliċitarju simili, per eżempju fuq paġni ta' l-internet, ma tistax twassal għal evalwazzjoni kuntrarja, peress illi, bħala prinċipju, it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għandha tkun evalwata kollha kemm hi u, konsegwentement, tiftix ta' dokumenti li fihom jidhru l-kliem differenti f'indikazzjonijiet deskrittivi ma jistax iwassal għal konklużjoni dwar il-frekwenza ta' l-użu ta' din it-trade mark. Dan japplika wkoll għal trade mark Komunitarja.

19     Konsegwentement, it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni Mehr für Ihr Geld ma tistax tiġi kkunsidrata, għall-klassijiet 3, 29 u 30, bħala sinjal li mhuwiex ta' karattru distintiv.

20     L-UASI jsostni li l-Bord ta' l-Appell kien fondat meta kkunsidra li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni ma kinitx distintiva għall-prodotti li hija tkopri fil-konfront tal-pubbliku rilevanti.

21     L-UASI jfakkar li kull trade mark li għaliha ssir applikazzjoni għal reġistrazzjoni għandha mhux biss ikollha karattru distintiv, iżda għandha tkun adatta wkoll biex taqdi l-funzjoni ta' indikazzjoni ta' l-oriġini. L-UASI jafferma li huwa dejjem ikkunsidra li l-kwalità ta' slogan pubbliċitarju ma tostakolax lil trade mark milli tingħata protezzjoni bħala tali, bħalma ma tiġġustifikax l-applikazzjoni ta' kriterji ta' evalwazzjoni aktar stretti għall-eżami tar-raġunijiet assoluti għal rifjut [ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-4 ta' Ottubru 2001, Merz & Krell, C-517/99, Ġabra p. I‑6959, punt 40, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-5 ta' Diċembru 2002, Sykes Enterprises vs l-UASI (REAL PEOPLE, REAL SOLUTIONS), T-130/01, Ġabra p. II‑5179, punt 19]. Madankollu, din il-perspettiva ma tfissirx li għandu jiġi injorat l-effett li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni tipproduċi fuq il-konsumatur ikkonċernat. Għall-kuntrarju, skond l-UASI, dan għandu jittieħed in kunsiderazzjoni safejn hija involuta l-kwistjoni li jiġi stabbilit jekk it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni, dejjem sakemm hija tkun effettivament użata, tkunx se tiġi perċepita mill-pubbliku kkonċernat bħala indikazzjoni ta' l-oriġini jew le.

22     L-UASI jikkontesta l-affermazzjoni tar-rikorrenti li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni Mehr für Ihr Geld ("aktar għal fluskom") jista' jkollha rwol ta' indikazzjoni ta' l-oriġini. Skond l-UASI, din it-trade mark hija sempliċi, banali u direttament aċċessibbli. Is-sens ġenerali tal-messaġġ li hija tagħti jikkoinċidi eżattament ma' l-informazzjoni li l-konsumatur jista' jieħu minnha, jiġifieri li l-klijent ikun jista' jixtri "aktar" bħala korrispettiv għal flusu. It-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għalhekk tillimita ruħha biex tiġbed l-attenzjoni fuq offerta partikolarment vantaġġjuża.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

23     Skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, ma jistgħux jiġu rreġistrati "trade marks li mhumiex ta' karattru distintiv". Barra minn hekk, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 40/94 jistipula li "[i]l-paragrafu 1 għandu japplika minkejja li r-raġunijiet li jwasslu biex trade mark ma tiġix reġistrata japplikaw biss f'parti mill-Komunità".

24     Is-sinjali li mhumiex ta' karattru distintiv imsemmija fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 huma kkunsidrati bħala mhux kapaċi li jaqdu l-funzjoni essenzjali tat-trade mark, jiġifieri dik li tidentifika l-oriġini tal-prodott jew servizz, sabiex b'hekk il-konsumatur li jkun akkwista l-prodott jew servizz kopert mit-trade mark ikun jista', meta jiġi biex jerġa' jakkwistah, jagħmel l-istess għażla jekk l-esperjenza tkun waħda pożittiva jew jagħmel għażla differenti jekk din tkun waħda negattiva [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-27 ta' Frar 2002, Rewe-Zentral vs l-UASI (LITE), T-79/00, Ġabra p. II‑705, punt 26]. Dan huwa l-każ, b'mod partikolari, tas-sinjali li huma użati komunement għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti jew is-servizzi kkonċernati [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-3 ta' Lulju 2003, Best Buy Concepts vs l-UASI (BEST BUY), T-122/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 20].

25     Madankollu, ir-reġistrazzjoni ta' trade mark komposta minn sinjali jew indikazzjonijiet li huma użati wkoll bħala slogans pubbliċitarji, indikazzjonijiet ta' kwalità jew espressjonijiet li jħeġġu x-xiri tal-prodotti jew servizzi koperti minn din it-trade mark mhijiex per se eskluża, minħabba tali użu (ara, b'analoġija, is-sentenza Merz & Krell, iċċitata iktar 'il fuq, punt 40). Iżda sinjal li jaqdi funzjonijiet differenti minn dik ta' trade mark fis-sens tradizzjonali huwa distintiv biss, fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, jekk jista' jiġi pperċepit immedjatament bħala indikazzjoni ta' l-oriġini kummerċjali tal-prodotti jew servizzi koperti sabiex il-pubbliku rilevanti jkun jista' jiddistingwi, mingħajr ebda possibbiltà ta' konfużjoni, il-prodotti jew servizzi tal-proprjetarju tat-trade mark minn dawk li għandhom oriġini kummerċjali differenti (sentenza BEST BUY, iċċitata iktar 'il fuq, punt 21).

26     Il-karattru distintiv ta' sinjal jista' jiġi evalwat biss, minn naħa waħda, billi jiġi pparagunat mal-prodotti jew servizzi li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni u, min-naħa l-oħra, billi jiġi pparagunat mal-perċezzjoni li l-pubbliku relevanti għandu tas-sinjal (sentenza BEST BUY, iċċitata iktar 'il fuq, punt 22).

27     F'dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li l-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni huma prodotti kożmetiċi u għat-tindif u prodotti ta' l-ikel ta' kuljum intiżi għall-konsumaturi kollha. Konsegwentement, il-pubbliku li għalih huma mmirati l-prodotti huwa meqjus li huwa l-konsumatur medju, infurmat normalment u raġonevolment attent u prudenti. Barra minn hekk, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 40/94, il-pubbliku li għalih huma mmirati l-prodotti li, fil-konfront tiegħu, għandha tiġi evalwata r-raġuni assoluta għar-rifjut huwa pubbliku li jitkellem bil-Ġermaniż, peress li s-sinjal verbali in kwistjoni huwa kompost minn elementi tal-lingwa Ġermaniża [ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-27 ta' Frar 2002, Ellos vs l-UASI (ELLOS), T-219/00, Ġabra p. II‑753, punti 30 u 31, u tal-15 ta' Ottubru 2003, Nordmilch vs l-UASI (OLDENBURGER), T-295/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 35].

28     Fir-rigward, imbagħad, tal-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, il-Bord ta' l-Appell ikkonstata, fil-punt 36 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-islogan rivendikat ma kellux il-karattur distintiv minimu mitlub, peress illi, fl-ambjent kummerċjali kkonċernat, huwa jinftiehem bħala sempliċi indikazzjoni tal-kwalità speċifika tal-prodotti proposti u mhux bħala trade mark li tindika l-impriża li minnha joriġinaw. Dan jirriżulta mill-fatt li, bħala slogan komuni u normali li m'għandux elementi addizzjonali distintivi, dan is-sinjal m'għandux karattru distintiv.

29     Għandu jiġi rrilevat li l-Bord ta' l-Appell għamel analiżi korretta tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni. Fil-fatt, it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni tkun immedjatament ipperċepita mill-pubbliku li għalih huma mmirati l-prodotti bħala sempliċi formula promozzjonali jew slogan li jindika li l-prodotti in kwistjoni joffru, għall-konsumaturi, vantaġġ f'termini ta' kwantità u/jew ta' kwalità meta pparagunati ma' prodotti li qegħdin f'kompetizzjoni magħhom (ara, f'dan is-sens, is-sentenza BEST BUY, iċċitata iktar 'il fuq, punt 29). F'dan ir-rigward, l-element "mehr" ("aktar") huwa terminu ta' tifħir ta' natura pubbliċitarja, li għandu l-funzjoni li jenfasizza l-kwalitajiet pożittivi tal-prodotti jew servizzi li għall-preżentazzjoni tagħhom jintuża dan l-element [ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta' Novembru 2002, Bosch vs l-UASI (Kit Pro u Kit Super Pro), T-79/01 u T-86/01, Ġabra p. II‑4881, punt 26].

30     Barra minn hekk, ir-rikorrenti stess indikat li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni toħloq f'moħħ il-konsumatur l-idea ġenerali li, meta huwa jixtri l-prodotti koperti minnha, huwa jikseb "aktar għal flusu".

31     F'dan ir-rigward, mhuwiex rilevanti l-argument tar-rikorrenti li l-konsumatur mhuwiex informat dwar il-kontenut jew in-natura tal-prodotti offerti b'din it-trade mark, għax ma jafx għalxiex jirreferi dan l-"aktar". Fil-fatt, biex jiġi kkonstatat in-nuqqas ta' karattru distintiv, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-kontenut semantiku tas-sinjal verbali in kwistjoni jindika lill-konsumatur karatteristika tal-prodott relatata mal-valur kummerċjali tiegħu li, mingħajr ma tkun preċiża, tkun ġejja minn informazzjoni ta' natura promozzjonali jew pubbliċitarja li l-pubbliku rilevanti jipperċepixxi fl-ewwel lok bħala tali, aktar milli bħala indikazzjoni ta' l-oriġini kummerċjali tal-prodotti (ara, f'dan is-sens, is-sentenza REAL PEOPLE, REAL SOLUTIONS, iċċitata iktar 'il fuq, punti 29 u 30). Minbarra dan, is-sempliċi nuqqas ta' informazzjoni, fis-sinjal verbali Mehr für Ihr Geld, fuq in-natura tal-prodotti koperti ma jistax ikun biżżejjed biex jagħti karattru distintiv lil dan is-sinjal (ara, f'dan is-sens, is-sentenza BEST BUY, iċċitata iktar 'il fuq, punt 30).

32     Barra minn hekk, it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni Mehr für Ihr Geld m'għandhiex elementi li jistgħu, lil hinn mit-tifsira promozzjonali evidenti, jgħinu lill-pubbliku rilevanti jimmemorizzaha faċilment u immedjatament bħala trade mark distintiva għall-prodotti koperti. Anki li kieku t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni kellha tintuża waħedha, mingħajr ebda sinjali jew trade marks oħra, il-pubbliku rilevanti ma jkunx jista', mingħajr ma jkun ġie mgħarraf minn qabel, jipperċepiha b'mod differenti mis-sens promozzjonali tagħha (sentenza REAL PEOPLE, REAL SOLUTIONS, iċċitata iktar 'il fuq, punt 28).

33     Fir-rigward ta' l-argument ibbażat mir-rikorrenti fuq is-sentenza DAS PRINZIP DER BEQUEMLICHKEIT, iċċitata iktar 'il fuq, li trade mark bħal dik li għaliha saret applikazzjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala distintiva, huwa biżżejjed li jiġi indikat li, skond il-ġurisprudenza sussegwenti għal din is-sentenza, it-trade marks koperti mill-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 huma mhux biss dawk li huma użati komunement, fil-kummerċ, għall-preżentazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati, iżda wkoll dawk li fil-konfront tagħhom teżisti biss is-sempliċi possibbiltà li jsir tali użu minnhom (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Kit Pro u Kit Super Pro, iċċitata iktar 'il fuq, punt 19, u l-ġurisprudenza ċċitata). Meta l-Bord ta' l-Appell essenzjalment ikkonstata, fil-punt 31 tad-deċiżjoni kkontestata, li "bil-kliem qosra u konċiżi tagħha, abbinati b'mod sempliċi ħafna", it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni tindika lill-konsumaturi li l-prodotti koperti joffru vantaġġ f'termini ta' kwantità u/jew ta' kwalità, huwa wera b'mod adegwat fid-dritt li din it-trade mark tista' tintuża komunement fil-kummerċ, għall-preżentazzjoni tal-prodotti kkonċernati.

34     F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li hemm lok li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni tkun perċepita mill-pubbliku rilevanti fl-ewwel lok bħala slogan promozzjonali, minħabba t-tifsira tagħha, iktar milli bħala trade mark, u li għaldaqstant, mhijiex ta' karattru distintiv.

35     Għal dak li jikkonċerna r-reġistrazzjoni ta' l-islogan "Partner with the best" fil-Ġermanja, invokata mir-rikorrenti, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, minn naħa waħda, is-sistema Komunitarja tat-trade marks hija awtonoma u, min-naħa l-oħra, il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta' l-Appell għandha tiġi evalwata biss fuq il-bażi tar-Regolament Nru 40/94 u mhux fuq il-bażi ta' prattika deċiżjonali preċedenti ta' l-UASI [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-16 ta' Frar 2000, Procter & Gamble vs l-UASI (Forma ta' sapuna), T-122/99, Ġabra p. II‑265, punti 60 u 61; tal-5 ta' Diċembru 2000, Messe München vs l-UASI (electronica), T-32/00, Ġabra p. II‑3829, punti 46 u 47; tas-27 ta' Frar 2002, Streamserve vs l-UASI (STREAMSERVE), T-106/00, Ġabra p. II‑723, punt 66, u s-sentenza REAL PEOPLE, REAL SOLUTIONS, iċċitata iktar 'il fuq, punt 31]. Għaldaqstant, l-UASI la hija marbuta mir-reġistrazzjonijiet nazzjonali u lanqas mid-deċiżjonijiet preċedenti tagħha.

36     Konsegwentement, it-tieni raġuni tar-rikorrenti għandha tiġi miċħuda.

37     Kif jirriżulta mill-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 40/94, huwa biżżejjed li tapplika waħda mir-raġunijiet assoluti għar-rifjut elenkati sabiex is-sinjal ma jkunx jista' jiġi rreġistrat bħala trade mark Komunitarja [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Settembru 2002, DKV vs l-UASI, C-104/00 P, Ġabra p. I‑7561, punt 29; sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-31 ta' Jannar 2001, Mitsubishi HiTec Paper Bielefeld vs l-UASI (Giroform), T-331/00, Ġabra p. II‑433, punt 30, u tas-27 ta' Novembru 2003, Quick vs l-UASI (Quick), T-348/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 37]. F'dawn iċ-ċirkustanzi, m'hemmx lok li tiġi eżaminata r-raġuni bbażata fuq il-ksur ta' l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94.

38     Konsegwentement, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

39     Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż ta' l-UASI, skond it-talbiet ta' dan ta' l-aħħar.

Ghal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla )

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż.

Legal

Tiili

Vilaras

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussembrugu, fit-30 ta' Ġunju 2004.

H. Jung

 

       H. Legal

Reġistratur

 

       President


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.