Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Novembru 2013 – BASF AGRO et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-584/13)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: BASF Agro BV (Arnhem, il-Pajjiżi l-Baxxi); BASF SE (Ludwigshafen am Rhein, il-Ġermanja); BASF Belgium Coordination Center (Antwerpen, il-Belġju); BASF Española, SL (Barcelona, Spanja); BASF Italia SpA (Cesano Maderno, l-Italja); BASF Nederland BV (Arnhem); u BASF Slovensko spol. s r. o. (Bratislava, is-Slovakkja) (rappreżentanti: J. Montfort u M. Peristeraki, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 781/2013, tal-14 ta’ Awwissu 2013, li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva fipronil u li jipprojbixxi l-użu u l-bejgħ ta’ żrieragħ trattati bi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom din is-sustanza attiva (ĠU L 219, p. 22);

Sussidjarjament, u biss jekk it-talbiet imressqin iktar ’il fuq ma jintlaqgħux, tannulla r-regolament ikkontestat, sa fejn tirtira l-awtorizzazzjoni għall-użu u għall-bejgħ taż-żerriegħa tal-ġirasol ittrattati bil-fipronil;

tikkundanna lill-konvenuti għall-ispejjeż tar-rikorrenti f’dawn il-proċeduri.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw seba’ motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 1 peress billi adottat ir-regolament ikkontestat ma bbażatx ruħha fuq għarfien xjentifiku jew tekniku ġdid iżda iktar fuq data li hija “ferm kontroversjali”. Il-Kummissjoni injorat ukoll id-data ta’ monitoraġġ rilevanti. Id-data ta’ monitoraġġ li kienet disponibbli ma turi l-ebda effetti negattivi fuq il-kolonji tan-naħal Ir-rikorrenti sostnew ukoll li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li l-kriterji tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 ma baqgħux jiġu sodisfatti mis-sustanza attiva fipronil.

It-tieni motiv, ibbażat fuq li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 49 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 peress li mar-regolament ikkontestat hija adottat miżuri restrittivi fuq żriegħragħ ittrattati bil-fipronil mingħajr ma uriet li dawn iż-żriegħragħ ittrattati jistgħu jikkostitwixxu “riskju serju” għan-naħal li ma jistax jinżamm b’mezzi oħra. Barra minn hekk, il-Kummissjoni naqset li tieħu inkunsiderazzjoni miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju li jistgħu jżommu r-riskji allegati b’mod sodisfaċenti.

It-tielet motiv, ibbażat fuq li r-regolament ikkontestat ġie adottat abbażi tal-metodoloġija pprovduta f’abbozzi ta’ dokumenti gwida minflok il-gwida eżistenti u approvata. B’dan il-mod, il-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ liġi, u kisret il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi peress li d-dokumenti gwida għandhom ikunu disponibbli u maqbula ex ante, qabel l-evalwazzjoni tal-approvazzjoni ta’ sustanza attiva, u mhux ex post.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq li r-regolament ikkontestat ma jistax jiġi ġġustifikat abbażi tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, peress li l-kundizzjonijiet ta’ dak il-prinċipju ma humiex sodisfatti f’dan il-każ. Iktar preċiżament, ir-rikorrenti jsostnu li r-riskji li l-Kummissjoni kkunsidrat bħala rilevanti kienu bbażati fuq sempliċi ipoteżijiet li ma ġewx xjentifikament ikkonfermati; id-data rilevanti ma ġietx ikkunsidrata; l-evalwazzjoni tar-riskju tal-Kummissjoni kienet ibbażata fuq metodoloġija żbaljata; filwaqt li l-Kummissjoni naqset li tinvolvi lir-rikorrenti fl-istadju tal-ġestjoni tar-riskju, kif kellha tagħmel. Dan wassal għall-adozzjoni ta’ miżuri sproporzjonati u inkonsistenti mar-regolament ikkontestat.Il-ħames motiv, ibbażat fuq li r-regolament ikkontestat jimponi restrizzjonijiet eċċessivi fuq it-trattament bil-fipronil fuq iż-żerriegħa mingħajr ma dawn huma xierqa jew neċessarji sabiex tiġi protetta s-saħħa tan-naħal fl-UE. Ir-rikorrenti jirrimarkaw ukoll li fir-rigward tal-ġirasoli b’mod partikolari, il-Kummissjoni naqset milli tikkunsidra li t-trattamnt bil-fipronil qatt ma kellu konsegwenzi negattivi fuq is-saħħa tan-naħla.Is-sitt motiv, ibbażat fuq il-fatt li minħabba ż-żmien qasir li fih ir-regolament ikkontestat ġie adottat u l-kumplessità tal-każ, il-Kummissjoni ma setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni l-kummenti sostanttivi u ddettaljati tar-rikorrenti fuq l-aspetti tekniċi, regolatorji u xjentifiċi tal-“konklużjoni dwar ir-reviżjoni bejn il-pari tal-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi għan-naħal għas-sustanza attiva fipronil” tal-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà tal-Ikel, b’mod effettiv.Is-seba’ motiv, ibbażat fuq li l-Kummissjoni naqset milli tispjega b’mod xieraq it-tħassib li wassluha li titlob lill-EFSA biex tirrevedi l-approvazzjoni ta’ fipronil. Il-Kummissjoni naqset ukoll li tispjega għaliex ċaħdet l-argumenti u l-provi prodotti mir-rikorrenti. Ir-regolament ikkontestat jonqos ukoll li jiżvela b’mod ċar l-għan ewlieni mixtieq mill-Kummissjoni bl-adozzjoni tiegħ

u.