Language of document : ECLI:EU:T:2023:822

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)

20 ta’ Diċembru 2023 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Għajnuna mogħtija minn Franza lil Air France fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 – Garanzija mill-Istat għal self bankarju u self subordinat tal-Istat – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern – Rikors għal annullament – Locus standi – Ħsara sostanzjali għall-pożizzjoni tar-rikorrent fis-suq – Ammissibbiltà – Determinazzjoni tal-benefiċjarju tal-għajnuna fil-kuntest ta’ grupp ta’ kumpanniji”

Fil-Kawża T‑216/21,

Ryanair DAC, stabbilita fi Swords (l-Irlanda),

Malta Air ltd., stabbilita fil-Pietà (Malta),

irrappreżentati minn F.-C. Laprévote, E. Vahida, V. Blanc, S. Rating, I.‑G. Metaxas-Maranghidis u D. Pérez de Lamo, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn, J. Carpi Badía u C. Georgieva, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn P.-L. Krüger, bħala aġent,

minn

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn T. Stéhelin, P. Dodeller, T. Lechevallier u B. Fodda, bħala aġenti,

minn

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn M. Bulterman, J. Langer u C. Schillemans, bħala aġenti, assistiti minn S. Corrijn, avukat,

minn

Air France-KLM, stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn J. Derenne u D. Vallindas, avukati,

u minn

Société Air France, stabbilita fi Tremblay-en-France (Franza), irrappreżentata minn J. Derenne u D. Vallindas,

intervenjenti,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża),

komposta minn M. van der Woude, President, A. Kornezov (Relatur), G. De Baere, D. Petrlík u S. Kingston, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tat‑22 ta’ Mejju 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħhom ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Ryanair DAC u Malta Air ltd., jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 2983 final tal‑4 ta’ Mejju 2020 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.57082 (2020/N) – Franza – COVID-19 – Qafas Temporanju 107(3)(b) – Garanzija u self minn azzjonist għall-benefiċċju ta’ Air France, kif ikkoreġuta bid-Deċiżjonijiet C(2020) 9384 final tas‑17 ta’ Diċembru 2020, u C(2021) 5701 final tas‑26 ta’ Lulju 2021 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Ilfatti li wasslu għallkawża u lfatti sussegwenti għallpreżentata tarrikors

2        Société Air France (iktar ’il quddiem “Air France”) tagħmel parti mill-grupp Air France-KLM. Il-kumpannija Air France-KLM (iktar ’il quddiem il-“kumpannija holding Air France-KLM”) tmexxi l-grupp. Skont id-deċiżjoni kkontestata, dan il-grupp jinkludi, barra minn hekk, b’mod partikolari, Koninklijke Luchtvaart Maatschappij NV (iktar ’il quddiem “KLM”), “Air France-KLM International Mobility (Suisse)”, “Blueteam V (France)”, “BigBlank (France)”, “Air France-KLM Finance (France)” u “Transavia Company (France)”.

3        Skont id-deċiżjoni kkontestata, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandhom rispettivament 14.3 % u 14 % tal-kapital tal-kumpannija holding Air France-KLM, filwaqt li r-Repubblika Franċiża għandha wkoll 21 % tad-drittijiet ta’ vot f’din tal-aħħar. Min-naħa tagħha, il-kumpannija holding Air France-KLM għandha 100 % tal-azzjonijiet ta’ Air France u, direttament u indirettament, 93.84 % tal-kapital azzjonarju ta’ KLM. L-imsemmija kumpannija holding għandha wkoll 99.7 % tad-drittijiet ekonomiċi, jiġifieri tad-drittijiet għad-dividendi, u 49 % tad-drittijiet ta’ vot ta’ KLM. L-istess kumpannija holding għandha 100 % tal-azzjonijiet tas-sussidjarji l-oħra elenkati fil-punt 2 iktar ’il fuq.

4        Fl‑24 ta’ April 2020, ir-Repubblika Franċiża kkomunikat lill-Kummissjoni Ewropea, skont l-Artikolu 108(3) TFUE, proġett ta’ għajnuna individwali favur Air France fil-forma, minn naħa, ta’ garanzija mill-Istat ta’ 90 % fuq self li jammonta għal EUR 4 biljuni mogħti minn konsorzju ta’ banek (iktar ’il quddiem, rispettivament, il-“garanzija mill-Istat” u s-“self iggarantit mill-Istat”) u, min-naħa l-oħra, ta’ self minn azzjonist li jammonta għal massimu ta’ EUR 3 biljuni (iktar ’il quddiem is-“self minn azzjonist”) (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“miżura inkwistjoni”).

5        Fl‑4 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2020) 2983 final tagħha, li permezz tagħha hija kkonkludiet li l-miżura inkwistjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE u l-Avviż tal-Kummissjoni tad‑19 ta’ Marzu 2020, intitolata “Qafas Temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex jingħata sostenn lill-ekonomija matul it-tifqigħa preżenti tal-COVID-19” (ĠU 2020, C 91 I, p. 1), kif emendat fl‑4 ta’ April 2020 (ĠU 2020, C 112 I, p. 1) (iktar ’il quddiem il-“Qafas Temporanju”).

6        Il-Kummissjoni qieset, fil-punt 21 tad-Deċiżjoni tagħha C(2020) 2983 final tal‑4 ta’ Mejju 2020, li l-benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni kienu Air France u s-sussidjarji li hija kienet tikkontrolla. Għall-kuntrarju, la l-kumpannija holding Air France-KLM u lanqas is-sussidjarji l-oħra tagħha, inkluż KLM u l-kumpanniji li din tal-aħħar kienet tikkontrolla, ma tqiesu li kienu benefiċjarji ta’ din il-miżura.

7        Il-miżura inkwistjoni taqa’ fil-kuntest ta’ sensiela ta’ miżuri oħra ta’ għajnuna mill-Istat intiżi li jsostnu s-settur tal-avjazzjoni u, b’mod iktar partikolari, il-kumpanniji li jagħmlu parti mill-grupp Air France-KLM.

8        B’mod partikolari, permezz tad-Deċiżjoni C(2020) 4871 final tat‑13 ta’ Lulju 2020 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.57116 (2020/N) – Il-Pajjiżi l-Baxxi – COVID-19 Garanzija ta’ self mill-Istat u self mill-Istat lil KLM, il-Kummissjoni ddikjarat li għajnuna individwali mogħtija mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi lil KLM li tikkonsisti, minn naħa, f’garanzija mill-Istat li tirrigwarda 90 % ta’ self mogħti lil KLM minn konsorzju ta’ banek, ta’ ammont massimu ta’ EUR 2.4 biljuni, u, min-naħa l-oħra, f’self mill-Istat li jammonta għal massimu ta’ EUR 1 biljun, kienet kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE u l-Qafas Temporanju.

9        Fis‑17 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni wettqet l-ewwel korrezzjoni tad-Deċiżjoni C(2020) 2983 final tagħha tal‑4 ta’ Mejju 2020 permezz tad-Deċiżjoni C(2020) 9384 final. Fil-fehma tagħha, il-korrezzjonijiet kienu neċessarji sabiex jiġi kkorreġut żball fid-deskrizzjoni tal-fatti, b’mod partikolari fir-rigward tar-riferimenti għal Air France minflok għall-“grupp Air France” (punti 5 sa 10 ta’ din l-aħħar deċiżjoni). Barra minn hekk, ġie miżjud punt 3.3.4 ġdid sabiex tiġi eżaminata, “għall-finijiet ta’ kompletezza”, il-kompatibbiltà tal-effett kumulattiv taż-żewġ elementi tal-miżura inkwistjoni u l-ibbilanċjar tal-effetti pożittivi u negattivi tagħhom fuq il-kompetizzjoni.

10      Fil‑5 ta’ April 2021, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2021) 2488 final dwar l-għajnuna mill-Istat SA.59913 – Franza – COVID-19 – Rikapitalizzazzjoni ta’ [Air France] u [tal-]holding Air France-KLM (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Air France-KLM u Air France”), li fiha hija kkonkludiet li kienet kompatibbli mas-suq intern, skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE u l-Qafas Temporanju, għajnuna individwali mogħtija mir-Repubblika Franċiża fil-forma ta’ rikapitalizzazzjoni ta’ Air France u tal-kumpannija holding Air France-KLM li tammonta għal ammont totali ta’ EUR 4 biljuni. Din l-għajnuna tinkludi, minn naħa, parteċipazzjoni tar-Repubblika Franċiża fi proġett ta’ żieda fil-kapital ta’ ammont massimu ta’ EUR 1 biljun u, min-naħa l-oħra, il-konverżjoni tas-self minn azzjonist għal strument ibridu, assimilat ma’ investiment f’kapital proprju, filwaqt li huwa ppreċiżat li dan is-self minn azzjonist jagħmel parti mill-miżura inkwistjoni f’din il-kawża.

11      Permezz tas-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2021, Ryanair vs Il‑Kummissjoni (KLM; COVID-19) (T‑643/20, EU:T:2021:286), il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni msemmija fil-punt 8 iktar ’il fuq minħabba li kienet ivvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tal-benefiċjarju tal-miżura ta’ għajnuna kontenzjuża.

12      Fis‑26 ta’ Lulju 2021, jiġifieri wara l-preżentata ta’ dan ir-rikors, il-Kummissjoni wettqet it-tieni korrezzjoni tad-Deċiżjoni C(2020) 2983 final tagħha tal‑4 ta’ Mejju 2020 permezz tad-Deċiżjoni C(2021) 5701 final. Fil-punti 3 u 4 ta’ din l-aħħar deċiżjoni, il-Kummissjoni tispjega li ħadet nota tas-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2021, Ryanair vs Il‑Kummissjoni (KLM; COVID-19) (T‑643/20, EU:T:2021:286), u li, wara din is-sentenza, kellhom jiżdiedu elementi addizzjonali li jippermettu li jiġi konkluż li Air France kienet l-unika benefiċjarja tal-miżura inkwistjoni.

 Ittalbiet talpartijiet

13      Fir-rikors tal‑20 ta’ April 2021, kif adattat fit‑8 ta’ Ottubru 2021, ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

14      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

15      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, Air France u l-kumpannija holding Air France-KLM jitolbu li r-rikors jiġi miċħud bħala infondat u li r-rikorrenti jiġu kkundannati għall-ispejjeż.

16      Ir-Repubblika Franċiża titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli sa fejn ir-rikorrenti jikkontestaw il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata, u tiċħad ir-rikors fil-mertu fir-rigward tal-kumplament.

 Iddritt

 Fuq lammissibbiltà

17      Ir-rikorrenti jsostnu, l-ewwel, li huma partijiet interessati fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE u tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9), u li, għaldaqstant, huma għandhom locus standi sabiex jiddefendu d-drittijiet proċedurali tagħhom. It-tieni, huma jsostnu li l-pożizzjoni kompetittiva tagħhom fis-suq ġiet sostanzjalment affettwata mill-miżura inkwistjoni u li, konsegwentement, huma għandhom locus standi sabiex jikkontestaw ukoll il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata.

18      Il-Kummissjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, Air France u l-kumpannija holding Air France-KLM ma jikkontestawx l-ammissibbiltà tar-rikors.

19      Għall-kuntrarju, ir-Repubblika Franċiża ssostni li r-rikorrenti ma għandhomx locus standi sabiex jikkontestaw il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata.

20      F’dan il-każ, huwa paċifiku li r-rikorrenti huma kompetituri ta’ Air France u ma huwiex ikkontestat li, għaldaqstant, huma għandhom jitqiesu li huma “partijiet interessati” fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589 peress li għandhom locus standi sabiex jissalvagwardaw id-drittijiet proċedurali li huma jisiltu mill-Artikolu 108(2) TFUE.

21      Fir-rigward tal-kwalità tar-rikorrenti sabiex jikkontestaw il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jitfakkar li l-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika kontra att li huma ma humiex destinatarji tiegħu, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, hija suġġetta għall-kundizzjoni li tkun irrikonoxxuta il-locus standi tagħha, li tirriżulta f’żewġ każijiet. Minn naħa, tali rikors jista’ jiġi ppreżentat sakemm dan l-att ikun jikkonċernaha direttament u individwalment. Min-naħa l-oħra, tali persuna tista’ tippreżenta rikors kontra att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ eżekuzzjoni jekk dan ikun jikkonċernaha direttament (sentenzi tas‑17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il‑Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punti 59 u 91, u tat‑13 ta’ Marzu 2018, Industrias Químicas del Vallés vs Il‑Kummissjoni, C‑244/16 P, EU:C:2018:177, punt 39).

22      Peress li d-deċiżjoni kkontestata, li ġiet indirizzata lir-Repubblika Franċiża, ma tikkostitwixxix att regolatorju skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, sa fejn ma hijiex att ta’ portata ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 56), hija l-Qorti Ġenerali li għandha tivverifika jekk ir-rikorrenti humiex direttament u individwalment ikkonċernati minn din id-deċiżjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

23      F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-persuni li ma humiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni ma jistgħux jippretendu li huma individwalment ikkonċernati ħlief jekk din id-deċiżjoni taffettwahom minħabba ċerti kwalitajiet li huma speċifiċi għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom meta mqabbla ma’ kull persuna oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzahom b’mod analogu għal dak tad-destinatarju (sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni, 25/62, EU:C:1963:17, p. 223; tat‑28 ta’ Jannar 1986, Cofaz et vs Il‑Kummissjoni, 169/84, EU:C:1986:42, punt 22; tat‑22 ta’ Novembru 2007, Sniace vs Il‑Kummissjoni, C‑260/05 P, EU:C:2007:700, punt 53).

24      Għalhekk, meta rikorrent jikkontesta l-fondatezza ta’ deċiżjoni ta’ evalwazzjoni ta’ għajnuna meħuda fuq il-bażi tal-Artikolu 108(3) TFUE jew wara l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, is-sempliċi fatt li hija tista’ titqies li hija “persuna interessata” fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE ma huwiex biżżejjed biex ir-rikors jitqies li huwa ammissibbli. Huwa jkollu juri li huwa għandu status partikolari fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 23 iktar ’il fuq. B’mod partikolari, dan ikun il-każ meta l-pożizzjoni tar-rikorrent fis-suq ikkonċernat tkun affettwata sostanzjalment mill-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni inkwistjoni (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Deutsche Lufthansa vs Il‑Kummissjoni, C‑453/19 P, EU:C:2021:608, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      F’dan ir-rigward, il-prova, mir-rikorrent, ta’ effett sostanzjali fuq il-pożizzjoni tiegħu fis-suq ma timplikax li għandha tingħata deċiżjoni definittiva fuq ir-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn din il-parti u l-impriżi benefiċjarji, iżda teħtieġ biss min-naħa tal-imsemmija parti li hija tindika b’mod rilevanti r-raġunijiet għalfejn id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tista’ tippreġudika l-interessi leġittimi tagħha billi taffettwa sostanzjalment il-pożizzjoni tagħha fis-suq inkwistjoni (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Deutsche Lufthansa vs Il‑Kummissjoni, C‑453/19 P, EU:C:2021:608, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Għalhekk mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ħsara sostanzjali għall-pożizzjoni kompetittiva tar-rikorrent fis-suq inkwistjoni ma tirriżultax minn analiżi fil-fond tal-varji relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni f’dan is-suq, li tippermetti li tiġi stabbilita bi preċiżjoni l-portata tal-ħsara lill-pożizzjoni kompetittiva tiegħu, iżda, bħala prinċipju, minn konstatazzjoni prima facie li l-għoti tal-miżura msemmija fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni jwassal sabiex jippreġudika sostanzjalment din il-pożizzjoni (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Deutsche Lufthansa vs Il‑Kummissjoni, C‑453/19 P, EU:C:2021:608, punt 58).

27      Minn dan jirriżulta li din il-kundizzjoni tista’ tiġi ssodisfatta jekk ir-rikorrent jipproduċi provi li jippermettu li jintwera li l-miżura kkonċernata tista’ tippreġudika sostanzjalment il-pożizzjoni tiegħu fis-suq inkwistjoni (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Deutsche Lufthansa vs Il‑Kummissjoni, C‑453/19 P, EU:C:2021:608, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Għal dak li jirrigwarda l-elementi ammessi mill-ġurisprudenza sabiex tiġi stabbilita tali ħsara sostanzjali, għandu jitfakkar li s-sempliċi fatt li att jista’ jeżerċita ċerta influwenza fuq ir-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni fis-suq rilevanti u li l-impriża kkonċernata tkun tinsab f’xi relazzjoni ta’ kompetizzjoni mal-benefiċjarju ta’ dan l-att ma huwiex suffiċjenti sabiex tali impriża tista’ titqies li hija individwalment ikkonċernata mill-imsemmi att. Għaldaqstant, impriża ma tistax tibbaża ruħha biss fuq il-kwalità tagħha ta’ kompetitriċi fir-rigward tal-impriża benefiċjarja (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Deutsche Lufthansa vs Il‑Kummissjoni, C‑453/19 P, EU:C:2021:608, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Il-prova ta’ ħsara sostanzjali kkawżata fir-rigward tal-pożizzjoni ta’ kompetitur fis-suq ma tistax tkun limitata għall-preżenza ta’ ċerti elementi li jindikaw degradazzjoni fil-prestazzjonijiet kummerċjali jew finanzjarji tar-rikorrent, bħal tnaqqis kunsiderevoli fid-dħul mill-bejgħ, telf finanzjarju mhux negliġibbli jew ukoll tnaqqis sinjifikattiv ta’ ishma mis-suq wara l-għoti tal-għajnuna inkwistjoni. L-għoti ta’ għajnuna mill-Istat jista’ jippreġudika s-sitwazzjoni kompetittiva ta’ operatur anki b’modi oħra, b’mod partikolari, billi jikkawża telf mid-dħul jew żvilupp inqas favorevoli minn dak li kien jirriżulta fl-assenza ta’ tali għajnuna (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Deutsche Lufthansa vs Il‑Kummissjoni, C‑453/19 P, EU:C:2021:608, punt 61).

30      Barra minn hekk, il-ġurisprudenza ma teħtieġx li r-rikorrent jipproduċi provi dwar id-daqs jew il-firxa ġeografika tas-swieq inkwistjoni, jew ukoll dwar l-ishma tas-suq tiegħu jew dawk tal-benefiċjarju tal-miżura inkwistjoni jew ta’ kompetituri eventwali fihom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Deutsche Lufthansa vs Il‑Kummissjoni (C‑453/19 P, EU:C:2021:608, punt 65).

31      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti pproduċewx provi li jippermettu li jintwera li l-miżura inkwistjoni tista’ tippreġudika sostanzjalment il-pożizzjoni tagħhom fis-suq ikkonċernat.

32      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li, qabel il-pandemija tal-COVID-19, huma kienu joperaw 211-il rotta tal-ajru minn jew lejn Franza. B’mod partikolari, huma jispjegaw li Ryanair kienet f’kompetizzjoni diretta ma’ Air France u s-sussidjarji tagħha fuq 45 minn dawn ir-rotot, li kienu ta’ importanza ekonomika peress li jorbtu bliet kbar fl-Ewropa u lil hinn minnha u li ġeneralment kienu moqdija minn kważi l-ebda kumpannija tal-ajru oħra. Barra minn hekk, Ryanair ittrasportat total ta’ 1 576 991 passiġġier fuq dawn il-45 rotta fl‑2019.

33      Ir-Repubblika Franċiża ssostni, essenzjalment, li Ryanair ma hijiex l-eqreb kompetitriċi u l-iktar waħda diretta ta’ Air France. Barra minn hekk, hija tikkontesta l-fatt li r-rikorrenti huma “f’kompetizzjoni diretta” ma’ Air France, minħabba li r-rotot tal-ajru operati minn din tal-aħħar minn u lejn l-ajruporti ta’ Roissy-Charles-de-Gaulle (iktar ’il quddiem l-“ajruport CDG”) u ta’ Paris-Orly (iktar ’il quddiem l-“ajruport ORY”) u dawk operati minn Ryanair minn u lejn l-ajruport ta’ Beauvais-Tillé (iktar ’il quddiem l-“ajruport BVA”) ma humiex sostitwibbli u għalhekk ma humiex rilevanti sabiex tiġi evalwata r-relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn ir-rikorrenti u Air France. Fir-rigward tar-rotot l-oħra tal-ajru invokati mir-rikorrenti, hija ssostni li, fuqhom, Ryanair ma hijiex l-unika kompetitriċi ta’ Air France.

34      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li ma huwiex neċessarju, fl-istadju tal-eżami tal-ammissibbiltà tar-rikors, li tingħata deċiżjoni definittiva dwar id-definizzjoni tas-suq tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni jew dwar ir-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn ir-rikorrenti u l-benefiċjarju. Bħala prinċipju, huwa biżżejjed li r-rikorrenti juru li, prima facie, l-għoti tal-miżura kkonċernata jwassal sabiex jippreġudika sostanzjalment il-pożizzjoni kompetittiva tagħhom fis-suq (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 25 u 26 iktar ’il fuq).

35      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk ir-rotot tal-ajru operati minn u lejn l-ajruporti CDG u ORY, minn naħa, u tal-ajruport BVA, min-naħa l-oħra, humiex sostitwibbli, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, għal dan l-għan, il-Qorti Ġenerali tista’ tieħu inkunsiderazzjoni diversi fatturi, bħad-distanza u l-ħin tal-vjaġġ skont il-kriterju ta’ riferiment ta’ 100 km jew vjaġġ ta’ siegħa, il-perspettiva tal-kompetituri, il-perspettiva tal-ajruporti kkonċernati u dik tal-awtoritajiet tal-avjazzjoni ċivili tal-Istati Membri, l-istima min-naħa tal-passiġġieri li jivvjaġġaw fil-ħin liberu tagħhom fuq rotta, il-kunċett ta’ “sistema ta’ ajruporti” fis-sens tal-Anness II tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2408/92 tat‑23 ta’ Lulju 1992 dwar aċċess għat-trasportaturi ta’ l-ajru tal-Komunità għal rotot ta’ l-ajru intra-Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 420), il-prattiki kummerċjali u l-eżistenza jew le ta’ servizzi ta’ trasport bejn l-ajruporti u ċerti bliet (sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2010, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, T‑342/07, EU:T:2010:280, punti 103 et seq.).

36      Waqt is-seduta, il-Kummissjoni indikat li, fid-dawl ta’ dawn il-kriterji, ir-rotot tal-ajru operati minn Ryanair minn jew lejn l-ajruport BVA setgħu, għall-finijiet tal-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors, jitqiesu prima facie li huma sostitwibbli għal dawk operati minn Air France minn jew lejn l-ajruporti CDG u ORY.

37      Din il-pożizzjoni hija riflessa fil-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni, li, mingħajr ma torbot lill-qorti tal-Unjoni Ewropea, tista’ madankollu tikkostitwixxi element utli fil-kuntest ta’ evalwazzjoni prima facie tal-kwistjoni dwar jekk l-għoti tal-miżura inkwistjoni jistax jippreġudika l-pożizzjoni kompetittiva tar-rikorrenti fis-suq. Għalhekk, fil-premessi 266 sa 279 tad-Deċiżjoni tagħha C(2013) 1106 final tas‑27 ta’ Frar 2013, li tiddikjara konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq intern u mal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/M.6663 – Ryanair vs Aer Lingus III), il-Kummissjoni qieset li l-kriterju ta’ 100 km jew vjaġġ ta’ siegħa kien issodisfatt, peress li d-distanza u l-ħin tal-vjaġġ bil-karozza lejn iċ-ċentru ta’ Pariġi mill-ajruporti CDG, ORY u BVA kienu rispettivament ta’ 23 km (31 min), 20 km (30 min) u 80 km (60 min). Fuq din il-bażi, hija kkonkludiet li l-ajruport ORY kien sostitwibbli mal-ajruporti CDG u BVA għat-titjiriet minn u lejn Dublin (l-Irlanda).

38      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fl-assenza ta’ elementi konkreti fis-sens oppost fil-proċess li għandha l-Qorti Ġenerali, għandu jitqies li r-rotot tal-ajru operati minn Ryanair minn u lejn l-ajruport BVA, li għalihom jirreferu r-rikorrenti sabiex juru l-locus standi tagħhom, jistgħu jitqiesu li prima facie huma sostitwibbli għal dawk operati minn Air France minn u lejn l-ajruporti CDG u ORY. Għaldaqstant, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-eżami tal-locus standi ta’ Ryanair, ir-rotot kollha tal-ajru invokati mir-rikorrenti, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li r-Repubblika Franċiża ma tikkontestax is-sostitwibbiltà tar-rotot tal-ajru l-oħra operati rispettivament minn Ryanair u minn Air France minn u lejn ajruporti oħra li jinsabu fi Franza.

39      Għaldaqstant, għandu jitqies li Ryanair kienet f’kompetizzjoni ma’ Air France u mas-sussidjarji tagħha fuq numru sinjifikattiv ta’ rotot tal-ajru minn u lejn Franza, jiġifieri fuq 45 rotta. Barra minn hekk, mill-proċess quddiem il-Qorti Ġenerali, u b’mod partikolari mill-Anness A.3.4 tar-rikors, li l-valur probatorju tiegħu ma huwa kkontestat la mill-Kummissjoni u lanqas mill-partijiet intervenjenti, jirriżulta li n-numru ta’ siġġijiet offruti minn Ryanair fuq dawn ir-rotot kien ta’ spiss paragunabbli, u saħansitra f’ċerti każijiet kien jeċċedi dak offrut minn Air France u s-sussidjarji tagħha. Il-kompetizzjoni bejniethom kienet għalhekk, f’termini ta’ numru ta’ siġġijiet offruti, ukoll sinjifikattiva.

40      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li huma kienu qegħdin jipprevedu espansjoni kummerċjali fis-suq Franċiż, kif juri l-fatt li huma kienu nedew 67 rotta tal-ajru ġdida minn jew lejn Franza fl‑2019. Il-Kummissjoni u l-intervenjenti ma jikkontestawx dan il-fatt. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jżidu li huma kienu ordnaw 210 ajruplani Boeing 737 Max li kienu ngħaqdu mal-flotta tagħhom f’Ġunju 2021 u li kienu jippermettulhom jeżegwixxu l-pjanijiet ta’ espansjoni tagħhom.

41      Fit-tielet lok, mill-punt 4 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fl-assenza tal-miżura inkwistjoni, il-tkomplija tal-attività ta’ Air France kienet titqiegħed f’perikolu. Barra minn hekk, skont rapport tal-Fondazzjoni għall-Innovazzjoni Politika, prodott mir-rikorrenti, intitolat “Before COVID-19 air transportation in Europe: an already fragile sector” (it-trasport bl-ajru fl-Ewropa qabel il-pandemija tal-COVID-19: settur diġà fraġli), bid-data ta’ Mejju 2020 u li l-kontenut tiegħu ma huwiex ikkontestat mill-partijiet, “[kien] probabbli li Ryanair […] toħroġ mill-kriżi tal-COVID-19 mingħajr wisq ħsara u [jkollha] saħansitra riżorsi finanzjarji suffiċjenti, b’mod partikolari minħabba dejn u x-xiri ta’ kumpaniji falluti, biex tipparteċipa fir-ristrutturazzjoni probabbli tat-trasport bl-ajru fl-Ewropa”. Minn dan jirriżulta li Ryanair kienet tinsab f’pożizzjoni relattivament qawwija meta mqabbla mal-kumpanniji tradizzjonali bħal Air France, li kienet qiegħda taffaċċja riskju ta’ insolvenza, jew saħansitra ta’ ħruġ mis-suq.

42      Fir-raba’ lok, mill-proċess jirriżulta li, fl‑2019, id-Direttur Ġenerali tal-kumpannija holding Air France-KLM ħabbar pjan ta’ azzjoni intiż li tiġi intensifikata l-kompetizzjoni mal-kumpanniji tal-ajru “bi prezz baxx”, bħal Ryanair, permezz tas-sussidjarja bi prezz baxx “Transavia France”.

43      L-elementi rrilevati fil-punti 38 sa 42 iktar ’il fuq, meħuda flimkien, jippermettu li jitqies li r-rikorrenti wrew li l-għoti tal-miżura inkwistjoni seta’ jsaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva ta’ Air France għad-detriment ta’ Ryanair u li jwassal sabiex prima facie jippreġudika sostanzjalment il-pożizzjoni kompetittiva ta’ Ryanair fis-suq, billi jikkawża telf mid-dħul jew żvilupp inqas favorevoli minn dak li kien ikun irreġistrat fl-assenza ta’ tali miżura (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 29 iktar ’il fuq).

44      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-oġġezzjoni tar-Repubblika Franċiża li Ryanair ma hijiex il-kompetitriċi prinċipali ta’ Air France fis-suq Franċiż.

45      Fil-fatt, il-ġurisprudenza ma teħtieġx li r-rikorrenti tkun il-kompetitriċi prinċipali tal-benefiċjarju ta’ miżura ta’ għajnuna sabiex il-pożizzjoni kompetittiva tagħha tkun tista’ titqies li hija sostanzjalment affettwata minnha.

46      Lanqas ma tista’ tintlaqa’ l-oġġezzjoni tar-Repubblika Franċiża li r-rikorrenti ma wrewx li d-deċiżjoni kkontestata tolqothom minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tiddistingwihom minn dik tal-kompetituri l-oħra kollha ta’ Air France.

47      Fil-fatt, il-kundizzjoni tal-effett sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva tar-rikorrent hija element speċifiku għaliha, li għandu jiġi evalwat biss fir-rigward tal-pożizzjoni tiegħu fis-suq qabel l-għoti tal-miżura inkwistjoni jew fl-assenza tagħha. Ma huwiex il-każ li jsir paragun bejn is-sitwazzjoni tal-kompetituri kollha preżenti fis-suq ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Deutsche Lufthansa vs Il‑Kummissjoni (C‑453/19 P, EU:C:2020:862, punt 58). Barra minn hekk, kif tfakkar fil-punt 30 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li ma kienx neċessarju li r-rikorrent jipproduċi elementi li jikkonċernaw l-ishma tas-suq tiegħu jew dawk tal-benefiċjarju jew ta’ kompetituri oħra possibbli f’dan is-suq. Minn dan jirriżulta li, sabiex jiġi pprovat l-effett sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva tiegħu, ir-rikorrent ma jistax jintalab jistabbilixxi, bi provi insostenn ta’ dan, liema hija s-sitwazzjoni kompetittiva tal-kompetituri tiegħu u li jiddistingwi ruħu minnha.

48      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-ġurisprudenza ċċitata fl-punt 23 iktar ’il fuq tipprevedi żewġ kriterji sabiex jintwera li l-persuni l-oħra minbarra d-destinatarji ta’ deċiżjoni huma individwalment ikkonċernati minnha, jiġifieri li d-deċiżjoni kkontestata tippreġudikahom “minħabba ċerti kwalitajiet li huma speċifiċi għalihom” jew minħabba “sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom meta mqabbla ma’ kull persuna oħra”. Din il-ġurisprudenza għalhekk ma teħtieġx li rikorrent juri, fil-każijiet kollha, li s-sitwazzjoni fattwali tiegħu hija differenti minn dik ta’ kull persuna oħra. Fil-fatt, huwa biżżejjed li d-deċiżjoni kkontestata tolqot lir-rikorrent minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalih.

49      Dan huwa l-każ hawnhekk. Fil-fatt, l-elementi kollha msemmija fil-punti 38 sa 42 iktar ’il fuq huma intiżi li jistabbilixxu, b’mod suffiċjentement plawżibbli, li l-pożizzjoni ta’ Ryanair fis-swieq ikkonċernati kienet ikkaratterizzata minn ċerti kwalitajiet li huma partikolari għaliha, jiġifieri l-fatt li Ryanair tinsab f’kompetizzjoni diretta ma’ Air France fuq numru kbir ta’ rotot tal-ajru, li fuqhom, barra minn hekk, hija offriet numru sinjifikattiv ta’ siġġijiet, li hija kienet bdiet espansjoni kummerċjali fis-suq Franċiż billi nediet numru kbir ta’ rotot tal-ajru ġodda qabel ma tfaċċat il-pandemija tal-COVID-19, li Air France kienet qiegħda tippjana li tintensifika l-kompetizzjoni fis-segment tas-suq imsejjaħ “bi prezz baxx”, li fih Ryanair hija attiva, permezz tal-kumpannija tal-ajru tagħha “Transavia France” u li, fl-assenza tal-miżura inkwistjoni, kien jeżisti riskju li Air France ssir insolventi jew tal-inqas tiddgħajjef b’mod sinjifikattiv, filwaqt li s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Ryanair kienet tidher relattivament b’saħħitha meta mqabbla ma’ dik tal-benefiċjarja, b’tali mod li tpoġġiha f’pożizzjoni li tista’ tippermettilha, fl-assenza ta’ għajnuna, tikseb ishma tas-suq għad-detriment ta’ Air France.

50      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti wrew b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-miżura inkwistjoni setgħet taffettwa sostanzjalment il-pożizzjoni kompetittiva ta’ Ryanair fis-suq ikkonċernat.

51      Għandu jiġi kkonstatat li Ryanair hija wkoll direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata, peress li ma hemm l-ebda dubju dwar ir-rieda tar-Repubblika Franċiża li tagħti għajnuna lil Air France u li tali ħlas jista’ jqiegħed lil Ryanair f’sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġata u għalhekk jaffettwa d-dritt tagħha li ma tkunx suġġetta għal kompetizzjoni distorta minħabba din l-għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      Għaldaqstant, Ryanair hija intitolata tikkontesta l-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata.

53      Fir-rigward tal-locus standi ta’ Malta Air, ġie deċiż li, meta waħda mir-rikorrenti jkollha locus standi, ma hemmx lok li jiġi eżaminat il-locus standi tar-rikorrenti l-oħra (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2014, Crown Equipment (Suzhou) u Crown Gabelstapler vs Il‑Kunsill, T‑643/11, EU:T:2014:1076, punt 33 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq ilmertu

54      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi, li jikkonċernaw, essenzjalment, l-ewwel, l-esklużjoni tal-kumpannija holding Air France-KLM u ta’ KLM mill-perimetru tal-benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni, it-tieni, użu ħażin ta’ poter u applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE u tal-Qafas Temporanju, it-tielet, ksur tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi u ta’ libertà ta’ stabbiliment, ir-raba’, ksur tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti u, il-ħames, ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

 Fuq lewwel motiv, dwar lesklużjoni talkumpannija holding Air FranceKLM u ta’ KLM millperimetru talbenefiċjarji talmiżura inkwistjoni

55      Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-benefiċjarja tal-miżura inkwistjoni kienet Air France, bl-esklużjoni tal-kumpannija holding Air France-KLM u ta’ KLM. Huma jipproduċu diversi elementi sabiex juru li l-imsemmija holding u KLM huma benefiċjarji potenzjali jew indiretti ta’ din il-miżura. Huma jressqu argumenti dwar, essenzjalment, ir-rabtiet kapitalistiċi, organiċi, funzjonali u ekonomiċi bejn il-kumpannija holding Air France-KLM, Air France u KLM, il-kuntest kuntrattwali li abbażi tiegħu ngħatat l-imsemmija miżura kif ukoll il-kuntest li fih din taqa’.

56      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti billi tenfasizza, abbażi tal-elementi enfasizzati fid-deċiżjoni kkontestata, li Air France u KLM jibbenefikaw de facto minn awtonomija funzjonali, ekonomika u organika kbira, kemm waħda fir-rigward tal-oħra kif ukoll fir-rigward tal-kumpannija holding Air France-KLM. Barra minn hekk, l-istruttura korporattiva u ta’ governanza tal-Grupp Air France-KLM tipprekludi wkoll kwalunkwe riskju ta’ trasferiment indirett tal-għajnuna bejn Air France u KLM. Barra minn hekk, il-miżura inkwistjoni tinkludi mekkaniżmi kuntrattwali ekwivalenti għal klawżola ta’ allokazzjoni, li twassal għall-vantaġġ finanzjarju u ekonomiku reali tal-imsemmija miżura esklużivament lil Air France.

57      Ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, Air France u l-kumpannija holding Air France-KLM jaqblu mal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni.

58      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-benefiċjarja tal-miżura inkwistjoni kienet Air France, inklużi s-sussidjarji li hija tikkontrolla. Għall-kuntrarju, minkejja li Air France tagħmel parti mill-grupp Air France-KLM, la l-kumpannija omm tagħha, jiġifieri l-kumpannija holding Air France-KLM, u lanqas il-kumpanniji aħwa tagħha, inkluż KLM u s-sussidjarji li din tal-aħħar tikkontrolla, ma huma benefiċjarji tal-imsemmija miżura.

59      Dan il-motiv iqajjem għalhekk, essenzjalment, il-kwistjoni tad-determinazzjoni tal-benefiċjarju ta’ miżura ta’ għajnuna fil-kuntest ta’ grupp ta’ kumpanniji.

60      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li diversi entitajiet ġuridiċi distinti jistgħu jitqiesu li jifformaw unità ekonomika waħda għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, f’dan il-qasam, il-kwistjoni dwar jekk teżistix unità ekonomika bejn diversi entitajiet legalment distinti tqum b’mod partikolari meta jkun meħtieġ li jiġi identifikat il-benefiċjarju ta’ għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Novembru 1984, Intermills vs Il‑Kummissjoni, 323/82, EU:C:1984:345, punti 11 u 12, u tad‑19 ta’ Mejju 2021, Ryanair vs Il‑Kummissjoni (KLM; COVID-19), T‑643/20, EU:T:2021:286, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Fost l-elementi kkunsidrati mill-ġurisprudenza sabiex tiġi ddeterminata l-preżenza jew l-assenza ta’ unità ekonomika fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat hemm b’mod partikolari: il-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fi grupp ta’ kumpanniji li l-kontroll tagħhom jiġi eżerċitat direttament jew indirettament minn waħda minnhom, it-tkomplija ta’ attivitajiet ekonomiċi identiċi jew paralleli u l-assenza ta’ awtonomija ekonomika tal-kumpanniji kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2004, Pollmeier Malchow vs Il‑Kummissjoni, T‑137/02, EU:T:2004:304, punti 68 sa 70); il-formazzjoni ta’ grupp wieħed ikkontrollat minn entità, minkejja l-kostituzzjoni ta’ kumpanniji ġodda fejn kull waħda minnhom ikollha personalità ġuridika distinta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 1984, Intermills vs Il‑Kummissjoni, 323/82, EU:C:1984:345, punt 11); il-possibbiltà, għal entità li żżomm azzjonijiet ta’ kontroll f’kumpannija oħra, li teżerċita, lil hinn minn sempliċi investiment ta’ kapital minn investitur, funzjonijiet ta’ kontroll, ta’ impetu u ta’ sostenn finanzjarju fir-rigward ta’ din il-kumpannija kif ukoll l-eżistenza ta’ rabtiet organiċi, funzjonali u ekonomiċi bejniethom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 2010, AceaElectrabel Produzione vs Il‑Kummissjoni, C‑480/09 P, EU:C:2010:787, punt 51, u tad‑19 ta’ Mejju 2021, Ryanair vs Il‑Kummissjoni (KLM; COVID-19), T‑643/20, EU:T:2021:286, punt 47); kif ukoll l-eżistenza ta’ klawżoli kuntrattwali rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2010, AceaElectrabel Produzione vs Il‑Kummissjoni, C‑480/09 P, EU:C:2010:787, punt 57).

62      Barra minn hekk, it-tip ta’ miżura ta’ għajnuna mogħtija u l-kuntest ta’ din il-miżura jistgħu, skont il-każ, jikkostitwixxu wkoll elementi rilevanti għad-determinazzjoni tal-preżenza jew l-assenza ta’ unità ekonomika fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

63      Barra minn hekk, il-Kummissjoni speċifikat l-interpretazzjoni tagħha tal-kunċett ta’ “impriża” fl-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat kif imsemmi fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, C 262, p. 1, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-kunċett ta’ ‘għajnuna mill-Istat’”). Dan l-avviż, għalkemm ma jistax jorbot lill-Qorti Ġenerali, jista’ madankollu jservi bħala sors ta’ ispirazzjoni utli (ara s-sentenza tas‑6 ta’ April 2022, Mead Johnson Nutrition (Asia Pacific) et vs Il‑Kummissjoni, T‑508/19, EU:T:2022:217, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      Il-Kummissjoni rrikonoxxiet, fil-punt 11 tal-Avviż dwar il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat”, li diversi entitajiet legali distinti jistgħu jitqiesu li jifformaw unità ekonomika waħda għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Għal dan il-għan, skont dan il-paragrafu, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ azzjonijiet ta’ kontroll ta’ waħda mill-entitajiet fir-rigward tal-oħra kif ukoll l-eżistenza ta’ rabtiet funzjonali, ekonomiċi u organiċi oħra bejniethom.

65      F’dan il-kuntest, ġie deċiż li l-Kummissjoni kellha setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddetermina jekk kumpanniji li jagħmlu parti minn grupp kellhomx jitqiesu li huma unità ekonomika jew inkella bħala unitajiet ġuridikament u finanzjarjament awtonomi għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna mill-Istat. Dan il-poter ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni jinvolvi t-teħid inkunsiderazzjoni u l-evalwazzjoni ta’ fatti u ta’ ċirkustanzi ekonomiċi kumplessi. Peress li l-qorti tal-Unjoni ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-fatti, b’mod partikolari fuq il-livell ekonomiku, ma’ dik tal-awtur tad-deċiżjoni, l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali għandu, f’dan ir-rigward, ikun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali u ta’ motivazzjoni, għall-eżattezza materjali tal-fatti kif ukoll għall-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ abbuż ta’ poter (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2009, AceaElectrabel vs Il‑Kummissjoni, T‑303/05, mhux ippubblikata, EU:T:2009:312, punti 101 u 102 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      Madankollu, il-qorti tal-Unjoni għandha b’mod partikolari tivverifika mhux biss l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux l-informazzjoni kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk dawn il-provi humiex tali li jissostanzjaw il-konklużjonijiet li jirriżultaw minnhom (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2018, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑114/17 P, EU:C:2018:753, punt 104).

67      Barra minn hekk, hija l-Kummissjoni li għandha teżamina b’attenzjoni partikolari r-rabtiet bejn il-kumpanniji li jappartjenu għall-istess grupp, meta jkun hemm biża’ tal-effetti fuq il-kompetizzjoni ta’ kumulu ta’ għajnuna mill-Istat fi ħdan l-istess grupp (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2021, Ryanair vs Il‑Kummissjoni (KLM; COVID-19), T‑643/20, EU:T:2021:286, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      Fid-dawl tal-kriterji identifikati fil-ġurisprudenza u tal-argumenti tal-partijiet, għandhom jiġu eżaminati b’mod konsekuttiv ir-rabtiet kapitalistiċi, organiċi, funzjonali u ekonomiċi bejn il-kumpannija holding Air France-KLM, Air France u KLM u s-sussidjarji rispettivi tagħhom, il-kuntratti li abbażi tagħhom ingħatat il-miżura inkwistjoni, kif ukoll it-tip ta’ miżura ta’ għajnuna mogħtija u l-kuntest tagħha.

–       Fuq irrabtiet kapitalistiċi u organiċi bejn ilkumpannija holding Air FranceKLM, Air France u KLM

69      Fl-ewwel lok, fir-rigward tar-rabtiet kapitalistiċi bejn id-diversi entitajiet li jappartjenu għall-grupp Air France-KLM, għandu jiġi rrilevat, kif tfakkar fil-punt 3 iktar ’il fuq, li Air France hija miżmuma 100 % mill-kumpannija holding Air France-KLM u li din tal-aħħar għandha 93.84 % tal-kapital azzjonarju, 99.7 % tad-drittijiet ekonomiċi u 49 % tad-drittijiet ta’ vot f’KLM.

70      Fil-punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li, għalkemm Air France u KLM kienu entitajiet ġuridiċi distinti, u li kull waħda minnhom għandha l-istruttura azzjonarja rispettiva tagħha, il-kumpannija holding Air France-KLM kellha “drittijiet ta’ kontroll” kemm fir-rigward ta’ Air France kif ukoll fir-rigward ta’ KLM.

71      Għalkemm dan il-fatt jikkostitwixxi l-ewwel element rilevanti għall-eżami tal-eżistenza ta’ unità ekonomika bejn dawn l-entitajiet, il-ġurisprudenza fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat teżiġi li jiġi vverifikat, barra minn hekk, jekk il-kumpannija omm teżerċitax effettivament kontroll billi tinvolvi ruħha direttament jew indirettament fil-ġestjoni tas-sussidjarji tagħha, b’tali mod li tipparteċipa fl-attività ekonomika eżerċitata mill-impriża kkontrollata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2010, AceaElectrabel Produzione vs Il‑Kummissjoni, C‑480/09 P, EU:C:2010:787, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ tali analiżi, sempliċi diviżjoni ta’ impriża f’żewġ entitajiet distinti, fejn l-ewwel waħda ssegwi direttament l-attività inkwistjoni u t-tieni waħda tikkontrolla lill-ewwel waħda filwaqt li tieħu ħsieb il-ġestjoni tagħha tkun biżżejjed sabiex iċċaħħad mill-effetti utli tagħhom ir-regoli tal-Unjoni dwar l‑għajnuna mill-Istat. Dan jippermetti lit-tieni entità tibbenefika minn sussidji jew minn vantaġġi oħra mogħtija mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat u li tużahom totalment jew parzjalment favur l-ewwel entità, fl-interess, ukoll, tal-unità ekonomika magħmula miż-żewġ entitajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2010, AceaElectrabel Produzione vs Il‑Kummissjoni, C‑480/09 P, EU:C:2010:787, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73      F’dan il-każ, mill-punti 27 u 91 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-kumpannija holding Air France-KLM għandha setgħa ta’ kontroll fuq Air France u fuq KLM permezz tad-drittijiet ta’ veto li hija għandha, minn naħa, fuq il-livelli tan-negozju u l-baġits ta’ dawn tal-aħħar, u min-naħa l-oħra, fuq ir-remunerazzjoni, il-ħatra u t-tneħħija tad-diriġenti tagħhom, inkluż il-ħatra u t-tneħħija tal-membri tagħhom tal-bord tad-diretturi. Għalhekk, l-imsemmija kumpannija holding għandha tapprova d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw b’mod partikolari l-għażliet strateġiċi, il-baġit u l-pjan ta’ investiment tal-“grupp Air France-KLM, inkluż KLM” qabel ma dawn jiġu adottati jew implimentati.

74      Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta wkoll li l-kumpannija holding Air France-KLM għandha dritt ta’ approvazzjoni fir-rigward tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament tas-sussidjarji tagħha li jaqbżu l-EUR 150 miljun. Dan id-dritt irriżulta rilevanti f’dan il-każ, fid-dawl tal-fatt li, kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, il-finanzjament mogħti mir-Repubblika Franċiża kien jaqbeż il-limitu ta’ EUR 150 miljun, b’tali mod li l-kumpannija holding Air France-KLM kellha tapprovah qabel ma dan jingħata.

75      Fit-tieni lok, fir-rigward tar-rabtiet organiċi bejn il-kumpannija holding Air France-KLM, Air France u KLM, ir-rikorrenti jirreferu b’mod partikolari għad-dokument ta’ reġistrazzjoni universali tal‑2019 tal-imsemmija kumpannija holding irreġistrat mal-Awtorità tas-Swieq Finanzjarji (AMF) (Franza) skont ir-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat, u li jħassar id-Direttiva 2003/71/KE (ĠU 2017, L 168, p. 12) (iktar ’il quddiem id-“dokument ta’ reġistrazzjoni universali tal‑2019”), li huma jippreżentaw estratt minnu quddiem il-Qorti Ġenerali u li ġie diskuss waqt is-seduta. Skont l-Artikoli 9 u 21 tar-Regolament 2017/1129, id-dokument ta’ reġistrazzjoni universali huwa dokument imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku li jiddeskrivi l-organizzazzjoni, l-attivitajiet, is-sitwazzjoni finanzjarja, ir-riżultati, il-prospetti, il-governanza u l-istruttura tal-azzjonisti tal-emittent inkwistjoni.

76      Mid-dokument ta’ reġistrazzjoni universali tal‑2019 jirriżulta li jeżistu, fil-livell tal-grupp Air France-KLM, diversi korpi mħallta, komposti minn rappreżentanti ta’ livell għoli tal-kumpannija holding Air France-KLM, ta’ Air France u ta’ KLM, inkarigati mill-kontroll u mill-koordinazzjoni ta’ ċerti deċiżjonijiet importanti li għandhom jittieħdu fi ħdan l-imsemmi grupp.

77      Pereżempju, fi ħdan il-grupp Air France-KLM, l-investimenti kollha ta’ iktar minn EUR 5 miljun, l-istess bħall-operazzjonijiet li jirrigwardaw il-flotta kif ukoll l-operazzjonijiet ta’ akkwist u ta’ trasferiment, huma suġġetti għall-approvazzjoni ta’ “Kumitat Eżekuttiv tal-Grupp”, kompost b’mod partikolari mid-diretturi ġenerali tal-kumpannija holding Air France-KLM, minn Air France u minn KLM, kif barra minn hekk ikkonfermat l-imsemmija kumpannija holding waqt is-seduta.

78      Barra minn hekk, skont dan id-dokument ta’ reġistrazzjoni universali tal‑2019, għalkemm il-ġestjoni tal-investimenti hija żgurata fil-livell ta’ kull kumpannija tal-grupp Air France-KLM, il-proċess deċiżjonali huwa kkoordinat minn “Group Investment Committee (GIC)”, kompost mid-Deputat Direttur Ġenerali “Ekonomija u Finanzi” tal-kumpannija holding Air France-KLM, mid-Deputat Direttur Ġenerali “Ekonomija u Finanzi” ta’ Air France u miċ-“Chief Financial Officer” ta’ KLM.

79      Bl-istess mod, mid-dokument ta’ reġistrazzjoni universali tal‑2019 jirriżulta li l-ġestjoni tar-riskji tas-suq fi ħdan il-grupp Air France-KLM hija mmexxija minn “Risk Management Committee”, kompost ukoll minn mexxejja għolja tal-kumpannija holding Air France-KLM, minn Air France u minn KLM, li jiddeċiedi u jissorvelja r-riskji finanzjarji tal-imsemmi grupp u jiddetermina l-koperturi neċessarji li għandhom jiġu implimentati.

80      Minn dan jirriżulta wkoll li d-deċiżjonijiet meħuda minn dawn il-korpi mħallta fil-livell tal-grupp Air France-KLM huma sussegwentement implimentati minn kull entità tal-grupp.

81      Minn dan isegwi li r-rabtiet kapitalistiċi u organiċi fi ħdan il-grupp Air France-KLM jindikaw li l-kumpannija holding Air France-KLM teżerċita effettivament kontroll billi tinvolvi ruħha direttament jew indirettament fil-ġestjoni ta’ Air France u ta’ KLM u għalhekk tipparteċipa fl-attività ekonomika eżerċitata minnhom. Minn dan jirriżulta wkoll li teżisti, fil-livell tal-imsemmi grupp, proċedura deċiżjonali ċċentralizzata u ċerta koordinazzjoni, żgurati permezz ta’ korpi mħallta li jiġbru flimkien rappreżentanti ta’ livell għoli tal-kumpannija holding Air France-KLM, ta’ Air France u ta’ KLM, tal-inqas f’dak li jirrigwarda t-teħid ta’ ċerti deċiżjonijiet importanti.

82      Ir-rabtiet kapitalistiċi u organiċi fi ħdan il-grupp Air France-KLM huma għalhekk, kif isostnu r-rikorrenti, l-ewwel element li juri li l-entitajiet ġuridiċi distinti fi ħdan l-imsemmi grupp jifformaw unità ekonomika waħda għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

–       Fuq irrabtiet funzjonali bejn ilkumpannija holding Air FranceKLM, Air France u KLM

83      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni rrilevat fil-punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata li l-kumpannija holding Air France-KLM kienet timpjega l-impjegati tagħha stess u “[kienet] tistrieħ” fuq impjegati kkollokati magħha minn Air France u KLM. Barra minn hekk, hija indikat fil-punti 27 u 91 ta’ din id-deċiżjoni, kif tfakkar fil-punt 73 iktar ’il fuq, li l-kumpannija holding Air France-KLM kellha drittijiet ta’ veto fir-rigward tar-remunerazzjoni, tal-ħatra u tat-tneħħija tad-diretturi ta’ KLM u ta’ Air France. Minn dan isegwi li teżisti ċerta integrazzjoni bejn l-impjegati ta’ din il-kumpannija holding u tas-sussidjarji tagħha u li l-istess kumpannija holding hija involuta fl-iktar deċiżjonijiet importanti li jikkonċernaw id-diretturi tas-sussidjarji tagħha.

84      Fit-tieni lok, fil-punt 31 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat li l-kumpannija holding Air France-KLM ma kinitx “direttament” attiva fis-swieq tat-trasport bl-ajru li fihom Air France u KLM kienu attivi, billi kkonstatat li r-rwol tal-imsemmija kumpannija holding kien li tipprovdi appoġġ lis-sussidjarji tagħha “fil-qasam tal-informatika, tar-riżorsi umani, tal-kummerċjalizzazzjoni, diġitalizzazzjoni, tal-komunikazzjoni u tal-innovazzjoni”.

85      Madankollu, fil-punt 38 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li Air France u KLM, taħt l-awspiċi tal-kumpannija holding Air France-KLM, kienu jikkoordinaw bejniethom fil-“qasam tal-bejgħ u tal-ġestjoni tal-prezzijiet u tad-dħul abbażi tal-istrateġija ddeterminata fil-livell tal-kumpannija holding [Air France-KLM]”, bl-għajnuna tal-impjegati ta’ Air France u ta’ KLM ikkollokati mal-imsemmija kumpannija holding għal dan l-għan. Tali konstatazzjoni tirriżulta wkoll mill-punt 91 tal-imsemmija deċiżjoni.

86      Minn dan jirriżulta li, għalkemm, ċertament, il-kumpannija holding Air France-KLM ma tipprovdix hija stess servizzi ta’ trasport bl-ajru, xorta jibqa’ l-fatt li hija għandha rwol strateġiku fil-provvista ta’ dawn is-servizzi, b’mod partikolari fil-qasam tal-bejgħ u tal-ġestjoni tal-prezzijiet u tad-dħul, u li hija, barra minn hekk, involuta fit-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-operazzjonijiet li jirrigwardaw il-flotta (ara l-punt 77 iktar ’il fuq), li jikkonferma l-eżistenza ta’ livell ta’ integrazzjoni bejn il-kumpannija holding Air France-KLM, Air France u KLM.

87      L-eżistenza ta’ ċerta koordinazzjoni funzjonali fi ħdan il-grupp Air France-KLM tintwera, barra minn hekk, mill-eżempju ta’ “Transavia”, invokat mir-rikorrenti. Kif jirriżulta mit-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-mistoqsijiet magħmula fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, fi ħdan l-imsemmi grupp, jeżistu diversi kumpanniji li jinkludu l-isem “Transavia”, li wħud minnhom huma attivi fis-suq tas-servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri. Dawn huma Transavia France SAS u Transavia Airlines CV, imsejħa rispettivament “Transavia France” u “Transavia Netherlands” fid-deċiżjoni kkontestata. “Transavia France” u “Transavia Netherlands” huma sussidjarji ta’ Air France u ta’ KLM rispettivament. Il-Kummissjoni indikat f’dan ir-rigward li, minkejja li dawn iż-żewġ kumpanniji għandhom il-liċenzji, iċ-ċertifikati, id-drittijiet tat-traffiku, is-slots, l-assi, il-persunal u tmexxija tagħhom stess, huma jippreżentaw ruħhom fis-suq taħt l-istess trade mark Transavia u jaqsmu l-istess sit internet, fatt li ġie kkonfermat mill-kumpannija holding Air France-KLM waqt is-seduta. Barra minn hekk, kif isostnu r-rikorrenti, “Transavia” spiss tissemma bħala impriża unika fid-dokument ta’ reġistrazzjoni universali tal‑2019 meta dan tal-aħħar jirreferi għas-segment “low cost” tal-attività kummerċjali tal-grupp Air France-KLM. Dan l-eżempju jirrifletti ċerta kooperazzjoni funzjonali u kummerċjali bejn żewġ kumpanniji sussidjarji ta’ Air France u ta’ KLM.

88      Fit-tielet lok, mill-punti 32 sa 34 u 91 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-kumpannija holding Air France-KLM tassumi wkoll funzjonijiet finanzjarji għall-bżonnijiet ta’ Air France u ta’ KLM. Minn naħa, hija tipprovdi b’mod partikolari istruzzjonijiet baġitarji lis-sussidjarji tagħha. Min-naħa l-oħra, hija tista’, “okkażjonalment” skont id-deċiżjoni kkontestata, tiġġenera kapital fis-swieq finanzjarji (dejn jew kapital proprju) favur is-sussidjarji tagħha skont il-ħtiġijiet individwali tagħhom. Fir-rigward tal-ħruġ ta’ azzjonijiet jew ta’ strumenti li jagħtu aċċess għall-kapital, dawn it-tranżazzjonijiet jitwettqu wkoll fil-livell tal-imsemmija holding, filwaqt li d-djun fi ħdan il-grupp Air France-KLM jiġu “prinċipalment” ikkuntrattati direttament minn Air France u KLM.

89      Għandu jingħad ukoll, bħalma għamlu r-rikorrenti u kif jirriżulta mill-punti 75 sa 80 iktar ’il fuq, li l-kumpannija holding Air France-KLM hija involuta fil-koordinazzjoni u l-approvazzjoni tal-investimenti importanti tas-sussidjarji tagħha, l-operazzjonijiet ta’ akkwist ta’ azzjonijiet u ta’ trasferiment, u tal-ġestjoni tar-riskji finanzjarji u tal-koperturi neċessarji li għandhom jiġu stabbiliti li huma s-suġġett ta’ monitoraġġ kontinwu u permanenti fil-livell tal-grupp Air France-KLM.

90      Ir-rwol finanzjarju meħud mill-kumpannija holding Air France-KLM jidher, f’dan il-każ, mill-fatt, irrilevat fil-punt 36 tad-deċiżjoni kkontestata, li din għandha dritt ta’ approvazzjoni għall-operazzjonijiet ta’ finanzjament tas-sussidjarji tagħha li jaqbeż il-EUR 150 miljun, u li, konsegwentement, hija kellha tapprova l-miżura inkwistjoni.

91      Fid-deċiżjoni kkontestata u waqt is-seduta, il-Kummissjoni, filwaqt li rrikonoxxiet ir-rwol finanzjarju li kellha l-kumpannija holding Air France-KLM fil-konfront tas-sussidjarji tagħha, irrelativizzat l-importanza tiegħu, billi kklassifikatu bħala “limitat” (punt 32 tad-deċiżjoni kkontestata).

92      Madankollu, mill-punti 73 u 77 iktar ’il fuq jirriżulta li d-deċiżjonijiet importanti jew strateġiċi fil-qasam tal-finanzjament, tal-investiment u tal-flotta huma kkoordinati, jew saħansitra approvati, mill-kumpannija holding Air France-KLM.

93      Din il-konklużjoni hija kkorroborata mid-data li tinsab fid-dokument ta’ reġistrazzjoni universali tal‑2019, li minnha jirriżulta li l-kumpannija holding Air France-KLM wettqet sensiela ta’ ħruġ ta’ bonds ta’ ammonti sinjifikattivi, li “l-istrateġija finanzjarja hija deċiża mill-grupp [Air France-KLM] b’koordinazzjoni ma’ [Air France] u [KLM]”, li l-imsemmija kumpannija holding kienet l-emittent “prinċipali” tat-titoli ta’ bonds, u li l-imsemmi grupp kien jipprevedi “użu sistematiku tal-finanzjamenti fis-swieq [permezz ta’] Air France-KLM”.

94      Minkejja dan, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li Air France u KLM kienu “funzjonalment awtonomi”, billi bbażat ruħha fuq l-elementi li ġejjin (punt 37 tad-deċiżjoni kkontestata).

95      L-ewwel, Air France u KLM għandhom “timijiet ta’ ġestjoni distinti” (l-ewwel inċiż tal-punt 37 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, din l-affermazzjoni għandha tiġi kkwalifikata ħafna mill-elementi rrilevati fil-punti 73, 75 sa 80 u 83 iktar ’il fuq, li minnhom jirriżulta li l-kumpannija holding Air France-KLM għandha dritt ta’ veto fir-rigward tar-remunerazzjoni, tal-ħatra u tat-tkeċċija tad-diretturi tas-sussidjarji tagħha, li korpi mħallta fi ħdan il-grupp Air France-KLM huma inkarigati mill-kontroll u mill-koordinazzjoni ta’ ċerti deċiżjonijiet importanti li jikkonċernaw lis-sussidjarji tagħha u li l-imsemmija kumpannija holding tistrieħ fuq impjegati ta’ Air France u ta’ KLM ikkollokati magħha.

96      It-tieni, Air France hija “indipendenti u kompletament responsabbli” għall-“biċċa l-kbira” tal-elementi prinċipali tal-attivitajiet kummerċjali tagħha, b’mod partikolari r-riżorsi umani, il-flotta, l-iżvilupp tan-network, l-esperjenza tal-klijent, il-ġestjoni tal-passiġġieri u tal-merkanzija, l-attivitajiet ta’ manutenzjoni, l-operazzjonijiet tal-ajru, is-servizzi abbord u l-kummerċjalizzazzjoni (l-ewwel inċiż tal-punt 37 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, dawn l-affermazzjonijiet jinjoraw ir-rwol li kellha l-kumpannija holding Air France-KLM kemm fir-rigward tal-operazzjonijiet li jirrigwardaw il-flotta (ara l-punti 73 u 77 iktar ’il fuq), kif ukoll fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru, b’mod partikolari fil-qasam tal-bejgħ u tal-ġestjoni tal-prezzijiet u tad-dħul, li l-istrateġija tagħhom tiġi ddeterminata fil-livell tal-imsemmija holding (ara l-punti 85 sa 87 iktar ’il fuq).

97      It-tielet, Air France u KLM għandhom “organizzazzjoni finanzjarja indipendenti”, f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-finanzjament u l-kontroll tar-rapporti interni u esterni, tat-teżor, tal-awditu u tat-tassazzjoni (it-tieni inċiż tal-punt 37 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-punt 34 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat, barra minn hekk, li l-attivitajiet finanzjarji “ta’ kuljum” jitwettqu minn Air France u KLM b’mod indipendenti. Madankollu, dawn id-dikjarazzjonijiet huma f’kunflitt mal-fatt li kwalunkwe finanzjament li jaqbeż il-limitu ta’ EUR 150 miljun jew kwalunkwe investiment li jaqbeż EUR 5 miljun għandu jiġi approvat mill-kumpannija holding Air France-KLM. Barra minn hekk, il-fatt li l-attivitajiet finanzjarji “ta’ kuljum” jitmexxew minn Air France u KLM ma jikkontradixxix il-kunsiderazzjonijiet preċedenti.

98      Ir-raba’, Air France amministrat il-bżonnijiet tagħha ta’ likwidità “b’mod indipendenti mingħajr intervent ta’ KLM”. Pereżempju, id-deċiżjonijiet ta’ finanzjament tal-flotta tagħha jittieħdu fil-livell tal-bord tad-diretturi ta’ Air France u mhux fil-livell tal-kumpannija holding Air France-KLM. Ma jeżisti la “mekkaniżmu ta’ tqassim tal-profitti u tat-telf u lanqas ftehim ta’ ġbir flimkien ta’ flus bejn Air France u KLM” (punti 35, 36 u t-tielet inċiż tal-punt 37 tad-deċiżjoni kkontestata).

99      Madankollu, minn naħa, il-fatt li Air France u KLM jamministraw b’mod indipendenti l-likwidità tagħhom għandu wkoll jiġi kkwalifikat, sa fejn il-kumpannija holding Air France-KLM tiġġenera kapital fis-swieq favur is-sussidjarji tagħha (ara l-punt 88 iktar ’il fuq), fejn hija tapprova l-operazzjonijiet ta’ finanzjament lil hinn minn EUR 150 miljun u fejn tagħti istruzzjonijiet baġitarji lis-sussidjarji tagħha. Bl-istess mod, l-affermazzjoni li “d-deċiżjonijiet ta’ finanzjament tal-flotta tagħha jittieħdu fil-livell tal-bord tad-diretturi ta’ Air France u mhux fil-livell tal-kumpannija holding Air France-KLM” hija kontradetta miċ-ċirkustanzi rrilevati fil-punt 77 iktar ’il fuq.

100    Min-naħa l-oħra, għalkemm il-Kummissjoni affermat li ma kienx jeżisti mekkaniżmu ta’ tqassim tal-profitti u tat-telf, u lanqas ftehim ta’ ġbir flimkien tal-flus bejn Air France u KLM, hija xorta waħda rrilevat, fil-punt 43 tad-deċiżjoni kkontestata, li kienu jeżistu “ftehim[iet] ta’ tqassim tal-ispejjeż” bejn Air France u KLM u s-sussidjarji tagħhom. Mill-istess punt tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li jeżistu “attivitajiet komuni mmexxija b’mod konġunt minn Air France u KLM jew mis-sussidjarji tagħhom”. Dawn l-elementi jikkonfermaw l-eżistenza ta’ ċerta integrazzjoni u kooperazzjoni funzjonali bejn dawn tal-aħħar fi ħdan il-grupp Air France-KLM.

101    Għalhekk, il-konklużjoni li waslet għaliha l-Kummissjoni, jiġifieri li Air France u KLM igawdu minn awtonomija funzjonali, hija kkontestata mill-kunsiderazzjonijiet kollha li jidhru fil-punti 83 sa 100 iktar ’il fuq.

102    Għaldaqstant, ir-rabtiet funzjonali bejn il-kumpannija holding Air France-KLM, Air France u KLM jikkostitwixxu t-tieni element li jindika li dawn l-entitajiet jifformaw unità ekonomika waħda għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

–       Fuq irrabtiet ekonomiċi bejn ilkumpannija holding Air FranceKLM, Air France u KLM

103    Fil-punti 39 sa 41 u 92 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-kumpannija holding Air France-KLM, KLM u Air France kienu jgawdu de facto minn awtonomija ekonomika, għar-raġunijiet li ġejjin.

104    Qabelxejn, il-kumpannija holding Air France-KLM ma għandha ebda attività li tiġġenera dħul estern, b’tali mod li hija ma tistax issostni b’mod awtonomu lil Air France u KLM. Id-dħul tal-imsemmija kumpannija holding jiġi ġġenerat esklużivament internament mis-sussidjarji tagħha permezz ta’ kummissjoni ta’ ġestjoni li tkopri l-ispejjeż ta’ ġestjoni ta’ din il-kumpannija holding, ta’ tariffi tat-trade marks u ta’ ċerti mekkaniżmi ta’ ridistribuzzjoni tal-ispejjeż (punti 39 u 40 tad-deċiżjoni kkontestata). Sussegwentement, minkejja li l-kumpannija holding Air France-KLM tista’ tiġġenera fondi fis-swieq finanzjarji għall-bżonnijiet tas-sussidjarji tagħha, minn perspettiva ekonomika, ir-rwol tagħha huwa dak ta’ “intermedjarju” bejn is-sussidjarji tagħha u l-investituri, li jinvestu, fir-realtà, fl-imsemmija sussidjarji (punt 41 tal-imsemmija deċiżjoni). Fl-aħħar nett, ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn Air France u KLM jitmexxew f’kundizzjonijiet normali tas-suq u jiġu nnegozjati minn timijiet ta’ tmexxija awtonomi. Fir-rigward tal-ftehimiet ta’ tqassim tal-ispejjeż bejn dawn iż-żewġ kumpanniji, dawn jipprevedu kriterju ta’ tqassim ibbażat fuq l-“istandards tas-suq” (punti 42 u 43 ta’ din id-deċiżjoni).

105    F’dan ir-rigward, l-ewwel, kif isostnu r-rikorrenti, il-fatt li l-kumpannija holding Air France-KLM tiġġenera d-dħul tagħha biss mis-sussidjarji tagħha juri li teżisti ċerta interdipendenza ekonomika bejn l-imsemmija holding u s-sussidjarji tagħha. Dan huwa kkorroborat b’mod partikolari mill-fatt li Air France u KLM jippruvaw jiksbu sinerġiji permezz tal-koordinazzjoni tal-attivitajiet rispettivi tagħhom taħt l-awspiċi tal-kumpannija holding Air France-KLM, b’mod partikolari fil-qasam tal-bejgħ u tal-ġestjoni tal-prezzijiet u tad-dħul (ara l-punt 85 iktar ’il fuq), u li din il-kumpannija holding hija involuta fil-finanzjament tas-sussidjarji tagħha b’mod ikkoordinat (ara l-punti 88 sa 92 iktar ’il fuq).

106    It-tieni, anki jekk jitqies li l-kumpannija holding Air France-KLM taġixxi fis-swieq finanzjarji biss bħala “intermedjarja” bejn is-sussidjarji tagħha u l-investituri, dan jikkonferma l-fatt li l-kumpannija holding Air France-KLM taġixxi fl-interess ta’ dawn is-sussidjarji billi tiġġenera fondi għall-bżonnijiet tagħhom fis-swieq finanzjarji. Dan il-fatt juri li l-imsemmija kumpannija holding tinnegozja t-termini tal-finanzjament fis-swieq finanzjarji billi tibbaża ruħha fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-grupp Air France-KLM kollu kemm hu. Għaldaqstant, huwa permezz tal-kumpannija holding Air France-KLM li jitwettqu s-sinerġiji fi ħdan l-imsemmi grupp.

107    It-tielet, kif ġie rrilevat fil-punt 100 iktar ’il fuq, il-fatt, aċċettat mill-Kummissjoni, li jeżistu ftehimiet ta’ tqassim tal-ispejjeż bejn Air France u KLM kif ukoll attivitajiet imwettqa b’mod konġunt minn Air France u KLM u s-sussidjarji tagħhom jikkonferma l-eżistenza ta’ ċerta integrazzjoni u kooperazzjoni ekonomika bejniethom.

108    Ir-raba’, il-Kummissjoni ssostni, fil-punti 40 u 42 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-relazzjonijiet finanzjarji u kummerċjali bejn il-kumpannija holding Air France-KLM u s-sussidjarji tagħha Air France u KLM, kif ukoll dawk bejn dawn tal-aħħar stess, jitmexxew f’“kundizzjonijiet normali tas-suq”. B’mod partikolari, fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn Air France u KLM, hija tirreferi, f’dan il-kuntest, għall-fatt li dawn jibqgħu taxxabbli rispettivament fi Franza u fil-Pajjiżi l-Baxxi, li l-leġiżlazzjonijiet fiskali Franċiżi u Olandiżi kienu jipprovdu li l-operazzjonijiet kollha fi ħdan il-grupp għandhom isiru daqslikieku kienu ġew konklużi bejn partijiet indipendenti u li, għaldaqstant, ebda vantaġġ ma jista’ jgħaddi minn waħda għall-oħra permezz ta’ dan (punt 42 tad-deċiżjoni kkontestata). Għalkemm dawn l-elementi jidhru, ċertament, rilevanti għall-finijiet tal-intaxxar ta’ dawn il-kumpanniji fil-livell tal-Istati Membri, madankollu dawn ma humiex suffiċjenti sabiex juru l-eżistenza ta’ awtonomija ekonomika bejn il-kumpannija holding Air France-KLM, Air France u KLM fi ħdan il-grupp Air France-KLM, fid-dawl tal-elementi indikati fil-punti 104 sa 107 iktar ’il fuq.

109    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-għoti tal-miżura inkwistjoni kien iġġustifikat b’mod partikolari mill-impossibbiltà għal Air France li tikseb finanzjament fis-swieq tad-dejn u tal-kapital taħt kundizzjonijiet finanzjarji aċċettabbli u f’volumi suffiċjenti, u li l-għan tal-imsemmija miżura kien li jiġi evitat perikolu immedjat għat-tkomplija tal-attività ta’ Air France (punti 4 u 10 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-vantaġġ ta’ din il-miżura huwa rifless preċiżament fit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ammonti kbar ta’ likwidità li ma kinux ikunu disponibbli fil-kundizzjonijiet tas-suq. Għalhekk, minn naħa, tali miżura jkollha l-effett li ssaħħaħ il-pożizzjoni finanzjarja tal-grupp Air France-KLM fl-intier tagħha, sa fejn din tevita r-riskju ta’ falliment ta’ waħda mis-sussidjarji prinċipali tagħha, jiġifieri Air France, b’tali mod li tassigura lill-investituri u l-kredituri tal-kumpanniji tal-imsemmi grupp, filwaqt li jiġi ppreċiżat, barra minn hekk, li s-self minn azzjonist kien suġġett għas-self bankarju jew bonds mhux iggarantiti u mhux subordinati (punt 69 tal-imsemmija deċiżjoni). Min-naħa l-oħra, fid-dawl tar-rwol finanzjarju tal-kumpannija holding Air France-KLM fi ħdan dan il-grupp, din tista’, jekk ikun il-każ, tikseb, fl-interess tas-sussidjarji tagħha u għall-bżonnijiet tagħhom, finanzjament fis-swieq, li kien ikun inaċċessibbli għaliha fl-assenza tal-għajnuna jew taħt kundizzjonijiet inqas favorevoli.

110    Barra minn hekk, fl-assenza tal-miżura inkwistjoni, Air France ma kinitx tkun tista’ tkompli bl-attivitajiet tagħha u, konsegwentement, kienet ukoll tipperikola t-tkomplija tal-attivitajiet imwettqa b’mod konġunt ma’ KLM (ara l-punti 85, 87, 100 sa 107 iktar ’il fuq). Billi tippermetti għalhekk it-tkomplija tal-attivitajiet ta’ Air France, l-imsemmija miżura tippermetti wkoll, impliċitament iżda neċessarjament, it-tkomplija tal-attivitajiet imwettqa b’mod konġunt minn Air France u KLM.

111    Għaldaqstant, ir-rabtiet ekonomiċi bejn il-kumpannija holding Air France-KLM, Air France u KLM jikkostitwixxu t-tielet element li jindika li dawn l-entitajiet jifformaw unità ekonomika waħda għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

–       Fuq ilkuntratti li abbażi tagħhom ingħatat ilmiżura inkwistjoni

112    Fil-punti 44 sa 47, 93 u 94 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset, essenzjalment, li l-mekkaniżmi kuntrattwali, li abbażi tagħhom kienet ingħatat il-miżura inkwistjoni, kienu jiggarantixxu li Air France u s-sussidjarji tagħha kienu l-uniċi benefiċjarji tagħha.

113    Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, billi jirreferu għall-kontenut ta’ ċerti klawżoli tal-kuntratti inkwistjoni, li dawn tal-aħħar ma jistgħux jiggarantixxu li Air France hija l-unika benefiċjarja tal-miżura inkwistjoni.

114    Il-Kummissjoni tirribatti li l-mekkaniżmi kuntrattwali inkwistjoni huma ekwivalenti għal klawżola ta’ allokazzjoni, li twassal għall-vantaġġ finanzjarju u ekonomiku reali tal-miżura inkwistjoni esklużivament għal Air France.

115    Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-miżura inkwistjoni kellha tingħata abbażi ta’ tliet gruppi ta’ kuntratti: l-ewwel, kuntratt ta’ self iggarantit mill-Istat konkluż bejn grupp bankarju u l-kumpannija holding Air France-KLM (punti 15, 16, 45 u 46 tad-deċiżjoni kkontestata), it-tieni, ftehim konkluż bejn l-Istat u l-imsemmija holding dwar il-garanzija mill-Istat u li jistabbilixxi l-modalitajiet tagħha, kif ġie ppreċiżat mir-Repubblika Franċiża waqt is-seduta, peress li l-bażi legali ta’ din il-garanzija hija, barra minn hekk, il-Liġi Nru 2020–289 tat‑23 ta’ Marzu 2020 dwar l-Emenda Finanzjarja għall‑2020 u digriet tal-Ministeru għall-Ekonomija u, it-tielet, kuntratt ta’ self minn azzjonist konkluż bejn il-kumpannija holding Air France-KLM u l-Aġenzija tal-ishma tal-Istat (APE).

116    Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat, bħalma għamlu r-rikorrenti, li l-miżura inkwistjoni tingħata abbażi ta’ kuntratti konklużi bejn, minn naħa, grupp bankarju u l-Istat rispettivament u, min-naħa l-oħra, il-kumpannija holding Air France-KLM. Għalhekk, hija biss l-imsemmija kumpannija holding li assumiet drittijiet u obbligi fir-rigward tal-partijiet kontraenti tagħha, u mhux Air France.

117    Fit-tieni lok, kif ġie ppreċiżat fil-punt 90 iktar ’il fuq, il-finanzjament li joriġina mill-miżura inkwistjoni kien suġġett għall-approvazzjoni tal-kumpannija holding Air France-KLM.

118    Fit-tielet lok, kif isostnu r-rikorrenti, il-kumpannija holding Air France-KLM għandha drittijiet kuntrattwali importanti fir-rigward ta’ ċerti modalitajiet tal-għoti tal-miżura inkwistjoni.

119    Qabel kollox, għandha tiġi miċħuda l-oġġezzjoni tal-Kummissjoni li l-argumenti tar-rikorrenti dwar id-drittijiet kuntrattwali assunti mill-kumpannija holding Air France-KLM huma inammissibbli minħabba li tqajmu għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika.

120    Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jista’ jitqies li huwa estensjoni ta’ motiv jew ta’ lment invokat preċedentement, argument ġdid għandu jkollu, mal-motivi jew l-ilmenti inizjalment spjegati fir-rikors, rabta mill-qrib biżżejjed sabiex jista’ jitqies li jirriżulta mill-iżvilupp normali tad-dibattitu fi proċedura kontenzjuża (sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2023, Instituto Cervantes vs Il‑Kummissjoni, T‑376/21, EU:T:2023:331, punt 114). Dan huwa l-każ hawnhekk. Fil-fatt, fir-rikors, ir-rikorrenti sostnew b’mod partikolari, billi għamlu riferiment għall-punt 66 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-dispożizzjonijiet tal-kuntratt tas-self minn azzjonist kienu juru li l-kumpannija holding Air France-KLM u KLM kienu benefiċjarji potenzjali tal-miżura inkwistjoni, sa fejn l-imsemmija dispożizzjonijiet kienu jorbtu r-remunerazzjoni tal-imsemmi self ma’ żieda futura tal-kapital jew mal-kompożizzjoni futura tal-kapital tal-kumpannija holding Air France-KLM. Dan l-argument ġie sempliċement imwessa’ fir-replika, li fiha r-rikorrenti ċċitaw ċerti dispożizzjonijiet ta’ dan il-kuntratt, indikati fl-imsemmi punt tad-deċiżjoni kkontestata, b’risposta għall-argument tal-Kummissjoni ppreżentat fir-risposta, li jgħid li r-rikorrenti ma kinux issostanzjaw l-argument tagħhom dwar id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi kuntratt. Din l-estensjoni tirriżulta għalhekk mill-iżvilupp normali tad-dibattitu fi proċedura kontenzjuża, b’tali mod li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.

121    Fir-rigward tal-mertu, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel, bħalma għamlu r-rikorrenti, li, skont it-termini tal-kuntratti inkwistjoni, il-“grupp Air France-KLM” kellu l-għażla li jestendi l-iskadenza tas-self iggarantit mill-Istat, inizjalment stabbilita għal sena, b’sena jew sentejn addizzjonali b’tul massimu ta’ tliet snin (punt 53 tad-deċiżjoni kkontestata). Bl-istess mod, l-iskadenza tal-garanzija mill-Istat setgħet tiġi estiża fuq għażla tal-imsemmi grupp (punt 58 tad-deċiżjoni kkontestata).

122    It-tieni, kif josservaw ġustament ir-rikorrenti, il-kumpannija holding Air France-KLM setgħet ukoll tiddeċiedi li testendi l-iskadenza tas-self minn azzjonist, inizjalment iffissat għal erba’ snin, b’perijodu ta’ sena, li jista’ jiġġedded darba (punt 64 tad-deċiżjoni kkontestata).

123    It-tielet, ir-rikorrenti jsostnu, mingħajr kontestazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, li l-kumpannija holding Air France-KLM tista’ tiddeċiedi li l-pagamenti abbażi tar-rati ta’ interessi annwali fuq is-self minn azzjonist jistgħu jiġu kkapitalizzati, jiġifieri akkumulati, minflok jitħallsu fuq bażi annwali.

124    Ir-raba’, ir-remunerazzjoni tas-self minn azzjonist tiddependi mid-deċiżjoni tal-laqgħa ġenerali tal-kumpannija holding Air France-KLM dwar proġett ta’ żieda fil-kapital tal-imsemmija kumpannija holding. Għalhekk, huwa previst li r-rata tal-interessi applikabbli għall-imsemmi self tiżdied b’550 punt bażi fil-każ ta’ nuqqas ta’ approvazzjoni mil-laqgħa ġenerali tal-kumpannija holding Air France-KLM ta’ proġett ta’ żieda fil-kapital ta’ din il-kumpannija holding li għandu jippermetti l-inkorporazzjoni tal-ammont kollu jew ta’ parti minnu ta’ dan is-self jew inkella ta’ implimentazzjoni ta’ żieda fil-kapital li ma tagħtix id-dritt lill-Istat li jipparteċipa sas-sehem tal-kapital tiegħu fl-istess kumpannija holding (it-tielet inċiż tal-punt 66 tad-deċiżjoni kkontestata).

125    Minn dan isegwi li diversi modalitajiet tal-għoti tal-miżura inkwistjoni, li jikkonċernaw b’mod partikolari l-iskadenza u r-remunerazzjoni tagħha, huma espliċitament suġġetti għad-deċiżjoni tal-kumpannija holding Air France-KLM.

126    Fir-raba’ lok, il-kunsiderazzjonijiet preċedenti ma humiex ikkontestati mill-fatt li l-kumpannija holding Air France-KLM u Air France kienu kkonkludew “kuntratti back-to-back” intiżi li jwasslu l-finanzjament inkwistjoni għal Air France (iktar ’il quddiem il-“kuntratti back-to-back”).

127    Skont il-Kummissjoni, dawn il-kuntratti back-to-back jiggarantixxu, essenzjalment, li l-finanzjament inkwistjoni jibbenefikaw effettivament minnu b’mod esklużiv Air France u s-sussidjarji tagħha u “jipprojbixxu t-trasferiment jew l-użu [ta’ dan il-finanzjament] għall-benefiċċju ta’ KLM” (punt 46 tad-deċiżjoni kkontestata). Insostenn ta’ din l-affermazzjoni, hija ċċitat, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 7 tad-deċiżjoni kkontestata, l-Artikolu 2.2 tal-kuntratt tas-self minn azzjonist, li jipprevedi li l-imsemmi self huwa intiż li jiffinanzja t-tqegħid għad-dispożizzjoni mill-kumpannija holding Air France-KLM għal Air France ta’ kont kurrenti ta’ azzjonist intiż li jiffinanzja l-bżonnijiet ta’ likwidità ta’ Air France u, jekk ikun il-każ, tas-sussidjarji tagħha. Hija rreferiet ukoll għall-Artikolu 3.1 tal-kuntratt dwar is-self iggarantit mill-Istat, li jipprevedi li dan is-self għandu bħala għan il-“finanzjament tal-bżonnijiet tal-grupp ikkawżati mill-kriżi tal-COVID-19 sabiex iżomm l-attivitajiet kummerċjali tiegħu u l-impjegati tiegħu fi Franza”. Barra minn hekk, dejjem fil-fehma tagħha, id-definizzjoni tal-“Grupp” li tinsab f’dan il-kuntratt teskludi espressament lil KLM. Fl-aħħar nett, iż-żewġ kuntratti jinkludu klawżoli, rispettivament, l-Artikolu 7.1(a) u l-Artikolu 18.3(a), li abbażi tagħhom użu mhux konformi mal-għan stabbilit rispettivament fl-Artikolu 2.2 u fl-Artikolu 3.1 jikkostitwixxi “inadempjenza”.

128    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel, bħalma għamlu r-rikorrenti, li l-garanzija mill-Istat ma hijiex is-suġġett ta’ dawn il-kuntratti back-to-back. Fuq livell kuntrattwali, hija għalhekk ma hijiex “ittrasferita” lil Air France, iżda tibqa’ dejjem fil-livell tal-kumpannija holding Air France-KLM, kif barra minn hekk ikkonfermat ir-Repubblika Franċiża waqt is-seduta. Minn dan isegwi li din il-garanzija, li tagħmel parti integrali mill-miżura inkwistjoni, tibbenefika fuq livell kuntrattwali biss lill-kumpannija holding Air France-KLM.

129    It-tieni, skont it-termini tal-Artikolu 3.1 tal-kuntratt dwar is-self iggarantit mill-Istat, kif irriprodotti fid-deċiżjoni kkontestata, il-miżura inkwistjoni hija intiża li tiffinanzja l-bżonnijiet tal-“grupp” ikkawżati mill-kriżi tal-COVID-19. Il-Kummissjoni tispjega, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 7 tad-deċiżjoni kkontestata, li, konformement ma’ dan l-artikolu, l-imsemmi finanzjament huwa intiż li “iżomm [l-]attivitajiet kummerċjali u [l-]impjegati fi Franza”, li jista’ jikkonċerna biss, skont il-Kummissjoni, il-bżonnijiet ta’ Air France u tas-sussidjarji tagħha, peress li l-kumpannija holding Air France-KLM ma għandhiex attività kummerċjali u “ftit li xejn ma għandha impjegati fi Franza”.

130    Madankollu, din l-ispjegazzjoni ma hijiex konvinċenti. Fil-fatt, min-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 7 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li d-definizzjoni ta’ “grupp”, fis-sens tal-imsemmi kuntratt, teskludi biss lil KLM, u mhux lill-kumpannija holding Air France-KLM. Dan il-fatt huwa kkorroborat, barra minn hekk, mill-affermazzjoni li tinsab fil-punt 46 tal-imsemmija deċiżjoni, li l-kuntratti inkwistjoni jipprojbixxu t-trasferiment jew l-użu ta’ fondi “għall-benefiċċju ta’ KLM”, mingħajr ma jsemmu li tali projbizzjoni tapplika wkoll fir-rigward tal-kumpannija holding Air France-KLM.

131    Bl-istess mod, kif ġie rrilevat fil-punt 83 iktar ’il fuq, huwa paċifiku li l-kumpannija holding Air France-KLM għandha l-impjegati tagħha stess fi Franza, b’tali mod li l-ispjegazzjoni tal-Kummissjoni li tinsab fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 7 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-fatt li l-Artikolu 3.1 tal-kuntratt dwar is-self iggarantit mill-Istat jirreferi għall-għan li jinżammu l-“impjegati fi Franza” ifisser li dan l-artikolu jirrigwarda biss lil Air France, lanqas ma hija konvinċenti.

132    It-tielet, huwa paċifiku li l-kumpannija holding Air France-KLM iżżomm parti mill-fondi li joriġinaw mill-miżura inkwistjoni. Fil-fatt, mit-tielet inċiż tal-punt 46 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta, essenzjalment, li l-kuntratt back-to-back dwar is-self iggarantit mill-Istat jipprevedi li l-imsemmija kumpannija holding għandha “marġni addizzjonali” intiż li jkopri l-ispejjeż sostnuti mill-istess kumpannija holding fil-kuntest tal-ġestjoni tal-imsemmija miżura.

133    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tispjega, fl-istess punt tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ammont ta’ dan il-marġni huwa “baxx” u li l-imsemmi marġni huwa “konformi […] mal-prinċipju tad-dritt Franċiż ta’ interess soċjali”. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma eżaminat fl-imsemmija deċiżjoni la n-natura u l-portata tal-allegati servizzi pprovduti mill-kumpannija holding Air France-KLM waqt it-trasferiment tal-fondi lil Air France, la l-allegati spejjeż sostnuti minn din il-kumpannija holding f’dan il-kuntest, u lanqas il-punt dwar jekk l-imsemmi “marġni addizzjonali” jikkorrispondix għall-imsemmija spejjeż. Minn dan isegwi, kif isostnu, essenzjalment, ir-rikorrenti, li l-imsemmija kumpannija holding parzjalment għandha tgawdija effettiva tal-finanzjament inkwistjoni. Bl-istess mod, il-fatt, jekk jitqies li huwa stabbilit, li dan il-marġni huwa konformi mad-dritt nazzjonali ma jfissirx fih innifsu li r-remunerazzjoni hekk irċevuta ma tistax titqies li tikkostitwixxi vantaġġ tal-istess kumpannija holding għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE.

134    Fin-nota ta’ intervent tagħha, Air France tinvoka klawżoli kuntrattwali oħra mhux imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata. Issa, hija ġurisprudenza stabbilita li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma tistax tiġi spjegata għall-ewwel darba u a posteriori quddiem il-qorti, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2011, Evropaïki Dynamiki vs BEI, T‑461/08, EU:T:2011:494, punt 109 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, tali elementi tal-kuntest kuntrattwali tal-miżura inkwistjoni, li l-Kummissjoni kellha jew seta’ kellha meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, iżda li ma ġewx irrilevati f’din id-deċiżjoni, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali sabiex tiġi kkompletata l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

135    Fil-ħames lok u fi kwalunkwe każ, l-eżistenza ta’ kuntratti back-to-back ma tbiddilx il-fatt li hija biss il-kumpannija holding Air France-KLM li assumiet drittijiet u obbligi kuntrattwali fir-rigward tal-grupp ta’ banek u tal-Istat, li diversi modalitajiet dwar l-għoti tal-miżura inkwistjoni, bħall-iskadenza tagħha u r-remunerazzjoni tagħha, huma deċiżi mill-grupp Air France-KLM u li l-garanzija mill-Istat tibqa’ kuntrattwalment f’isem l-imsemmija kumpannija holding.

136    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-klawżoli kuntrattwali ċċitati fid-deċiżjoni kkontestata ma jippermettux li jiġi kkonstatat li l-uniċi benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni huma Air France u s-sussidjarji tagħha, bl-esklużjoni tal-kumpannija holding Air France-KLM u KLM, u s-sussidjarji li huma jikkontrollaw.

137    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tal-Kummissjoni li l-ġurisprudenza aċċettat li l-benefiċjarju ta’ għajnuna mill-Istat jista’ jkun biss waħda mill-kumpanniji li jagħmlu parti minn grupp, meta jeżistu b’mod partikolari klawżoli ta’ allokazzjoni li jwasslu l-vantaġġ tal-għajnuna lil waħda mill-kumpanniji tal-imsemmi grupp, bl-esklużjoni tal-kumpanniji l-oħra ta’ dan il-grupp.

138    F’dan ir-rigward, kif ġie rrilevat fil-punti 61 u 62 iktar ’il fuq, diversi fatturi għandhom, skont il-każ, jiġu eżaminati sabiex jiġi ddeterminat jekk entitajiet legali distinti jistgħux jitqiesu li jifformaw unità ekonomika waħda għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, bħar-rabtiet kapitalistiċi, organiċi, funzjonali u ekonomiċi bejn dawn l-entitajiet, il-kuntratti li abbażi tagħhom tkun ingħatat il-miżura ta’ għajnuna, kif ukoll it-tip ta’ miżura ta’ għajnuna mogħtija u l-kuntest tagħha. Għaldaqstant, din hija evalwazzjoni globali ta’ diversi fatturi speċifiċi għal kull każ. Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kuntratti li abbażi tagħhom ingħatat il-miżura ta’ għajnuna, l-evalwazzjoni tagħhom tiddependi evidentement fuq il-kontenut konkret tagħhom. Għalhekk, il-fatt li l-qrati tal-Unjoni kkonkludew, jew le, f’kawża partikolari, abbażi ta’ elementi konkreti speċifiċi għal din il-kawża, li l-benefiċjarju ta’ miżura ta’ għajnuna partikolari kienet entità waħda li tappartjeni għal grupp ta’ kumpanniji, bl-esklużjoni tal-entitajiet l-oħra ta’ dan il-grupp, ma jistax iwassal għal konklużjoni ġenerali f’sens jew f’ieħor.

139    Fi kwalunkwe każ, iċ-ċirkustanzi partikolari li wasslu għall-kawżi li taw lok għas-sentenzi ċċitati mill-Kummissjoni ma humiex paragunabbli ma’ dawk li wasslu għal din il-kawża.

140    L-ewwel, fis-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2003, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni (C‑457/00, EU:C:2003:387), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fil-punti 56 u 57, li, sabiex jiġi ddeterminat il-benefiċjarju ta’ miżura ta’ għajnuna, kellha tittieħed inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-eżistenza u l-formulazzjoni ta’ klawżoli ta’ allokazzjoni u li kien possibbli li tali analiżi twassal għall-konklużjoni li l-benefiċjarju tal-għajnuna jkun differenti mill-persuna li tkun ħadet is-self kontenzjuż. Għalhekk, konformement ma’ din is-sentenza, l-eżitu tal-imsemmija analiżi jiddependi mill-eżistenza u mill-kontenut preċiż tal-klawżoli kuntrattwali rilevanti. Issa, f’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punti 115 sa 136 iktar ’il fuq, huwa preċiżament skont il-kontenut tad-diversi klawżoli kuntrattwali applikabbli f’din il-kawża li l-Qorti Ġenerali tqis li dawn ma jippermettux li jiġi kkonstatat li l-uniċi benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni huma Air France u s-sussidjarji tagħha, bl-esklużjoni tal-kumpannija holding Air France-KLM u KLM u s-sussidjarji li huma jikkontrollaw. Barra minn hekk, il-kumpannija holding Air France-KLM għandha f’dan il-każ drittijiet u obbligi kuntrattwali importanti fl-amministrazzjoni tal-imsemmija miżura li jippermettulha taddatta l-miżura konformement mal-interessi tagħha stess u ma’ dawk tal-grupp Air France-KLM fl-intier tiegħu.

141    It-tieni, jeżistu diversi differenzi fattwali sinjifikattivi bejn din il-kawża u dawk li taw lok għas-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 1998, British Airways et vs Il‑Kummissjoni (T‑371/94 u T‑394/94, EU:T:1998:140). Fil-fatt, ir-rabtiet organiċi, funzjonali u ekonomiċi bejn l-entitajiet tal-grupp Air France-KLM irrilevati f’din il-kawża ma humiex paragunabbli ma’ dawk li jeżistu bejn il-kumpanniji kkonċernati fis-sentenza msemmija iktar ’il fuq. Pereżempju, il-miżura inkwistjoni tingħata permezz tal-kumpannija holding Air France-KLM, u mhux direttament lil Air France, kif kien il-każ fil-kawżi inkwistjoni. Barra minn hekk, f’dan il-każ, il-kumpannija holding Air France-KLM żammet il-prerogattivi strateġiċi kollha tagħha fil-qasam tal-finanzjament, tal-investiment u tal-operazzjonijiet li jirrigwardaw il-flotta, li ma kienx il-każ tal-kumpannija holding fil-kawżi ċċitati iktar ’il fuq. Fl-aħħar nett, l-imsemmija kumpannija holding ma kellha ebda dritt jew prerogattiva paragunabbli ma’ dawk miżmuma mill-kumpannija holding Air France-KLM fir-rigward ta’ diversi modalitajiet tal-għoti tal-miżura ta’ għajnuna, relatati b’mod partikolari mar-remunerazzjoni u mat-tul tagħha.

142    It-tielet, il-kawżi li taw lok għas-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2005, Saxonia Edelmetalle u ZEMAG vs Il‑Kummissjoni (T‑111/01 u T‑133/01, EU:T:2005:166), kienu jikkonċernaw każ differenti ħafna minn dak inkwistjoni f’din il-kawża. Fil-fatt, dawn kienu jikkonċernaw l-obbligu ta’ rkupru ta’ għajnuna mingħand ċerti sussidjarji ta’ grupp ta’ kumpanniji li kienu ġew indikati bħala l-benefiċjarji inizjali ta’ din l-għajnuna. F’dan ir-rigward, ġie deċiż, fil-punti 125 u 126 ta’ din is-sentenza, li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Kummissjoni ma tistax ġustament timputa b’mod awtomatiku l-obbligu ta’ rimbors lill-imsemmija sussidjarji ta’ parti mill-għajnuna kontenzjuża fl-assenza ta’ prova li dawn ikunu effettivament irċevewha, għas-sempliċi raġuni li huma kienu indikati bħala l-benefiċjarji inizjali tal-għajnuna kontenzjuża. Issa, dan il-każ ma huwiex relatat ma’ din il-kawża, b’tali mod li ma tista’ tinsilet ebda konklużjoni utli għas-soluzzjoni ta’ din il-kawża.

143    Għaldaqstant, il-kuntest kuntrattwali li abbażi tiegħu tingħata l-miżura inkwistjoni jikkostitwixxi r-raba’ element intiż li juri li l-kumpannija holding Air France-KLM, Air France u KLM jifformaw unità ekonomika waħda għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

–       Fuq ittip ta’ miżura ta’ għajnuna mogħtija u lkuntest tagħha

144    Fir-rigward tat-tip ta’ miżura ta’ għajnuna mogħtija u tal-kuntest tagħha, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamlu r-rikorrenti, li, fil-punt 11 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li s-self minn azzjonist jista’, eventwalment, jiġi inkorporat fil-kapital tal-“grupp Air France-KLM” waqt operazzjoni distinta, deċiża mill-“grupp Air France-KLM” sussegwentement.

145    Din il-perspettiva, li l-Kummissjoni kienet għalhekk informata dwarha fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni C(2020) 2983 final tagħha tal‑4 ta’ Mejju 2020, immaterjalizzat ruħha ftit xhur wara, fid-Deċiżjoni Air France-KLM u Air France (ara l-punt 10 iktar ’il fuq), li fiha l-Kummissjoni qieset li l-benefiċjarji tal-konverżjoni tas-self minn azzjonist fi strument ibridu, assimilat ma’ investiment f’kapital proprju, kienu kemm Air France u s-sussidjarji li hija tikkontrolla kif ukoll il-kumpannija holding Air France-KLM u s-sussidjarji li l-imsemmija kumpannija holding tikkontrolla, bl-eċċezzjoni ta’ KLM u tas-sussidjarji tagħha.

146    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li t-tieni deċiżjoni korrettiva tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 2983 final tal‑4 ta’ Mejju 2020, imsemmija fil-punti 5 u 12 iktar ’il fuq, ingħatat fis‑26 ta’ Lulju 2021, jiġifieri wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni Air France-KLM u Air France fil‑5 ta’ April 2021, b’tali mod li din tal-aħħar ma hijiex fatt li seħħ wara d-deċiżjoni kkontestata, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-imsemmija tieni deċiżjoni korrettiva.

147    F’dawn iċ-ċirkustanzi partikolari, għandu jiġi kkonstatat li kienet teżisti rabta kronoloġika, strutturali u ekonomika bejn il-miżura inkwistjoni u dik li hija s-suġġett tad-Deċiżjoni Air France-KLM u Air France, li l-Kummissjoni kellha għarfien sħiħ tagħha, b’tali mod li din id-deċiżjoni tal-aħħar kienet tikkostitwixxi element ta’ kuntest rilevanti li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-benefiċjarju tal-imsemmija miżura. Issa, minkejja dan, hija ma ħadithomx inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

148    Għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni lanqas ma spjegat, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-raġuni għalfejn id-determinazzjoni tal-benefiċjarji kienet differenti bejn id-deċiżjoni kkontestata u d-deċiżjoni Air France-KLM u Air France, minkejja li l-finanzjament ikkonċernat, għalkemm f’forma differenti, kien joriġina, fiż-żewġ każijiet, mis-self minn azzjonist.

149    Għaldaqstant, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, u fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 67 iktar ’il fuq, hija l-Kummissjoni li għandha tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-benefiċjarju tal-miżura inkwistjoni, it-tip ta’ miżura ta’ għajnuna mogħtija u l-kuntest tagħha.

–       Fuq iddifferenza bejn vantaġġ dirett jew indirett, minn naħa, u sempliċi effetti ekonomiċi sekondarji, minnaħa loħra

150    Il-Kummissjoni ssostni li l-miżura inkwistjoni għandha biss, l-iktar l-iktar, “sempliċi effetti ekonomiċi sekondarji” fir-rigward tal-kumpannija holding Air France-KLM u ta’ KLM, kif ukoll tas-sussidjarji ta’ dawn tal-aħħar, minbarra Air France u s-sussidjarji tagħha, li huma inerenti għal kull għajnuna mill-Istat, iżda li ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala vantaġġ dirett jew indirett favur dawn tal-aħħar.

151    Ir-rikorrenti jwieġbu li l-Kummissjoni ma wrietx b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-miżura inkwistjoni ma setgħetx tibbenefika lill-kumpanniji l-oħra tal-grupp Air France-KLM, pereżempju billi ssaħħaħ is-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpannija holding Air France-KLM u, indirettament, dik ta’ KLM. Tali effett imur lil hinn mis-sempliċi effett sekondarju inerenti għal kull miżura ta’ għajnuna.

152    F’dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni bejn il-kunċett ta’ “vantaġġ indirett” u dak ta’ “effetti sekondarji inerenti għal kull miżura ta’ għajnuna”.

153    Skont il-ġurisprudenza, impriża li tibbenefika minn vantaġġ indirett għandha titqies li hija benefiċjarja tal-għajnuna. Fil-fatt, vantaġġ mogħti direttament lil ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi jista’ jikkostitwixxi vantaġġ indirett u, għalhekk, għajnuna mill-Istat għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħra li jkunu impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Settembru 2000, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑156/98, EU:C:2000:467, punt 26, u tat‑13 ta’ Ġunju 2002, Il‑Pajjiżi Baxxi vs Il‑Kummissjoni, C‑382/99, EU:C:2002:363, punti 60 sa 66).

154    Barra minn hekk, skont il-paragrafu 115 tal-Avviż dwar il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat”, “[m]iżura tista’ tikkostitwixxi wkoll kemm vantaġġ dirett lill-impriża riċeventi kif ukoll vantaġġ indirett lil impriżi oħra, pereżempju, impriżi li joperaw fuq livelli sussegwenti ta’ attività”. In-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 179 ta’ dan l-avviż tippreċiża li, fil-każ fejn impriża intermedjarja tkun sempliċement strument għat-trasferiment tal-vantaġġ lill-benefiċjarju u ma żżomm l-ebda vantaġġ, hija normalment ma għandhiex titqies li hija l-benefiċjarju ta’ għajnuna mill-Istat.

155    Il-paragrafu 116 tal-Avviż dwar il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” jindika wkoll li għandha ssir distinzjoni bejn il-vantaġġi indiretti u sempliċi effetti ekonomiċi sekondarji li huma inerenti fi kważi l-miżuri kollha ta’ għajnuna mill-Istat. Għal dan il-għan, skont l-imsemmi paragrafu, għandhom jiġu eżaminati l-effetti prevedibbli tal-miżura minn perspettiva ex ante. Ikun hemm vantaġġ indirett jekk il-miżura tkun imfassla b’tali mod li tgħaddi l-effetti sekondarji tagħha “lejn impriżi jew gruppi ta’ impriżi identifikabbli”. In-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 181 ta’ dan l-avviż tispjega li, għall-kuntrarju, l-eżistenza ta’ sempliċi effett ekonomiku sekondarju fil-forma ta’ żieda fil-produzzjoni, li ma tammontax għal għajnuna indiretta, tista’ tiġi stabbilita meta l-għajnuna titwassal sempliċement permezz ta’ impriża, pereżempju, intermedjarju finanzjarju, li jgħaddiha bis-sħiħ lill-benefiċjarju tal-għajnuna.

156    F’dan il-każ, mill-analiżi li tinsab fil-punti 112 sa 143 iktar ’il fuq jirriżulta li l-kumpannija holding Air France-KLM ma hijiex “sempliċiment strument għat-trasferiment tal-vantaġġ lill-benefiċjarju” jew lil “intermedjarju finanzjarju” fis-sens tal-paragrafi 115 u 116 tal-Avviż dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, l-imsemmija kumpannija holding iżżomm hija stess, fuq livell ġuridiku, il-garanzija mill-Istat u tikkontrolla diversi modalitajiet tal-miżura inkwistjoni, li jippermettulha tadatta din il-miżura skont l-interessi proprji tagħha u dawk tal-grupp Air France-KLM b’mod ġenerali, b’tali mod li l-argument tal-Kummissjoni li din il-kumpannija holding u KLM jibbenefikaw biss minn sempliċi effetti ekonomiċi sekondarji inerenti għal kull għajnuna mill-Istat għandu jiġi miċħud.

157    Bl-istess mod, l-effetti prevedibbli tal-miżura inkwistjoni minn perspettiva ex ante, fid-dawl tat-tip ta’ miżura ta’ għajnuna mogħtija u tal-kuntest li din taqa’ fih, li jikkonsistu essenzjalment f’soluzzjoni ta’ finanzjament, jissuġġerixxu li din is-soluzzjoni ta’ finanzjament setgħet tkun ta’ benefiċċju għall-grupp Air France-KLM kollu kemm hu, billi ttejjeb il-pożizzjoni finanzjarja globali tiegħu, li jindika l-eżistenza tal-inqas ta’ vantaġġ indirett għall-benefiċċju ta’ “impriżi identifikabbli jew gruppi ta’ impriżi” fis-sens tal-paragrafu 116 tal-Avviż dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat.

158    Fil-fatt, jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 4 tad-deċiżjoni kkontestata li, fid-dawl tal-impatt finanzjarju sinjifikattiv u immedjat tal-pandemija tal-COVID-19, ir-Repubblika Franċiża ddeċidiet li takkumpanja lil Air France fl-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ finanzjament tranżitorji għall-bżonnijiet urġenti tagħha ta’ likwidità, sabiex jiġi evitat perikolu immedjat għat-tkomplija tal-attività tagħha. Għalhekk, peress li l-għan tal-miżura inkwistjoni huwa li tinstab soluzzjoni ta’ finanzjament sabiex jiġu ssodisfatti l-bżonnijiet ta’ likwidità ta’ Air France u peress li mill-proċess jirriżulta li l-kumpannija holding Air France-KLM għandha ċertu rwol fil-finanzjament tal-grupp Air France-KLM, l-imsemmija miżura għandha bħala effetti prevedibbli ex ante, minn naħa, li ttejjeb is-sitwazzjoni finanzjarja tal-imsemmija kumpannija holding, li hija parti għall-kuntratti inkwistjoni u li għandha drittijiet u obbligi kuntrattwali sinjifikattivi f’dan ir-rigward, u għalhekk, tal-imsemmi grupp kollu kemm hu, u, min-naħa l-oħra, li tiggarantixxi l-istabbiltà finanzjarja, inkluż għas-swieq finanzjarji, ta’ dan il-grupp kollu kemm hu, inkluż KLM.

159    Barra minn hekk, kif irrilevat fil-punti 109 u 110 iktar ’il fuq, fl-assenza tal-miżura inkwistjoni, il-perikolu immedjat għat-tkomplija tal-attivitajiet ta’ Air France, ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata, seta’ jinxtered għall-grupp Air France-KLM kollu, peress li Air France tikkostitwixxi waħda mis-sussidjarji prinċipali ta’ dan il-grupp, fid-dawl tal-fatt li tiġġenera parti sinjifikattiva mid-dħul tiegħu.

160    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mid-digriet tal‑21 ta’ Jannar 2016, Alcoa Trasformazioni vs Il‑Kummissjoni (C‑604/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:54), iċċitat mill-Kummissjoni insostenn tal-argument tagħha li, meta hija tikkalkola l-ammont tal-għajnuna, hija ma teżaminax l-effetti sekondarji tagħha għall-konsumaturi, għall-fornituri, għall-investituri jew għall-impjegati tal-benefiċjarju. Minn naħa, kif isostnu r-rikorrenti, il-kawża li tat lok għal dan id-digriet ma kinitx tikkonċerna sitwazzjoni intragrupp. Min-naħa l-oħra, kif ġie rrilevat fil-punti 156 sa 159 iktar ’il fuq, f’dan il-każ ma humiex involuti effetti ekonomiċi sekondarji ta’ miżura ta’ għajnuna fuq il-konsumaturi, il-fornituri, l-investituri jew l-impjegati.

161    Il-Kummissjoni u r-Repubblika Franċiża jirreferu wkoll għas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Aer Lingus u Ryanair Designated Activity (C‑164/15 P u C‑165/15 P, EU:C:2016:990), billi jsostnu essenzjalment li, skont din is-sentenza, l-effetti sekondarji ta’ miżura ta’ għajnuna ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern. Il-kawżi li taw lok għall-imsemmija sentenza kienu jikkonċernaw skema ta’ għajnuna fil-forma ta’ rata mnaqqsa ta’ taxxa nazzjonali fuq it-trasport bl-ajru, iddikjarata inkompatibbli mas-suq intern. Il-kwistjoni li qamet kienet b’mod partikolari dik dwar x’kellu jkun l-ammont tal-vantaġġ li kellu jiġi rkuprat mingħand il-benefiċjarji tal-għajnuna, li kienu kumpanniji tal-ajru. Dawn tal-aħħar essenzjalment sostnew li l-vantaġġ inkwistjoni kien għadda fuq il-passiġġieri, fil-forma ta’ tnaqqis fil-prezzijiet tal-biljetti tal-ajru. Huwa f’dan il-kuntest li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-irkupru tal-għajnuna kontenzjuża kien jinvolvi r-restituzzjoni tal-vantaġġ mogħti lill-kumpanniji tal-ajru, u mhux l-eventwali benefiċċju ekonomiku miksub minnhom mill-użu ta’ dan il-vantaġġ (punti 100 u 102). Issa, b’differenza minn dawk il-kawżi, din il-kawża ma tirrigwardax id-determinazzjoni tal-ammont tal-vantaġġ li għandu jiġi rkuprat fil-kuntest ta’ għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq intern, iżda tirrigwarda l-identifikazzjoni ex ante tal-benefiċjarji ta’ miżura ta’ għajnuna sabiex tiġi eżaminata l-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern. Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, ma hijiex kwistjoni, f’dan il-każ, tar-riperkussjonijiet ekonomiċi tal-miżura inkwistjoni fuq il-prezz tal-biljetti tal-ajru.

162    Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni li l-miżura inkwistjoni għandha, l-iktar l-iktar, sempliċi effetti ekonomiċi sekondarji fir-rigward tal-kumpannija holding Air France-KLM u tas-sussidjarji l-oħra tagħha, inklużi KLM u s-sussidjarji ta’ din tal-aħħar.

 Konklużjoni

163    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni kienu Air France u s-sussidjarji tagħha, bl-esklużjoni tal-kumpannija holding Air France-KLM u tas-sussidjarji l-oħra tagħha, inklużi KLM u s-sussidjarji ta’ din tal-aħħar, u konsegwentement, l-ewwel motiv għandu jintlaqa’.

164    Issa, l-Artikolu 107(3)(b) TFUE jeżiġi mhux biss li l-Istat Membru kkonċernat ikun effettivament affaċċjat b’disturb serju tal-ekonomija tiegħu, iżda wkoll li l-miżuri ta’ għajnuna adottati sabiex jiġi rrimedjat dan id-disturb ikunu, minn naħa, neċessarji għal dan l-għan u, min-naħa l-oħra, xierqa u proporzjonati sabiex jintlaħaq dan il-għan. Dan l-istess rekwiżit jirriżulta wkoll mill-paragrafu 19 tal-Qafas Temporanju (sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2021, Ryanair vs Il‑Kummissjoni (KLM; COVID-19), T‑643/20, EU:T:2021:286, punt 74).

165    Barra minn hekk, u b’mod iktar partikolari, l-applikazzjoni ta’ diversi kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-Qafas Temporanju tiddependi mid-definizzjoni tal-benefiċjarju tal-miżura inkwistjoni, bħal dawk previsti fil-paragrafu 25(d)(i) tal-Qafas Temporanju, li jipprovdi li l-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji pubbliċi ġodda għas-self titqies li hija kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, sa fejn, għas-self li jiskadi wara l‑31 ta’ Diċembru 2020, l-ammont globali tiegħu għal kull benefiċjarju ma jaqbiżx id-doppju tal-ammont tas-salarju annwali tal-benefiċjarju għall‑2019 jew għall-aħħar sena disponibbli. L-istess limitu massimu japplika għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ sussidji għas-self pubbliku, skont il-paragrafu 27(d)(i) tal-imsemmi qafas (sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2021, Ryanair vs Il‑Kummissjoni (KLM; COVID-19), T‑643/20, EU:T:2021:286, punt 75).

166    Għalhekk, l-eżami tan-neċessità u tal-proporzjonalità tal-għajnuna, b’mod ġenerali, u tal-osservanza tal-kundizzjonijiet iċċitati bħala eżempju fil-punt 165 iktar ’il fuq, b’mod partikolari, jippreżumi li l-benefiċjarju tal-għajnuna jkun identifikat minn qabel. Fil-fatt, l-identifikazzjoni żbaljata jew inkompleta tal-benefiċjarju ta’ miżura ta’ għajnuna jista’ jkollha effett fuq l-analiżi kollha tal-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq intern.

167    Għaldaqstant, hemm lok li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra tar-rikors.

168    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-possibbiltà għall-Istati Membri li jagħtu għajnuna mill-Istat lil kumpanniji li jappartjenu lil grupp ta’ kumpanniji attivi f’diversi Stati Membri, għandu jitfakkar, għall-finijiet utli kollha, li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom dmirijiet reċiproċi ta’ kooperazzjoni leali, skont l-Artikolu 4(3) TUE. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom għalhekk jikkollaboraw in bona fide sabiex jiżguraw l-osservanza sħiħa tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE, b’mod partikolari dawk dwar l-għajnuna mill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Is‑Slovakkja, C‑507/08, EU:C:2010:802, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali u ta’ koordinazzjoni japplika iktar u iktar meta Stati Membri differenti jkollhom l-intenzjoni li fl-istess ħin jagħtu għajnuna lil entitajiet li jappartjenu għall-istess grupp ta’ kumpanniji li joperaw b’mod ikkoordinat fis-suq intern bl-għan li jibbenefikaw minnha b’mod sħiħ.

 Fuq lispejjeż

169    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll għal dawk tar-rikorrenti, konformement mat-talbiet ta’ dawn tal-aħħar.

170    Konformement mal-Artikolu 138(1) u (3) tar-Regoli tal-Proċedura, l-intervenjenti għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 2983 final tal4 ta’ Mejju 2020 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.57082 (2020/N) – Franza COVID-19 – Qafas Temporanju 107(3)(b) – Garanzija u self minn azzjonist għall-benefiċċju ta’ Air France, kif ikkoreġuta bid-Deċiżjonijiet C(2020) 9384 final tas17 ta’ Diċembru 2020, u C(2021) 5701 final tas26 ta’ Lulju 2021, hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha, kif ukoll dawk sostnuti minn Ryanair DAS u Malta Air ltd.

3)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, Air France-KLM u Société Air France għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Van der Woude

Kornezov

De Baere

Petrlík

 

      Kingston

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑20 ta’ Diċembru 2023.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.