Language of document :

Rikors ippreżentat fil-25 ta’ April 2017 – Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-239/17)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (rappreżentanti: D. Klebs u T. Henze)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla l-Artikolu 1 u l-anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/264, tal-14 ta’ Frar 2017, li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri fi ħdan il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u fi ħdan il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), sa fejn f’dawn huma esklużi mill-finanzjament mill-Unjoni l-pagamenti magħmula mill-aġenzija ta’ pagament tal-Hauptzollamt Hamburg-Jonas tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li jistgħu jiġu imputati lill-FAEG fl-ammont ta’ EUR 1 964 861.71, kif ukoll

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-ebda kalkolu u dikjarazzjoni żbaljata tal-interessi

Ksur tal-Artikolu 31(1) flimkien mal-Artikolu 32(5) tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005 1 kif ukoll l-Artikolu 6(h) tar-Regolament (KE) Nru 885/2006 2 [rispettivament l-Artikolu 52(1) flimkien mal-Artikolu 54(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 3 kif ukoll l-Artikolu 29(f) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014 4 ] għaliex spejjeż ġew esklużi mill-finanzjament, minkejja li l-awtoritajiet Ġermaniżi kienu kkonformaw mad-dispożizzjonijiet rilevanti kollha applikabbli fiż-żmien inkwistjoni, u b’mod partikolari kkalkolaw u ddikjaraw l-interessi skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fit-Tabella 3 skont ir-Regolament (KE) Nru 885/2006 [fil-verżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1233/2007 5 ].

It-tieni motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni

Ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, għaliex il-Kummissjoni ma mmotivatx b’mod suffiċjenti u konsistenti għalfejn mill-Artikolu 31(1) moqri flimkien mal-Artikolu 32(5) tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005 kif ukoll l-Artikolu 6(h) tar-Regolament (KE) Nr 885/2006 fil-verżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1233/2007 għandu jirriżulta obbligu tal-Istati Membri, li, diġà fis-snin 2006 sa 2008, fil-każ ta’ irregolaritajiet fl-irkupru fuq l-esportazzjoni fit-Tabella 3 skont ir-Regolament (KE) Nru 885/2006 fil-verżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1233/2007, diġà jindikaw l-irkupri u l-interessi marbuta magħhom f’linja komuni u jerġa’ qabel id-determinazzjoni tal-interessi (fejn l-eżistenza tad-dritt għal interessi f’dan ir-rigward ma hijiex ikkontestata). Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma mmotivatx b’mod suffiċjenti u konsistenti kif ksur tal-obbligi ta’ kontrolli ċentrali kien ikkostitwit konkretament.

It-tielet motiv ibbażat fuq skadenza tat-terminu skont l-Artikolu 31(4) tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005

Ksur tal-Artikolu 31(4)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005 u tal-Artikolu 52(4)(a) tar-Regolament (EU) Nru 1306/2013, għaliex il-Kummissjoni ma kkomunikatx bil-miktub, u b’hekk b’mod effettiv, fi żmien 24 xahar wara l-punt li fih ġew inkorsi l-ispejjeż il-kritiki (kalkolu u dikjarazzjoni tal-interessi kif ukoll ommissjoni ta’ kontrolli ċentrali) li fuqhom kienet ibbażat l-esklużjoni tal-ispejjeż.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq tul eċċessiv tal-proċedura

Ksur tal-Artikolu 31 tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005 kif ukoll tal-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 885/2006 u tal-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 kif ukoll tal-Artikolu 34 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014 flimkien mal-prinċipju ġenerali li proċedura amministrattiva għandha titmexxa f’terminu raġonevoli u ksur tad-drittijiet tad-difiża, għaliex it-tul tal-proċedura quddiem il-Kummissjoni kien eċċessiv.

Il-ħames motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

Ksur tal-Artikolu 31(2) tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005 u tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għaliex bil-korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 %, il-Kummissjoni ma evalwatx b’mod xieraq in-natura u l-portata ta’ eventwali ksur. B’mod partikolari, il-Kummissjoni injorat il-fatt li l-Unjoni effettivament ma sofriet l-ebda telf finanzjarju u lanqas ma kellha r-riskju reali li jseħħ dannu u r-rikorrenti (mill-iktar) hija ħatja ta’ nuqqas minuri. Minbarra dan, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità għaliex hija għamlet korrezzjoni għas-sena kontabbli 2010 mingħajr rabta ċara mas-snin finanzjarji 2006 sa 2008.

____________

1 Regolament tal-Kunsil (KE) Nru 1290/2005, tal-21 ta’ Ġunju 2005, dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU L 209, p. 1).

2 Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 885/2006, tal-21 ta’ Ġunju 2006, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 dwar l-akkreditazzjoni tal-aġenziji tal-ħlas u ta’ korpijiet oħrajn u l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEG u tal-FAEŻR (ĠU L 322M, p. 162).

3 Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2013, dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, p. 549).

4 Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (EU) Nru 908/2014, tas-6 ta’ Awwissu 2014, li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni ta’ kontijiet, ir-regoli dwar kontrolli, garanziji u trasparenza (ĠU L 255, p. 59).

5 Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1233/2007, tat-22 ta’ Ottubru 2007, li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 885/2006 tal-21 ta’ Ġunju 2006 li jiffissa regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 fir-rigward tal-akkreditament tal-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħrajn u l-kwittanza tal-kontijiet tal-FAEG u l-FAEŻR (ĠU L 279, p. 10).