Language of document : ECLI:EU:T:2019:289

Kawża T239/17

(pubblikazzjoni ta’ estratti)

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tas7 ta’ Mejju 2019

“FAEG u FAEŻR – Infiq eskluż mill-finanzjament – Infiq imwettaq mill-Ġermanja – Korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa applikata għall-frekwenza insuffiċjenti tal-kontrolli ewlenin – Obbligu ta’ kalkolu u ta’ kontabbiltà annwali tal-interessi – Artikoli 31 u 32 tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005 – Artikolu 6(h) tar-Regolament (KE) Nru 885/2006 – Obbligu ta’ motivazzjoni – Proporzjonalità”

Agrikoltura – Finanzjament mill-FAEG u l-FAEŻR – Proċedura ta’ clearance tal-kontijiet – Ammonti rekuperabbli mill-Istat Membru – Nuqqas ta’ rkupru mill-Istat Membru fit-termini previsti tal-ammonti dovuti wara rregolaritajiet jew negliġenzi – Konsegwenzi finanzjarji – Teħid inkunsiderazzjoni tas-somma prinċipali, l-interessi u s-sanzjonijiet – Obbligu ta’ kalkolu u ta’ kontabbiltà annwali tal-interessi relatati mas-somom mhux irkuprati

(Regolament tal-Kunsill Nru 1290/2005, Artikolu 32(1), (3) u (5); Regolament tal-Kummissjoni Nru 885/2006, Artikolu 6(h), u Anness III).

(ara l-punti 36 sa 38, 41 sa 49, 56)

Sunt

Fis-sentenza Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (T‑239/17), mogħtija fis‑7 ta’ Mejju 2019, il-Qorti Ġenerali tat deċiżjoni dwar ir-rikors għall-annullament parzjali, ippreżentat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/264 (1) li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri fi ħdan il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u fi ħdan il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), sa fejn tirrigwarda lil dan l-Istat Membru. Wara li wettqet il-funzjoni tagħha ta’ kontroll tal-proċeduri Ġermaniżi ta’ rkupru tal-ħlasijiet mhux dovuti mibdija wara irregolaritajiet, il-Kummissjoni rrilevat, f’April 2010, xi irregolaritajiet min-naħa tal-aġenzija tal-ħlas f’dan l-Istat Membru. Konsegwentement, hija eżiġiet mill-awtoritajiet Ġermaniżi li jikkalkulaw mill-ġdid l-interessi mitluba mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja konformement mal-prinċipju ta’ qsim, f’partijiet ugwali bejn l-Istat Membru kkonċernat u l-baġit tal-Unjoni, tar-responsabbiltà finanzjarja (iktar ’il quddiem ir-“regola tal‑50/50”), mhux fuq bażi triennali, bħalma kienu għamlu, iżda fuq bażi annwali. Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni applikat għall-infiq iddikjarat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għas-sena 2010 korrezzjoni ta’ EUR 1 964 861,71.

Sabiex tiċħad dan ir-rikors, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, konformement mal-Artikolu 31 u mal-Artikolu 32(5) tar-Regolament Nru 1290/2005 (2), moqrija flimkien mal-Artikolu 6(h) tar-Regolament Nru 885/2006 (3), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża, kien hemm obbligu annwali – u mhux triennali, kif allegat mill-Ġermanja – ta’ kalkolu u ta’ kontabbiltà tal-interessi relatati mas-somom mhux irkuprati wara irregolaritajiet għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ qsim tar-responsabbiltà finanzjarja bejn l-Istati Membri u l-baġit tal-Unjoni matul il-clearance tal-kontijiet.

Skont il-Qorti Ġenerali, fil-fatt, il-kwistjoni tal-kalkolu u tal-kontabbiltà annwali tal-interessi tista’ tiġi dedotta minn interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 6(h) tar-Regolament Nru 885/2006. Din l-interpretazzjoni hija fidili wkoll għall-istruttura tal-proċedura ta’ clearance tal-kontijiet li ssir annwalment. Barra minn hekk, fl-assenza ta’ kalkolu u ta’ aġġornament annwali tal-interessi moratorji, fit-tabella tal-Anness III tar-Regolament Nru 885/2006 intiża għall-kalkolu tal-ammonti attribwibbli lill-Istati Membri skont ir-regola tal‑50/50, ma huwiex possibbli li wieħed ikun jaf l-ammont eżatt tal-interessi moratorji li għandu jiġi attribwit lill-Istat Membru kkonċernat. Tali ineżattezza tad-data ddikjarata hija inkompatibbli mal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-baġit tal-Unjoni, peress li din tal-aħħar hija għaldaqstant esposta għar-riskju li jkollha tħallas interessi moratorji.


1      Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/264 tal‑14 ta’ Frar 2017 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri fi ħdan il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u fi ħdan il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2017, L 39, p. 12).


2      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal‑21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU 2005, L 209, p. 1).


3      Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 885/2006 tal‑21 ta’ Ġunju 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 dwar l-akkreditazzjoni ta’ l-aġenziji tal-ħlas u ta’ korpijiet oħrajn u l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEG u tal-FAEŻR (ĠU 2008, L 322M, p. 162).