Language of document : ECLI:EU:F:2008:136

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tielet Awla)

4 ta’ Novembru 2008

Kawża F-126/07

Isabelle Van Beers

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz Pubbliku – Uffiċjali – Promozzjoni – Proċedura ta’ ċertifikazzjoni – Proċedura 2006 – Nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista tal-uffiċjali magħżula minn qabel – Artikolu 45a tar-Regolamenti tal-Persunal”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu I. Van Beers talbet, esenzjalment, l-annullament tad-deċiżjoni tal‑Kummissjoni, tat-29 ta’ Marzu 2007, li tiċħad il-kandidatura tagħha għall-proċedura ta’ ċertifikazzjoni għall-proċedura 2006.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Proċedura ta’ ċertifikazzjoni – Preselezzjoni tal-kandidati – Kriterji – Setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45a)

2.      Uffiċjali – Proċedura ta’ ċertifikazzjoni – Preselezzjoni tal-kandidati – Kriterji – Dispożizzjonijiet Ġenerali ta’ Implementazzjoni li jeżiġu ċerta anzjanità fi grad minimu tal-grupp ta’ funzjonijiet ta’ assistenti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45a; Anness XIII, Artikoli 1(4)(h), u 8(1))

1.      Mill-formulazzjoni u l-istruttura tal-Artikolu 45a tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta b’mod ċar li l-preselezzjoni tal-kandidati għandha tiddependi fuq iċ‑ċertifikazzjoni ta’ żewġ kategoriji ta’ kriterji, relatati, minn naħa, mal-kandidat innifsu, jiġifieri r-rapporti annwali tiegħu dwar l-iżvilupp tal-karriera u l-livell ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ tiegħu, u min-naħa l-oħra, il-ħtiġijiet tas-servizz. Hija kompetenza ta’ kull istituzzjoni li tispjega iktar dawn il-kriterji billi tistabbilixxi Dispożizzjonijiet Ġenerali ta’ Implementazzjoni. Għaldaqstant, istituzzjoni għandha dritt, l-ewwel, li tispjega, jekk ikun il-każ, f’iktar dettall, il-kriterji relatati mal-kandidati nfushom u, t-tieni, li tispjega l-portata li għandha l-intenzjoni li tagħti lill-“ħtiġijiet tas-servizz”, bl-introduzzjoni, jekk ikun il-każ, ta’ kriterji intiżi speċifikament sabiex jissodisfaw dawn il-ħtiġijiet, flimkien mad-dritt, fl-eżerċizzju tas‑setgħa diskrezzjonali tagħha, li tgħaqqad dawn il-kriterji mal-kriterji relatati mal-kandidati nfushom.

B’hekk, istituzzjoni ma tiksirx l-Artikolu 45a tar-Regolamenti tal-Persunal meta tadotta Dispożizzjonijiet Ġenerali ta’ Implementazzjoni li jipprovdu, minn naħa waħda, il-kundizzjoni ta’ anzjanità minima f’ċertu grad minimu tal-grupp ta’ funzjonijiet tal-assistenti, adattat skont il-livell ta’ edukazzjoni u tat-taħriġ tal‑imsemmi uffiċjal, u teżiġi, min-naħa l-oħra, li tlieta mill-aħħar ħames rapporti ta’ evalwazzjoni juru li l-uffiċjal għandu l-potenzjal rikjest sabiex jaqdi l‑funzjonijiet ta’ amministratur, peress li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet sempliċement jiċċaraw il-kontenut tal-Artikolu 45a tar-Regolamenti tal-Persunal u b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-“ħtiġijiet tas-servizz”, billi jintuża l-marġni ta’ manuvra permess mil-leġiżlatur fir-rigward ta’ din l-aħħar espressjoni.

(ara l-punti 35 sa 38, 41 u 43)

2.      Bħala parti mill-proċess ta’ ċertifikazzjoni, ir-rifjut tal-istituzzjoni li twettaq l‑evalwazzjoni konkreta tal-esperjenza professjonali ta’ uffiċjal tal-kategorija C l-antika, li kien effettivament eżerċita kompiti li jikkorrispondu għall-kategoriji l-antiki A jew B, ma jiksirx il-prinċipju ta’ trattament ugwali, ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ prospetti raġjonevoli ta’ karriera. Fil-fatt, fir-rigward tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, in‑nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ din l-esperjenza huwa bbażat fuq il‑kriterju oġġettiv tan-nuqqas ta’ appartenenza għall-kategorija B l-antika u kategorizzazzjoni bħal din, peress li ma hijiex essenzjalment diskriminatorja fir-rigward tal-għan li tfittex, ma tistax tiġi kkontestata lill-istituzzjoni, u dan anki jekk wieħed jissuponi li jkun hemm xi żvantaġġi okkażjonali li jistgħu jirriżultaw għal uffiċjal. Fir-rigward tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, dan jiġi osservat meta, minn naħa waħda, l-istituzzjoni kkonċernata tistabbilixxi, minn qabel, il-kundizzjonijiet li fuqhom tkun ibbażata l-preselezzjoni tal-kandidati u, min-naħa l-oħra, tapplika fedelment dawn il‑kundizzjonijiet, hekk li, mill-mument li kandidat ma jissodisfax l-imsemmija kundizzjoni ta’ anzjanità f’kategorija partikolari, l-istituzzjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma tieħux inkunsiderazzjoni l-esperjenza miksuba minnu fil‑kategorija C l-antika. Il-ksur tal-prinċipju tal-prospetti raġjonevoli ta’ karriera għandu wkoll jiġi miċħud għall-istess raġunijiet.

Fl-aħħar nett, uffiċjal li l-esperjenza tiegħu miksuba fil-kategorija C ma titteħidx inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-dħul għall-proċess ta’ ċertifikazzjoni ma jistax jinvoka ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi, la minħabba n-nuqqas fost il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 45a tar-Regolamenti tal-Persunal tal-kriterju ta’ anzjanità formali f’kategorija jew fi grad minimu ta’ grupp ta’ funzjonijiet, peress li istituzzjoni għandha dritt, minħabba li għandha setgħa diskrezzjonali suffiċjenti fid-dawl tal-ħtiġijiet tas-servizz, li tistabbilixxi kundizzjoni marbuta mal-anzjanità minima f’ċertu grad tal-grupp tal-funzjonijiet ta’ assistenti, u lanqas li tibbaża ruħha fuq il-fatt li s-superjur ġerarkiku tiegħu indika fir-rapporti tiegħu ta’ evalwazzjoni, li fid-dawl tal-merti tiegħu, huwa għandu jkollu l-possibbiltà li jidħol fil-funzjonijiet ta’ amministratur malajr, peress li dawn l‑indikazzjonijiet ma jistgħux jikkostitwixxu assigurazzjonijiet preċiżi u inkundizzjonati mill‑istituzzjoni, għaliex tali superjur ma huwiex id-dipartiment responsabbli għall‑implementazzjoni tal-proċedura ta’ ċertifikazzjoni.

(ara l-punti 63, 68, 69, 71, 72 u 76 sa 79)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 16 ta’ Ottubru 1980, Hochstrass vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, 147/79, Ġabra p. 3005, punt 14