Language of document : ECLI:EU:F:2009:31

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

2 ta’ April 2009

Kawża F-129/07

Georges-Stravros Kremlis

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Reklutaġġ – Għażla tal-proċedura – Kap ta’ rappreżentanza – Pożizzjoni vakanti – Kollokament fl-interess tas-servizz – Nuqqas ta’ kompetenza – Kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura ta’ kollokament”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu G.-S. Kremlis jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-21 ta’ Diċembru 2006 li tiċħad il-kandidatura tiegħu għall‑pożizzjoni vakanti ta’ kap tar-rappreżentanza tal‑Kummissjoni f’Ateni (il‑Greċja) u li taħtar lil P f’din il-pożizzjoni.

Deċiżjoni: Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet għall-finijiet tal- annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-21 ta’ Diċembru 2006, li tinnomina lil P. għall-pożizzjoni vakanti ta’ kap tar-rappreżentanza f’Ateni (il-Greċja). Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-21 ta’ Diċembru 2006, li tiċħad il-kandidatura tar-rikorrenti għall-pożizzjoni vakanti ta’ kap tar-rappreżentanza tal-Kummissjoni f’Ateni, hija annullata. Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Kollokament fl-interess tas-servizz

(Regolamenti tal-Persunal, it-tieni inċiż tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal‑Artikolu 37)

2.      Uffiċjali – Rikorsi – Interess ġuridiku – Rikors ippreżentat kontra ċ-ċaħda ta’ kandidatura għal pożizzjoni ta’ kap ta’ rappreżentanza tal-Kummissjoni – Kandidatura miċħuda minħabba proċedura inadegwata – Ammissibbiltà

1.      In-“natura politika u sensittiva” tal-funzjonijiet imwettqa mill-kapijiet ta’ rappreżentanza tal-Kummissjoni ma hijiex biżżejjed fiha nfisha sabiex tiġġustifika rikors għall-pożizzjoni ta’ kollokament ta’ uffiċjal. Tali interpretazzjoni tat-tieni inċiż tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 37 twassal sabiex jiġi permess il-kollokament ma’ kummissarji rispettivi tal-uffiċjali kollha li jeżerċitaw funzjonijiet “politiċi u sensittivi” fi ħdan l-istituzzjoni li normalment jitwettqu minn persunal ta’ grad għoli u għalhekk tippreġudika l-istruttura stess tas-servizz pubbliku Ewropew, kif stabbilita fl-Artikolu 35 tar-Regolamenti tal-Persunal, li tippreġudika, b’mod partikolari, it-trasparenza tar-relazzjonijiet ġerarkiċi.

Barra minn hekk, kollokament fl-interess tas-servizz ma’ “persuna li żżomm uffiċċju pprovdut fit-Trattati” jimplika l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ fiduċja reċiproka intuitu personae bejn din tal-aħħar u l-uffiċjal kollokat, liema relazzjoni timplika li jistgħu b’mod permanenti jitfasslu relazzjonijiet diretti u stretti bejn il-persuni kkonċernati, ibbażati fuq il-metodi ta’ xogħol partikolari tal-membru kkonċernat u tal-kabinett kollu tiegħu. Il-fatt li rapporti magħmula mill-kap ta’ rappreżentanza jiġu direttament indirizzati lill-kummissarju responsabbli, li kuntatti telefoniċi, skambju ta’ posta elettronika jew laqgħat li seħħew bejn il-kap ta’ rappreżentanza u l-kummissarju jew il-membri tal-kabinett tiegħu, jew anki li l-kontenut ta’ dawn l-iskambji jkun kunfidenzjali, ma jippermettux, fihom infushom, li jistabbilixxu n-natura intuitu personae tar-relazzjoni professjonali bejn il-kummissarju u l-kap ta’ rappreżentanza

L-applikabbiltà tat-tieni inċiż tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 37 tar-Regolamenti tal-Persunal tiddependi biss mill-kundizzjonijiet inklużi f’din id-dispożizzjoni, u bl-ebda mod mill-konsegwenzi amministrattivi li jirriżultaw mill-applikazzjoni tagħha. Kwalunkwe interpretazzjoni oħra tippermetti rikors għall-Artikolu 37 tar-Regolamenti tal-Persunal għal għan differenti minn dak li għalih ġie previst u għalhekk li jiġġustifika żvijar tal-proċedura.

(ara l-punti 74, 77, 79 u 81)

2.      Għall-impjiegi ta’ kap ta’ rappreżentanza tal‑Kummissjoni, l-awtorità ta’ ħatra hija investita fid-Direttur Ġenerali tal-Komunikazzjoni tal‑Kummissjoni, filwaqt li, għal dawn l-istess impjiegi, meta l-kap ta’ rappreżentanza jiġi kollokat ma’ membru tal-Kummissjoni, din l-awtorità hija investita fil-membru tal‑Kummissjoni responsabbli għall-kwistjonijiet tal-persunal u tal‑amministrazzjoni, bi ftehim mal-President tal-Kummissjoni, kif deċiż mill‑Awtorità tal-Ħatra. Peress li din id-differenza hija fiha nnifisha ta’ natura li tinfluwenza l-eżitu ta’ kwalunkwe proċedura ta’ ħatra, rikorrent, li l-kandidatura tiegħu kellha tiġi evalwata fil-kuntest ta’ waħda minn dawn il-proċeduri u li ġiet miċħuda fuq il-bażi tal-oħra, għandu interess ġuridiku sabiex l-illegalità inkwistjoni ma terġax isseħħ fil-kuntest ta’ proċedura simili ta’ għażla.

(ara l-punt 85)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il‑Kummissjoni, C‑362/05 P, Ġabra p. I‑4333, punt 50

Il-Qorti Ġenerali: 5 ta’ Lulju 2005, Wunenburger vs Il‑Kummissjoni, T‑370/03, ĠabraSP p. I‑A‑189 u II‑853, punt 20