Language of document : ECLI:EU:T:2007:146

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

22 ta’ Mejju 2007(*)

“Klawżola ta’ arbitraġġ – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza – Irkupru ta’ ħlas bil-quddiem magħmul mill-Komunità għal proġetti ffinanzjati fil-qasam tan-netwerks trans-Ewropej ta’ telekomunikazzjoni – Dekandenza – Natura rimborsabbli ta’ l-ispejjeż allegatament sostnuti”

Fil-kawża T‑500/04,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn G. Braun u W. Wils, u N. Knittlmayer, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

IIC Informations-Industrie Consulting GmbH, stabbilita f’Königswinter (Il-Ġermanja), irrappreżentata minn E. Rott u J. Wolff, avukati,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba skond l-Artikolu 238 KE, sabiex il-konvenuta tiġi ordnata tħallas lura parti mill-ħlas bil-quddiem magħmul mill-Komunità abbażi ta’ żewġ kuntratti ta’ finanzjament fil-kuntest ta’ programmi kulturali,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA

TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn J. Pirrung, President, N. J. Forwood u S. Papasavvas, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Novembru 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku u l-fatti tal-kawża

 Id-dritt Komunitarju applikabbli

1        L-għajnuna finanzjarja Komunitarja fil-qasam tan-netwerks trans-Ewropej huma mogħtija fuq il-bażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2236/95, tat-18 ta’ Settembru 1995, li jistabbilixxi regoli ġenerali għall-għoti ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja fil-qasam tan-networks trans-Ewropej (ĠU L 228, p. 1).

2        Skond l-Artikoli 1, 2 u 5 ta’ dan ir-regolament, proġett ta’ interess komuni, b’mod partikolari fil-qasam tan-netwerks trans-Ewropej ta’ infrastruttura tat-telekomunikazzjoni, jista’ jibbenefika minn għajnuna Komunitarja limitata għall-ammont minimu stmat neċessarju għat-tnedija tal-proġett.

3        L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2236/95 jipprovdi li l-għajnuna Komunitarja tista’ tkopri biss dawk l-ispejjeż marbuta mal-proġett u sostnuti mill-benefiċjarji jew minn terzi persuni responsabbli għat-twettiq tal-proġett. Bħala regola ġenerali, il-ħlasijiet isiru taħt forma ta’ ħlas bil-quddiem, imbagħad ħlas intermedju u fl-aħħar ħlas finali.

4        L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2236/95 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għat-tnaqqis, għas-sospensjoni u għar-revoka ta’ l-għajnuna Komunitarja. Il-Kummissjoni tista’ tnaqqas, tissospendi jew tirrevoka l-għajnuna għall-operazzjoni in kwistjoni jekk wara l-eżami tal-fajl relatat, ikun jidher li tkun twettqet irregolarità jew li waħda mill-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ l-għajnuna ma tkunx ġiet osservata. Kull akkumulazzjoni ta’ għajnuna Komunitarja li ma tkunx dovuta tagħti lok għar-rimbors tal-flus imħallsa indebitament. Kull ammont ta’ flus li għandu jiġi rkuprat għaliex ma jkunx dovut għandu jitħallas lill-Kummissjoni.

 Fatti li wasslu għall-kawża

5        Permezz ta’ deċiżjoni ta’ l-4 ta’ April 1996, il-Kunsill sejjaħ sabiex l-arti u l-kultura jiġu integrati fil-promozzjoni, mill-Unjoni Ewropea, tas-Soċjetà ta’ l-Informatika. Konsegwentement, il-Kummissjoni nediet inizjattiva dwar l-aċċess multimedja għall-wirt kulturali Ewropew, magħruf taħt l-isem ta’ "Memorandum ta’ Ftehim dwar il-Wirt Kulturali Ewropew". Fil-kuntest ta’ din l-inizjattiva, il-Kummissjoni ffinanzjat, b’mod partikolari, żewġ proġetti transkonfinali maħsuba sabiex fin-netwerk jiġu inklużi – permezz tal-ħolqien, bl-għajnuna ta’ għodod diġitali, ta’ bażi ta’ data komuni f’żona kulturali Ewropea – ta’ persuni stabbiliti f’pajjiżi differenti tal-Komunità, jiġifieri l-proġett "DCC – Digital Content for Culture" (aktar ’il quddiem "DCC") u l-proġett "Donna – Art, Design and Fashion Online" (aktar ’il quddiem "Donna").

6        L-għan tal-proġett DCC kien id-diġitalizzazzjoni tal-kontenut kulturali magħżul kif ukoll il-preżentazzjoni tiegħu, il-komunikazzjoni tiegħu u l-bejgħ tiegħu permezz ta’ l-Internet. Dan kien maħsub sabiex jiġġenera prodotti u servizzi ġodda fis-settur ekonomiku tal-kultura sabiex tintwera l-importanza tal-wirt kulturali Ewropej. Dan kellu jwassal għall-ħolqien ta’ impjiegi ġodda, b’mod partikolari għall-artisti u għad-disinjaturi, u ta’ opportunitajiet ġodda għall-impriżi innovattivi ta’ daqs żgħir u medju.

7        Il-proġett Donna kien maħsub sabiex jippermetti lil persuni b’kapaċitajiet kreattivi (artisti u disinjaturi) jippreżentaw, taħt forma diġitali, permezz ta’ softwer ta’ informazzjoni u komunikazzjoni, ix-xogħlijiet tagħhom fis-setturi ta’ l-arti, tad-disinn u tal-moda, sabiex tiġi assigurata komunikazzjoni interattiva mal-pubbliku. Dan il-proġett pilota kien globalment magħruf bħala forum virtwali li jippermetti lill-artisti u lid-disinjaturi f’oqsma differenti (prodotti industrijali, moda, televiżjoni, arkitettura, eċċ.) isiru jafu lil xulxin, jaqsmu l-ideat tagħhom u jistabbilixxu relazzjonijiet ma’ fornituri, klijenti, imsieħba u mal-medja.

8        Għal kull wieħed minn dawn il-proġetti, il-Komunità Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni, ikkonkludiet kuntratt ta’ finanzjament, fuq naħa, ma’ kumpannija b’responsabbiltà limitata taħt il-liġi Ġermaniża, IIC Infomations-Industrie Consulting, li topera fis-settur ta’ l-ippjanar strateġiku, tal-marketing u tal-konsulenza fil-qasam ta’ l-industrija ta’ l-informatika, u fuq in-naħa l-oħra, ma’ soċjetà anonima taħt il-liġi Ġermaniża, CSC Ploenzke (aktar ’il quddiem "Ploenzke"). Id-dati ta’ dawn il-kuntratti kienu t-18 ta’ Diċembru 1996, għal dak li jikkonċerna l-proġett DCC (kuntratt nru 45 528) u t-30 ta’ Diċembru 1996, għal dak li jikkonċerna l-proġett Donna (kuntratt nru 20 730).

9        Permezz ta’ dawn il-kuntratti, li d-dispożizzjonijiet rilevanti tagħhom huma kważi l-istess, il-Kummissjoni tinkariga ruħha li tagħti għajnuna finanzjarja Komunitarja li tkopri 50 % tal-kost eliġibbli tal-proġetti in kwistjoni.

10      Skond l-Artikolu 4 ta’ kull kuntratt, l-ispejjeż tal-proġetti kienu stmati bħala ECU 3360,000, għal dak li jikkonċerna l-proġett DCC, u bħala ECU 980,000 għall-proġett Donna. Skond l-Artikolu 2 ta’ kull kuntratt, it-tul tal-proġett DCC kien ta’ tnax-il xahar, u dak tal-proġett Donna kien ta’ disa’ xhur, li kellhom jibdew jiddekorru mill-ewwel jum tax-xahar wara dak ta’ l-aħħar firma tal-partijiet kontraenti, jiġifieri l-1 ta’ Jannar 1997.

11      Il-kuntratti, miktuba bl-Ingliż u li fihom klawżola ta’ arbitraġġ fis-sens ta’ l-Artikolu 238 KE favur il-Qorti tal-Prim’Istanza (Artikolu 12(2)), huma rregolati mil-liġi Ġermaniża (Artikolu 12(1)). Huma jistabbilixxu l-kundizzjonijiet segwenti:

"Artikolu 1(1)

Il-kontraenti għandhom obbligu lejn il-Kummissjoni li jeżegwixxu dan il-kuntratt in solidum għal dak li jikkonċerna x-xogħlijiet imsemmija fl-Anness I tiegħu (’il-proġett’).

[…]

[paragrafu 3/4]

Il-koordinatur huwa responsabbli għall-preżentazzjoni tad-dokumenti kollha kif ukoll tar-relazzjonijiet ġenerali bejn il-kontraenti u l-Kummissjoni. Il-komunikazzjonijiet kollha ġenerali mal-Kummissjoni jsiru mill-koordinatur.

[…]

[Artikolu 4(5)]

Kull ħlas magħmul mill-Kummissjoni għandu jsir fuq il-kont bankarju tal-koordinatur […]

Il-koordinatur huwa responsabbli għat-trasferiment immedjat ta’ l-ammont xieraq ta’ l-għajnuna finanzjarja tal-Kummissjoni lil kull kontraenti. Il-koordinatur ma jistax ikun il-benefiċjarju ta’ ħlas, sakemm ma jkunx hemm ftehim bejn il-kontraenti, li għandhom jaqblu fuq ir-regoli xierqa applikabbli għal kull trasferiment fuq il-kont personali tal-koordinatur.

Artikolu 5 [...]

Il-kontraenti jistgħu jikkonkludu kuntratti ta’ subappalt bil-kundizzjoni li jingħata minn qabel il-kunsens bil-miktub tal-Kummissjoni. Il-kontraenti għandhom jimponu fuq is-subappaltatur, l-obbligi kollha li huma stess għandhom josservaw skond il-kuntratt." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

12      Il-programm tal-proġett ikkonċernat huwa spjegat fl-Anness I ta’ kull kuntratt. Skond l-Anness I.3 tal-kuntratt DCC u l-Anness I tal-kuntratt Donna, it-tim professjonali tal-konvenuta huwa kompost, fost oħrajn, mis-Sur B., li qabel kien imexxi lil din ta’ l-aħħar, mis-Sinjuri F., M., D.D., B.D., u L.

13      Il-kundizzjonijiet tar-rimbors tal-kost eliġibbli huma stabbiliti, għaż-żewġ proġetti, fl-Anness II ta’ kull kuntratt. Dan l-Anness jistabbilixxi s-segwenti:

"1.2. L-ispejjeż rimborsabbli huma l-ispejjeż reali ddefiniti aktar ’il quddiem, li huma neċessarji għall-proġett, li tista’ tinġab prova tagħhom, u li huma sostnuti matul il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 2.1 tal-kuntratt [...]

L-ispejjeż rimborsabbli jistgħu jinkludu l-kategoriji kollha ta’ l-ispejjeż segwenti jew uħud minnhom:

–        persunal ;

–        apparat ;

–        assistenza lil terzi ;

–        ivvjaġġar u waqfa f’post ;

–        materjal konsumibbli u spejjeż ta’ l-informatika ;

–        kost ieħor ;

–        spejjeż ġenerali.

[…]

1.3.1. Persunal

Jista’ jintalab ħlas tal-kost tas-sigħat ta’ xogħol li l-persunal impjegat direttament mill-kontraenti jkun effettivament ħadem fuq il-proġett.

[...]

Is-sigħat kollha ta’ xogħol tal-persunal iddikjarati għandhom jiġu rreġistrati u ċċertifikati. Din il-kundizzjoni tkun issodisfata, ta’ l-inqas, permezz tar-reġistrazzjoni tal-ħin kollu tax-xogħol, iċċertifikat ta’ l-inqas darba fix-xahar, mill-kap tal-proġett inkarigat li jagħmel dan jew minn impjegat ta’ l-impriża kontraenti li jkollu pożizzjoni għolja u li jkun debitament awtorizzat.

1.3.2. […]

L-ispejjeż ta’ xiri u ta’ hire-purchase ta’ l-apparat jistgħu jiġu kkunsidrati bħala spejjeż diretti. Il-kost eliġibbli għall-hire-purchase ta’ l-apparat m’għandux jaqbeż l-ammont tal-kost eliġibbli li kien jinvolvi x-xiri tiegħu [...]

1.3.3. Assistenza lil terzi

L-ispejjeż ta’ subappalt u ta’ servizzi esterni huma kost eliġibbli skond l-Artikolu 5 tal-kuntratt.

[…]

1.3.5. [...]

Jista’ jintalab ħlas tal-prodotti konsumibbli […] bħala kost dirett.

[…]

1.4. [...]

Għall-kontraenti li jużaw il-kost sħiħ, l-ispejjeż ġenerali (kost ġenerali indirett) marbuta mal-proġett u kkalkulati skond il-konvenzjonijiet u l-prinċipji normali ta’ kontabbiltà, ikkunsidrati mill-Kummissjoni bħala raġonevoli, jistgħu jiġu attribwiti lill-kategoriji bħar-riċerka ffinanzjata internament (f’limitu massimu ta’ 10 % ta’ l-ispejjeż ta’ persunal), l-amministrazzjoni, il-persunal li joffri għajnuna ġenerali, il-provvisti għall-użu fl-uffiċċju, l-infrastrutturi, l-utilitajiet u s-servizzi.

[...]

Għall-kontraenti li jużaw l-ispejjeż addizzjonali, kontribuzzjoni sa 20 % ta’ l-ispejjeż effettivament sostnuti u li huma rimborsabbli fir-rigward tal-kost dirett msemmija fil-punt 1.3 ta’ dan l-Anness, tista’ taqa’ taħt dawn l-ispejjeż ġenerali.

[…]

4.3. Meta l-għajnuna finanzjarja totali għall-proġett, inkluż ir-riżultat tal-verifiki kollha, hija inqas mill-ħlasijiet magħmula għall-proġett, il-kontraenti għandhom iħallsu lura d-differenza f’ECU lill-Kummissjoni immedjatament.

[…]

5. Dokumenti probatorji ta’ l-ispejjeż

Il-kontraenti għandhom iżommu, fuq bażi regolari u konformement mal-konvenzjonijiet tal-kontabbiltà ta’ l-Istat li fih ikunu stabbiliti, il-kontabbiltà tagħhom u d-dokumentazzjoni xierqa sabiex jikkorroboraw u jiġġustifikaw l-ispejjeż u s-sigħat irreġistrati." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

14      Fuq il-bażi ta’ l-imsemmija kuntratti, il-Kummissjoni tat lil Ploenzke, fil-kwalità tagħha ta’ koordinatriċi taż-żewġ proġetti, dawn il-ħlasijiet bil-quddiem: DEM 980,472 għall-proġett DCC u DEM 317,745 għall-proġett Donna. Skond l-Artikolu 4(5) tal-kuntratti, Ploenzke kellha l-obbligu li tagħti lill-konvenuta l-flus imħallsa mill-Kummissjoni, li kellha dritt għalihom. B’hekk, il-konvenuta ngħatat DEM 293,328 għall-proġett DCC, u DEM 107,493, għall-proġett Donna. Għalhekk, fl-1997 hija kisbet ammont totali ta’ DEM 400,821 (EUR 204,936.52) bħala ħlas bil-quddiem ta’ l-għajnuna finanzjarja.

15      It-twettiq taż-żewġ proġetti beda fl-1 ta’ Jannar 1997 u meta ntemmu Ploenzke u l-konvenuta talbu r-rimbors ta’ l-ispejjeż fl-ammont totali ta’ DEM 6,144,287 għall-proġett DCC u ta’ DEM 1,906,934 għall-proġett Donna, li minnhom il-parti tal-konvenuta kienet ta’ DEM 1,960,943 għall-proġett DCC u ta’ DEM 646,809 għall-proġett Donna.

16      L-ispejjeż li talbet il-ħlas tagħhom il-konvenuta għall-proġett DCC kienu jinqasmu fi spejjeż ta’ persunal (DEM 834,568), ta’ subappalt (DEM 618,631), ta’ apparat (DEM 384,018), ta’ vvjaġġar (DEM 32,682), ta’ prodotti konsumibbli (DEM 35,017) u ta’ spejjeż ġenerali (DEM 56,027).

17      Għall-proġett Donna, il-konvenuta talbet l-ispejjeż ta’ persunal (DEM 227,998.39), ta’ subappalt (DEM 257,659), ta’ apparat (DEM 106,871), ta’ vvjaġġar (DEM 22,659), ta’ prodotti konsumibbli (DEM 9,312.53) u ta’ spejjeż ġenerali (DEM 22,385).

18      Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni inkarigat esperti esterni sabiex jagħmlu rapporti tekniċi. Konsegwentement, fl-10 ta’ Diċembru 1997 sar rapport għall-proġett DCC minn kummissjoni li kienet inkarigata twettaq kontroll fil-fond u fis-26 ta’ Ġunju 1998 sar rapport ta’ esperti għall-proġett Donna. F’dawn iż-żewġ rapporti ġie konkluż li l-kriterji ta’ kwalità stabbiliti ma kinux ġew imħarsa u li l-kundizzjonijiet ta’ rimbors ta’ l-ispejjeż previsti fil-kuntratti DCC u Donna ma kinux, ġeneralment, issodisfati.

19      Ir-rapport tal-kummissjoni inkarigata twettaq kontroll fil-fond intbagħat lill-parteċipanti tal-proġett DCC fis-17 ta’ Diċembru 1997. Wara, permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Diċembru 1997, indirizzata lil Ploenzke (li ntbagħtet kopja tagħha lill-konvenuta), il-Kummissjoni temmet il-kuntratt DCC u talbet lil Ploenzke tinforma b’dan lill-imsieħba tagħha peress li dan it-tmiem kien effettiv minn xahar wara, skond l-Artikolu 9(1) tal-kuntratt.

20      Fir-rigward tal-proġett Donna, li ntemm fit-30 ta’ Settembru 1997, ir-rapport ta’ l-esperti sar wara laqgħa, magħrufa bħala "eżami tekniku", li seħħet fi Brussell fis-26 ta’ Ġunju 1998. F’din il-laqgħa, xi rappreżentanti tal-konvenuta rrispondew id-domandi ta’ l-esperti inkarigati mill-Kummissjoni.

21      Barra minn hekk, fl-10 u fil-11 ta’ Marzu 1998, l-aġenti tal-Kummissjoni eżaminaw il-finanzjament tal-proġetti in kwistjoni. Wara din il-verifika, il-Kummissjoni bagħtet lill-konvenuta xi rapporti ta’ verifika, taħt forma ta’ abbozzi, datati 28 ta’ April 1998 (dwar il-proġett DCC) u 27 ta’ Mejju 1998 (dwar il-proġett Donna). Skond dawn ir-rapporti, li indikaw u evalwaw fid-dettall l-ispejjeż marbuta mal-proġetti, il-biċċa l-kbira ta’ l-ispejjeż invokati ma kinux rimborsabbli minħabba li l-għanijiet kuntrattwali ma kinux ġew imħarsa.

22      Wara li rċeviet l-osservazzjonijiet tal-konvenuta bid-data tat-30 ta’ Ġunju 1998, il-Kummissjoni bagħtitilha l-verżjoni definittiva tar-rapporti tal-verifika flimkien ma’ ittra, datata 29 ta’ Lulju 1998, tispjegalha dak li kienet qed tibgħatilha. F’dawn ir-rapporti, il-Kummissjoni kkonkludiet li Ploenzke ma setgħetx tippretendi rimbors ta’ DEM 51,506 għall-proġett DCC u ta’ DEM 37,679 għall-proġett Donna, filwaqt li l-konvenuta ma kellha dritt għal ebda rimbors għall-proġett DCC u għal rimbors ta’ DEM 46,300.18 biss għall-proġett Donna.

23      Wara l-Kummissjoni ppreżentat, kemm lil Ploenzke kif ukoll lill-konvenuta, talba għar-rimbors tal-parti tal-ħlas bil-quddiem mogħti għaż-żewġ proġetti li ma kinitx rimborsabbli. Ploenzke ħallset lill-Kummissjoni l-ammonti ta’ flus li talbitha filwaqt li l-konvenuta rrifjutat li tagħmel kwalunkwe rimbors.

24      Fit-12 ta’ Awwissu 1998, il-Kummissjoni bagħtet lill-konvenuta notifika ta’ rkupru, segwita minn nota ta’ debitu, li l-konvenuta rċeviet fit-8 ta’ Settembru 1998 u li kienu jirrigwardaw l-ammont differenzjali ta’ ECU 179,337 (DEM 354,520.82) li kellu jitħallas lura qabel il-31 ta’ Ottubru 1998. Sal-lum, il-konvenuta għadha ma ħallsitx dan l-ammont ta’ flus.

25      Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Novembru 1998, il-konvenuta, min-naħa tagħha, talbet lill-Kummissjoni tħallasha somma addizzjonali ta’ ECU 352,800 għall-proġett DCC u ta’ ECU 110, 781.45 għall-proġett Donna. Sal-lum, il-Kummissjoni għadha ma ħallsitx dawn l-ammonti ta’ flus.

26      Fl-aħħar, il-konvenuta, fl-1999, ressqet ilment quddiem l-Ombudsman Ewropew kontra l-Kummissjoni. Din il-proċedura ngħalqet fis-27 ta’ April 2000. Fl-opinjoni tiegħu, l-Ombudsman ikkonkluda li ma setax jiġi stabbilit li kien hemm amministrazzjoni ħażina min-naħa tal-Kummissjoni.

 Proċedura u talbiet tal-partijiet

27      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-24 ta’ Diċembru 2004, il-Kummissjoni ressqet dan ir-rikors.

28      Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tieni Awla) iddeċidiet li torganizza laqgħa informali mal-partijiet. Din il-laqgħa saret fil-preżenza ta’ l-Imħallef Relatur fit-2 ta’ Frar 2006. F’din l-okkażjoni, il-partijiet bdew negozjati sabiex jaslu għal qbil f’terminu ta’ xahrejn. Wara li dan it-terminu ġie prorogat darbtejn, fid-29 ta’ Ġunju 2006, il-konvenuta informat lill-Qorti tal-Prim’Istanza li t-tentattivi sabiex jaslu għal qbil kienu fallew.

29      Wara, il-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tieni Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

30      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta tas-7 ta’ Novembru 2006.

31      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex:

–        tikkundanna lil IIC Informations-Industrie Consulting tħallasha s-somma ta’ EUR 181,263.61 flimkien ma’ l-imgħaxijiet, b’rata ta’ 4%, li jibdew jiddekorru mill-1 ta’ Novembru 1998;

–        tikkundanna IIC Informations-Industrie Consulting tbati l-ispejjeż.

32      Il-konvenuta titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex:

–        tiċħad ir-rikors;

–        sussidjarjament, tordna s-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni tas-sentenza u tippermetti lill-konvenuta tevita din l-eżekuzzjoni permezz ta’ garanzija, li tista’ tkun garanzija bankarja;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

33      Il-Kummissjoni ssostni li kważi l-ispejjeż kollha li għalihom il-konvenuta ngħatat finanzjament ma kinux eliġibbli għal rimbors. Skond il-Kummissjoni, mir-rapporti tekniċi, imsemmija fil-punti 18 sa 20 iktar ’il fuq, jirriżulta li skond il-punt 4.3 ta’ l-Anness II tal-kuntratti DCC u Donna, il-konvenuta għandha l-obbligu li tħallas lura l-ammonti ta’ flus mogħtija lilha bħala ħlas bil-quddiem, safejn hija ma kellhiex dritt għall-finanzjament ta’ l-ispejjeż tagħha.

34      Kontra dawn l-allegazzjonijiet, il-konvenuta tippreżenta żewġ serje ta’ motivi. Permezz ta’ l-ewwel serje, hija tikkontesta l-fatt li l-kreditu mitlub mill-Kummissjoni huwa dovut. F’dan il-kuntest, hija tinvoka n-nuqqas ta’ locus standi tagħha sabiex tiddefendi lilha nnifisha fil-qorti (kapaċità li titressaq il-qorti), il-preskrizzjoni ta’ l-allegat kreditu u d-dekadenza ta’ kwalunkwe dritt tal-Kummissjoni għal rimbors. Permezz tat-tieni serje ta’ motivi, hija ssostni li l-għanijiet ta’ dawn iż-żewġ proġetti ntlaħqu u li l-ispejjeż iddikjarati ġew effettivament sostnuti. Hija takkuża lill-Kummissjoni li l-aġir tagħha huwa kontradittorju peress li a posteriori qegħda tipprova tevita l-obbligi kuntrattwali tagħha, billi tibbaża ruħha fuq kunsiderazzjonijiet purament formali.

 Fuq il-locus standi tagħha sabiex tiddefendi lilha nnifisha fil-qorti (kapaċità li titressaq il-qorti)

 L-argumenti tal-partijiet

35      Il-Kummissjoni tqis li hija għandha d-dritt teżiġi l-irkupru tal-kreditu tagħha mingħand il-konvenuta, peress li l-kuntratti DCC u Donna jistabbilixxu li din ta’ l-aħħar hija l-persuna responsabbli għar-rimbors. Fil-fatt, kull kontraenti għandu l-obbligu li jħallas lura, individwalment, l-ammont ta’ flus imħallas indebitament.

36      Skond il-konvenuta, miż-żewġ kuntratti jirriżulta li l-intenzjoni tal-Kummissjoni kienet li jkollha intermedjarju wieħed li miegħu jkunu jistgħu jiġu ttrattati direttament d-diffikultajiet kollha marbuta ma’ l-eżekuzzjoni tal-kuntratti. Konsegwentement, ir-rwol ta’ Ploenzke bħala koordinatriċi mar lilhinn minn dak ta’ sempliċi mandatarju inkarigat li jirċievi l-għajnuna. Il-punt 4.3 ta’ l-Anness II tal-kuntratti, li jimponi l-obbligu fuq il-kontraenti li jħallsu lura lill-Kummissjoni l-flus żejda li jirċievu ma jwassalx għal konklużjoni differenti, peress li ma jiddeskrivix kif għandu jsir ir-rimbors. Dan il-punt 4.3 għandu jiġi interpretat fis-sens li Ploenzke kienet l-imsieħba kuntrattwali li permezz tagħha kellhom jiġu eżegwiti l-kuntratti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

37      Jeħtieġ li jiġi osservat li l-kuntratti DCC u Donna ġew konklużi bejn il-Kummissjoni, fuq naħa, u Ploenzke u l-konvenuta, indikati bħala "kontraenti", fuq in-naħa l-oħra, u għandu jiġi ppreċiżat ukoll li Ploenzke kellha funzjoni oħra, dik ta’ "koordinatriċi" bis-saħħa ta’ l-Artikolu 1(3) tal-kuntratt DCC u Donna. Skond l-Artikolu 1 ta’ l-istess kuntratti, il-kontraenti intrabtu fir-rigward tal-Kummissjoni li jeżegwixxu l-kuntratti in solidum għal dak li jikkonċerna x-xogħlijiet imsemmija fl-Anness 1.

38      Huwa minnu li Ploenzke, fil-kwalità tagħha ta’ koordinatriċi, kienet responsabbli għall-għoti tad-dokumenti kollha lill-Kummissjoni kif ukoll mir-relazzjonijiet ġenerali bejn il-kontraenti u din ta’ l-aħħar. Barra minn hekk, min-naħa tal-kontraenti, Ploenzke kienet l-unika intermedjarja tal-Kummissjoni. Madankollu, id-dispożizzjoni tal-kuntratt li tistabbilixxi dan ir-rwol ta’ koordinatur għandha – skond il-liġi Ġermaniża rilevanti, jiġifieri l-Artikolu 242 tal-Bürgerliches Gesetzbuch (BGB, Kodiċi Ċivili Ġermaniż) – tiġi interpretata skond l-eżiġenzi tal-lealtà u ta’ l-aspettattivi reċiproki li huma ġeneralment aċċettati mill-partijiet fil-kuntratt.

39      Madankollu, mill-punt 4.3 ta’ l-Anness II tal-kuntratti jirriżulta b’mod ċar li huma l-"kontraenti" bħala tali, u mhux il-koordinatur, li għandhom iħallsu lura lill-Kummissjoni d-differenza bejn il-kontribuzzjoni finanzjarja effettivament dovuta u l-ħlasijiet li ma kinux dovuti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni enfasizzat, ġustament, li l-koordinazzjoni li kienet responsabbli għaliha Ploenzke kienet limitata għal xi xogħlijiet addizzjonali li jikkonċernaw l-organizzazzjoni, b’mod partikolari, li jagħtu lill-kontraenti l-oħra s-somom ta’ flus li kienu mħallsa mill-Kummissjoni.

40      Konsegwentement, il-kuntratti in kwistjoni ma jistgħux raġonevolment jiġu interpretati fis-sens li Ploenzke, bħala koordinatriċi, kellha tħallas lura pagamenti li, skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tal-kuntratti, il-konvenuta biss, fil-kwalità tagħha ta’ kontraenti u debitriċi, kienet il-benefiċjarja tagħhom. Għaldaqstant, dawn il-kuntratti ma fihom ebda dispożizzjoni li tobbliga lil Ploenzke tħallas lura somom ta’ flus f’ammont ikbar minn dak li hija stess irċeviet bħala kontraenti.

41      Minn dan isegwi li l-obbligu ta’ rimbors tal-ħlas bil-quddiem żejjed li l-konvenuta rċeviet, dejjem jekk dan l-obbligu jkun validu, huwa tal-konvenuta.

42      Għaldaqstant l-ewwel motiv, dwar in-nuqqas ta’ kapaċità ta’ persuna li titressaq il-qorti, għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-preskrizzjoni

 Osservazzjonijiet preliminari

43      Għal dak li jirrigwarda l-liġi Ġermaniża rilevanti dwar il-preskrizzjoni, id-dispożizzjonijiet tal-BGB li jirrigwardawha japplikaw f’din il-kawża minkejja li l-kuntratti in kwistjoni huma kkwalifikati bħala "kuntratti regolati mid-dritt pubbliku" skond l-Artikolu 238 KE. Fil-fatt, il-Bundesverwaltungsverfahrensgesetz (Liġi Federali dwar il-proċedura amministrattiva mhux kontenzjuża, aktar ’il quddiem il-"BVwVfG"), tal-25 ta’ Mejju 1976 (BGBl. 1976 I, p. 1253, u 2003 I, p. 102) li tirregola, b’mod partikolari, il-kuntratti regolati mid-dritt pubbliku, iżda li ma tgħid xejn dwar il-kwistjonijiet ta’ preskrizzjoni, fl-Artikolu 62 tagħha tipprovdi li d-dispożizzjonijiet tal-BGB japplikaw addizzjonalment għalihom b’analoġija.

44      F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li, qabel ir-rifoma tal-liġi Ġermaniża dwar l-obbligazzjonijiet, li daħlet fis-seħħ fl-2002, id-dispożizzjonijiet dwar il-preskrizzjoni li kienu jinsabu fl-Artikoli 195 u 196 tal-BGB kienu jipprovdu terminu ġenerali ta’ preskrizzjoni ta’ 30 sena u terminu ta’ preskrizzjoni ta’ sentejn jew erba’ snin għal serje ta’ talbiet għal ħlas ta’ kreditu magħmula minn operaturi ekonomiċi partikolari.

45      Minn meta saret ir-riforma tal-liġi Ġermaniża dwar l-obbligazzjonijiet, l-Artikolu 195 tal-BGB, kif emendat, jistabbilixxi terminu ġenerali ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin.

46      Ir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 229(6) ta’ l-Einführungsgesetz zum Bürgerlichen Gesetzbuch (Liġi ta’ Introduzzjoni għall-Kodiċi Ċivili, aktar ’il quddiem il-"EGBGB"), fil-kuntest tar-riforma tal-liġi dwar l-obbligazzjonijiet, introduċa skema tranżitorja li taħtha, meta t-terminu ta’ preskrizzjoni previst fil-verżjoni emendata tal-BGB, applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2002, ikun iqsar minn dak previst fil-verżjoni ta’ qabel tal-BGB, applikabbli sa dik id-data, għandu japplika l-iqsar terminu u dan jibda jiddekorri mill-1 ta’ Jannar 2002.

 L-argumenti tal-partijiet

47      Skond il-Kummissjoni, id-dritt tagħha għal irkupru mhuwiex preskritt f’dan il-każ. Skond l-Artikolu 195 tal-BGB, fil-verżjoni tiegħu qabel ġie emendat, dan id-dritt kien inizjalment suġġett għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ 30 sena. Bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 195 tal-BGB, kif emendat, flimkien mar-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 229(6) ta’ l-EGBGB, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ l-imsemmi dritt issa huwa ta’ tliet snin. Dan it-terminu beda jiddekorri mill-1 ta’ Jannar 2002 u ġie interrott, qabel l-iskadenza tiegħu fil-31 ta’ Diċembru 2004, permezz tal-preżentata ta’ dan ir-rikors.

48      Safejn il-konvenuta tinvoka l-Artikolu 196 tal-BGB, il-Kummissjoni ssostni li din id-dispożizzjoni fiha lista eżawrjenti, b’mod li t-terminu qasir ta’ preskrizzjoni ma japplikax għad-drittijiet li mhumiex espressament imsemmija f’din il-lista. L-idea fundamentali ta’ din id-dispożizzjoni – intiża li tissuġġetta t-tranżazzjonijiet ta’ kuljum, li rarament jirriżultaw fi prova ta’ ħlas, għal terminu qasir ta’ preskrizzjoni – ma tapplikax b’analoġija għall-finanzjament, mill-Kummissjoni, tal-proġetti in kwistjoni.

49      Il-konvenuta ssostni li d-dritt tal-Kummissjoni li titlob il-ħlas tal-kreditu spiċċa, peress li f’dan il-każ, it-terminu ta’ preskrizzjoni ntemm qabel ma tressaq ir-rikors. Hija tgħid li l-inizjattivi kulturali, bħal dawk mnedija miż-żewġ proġetti in kwistjoni, ġeneralment jiddependu fuq l-għoti ta’ sussidji. Madankollu, f’dan il-qasam huwa importanti ħafna li jkun hemm ċertezza legali, peress li t-talbiet ta’ rimbors jikkostitwixxu pressjoni finanzjarja sinjifikanti fuq il-benefiċjarju. Għalhekk, ikun xieraq li jiġu applikati, b’analoġija, id-dispożizzjonijiet dwar it-terminu mqassar ta’ preskrizzjoni ta’ l-Artikolu 196 tal-BGB, fil-verżjoni tiegħu qabel l-emendi.

50      Il-konvenuta tippreċiża li l-interess tagħha huwa simili għal dak tad-debituri li mingħandhom huma miġbura l-krediti msemmija f’din id-dispożizzjoni, jiġifieri dawk li jirriżultaw minn kummerċ ġenerali, li jeħtieġu ċertezza legali, assigurata permezz ta’ termini mqassra ta’ preskrizzjoni. L-impenn tal-konvenuta lejn il-proġetti kulturali in kwistjoni kien marbut ma’ interessi ekonomiċi importanti u ma’ riperkussjonijiet finanzjarji reali. Il-liġi Ġermaniża tirrikonoxxi l-prinċipju ta’ applikazzjoni analoga ta’ l-imsemmi Artikolu 196; il-liġi dwar il-preskrizzjoni ma fihiex lista eżawrjenti peress li l-leġiżlatur ma setax jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-partikolaritajiet kollha ta’ l-għoti ta’ sussidji Ewropej.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

51      Sabiex tiġi eżaminata l-possibbiltà ta’ applikazzjoni, diretta jew permezz ta’ analoġija, ta’ l-Artikolu 196 tal-BGB fil-każ in eżami, fil-verżjoni tiegħu ta’ qabel, jeħtieġ li jiġi osservat li din id-dispożizzjoni tipprovdi terminu mqassar ta’ preskrizzjoni għal serje ta’ talbiet għal ħlas ta’ kreditu li hija ssemmi b’mod dettaljat.

52      Madankollu, jidher li din id-dispożizzjoni la tistabbilixxi d-dritt għar-rimbors tas-somom ta’ flus imħallsa bħala sussidju Komunitarju u lanqas id-dritt għal rimbors tal-ħlas bil-quddiem magħmul għal dan il-għan. Għalhekk, hija ma tistax tiġi applikata direttament f’din il-kawża.

53      Applikazzjoni permezz ta’ analoġija hija aċċettata fil-liġi Ġermaniża jekk ikun hemm lacuna fil-leġiżlazzjoni in kwistjoni, għalkemm is-sitwazzjoni legali u ta’ fatt li tkun qed tiġi eżaminata għandha tkun simili għal dik effettivament koperta mil-liġi. Applikazzjoni permezz ta’ analoġija tippresupponi, b’mod partikolari, li huwa probabbli ħafna li, jekk il-leġiżlatur kellu jkopri din il-lacuna billi jieħu in kunsiderazzjoni d-diversi interessi, huwa kien jagħmel dan billi jinkludi l-każ in eżami fil-leġiżlazzjoni in kwistjoni (sentenzi tal-Qorti Federali fil-qasam ċivili, Vol. 105, p. 140, 143 ; Vol. 110, p. 183, 193 ; Vol. 120, p. 239, 252).

54      Kif jidher mir-raġunament wara l-BGB, l-Artikolu 196 ta’ dan il-kodiċi, fil-verżjoni tiegħu ta’ qabel, jibbaża fuq il-premessa li t-tranżazzjonijiet tal-ħajja ta’ kuljum huma ġeneralment ikkaratterizzati minn ħlasijiet pjuttost immedjati u min-nuqqas ta’ dokumenti probatorji jew mid-distruzzjoni rapida tagħhom, peress li l-partijiet ma jistgħux raġonevolement ikunu obbligati li għal matul perijodu ta’ 30 sena jżommu l-provi dwar il-konklużjoni u l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ dan it-tip.

55      Fid-dawl ta’ dak li ngħad preċedentement, f’dan il-każ ma tistax tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ lacuna.

56      Fil-fatt, l-Artikolu 196 tal-BGB, fil-verżjoni tiegħu ta’ qabel, jipprovdi terminu mqassar ta’ preskrizzjoni fil-każ biss ta’ rimbors ta’ ħlas bil-quddiem mogħti fil-kuntest ta’ kuntratt konkluż ma’ impjegat dipendenti, ma’ ħaddiem u ma’ avukat. Il-konvenuta, in kwantu kumpannija kummerċjali, ma tistax tiġi mqabbla ma’ dawn il-kategoriji definiti ta’ persuni. In kwantu kumpannija kummerċjali, hija lanqas tista’ tiġi meqjusa li għandha bżonn protezzjoni speċifika assigurata permezz ta’ termini mqassra ta’ preskrizzjoni.

57      Barra minn hekk, il-finanzjament Komunitarju tal-proġetti kulturali in kwistjoni ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala tranżazzjoni tal-ħajja ta’ kuljum. Fil-fatt, dawn il-proġetti, li huma ta’ importanza finanzjarja kunsiderevoli, huma bbażati fuq ftehim kumplessi, inklużi annessi voluminużi, li jipprovdu għal verifiki tekniċi u finanzjarji u li jobbligaw lill-konvenuta tipprovdi provi dettaljati ta’ l-ispejjeż tagħhom sabiex jinkiseb ir-rimbors tagħhom.

58      Konsegwentement, il-motiv ibbażat fuq preskrizzjoni tat-talba għal ħlas tal-kreditu mressqa mill-Kummissjoni għandu wkoll jiġi miċħud.

 Fuq id-dekadenza

 L-argumenti tal-partijiet

59      Kuntrarjament għall-affermazzjonijiet tal-konvenuta, il-Kummissjoni ssostni li hija ma tilfitx id-dritt li tressaq it-talba tagħha. Fil-fatt, l-attitudni ġenerali tal-Kummissjoni ma kinitx tali li tippermetti lill-konvenuta taħseb li hija ma kinitx tressaq it-talba tagħha. Il-konvenuta lanqas għandha dritt għall-protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi, peress li fir-rapporti tekniċi msemmija aktar ’il fuq, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-proġetti in kwistjoni ma jikkorrispondux għall-eżiġenzi ta’ kwalità. Konsegwentement, il-konvenuta kellha tistenna li kien ser ikollha tħallas lura s-somom ta’ flus in kwistjoni.

60      Il-konvenuta tqis li hija setgħet leġittimament taħseb li l-Kummissjoni ma kinitx ser teżerċita d-dritt tagħha li titlob ir-rimbors. Konsegwentement, il-Kummissjoni tilfet dan id-dritt. Fil-fatt, meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni l-imġiba ġenerali tal-Kummissjoni, il-konvenuta setgħet tikkunsidra li din ta’ l-aħħar kienet irrinunzjat għad-dritt tagħha peress li, għal matul kważi seba’ snin, jiġifieri bejn meta saru r-rapporti tal-verifika u l-aħħar tax-xahar ta’ Diċembru 2004, ma kienet ħadet ebda azzjoni sabiex titlob ir-rimbors tas-sommom ta’ flus in kwistjoni permezz ta’ proċeduri legali. Il-konvenuta żżid tgħid li hija setgħet leġittimament temmen li l-Kummissjoni rrinunzjat għad-dritt tagħha peress li, għal seba’ snin, il-Kummissjoni rreferiet għall-proġetti in kwistjoni fuq il-websajt ta’ l-Unjoni Ewropea, u b’hekk użat ir-riżultati tagħhom għall-iskopijiet tagħha. Jeħtieġ li jittieħed in kunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-proġetti ma setgħux jiġu implementati mingħajr l-għajnuna finanzjarja tal-Kummissjoni u li l-istat finanzjarju tal-konvenuta kien jiddependi mill-possibbiltà li hija żżomm l-għajnuna finanzjarja. F’dan ir-rigward, il-konvenuta tenfasizza n-natura speċifika tas-sussidji in kwistjoni in kwantu "sussidji mitlufin". Minn dan hija tikkonkludi li r-rikors għar-rimbors tagħhom kellu jsir mingħajr dewmien, xi ħaġa li ma saritx f’dan il-każ.

61      Skond il-konvenuta, ir-referenza għar-rapporti ta’ verifika hija irrilevanti, peress li l-esperti magħżula u appuntati mill-Kummissjoni ma għamlux rapporti indipendenti u konformi mar-regoli tal-professjoni. B’mod partikolari, ma kienx hemm eżami dettaljat ta’ l-argumenti ppreżentati mill-konvenuta matul it-twettiq tal-proġetti.

62      Fir-rigward tal-proġett Donna, id-data tas-26 ta’ Ġunju 1998, li fiha nħareġ ir-rapport ta’ l-esperti, kienet tissuġġerixxi li l-Kummissjoni riedet tevita eżami ta’ l-argumenti ppreżentati mill-konvenuta. Fil-fatt, fil-laqgħa li saret dakinhar, ir-rappreżentanti tal-konvenuta rrispondew għad-domandi ta’ l-esperti tal-Kummissjoni. Madankollu, din ta’ l-aħħar ikkomunikat il-minuti ta’ din il-laqgħa ftit żmien biss qabel ma ressqet it-talba tagħha għal rimbors. L-istess japplika għal dak li jirrigwarda l-proġett DCC: fis-17 ta’ Diċembru 1997, il-Kummissjoni bagħtet ir-rapport tekniku lill-partijiet interessati u, fit-23 ta’ Diċembru 1997, hija temmet il-kuntratt.

63      F’dan il-kuntest, il-konvenuta ssostni li għadha ma talbitx is-somom ta’ flus li hija stess kellha dritt għalihom, in kwantu rimbors ta’ l-ispejjeż tagħha (ECU 352 800 għall-proġett DCC u ECU 110 781.45 għall-proġett Donna) peress li kienet ikkunsidrat li l-Kummissjoni, min-naħa tagħha, ma kinitx ser teżerċita d-dritt tagħhom għal rimbors. Fil-fatt, dak iż-żmien, iż-żewġ partijiet kienu qablu, b’mod taċitu, li jħallu l-affarijiet kif kienu sabiex jaslu għal sitwazzjoni li tkun aċċettabbli għal kull waħda minnhom (pactum de non petendo). Għalhekk, l-imġiba tal-konvenuta kienet tikkostitwixxi prova tal-fiduċja tagħha fin-nuqqas ta’ azzjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

64      L-asserzjoni tal-konvenuta li dak iż-żmien iż-żewġ partijiet kienu laħqu ftehim taċitu li jħallu l-affarijiet kif kienu sabiex jaslu għal sitwazzjoni li tkun aċċettabbli għal kull waħda minnhom, għandha tiġi miċħuda mill-bidunett. Fil-fatt, din hija asserzjoni li mhija sostanzjata b’ebda dokument fil-proċess. Għalkemm din l-affermazzjoni ġiet vigorożament ikkontestata mill-Kummissjoni, il-konvenuta ma ppreżentat ebda prova konkreta li tippermetti li jiġi konkluż li kien hemm rinunzja reċiproka u taċita.

65      Jeħtieġ li jingħad ukoll li, fi kwalunkwe każ, fid-dawl tad-diskrepanza kbira li teżisti bejn is-somom ta’ flus in kwistjoni, jiġifieri, minn naħa, EUR 180,000 li l-Kummissjoni qed titlob ir-rimbors tagħhom u min-naħa l-oħra, EUR 650,000 mitluba mill-konvenuta bħala rimbors ta’ l-ispejjeż tagħha, il-konklużjoni ta’ pactum de non petendo bħal dan ma tidhirx li hija kredibbli. Barra minn hekk, anki quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, il-konvenuta naqset milli ssemmi li paċiet it-talba tagħha ma’ dik tal-Kummissjoni, iżda limitat ruħha li tallega li "rriżervat id-dritt li titlob lill-Kummissjoni l-ħlas tas-sommom ta’ flus residwi". Madankollu, skond il-verżjoni l-ġdida ta’ l-Artikolu 215 tal-BGB, il-possibbiltà li t-talba tal-konvenuta setgħet tkun limitata b’terminu ta’ preskrizzjoni ma kinitx tfixkilha milli, permezz ta’ tpaċija, tasserixxi t-talba tagħha fil-kuntest ta’ din il-kawża. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

66      Sussegwentement, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, fil-liġi Ġermaniża, il-prinċipju ta’ dekandenza ta’ talbiet ġie żviluppat permezz tal-ġurisprudenza fil-kuntest ta’ l-Artikolu 242 tal-BGB li jimponi l-obbligu fuq il-partijiet kontraenti li jeżegwixxu l-kuntratt tagħhom skond l-eżiġenzi ta’ lealtà u ta’ aspettattivi reċiproki, ġeneralment aċċettati fir-relazzjonijiet ġuridiċi bejn l-individwi. Skond din il-ġurisprudenza, il-kreditur jitlef id-dritt kuntrattwali tiegħu meta ma jinvokahx għal matul perijodu twil u meta, fid-dawl ta’ l-imġiba ġenerali tiegħu, id-debitur jista’ jemmen li dan id-dritt mhuwiex ser jiġi invokat fil-futur (BGHZ Vol. 91, p. 62, 71, Vol. 105, p. 290, 298, u, b’mod partikolari, Vol. 146, p. 217, 220 u 221).

67      Għalhekk, fl-ewwel lok jeħtieġ li jiġi eżaminat it-tul tal-perijodu li matulu l-kreditur ikun naqas milli jeżerċita d-dritt tiegħu u r-rilevanza ta’ perijodu ta’ nuqqas ta’ azzjoni tkun tiddependi minn kull każ individwali. Jeħtieġ li fit-tieni lok jittieħdu in kunsiderazzjoni n-natura u l-importanza tat-talba, li tista’ taqa’ taħt id-dritt privat jew id-dritt pubbliku, u fl-aħħar lok, is-saħħa ta’ l-aspettattivi maħluqa mill-imġiba tal-kreditur u l-portata tal-bżonn ta’ protezzjoni tad-debitur.

68      Fir-rigward tat-tul tal-perijodu li matulu l-Kummissjoni ma ħaditx azzjoni, f’dan il-każ, jeħtieġ li qabel kollox jiġi kkonstatat li l-bidu ta’ dan il-perijodu ta’ nuqqas ta’ azzjoni għandu jkun l-1 ta’ Novembru 1998. Fil-fatt, huwa permezz tan-notifika ta’ rkupru u tan-nota ta’ dejn, imsemmija fil-punt 24 aktar ’il fuq, li l-Kummissjoni talbet kjarament u definittivament lill-konvenuta, taħt il-forma ta’ intimazzjoni, tħallas lura l-ammont ta’ ECU 179 337 qabel il-31 ta’ Ottubru 1998.

69      Minn dan isegwi li kull element ta’ prova qabel din id-data – b’mod partikolari l-mod, ikkritikat mill-konvenuta, ta’ kif saru r-rapporti tekniċi u ta’ verifika msemmija fil-punti 18 sa 22 aktar ’il fuq – huwa irrilevanti sabiex tingħata deċiżjoni dwar jekk il-Kummissjoni tilfitx id-dritt tagħha għal irkupru, mitlub sal-31 ta’ Ottubru 1998, minħabba s-sempliċi fatt li hija naqset milli tinvoka d-dritt tagħha fil-qorti qabel it-24 ta’ Diċembru 2004.

70      Sussegwentement, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, billi ressqet dan ir-rikors aktar minn sitt snin wara l-intimazzjoni tal-31 ta’ Ottubru 1998, ħarset it-terminu ta’ preskrizzjoni partikolari, inizjalment ta’ 30 sena, imbagħad ta’ tliet snin (ara l-punti 44 sa 46 aktar ’il fuq), applikabbli fil-każ in eżami. Madankollu, kreditur ma jistax normalment jiġi mfixkel milli jagħmel użu komplut mit-terminu ta’ preskrizzjoni, b’mod partikolari meta t-terminu huwa relattivament qasir meta mqabbel ma’ dak ta’ 30 sena.

71      Jeħtieġ li jingħad ukoll li skond l-Artikolu 257(1)(4) u (4) tal-Handelsgesetzbuch (Kodiċi tal-Kummerċ Ġermaniż, aktar ’il quddiem l-"HGB") u l-Artikolu 147(1)(4) u (3) ta’ l-Abgabenordnung (Kodiċi Fiskali Ġermaniż, aktar ’il quddiem l-"AO"), il-konvenuta għandha l-obbligu li, għal matul perijodu ta’ għaxar snin, iżżomm il-kotba kollha tal-kontabbiltà li jirrigwardaw it-twettiq tal-proġetti DCC u Donna. Għalkemm it-tul tal-perijodu ta’ l-obbligu li jinżammu l-kotba tal-kontabbiltà ġie estiż biss permezz ta’ l-Artikoli 2 u 4 tal-liġi li temenda diversi leġiżlazzjonijiet fiskali tad-19 ta’ Diċembru 1998 (BGBl. 1998 I, p. 3816), dan it-terminu l-ġdid ta’ għaxar snin kien applikabbli, permezz ta’ l-Arikoli 3 u 5 ta’ din l-istess liġi, meta t-terminu l-qadim għaż-żamma ta’ dawn id-dokumenti ma kienx għadu skada fl-aħħar tas-sena 1998. Peress li l-proġetti DCC u Donna twettqu fl-1997, skond id-dispożizzjonijiet preċedenti ta’ l-HGB u ta l-AO, il-kotba tal-kontabbiltà relatati magħhom kellhom jinżammu għal matul sitt snin, b’tali mod li dan it-terminu kien għadu ma skadiex fl-aħħar tas-sena 1998.

72      Quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, il-konvenuta ma sostnietx li hija kienet suġġetta għal termini speċifiċi iqsar fir-rigward taż-żamma ta’ l-imsemmija dokumenti li kienu diġà skadew qabel ma tressaq dan ir-rikors. Għall-kuntrarju, hija invokat id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 45 tas-Sozialgesetzbuch X (Kodiċi Soċjali Ġermaniż, Parti X) tat-18 ta’ Awwissu 1980 (BGBl. 1980 I, p. 1469, u 2001 I, p. 130) u ta’ l-Artikolu 48 tal-BVwVfG (ara l-punt 43 aktar ’il fuq), li jipprovdu li, bħala prinċipju, għall-kuntrarju tal-benefiċjarju, l-awtoritajiet amministrattivi għandhom biss terminu ta’ sena sabiex jirtiraw miżura amministrattiva illegali iżda li hija favorevoli.

73      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dan it-terminu ta’ sena jirrigwarda proċeduri amministrattivi li fil-kuntest tagħhom l-amministrazzjoni pubblika tista’ taġixxi permezz ta’ att amministrattiv unilaterali. Għall-kuntrarju, id-dispożizzjonijiet invokati mill-konvenuta mhumiex rilevanti għall-każ in eżami peress li l-Kummissjoni u l-konvenuta ppreferew jifformaw relazzjonijiet kuntrattwali li ma kinux jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta miżuri bħal dawn.

74      Minn dan isegwi li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ in eżami, ma jidhirx li l-perijodu ta’ aktar minn sitt snin bejn l-intimazzjoni u l-preżentata ta’ dan ir-rikors huwa twil biżżejjed sabiex jippriva lill-Kummissjoni mid-dritt tagħha li titlob il-ħlas ta’ kreditu.

75      Fir-rigward tan-natura u ta’ l-importanza ta’ din it-talba, il-konvenuta ma ppreżentat l-ebda element ta’ prova li jista’ juri li l-Kummissjoni kellha tiġi pprivata mid-dritt tagħha għal irkupru minħabba xi karatteristiċi jew il-valur ta’ dan id-dritt.

76      Għal dak li jikkonċerna l-aspettattivi min-naħa tal-konvenuta minħabba l-imġiba tal-Kummissjoni, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, apparti n-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-Kummissjoni għal diversi snin, fil-proċess ma teżisti ebda prova ta’ att pożittiv li permezz tiegħu hija wriet l-intenzjoni li tirrinunzja għad-dritt tagħha għal irkupru. Għall-kuntrarju, kif jirriżulta mill-opinjoni ta’ l-Ombudsman Ewropew tas-27 ta’ April 2000 li għalqet il-proċedura ta’ lment mibdija mill-konvenuta, il-Kummissjoni ddikjarat espliċitament, quddiem l-Ombudsman, li hija kienet ser tieħu azzjoni legali sabiex tinforza d-dritt tagħha għal irkupru.

77      Barra minn hekk, il-konvenuta, in kwantu operatur ekonomiku prudenti u avżat, ġiet meqjusa li kienet taf li fl-2002 daħlet fis-seħħ ir-riforma tal-liġi Ġermaniża dwar l-obbligazzjonijiet. Għalhekk hija setgħet tistenna li l-Kummissjoni kienet ser tagħmel użu komplut mit-terminu l-ġdid ta’ preskrizzjoni li kien jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2004 (ara l-punti 44 sa 46 aktar ’il fuq). Il-fatt li l-konvenuta ddeċidiet li ma tiħux azzjoni legali kontra l-Kummissjoni sabiex tirkupra l-kreditu tagħha ma seta’, f’ebda każ, joħloq aspettattivi leġittimi min-naħa tal-konvenuta li l-Kummissjoni ma kinitx ser teżerċita d-dritt tagħha għal irkupru. Fi kwalunkwe każ, il-konvenuta ma allegatx li bl-imġiba tagħha l-Kummissjoni telfitha milli tressaq rikors għal rimbors fi żmien xieraq.

78      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-bżonn ta’ protezzjoni tal-konvenuta, din ta’ l-aħħar issostni li, in kwantu kumpannija b’responsabbiltà limitata hija tappartjeni għall-kategorija ta’ impriżi ta’ daqs żgħir u medju, b’tali mod li f’dan ir-rigward jeħtieġ li ssir distinzjoni ċara bejnha u bejn is-soċjetà anonima Ploenzkem, li topera fuq livell mondjali.

79      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-fatt li kumpannija debitriċi hija ta’ daqs żgħir, minnu nnifsu, mhuwiex biżżejjed sabiex jiġi ddikjarat li kreditur ikun tilef id-dritt li jirkupra l-kreditu tiegħu, ħlief fil-każ li bl-imġiba tiegħu huwa jkun ikkontribwixxa għas-sitwazzjoni finanzjarjament ħażina tad-debitriċi. Fil-proċess m’hemm xejn li jippermetti li jiġi konkluż li l-Kummissjoni ġabet ruħha b’dan il-mod matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Novembru 1998 u l-preżentata ta’ dan ir-rikors.

80      Barra minn hekk, il-konvenuta ma tistax tinvoka b’suċċess nuqqas ta’ esperjenza, in kwantu impriża żgħira, fit-twettiq taż-żewġ proġetti ffinanzjati mill-Kummissjoni. Fil-fatt, is-Sur B., id-direttur preċedenti u membru tat-tim professjonali responsabbli minn dawn il-proġetti (ara l-punt 12 aktar ’il fuq), kien iffirma l-kuntratti DCC u Donna f’isem Ploenzke, in kwantu direttur ta’ diviżjoni tal-kumpannija ta’ l-aħħar. Barra minn hekk, is-Sur B. huwa msemmi bħala wieħed mir-rappreżentanti ta’ Ploenzke fl-Anness tal-kuntratt DCC u bħala l-uniku rappreżentant ta’ Ploenzke fl-Anness tal-kuntratt Donna. Fid-dawl ta’ l-eżistenza ta’ dawn ir-rabtiet bejn iż-żewġ kumpanniji għal dak li jirrigwarda l-persunal, ma jidhirx li oġġettivament il-konvenuta għandha bżonn protezzjoni partikolari kontra t-talba tal-Kummissjoni għal rimbors.

81      Fid-dawl taċ-ċirkustanzi konkreti ta’ din il-kawża, il-motiv dwar id-dekadenza ma jistax jiġi milqugħ.

82      Minn dak li ngħad preċedentement jirriżulta li l-ewwel serje ta’ motivi invokati minn IIC għandha tiġi miċħuda. Konsegwentement, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-kreditu li l-Kummissjoni qegħda titlob il-ħlas tiegħu, huwa dovut. Madankollu, jeħtieġ li jiġi ddeterminat liema huma l-ispejjeż li huma rimborsabbli fil-kuntest taż-żewġ proġetti in kwistjoni.

 Fuq l-ispejjeż rimborsabbli fil-kuntest tal-proġetti DCC u Donna

 Osservazzjonijiet preliminari

83      Jeħtieġ li jiġi osservat li l-allegat dritt tal-Kummissjoni għar-rimbors tal-ħlas bil-quddiem jirriżulta mill-punt 4.3 ta’ l-Anness II ta’ kull kuntratt. Fil-fatt, skond din id-dispożizzjoni kuntrattwali, dan id-dritt jista’ jiġi eżerċitat fil-każ li l-għajnuna finanzjarja totali dovuta mill-Kummissjoni għall-proġetti, kif jirriżulta, jekk ikun il-każ, minn verifika tal-kontijiet, hija inqas mill-ħlasijiet magħmula għall-proġetti. Għalhekk, skond l-imsemmi punt 4.3, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk l-ammont tal-ħlas bil-quddiem irċevut mill-konvenuta huwiex aktar mill-ammont ta’ l-ispejjeż eliġibbli.

84      F’dan ir-rigward, jidher li l-Kummissjoni ma aċċettat ebda waħda mill-kategoriji ta’ spejjeż li l-konvenuta ppreżentatilha fil-kuntest tal-proġett DCC. Il-konvenuta talbet ir-rimbors ta’ ammont totali ta’ DEM 1,960,943, li jinkludi l-ispejjeż ta’ persunal (DEM 834,568), ta’ subappalt (DEM 618,631), ta’ apparat (DEM 384,018), ta’ vvjaġġar (DEM 32,682), ta’ prodotti konsumibbli (DEM 35,017) u ta’ spejjeż ġenerali (DEM 56,027).

85      Fil-kuntest tal-proġett Donna, il-Kummissjoni approvat rimbors ta’ ammont ta’ DEM 46,300.18 biss, filwaqt li l-konvenuta kienet talbet l-ammont totali ta’ DEM 646,809 li jinkludi l-ispejjeż ta’ persunal (DEM 227,998.39), ta’ subappalt (DEM 257,659), ta’ apparat (DEM 106,871), ta’ vvjaġġar (DEM 22,659), ta’ prodotti konsumibbli (DEM 9,236) u ta’ spejjeż ġenerali (DEM 22,385).

86      F’dan il-kuntest, il-konvenuta tilmenta li l-imġiba tal-Kummissjoni kienet kontradittorja, peress li t-talba tagħha għal rimbors kienet inkompatibbli mal-fatt li s-servizzi kuntrattwali kollha ġew ipprovduti kif xieraq. Barra minn hekk, hija ssostni li l-ispejjeż li kienet iddikjarat mal-Kummissjoni li kellhom jitħallsu lura, huma kollha eliġibbli.

 Fuq l-imġiba kontradittorja tal-Kummissjoni


 L-argumenti tal-partijiet

87      Skond il-Kummissjoni l-imġiba tagħha, jiġifieri l-fatt li talbet ir-rimbors tal-ħlas bil-quddiem mogħti lill-konvenuta, mhijiex kontradittorja. Fil-fatt, il-proġetti in kwistjoni ntemmu mingħajr suċċess peress li l-kriterji ta’ kwalità ma kinux issodisfati.

88      Fi kwalunkwe każ, ir-rimbors ta’ l-ispejjeż sostnuti ma jiddependix mis-suċċess jew mill-falliment tal-proġetti. Fil-fatt, irrispettivament mis-suċċess tal-proġetti, il-konvenuta naqset milli tirrikonoxxi li l-Kummissjoni kellha dritt għal rimbors peress li l-ispejjeż li jissemmew ma kinux eliġibbli taħt il-punti 1 u 5 ta’ l-Anness II ta’ kull kuntratt. L-uniku element deċiżiv huwa għalhekk jekk il-konvenuta tistax iġġib prova tal-karattru eliġibbli ta’ l-ispejjeż, dak li ma rnexxiliex tagħmel.

89      Il-konvenuta ssostni li hija pprovdiet, b’mod korrett u komplut, is-servizzi msemmija fiż-żewġ kuntratti. Fil-fatt, illum il-Kummissjoni użat ir-riżultati taż-żewġ proġetti fil-pubbliċità li għamlet fuq il-websajt ta’ l-Unjoni Ewropea. Din il-websajt tirreferi għall-Memorandum ta’ Ftehim dwar il-Wirt Kulturali Ewropew li fih il-Kummissjoni tirringrazzja lis-Sur B. għax-xogħol magħmul, li jingħad li kkontribwixxa għat-twettiq ta’ l-għanijiet tal-memorandum ta’ ftehim. Il-proġett DCC issemma sabiex jiġu indikati l-kwalitajiet tas-Sur B. Barra minn hekk, f’ittra tas-16 ta’ Marzu 1998, il-Kummissjoni rringrazzjat lill-konvenuta għall-kontribuzzjoni tagħha għall-memorandum ta’ ftehim u għalhekk, għaż-żewġ proġetti. Il-fatt li l-Kummissjoni ma neħħietx ir-referenzi għaż-żewġ proġetti minn fuq l-Internet huwa sijnifikanti, u għaldaqstant hija ma żammitx id-distanzi tagħha mill-għanijiet milħuqa fil-kuntest ta’ dawn il-proġetti.

90      Il-konvenuta żżid tgħid li r-rapporti, il-programmi kif ukoll l-għodod diġitali u analogue magħmula għall-proġetti ġew ipprovduti u l-ispejjeż ta’ persunal għal dan il-għan ġew effettivament sostnuti. Waqt it-twettiq tal-proġetti, il-konvenuta qatt ma ġiet informata bl-ebda wieħed mill-ilmenti li llum jinsabu fir-rikors. L-għan tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali ċċitati mill-Kummissjoni huwa sempliċement li jiġu ffaċilitati l-prova u l-kontroll ta’ l-ispejjeż eliġibbli, sostnuti fil-kuntest taż-żewġ proġetti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

91      Essenzjalment, il-konvenuta tqis li s-suċċess tal-proġetti DCC u Donna minnu nnifsu jeskludi d-dritt għal rimbors mitlub mill-Kummissjoni, peress li dan id-dritt huwa bbażat fuq kunsiderazzjonijiet ta’ eliġibbiltà purament formali.

92      Dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ.

93      Fil-fatt, il-Kummissjoni hija marbuta, taħt l-Artikolu 274 KE, bl-obbligu ta’ ġestjoni finanzjarja tajba tar-riżorsi Komunitarji. Fis-sistema ta’ l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja, l-użu ta’ din l-għajnuna huwa suġġett għal regoli li jistgħu jwasslu għar-rimbors parzjali jew totali ta’ għajnuna diġà mogħtija. Għalhekk, il-benefiċjarju ta’ għajnuna finanzjarja li l-applikazzjoni għaliha tkun ġiet approvata mill-Kummissjoni ma jikseb, b’dan il-mod, ebda dritt definittiv għall-ħlas komplut ta’ l-għajnuna jekk ma jħarisx il-kundizzjonijiet li għalihom kien ġie suġġett l-għoti ta’ l-għajnuna (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Lulju 1997, Interhotel vs Il-Kummissjoni, T‑81/95, Ġabra p. II‑1265, punt 62, u tad-29 ta’ Settembru 1999, Sonasa vs Il-Kummissjoni, T‑126/97, Ġabra p. II‑2793, punt 59).

94      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, skond prinċipju fundamentali ta’ l-għajnuna finanzjarja, il-Kummissjoni tista’ tissussidja biss l-ispejjeż effettivament sostnuti. Għalhekk, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ teżerċita rwol ta’ kontroll, il-benefiċjarji ta’ għajnuna bħal din għandhom juru li l-ispejjeż relatati mal-proġetti ssussidjati huma reali, peress li l-għoti ta’ informazzjoni kredibbli minn dawn il-benefiċjarji huwa indispensabbli għall-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ kontroll u ta’ prova stabbilita sabiex jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ l-għajnuna humiex issodisfati. Għaldaqstant, mhuwiex biżżejjed li jintwera li proġett twettaq sabiex ikun iġġustifikat l-għoti ta’ sussidju partikolari. Minbarra dan, il-benefiċjarju ta’ l-għajnuna għandu jġib prova li huwa sostna l-ispejjeż iddikjarati skond il-kundizzjonijiet stabbiliti għall-għoti ta’ l-għajnuna kkonċernata, peress li huma biss l-ispejjeż iġġustifikati tajjeb li jistgħu jitqiesu bħala eliġibbli. L-obbligu tiegħu li jitħarsu l-kundizzjonijiet finanzjarji stabbiliti huwa anki wieħed mill-impenji essenzjali tiegħu u, minħabba f’hekk, jiddetermina l-għoti ta’ l-għajnuna finanzjarja Komunitarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Jannar 2006, Comunità montana della Valnerina vs Il-Kummissjoni, C‑240/03 P, Ġabra p. I‑731, punti 69, 76, 78, 86 u 97).

95      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-obbligu, previst f’kuntratt ta’ sussidju Komunitarju, li jintbagħtu lill-Kummissjoni, fil-forma u fit-termini stabbiliti, l-irċevuti ta’ l-ispejjeż allegatament eliġibbli, huwa imperattiv u li l-għan tal-ħtieġa li dawn l-irċevuti jiġu ppreżentati skond il-formalitajiet neċessarji huwa li jiġi vverifikat jekk il-fondi tal-Komunità ntużawx skond it-termini tal-kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Jannar 2006, Implants vs Il-Kummissjoni, C‑279/03 OP, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 36 u 37).

96      Bl-istess mod, fil-kuntest tal-finanzjament mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija u mill-Fond Soċjali Ewropew, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat l-importanza tar-regola li huma biss l-ispejjeż li jsiru skond ir-regoli Komunitarji li huma koperti mill-baġit Komunitarju, b’mod li l-Kummissjoni tista’ tnaqqas, tissospendi jew tirrevoka għajnuna finanzjarja Komunitarja f’każ ta’ irregolaritajiet. Skond il-Qorti tal-Ġustizzja, anki l-irregolaritajiet ta’ natura purament "teknika", li m’għandhomx impatt finanzjarju partikolari, jistgħu serjament jaffettwaw l-interessi finanzjarji ta’ l-Unjoni kif ukoll il-ħarsien tad-dritt Komunitarju u għaldaqstant, jiġġustifikaw l-applikazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji mill-Kummissjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Settembru 2005, L-Irlanda vs Il-Kummissjoni, C‑199/03, Ġabra p. I‑8027, punti 26, 27, 29 u 31).

97      Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-insistenza tal-Kummissjoni li l-konvenuta għandha tħares, bir-reqqa, l-obbligi kuntrattwali tagħha għal dak li jirrigwarda l-irċevuti u d-dokumenti li juru l-ispejjeż sostnuti, ma tistax titqies bħala formalistika. Hija pjuttost il-konvenuta li għandha turi li dawn l-obbligi fir-rigward ta’ provi tal-kontabbiltà jkunu ġew effettivament imħarsa.

98      Din il-konklużjoni mhijiex imminata mir-regoli dwar l-oneru tal-prova. Skond dawn ir-regoli, hija ċertament il-Kummissjoni, in kwantu rikorrenti, li għandha tistabbilixxi li d-dritt tagħha għal irkupru huwa fondat [sentenza tal-Bundesgerichtshof (Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) ta’ l-14 ta’ Jannar 1991, II ZR 190/89, BGHZ Vol. 113, p. 222, 226], bir-riżultat li hija għandha l-oneru li turi b’mod konklużiv u, f’każ ta’ kontestazzjoni, li tipprova li l-ħlasijiet tagħha kienu aktar mill-għajnuna finanzjarja dovuta.

99      Madankollu, il-Kummissjoni għandha tikkontribwixxi biss għall-ispejjeż li ġew sostnuti skond il-kundizzjonijiet kuntrattwali u li, b’mod partikolari, huma ġġustifikati. Huwa biss fil-każ li l-konvenuta tippreżenta l-irċevuti ta’ l-ispejjeż rilevanti li l-Kummissjoni għandha, jekk ikun il-każ, turi li mhijiex obbligata tħallas lura l-ispejjeż sostnuti minħabba li s-servizz kuntrattwali pprovdut kien difettuż jew minħabba li l-irċevuti ma kinux eżatti (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Kokott fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Marzu 2005, Il-Kummissjoni vs AMI Semiconductor Belgium et, C‑294/02, Ġabra p. I‑2175, I‑2178, punti 174 et seq).

100    Barra minn hekk, fir-rigward ta’ l-allegat suċċess tal-proġetti in kwistjoni, jeħtieġ li jingħad ukoll li fis-seduta, il-konvenuta ammettiet li l-proċess ma fih ebda dokument informatiku li jista’ juri tali suċċess fir-rigward tad-diġitalizzazzjoni tal-kontenut kulturali magħżul fil-kuntest tal-proġett DCC u fir-rigward ta’ l-installazzjoni ta’ forum virtwali fil-kuntest tal-proġett Donna. Fis-seduta, il-konvenuta anki tkellmet dwar falliment tal-proġetti marbut mal-fatt li fl-1997 ma kienx hemm utenti biżżejjed li kienu jibbenefikaw minn aċċess rapidu għall-Internet u kien meħtieġ li jintużaw modems li ma kinux adattati.

101    Għalkemm, madankollu, il-konvenuta ssostni li r-riżultati taż-żewġ proġetti kienu użati għal finijiet ta’ pubbliċità fuq il-websajt ta’ l-Unjoni Ewropea, fir-replika tagħha, il-Kummissjoni wriet li l-informazzjoni disponibbli fuq l-imsemmija websajt kienet tirreferi għall-bidu tat-twettiq tal-proġetti (fl-1997) u ma kinitx tesprimi opinjoni dwar l-eżitu tagħhom. Fl-aħħar nett, is-siltiet tal-Memorandum ta’ Ftehim dwar il-Wirt Kulturali Ewropew u, b’mod aktar partikolari, ir-ringrazzjamenti li tirreferi għalihom il-konvenuta ma jesprimux opinjoni dwar is-suċċess tal-proġetti.

102    Fl-aħħar nett, huwa minnu li, fil-kuntest tal-Memorandum ta’ Ftehim dwar il-Wirt Kulturali, l-isem tad-direttur preċedenti, is-Sur B., huwa indikat fil-kuntest ta’ "Grupp ta’ Xogħol 4 – Prijoritajiet fil-Kontenut Diġitali għall-Kultura". Madankollu, kif osservat ġustament il-Kummissjoni, il-kollaborazzjoni personali tas-Sur B. fil-proġett "Multimedja għall-edukazzjoni u għall-impjiegi permezz ta’ inizjattiva kulturali integrata" issemmiet biss fil-kuntest ta’ ringrazzjament ġenerali tal-parteċipanti kollha tal-proġett DCC. Ir-rapport finali tal-Grupp ta’ Xogħol 4 lanqas jista’ juri li l-proġett DCC kellu eżitu pożittiv, peress li dan ir-rapport sar mis-Sur B. stess. Bl-istess mod, il-kliem użat mill-Kummissjoni fl-ittra tagħha tas-16 ta’ Marzu 1998 li fiha rringrazzjat lill-konvenuta għall-isforzi tagħha, juri biss korteżija min-naħa tal-Kummissjoni iżda ma jindikax li l-Grupp ta’ Xogħol 4 kellu suċċess konkret u reali.

103    Minn dak kollu li ngħad preċedentement jirriżulta li l-motiv ibbażat fuq imġiba kontradittorja tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-eliġibbiltà ta’ l-ispejjeż iddikjarati

104    Fir-rigward tal-kategoriji ta’ spejjeż li setgħu jiġu sostnuti għat-twettiq tal-proġetti DCC u Donna, jiġifieri l-ispejjeż diretti (persunal, subappalt, apparat, ivvjaġġar u prodotti konsumibbli) u l-ispejjeż indiretti (spejjeż ġenerali), jeħtieġ li jiġi osservat li l-punt 1.2 ta’ l-Anness II ta’ kull kuntratt jiddefinixxi l-ispejjeż rimborabbli bħala spejjeż reali neċessarji għal kull proġett, li jista’ jkun hemm prova tagħhom u li ġew sostnuti matul it-tul tal-proġetti.

105    Minn dan isegwi li hija l-konvenuta li għandha ġġib prova (ara l-punt 99 aktar ’il fuq) li l-kosti ddikjarati mill-Kummissjoni kienu spejjeż reali effettivament neċessarji u sostnuti għat-twettiq tal-proġetti matul it-tul tagħhom. Barra minn hekk, fil-produzzjoni ta’ din il-prova, il-konvenuta għandha tikkonforma ruħha ma’ l-eżiġenzi kuntrattwali partikolari għal kull kategorija ta’ spejjeż.

106    F’dan il-kuntest, il-konvenuta tilmenta li l-imġiba tal-Kummissjoni kienet żleali safejn hija talbet li jiġu prodotti dokumenti dettaljati wara perijodu ta’ kważi seba’ snin meta dawn id-dokumenti kienu jew mitlufin, jew ma setgħux jiġu kostitwiti mill-ġdid faċilment, peress li d-direttur preċedenti tal-konvenuta, is-Sur B. miet fl-1999. Il-konvenuta ssostni li matul, u immedjatament wara, it-twettiq taż-żewġ proġetti, hija tat lill-Kummissjoni numru ta’ dokumenti mitluba minnha li jistabbilixxu li l-ispejjeż kollha sostnuti kienu eliġibbli. Fl-opinjoni tagħha, id-dokumenti prodotti – li wħud minnhom huma msemmija fir-rikors u annessi miegħu – jikkostitwixxu prova suffiċjenti li fil-fatt saru spejjeż rimborsabbli.

107    Madankollu, dan l-argument mhuwiex tali li jeħles lill-konvenuta mill-obbligi tagħha taħt il-punt 1.2 ta’ l-Anness II ta’ kull kuntratt. Barra minn hekk, huwa biżżejjed li jiġi osservat li l-konvenuta kellha, skond id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi Ġermaniża, iżżomm il-kotba kollha tal-kontabbiltà li jirrigwardaw it-twettiq tal-proġetti DCC u Donna għal matul għaxar snin (ara l-punt 71 aktar ’il fuq).

108    Jeħtieġ li jingħad ukoll li l-kwistjoni deċiżiva fir-rigward ta’ l-eliġibbiltà ta’ l-ispejjeż iddikjarati mill-konvenuta, hija dwar jekk hija kinitx kapaċi ġġib prova ta’ l-ispejjeż li saru fl-1997 u fl-1998, jiġifieri fl-aħħar taż-żewġ proġetti. Id-dokumenti probatorji rilevanti ġew annessi man-noti ppreżentati mill-partijiet quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Huma jinsabu, b’mod partikolari, fl-annessi tar-rikors. Il-konvenuta rreferiet espressament għal dawn l-annessi fir-risposta tad-difiża tagħha (punt 24), mingħajr ma akkużat lill-Kummissjoni li qerdet, jew li intenzjonalment naqset milli tippreżenta, id-dokumenti rilevanti li kienet tatha l-konvenuta fi żmien xieraq, iżda sostniet li ma setgħetx tipproduċihom mill-ġdid illum. Id-dikjarazzjoni tal-konvenuta li "wħud" biss minn dawn id-dokumenti ġew annessi mar-rikors, mhijiex, fi kwalunkwe każ, ċara biżżejjed sabiex il-konvenuta tkun eżentata mill-obbligu tagħha li tipproduċi prova ta’ l-ispejjeż iddikjarati.

109    Huwa għalhekk fuq il-bażi tan-noti li l-partijiet għaddew lil xulxin, inklużi d-dokumenti annessi mar-rikors u mar-risposta tad-difiża, li jeħtieġ li tiġi eżaminata l-eliġibbiltà tad-diversi kategoriji ta’ spejjeż.

–       Spejjeż ta’ persunal

110    Fil-kuntest tal-proġett DCC, il-konvenuta ddikjarat DEM 834,568 u dan fir-rigward tas-Sur C. (Micro Computer DOS Systemhaus), is-Sinjura D., is-Sinjuri E., F., G. (FORSA), M. (Leonardo) u W. (Innovative Software).

111    Fil-kuntest tal-proġett Donna, hija ddikjarat DEM 227,998.39 għas-Sinjuri F. u E. kif ukoll għas-Sinjura L.

112    Fir-rigward ta’ l-ispejjeż iddikjarati fil-kuntest tal-proġett DCC, il-Kummissjoni allegat li l-kategoriji ta’ spejjeż individwali ma setgħux jiġu aċċettati għaliex il-persuni allegatament involuti fit-twettiq tal-proġett ma kinux impjegati mill-konvenuta. L-istess kien japplika għall-proġett Donna. Fi kwalunkwe każ, l-ebda wieħed mid-dokumenti prodotti mill-konvenuta ma jissodisfa l-kundizzjonijiet formali stabbiliti fil-punt 1.3.1 ta’ l-Anness II ta’ kull kuntratt.

113    Il-konvenuta rrispondiet li r-rifjut li jiġu rikonuxxuti l-ispejjeż ta’ persunal imur kontra s-sinjifikat u l-għan tal-kuntratti konklużi. Fir-rigward ta’ l-allegazzjoni li l-persunal li ħadem fuq il-proġetti ma kienx direttament impjegat mill-konvenuta, il-punt 1.3.1 ta’ l-Anness II għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa intiż sabiex jipprekludi r-rimbors ta’ l-ispejjeż fir-rigward biss ta’ individwi li m’għandhomx assolutament x’jaqsmu mal-proġetti. Barra minn hekk, hija tat lill-Kummissjoni l-iskedi tax-xogħol li kienu jindikaw kjarament id-data, il-ħin tax-xogħol, il-qasam ta’ attività u l-proġett stess. Filwaqt li l-Kummissjoni riedet li dawn l-iskedi jsiru ta’ l-inqas darba fix-xahar u li jkunu ffirmati mill-kap tal-proġett, hija ma kinitx qed tikkunsidra n-natura purament formali ta’ l-imsemmi punt 1.3.1 ta’ l-Anness II.

114    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jingħad li huwa paċifiku li l-konvenuta ma ssodisfatx il-kundizzjonijiet tal-punt 1.3.1 ta’ l-Anness II ta’ kull kuntratt. Skond din id-dispożizzjoni, it-total ta’ sigħat ta’ xogħol iddikjarati għandhom jiġu rreġistrati u ċċertifikati, u l-iskedi tax-xogħol għandhom jiġu ċċertifikati ta’ l-inqas darba fix-xahar mill-kap tal-proġett jew minn uffiċjal għoli ta’ impriża kontraenti, awtorizzat li jagħmel dan.

115    Madankollu l-iskedi tax-xogħol mibgħuta mill-konvenuta (Annessi 9 u 10 tar-risposta tad-difiża) mhumiex iffirmati u l-awtur tagħhom għadu mhuwiex magħruf. Kull ma bagħtet il-konvenuta kienet ġabra ta’ kopji stampati minn fuq il-kompjuter. Fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni jew prova addizzjonali, ma ġiet stabbilita ebda rabta bejn dawn il-kopji u s-servizzi fil-fatt ipprovduti. Infatti, ebda wieħed mir-rappreżentanti tal-konvenuta ma ħa r-responsabbiltà li jiċċertifika l-veraċità tal-kontenut ta’ dawn l-iskedi tax-xogħol billi ffirmahom fiż-żmien xieraq.

116    Kuntrarjament għall-affermazzjonijiet tal-konvenuta, il-kundizzjoni stabbilita fil-punt 1.3.1 ta’ l-Anness II la tikkontradixxi s-sinjifikat u lanqas l-għan tal-kuntratti. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni sservi sabiex tassigura l-preżentazzjoni xierqa u regolari (ta’ l-inqas darba fix-xahar) ta’ dokumenti probatorji kredibbli, iffirmati minn rappreżentanti kwalifikati tal-konvenuta, li juri l-ħin effettivament iddedikat għall-proġetti in kwistjoni mill-impjegati tagħha. Peress li l-Kummissjoni ma assistietx għax-xogħlijiet li ftehmet dwarhom mal-konvenuta, hija m’għandha l-ebda mod ieħor kif tikkontrolla l-eżattezza ta’ l-ispejjeż ta’ persunal mitluba.

117    Minn dan isegwi li l-konvenuta m’għandha l-ebda dritt għar-rimbors ta’ l-allegati spejjeż ta’ persunal, u m’hemmx bżonn li tingħata deċiżjoni dwar jekk u, jekk ikun il-każ, skond liema proċedura l-kollaboraturi indipendenti għandhom, taħt il-liġi Ġermaniża, jiġu kkunsidrati bħala li jifformaw parti mill-persunal tal-prinċipal tagħhom.

–       Fuq l-ispejjeż ta’ subappalt

118    Fil-kuntest tal-proġett DCC, il-konvenuta ddikjarat DEM 618,631, maqsumim bejn: McDOS, Christian Liepe Photodesign u spejjeż ta’ Ploenzke attribwiti lil IIC.

119    Fil-kuntest tal-proġett Donna, hija ddikjarat DEM 257,659 maqsumin bejn: il-kumpannija Fink & Partner, is-Sinjura D. D., is-Sinjura B. D. u l-kumpannija Casper Casting and Styling Agency.

120    Fir-rigward tal-proġett DCC, il-Kummissjoni ssostni li hija ma tatx l-awtorizzazzjoni minn qabel, neċessarja skond l-Artikolu 5(1) tal-kuntratt, għas-subappalt. Fi kwalunkwe każ, il-konvenuta ma ħarsitx l-obbligu tagħha li fil-kuntratti ta’ subappalt tinkludi dispożizzjoni dwar l-obbligi tagħha lejn il-Kummissjoni, b’mod partikolari, l-obbligu li tipprovdi l-iskedi tax-xogħol.

121    Fir-rigward tal-proġett Donna, il-Kummissjoni tosserva li hija aċċettat bħala spejjeż rimborsabbli, dawk l-ispejjeż biss li kienu jikkonċernaw is-Sinjuri D.D. u B.D. li kienu jammontaw għal DEM 46,300.18. Għall-kuntrarju, hija rrifjutat li tħallas lura l-ispejjeż l-oħra ta’ subappalt fin-nuqqas ta’ l-awtorizzazzjoni minn qabel u bil-miktub.

122    Skond il-konvenuta, huwa paċifiku li l-impriżi li fir-rigward tagħhom ġew ippreżentati dawn l-ispejjeż, ħadmu fuq il-proġett DCC. Għaldaqstant, l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni ma kinitx neċessarja peress li l-Artikolu 5 tal-kuntratt DCC huwa sempliċement miżura amministrattiva. Barra minn hekk, il-Kummissjoni diġà approvat is-subappaltaturi peress li rċeviet lista tagħhom għal dan il-għan. Il-konvenuta ma kinitx obbligata tipprovdi rċevuti dettaljati. Għal dak li jikkonċerna l-ispejjeż ta’ Ploenzke, dawn ġew attribwiti lil IIC bħala riżultat tal-ftehim intern ma’ Ploenzke.

123    Fir-rigward tal-proġett Donna, il-konvenuta tqis li l-ispejjeż kollha ta’ subappalt huma rimborsabbli. L-iffirmar tal-Memorandum ta’ Ftehim mill-kumpannija Fink & Partner jippermetti li jitħarsu s-sinifikat u l-għan ta’ l-Artikolu 5(1) tal-kuntratt Donna. Għall-ispejjeż tal-kumpannija Casting and Styling Agency, ma kinitx neċessarja awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni minn qabel u bil-miktub.

124    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi osservat li, skond l-Artikolu 5(1) taż-żewġ kuntratti, il-konvenuta kienet awtorizzata tikkonkludi kuntratti ta’ subappalt taħt il-kundizzjoni li l-Kummissjoni tagħti l-kunsens tagħha minn qabel u bil-miktub, sakemm il-konvenuta timponi fuq kull subappaltatur l-istess obbligu li huma imposti fuqha stess mill-kuntratti konklużi mal-Kummissjoni.

125    L-argument tal-konvenuta li din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi sempliċement miżura amministrattiva, li l-ksur tagħha ma jistax jaffettwa l-eliġibbiltà ta’ l-ispejjeż in kwistjoni, għandu jiġi miċħud.

126    Fil-fatt, il-kundizzjoni kuntrattwali ta’ awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni minn qabel fir-rigward ta’ l-involviment ta’ subappaltaturi hija ġustifikata u neċessarja, peress li, bħala prinċipju, hija l-impriża li l-Kummissjoni tkun għażlet preċiżament u individwalment bħala kontraenti, li għandha twettaq l-obbligi miftehma. Konsegwentement, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tikkontrolla u, jekk ikun il-każ, teskludi l-possibbiltà li subappaltatur jiġi involut. Il-ksur tal-kundizzjoni ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u bil-miktub mill-konvenuta hija biżżejjed sabiex il-Kummissjoni tirrifjuta li tħallas lura l-ispejjeż relatati.

127    Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, huwa paċifiku li l-konvenuta ma ppreżentatx l-iskedi tax-xogħol, għas-subappaltaturi tagħha, fil-forma stabbilita fil-punt 1.3.1 ta’ l-Anness II tal-kuntratti. Madankollu, skond l-Artikolu 5(1), hija kienet meħtieġa timponi fuq kull subappaltatur l-istess obbligi li kienu imposti fuqha stess. Minn dan isegwi li kull subappaltatur inkarigat mill-konvenuta fit-twettiq tal-proġetti kellu jikkonforma mal-punt 1.3.1 ta’ l-imsemmi Anness II billi jiddikjara s-sigħat totali ta’ xogħol tal-persunal involut u billi, ta’ l-inqas darba fix-xahar, jara li l-iskedi tax-xogħol jiġi ċċertifikati minn uffiċjal għoli, awtorizzat li jagħmel dan.

128    Il-kundizzjoni kuntrattwali li jiġu imposti, fuq kull subappaltatur, l-istess obbligi bħal dawk applikabbli għall-konvenuta kienet ġustifikata u neċessarja sabiex jiġi ggarantit kontroll komplut ta’ l-ispejjeż allegatament sostnuti u sabiex jiġi eskluż li l-konvenuta tkun tista’, permezz tas-sempliċi involviment ta’ subappaltaturi, tikseb ir-rimbors ta’ l-ispejjeż li altrimenti ma kinux ikunu eliġibbli.

129    L-ebda waħda mill-iskedi tax-xogħol, ippreżentati mill-konvenuta fl-anness għar-risposta tad-difiża tagħha, ma tissodisfa din il-kundizzjoni. Għall-motivi esposti fil-punti 115 u 116 aktar ’il fuq, hija għalhekk m’għandha l-ebda dritt għar-rimbors ta’ l-ispejjeż tas-subappalt in kwistjoni.

130    Fir-rigward ta’ l-ispejjeż attribwiti lill-konventura minn Ploenzke bis-saħħa ta’ allegat ftehim intern bejn iż-żewġ kumpanniji, jeħtieġ li jingħad ukoll li Ploenzke, kuntrarjament għall-konvenuta, ħallset lura minn jeddha l-ħlasijiet bil-quddiem kollha li l-Kummissjoni kienet talbet ir-rimbors tagħhom (ara l-punt 23 aktar ’il fuq). Konsegwentement, il-Kummissjoni ma tistax tkun obbligata tħallas lura, permezz tal-konvenuta, spejjeż li Ploenzke rrinunzjat għar-rimbors tagħhom billi ħallset lura l-ħlasijiet bil-quddiem li kienet irċeviet.

131    Minn dan isegwi li l-konvenuta ma tistax titlob ir-rimbors ta’ l-allegati spejjeż ta’ subappalt – bl-eċċezzjoni ta’ dawk, diġà rikonoxxuti mill-Kummissjoni, li kienu sostnuti mis-Sinjuri B.D. u D.D. fil-kuntest tal-proġett Donna – peress li dawn l-ispejjeż ma ġewx iġġustifikati korrettament.

–       Fuq l-ispejjeż ta’ vvjaġġar

132    Fil-kuntest tal-proġett DCC, il-konvenuta ddikjarat DEM 32,682 u dan fir-rigward tas-Sinjura D., is-Sur E., is-Sur F., is-Sinjura L., is-Sur M. (Leonardo) u s-Sur C. (McDOS).

133    Fil-kuntest tal-proġett Donna, hija ddikjarat DEM 22,659 fir-rigward tas-Sinjur D.D., is-Sur E., is-Sur F., is-Sinjura L. u s-Sur M.

134    Skond il-Kummissjoni, il-konvenuta m’għandha l-ebda dritt għar-rimbors ta’ l-ispejjeż ta’ vvjaġġar. Fil-fatt, kuntrarjament għad-dispożizzjonijiet tal-punti 1.3.4 u 1.2 ta’ l-Anness II tal-kuntratti, il-konvenuta ma ġabitx prova tar-rabta li fil-fatt teżisti bejn dawn l-ispejjeż u ż-żewġ proġetti.

135    Fir-rigward tal-proġett DCCC, il-Kummissjoni allegat li, bl-eċċezzjoni tas-Sinjura L., il-kumpannija u l-persuni kollha msemmija kienu subappaltaturi mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel. L-ispejjeż tas-Sinjura L. ma kinux rimborsabbli peress li ma ġewx sostnuti spejjeż ta’ persunal mill-konvenuta fir-rigward ta’ din il-persuna.

136    Fir-rigward tal-proġett Donna, il-Kummissjoni ssostni li, fir-rigward ta’ l-ispejjeż sostnuti għas-Sur M., il-konvenuta ma talbitx ir-rimbors ta’ spejjeż ta’ persunal. Is-Sur F. u s-Sur E. ma kinux, in kwantu subappaltaturi, koperti mill-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni. Il-konvenuta ma pprovdietx l-iskedi tax-xogħol fir-rigward tas-Sinjura L. L-ispejjeż tas-Sinjura D. D. ma setgħux jiġu aċċettati għaliex id-dokumenti prodotti ma kinux biżżejjed sabiex jiġi ddeterminat il-bżonn ta’ l-ivvjaġġar tagħha.

137    Billi tirrepeti l-argumenti ppreżentati fil-kuntest tas-subappalt, il-konvenuta ssostni li l-fatt li ma ddikjaratx l-ispejjeż ta’ persunal ma jeskludix it-talba għall-ħlas lura ta’ l-ispejjeż ta’ l-ivvjaġġar tal-persuna in kwistjoni, peress li dawn l-ispejjeż ġew fil-fatt sostnuti. Fir-rigward tas-Sinjuri F. u E., ma kienet neċessarja ebda awtorizzazzjoni. Fir-rigward ta’ l-ispejjeż tas-Sinjura L., l-importanza ta’ l-attività tagħha ġiet ippruvata permezz ta’ l-iskedi tax-xogħol pprovduti lill-Kummissjoni. Għal dak li jikkonċerna l-ispejjeż tas-Sinjura D.D., il-konvenuta tirreferi għal ftehim addizzjonali li jirrigwardaw r-rimbors ta’ l-ispejjeż ta’ vvjaġġar.

138    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, għal dak li jikkonċerna l-eliġibbiltà tagħhom, l-ispejjeż ta’ vvjaġġar huma normalment inċidentali peress li l-uniku vvjaġġar li jista’ jiġi meqjus bħala neċessarju għall-finijiet tal-proġetti in kwistjoni huwa dak tal-persuni li s-servizzi effettivament ipprovduti minnhom huma meqjusa bħala neċessarji fil-kuntest tal-proġetti in kwistjoni. Fi kliem ieħor, ir-rimbors ta’ l-ispejjeż ta’ vvjaġġar huwa ġġustifikat fil-każ biss li l-persuna, li fir-rigward tagħha jintalab il-ħlas lura ta’ dawn l-ispejjeż, ipparteċipat b’mod utli, jiġifieri b’mod rikonoxxut mill-Kummissjoni, fit-twettiq tal-proġett in kwistjoni.

139    Madankollu, kif spjegat aktar ’il fuq, il-Kummissjoni kienet awtorizzata tirrifjuta r-rimbors ta’ l-ispejjeż kollha ddikjarati mill-konvenuta taħt l-ispejjeż ta’ persunal u ta’ subappalt, ħlief dawk li kienu jirrigwardaw lis-Sinjuri B. D. u D. D. għall-proġett Donna. Konsegwentement, peress li s-servizzi allegatament ipprovduti mill-persuni in kwistjoni ma kellhom ebda valur li seta’ jiġi kkwantifikat għall-Kummissjoni, l-ivvjaġġar tagħhom, li sar sabiex jiġu pprovduti dawn is-servizzi, ma jistax jiġi kkwalifikat bħala neċessarju għall-finijiet tal-proġetti DCC u Donna. Għalhekk, f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ġustament tinvoka l-punt 1.2 ta’ l-Anness II ta’ kull kuntratt li jistabbilixxi li huma rimborsabbli biss il-kosti reali neċessarji għal kull proġett, li jistgħu jiġu ppruvati u li ġew sostnuti matul it-tul tal-proġetti.

140    Jeħtieġ li jingħad ukoll li l-konvenuta kienet obbligata, bis-saħħa tal-punt 5 ta’ l-Anness II taż-żewġ kuntratti, li żżomm il-kotba tal-kontabbiltà tagħha flimkien ma’ dokumentazzjoni xierqa sabiex tikkorrobora u tiġġustifika l-ispejjeż iddikjarati. Madankollu, l-ebda waħda mill-kopji fl-Annessi A 7 sa A 23 tar-rikors u fl-Annessi B 9 sa B 14 tar-risposta tad-difiża ma tista’ tiġi kkwalifikata bħala prova valida u xierqa li, fir-rigward ta’ l-għan u tal-bżonn ta’ kull vjaġġ individwali, tistabbilixxi li l-ispejjeż ta’ vvjaġġar iddikjarati ġew effettivament sostnuti għall-bżonnijiet tal-proġetti DCC u Donna. Għalhekk, f’dan ir-rigward, kuntrarjament għall-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 1.2 u fil-punt 5 ta’ l-Anness II taż-żewġ kuntratti, il-konvenuta ma rnexxilhiex tistabbilixxi rabta bejn l-ispejjeż ta’ vvjaġġar allegatament sostnuti għall-persuni in kwistjoni u l-involviment tagħhom fil-proġetti.

141    Għal dak li jikkonċerna, b’mod aktar partikolari, lis-Sinjuri B. D. u D. D., jeħtieġ li jiġi osservat li l-ispejjeż ta’ subappalt sostnuti għal dawn il-persuni fil-kuntest tal-proġett Donna ġew rikonoxxuti mill-Kummissjoni bħala rimborsabbli. Madankollu, dan ma jwassalx awtomatikament għar-rikonoxximent ta’ l-ispejjeż ta’ vvjaġġar iddikjarati.

142    Fil-fatt, il-proċess ma fih ebda rċevuta ta’ vjaġġ li jikkonċerna lis-Sinjura B. D. Fir-rigward tas-Sinjura D. D., l-irċevuti fl-Anness A 23 tar-rikors, li din ta’ l-aħħar bagħtet lill-konvenuta, fihom informazzjoni tant ġenerali u vaga li ma jistgħux jitqiesu bħala prova suffiċjenti fis-sens tal-punti 1.2 u 5 ta’ l-Anness II ta’ kull kuntratt. Huma ma jippermettux, b’mod partikolari, li tiġi vverifikata r-rilevanza ta’ l-ivvjaġġar tas-Sinjura D. D. għall-proġett Donna u għall-attività individwali tagħha fil-kuntest ta’ dan il-proġett.

143    Minn dan isegwi li l-konvenuta m’għandha ebda dritt għar-rimbors ta’ l-allegati spejjeż ta’ vvjaġġar.

–       Fuq l-ispejjeż ta’ apparat

144    Fil-kuntest tal-proġett DCC, il-konvenuta ddikjarat DEM 381,018 għal spejjeż sostnuti mill-kumpannija Digivision u għal spejjeż ta’ Ploenzke attribwiti lil IIC. Fil-kuntest tal-proġett Donna, l-ammont ta’ spejjeż iddikjarati minnha huwa ta’ DEM 106,871, li huwa bbażat fuq irċevuta tal-kumpannija Fink & Partner.

145    Il-Kummissjoni topponi r-rimbors ta’ l-ispejjeż iddikjarati fil-kuntest tal-proġett DCC, billi ssostni li l-ispejjeż iddikjarati fir-rigward tal-kumpannija Digivision mhumiex eliġibbli. Fil-fatt, kuntrarjament għall-kundizzjonijiet tal-punt 5 ta’ l-Anness II tal-kuntratt, il-korrispondenza bejn il-konvenuta u l-kumpannija Digivision la tippermetti li jiġi evalwat il-bżonn ta’ dawn l-ispejjeż lanqas li jiġi vverifikat jekk il-kost tal-kiri ta’ l-apparat kienx aktar mill-prezz tax-xiri tiegħu. L-ispejjeż ta’ Ploenzke attribwiti lill-konvenuta mhumiex rimborsabbli fin-nuqqas ta’ ftehim dwar dan bejn iż-żewġ kumpanniji.

146    Fir-rigward tal-proġett Donna, il-Kummissjoni tibbaża r-rifjut ta’ rimbors fuq il-fatt li l-konvenuta ma ppreżentatx kuntratt ta’ kiri konkluż mal-kumpannija Fink & Partner. Barra minn hekk, id-dokumenti ppreżentati ma jispeċifikawx x’kien il-materjal mikri u lanqas jikkorrispondu għall-kundizzjonijiet kuntrattwali għal dak li jirrigwarda l-provi.

147    Skond il-konvenuta, id-dokumenti li hija pprovdiet lill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika l-ispejjeż li talbet il-ħlas tagħhom, huma ġeneralment kapaċi jipprovdu prova suffiċjenti ta’ l-ispejjeż sostnuti peress li l-kuntratti ma jirrikjedux prova dettaljata ta’ l-ispejjeż sostnuti. Fi kwalunkwe każ, iż-żewġ proġetti ma setgħux jitwettqu mingħajr il-kiri ta’ apparat u l-Kummissjoni m’għandha l-ebda raġuni valida li tikkunsidra li l-irċevuti huma eċċessivi, partikolarment peress li ma spjegatx għaliex tikkunsidra li l-kost tal-kiri ta’ l-apparat seta’ kien għola minn kemm fil-fatt jiswa. Barra minn hekk, il-Kummissjoni stess hija ħafna drabi involuta fl-inizjattivi kulturali u għalhekk għandha tkun taf li l-ispejjeż sostnuti huma raġonevoli. Għalhekk, in-natura eżatta tal-materjal tekniku li jkun ġie mikri, ftit li xejn hija importanti. Fl-aħħar nett, l-irċevuta tal-kumpannija subappaltatriċi Fink & Partner hija prova suffiċjenti.

148    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jsir riferiment għar-regoli li jinsabu fil-punti 1.2, 1.3.2 u 5 ta l-Anness II ta’ kull kuntratt. Bis-saħħa ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, minn naħa, l-ammont ta’ l-ispejjeż eliġibbli għall-apparat mikri huwa limitat għal dak li jkun neċessarju fil-każ tax-xiri tiegħu. Min-naħa l-oħra, il-konvenuta hija obbligata żżomm il-kotba tal-kontijiet tagħha u dokumentazzjoni xierqa sabiex tikkorrobora u tiġġustifika l-ispejjeż iddikjarati. Fl-aħħar nett, huma rimborsabbli biss l-ispejjeż reali neċessarji għal kull proġett, li tista’ tinġab prova tagħhom u li jistgħu jiġu sostnuti matul il-proġetti.

149    Din il-ħtieġa li jiġu prodotti dokumenti probatorji li huma dettaljati kemm jista’ jkun hija intiża sabiex tippermetti lill-Kummissjoni teżerċita l-kontroll tagħha fuq l-ammonti ta’ flus imħallsa fil-kuntest taż-żewġ proġetti kif ukoll fuq ir-realtà u l-bżonn ta’ l-ispejjeż allegatament sostnuti fir-rigward ta’ l-apparat. Minn dan jirriżulta li l-konvenuta kellha obbligu li tipprovdi dokumenti li jindikaw, b’mod preċiż, x’tip ta’ apparat ġie mikri u għal liema prezz.

150    Madankollu, il-konvenuta, manifestament, ma ħarsitx dan l-obbligu meta sostniet li d-dokumenti mibgħuta lill-Kummissjoni kienu "ġeneralment" kapaċi jagħtu prova ta’ l-ispejjeż sostnuti fir-rigward ta’ l-apparat u li l-Kummisjoni "ma [kellha] l-ebda raġuni" ssostni li l-ammont fuq l-irċevuti ppreżentati kien eċċessiv għaliex hija ma kinitx spjegat ir-raġunijiet li għalihom fil-fatt ikkunsidrat li l-kost tal-kiri ta’ l-apparat seta’ kien aktar minn kemm fil-fatt jiswa. Il-konvenuta ma setgħetx sempliċement issostni li l-Kummissjoni kellha esperjenza biżżejjed fil-qasam tal-proġetti kulturali u li għalhekk kellha tkun taf li l-ispejjeż sostnuti kienu raġonevoli, b’mod li n-natura eżatta tal-materjal tekniku ftit li xejn kienet importanti.

151    Fir-rigward ta’ l-ispejjeż ta’ Ploenzke attribwiti lil IIC, il-proċess ma fih l-ebda dokument li jippermetti li jiġu vverifikati r-realtà u l-bżonn tagħhom. Barra minn hekk, il-fatt li Ploenzke ħallset lura l-ħlasijiet bil-quddiem kollha kif mitlub mill-Kummissjoni jeskludi li l-Kummissjoni tkun obbligata tħallas lura, permezz tal-konvenuta, spejjeż allegatament sostnuti minn Ploenzke u attribwiti lill-konvenuta fuq il-bażi ta’ ftehim intern (ara l-punt 130 aktar ’il fuq).

152    Fir-rigward ta’ l-ispejjeż ta’ apparat li jsir riferiment għalihom fil-każ tal-kumpannija Digivision, l-informazzjoni rilevanti li tinsab fuq l-irċevuti hija tant vaga li ma tippermettix li jiġi stabbilit b’ċertezza li l-ispejjeż ta’ apparat iddikjarati kienu neċessarji għall-finijiet tal-proġett.

153    B’mod partikolari, l-irċevuta fl-Anness A 16 tar-rikors mhijiex waħda vera u definittiva. Din hija rċevuta pro forma, li sservi sempliċement sabiex tinforma lill-klijent bid-dettalji tal-bejgħ u tippermettilu jikkompleta ċerti formalitajiet qabel il-kunsinna. Barra minn hekk, din l-irċevuta pro forma mhijiex iffirmata. Hija sempliċement tiddeskrivi l-apparat mikri b’mod ġenerali, mingħajr ma tindika jew tippreċiża individwalment l-apparat kopert minnha, minkejja li teżisti gamma wiesgħa tagħhom fuq is-suq għal dak li jikkonċerna l-funzjonalità, il-kwalità u l-prezz. Konsegwentement, mhuwiex oġġettivament possibbli li jiġi evalwat il-bżonn ta’ l-ispejjeż allegatament sostnuti mill-konvenuta għall-kumpannija Digivision.

154    L-irċevuta tal-kumpannija Digivision annessa bħala B 11 fir-risposta tad-difiża ma tagħmilx tajjeb għal dan in-nuqqas ta’ preċiżjoni. Fil-fatt, għalkemm din l-irċevuta fiha lista ta’ l-apparat u s-softwer allegatament ipprovdut, hija mhijiex iffirmata u, kuntrarjament għall-irċevuta pro forma, ma fihiex l-isem tal-kumpannija Digivision fuq in-naħa ta’ fuq tagħha. Fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni jew prova addizzjonali, dan id-dokument m’għandux valur probatorju għal dak li jirrigwarda r-realtà u l-bżonn ta’ l-ispejjeż in kwistjoni.

155    L-ispejjeż ta’ apparat li jsir riferiment għalihom fil-każ tal-kumpannija Fink & Partner jirrigwardaw il-kiri ta’ sistema ta’ l-awdjo HIS, inklużi l-ħardwer, in-netwerk u s-softwer (arkivju ta’ stampi, ġestjoni ta’ sensiela ta’ stampi u aċċess ISDN).

156    Kif jirriżulta mill-proċess, l-ewwel prova dokumentata ta’ dawn l-ispejjeż tinsab fl-abbozz tar-rapport ta’ verifika (Anness A 6 tar-rikors) li, fil-punt 3.2, jirreferi għal irċevuti kkunsidrati bħala insuffiċjenti sabiex jiġġustifikaw il-bżonn tal-materjal mikri – għaliex il-komponenti tekniċi ta’ l-apparat allegatament mikri mhumiex indikati – u li fih il-konvenuta hija akkużata li ma ppreżentatx il-kuntratt ta’ kiri rilevanti. Fil-kummenti tagħha dwar l-abbozz tar-rapport (Anness 9 tar-rikors) il-konvenuta, fil-punt 3.1, limitat lilha nnifisha li tikkontesta l-fatt li l-irċevuti in kwistjoni ma ġewx aċċettati, mingħajr ma ppreżentat kopja tagħhom jew tal-kuntratt ta’ kiri. Il-punt 3.2 tar-rapport ta’ verifika finali (Anness A 12 tar-rikors) jikkonferma r-rifjut li l-ispejjeż ta’ apparat fir-rigward tal-kumpannija Fink & Partner jiġu kkunsidrati bħala rimborsabbli.

157    Huwa biss fl-Anness B 14 tar-risposta tad-difiża li l-konvenuta tippreżenta d-dokumenti li jikkonċernaw il-kiri ta’ l-apparat in kwistjoni. Madankollu, id-dokumenti ppreżentati huma tliet "irċevuti" li mhumiex iffirmati u li, kuntrarjament għall-irċevuti oriġinali ta’ din il-kumpannija fl-Annessi A 20 sa A 22 tar-rikors, ma ġewx ippreżentati fuq karti bl-isem tal-kumpannija Fink & Partner fuq in-naħa ta’ fuq tagħhom. Fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni jew prova addizzjonali, dawn id-dokumenti m’għandhomx valur probatorju għal dak li jirrigwarda r-realtà u l-bżonn ta’ l-ispejjeż in kwistjoni.

158    Minn dak li ngħad preċedentement jirriżulta li l-konvenuta m’għandha l-ebda dritt għar-rimbors ta’ l-allegati spejjeż ta’ apparat.

–       Fuq il-prodotti konsumibbli

159    Fil-kuntest tal-proġetti DCC u Donna, il-konvenuta ddikjarat l-ammonti ta’ DEM 35,017 u DEM 9,312.53, rispettivament, fir-rigward tal-prodotti konsumibbli.

160    Skond il-Kummissjoni, l-ispejjeż iddikjarati fil-kuntest tal-proġett DCC la ġew spjegati u lanqas iddokumentati mill-konvenuta. Konsegwentement, dawn ma setgħux jiġu rikonoxxuti. Fir-rigward tal-proġett Donna, il-Kummissjoni ssostni li d-dokumenti ppreżentati, jiġifieri tliet irċevuti tal-kumpannija Fink & Partner, mhumiex biżżejjed sabiex tkun tista’ ssir evalwazzjoni tal-bżonn ta’ l-ispejjeż allegatament sostnuti. Barra minn hekk, l-ispejjeż iddikjarati ġew sostnuti fil-kuntest tal-kuntratt ta’ subappalt konkluż mal-kumpannija Fink & Partner. Madankollu, il-kuntratt ma kienx awtorizzat mill-Kummissjoni.

161    Skond il-konvenuta, l-argument tal-Kummissjoni dwar il-proġett DCC huwa ġenerali wisq sabiex hija tkun tista’ tikkummenta dwar din il-kwistjoni. Il-Kummissjoni kellha tkun taf li t-twettiq ta’ dan il-proġett kien ser jinvolvi spejjeż ta’ prodotti konsumibbli, li l-bżonn tagħhom ma jistax jiġi kkontestat. Fir-rigward tal-proġett Donna, il-provi prodotti huma biżżejjed.

162    Jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-ispejjeż iddikjarati fir-rigward tal-prodotti konsumibbli fil-kuntest tal-proġett DCC, manifestament ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala eliġibbli. Fil-fatt, billi limitat lilha nnifisha li tressaq argument li huwa kompletament evażiv, il-konvenuta, essenzjalment, tirrikonoxxi li ma kienx hemm dokumenti probatorji għal dawn l-ispejjeż. Għalhekk, il-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tivverifika l-bżonn tagħhom, skond il-punt 1.2 ta’ l-Anness II tal-kuntratt DCC.

163    Għal dak li jikkonċerna l-prodotti allegatament ikkonsmati fil-kuntest tal-proġett Donna, il-konvenuta tibbaża ruħha fuq tliet irċevuti datati l-1 ta’ Ġunju, 17 ta’ Novembru u l-1 ta’ Diċembru 1997, sabiex tiġġustifika l-ispejjeż sostnuti għall-kumpannija Fink & Partner (Annessi A 20 sa A 22 tar-rikors). Minn dawn jirriżulta li din il-kumpannija ħarġet irċevuti lill-konvenuta għal servizzi deskritti bħala "preżentazzjoni grafika ta’ oġġetti fi tliet dimensjonijiet […] inklużi l-materjal użat". Kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni, il-konvenuta la ppreċiżat din il-preżentazzjoni u lanqas il-materjal użat, b’mod li mhuwiex possibbli li jiġi ddeterminat is-suġġett eżatt ta’ dawn l-irċevuti. Barra minn hekk, il-konvenuta m’għamlet l-ebda distinzjoni, fir-rigward ta’ ċifri, bejn il-prodotti konsumibbli u l-preżentazzjoni grafika.

164    Minn dan isegwi li t-tliet irċevuti in kwistjoni mhumiex dettaljati biżżejjed sabiex jiġu kkunsidrati bħala dokumenti probatorji li jistabbilixxu, skond il-punt 1.2 ta’ l-Anness II tal-kuntratt Donna, il-bżonn ta’ l-ispejjeż iddikjarati taħt il-kategorija ta’ prodotti konsumabbli u r-rabta konkreta tagħhom mal-proġett Donna.

165    Jeħtieġ li jingħad ukoll li l-konvenuta m’għandha l-ebda dritt għar-rimbors ta’ l-ispejjeż ta’ persunal, ta’ subappalt jew ta’ apparat li hija kienet iddikjarat fir-rigward tal-kumpannija Fink & Partner (ara, b’mod partikolari, il-punti 155 sa 157 aktar ’il fuq). Għal din ir-raġuni addizzjonali, huwa eskluż li l-ispejjeż tal-prodotti konsumabbli jkunu jistgħu jiġu rimborsati. Fil-fatt, dawn l-ispejjeż huma purament ta’ natura inċidentali fis-sens li dawn jistgħu jiġu sostnuti raġonevolment in konnessjoni ma’ servizz prinċipali u l-bżonn tagħhom, u għaldaqstant l-eliġibbiltà tagħhom, jiddependu minn dawk ta’ dan is-servizz prinċipali. Madankollu, f’din il-kawża, il-Kummissjoni kellha d-dritt li ma tirrikonoxxi ebda servizz prinċipali in konnessjoni mal-kumpannija Fink & Partner.

166    Minn dan isegwi li r-rifjut tar-rimbors ta’ l-ispejjeż ta’ prodotti konsumabbli, allegatament sostnuti mill-konvenuta, huwa fondat.

–       Fuq l-ispejjeż ġenerali

167    Fil-kuntest tal-proġetti DCC u Donna, il-konvenuta ddikjarat l-ammonti ta’ DEM 56,027 u DEM 22,385 bħala spejjeż ġenerali.

168    Skond il-Kummkissjoni, dawn l-ispejjeż la ġew ippreċiżati u lanqas iġġustifikati mill-konvenuta u b’hekk ma kienx possibbli li, skond il-punt 1.3.1 ta’ l-Anness II ta’ kull kuntratt, jiġi vverifikat jekk ġewx sostnuti u jekk kinux bżonnjużi. Fi kwalunkwe każ, skond il-punt 1.4 ta’ dan l-Anness, għal dak li jirrigwarda l-ispejjeż ġenerali, il-konvenuta setgħet titlob rimbors sa 20 % biss ta’ l-ispejjeż li r-rimbors tagħhom ikun approvat, li ġeneralment ikunu spejjeż indiretti.

169    Il-konvenuta tikkunsidra dawn il-provi bħala suffiċjenti, peress li l-ispejjeż ġenerali huma min-natura tagħhom permanenti u għalhekk il-provi dwarhom huma limitati. Għaldaqstant, huwa kważi impossibbli li tinġab prova tar-rabta bejn dawn l-ispejjeż u l-proġetti.

170    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-ispejjeż ġenerali, jew l-ispejjeż indiretti ("overheads", skond it-terminoloġija tal-kuntratti DCC u Donna), għandhom espliċitament, huma wkoll, jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-punt 1.2 ta’ l-Anness II ta’ kull kuntratt. Konsegwentement, huma biss l-ispejjeż sostnuti sabiex jiġu koperti spejjeż ġenerali reali u bżonnjużi għat-twettiq ta’ kull proġett li jistgħu jiġu kkwalifikati bħala rimborsabbli. Fil-fatt, l-ispejjeż ġenerali ta’ impriża jirriflettu l-ispejjeż normali tal-ħidma tagħha, li tonfoq fi kwalunkwe każ minħabba l-attività normali tagħha u irrispettivament mit-twettiq ta’ proġett individwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Marzu 2003, Comunità montana della Valnerina vs Il-Kummissjoni, T-340/00, Ġabra p. II-811, punt 106), b’mod li huma biss l-ispejjeż ġenerali realment marbuta mat-twettiq tal-proġett in kwistjoni li huma eliġibbli għall-finanzjament Komunitarju fir-rigward tal-proġett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Jannar 2006, Comunità montana della Valnerina vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 94 aktar ’il fuq, punt 87).

171    F’din il-kawża, ġie spjegat aktar ’il fuq li l-Kummissjoni kienet awtorizzata tirrifjuta r-rimbors ta’ l-ispejjeż diretti kollha li l-konvenuta kienet iddikjarat fil-kuntest tal-proġett DCC. Konsegwentement, huwa eskluż li l-konvenuta tkun tista’ tattribwixxi parti fissa ta’ l-ispejjeż indiretti tagħha (spejjeż ta’ amministrazzjoni, ta’ infrastruttura, eċċ) lil dan il-proġett, peress li spejjeż bħal dawn huma inċidentali għall-ispejjeż diretti. Barra minn hekk, is-somma ta’ DEM 56,027, mitluba mill-konvenuta għal din il-kategorija ta’ spejjeż, mhija bbażata fuq ebda element oġġettiv li jippermetti li jiġi vverifikat jekk hijiex ġustifikata.

172    Fir-rigward tal-proġett Donna, il-konventuta ma ppreżentat ebda element li jippermetti li jiġi vverifikat jekk is-somma ta’ DEM 22,385, mitluba minnha taħt il-kategorija ta’ spejjeż ġenerali, hijiex ġustifikata. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi osservat li, għalkemm il-Kummissjoni aċċettat ir-rimbors ta’ l-ispejjeż ta’ subappalt għas-Sinjuri D. D. u B. D. fl-ammont ta’ DEM 46,300.18, hija ma kinitx obbligata li tirrikonoxxi l-eliġibbiltà ta’ spejjeż oħra (ara l-punti 121 u 131 aktar ’il fuq). Barra minn hekk, l-allegati spejjeż ġenerali fl-ammont ta’ DEM 22,385, mhumiex proporzjonati ma’ l-ispejjeż diretti approvati fl-ammont ta’ DEM 46,300.18.

173    Jeħtieġ li jiġi ppreċiżat li, fil-punt 1.4 ta’ l-Anness II taż-żewġ kuntratti, issir distinzjoni bejn il-kontraenti skond jekk jikkalkolawx l-"ispejjeż indiretti kollha" jew l-"ispejjeż inċidentali". Skond it-tieni subparagrafu tal-punt 1.2 ta’ l-Anness II taż-żewġ kuntratti, il-konvenuta kienet tifforma parti mill-ewwel kategorija ta’ kontraenti (dawk li jikkalkolaw l-"ispejjeż indiretti kollha"), peress li l-kategorija l-oħra kienet tinkludi biss universitajiet u ċentri ta’ riċerka. Skond l-imsemmi punt 1.4, il-konvenuta kellha tistabbilixxi li l-ispejjeż ġenerali tagħha kienu kkalkolati skond il-konvenzjonijiet u l-prinċipji normali tal-kontabbiltà tagħha, ikkunsidrati mill-Kummissjoni bħala prinċipji raġonevoli, peress li l-ispejjeż li jistgħu faċilment jiġu attribwiti lill-ispejjeż diretti jew l-ispejjeż irkuprati minn partijiet oħra, ma jistgħux jiġu meqjusa bħala spejjeż ġenerali. Madankollu, fin-nuqqas ta’ dettalji addizzjonali dwar l-ispejjeż ġenerali ddikjarati mill-konvenuta fil-kuntest tal-proġett Donna, il-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tikkontrolla jekk dawn l-ispejjeż kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-punt 1.4.

174    Minn dan isegwi li l-konvenuta m’għandha l-ebda dritt għar-rimbors ta’ l-allegati spejjeż ġenerali tagħha.

–       Konklużjoni

175    Minn dak kollu li ngħad preċedentement jirriżulta li l-motivi invokati mill-konvenuta sabiex tistabbilixxi l-eliġibbiltà ta’ l-ispejjeż iddikjarati minnha fil-kuntest tal-proġetti DCC u Donna għandhom jiġu miċħuda kollha.

 Fuq l-ammont prinċipali u l-imgħaxijiet għal dewmien fil-ħlas mitluba mill-Kummissjoni

 Fuq id-dejn prinċipali

176    Jeħtieġ li jiġi osservat li t-talba għar-rimbors tal-ħlas bil-quddiem, magħmula mill-Kummissjoni, tammonta għal EUR 181,263.61. Skond il-Kummissjoni, dan l-ammont huwa r-riżultat tal-konverżjoni ta’ ECU 179,337 f’DEM 354 520,82 u l-konverżjoni ta’ din l-aħħar somma f’Euros. Il-konvenuta tikkontesta l-ammont ta’ EUR 181,263.61 billi ssostni fi fl-1998 hija kienet ġiet mitluba tħallas lura biss is-somma ta’ ECU 179,337.

177    F’dan ir-rigward, huwa minnu li l-ammont tal-ħlas bil-quddiem magħmul lill-konvenuta kien ta’ DEM 400,821, li minnhom il-Kummissjoni qed titlob ir-rimbors ta’ DEM 354,520.82. Huwa minnu wkoll li s-somma ta’ EUR 181,263.61 mitluba f’dan ir-rikors tikkorrispondi preċiżament għal din is-somma ta’ DEM 354,520.82, meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni r-rata ta’ kambju applikabbli, skond liema, euro hija ekwivalenti għal DEM 1.95583.

178    Madankollu, fil-punt 4 ta’ l-Anness II ta’ kull kuntratt, huwa previst li l-ħlasijiet kollha magħmula mill-Kummissjoni huma f’ECU u li kwalunkwe rimbors mill-kontraenti lill-Kummissjoni wkoll għandu jsir f’ECU. Barra minn hekk, in-notifika ta’ rkupru u n-nota ta’ debitu mibgħuta lill-konvenuta fl-1998 (ara l-punt 24 aktar ’il fuq) jirreferu espressament għal ECU 179,337 skond ir-rata ta’ kambju bejn il-mark Ġermaniż u l-ECU, applikabbli f’dak iż-żmien.

179    Madankollu, skond l-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1103/97, tas-17 ta’ Ġunju 1997, dwar ċerti dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-introduzzjoni ta’ l-Euro (ĠU L 162, p. 1), jeħtieġ li referenza għall-ECU tinbidel permezz ta’ referenza għall-Euro, u dan b’rata ta’ Euro għal ECU (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Mejju 2005, Il-Kummissjoni vs Huhtamaki Dourdan, C‑315/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 5).

180    Minn dan isegwi li t-talba għar-rimbors magħmula mill-Kummissjoni hija fondata sa l-ammont ta’ EUR 179,337. Konsegwentement, it-talba għar-rimbors tal-kumplament għandha tiġi miċħuda.

 Fuq l-imgħaxijiet għal dewmien fil-ħlas

181    Skond il-Kummissjoni, il-konvenuta għandha tħallas l-imgħaxijiet għal dewmien fil-ħlas li għandhom jibdew jiddekorru mid-data ta’ l-intimazzjoni tad-debitriċi, li fiha l-Kummissjoni talbitha tħallas lura, qabel il-31 ta’ Ottubru 1998, l-ammonti ta’ flus imħallsa lilha bil-quddiem. Skond l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 284(1) tal-BGB, fil-verżjoni tiegħu ta’ qabel, il-konvenuta ġiet intimata fl-1 ta’ Novembru1998. L-ammont tad-dejn prinċipali għandu għalhekk jiżdied, skond l-Artikolu 288(1) tal-BGB, fil-verżjoni tiegħu ta’ qabel, bl-imgħaxijiet għal dewmien fil-ħlas b’rata ta’ 4 % fis-sena.

182    Il-konvenuta tillimita lilha nnifisha li tikkontesta l-eżistenza tad-dejn prinċipali.

183    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-kuntratti DCC u Donna ma jgħidu xejn dwar mil-liema data u għal-liema perijodu jistgħu jkunu dovuti l-imgħaxijiet għal dewmien fil-ħlas. Konsegwentement, jeħtieġ li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tal-liġi Ġermaniża dwar l-intimazzjoni tad-debitur.

184    Skond l-Artikolu 229(5) ta’ l-EGBGB, dwar l-obbligi li nħolqu qabel l-1 ta’ Jannar 2002, il-BGB tibqa’, fin-nuqqas ta’ eċċezzjonijiet espliċiti, applikabbli fil-verżjoni tagħha ta’ qabel din id-data. Fir-rigward ta’ l-imgħaxijiet li jibdew jiddekorru mill-intimazzjoni tad-debitur, l-Artikolu 229(1) ta’ l-EGBGB jipprovdi li l-Artikolu 288 tal-BGB huwa applikabbli, fil-verżjoni tiegħu ta’ qabel l-1 ta’ Mejju 2000, għall-krediti kollha li kienu dovuti qabel din id-data.

185    F’din il-kawża, il-kuntratti DCC u Donna ġew konklużi fl-1996. Konsegwentement, il-verżjoni l-qadima ta’ BGB tibqa’ applikabbli. Id-dispożizzjoni dwar l-intimazzjoni tad-debitur, jiġifieri l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 284(1) tal-BGB, fil-verżjoni tiegħu ta’ qabel, jipprovdi li jekk id-debitur ma jħarisx l-obbligu tiegħu, wara li jintalab iħallas id-dejn u dan wara d-data li fiha d-dejn ikun dovut, din it-talba titqies bħala intimazzjoni. Madankollu, skond il-punt 4.3 ta’ l-Anness II ta’ kull kuntratt, ir-rimbors tal-ħlas bil-quddiem lill-Kummissjoni għandu jsir "immedjatament" wara li ssir it-talba għal ħlas. Għalhekk, il-konvenuta ġiet intimata mill-1 ta’ Novembru 1998 permezz tat-talba tal-Kummissjoni għall-ħlas qabel il-31 ta’ Ottubru 1998.

186    L-Artikolu 288 tal-BGB, fil-verżjoni tiegħu ta’ qabel, jipprovdi għal imgħaxijiet għal dewmien fil-ħlas b’rata annwali ta’ 4 % li jibdew jiddekorru min-notifika. L-ammont tad-dejn prinċipali, li huwa ta’ EUR 179,337 jiżdied b’imgħaxijiet għal dewmien fil-ħlas ta’ 4 %, li jibdew jiddekorru mill-1 ta’ Novembru 1998 sakemm finalment jitħallas id-dejn.

 Fuq it-talba tal-konvenuta għas-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni tas-sentenza

187    Sussidjarjament, il-konvenuta ppreżentat talba għas-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza, li jippermettilha tevita l-eżekuzzjoni permezz ta’ garanzija, li tista’ tkun garanzija bankarja.

188    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, skond il-klawżola ta’ arbitraġġ fl-Artikolu 12(2) ta’ kull kuntratt, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha ġurisdizzjoni biss li tiddeċiedi kwistjonijiet li jistgħu jqumu bejn il-partijiet għal dak li jirrigwarda "il-validità, l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni" tal-kuntratti in kwistjoni, peress li dawn il-kuntratti huma regolati bil-liġi Ġermaniża skond l-Artikolu 12(1) ta’ kull kuntratt.

189    Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Prim’Istanza m’għandhiex ġurisdizzjoni sabiex, fil-kuntest ta’ din il-kawża, tiddeċiedi dwar ir-regoli tal-proċedura taħt il-liġi Ġermaniża għal dak li jirrigwarda l-eżekuzzjoni ta’ sentenza tagħha.

190    Jeħtieġ li jingħad ukoll li, skond l-Artikolu 244 C, is-sentenzi tal-qorti Komunitarja għandhom jiġu eżegwiti taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 256 KE u li, skond ir-raba’ paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni ta’ l-aħħar, l-eżekuzzjoni tista’ tkun sospiża biss permezz ta’ deċiżjoni tal-qorti Komunitarja. Skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 110 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, talba għas-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ippreżentata taħt l-Artikoli 244 KE u 256 KE, hija regolata mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 104 sa 110 ta’ l-istess regoli.

191    Madankollu, mill-Artikolu 104(1) u (3) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li talba bħal din għandha tiġi ppreżentata permezz ta’ att separat, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni in kwistjoni. Peress li dawn il-kundizzjonijiet ma ġewx issodisfati f’dan il-każ, it-talba tal-konvenuta għas-sospensjoni tas-sentenza għandha tiġi miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

192    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-konvenuta tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      IIC Informations-Industrie Consulting GmbH hija ordnata tħallas lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej is-somma prinċipali ta’ EUR 179,337, flimkien ma’ l-imgħaxijiet għal dewmien fil-ħlas b’rata ta’ 4 % fis-sena, li jibdew jiddekorru mill-1 ta’ Novembru 1998 sakemm jitħallas l-ammont kollu dovut.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      It-talba ta’ IIC Informations-Industrie Consulting GmbH sabiex tiġi sospiża l-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza hija miċħuda.

4)      IIC Informations-Industrie Consulting GmbH hija ordnata tbati l-ispejjeż.

Pirrung IIC

Forwood

Papasavvas

Mogħtija fil-qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-22 ta’ Mejju 2007.

E. Coulon

 

      J. Pirrung

Reġistratur

 

      President

Werrej


Il-kuntest ġuridiku u l-fatti tal-kawża

Id-dritt Komunitarju applikabbli

Fatti li wasslu għall-kawża

Proċedura u talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq il-locus standi tagħha sabiex tiddefendi lilha nnifisha fil-qorti (kapaċità li titressaq il-qorti)

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq il-preskrizzjoni

Osservazzjonijiet preliminari

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq id-dekadenza

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-ispejjeż rimborsabbli fil-kuntest tal-proġetti DCC u Donna

Osservazzjonijiet preliminari

Fuq l-imġiba kontradittorja tal-Kummissjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-eliġibbiltà ta’ l-ispejjeż iddikjarati

– Spejjeż ta’ persunal

– Fuq l-ispejjeż ta’ subappalt

– Fuq l-ispejjeż ta’ vvjaġġar

– Fuq l-ispejjeż ta’ apparat

– Fuq il-prodotti konsumibbli

– Fuq l-ispejjeż ġenerali

– Konklużjoni

Fuq l-ammont prinċipali u l-imgħaxijiet għal dewmien fil-ħlas mitluba mill-Kummissjoni

Fuq id-dejn prinċipali

Fuq l-imgħaxijiet għal dewmien fil-ħlas

Fuq it-talba tal-konvenuta għas-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni tas-sentenza

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.