Language of document : ECLI:EU:T:2015:283

Kawża T‑162/10

Niki Luftfahrt GmbH

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Trasport bl-ajru — Deċiżjoni li tiddikjara l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni — Evalwazzjoni tal-effetti tal-operazzjoni fuq il-kompetizzjoni — Impenji”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tat-13 ta’ Mejju 2015

1.      Konċentrazzjonijiet bejn impriżi — Eżami mill-Kummissjoni — Evalwazzjonijiet ta’ natura ekonomika — Setgħa diskrezzjonali ta’ evalwazzjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Portata — Limiti

(Artikolu 256 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikoli 2 u 8)

2.      Att tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern

(Artikolu 256 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikoli 2(2) u 8(2))

3.      Konċentrazzjonijiet bejn impriżi — Eżami mill-Kummissjoni — Definizzjoni tas-suq inkwistjoni — Konċentrazzjoni bejn żewġ kumpanniji tal-ajru — Kriterji — Sostitwibbiltà tal-prodotti — Approċċ b’par ta’ bliet

(Artikolu 82 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikolu 2; Regolament tal-Kummissjoni Nru 802/2004, taqsima 6; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 97/C 372/03, punti 13 sa 17, 20, 21 u 24)

4.      Konċentrazzjonijiet bejn impriżi — Eżami mill-Kummissjoni — Definizzjoni tas-suq inkwistjoni — Kriterji li jistgħu jkunu differenti minn dawk applikabbli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat

(Artikoli 87 KE u 88 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikoli 2(2) u (3), u 8(2))

5.      Proċedura ġudizzjarja — Tressiq ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża — Kundizzjonijiet — Motiv ibbażat fuq elementi rrilevati fil-mori tal-kawża

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikoli 44(1) u 48(2))

6.      Konċentrazzjonijiet bejn impriżi — Evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq komuni — Eżami mill-Kummissjoni — Oneru tal-prova li għandha l-parti li tikkontesta d-deċiżjoni ta’ kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikoli 2 u 8)

7.      Konċentrazzjonijiet bejn impriżi — Evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq komuni — Kriterji — Effetti antikompetittivi — Ħolqien jew tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti — Impossibbiltà li konċentrazzjoni tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern mingħajr impenji tal-partijiet sabiex ikunu rimedjati l-effetti fuq il-kompetizzjoni

(Artikolu 82 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikoli 2 u 8)

8.      Trasport — Trasport bl-ajru — Aċċess ta’ trasportaturi tal-Unjoni għad-drittijiet ta’ traffiku ġo l-Unjoni u fuq il-livell internazzjonali — Kundizzjonijiet — Obbligu tal-Istati Membri li jagħmlu tqassim tad-drittijiet ta’ traffiku bejn it-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni kkonċernati skont proċedura mhux diskriminatorja u trasparenti — Neċessità ta’ ftehim bilaterali bejn l-Istat Membru u l-pajjiż terz fil-każ ta’ drittijiet ta’ traffiku internazzjonali

(Artikolu 100(2) TFUE ; Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 847/2004 u Nru 1008/2008, Artikolu 15)

9.      Konċentrazzjonijiet bejn impriżi — Eżami mill-Kummissjoni — Adozzjoni ta’ deċiżjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà ta’ konċentrazzjoni mas-suq intern mingħajr ftuħ tal-fażi II — Kundizzjoni — Assenza ta’ dubji serji — Neċessità li jinkisbu impenji tal-impriżi kkonċernati — Setgħa diskrezzjonali — Stħarriġ ġudizzjarju limitat għall-iżball manifest ta’ evalwazzjoni — Stħarriġ estiż għall-iżball ta’ evalwazzjoni fil-każ tal-ftuħ tal-Fażi II u tal-impenji meħuda fil-kors tagħhom

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikoli 2(2), 6 u 8(2))

10.    Konċentrazzjonijiet bejn impriżi — Eżami mill-Kummissjoni — Impenji tal-impriżi kkonċernati tali li jrendu l-operazzjoni nnotifikata kompatibbli mas-suq intern — Kriterji

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikoli 2(2), 6 u 8(2))

11.    Proċedura ġudizzjarja — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati — Riferiment ġenerali għall-elementi spjegati fil-kuntest tal-ewwel motiv insostenn tat-tieni — Inammissibbiltà

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1)(c))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 85-87)

2.      Il-Kummissjoni ma tiksirx l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni jekk, meta teżerċita s-setgħa tagħha ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet, hija ma tinkludix fid-deċiżjoni tagħha motivazzjoni preċiża fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ ċertu numru ta’ aspetti tal-konċentrazzjoni li jidhrilha li huma manifestament irrilevanti, insinjifikattivi jew b’mod ċar sekondarji għall-evalwazzjoni ta’ din il-konċentrazzjoni. Tali rekwiżit ikun fil-fatt diffiċilment kompatibbli mal-ħtieġa ta’ ħeffa u t-termini qosra ta’ proċedura li l-Kummissjoni għandha tosserva meta teżerċita s-setgħa tagħha ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet u li jifformaw parti minn ċirkustanzi partikolari ta’ proċedura għall-kontroll ta’ dawn il-konċentrazzjonijiet. Minn dan jirriżulta li, meta l-Kummissjoni tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni fuq il-bażi tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 139/2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni huwa ssodisfatt jekk din id-deċiżjoni turi b’mod ċar ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni tikkunsidra li l-konċentrazzjoni inkwistjoni, jekk ikun il-każ wara tibdiliet magħmula mill-impriżi kkonċernati, ma tostakolax b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f’parti sostanzjali minnu, b’mod partikolari bil-ħolqien jew bit-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti.

(ara l-punti 99, 100)

3.      Sabiex jiġi evalwat jekk impriża tat-trasport bl-ajru li topera titjiriet skedati għandhiex pożizzjoni dominanti fis-suq, qabel kollox għandu jiġi ddefinit is-suq tas-servizzi ta’ trasport inkwistjoni billi jitqies kemm li l-qasam ta’ titjiriet regolari jikkostitwixxi suq separat kif ukoll kif ukoll il-possibbiltajiet alternattivi ta’ trasport, bħat-trasport b’charter, bil-ferrovija jew bit-triq, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, kif ukoll it-titjiriet skedati fuq rotot oħrajn li jistgħu jservu bħala sostitut.

Il-kriterju li għandu jitqies f’dan ir-rigward, huwa jekk it-titjira skedata fuq rotta partikolari tistax tiġi individwalizzata, meta mqabbla ma’ possibbiltajiet alternattivi ta’ trasport, permezz tal-karatteristiċi partikolari tagħha, li jirriżultaw li hija ftit skambjabbli magħhom u li hija esposta għall-kompetizzjoni tagħhom b’mod ftit sensittiv biss.

Minn dan isegwi li l-Kummissjoni korrettement iddefinixxiet is-suq inkwistjoni billi żviluppat, fil-kuntest ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet fil-qasam tat-trasport tal-passiġġieri bl-ajru skedat, l-approċċ “punt ta’ oriġini/punt ta’ destinazzjoni”, imsejjaħ O & D, li jikkorrispondi għal approċċ fuq par ta’ bliet u li jirrifletti l-perspettiva tad-domanda li biha l-konsumaturi jqisu l-għażliet kollha possibbli, inklużi l-modi differenti ta’ trasport, sabiex imorru minn belt ta’ oriġini għal belt ta’ destinazzjoni. Skont dan l-approċċ, kull kombinazzjoni ta’ punt ta’ oriġini u punt ta’ destinazzjoni jifforma suq distint.

(ara l-punti 135, 136, 138, 139)

4.      Fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet bejn impriżi li jaqgħu fid-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, id-determinazzjoni tas-suq inkwistjoni mhux neċessarjament tikkorrispondi għad-definizzjoni tas-suq inkwistjoni li tikkonċerna awtorizzazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat, peress li ż-żewġ proċeduri huma differenti kemm fl-għan kif ukoll fil-bażi ġuridika tagħhom, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 88(2)KE f’każ, u l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 139/2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, fil-każ l-ieħor.

B’hekk, fil-kuntest tal-eżami tal-għajnuna mill-Istat li tista’ tiġi awtorizzata skont l-Artikolu 87(3)(c) KE, il-Kummissjoni trid tiżgura li l-għajnuna inkwistjoni ma taffettwax il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sal-punt li tkun kuntrarja għall-interess komuni. Fil-każ ta’ deċiżjoni dwar il-pjan ta’ ristrutturar, fejn l-għajnuna inkwistjoni hija intiża li tiżgura li jitnaqqas id-dejn ta’ impriża f’diffikultà u taqa’ fl-kuntest ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni li għandu l-għan li jiġi żgurat ir-ritorn għall-vijabbiltà fit-tul ta’ din l-impriża, l-effetti ta’ din l-għajnuna ma humiex limitati għal suq partikolari li fih l-impriża hija preżenti, iżda jestendu għas-sitwazzjoni globali ta’ din tal-aħħar.

Madankollu, fil-kuntest tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, il-Kummissjoni għandha tiżgura, konformement mal-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament fuq il-konċentrazzjonijiet, li l-konċentrazzjoni ma tfixkilx b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f’parti sostanzjali minnu. Iċ-ċentru tal-evalwazzjoni huwa għaldaqstant l-effett tal-konċentrazzjoni fuq il-limitazzjoni kompetittiva. Dan huwa għaliex l-impenji proposti mill-partijiet li jagħmlu n-notifika huma intiżi sabiex jirrimedjaw għall-problemi ta’ kompetizzjoni maħluqa mill-konċentrazzjoni fuq is-swieq fejn l-imsemmija partijiet kienu jikkompetu qabel il-konċentrazzjoni.

(ara l-punti 145-147)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 149, 150, 167, 257, 259-261, 319)

6.      Fil-kuntest tar-reviżjoni tal-kompatibbiltà ta’ konċentrazzjoni mas-suq intern, il-Kummissjoni għandha teżamina, skont b’mod partikolari l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 139/2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, l-effetti kompetittivi ta’ tali operazzjoni fuq is-swieq li għalihom hemm riskju ta’ tfixkil b’mod sinjifikattiv għall-kompetizzjoni effettiva, b’mod partikolari minħabba l-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti.

Għalkemm l-analiżi kompetittiva mwettqa mill-Kummissjoni hija parzjalment immexxija mit-tħassib imqajjem mit-terzi li ġew ikkonsultati matul il-proċedura amministrattiva, hija għandha tiskopri, anki fl-assenza ta’ kwalunkwe indikazzjoni espressa tal-imsemmija terzi, iżda fid-dawl ta’ indikazzjonijiet serji, il-problemi kompetittivi kkawżati mill-konċentrazzjoni fis-swieq kollha li jistgħu jiġu affettwati.

Madankollu, meta hija tilmenta li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni problema eventwali ta’ kompetizzjoni fuq swieq oħra barra minn dawk li fuqhom għamlet l-analiżi kompetittiva, huwa r-rikorrent li għandu jipproduċi indikazzjonijiet serji li juru b’mod tanġibbli l-eżistenza ta’ problema ta’ kompetizzjoni li kellha, minħabba l-impatt tagħha, tiġi eżaminata mill-Kummissjoni.

Sabiex jintlaħaq dan ir-rekwiżit, huwa dan tal-aħħar li għandu jidentifika s-swieq rilevanti, jiddeskrivi s-sitwazzjoni kompetittiva fl-assenza ta’ konċentrazzjoni u jindika liema ser ikunu l-effetti probabbli ta’ konċentrazzjoni fid-dawl tas-sitwazzjoni kompetittiva fuq dawn is-swieq.

(ara l-punti 172-175)

7.      Fil-kuntest tar-reviżjoni tal-kompatibbiltà ta’ konċentrazzjoni mas-suq intern, il-Kummissjoni hija obbligata li tevalwa l-effetti kompetittivi tal-konċentrazzjoni fuq is-swieq fejn hemm sovrappożizzjoni bejn l-attivitajiet tal-partijiet fil-konċentrazzjoni. Minn dan isegwi li, jekk waħda mill-partijiet kienet diġà tinsab f’sitwazzjoni ta’ monopolju fuq rotta tal-ajru, jiġifieri suq inkwistjoni, qabel il-konċentrazzjoni, din is-sitwazzjoni tevita bid-definizzjoni tagħha stess l-analiżi ta’ effetti antikompetittivi tal-konċentrazzjoni.

Għall-kuntrarju, dan ma jgħoddx meta s-sitwazzjoni ta’ monopolju jew ta’ pożizzjoni dominanti tirriżulta mill-konċentrazzjoni jew hija msaħħa minnha. F’każ bħal dan, il-Kummissjoni ma tistax, minħabba n-nuqqas tal-impenji tal-partijiet tali li jirrimedjaw l-effetti fuq il-kompetizzjoni tal-pożizzjoni dominanti, tiddikjara l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern.

(ara l-punti 248, 249)

8.      Fil-qasam tat-trasport bl-ajru, sabiex isservi rotta bejn ajruporti li jinsabu fit-territorju ta’ żewġ Stati differenti, kumpannija tal-ajru għandha żżomm dritt għal traffiku internazzjonali tal-ajru, jiġifieri l-awtorizzazzjoni sabiex isservi din ir-rotta. Kull Stat jindika l-kumpanniji tal-ajru stabbiliti fuq it-territorju tiegħu li huwa jawtorizza li jservu rotta bejn dan it-territorju u t-territorju ta’ Stat ieħor. In-numru ta’ permessi li jistgħu jingħataw minn kull Stat sabiex iservu rotta tal-ajru internazzjonali huwa tradizzjonalment iddeterminat permezz ta’ konvenzjoni internazzjonali bilaterali konkluża bejn iż-żewġ Stati kkonċernati. Dawn id-drittijiet ta’ traffiku jikkostitwixxu, a priori, ostakolu ġuridiku għad-dħul fuq rotta tal-ajru internazzjonali.

Dawn l-ostakoli ġuridiċi tneħħew fi ħdan l-Unjoni permezz tar-Regolament Nru 2408/92, dwar aċċess għat-trasportaturi tal-ajru tal-Komunità għal rotot tal-ajru intra-Komunitarji, li wara ġie abrogat bir-Regolament Nru 1008/2008, dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità. Skont l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1008/2008, it-trasportaturi bl-ajru li għandhom liċenzja ta’ operazzjoni valida maħruġa mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fiha huma jippossiedu l-post prinċipali tan-negozju tagħhom huma awtorizzati li joperaw is-servizzi bl-ajru intra-Komunitarji u l-Istati Membri ma jistgħux jissuġġettaw l-operazzjoni ta’ dawn is-servizzi minn tali trasportatur għal ebda permess jew awtorizzazzjoni.

Madankollu, id-drittijiet tat-traffiku huma dejjem meħtieġa sabiex iservu rotta tal-ajru bejn it-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni u t-territorju ta’ Stat terz.

F’dan ir-rigward, mis-“sentenzi sema miftuħ” tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-adozzjoni tar-Regolament Nru 847/2004, dwar in-negozjati u l-implementazzjoni tal-ftehimiet dwar is-servizzi tal-ajru bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi, it-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni, jiġifieri dawk li huma la miżmuma u lanqas ikkontrollati minn Stat Membru jew minn ċittadini ta’ dan tal-aħħar, jistgħu, fil-prinċipju, jikkompetu mat-trasportaturi bl-ajru ta’ Stat Membru, li huma miżmuma jew ikkontrollati minn Stat Membru jew miċ-ċittadini tagħha, sabiex jiksbu d-drittijiet ta’ traffiku internazzjonali fil-kuntest ta’ proċedura mhux diskriminatorja u trasparenti.

Madankollu, dan jippreżumi li l-ftehim bilaterali, bejn Stat Membru u pajjiż terz, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ għoti ta’ drittijiet ta’ traffiku jkollu klawżola msejħa ta’ “rekwiżit ta’ proprjetà u ta’ kontroll Komunitarji” (community ownership and control). Fil-każ ta’ Stat Membru li ma kkonkludiex tali ftehim bilaterali ma’ pajjiż terz, huma biss it-trasportaturi bl-ajru kkontrollati jew proprjetà ta’ dan l-Istat Membru jew għaċ-ċittadini ta’ dan l-Istat li jistgħu jiksbu d-drittijiet tat-traffiku, minkejja li t-trasportaturi tal-Unjoni huma esklużi mir-rotot bejn dan l-Istat Membru u l-imsemmi Stat terz.

(ara l-punti 270-273, 277, 279-281)

9.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 289-292, 295-298)

10.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 293, 294, 302, 303, 312-317, 319, 327, 344-348, 353)

11.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 356-358)