Language of document : ECLI:EU:C:2017:935

Kawża C600/14

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Rikors għal annullament – Azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 216(1) TFUE – Artikolu 218(9) TFUE – Stabbiliment tal-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni f’korp stabbilit minn ftehim internazzjonali – Kumitat ta’ Reviżjoni tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF) – Emenda tal-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) u tal-appendiċijiet tagħha – Kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha – Kompetenza esterna tal-Unjoni f’qasam li fih l-Unjoni, sa dak iż-żmien, ma tkunx adottat regoli komuni – Validità tad-Deċiżjoni 2014/699/UE – Obbligu ta’ motivazzjoni – Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-5 ta’ Diċembru 2017

1.        L-Unjoni Ewropea – Kompetenzi ta’ għoti – Kompetenzi interni u esterni – Osservanza tal-prinċipju ta’ għoti tal-kompetenzi

(Artikolu 5(2) TUE)

2.        Ftehimiet internazzjonali – Konklużjoni – Kompetenza tal-Unjoni – Għoti espliċitu jew impliċitu – Natura esklużiva jew kondiviża

(Artikoli 3(2) TFUE u 216(1) TFUE)

3.        Ftehimiet internazzjonali – Konklużjoni – Kompetenza tal-Unjoni – Kompetenza fir-rigward tan-neċessità li jiġi konkluż il-ftehim sabiex jintlaħaq għan tat-Trattati – Portata – Emenda tal-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija – Inklużjoni – Kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri – Neċessità għall-Unjoni li diġà tkun eżerċitat il-kompetenza normattiva interna tagħha qabel ma taġixxi fuq il-pjan estern – Assenza

(Artikolu 5(2) TUE; Artikoli 2(2) TFUE, 4(2)(g) TFUE, 91(1) TFUE u 216(1) TFUE; Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/699)

4.        Atti tal-istituzzjonijiet – Indikazzjoni tal-bażi legali – Obbligu – Portata – Ommissjoni li ma tikkostitwixxix difett sostanzjali – Limiti – Riferiment espliċitu indispensabbli għall-eżerċizzju tal-istħarriġ ġudizzjarju

(Artikolu 296 TFUE)

5.        Ftehimiet internazzjonali – Konklużjoni – Kompetenza tal-Unjoni – Kompetenza fir-rigward tan-neċessità li jiġi konkluż il-ftehim sabiex jintlaħaq għan tat-Trattati – Rekwiżiti formali jew proċedurali fir-rigward tal-att li għandu jiġi adottat

(Artikoli 216(1) TFUE u 352 TFUE)

1.      Il-prinċipju ta’ għoti tal-kompetenzi stabbilit fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(2) TUE għandu jiġi osservat kemm għall-azzjoni interna kif ukoll għall-azzjoni internazzjonali tal-Unjoni.

(ara l-punt 44)

2.      Kompetenza esterna tal-Unjoni tista’ teżisti lil hinn mill-każijiet previsti fl-Artikolu 3(2) TFUE. Fil-fatt, il-kompetenza tal-Unjoni biex tikkonkludi ftehim internazzjonali mhux biss tista’ tirriżulta minn setgħa espliċita mogħtija mit-Trattati, iżda tista’ toħroġ ukoll b’mod impliċitu minn dispożizzjonijiet oħra tat-Trattati u minn atti adottati, fl-ambitu ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. B’mod partikolari, kull meta d-dritt tal-Unjoni jistabbilixxi, għall-imsemmija istituzzjonijiet, kompetenzi fuq il-livell intern sabiex jintlaħaq għan partikolari, l-Unjoni tingħata l-kompetenza sabiex tieħu l-impenji internazzjonali neċessarji sabiex jintlaħaq dan l-għan, anki fl-assenza ta’ dispożizzjoni espressa f’dan ir-rigward. Din l-aħħar ipoteżi issa tinsab prevista fl-Artikolu 216(1) TFUE.

Barra minn hekk, għandha ssir distinzjoni bejn l-eżistenza ta’ kompetenza esterna tal-Unjoni u n-natura esklużiva jew kondiviża ta’ din il-kompetenza eventwali. Din id-distinzjoni hija tradotta fit-Trattat FUE. F’dan ir-rigward, mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 216(1) TFUE, li fiha ma hemm ebda distinzjoni skont in-natura esklużiva jew kondiviża tal-kompetenza tal-Unjoni, jirriżulta li l-Unjoni għandha tali kompetenza f’erba’ każijiet. L-ipoteżi li l-konklużjoni ta’ ftehim tista’ taffettwa regoli komuni jew tibdel il-portata tagħhom, li hija ipoteżi li fiha l-kompetenza tal-Unjoni, bis-saħħa tal-Artikolu 3(2) TFUE, hija esklużiva, tikkostiwixxi biss wieħed minn dawn il-każijiet. Bl-istess mod, minn tqabbil tal-formulazzjonijiet rispettivi tal-Artikolu 216(1) TFUE u tal-Artikolu 3(2) TFUE, jirriżulta li l-każijiet li fihom l-Unjoni għandha kompetenza esterna, konformement mal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, ma humiex limitati għad-diversi ipoteżijiet previsti fit-tieni waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, li fihom l-Unjoni għandha kompetenza esterna esklużiva.

(ara l-punti 45-47, 49-51)

3.      Jaqgħu taħt il-kompetenza esterna tal-Unjoni l-punti mniżżla fl-aġenda tal-25 seduta tal-Kumitat ta’ Reviżjoni tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija u li jirrigwardaw il-proposti ta’ emenda tal-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija tad-9 ta’ Mejju 1980, li fuqhom il-Kunsill stabbilixxa l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni. Għalhekk, il-Kunsill ma kisirx il-prinċipju ta’ għoti tal-kompetenzi previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(2) TUE.

Fil-fatt, l-emendi inkwistjoni jirrigwardaw id-dritt privat tal-kuntratti dwar it-trasport internazzjonali ferrovjarju, li huwa qasam li jaqa’ taħt politika tal-Unjoni, jiġifieri l-politika komuni tat-trasport, li huwa s-suġġett tat-Titolu VI, li jġib l-isem “It-Trasport”, tat-Tielet Parti, intitolata “Politika u Azzjonijiet Interni ta’ l-Unjoni” tat-Trattat FUE, u li għaldaqstant għandu jitqies bħala li jikkorrispondi għal wieħed mill-għanijiet tat-Trattat FUE. F’dan ir-rigward, peress li l-istipulazzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija u tal-appendiċijiet tagħha li lilhom jirrigwardaw dawn l-emendi huma intiżi li jistabbilixxu normi armonizzati fil-livell internazzjonali, inkluż għat-trasport internazzjonali mwettaq minn jew lejn it-territorju ta’ Stat Membru, jew li jaqsam mit-territorju ta’ Stat Membru wieħed jew iktar, għall-partijiet tal-vjaġġ li jinsabu barra mit-territorju tal-Unjoni u, bħala prinċipju, anki għall-partijiet tal-imsemmi vjaġġ li jinsabu fit-territorju tal-Unjoni, il-fatt li l-Unjoni tadotta pożizzjoni dwar l-imsemmija emendi għandu jitqies li jikkontribwixxi għat-twettiq tal-għanijiet tal-politika komuni tat-trasport, fil-kuntest tal-kompetenza li hija mogħtija l-Unjoni permezz tal-Artikolu 91(1) TFUE, u li għandu wkoll aspett estern. Konsegwentement, din l-adozzjoni ta’ pożizzjoni hija neċessarja sabiex, fil-kuntest tal-politiki tal-Unjoni, jitwettaq wieħed mill-għanijiet stabbiliti mit-Trattati, fis-sens tal-Artikolu 216(1) TFUE.

Barra minn hekk, ma jistax jiġi sostnut b’mod validu li, perss li l-qasam tat-trasport, bis-saħħa tal-Artikolu 4(2)(g) TFUE, jaqa’ taħt il-kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, l-Unjoni ma tkunx tista’ taġixxi fuq il-pjan estern qabel ma taġixxi fuq il-livell intern permezz tal-adozzjoni ta’ regoli komuni fl-oqsma fejn ikunu ġew konklużi impenji internazzjonali. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ kompetenza esterna tal-Unjoni ma hija, fl-ebda każ, dipendenti fuq l-eżerċizzju minn qabel, mill-Unjoni, tal-kompetenza normattiva interna tagħha fil-qasam ikkonċernat. B’hekk, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(2) TFUE, dwar il-kompetenzi kondiviżi, ma tagħmilx l-eżistenza, għall-Unjoni, ta’ kompetenza esterna kondiviża mal-Istati Membri tagħha tiddependi fuq l-eżistenza, fit-Trattati, ta’ dispożizzjoni li tagħti b’mod espliċitu tali kompetenza esterna lill-Unjoni.

(ara l-punti 56, 60, 62, 66, 67 u 72)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 80 sa 84)

5.      Għalkemm l-Artikolu 216(1) TFUE ċertament jelenka d-diversi każijiet fejn l-Unjoni għandha s-setgħa tikkonkludi ftehim internazzjonali, bid-differenza tal-Artikolu 352 TFUE dan ma jippreskrivi ebda rekwiżit formali jew proċedurali għal dan l-għan. Il-forma tal-att u l-proċedura li għandha tiġi segwita għaldaqstant għandhom jiġu ddeterminati permezz ta’ riferiment għad-dispożizzjonijiet l-oħrajn tat-Trattati.

(ara l-punt 89)