Language of document : ECLI:EU:T:2024:217

Kawża T486/18 RENV

Danske Slagtermestre

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tal10 ta’ April 2024

“Għajnuna mill-Istat – Skema ta’ kontribuzzjonijiet għall-ġbir ta’ ilma mormi – Ilment ta’ kompetitur – Deċiżjoni li tikkonstata l-assenza ta’ għajnuna mill-Istat fi tmiem il-fażi ta’ eżami preliminari – Rekwiżit ta’ imparzjalità – Imparzjalità oġġettiva – Kunċett ta’ ‘vantaġġ’ – Prinċipju ta’ operatur privat f’ekonomija tas-suq – Analiżi ex ante tal-profittabbiltà marġinali – Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ ‘għajnuna mill-Istat’”

1.      Drittijiet fundamentali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Dritt għal amministrazzjoni tajba – Rekwiżit ta’ imparzjalità – Imparzjalità oġġettiva – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-assenza ta’ għajnuna mill-Istat relatata ma’ skema nazzjonali ta’ kontribuzzjonijiet għall-ġbir tal-ilma mormi – Deċiżjoni ppreparata u ffirmata minn Membru tal-Kummissjoni li kien ikkoopera, fil-kapaċità tiegħu bħala ministru nazzjonali, fl-adozzjoni tal-iskema nazzjonali inkwistjoni – Membru tal-Kummissjoni li pubblikament kien ħa pożizzjoni, fil-kapaċità tiegħu bħala ministru nazzjonali, favur l-iskema nazzjonali inkwistjoni – Sitwazzjoni ta’ natura li tqajjem dubju leġittimu dwar possibbiltà ta’ nuqqas ta’ imparzjalità tal-imsemmi Membru tal-Kummissjoni – Ksur tar-rekwiżit ta’ imparzjalità

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(1))

(ara l-punti 26 sa 44)

2.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Għoti ta’ vantaġġ lill-benefiċjarji – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Intervent tal-Istat li huwa ta’ natura ekonomika – Evalwazzjoni skont il-prinċipju ta’ operatur privat

(Artikolu 107(1) TFUE)

(ara l-punti 51 sa 57)

3.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Evalwazzjoni skont il-prinċipju ta’ operatur privat – Evalwazzjoni fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha tat-tranżazzjoni kontenzjuża u tal-kuntest tagħha – Setgħa ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni – Awtolimitazzjoni tal-imsemmija setgħa permezz tal-adozzjoni tal-komunikazzjoni dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat – Obbligu għall-Kummissjoni li tapplika l-prinċipju ta’ operatur privat b’osservanza tal-metodu ta’ analiżi ppreżentat f’din il-komunikazzjoni – Ksur

(Artikolu 107(1) TFUE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2016/C 262/01, paragrafu 228)

(ara l-punti 66 sa 91)

4.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Evalwazzjoni skont il-prinċipju ta’ operatur privat – Elementi ta’ evalwazzjoni – Perspettivi ta’ profittabbiltà tal-miżura inkwistjoni

(Artikolu 107(1) TFUE)

(ara l-punti 92 sa 98)

Sunt

Il-Qorti Ġenerali, adita wara li l-Qorti tal-Ġustizzja bagħtet il-kawża lura quddiemha, annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni (1) li permezz tagħha din kienet ikkonstatat li l-leġiżlazzjoni Daniża dwar il-kontribuzzjonijiet dovuti lill-operaturi ta’ trattament tal-ilma mormi ma kinitx tagħti lok għal għajnuna mill-Istat favur il-biċċeriji l-kbar. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali tat spjegazzjonijiet, minn naħa, dwar ir-rekwiżit ta’ imparzjalità tal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ operatur privat f’ekonomija tas-suq f’kuntest bħal dak hawnhekk. Dwar dan l-aħħar punt, il-Qorti Ġenerali fakkret, barra minn hekk, l-obbligu tal-Kummissjoni li tosserva l-kriterji previsti f’dan ir-rigward fil-Komunikazzjoni tagħha dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat (2).

Permezz ta’ liġi adottata fl-2013 (3) (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑2013”), id-Danimarka ssostitwixxiet l-iskema ta’ tariffa unitarja għal kull metru kubu ta’ ilma għall-konsumaturi ta’ ilma kollha konnessi mal-istess impjant ta’ trattament tal-ilma mormi permezz ta’ mudell digressiv gradwali li jipprevedi tariffa skont il-volum ta’ ilma mormi skarikat (iktar ’il quddiem it-“tariffikazzjoni gradwali”). Dan il-mudell ta’ tariffikazzjoni ġdid ippreveda, essenzjalment, tnaqqis fit-tariffa għal kull metru kubu minn ċertu volum ta’ ilma mormi skarikat, li kellu bħala effett li jnaqqas it-tariffi dovuti mill-iktar konsumaturi kbar tal-ilma.

Danske Slagtermestre, assoċjazzjoni professjonali li tgħid li tirrappreżenta lil impriżi żgħar ta’ bejjiegħa tal-laħam, biċċeriji, bejjiegħa bl-ingrossa u impriżi ta’ pproċessar Daniżi, ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni għar-raġuni li l-liġi msemmija iktar ’il fuq kienet tat għajnuna mill-Istat lill-biċċeriji l-kbar taħt forma ta’ tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet għat-trattament tal-ilma mormi.

Permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ April 2018, il-Kummissjoni qieset li t-tariffikazzjoni gradwali introdotta bil-Liġi tal‑2013 ma kienet tagħti ebda vantaġġ partikolari lil impriżi speċifiċi u li għaldaqstant ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Insostenn ta’ din il-konklużjoni, il-Kummissjoni, billi rreferiet għall-Komunikazzjoni tagħha dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, ikkunsidrat li operatur privat f’ekonomija tas-suq kien ukoll jimplimenta l-mudell gradwali.

Danske Slagtermestre adixxiet lill-Qorti Ġenerali permezz ta’ rikors għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni.

Permezz ta’ digriet tal‑1 ta’ Diċembru 2020 (4), il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan ir-rikors bħala inammissibbli minħabba li Danske Slagtermestre ma kellhiex locus standi. Adita b’appell, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din l-assoċjazzjoni professjonali kellha locus standi, annullat id-digriet imsemmi iktar ’il fuq u bagħtet il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din teżaminaha fuq il-mertu (5).

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-motiv għal annullament ibbażat fuq il-ksur mill-Kummissjoni tar-rekwiżit ta’ imparzjalità previst fl-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Skont ir-rikorrenti, dan ir-rekwiżit kien inkiser meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata peress li l-Membru tal-Kummissjoni responsabbli mill-kompetizzjoni, li kienet iffirmatha kienet ukoll ikkooperat, fil-kapaċità tagħha bħala Ministru tal-Gvern Daniż, għall-adozzjoni tal-Liġi tal‑2013.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali fakkret li l-istituzzjonijiet, korpi u organi tal-Unjoni għandhom l-obbligu li jikkonformaw ruħhom mar-rekwiżit ta’ imparzjalità b’mod partikolari fl-aspett tiegħu dwar l-imparzjalità oġġettiva, li skontha l-istituzzjoni kkonċernata għandha toffri garanziji suffiċjenti biex jiġi eskluż kull dubju leġittimu fir-rigward ta’ possibbiltà ta’ nuqqas ta’ imparzjalità, fejn l-apparenzi wkoll jistgħu jkunu ta’ importanza.

B’dan premess, il-Qorti Ġenerali osservat li, l-ewwel nett, fil-mument tas-sottomissjoni tal-abbozz tal-Liġi tal‑2013 u tal-adozzjoni tagħha, il-Membru tal-Kummissjoni responsabbli mill-kompetizzjoni li ffirmat id-deċiżjoni kkontestata kienet Ministru għall-Ekonomija u għall-Intern, kif ukoll Viċi Prim Ministru tar-Renju tad-Danimarka. It-tieni nett, peress li t-tariffikazzjoni gradwali kienet intiża li jkollha effett fuq l-ispejjeż tal-individwi u tal-impriżi, kien raġonevoli li jiġi kkunsidrat li din setgħet kienet ġiet proposta bi ftehim mal-imsemmija ministru. It-tielet nett, il-Membru tal-Kummissjoni inkwistjoni kienet ħadet pożizzjoni dwar il-pjan nazzjonali, b’mod pubbliku u espliċitu, favur it-tariffikazzjoni gradwali.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Qorti Ġenerali qieset li seta’ jiġi leġittimament ikkunsidrat li l-Membru tal-Kummissjoni inkwistjoni kellha interess biex il-kontribuzzjoni għat-trattament tal-ilma mormi prevista mil-Liġi tal-2013 ma titqegħidx inkwistjoni minħabba l-illegalità tagħha fir-rigward tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

Sussegwentement il-Qorti Ġenerali vverifikat jekk il-proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kinitx toffri garanziji suffiċjenti biex jiġi eskluż li tali interess kien ivvizzja l-imsemmija proċedura bi ksur tar-rekwiżit ta’ imparzjalità.

Fuq dan il-punt, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li, minkejja n-natura kolleġġjali tal-metodu ta’ adozzjoni tad-deċiżjonijiet fi ħdan il-Kummissjoni, il-Membru tal-Kummissjoni inkwistjoni kienet mhux biss responsabbli mit-tfassil tad-deċiżjoni kkontestata, iżda kienet barra minn hekk l-unika firmatarja ta’ din id-deċiżjoni.

Issa, tali sitwazzjoni kienet ta’ natura li tqajjem, fil-ħsieb tat-terzi, dubji leġittimi dwar possibbiltà ta’ nuqqas ta’ imparzjalità ta’ din il-Membru tal-Kummissjoni, u dan indipendentement mill-kondotta personali tagħha. Għalhekk, il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma kinitx toffri garanziji suffiċjenti fejn tidħol imparzjalità oġġettiva.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat, għal finijiet ta’ kompletezza, il-motiv għal annullament ibbażat fuq l-allegat ksur mill-Kummissjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE minħabba li kienet ikkonkludiet b’mod żbaljat li kien assenti l-vantaġġ mogħti lil ċerti impriżi permezz tal-introduzzjoni tat-tariffikazzjoni gradwali.

Wara li kkonfermat li l-Kummissjoni ġustament kienet eżaminat l-eżistenza ta’ vantaġġ fir-rigward tal-kriterju tal-operatur privat, il-Qorti Ġenerali osservat, qabel kollox, li l-Kummissjoni kellha għalhekk tiddetermina jekk l-impriżi li kienu jibbenefikaw minn tariffi mnaqqsa għat-trattament tal-ilma mormi setgħux kisbu vanataġġ paragunabbli min-naħa ta’ operatur privat normalment prudenti u diliġenti, b’mod partikolari fid-dawl tal-perspettivi tiegħu ta’ profittabbiltà.

Peress li l-Kummissjoni kienet applikat, għall-finijiet ta’ dan l-eżami, il-metodu ta’ analiżi ex ante tal-profittabbiltà previst fil-paragrafu 228 tal-Komunikazzjoni tagħha dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, il-Qorti Ġenerali enfasizzat, barra minn hekk, li, billi adottat din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni llimitat lilha nnifisha fl-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha fir-rigward tal-ispjegazzjonijiet li hija pprovdiet fiha dwar il-punti marbuta mal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat. Konformement mal-paragrafu 228 tal-imsemmija komunikazzjoni, il-Kummissjoni kienet, konsegwentement, marbuta teżamina, għal kull impriża konnessa ma’ impjant ta’ trattament tal-ilma mormi, jekk il-kontribuzzjoni mħallsa bis-saħħa tat-tariffikazzjoni gradwali kinitx ta’ natura li tkopri l-ispejjeż li jirriżultaw mill-użu tagħha tal-infrastruttura inkwistjoni.

Issa, peress li l-Kummissjoni kienet ibbażat l-eżami tagħha biss fuq data medja relatata mal-ispejjeż totali u mad-dħul totali ta’ sitta mit-tmienja u disgħin lokalità Daniża, hija marret kontra l-paragrafu 228 tal-Komunikazzjoni tagħha dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat u, konsegwentement, kontra l-limiti li hija imponiet fuq is-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha permezz tal-adozzjoni ta’ din il-komunikazzjoni.

Fi kwalunkwe każ, anki li kieku kellu jitqies li l-Kummissjoni setgħet tapplika l-metodu ta’ analiżi ex ante tal-profittabbiltà mingħajr ma twettaq eżami ta’ kull utent, hija missha minn tal-inqas kienet f’qagħda li tivverifika li t-tariffikazzjoni gradwali kienet ser tippermetti, b’mod suffiċjentement probabbli, li l-ispejjeż marġinali, jiġifieri l-ispejjeż direttament ikkawżati mill-użu mill-utenti ta’ impjant ta’ trattament tal-ilma mormi, jiġu imputati fuq dawn l-utenti.

Issa, fid-deċiżjoni kkontestata, l-ispejjeż kollha li ma kinux marbuta mal-kwantità ta’ ilma kkunsmat ġew ikkunsidrati bħala spejjeż fissi u, għalhekk, tqassmu bejn l-utenti differenti kollha, minkejja li tali spejjeż eżistew minħabba s-sempliċi preżenza ta’ utent speċifiku fuq in-network. Għaldaqstant il-Kummissjoni ma setgħetx tiddikjara li vverifikat jekk il-kontribuzzjoni għat-trattament tal-ilma mormi, iddeterminata b’applikazzjoni tal-mudell gradwali, kinitx tippermetti li jiġu koperti l-ispejjeż marġinali fuq perijodu medju.

Konsegwentement, kien bi ksur tal-limiti li hija imponiet fuq is-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha meta adottat il-Komunikazzjoni dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat li l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat li l-kontribuzzjoni għat-trattament tal-ilma mormi kienet konformi mal-prinċipju ta’ operatur privat.

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali fakkret li, meta intervent ta’ operatur pubbliku jeskludi kull perspettiva ta’ profittabbiltà, anki fit tul, dan ma jistax jitqies li huwa konformi mal-prinċipju ta’ operatur privat. Madankollu, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet ikkonstatat li t-tnaqqis introdott bit-tariffikazzjoni gradwali seta’ jissodisfa l-prinċipju ta’ operatur privat għas-sempliċi kundizzjoni li l-kontribuzzjoni għat-trattament tal-ilma mormi tkopri l-ispejjeż sostnuti mill-operaturi ta’ impjanti ta’ tratament tal-ilma mormi.

Barra minn hekk, billi ma eżaminatx jekk l-applikazzjoni tat-tariffikazzjoni gradwali kinitx tippermetti lill-operaturi ta’ impjanti ta’ trattament tal-ilma mormi jirriżervaw marġni benefiċjarju għalihom infushom meta kien paċifiku li din it-tariffikazzjoni l-ġdida kienet tagħti lok, komplessivament, għal tnaqqis fl-ammont tal-kontribuzzjoni għat-trattament tal-ilma mormi meta mqabbel mas-sistema ta’ tariffa unitarja li ġiet issostitwita b’din it-tariffikazzjoni, il-Kummissjoni, għal darba oħra, marret kontra r-rekwiżit ta’ profittabbiltà u, għalhekk, kontra l-prinċipju ta’ operatur privat. B’hekk, il-Qorti Ġenerali fakkret li l-analiżi ex ante tal-profittabbiltà ddefinita fil-paragrafu 228 tal-Komunikazzjoni dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat timplika li l-miżura nazzjonali eżaminata mill-Kummissjoni tikkontribwixxi “progressivament” għall-profittabbiltà tal-operatur ta’ infrastruttura, fejn, biex tkun konformi mal-prinċipju ta’ operatur privat, l-imsemmija miżura hija mistennija li żżid tali profittabbiltà, anki fit-tul, u mhux tnaqqasha.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kienet ikkunsidrat b’mod żbaljat, fid-deċiżjoni kkontestata, li operatur privat kien ħa inkunsiderazzjoni l-fatt li ż-żamma ta’ tarriffi għoljin għat-trattament tal-ilma kienet iġġib magħha r-riskju li l-iktar konsumaturi kbar tal-ilma jagħżlu li jwaqqfu l-konnessjoni tagħhom man-network iċċentralizzat ta’ trattament tal-ilma mormi, meta r-riskju ta’ tali twaqqif tal-konnessjoni kien ta’ natura ipotetika u ma kienx suffiċjentement issostanzjat.

B’hekk, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Kummissjoni marret kontra l-Artikolu 107(1) TFUE kif ukoll kontra l-Komunikazzjoni dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat meta qieset li l-kontribuzzjoni għat-trattament tal-ilma mormi ma kienet iġġib magħha ebda vantaġġ minħabba li kienet ġiet deċiża minn operatur privat.

Fid-dawl tal-punti preċedenti kollha, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kkontestata.


1      Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018) 2259 final tad 19 ta’ April 2018 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.37433 (2017/FC) - id-Danimarka (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).


2      Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat kif imsemmi fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, C 262, p. 1).


3      Liġi Nru 902/2013, li Temenda l-Liġi li Tistabbilixxi r-Regoli dwar il-Kontribuzzjonijiet Dovuti lill-Operaturi ta’ Trattament tal-Ilma Mormi (Struttura tal-Kontribuzzjonijiet għar-Rimi ta’ Ilma Mormi, li Tawtorizza l-Istabbiliment ta’ Kontribuzzjonijiet Partikolari għat-Trattament ta’ Ilma Mormi Partikolarment Imniġġes, eċċ).


4      Digriet tal‑1 ta’ Diċembru 2020, Danske Slagtermestre vs Il‑Kummissjoni (T‑486/18, mhux ippubblikat, EU:T:2020:576).


5      Sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2022, Danske Slagtermestre vs Il‑Kummissjoni (C‑99/21 P, EU:C:2022:510).