Language of document : ECLI:EU:C:2021:429

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

3 ta’ Ġunju 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Ugwaljanza fir-remunerazzjoni bejn ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa – Artikolu 157 TFUE – Effett dirett – Kunċett ta’ ‘xogħol tal-istess valur’ – Talbiet intiżi għall-benefiċċju ta’ remunerazzjoni ugwali għal xogħol tal-istess valur – Sors uniku – Ħaddiema ta’ sess differenti li għandhom l-istess persuna li timpjega – Stabbilimenti differenti – Paragun”

Fil-Kawża C‑624/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Watford Employment Tribunal (il-Qorti Industrijali ta’ Watford, ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Awwissu 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Awwissu 2019, fil-proċedura

K et,

L, M, N et,

O,

P,

Q,

R,

S,

T

vs

Tesco Stores Ltd,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President ta’ Awla, A. Kumin, T. von Danwitz (Relatur), P. G. Xuereb u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal K et, minn K. Daurka, solicitor, B. Croft, avukat, S. Jones, QC, A. Blake u N. Connor, barristers, kif ukoll minn C. Barnard,

–        għal L, M, N et, minn E. Parkes, solicitor, K. Bryant, QC, kif ukoll minn S. Butler, N. Cunningham u C. Bell, barristers,

–        għal Tesco Stores Ltd, minn A. Taggart, solicitor, u P. Epstein, QC,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Flynn u A. Szmytkowska, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 157 TFUE.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn madwar 6 000 ħaddiem u Tesco Stores Ltd, li timpjega jew impjegat lil dawn tal-aħħar fil-ħwienet tagħha, dwar talba għal remunerazzjoni ugwali bejn ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-dispożizzjonijiet dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea

3        Permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2020/135 tat‑30 ta’ Jannar 2020 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (KEEA) (ĠU 2020, L 29, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar il-ħruġ”), il-Kunsill approva, f’isem l-Unjoni Ewropea u l-KEEA, l-imsemmi ftehim, li ġie anness ma’ din id-deċiżjoni (ĠU 2020, L 29, p. 7).

4        Skont l-Artikolu 86(2) u (3) tal-Ftehim dwar il-ħruġ, intitolat “Kawżi pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea”:

“2.      Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkompli jkollha l-ġuriżdizzjoni biex tieħu deċiżjonijiet preliminari dwar talbiet mill-qrati u t-tribunali tar-Renju Unit li jsiru qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni.

3.      Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, il-proċedimenti għandhom jitqiesu li ġew istitwiti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea […] fil-mument li d-dokument li jiftaħ il-proċedimenti jkun ġie rreġistrat mir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja […]”

5        Skont l-Artikolu 126 tal-Ftehim dwar il-ħruġ, il-perijodu ta’ tranżizzjoni beda fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-ftehim u ntemm fil‑31 ta’ Diċembru 2020.

 Id-dispożizzjonijiet dwar il-prinċipju ta’ paga ndaqs għall-ħaddiema maskili u femminili

6        L-Artikolu 119 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 141 KE, li huwa stess sar l-Artikolu 157 TFUE) kien ifformulat kif ġej:

“Kull Stat Membru għandu jassigura li l-prinċipju ta’ paga ugwali għall-ħaddiema maskili u femminili għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali, għandu jkun applikat.

Għall-iskop ta’ dan l-Artikolu, ‘paga’ tfisser il-paga jew is-salarju komuni bażiku jew minimu u kwalunkwe remunerazzjoni oħra, sew jekk fi flus jew in natura, li l-ħaddiem jirċievi direttament jew indirettament, għall-impjieg tiegħu, minngħand min iħaddmu.

Paga ugwali mingħajr diskriminazzjoni ibbażata fuq is-sess tfisser:

[…]

b)      dik il-paga għal xogħol li jitħallas bil-ħin tkun l-istess għall-istess xogħol.”

7        L-Artikolu 157 TFUE jipprovdi:

“1.      Kull Stat Membru għandu jassigura li l-prinċipju ta’ paga ugwali għall-ħaddiema maskili u femminili għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali, għandu jkun applikat.

2.      Għall-għan ta’ dan l-Artikolu, ‘paga’ tfisser il-paga jew is-salarju komuni bażiku jew minimu u kwalunkwe remunerazzjoni oħra, sew jekk fi flus jew in natura, li l-ħaddiem jirċievi direttament jew indirettament, għall-impjieg tiegħu, minngħand min iħaddmu.

Paga ugwali mingħajr diskriminazzjoni ibbażata fuq is-sess tfisser:

[…]

b)      dik il-paga għal xogħol li jitħallas bil-ħin tkun l-istess għall-istess xogħol.

[…]”

 Id-dritt tar-Renju Unit

8        L-Artikolu 79 tal-Equality Act 2010 (il-Liġi dwar l-Ugwaljanza tal-2010), dwar il-kwistjoni tal-paragunabbiltà, jipprevedi:

“(1)      Din it-taqsima għandha tapplika għall-għanijiet ta’ dan il-kapitolu.

(2)      Jekk A huwa impjegat, B huwa ħaddiem li jwettaq xogħol paragunabbli għal A jekk is-subtaqsimiet (3) jew (4) huma applikabbli.

[…]

(4)      Din is-subtaqsima għandha tapplika jekk:

(a)      B huwa impjegat mill-persuna li timpjega lil A jew minn persuna assoċjata mal-persuna li timpjega lil A;

(b)      B jaħdem fi stabbiliment differenti minn dak fejn jaħdem A; u

(c)      kundizzjonijiet komuni japplikaw f’dawn l-istabbilimenti (kemm b’mod ġenerali, kif ukoll bejn A u B).

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9        Tesco Stores hija bejjiegħ bl-imnut li jbigħ il-prodotti tiegħu online u fi 3 200 ħanut li jinsab fir-Renju Unit. Dawn il-ħwienet, ta’ daqs varjabbli, għandhom total ta’ madwar 250 000 ħaddiem, imħallsa bis-siegħa u li jeżerċitaw tipi differenti ta’ impjiegi. Din il-kumpannija għandha wkoll netwerk ta’ distribuzzjoni komposta minn 24 ċentru ta’ distribuzzjoni li għandhom madwar 11 000 ħaddiem, li wkoll jitħallsu bis-siegħa u li jeżerċitaw diversi tipi ta’ impjiegi.

10      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma impjegati jew ex impjegati ta’ Tesco Stores, kemm ta’ sess femminili (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti fil-kawża prinċipali”) kif ukoll maskili, li jaħdmu jew li kienu jaħdmu fi ħdan ħwienet ta’ din il-kumpannija. Dawn il-partijiet ressqu lill-imsemmija kumpannija quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Watford Employment Tribunal (it-Tribunal Industrijali ta’ Watford, ir-Renju Unit), mix-xahar ta’ Frar 2018, minħabba li huma ma kinux ibbenefikaw minn remunerazzjoni ugwali għal xogħol ugwali, bi ksur tal-Liġi dwar l-Ugwaljanza tal-2010 kif ukoll tal-Artikolu 157 TFUE.

11      Din il-qorti ssospendiet il-proċeduri fuq talbiet tal-imsemmija partijiet ta’ sess maskili, billi qieset li d-destin tagħhom kien jiddependi minn dak tat-talbiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

12      Insostenn tat-talbiet tagħhom intiżi sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn remunerazzjoni ugwali, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu, minn naħa, li x-xogħol tagħhom u dak tal-ħaddiema rġiel impjegati minn Tesco Stores fiċ-ċentri ta’ distribuzzjoni tan-netwerk tagħha huma tal-istess valur u, min-naħa l-oħra, li huma għandhom id-dritt li jipparagunaw ix-xogħol tagħhom ma’ dak ta’ dawn il-ħaddiema, minkejja li dan ix-xogħol isir fi stabbilimenti differenti, kemm skont il-Liġi dwar l-Ugwaljanza tal-2010 kif ukoll skont l-Artikolu 157 TFUE. Fil-fatt, skont l-Artikolu 79(4) tal-liġi msemmija, kundizzjonijiet ta’ xogħol komuni huma applikabbli fl-imsemmija ħwienet u ċentri ta’ distribuzzjoni. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 157 TFUE, il-kundizzjonijiet tax-xogħol tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u tal-imsemmija ħaddiema huma attribwibbli għal sors uniku, jiġifieri Tesco Stores.

13      Din il-kumpannija tikkontesta l-eżistenza ta’ xi dritt tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li jitqabblu mal-ħaddiema rġiel taċ-ċentri ta’ distribuzzjoni tan-netwerk tagħha, minħabba, l-ewwel nett, li ma jeżistux kundizzjonijiet ta’ xogħol komuni, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 79(4). Hija ssostni, sussegwentement, li l-Artikolu 157 TFUE ma għandux effett dirett fil-kuntest ta’ talbiet ibbażati fuq xogħol tal-istess valur, b’tali mod li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma jistgħux jinvokaw din id-dispożizzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Finalment, u fi kwalunkwe każ, Tesco Stores issostni li hija ma tistax tiġi kkwalifikata bħala “sors uniku” li lilha huma attribwibbli l-kundizzjonijiet ta’ xogħol fil-ħwienet u fiċ-ċentri ta’ distribuzzjoni tan-netwerk tagħha.

14      Il-qorti tar-rinviju tesponi li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-ħaddiema rġiel meħuda bħala punti ta’ paragun, għalkemm impjegati fi stabbilimenti differenti, għandhom l-istess persuna li timpjega. Din il-qorti tippreċiża, barra minn hekk, li hija adottat miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura sabiex tistabbilixxi, permezz ta’ perizji, jekk l-impjiegi tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandhomx l-istess valur bħal dak tal-impjiegi tal-ħaddiema li jwettqu xogħol paragunabbli għal tagħhom.

15      Fir-rigward tal-Artikolu 157 TFUE, il-qorti tar-rinviju tirrileva li teżisti, fi ħdan il-qrati tar-Renju Unit, inċertezza fir-rigward tal-effett dirett ta’ dan l-artikolu li huwa marbut, b’mod partikolari, mad-distinzjoni fformulata fil-punt 18 tas-sentenza tat-8 ta’ April 1976, Defrenne (43/75, EU:C:1976:56), bejn id-diskriminazzjonijiet li jistgħu jiġu kkonstatati bl-għajnuna biss tal-kriterji ta’ identiċità tax-xogħol u ta’ ugwaljanza tar-remunerazzjonijiet, u dawk li jistgħu jiġu kkonstatati biss abbażi ta’ dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni iktar espliċiti, tad-dritt tal-Unjoni jew nazzjonali. Issa, it-talbiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jaqgħu taħt din it-tieni kategorija, nieqsa minn effett dirett.

16      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Watford Employment Tribunal (il-Qorti Industrijali ta’ Watford) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 157 [TFUE] għandu effett dirett fil-każ ta’ talbiet għal kumpens imressqa fuq il-bażi li r-rikorrenti qegħdin iwettqu xogħol ta’ valur ugwali għal dak tal-ħaddiema li jwettqu xogħol paragunabbli għal tagħhom?

2)      Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun negattiva, it-test ta’ sors uniku għal paragunabbiltà fl-Artikolu 157 [TFUE] huwa distint mill-kwistjoni ta’ valur ugwali, u jekk dan ikun il-każ, dan it-test għandu effett dirett?”

 Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

17      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li mill-Artikolu 86 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Frar 2020, jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja tibqa’ kompetenti sabiex tagħti deċiżjoni preliminari dwar it-talbiet tal-qrati tar-Renju Unit imressqa qabel it-tmiem tal-perijodu tranżitorju stabbilit għall‑31 ta’ Diċembru 2020, li huwa l-każ ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

18      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 157 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li għandu effett dirett f’tilwimiet bejn individwi li fihom huwa invokat in-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza tar-remunerazzjonijiet bejn ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa għal “xogħol tal-istess valur”, kif imsemmi f’dan l-artikolu.

19      Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, fil-kawża prinċipali Tesco Stores sostniet li l-Artikolu 157 TFUE ma għandux effett dirett f’ċirkustanzi, bħal dawk prevalenti fil-kuntest tal-kawża prinċipali, li fihom il-ħaddiema pparagunati jwettqu xogħol differenti. Insostenn ta’ din l-allegazzjoni, il-kumpannija konvenuta fil-kawża prinċipali ssostni, fl-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kriterju ta’ “xogħol tal-istess valur”, kuntrarjament għal dak relatat mal-“istess xogħol”, jeħtieġ li jiġi ppreċiżat minn dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali jew tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-kunsiderazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 18 sa 23 tas-sentenza tat‑8 ta’ April 1976, Defrenne (43/75, EU:C:1976:56) u l-ġurisprudenza ulterjuri tagħha jikkorroboraw tali interpretazzjoni. B’mod partikolari, skont din il-kumpannija, essenzjalment, l-invokazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza tar-remunerazzjonijiet bejn ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa fil-kuntest tal-paragun ta’ xogħol tal-istess valur hija bbażata fuq allegazzjoni ta’ diskriminazzjoni li tista’ tiġi identifikata biss skont dispożizzjonijiet iktar espliċiti mill-Artikolu 157 TFUE.

20      Qabel kollox, għandu jiġi osservat li l-kliem stess tal-Artikolu 157 TFUE ma jistax isostni din l-interpretazzjoni. Konformement ma’ dan, kull Stat Membru għandu jiżgura l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-ugwaljanza tar-remunerazzjonijiet bejn il-ħaddiema maskili u l-ħaddiema femminili għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta’ valur ugwali. Għaldaqstant, dan l-artikolu jimponi, b’mod ċar u preċiż, obbligu ta’ riżultat u għandu natura imperattiva kemm f’dak li jikkonċerna l-“istess xogħol” kif ukoll “xogħol tal-istess valur”.

21      B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li peress li l-Artikolu 157 TFUE għandu tali natura imperattiva, il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjonijiet bejn ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa hija imposta mhux biss fuq l-azzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi, iżda hija estiża wkoll għall-ftehim kollu intiż sabiex jirregola b’mod kollettiv ix-xogħol imħallas, kif ukoll għall-kuntratti bejn individwi (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Praxair MRC, C‑486/18, EU:C:2019:379, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, din id-dispożizzjoni toħloq effetti diretti billi toħloq, fir-rigward tal-individwi, drittijiet li l-qrati nazzjonali għandhom il-missjoni li jipproteġu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2019, Safeway, C‑171/18, EU:C:2019:839, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      Il-prinċipju stabbilit permezz tad-dispożizzjoni msemmija jista’ jiġi invokat quddiem il-qrati nazzjonali b’mod partikolari fil-każ ta’ diskriminazzjonijiet li għandhom direttament is-sors tagħhom f’dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew fi ftehim kollettiv ta’ xogħol kif ukoll fil-każ fejn ix-xogħol jitwettaq fl-istess stabbiliment jew servizz, privat jew pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ April 1976, Defrenne, 43/75, EU:C:1976:56, punt 40, u tat‑13 ta’ Jannar 2004, Allonby, C‑256/01, EU:C:2004:18, punt 45).

24      Fil-punti 18 u 21 sa 23 tas-sentenza tat-8 ta’ April 1976, Defrenne (43/75, EU:C:1976:56), il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, b’mod partikolari, li d-diskriminazzjonijiet li għandhom joriġinaw minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew minn ftehim kollettivi ta’ xogħol huma fost dawk li jistgħu jiġu kkonstatati biss permezz tal-kriterji ta’ identiċità tax-xogħol u ta’ remunerazzjoni ugwali pprovduti mill-Artikolu 119 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 141 KE, li huwa stess sar l-Artikolu 157 TFUE), għall-kuntrarju ta’ dawk li jistgħu jiġu identifikati biss abbażi ta’ dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni iktar espliċiti. Hija żiedet li l-istess kien japplika fil-każ ta’ remunerazzjoni mhux ugwali ta’ ħaddiema rġiel u ta’ ħaddiema nisa għall-istess xogħol, imwettaq fl-istess stabbiliment jew servizz, privat jew pubbliku u li, fil-preżenza ta’ tali sitwazzjoni, il-qorti kienet f’pożizzjoni li tistabbilixxi l-elementi kollha ta’ fatt li jippermettulha tevalwa jekk ħaddiema mara tirċevix remunerazzjoni inferjuri għal dik ta’ ħaddiem raġel b’funzjonijiet identiċi.

25      Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, f’sitwazzjoni bħal din, il-qorti kienet f’pożizzjoni li tistabbilixxi l-fatti kollha li jippermettulha tevalwa jekk ħaddiema ta’ sess femminili tirċevix remunerazzjoni inferjuri għal dik ta’ ħaddiem raġel li jwettaq l-istess xogħol jew xogħol ta’ valur ugwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 1981, Worringham u Humphreys, 69/80, EU:C:1981:63, punt 27).

26      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 119 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 141 KE, li huwa stess sar l-Artikolu 157 TFUE) jimponi l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-ugwaljanza fir-remunerazzjoni bejn ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa fil-każ tal-istess xogħol jew, skont il-ġurisprudenza stabbilita tagħha, ta’ xogħol ta’ valur ugwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Frar 1988, Murphy et, 157/86, EU:C:1988:62, punt 9).

27      Barra minn hekk, dan l-artikolu jistabbilixxi l-prinċipju li jgħid li l-istess xogħol jew xogħol li għalih huwa attribwit valur ugwali għandu jitħallas bl-istess mod, kemm jekk jitwettaq minn raġel jew minn mara, li jikkostitwixxi espressjoni speċifika tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza li jipprojbixxi li sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti, sakemm id-differenza ma tkunx oġġettivament iġġustifikata. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2001, Brunnhofer, C‑381/99, EU:C:2001:358, punti 27 u 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Għandu jitfakkar ukoll li l-portata tal-kunċetti ta’ “l-istess xogħol”, “l-istess post tax-xogħol” u “xogħol tal-istess valur”, imsemmija fl-Artikolu 157 TFUE, hija ta’ natura purament kwalitattiva, sa fejn hija marbuta esklużivament man-natura tal-provvisti ta’ xogħol effettivament imwettqa mill-persuni kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2001, Brunnhofer, C‑381/99, EU:C:2001:358, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Għaldaqstant, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li ssostni Tesco Stores, l-effett dirett li jipproduċi l-Artikolu 157 TFUE ma huwiex limitat għas-sitwazzjonijiet li fihom il-ħaddiema ta’ sess differenti pparagunati jwettqu “l-istess xogħol”, bl-esklużjoni ta’ “xogħol tal-istess valur”.

30      F’dan il-kuntest, il-kwistjoni dwar jekk il-ħaddiema kkonċernati jwettqux l-“istess xogħol” jew “xogħol ta’ l-istess valur”, kif previst fl-Artikolu 157 TFUE, taqa’ taħt evalwazzjoni fattwali tal-qorti. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija l-qorti nazzjonali, li hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti, li għandha tiddetermina jekk, fid-dawl tan-natura konkreta tal-attivitajiet eżerċitati minn dawn il-ħaddiema, jistax jingħata valur ugwali lil dawn tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑31 ta’ Mejju 1995, Royal Copenhagen, C‑400/93, EU:C:1995:155, punt 42 kif ukoll tas‑26 ta’ Ġunju 2001, Brunnhofer, C‑381/99, EU:C:2001:358, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li tali evalwazzjoni għandha tiġi distinta mill-klassifikazzjoni tal-obbligu ġuridiku li jirriżulta minn dan l-Artikolu 157, li jimponi, kif irrilevat fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, b’mod ċar u preċiż, obbligu ta’ riżultat.

32      L-interpretazzjoni preċedenti hija kkorroborata mill-għan imfittex mill-Artikolu 157 TFUE, jiġifieri l-eliminazzjoni, għall-istess xogħol jew għal xogħol tal-istess valur, ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess għall-elementi u l-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni kollha.

33      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-prinċipju ta’ ugwaljanza tar-remunerazzjonijiet bejn ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa għall-istess xogħol jew għal xogħol tal-istess valur previst f’din id-dispożizzjoni jifforma parti mill-pedamenti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2006, Cadman, C‑17/05, EU:C:2006:633, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat, minn naħa, li skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) TUE, l-Unjoni għandha tippromwovi, b’mod partikolari, l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprovdi li l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel għandha tiġi żgurata fl-oqsma kollha, inkluż fil-qasam tal-impjieg, tax-xogħol u tar-remunerazzjoni.

35      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jitqies li l-interpretazzjoni li tgħid li għandha ssir distinzjoni, fir-rigward tal-effett dirett tal-Artikolu 157 TFUE, skont jekk il-prinċipju ta’ ugwaljanza fir-remunerazzjonijiet bejn ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa huwiex invokat għal “l-istess xogħol” jew għal “xogħol tal-istess valur”, hija ta’ natura li tippreġudika l-effett utli ta’ dan l-artikolu kif ukoll it-twettiq tal-għan imfittex minnu.

36      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, meta d-differenzi osservati fil-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni ta’ ħaddiema li jwettqu l-istess xogħol jew xogħol tal-istess valur ma jistgħux jiġu attribwiti lil sors uniku, ikun hemm nuqqas ta’ entità li hija responsabbli mill-inugwaljanza u li tista’ tistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza fit-trattament, b’tali mod li tali sitwazzjoni ma taqax taħt din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Settembru 2002, Lawrence et, C‑320/00, EU:C:2002:498, punti 17 u 18, kif ukoll tat‑13 ta’ Jannar 2004, Allonby, C‑256/01, EU:C:2004:18, punt 46). Minn dan isegwi li sitwazzjoni li fiha l-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni ta’ ħaddiema ta’ sess differenti li jwettqu l-istess xogħol jew xogħol tal-istess valur jistgħu jiġu attribwiti lil sors uniku taqa’ taħt l-Artikolu 157 TFUE u li x-xogħol kif ukoll ir-remunerazzjoni ta’ dawn il-ħaddiema jistgħu jiġu pparagunati abbażi ta’ dan l-artikolu, anki jekk dawn tal-aħħar iwettqu x-xogħol tagħhom fi stabbilimenti differenti.

37      Għaldaqstant, għandu jitqies li l-Artikolu 157 TFUE jista’ jiġi invokat quddiem il-qrati nazzjonali f’tilwima bbażata fuq xogħol tal-istess valur imwettaq minn ħaddiema ta’ sess differenti li għandhom l-istess persuna li timpjega u, konsegwentement, fi stabbilimenti differenti ta’ din il-persuna li timpjega, peress li din tikkostitwixxi tali sors uniku.

38      F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li Tesco Stores tidher li tikkostitwixxi, fil-kwalità tagħha ta’ persuna li timpjega, sors uniku li lilu jistgħu jiġu attribwiti l-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni tal-ħaddiema li jwettqu x-xogħol tagħhom fil-ħwienet u fiċ-ċentri ta’ distribuzzjoni tagħha, u li din tista’ tkun responsabbli għal eventwali diskriminazzjoni pprojbita mill-Artikolu 157 TFUE, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

39      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 157 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li għandu effett dirett f’kawżi bejn individwi li fihom huwa invokat in-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza tar-remunerazzjonijiet bejn ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa għal “xogħol tal-istess valur”, kif stabbilit f’dan l-artikolu.

 Fuq it-tieni domanda

40      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

 Fuq l-ispejjeż

41      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 157 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li għandu effett dirett f’kawżi bejn individwi li fihom huwa invokat in-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza tar-remunerazzjonijiet bejn ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa għal “xogħol tal-istess valur”, kif stabbilit f’dan l-artikolu.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.