Language of document : ECLI:EU:T:2024:45

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)

31 ta’ Jannar 2024 (*)

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Ambjent – Direttiva (UE) 2019/904 – Projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodotti mmanifatturati minn plastik ossodegradabbli – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Assenza ta’ distinzjoni bejn il-prodotti mmanifatturati minn plastik ossodegradabbli u prodotti mmanifatturati minn plastik ossobijodegradabbli – Valutazzjoni tal-impatt – Ugwaljanza fit-trattament – Proporzjonalità”

Fil-Kawża T‑745/20,

Symphony Environmental Technologies plc, stabbilita fi Borehamwood (Ir-Renju Unit),

Symphony Environmental Ltd, stabbilita fi Borehamwood,

irrappreżentati minn P. Selley, solicitor, J. Holmes, KC, u J. Williams, barrister-at-law,

rikorrenti,

vs

IlParlament Ewropew, irrappreżentat minn L. Visaggio, C. Ionescu Dima u W. Kuzmienko, bħala aġenti,

IlKunsill talUnjoni Ewropea, irrappreżentat minn A. Maceroni u M. Moore, bħala aġenti,

u

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn R. Lindenthal u L. Haasbeek, bħala aġenti,

konvenuti,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża),

komposta minn MM. Van der Woude, President, D. Spielmann, V. Valančius, I. Gâlea (Relatur) u T. Tóth, Imħallfin,

Reġistratur: I. Kurme, amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tal‑20 ta’ Marzu 2023,

wara li rat, wara t-tmiem tal-funzjonijiet tal-Imħallef Valančius fis‑26 ta’ Settembru 2023, l-Artikolu 22 u l-Artikolu 24(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħhom ibbażat fuq l-Artikolu 268 TFUE, ir-rikorrenti, Symphony Environmental Technologies plc u Symphony Environmental Ltd, jitolbu kumpens għad-dannu li huma allegatament ġarrbu minħabba l-adozzjoni tal-Artikolu 5 u tal-premessa 15 tad-Direttiva (UE) 2019/904 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar it-tnaqqis tal-impatt ta’ ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent (ĠU 2019, L 155, p. 1), sa fejn il-projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodotti mmanifatturati abbażi ta’ plastik ossodegradabbli, prevista fl-imsemmi Artikolu 5 u fl-imsemmija premessa 15, tapplika għall-plastik ossobijodegradabbli.

I.      Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Ir-rikorrenti huma kumpanniji stabbiliti fir-Renju Unit, li l-attività tagħhom hija l-iżvilupp, il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ ċerti prodotti tal-plastik speċjalizzati, kif ukoll addittivi u taħlitiet prinċipali użati fil-produzzjoni ta’ dawn il-prodotti.

3        Taħlita prinċipali hija komposta minn diversi sustanzi kimiċi inkorporati f’support polimeru, li huwa pprovdut, fil-forma ta’ granuli, lill-produtturi ta’ prodotti tal-plastik, li jinkorporawh fil-polimeri li huma jużaw biex jipproduċu l-prodotti tagħhom.

4        Waħda mit-taħlitiet prinċipali prodotti mir-rikorrenti, li huma jikkummerċjalizzaw taħt it-trade mark d2w (iktar ’il quddiem il-“taħlita prinċipali d2w”), tinkludi addittiv li huma jallegaw jiffavorixxi d-degradazzjoni abijotika tal-plastik li fih jiġi inkorporat, u sussegwentement il-bijodegradazzjoni tiegħu, ladarba jintemm it-tul tal-ħajja utli tiegħu.

5        Plastik ossodegradabbli huwa, skont id-definizzjoni mogħtija fil-punt 3 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2019/904, plastik li miegħu jiġi miżjud addittiv wieħed jew iktar li, taħt l-effett tal-ossidazzjoni, iwassal għall-frammentazzjoni tiegħu f’mikro-frammenti jew għal dekompożizzjoni kimika.

6        Plastik bijodegradabbli huwa, skont il-punt 16 tal-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, plastik li jista’ jgħaddi minn dekompożizzjoni fiżika jew bijoloġika, b’tali mod li fl-aħħar jiddekomponi f’diossidu tal-karbonju, fil-bijomassa u fl-ilma.

7        Skont ir-rikorrenti, l-addittiv li jinsab fit-taħlita prinċipali d2w jippermetti lill-plastik li fih ikun ġie inkorporat jifframmenta ruħu, taħt l-effett tal-ossidazzjoni, fi tfarrik (ossodegradazzjoni) li l-piż molekulari tiegħu jkun suffiċjentement imnaqqas sabiex ikun jista’ jiġi assorbit permezz ta’ mikro-organiżmi (bijodegradazzjoni). Fil-fehma tar-rikorrenti, dan l-addittiv għalhekk jippermetti lill-plastik li fih ikun ġie inkorporat jikkonverti ruħu f’materjali bijodegradabbli.

8        Fil‑5 ta’ Ġunju 2019 ġiet adottata d-Direttiva 2019/904.

9        Skont il-premessa 15 ta’ din id-direttiva:

“[…] Ir-restrizzjonijiet fuq it-tqegħid fis-suq introdotti f’din id-Direttiva jenħtieġ li jkopru wkoll prodotti magħmulin minn plastik ossodegradabbli, peress li dak it-tip ta’ plastik mhuwiex bijodegradabbli sew u għalhekk jikkontribwixxi għat-tniġġis mill-mikroplastik fl-ambjent, mhuwiex kompostabbli, jaffettwa b’mod negattiv ir-riċiklaġġ tal-plastik konvenzjonali u jonqos milli jagħti benefiċċju ambjentali ppruvat […].”

10      L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2019/904, bit-titolu “Restrizzjonijiet fuq it-tqegħid fis-suq” jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq tal-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss li huma elenkati fil-Parti B tal-Anness u ta’ prodotti magħmulin minn plastik ossodegradabbli.”

II.    Ittalbiet talpartijiet

11      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tikkonstata li l-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea għandhom responsabbiltà mhux kuntrattwali, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE u/jew l-Artikolu 41(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), billi adottaw l-Artikolu 5 u l-premessa 15 tad-Direttiva 2019/904, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw għall-plastik ossobijodegradabbli;

–        tikkundanna lill-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkumpensawhom sal-ammont tad-dannu mġarrab, inkluż kwalunkwe dannu addizzjonali li jista’ jseħħ matul il-proċeduri u/jew kwalunkwe dannu prevedibbli probabbli, kif ukoll sabiex iħallsulhom l-interessi, li l-ammont u r-rata tagħhom jiġu ddeterminati matul il-proċedura;

–        sussidjarjament, tordna lill-Parlament, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jippreżentaw lill-Qorti Ġenerali, f’terminu raġonevoli minn meta tingħata s-sentenza f’din il-kawża, il-kalkolu f’ċifri tal-kumpens miftiehem bejn il-partijiet jew, fin-nuqqas ta’ ftehim bejn l-imsemmija partijiet, tordnalhom jippreżentaw, fl-istess terminu, il-proposti f’ċifri tagħhom;

–        fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

12      Il-Parlament u l-Kunsill jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

13      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli fir-rigward tagħha u, fi kwalunkwe każ, bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

III. Fiddritt

14      Permezz ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti jitolbu kumpens għad-dannu li huma jqisu li ġarrbu minħabba l-projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-prodotti abbażi ta’ plastik ossodegradabbli, prevista fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2019/904, sa fejn l-imsemmija projbizzjoni tapplika għall-prodotti mmanifatturati abbażi ta’ plastik li huma jikklassifikaw bħala ossobijodegradabbli. Il-plastik ossobijodegradabbli huwa tip ta’ plastik li ż-żieda fih ta’ addittiv pro-ossidanti, bħal dak li jinsab fit-taħlita prinċipali d2w tagħhom, tippermetti l-bijodegradazzjoni tiegħu ħafna iktar malajr mill-plastik ossodegradabbli. Billi ma għamlux distinzjoni bejn il-plastik ossodegradabbli u l-plastik ossobijodegradabbli u billi estendew, skont il-każ, il-projbizzjoni ta’ prodotti mmanifatturati minn tal-ewwel għal prodotti mmanifatturati minn tal-aħħar, it-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati kisru b’mod suffiċjentement serju diversi dispożizzjonijiet legali li huma intiżi li jagħtu drittijiet lill-individwi. B’dan il-mod, huma kkawżaw dannu lir-rikorrenti. Fil-fehma tagħhom, teżisti rabta kawżali suffiċjentement diretta bejn dan id-dannu u l-aġir illegali tal-imsemmija istituzzjonijiet.

15      It-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati jsostnu li ebda waħda mit-tliet kundizzjonijiet sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni ma hija ssodisfatta u jitolbu li r-rikors jiġi miċħud. Huma jsostnu b’mod partikolari li ma hemmx lok li ssir distinzjoni bejn plastik ossodegradabbli u plastik ossobijodegradabbli. Fil-fehma tagħhom, dawn iż-żewġ kelmiet jirreferu għall-istess tip ta’ plastik, jiġifieri plastik konvenzjonali li fih jiġi inkorporat addittiv li jaċċellera, taħt l-effett tal-ossidazzjoni, il-frammentazzjoni tiegħu jew id-dekompożizzjoni kimika tiegħu fi tfarrik żgħir ħafna. Dan it-tip ta’ plastik ma jiġix bijodegradat b’mod xieraq fi żmien raġonevoli.

A.      Fuq ittalba għal ommissjoni ta’ ċerta data filkonfront talpubbliku

16      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑21 ta’ Diċembru 2020, ir-rikorrenti ressqu talba għall-ommissjoni ta’ ċerta data fil-konfront tal-pubbliku, skont l-Artikolu 66 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tas-sigriet kummerċjali f’dak li jirrigwarda d-data tagħhom stess kif ukoll id-data li tappartjeni lil terzi.

17      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑23 ta’ Ġunju 2021, ir-rikorrenti ressqu t-tieni talba għall-ommissjoni ta’ ċerta data fil-konfront tal-pubbliku, konformement mal-Artikolu 66 tar-Regoli tal-Proċedura. Din it-talba tirrigwarda data msemmija fir-repliki tagħhom u tfittex, hija wkoll, li tiżgura l-protezzjoni tas-sigriet kummerċjali fir-rigward tad-data tagħhom stess u tad-data li tappartjeni lil terzi.

18      Permezz ta’ dawn it-talbiet, ir-rikorrenti jitolbu, essenzjalment, l-ommissjoni tat-tipi ta’ data segwenti:

–        il-konsegwenzi għall-klijenti tagħhom tal-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq tal-prodotti abbażi tal-plastik ossodegradabbli, kif jirriżultaw, b’mod partikolari, mid-dikjarazzjonijiet tal-aġenti tagħhom;

–        l-evalwazzjoni tal-ammont tad-dannu allegatament imġarrab minħabba l-imsemmija projbizzjoni, kif ukoll id-data li fuqha hija bbażata din l-evalwazzjoni, jiġifieri, b’mod partikolari, l-evoluzzjoni tat-telf u tal-profitti tagħhom, tas-sehem tagħhom tas-suq u tal-valur tal-azzjonijiet tagħhom;

–        it-test tal-istandards Ewropej, Amerikani, Brittanniċi u internazzjonali dwar il-bijodegradazzjoni, l-ossodegradazzjoni u l-kompostaġġ tal-plastik, kif ukoll lessiku dwar id-degradazzjoni u l-bijodegradazzjoni tal-plastik.

19      Kuntrarjament għat-talba, ommissjoni tal-ewwel żewġ kategoriji ta’ data msemmija fil-punt 18 iktar ’il fuq, li hija intiża, skont ir-rikorrenti, sabiex tipproteġi d-data tagħhom stess, it-talba għal ommissjoni tat-tielet kategoriji ta’ data hija intiża sabiex tipproteġi data li fir-rigward tagħha terzi għandhom drittijiet ta’ proprjetà.

20      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-konċiljazzjoni bejn il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali u tas-sigriet kummerċjali, il-qorti għandha tfittex, fiċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, il-bilanċ ġust, billi tieħu inkunsiderazzjoni wkoll id-dritt tal-pubbliku li jkollu aċċess, skont il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 15 TFUE, għad-deċiżjonijiet ġudizzjarji (sentenza tas‑27 ta’ April 2022, Sieć Badawcza Łukasiewicz – Port Polski Ośrodek Rozwoju Technologii vs Il‑Kummissjoni, T‑4/20, EU:T:2022:242, punt 29).

21      F’dan il-każ, id-data li taqa’ taħt l-ewwel żewġ kategoriji msemmija fil-punt 18 iktar ’il fuq ma tinsabx f’din is-sentenza.

22      Fir-rigward tad-data li taqa’ taħt it-tielet kategorija, f’din is-sentenza tidher biss dik imsemmija wkoll fi studju ppubblikat fuq is-sit tal-Kummissjoni, jiġifieri l-istudju mwettaq minn Eunomia Research & Consulting Ltd għad-Direttorat Ġenerali tal-Ambjent tal-Kummissjoni, intitolat “The Impact of the Use of ‘Oxo-degradable’ Plastic on the Environment” (“L-impatt tal-użu tal-plastik ‘ossodegradabbli” fuq l-ambjent ta’ April 2017 (iktar ’il quddiem l-“istudju Eunomia”). Peress li d-data msemmija f’dan l-istudju kienet diġà pubblika, l-ommissjoni tagħha ma hijiex neċessarja għall-protezzjoni tas-sigriet kummerċjali, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti.

23      Għaldaqstant, ma teżistix raġuni leġittima sabiex jintlaqgħu t-talbiet tar-rikorrenti.

B.      Osservazzjoni preliminari

24      Qabel ma tiġi analizzata l-ammissibbiltà u l-mertu tar-rikors, għandu jsir kumment terminoloġiku.

25      Il-plastik li miegħu ġie miżjud addittiv pro-ossidanti, bħal dak li jinsab fit-taħlita prinċipali d2w, huwa kklassifikat b’mod differenti mill-partijiet fil-kawża. Ir-rikorrenti jikklassifikawh bħala “plastik ossobijodegradabbli”, li għandu jiġi distint, fil-fehma tagħhom, mill-plastik ossodegradabbli, li huwa bijodegradabbli ħafna iktar bil-mod. Il-Parlament juża, huwa wkoll, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, l-espressjoni “plastik ossobijodegradabbli”, iżda jippreċiża li din l-espressjoni tirreferi għall-plastik li r-rikorrenti jallegaw li huwa bijodegradabbli, pretensjoni li huwa ma jsostnix. Il-Kunsill juża t-terminu “plastik FAP”, biex jirreferi għall-plastik li “fih addittivi pro-ossidanti”. Il-Kummissjoni tirreferi għall-plastik “osso(bijo)degradabbli”, li jissuġġerixxi, permezz tal-użu ta’ parenteżi, id-dubji tagħha dwar in-natura bijodegradabbli ta’ dan it-tip ta’ plastik.

26      L-għażla tal-espressjoni użata sabiex tiddeskrivi t-tip ta’ plastik inkwistjoni ma hijiex newtrali, peress li tista’ timplika teħid ta’ pożizzjoni fir-rigward tan-natura bijodegradabbli ta’ dan it-tip ta’ plastik. Għaldaqstant, f’din is-sentenza, għandha tintuża l-espressjoni l-iktar newtrali possibbli. Konsegwentement, bl-eċċezzjoni tas-siltiet li jsostnu l-argumenti tal-partijiet, fejn it-terminoloġija magħżula minnhom ser tinżamm, u tar-referenzi għall-Artikolu 5 tad-Direttiva 2019/904, fejn ser tintuża l-espressjoni “plastik ossodegradabbli” użata fl-imsemmi artikolu, l-espressjoni li ser tintuża hija dik ta’ “plastik li fih addittiv pro-ossidanti”.

C.      Fuq lammissibbiltà

27      Mingħajr ma tqajjem formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni ssostni li r-rikors huwa inammissibbli sa fejn huwa dirett kontriha.

28      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Kunsill, issostni li l-illegalità tal-projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-prodotti mmanifatturati abbażi ta’ plastik ossodegradabbli, prevista fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2019/904, ma hijiex imputabbli lilha. Hija ssostni li, minn naħa, skont l-Artikolu 192(1) TFUE, id-Direttiva 2019/904 ma ġietx adottata minnha, iżda mill-Parlament u mill-Kunsill, skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, u, min-naħa l-oħra, l-imsemmija projbizzjoni ma kinitx tinsab fil-proposta li hija ppreżentat lill-Parlament u lill-Kunsill fit‑28 ta’ Mejju 2018 (COM(2018)340 final – 2018/0172(COD), iktar ’il quddiem il-“proposta għal direttiva”), iżda ġiet introdotta permezz ta’ emenda tal-Parlament, li l-Kunsill ta l-kunsens tiegħu għaliha. Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll li hija ma setgħetx tirtira l-proposta tagħha, peress li l-kundizzjonijiet għal tali rtirar ma kinux, f’dan il-każ, issodisfatti.

29      Fl-aħħar nett, fl-opinjoni tal-Kummissjoni, la l-fatt li hija fetħet u sussegwentement temmet il-proċedura ta’ restrizzjoni skont l-Artikoli 68 sa 73 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU 2006, L 396, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2007, L 136, p. 3, fil-ĠU 2008, L 141, p. 22, u fil-ĠU 2009, L 36, p. 84, iktar ’il quddiem ir-“Regolament REACH”), lanqas il-fatt, jekk jitqies li huwa stabbilit, li l-valutazzjoni tal-impatt hija difettuża u li hija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha fil-qasam tar-riċerka u tal-evalwazzjoni tal-provi, ma għandhom l-effett tal-imputazzjoni lilha tal-projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq stabbilita fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2019/904.

30      Ir-rikorrenti jikkontestaw din l-inammissibbiltà.

31      Skont il-ġurisprudenza, filwaqt li r-rikorsi għal annullament u dak għal nuqqas li tittieħed azzjoni għandhom l-għan li tiġi ssanzjonata l-illegalità ta’ att ġuridikament vinkolanti jew l-assenza ta’ tali att, ir-rikors għad-danni għandu bħala għan it-talba għal kumpens ta’ dannu li jirriżulta minn att jew minn aġir illeċitu imputabbli lil istituzzjoni jew lil korp tal-Unjoni (sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il‑Kummissjoni u BĊE, C‑8/15 sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punt 55, u tat‑23 ta’ Mejju 2019, Steinhoff et vs BCE, T‑107/17, EU:T:2019:353, punt 51).

32      Għaldaqstant, peress li l-adozzjoni tad-Direttiva 2019/904, skont l-Artikolu 294 TFUE, taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Parlament u tal-Kunsill, ma huwiex rilevanti li l-Kummissjoni ma adottatx att legalment vinkolanti. Fil-fatt, sabiex il-Kummissjoni titqies li għandha jew li kkontribwixxiet sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Unjoni, huwa biżżejjed li jkun imputabbli lilha att illegali, anki jekk mhux legalment vinkolanti, jew aġir illegali.

33      Tali att jew aġir ċertament ma jistax jiġi identifikat fil-proposta għal direttiva. Fil-fatt, l-imsemmija proposta kienet tipprevedi biss, fl-Artikolu 5 tagħha, li “[l]-Istati Membri għandhom jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq tal-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss elenkati fil-Parti B tal-Anness”, filwaqt li l-Parti B tal-imsemmi anness ma jagħmel ebda riferiment għall-plastik ossodegradabbli.

34      Madankollu, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni għall-aġir li permezz tiegħu, fil-kuntest tal-kompromess interistituzzjonali tad‑19 ta’ Diċembru 2018, hija indikat li “[kienet] taċċetta l-emendi kollha” magħmula għall-proposta tagħha għal direttiva. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li hija l-emenda Nru 83 magħmula mill-Parlament għall-proposta għal direttiva, fl‑24 ta’ Ottubru 2018 (COM(2018)0340) – C8-0218/2018 – 2018/0172(COD), iktar ’il quddiem l-“emenda tal-Parlament”), li introduċiet fl-imsemmija proposta l-projbizzjoni tal-prodotti tal-plastik ossodegradabbli. It-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati sussegwentement ftiehmu, fil-kuntest tal-imsemmi kompromess, sabiex jinkorporaw din l-emenda fit-test tad-direttiva futura. Huwa f’dan il-punt li l-Kummissjoni indikat li kienet qegħda taċċetta l-emendi kollha.

35      Ir-rikorrenti jikkritikaw ukoll lill-Kummissjoni talli, permezz ta’ ittra tat‑30 ta’ April 2019 (iktar ’il quddiem l-“ittra tat‑30 ta’ April 2019”), talbet lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) sabiex ittemm il-proċedura ta’ restrizzjoni li kienet għaddejja quddiemha fir-rigward tal-plastik li fih addittiv pro-ossidanti. Skont ir-rikorrenti, li kieku l-ECHA kompliet b’din il-proċedura sa tmiemha u li kieku hija kienet, b’mod partikolari, ikkostitwixxiet fajl, kif previst fl-Artikolu 69(1) tar-Regolament REACH, l-elementi addizzjonali hekk ikkomunikati lit-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati kienu jwassluhom jadottaw fir-rigward tal-plastik li fih addittiv pro-ossidanti miżuri oħra la ma jinkludux projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq, jew saħansitra li ma jadottaw ebda miżura.

36      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni talli naqset milli twettaq valutazzjoni tal-impatt li tirrigwarda speċifikament il-plastik li fih addittiv pro-ossidanti u l-prodotti mmanifatturati abbażi ta’ dan it-tip ta’ plastik, kif ukoll li ma fittxitx, jew ma ħaditx inkunsiderazzjoni, provi rilevanti dwar dan il-plastik u r-riskju li dan kien jippreżenta għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem. Fil-fehma tar-rikorrenti, li għandhom provi supplimentari, it-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati biddlu l-evalwazzjoni tagħhom.

37      Il-kwistjoni dwar jekk l-aġir imsemmi fil-punti 34 sa 36 iktar ’il fuq huwiex illegali u l-kwistjoni dwar jekk, fl-assenza ta’ tali aġir, il-Parlament u l-Kunsill kinux xorta waħda jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq tal-prodotti mmanifatturati abbażi tal-plastik li fih addittiv pro-ossidanti, tikkonċerna d-determinazzjoni tal-fatt li jagħti lok għar-responsabbiltà u tar-rabta kawżali bejn dan il-fatt u d-dannu allegat. Issa, il-kwistjonijiet relatati mal-eżami tal-kundizzjonijiet neċessarji għall-implimentazzjoni tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, bħad-determinazzjoni tal-fatt li jagħti lok għar-responsabbiltà u tar-rabta kawżali, huma marbuta mal-eżami fil-mertu ta’ dan ir-rikors u għalhekk ma jaffettwawx l-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tiegħu (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ Mejju 2019, Steinhoff et vs BĊE, T‑107/17, EU:T:2019:353, punti 42 sa 47).

38      Għaldaqstant, l-argument tal-Kummissjoni intiż sabiex ir-rikors jiġi ddikjarat inammissibbli sa fejn huwa dirett kontriha għandu jiġi miċħud.

D.      Fuq ilmertu

39      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, fil-każ ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-Unjoni għandha, skont il-prinċipji ġenerali komuni għal sistemi legali tal-Istati Membri, tikkumpensa kwalunkwe dannu kkaġunat mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-membri tal-persunal tagħha fit-twettiq ta’ dmirijiethom.

40      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni huwa suġġett għall-fatt li jkunu ssodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn il-ksur tal-obbligu tal-awtur tal-att u d-dannu mġarrab mill-persuni leżi (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il‑Kunsill, C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Jekk waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx issodisfatta, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-qorti tal-Unjoni ma hijiex obbligata teżamina dawn il-kundizzjonijiet f’ordni partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Settembru 1999, Lucaccioni vs Il‑Kummissjoni, C‑257/98 P, EU:C:1999:402, punti 13, 63 u 64, u tal‑5 ta’ Settembru 2019, L‑Unjoni Ewropea vs Guardian Europe u Guardian Europe vs L‑Unjoni Ewropea, C‑447/17 P u C‑479/17 P, EU:C:2019:672, punt 148).

42      Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi jkun stabbilit meta dan il-ksur jimplika nuqqas manifest u serju mill-istituzzjoni kkonċernata tal-limiti li għalihom hija suġġetta s-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha, fejn l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward huma, b’mod partikolari, il-livell ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tar-regola miksura kif ukoll il-portata tal-marġni ta’ diskrezzjoni li r-regola miksura tħalli lill-awtorità tal-Unjoni (sentenzi tat‑30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punt 30, u tal‑10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il‑Kunsill, C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punt 33).

43      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat, fil-kuntest ta’ din il-kawża, li eventwali ksur suffiċjentement serju tad-dispożizzjonijiet legali inkwistjoni għandu jkun ibbażat fuq ksur manifest u gravi tal-limiti tas-setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa li għandu l-leġiżlatur tal-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi fil-qasam ambjentali skont l-Artikoli 191 u 192 TFUE. Fil-fatt, l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali jimplika, minn naħa, in-neċessità għal-leġiżlatur tal-Unjoni li jantiċipa u li jevalwa żviluppi ekoloġiċi, xjentifiċi, tekniċi u ekonomiċi ta’ natura kumplessa u inċerta, u, min-naħa l-oħra, l-ibbilanċjar u l-arbitraġġ minn dan il-leġiżlatur bejn id-diversi għanijiet, prinċipji u interessi msemmija fl-Artikolu 191 TFUE (sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2010, Arcelor vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, T‑16/04, EU:T:2010:54, punt 143).

44      Qabel kollox, għandu jiġi evalwat jekk l-ewwel kundizzjoni għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Unjoni hijiex issodisfatta.

45      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jqajmu ħames motivi ta’ illegalità, ibbażati fuq ksur suffiċjentement serju, l-ewwel, tal-Artikoli 68 sa 73 tar-Regolament REACH, it-tieni, tal-punti 12 u 14 sa 16 tal-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat‑13 ta’ April 2016 (ĠU 2016, L 123, p. 1, iktar ’il quddiem il-“ftehim interistituzzjonali”), it-tielet, tal-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità, stabbilit fl-Artikolu 5(4) TUE u fl-Artikolu 191 TFUE, kif ukoll fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, ir-raba’, tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament u, il-ħames, tal-Artikoli 16 u 17 u tal-Artikolu 41(1) tal-Karta u tal-Artikolu 49 TFUE.

1.      Fuq lewwel motiv ta’ illegalità, ibbażat fuq ksur talArtikoli 68 sa 73 tarRegolament REACH

46      Permezz tal-ewwel motiv ta’ illegalità tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-prodotti abbażi tal-plastik ossodegradabbli, prevista fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2019/904, ġiet adottata billi ġiet evitata l-proċedura ta’ restrizzjoni prevista fl-Artikoli 68 sa 73 tar-Regolament REACH. Huma jenfasizzaw, f’dan ir-rigward, li kienet għaddejja proċedura ta’ restrizzjoni quddiem l-ECHA meta, mingħajr t-teħid inkunsiderazzjoni tagħha b’ebda mod, il-Parlament adotta l-emenda li żiedet il-prodotti tal-plastik ossodegradabbli ma’ dawk li l-proposta għal direttiva kienet tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq tagħhom. L-imsemmija proċedura kienet għadha għaddejja meta l-Parlament u l-Kunsill qablu dwar din l-emenda u meta l-Parlament adotta riżoluzzjoni leġiżlattiva li tirriproduċi l-emenda inkwistjoni.

47      Konsegwentement, fil-fehma tar-rikorrenti, il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2019/904 ġiet adottata mingħajr ma t-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati ma evalwaw b’mod xieraq jekk il-plastik ossodegradabbli kienx jippreżenta għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent “riskju mhux aċċettabbli [...] li jkun jeħtieġ li jiġi indirizzat fuq bażi [tal-Unjoni]”, mingħajr ma huma “[jieħdu] kont ta’ l-impatt soċjo-ekonomiku tar-restrizzjoni, inkluża d-disponibbiltà ta’ alternattivi”, kif jeżiġi l-Artikolu 68(1) tar-Regolament REACH, u mingħajr ma huma stess ma ntalbu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom lill-ECHA, skont l-Artikolu 69(6) tal-imsemmi regolament. Għaldaqstant, l-adozzjoni tal-imsemmija projbizzjoni hija prematura u illegali.

48      Fil-fehma tar-rikorrenti, billi evitaw il-proċedura ta’ restrizzjoni prevista fl-Artikoli 68 sa 73 tar-Regolament REACH filwaqt li l-ECHA biss hija teknikament kompetenti sabiex tinvestiga u tiddetermina jekk il-plastik ossodegradabbli u l-plastik ossobijodegradabbli humiex iġġustifikati jew le mill-perspettiva ambjentali, it-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati wettqu ksur suffiċjentement serju tal-Artikoli 68 sa 73 tar-Regolament REACH. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jenfasizzaw li l-imsemmi regolament jagħti drittijiet lill-individwi, peress li l-Artikolu 69(1) tiegħu jipprevedi li l-ECHA għandha tistieden lill-partijiet ikkonċernati kollha jippreżentaw osservazzjonijiet dwar il-fajls u r-restrizzjonijiet proposti, kif ukoll sabiex jikkomunikawlha analiżi soċjo-ekonomika.

49      Il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

50      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, skont l-Artikolu 68(1) tar-Regolament REACH, meta l-manifattura, l-użu jew it-tqegħid fis-suq ta’ sustanza jikkawżaw riskju inaċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent li jeħtieġ azzjoni fil-livell tal-Unjoni, l-imsemmija manifattura, użu u tqegħid fis-suq jistgħu jkunu s-suġġett ta’ restrizzjonijiet. Dawn ir-restrizzjonijiet huma inklużi fl-Anness XVII tal-imsemmi regolament.

51      Għal dan il-għan, l-Artikolu 69 tar-Regolament REACH jippermetti lill-Kummissjoni tistieden lill-ECHA tħejji fajl. Jekk minn dan il-fajl jirriżulta li hija neċessarja azzjoni fil-livell tal-Unjoni, l-ECHA għandha tipproponi restrizzjonijiet fi żmien tnax-il xahar minn meta tirċievi t-talba tal-Kummissjoni. Il-fajl huwa għalhekk ippubblikat fuq is-sit internet tal-ECHA, flimkien mal-proposti ta’ restrizzjoni fformulati minnha, u l-partijiet ikkonċernati huma mistiedna jikkomunikaw lill-ECHA l-osservazzjonijiet tagħhom.

52      Sussegwentement, il-fajl huwa s-suġġett, fi żmien disa’ xhur mill-pubblikazzjoni tiegħu, ta’ opinjoni tal-Kumitat tal-Istima tar-Riskji tal-ECHA u, fi żmien tnax-il xahar mill-pubblikazzjoni tiegħu, ta’ opinjoni tal-Kumitat ta’ Analiżi Soċjo-ekonomika tal-ECHA, skont l-Artikoli 70 u 71 tar-Regolament REACH. Dawn iż-żewġ avviżi huma ppreżentati lill-Kummissjoni u ppubblikati fuq is-sit internet tal-ECHA, konformement mal-Artikolu 72 tal-imsemmi regolament.

53      Meta l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 68(1) tar-Regolament REACH ikunu ssodisfatti, il-Kummissjoni tipprepara abbozz ta’ emenda tal-Anness XVII ta’ dan ir-regolament, skont l-Artikolu 73(1) tiegħu. Id-deċiżjoni finali tittieħed skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju, skont l-Artikolu 73(2) u l-Artikolu 133(4) tal-istess regolament.

54      F’dan il-każ, tali proċedura nbdiet, iżda ma ntemmitx.

55      Fil-fatt, permezz ta’ ittra tat‑22 ta’ Diċembru 2017, il-Kummissjoni talbet lill-ECHA tħejji fajl dwar il-plastik ossodegradabbli, skont l-Artikolu 69(1) tar-Regolament REACH. Il-Kummissjoni u l-ECHA sussegwentement ftehmu li jipposponu l-preżentazzjoni tal-imsemmi fajl għal tmiem Lulju 2019, sabiex il-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jikkomunikaw informazzjoni addizzjonali lill-ECHA, kif jindika messaġġ elettroniku mibgħut lir-rikorrenti minn aġent tal-ECHA fit‑30 ta’ Ottubru 2018. Madankollu, kif imsemmi fil-punt 35 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni sussegwentement, permezz tal-ittra tat‑30 ta’ April 2019, talbet lill-ECHA ttemm it-tħejjija tal-fajl inkwistjoni, minħabba li intervent skont ir-Regolament REACH ma kienx għadu neċessarju għaliex, fid‑19 ta’ Diċembru 2018, kien intlaħaq kompromess interistituzzjonali, fil-kuntest tat-tfassil tad-Direttiva dwar it-tnaqqis tal-impatt ta’ ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent, sabiex jiġi pprojbit it-tqegħid fis-suq tal-prodotti abbażi ta’ plastik ossodegradabbli.

56      Kif jindika l-preambolu tad-Direttiva 2019/904, huwa għalhekk skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, prevista fl-Artikolu 294 TFUE, li ġiet adottata l-projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-prodotti mmanifatturati abbażi ta’ plastik ossodegradabbli.

57      Ir-rikorrenti jsostnu li, billi adottaw il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2019/904 mingħajr ma stennew l-eżitu tal-proċedura ta’ restrizzjoni fis-seħħ, it-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati evitaw l-Artikoli 68 sa 73 tar-Regolament REACH. L-imsemmija projbizzjoni ġiet adottata b’mod prematur u illegali, mingħajr mal-ECHA, li, kuntrarjament għall-imsemmija istituzzjonijiet, għandha l-għarfien xjentifiku fil-qasam, setgħet tinforma lil dawn tal-aħħar bl-elementi miġbura minnha u mingħajr ma semgħet lir-rikorrenti. Tali aġir jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju tal-Artikoli 68 sa 73 tar-Regolament REACH, liema artikoli huma intiżi li jagħtu drittijiet lill-individwi.

58      Tali argument ma jistax jiġi aċċettat peress li, minn naħa, ma twettaq ebda ksur tal-Artikoli 68 sa 73 tar-Regolament REACH u, min-naħa l-oħra, l-imsemmija artikoli ma jikkostitwixxux dispożizzjonijiet legali li huma intiżi li jagħtu drittijiet lill-individwi.

59      L-ewwel, ma jistax jitqies li l-projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-prodotti mmanifatturati abbażi ta’ plastik ossodegradabbli kellha tiġi adottata skont il-proċedura ta’ restrizzjoni prevista fl-Artikoli 68 sa 73 tar-Regolament REACH.

60      Fil-fatt, id-Direttiva 2019/904 ġiet adottata skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja prevista fl-Artikolu 294 TFUE. Barra minn hekk, il-preambolu ta’ din id-direttiva jindika li hija għandha bħala bażi legali l-Artikolu 192(1) TFUE. Issa, dan l-artikolu jipprevedi li l-Parlament u l-Kunsill għandhom jaġixxu skont l-imsemmija proċedura.

61      Barra minn hekk, l-Artikolu 2(4) tar-Regolament REACH jipprovdi li dan ir-regolament “għandu japplika mingħajr preġudizzju għal […] leġislazzjoni [tal-Unjoni] dwar […] l-ambjent, inklużi” diversi direttivi li huwa jelenka. L-imsemmi regolament jirriżerva għalhekk espressament l-applikazzjoni tal-atti tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-ambjent. Ċertament, id-Direttiva 2019/904 ma tinsabx fost id-dispożizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament REACH. Madankollu, l-adozzjoni ta’ din id-direttiva saret wara dik ta’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, l-użu tal-espressjoni “inklużi” jindika li l-lista li tinsab f’dan l-artikolu ma hijiex eżawrjenti.

62      It-tieni, lanqas ma jista’ jitqies li t-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati kienu obbligati, jekk mhux li jsegwu l-proċedura ta’ restrizzjoni skont l-Artikoli 68 sa 73 tar-Regolament REACH, tal-inqas jistennew l-eżitu tal-proċedura ta’ restrizzjoni fis-seħħ sabiex jadottaw il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2019/904.

63      Fil-fatt, is-setgħa ta’ inizjattiva leġiżlattiva rrikonoxxuta lill-Kummissjoni mill-Artikolu 17(2) TUE u mill-Artikolu 289 TFUE timplika, li hija l-Kummissjoni li għandha tiddeċiedi li tippreżenta, jew le, proposta ta’ att leġiżlattiv u li tiddetermina l-għan, l-iskop u l-kontenut tiegħu (sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Slovakkja u l‑Ungerija vs Il‑Kunsill, C‑643/15 u C‑647/15, EU:C:2017:631, punt 146).

64      Barra minn hekk, is-setgħa leġiżlattiva rriżervata lill-Parlament u lill-Kunsill fl-Artikolu 14(1) u fl-Artikolu 16(1) TUE timplika li huma esklużivament dawn l-istituzzjonijiet li għandhom jiddeterminaw il-kontenut ta’ att leġiżlattiv (sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑5/16, EU:C:2018:483, punt 84).

65      Għaldaqstant, li l-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill jiġu mġiegħla jistennew l-eżitu tal-proċedura ta’ restrizzjoni prevista fl-Artikoli 68 sa 73 tar-Regolament REACH sabiex jadottaw, rispettivament, il-proposta ta’ direttiva u l-emenda li tintroduċi f’din il-proposta l-projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-prodotti mmanifatturati abbażi ta’ plastik ossodegradabbli, iwassal sabiex tiġi limitata s-setgħa ta’ inizjattiva leġiżlattiva tal-ewwel u s-setgħa leġiżlattiva tat-tieni.

66      It-tielet, il-legalità tad-Direttiva 2019/904 ma tistax tiġi eżaminata fid-dawl tar-Regolament REACH.

67      Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, il-legalità interna ta’ att tal-Unjoni ma tistax tiġi eżaminata fid-dawl ta’ att ieħor tal-Unjoni tal-istess livell normattiv, ħlief jekk ikun ġie adottat b’applikazzjoni ta’ dan l-aħħar att jew jekk huwa espressament previst, f’wieħed minn dawn iż-żewġ atti, li wieħed l-ieħor (sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Stichting Rookpreventie Jeugd et, C‑160/20, EU:C:2022:101, punt 38).

68      Issa, mill-Artikolu 289(1) u (3) TFUE jirriżulta li jikkostitwixxu atti leġiżlattivi l-atti legali adottati skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Dan huwa l-każ, kif indikat fil-punt 56 iktar ’il fuq, tad-Direttiva 2019/904. Fir-rigward tar-Regolament REACH, il-bażi legali tiegħu huwa l-Artikolu 95 KE, li jipprevedi l-applikazzjoni tal-proċedura ta’ kodeċiżjoni deskritta fl-Artikolu 251 KE. Issa, il-proċedura leġiżlattiva ordinarja ddefinita fl-Artikolu 294 TFUE tirriproduċi, essenzjalment, il-proċedura ta’ kodeċiżjoni (digriet tas‑6 ta’ Settembru 2011, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, T‑18/10, EU:T:2011:419, punt 61), b’tali mod li r-Regolament REACH għandu, huwa wkoll, jitqies bħala att leġiżlattiv. Għaldaqstant, id-Direttiva 2019/904 u r-Regolament REACH għandhom jitqiesu li huma tal-istess livell normattiv (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Stichting Rookpreventie Jeugd et, C‑160/20, EU:C:2022:101, punt 38).

69      Barra minn hekk, id-Direttiva 2019/904 ma ġietx adottata b’applikazzjoni tar-Regolament REACH.

70      Barra minn hekk, sa fejn, kif indikat fil-punt 61 iktar ’il fuq, l-Artikolu 2(4) tar-Regolament REACH jindika li dan japplika bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar l-ambjent, huwa ċar li l-imsemmi regolament ma jipprevedix li huwa jipprevali fuq l-imsemmija dispożizzjonijiet, bħad-Direttiva 2019/904. Barra minn hekk, l-imsemmija direttiva lanqas ma tipprevedi li r-Regolament REACH jieħu preċedenza fuq id-dispożizzjonijiet tiegħu.

71      Mill-punti 59 sa 70 iktar ’il fuq jirriżulta li t-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati ma kisrux l-Artikoli 68 sa 73 tar-Regolament REACH.

72      Fl-assenza ta’ ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, ma hemmx lok li jiġi eżaminat jekk dan huwiex suffiċjentement serju, kif teżiġi l-ġurisprudenza dwar l-ewwel kundizzjoni għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Unjoni, iċċitata fil-punt 42 iktar ’il fuq.

73      Fi kwalunkwe każ, l-Artikoli 68 sa 73 tar-Regolament REACH ma jistgħux jitqiesu li huma dispożizzjonijiet intiżi li jagħtu drittijiet lill-individwi.

74      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jibbażaw ruħhom fuq l-Artikolu 69(6) tar-Regolament REACH, li jipprevedi li l-ECHA tistieden lill-partijiet ikkonċernati kollha sabiex jikkomunikawlha, fi żmien sitt xhur mill-pubblikazzjoni tal-fajl, l-osservazzjonijiet tagħhom dwaru u dwar ir-restrizzjonijiet proposti, kif ukoll analiżi soċjo-ekonomika, jew kull informazzjoni li tista’ tikkontribwixxi għal tali analiżi. Fil-fehma tar-rikorrenti, din id-dispożizzjoni tagħti dritt lill-individwi, dak li l-fehmiet tagħhom jittieħdu inkunsiderazzjoni qabel ma tiġi adottata restrizzjoni.

75      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 71(1) tar-Regolament REACH, l-ECHA tistieden lill-partijiet ikkonċernati jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-abbozz ta’ opinjoni tal-Kumitat ta’ Analiżi Soċjo-ekonomika.

76      Issa, huwa minnu li d-dritt għal smigħ jikkostitwixxi dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi (sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2021, Vialto Consulting vs Il‑Kummissjoni, C‑650/19 P, EU:C:2021:879, punt 140).

77      Madankollu, l-ebda dispożizzjoni li tinsab fl-Artikoli 68 sa 73 tar-Regolament REACH ma tiggarantixxi stricto sensu dritt għal smigħ lill-partijiet ikkonċernati. B’mod partikolari, il-fatt li l-Artikolu 69(6)(a) u l-Artikolu 71(1) tal-imsemmi regolament jipprevedu konsultazzjoni pubblika ma jikkonfutax il-fatt li la l-ECHA u lanqas il-Kummissjoni ma huma obbligati jisimgħu individwu li huwa kkonċernat mill-emenda tal-Anness XVII tar-Regolament REACH minbarra l-imsemmija konsultazzjoni pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Settembru 2015, VECCO et vs Il‑Kummissjoni (C‑594/13 P, EU:C:2020:695, punti 81 u 82).

78      Għaldaqstant, l-ewwel motiv ta’ illegalità għandu jiġi miċħud.

2.      Fuq ittieni motiv ta’ illegalità, ibbażat fuq ksur suffiċjentement serju talpunti 12 u 14 sa 16 talFtehim Interistituzzjonali

79      Permezz tat-tieni motiv ta’ illegalità tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li, billi naqsu milli jwettqu valutazzjoni tal-impatt dwar il-projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-prodotti mmanifatturati abbażi ta’ plastik ossodegradabbli, prevista fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2019/904, it-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati kisru l-punti 12 u 14 sa 16 tal-Ftehim Interistituzzjonali. Fil-fatt, il-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-proposta għal direttiva tkopri biss l-inġenji tas-sajd u l-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss elenkati fil-Parti B tal-Anness tal-imsemmija proposta, li ma jinkludux il-plastik ossodegradabbli. Il-Parlament u l-Kunsill kisru l-punt 15 tal-Ftehim Interistituzzjonali u l-Kummissjoni, il-punt 16 tiegħu, billi naqsu, rispettivament, milli jwettqu valutazzjoni tal-impatt tal-emenda magħmula mill-Parlament għall-proposta għal direttiva u milli jikkompletaw il-valutazzjoni tal-impatt inizjali.

80      Ir-rikorrenti jirrikonoxxu li l-Parlament u l-Kunsill ma humiex marbuta bil-valutazzjoni tal-impatt magħmula mill-Kummissjoni u li t-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati għandhom ċertu marġni ta’ evalwazzjoni sabiex jiddeterminaw jekk, f’każ ta’ emenda għall-proposta għal direttiva ppreżentata mill-Kummissjoni, hijiex meħtieġa valutazzjoni tal-impatt addizzjonali. Huma jenfasizzaw, madankollu, li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ valutazzjoni tal-impatt huwa l-eċċezzjoni u t-twettiq tagħha, il-prinċipju. F’dan il-każ, it-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati kellhom iwettqu valutazzjoni tal-impatt dwar il-plastik ossodegradabbli, peress li huma ma kellhomx provi xjentifiċi suffiċjenti. Għaldaqstant, l-imsemmija istituzzjonijiet wettqu ksur suffiċjentement serju tal-Ftehim Interistituzzjonali, li jagħti drittijiet lill-individwi.

81      Il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

82      L-argument tar-rikorrenti ma jistax jintlaqa’. Minn naħa, ma twettaq l-ebda ksur tal-Ftehim Interistituzzjonali u, min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet tiegħu ma jistgħux jitqiesu li huma intiżi li jagħtu drittijiet lill-individwi.

83      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-Kummissjoni wettqet valutazzjoni tal-impatt tal-proposta tagħha għal direttiva. Madankollu, l-imsemmija valutazzjoni tal-impatt ma tirrigwardax il-plastik ossodegradabbli.

84      Issa, ma huwiex ikkontestat li l-adozzjoni tal-emenda tal-Parlament ma kinitx akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt dwar dan it-tip ta’ plastik.

85      Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk il-punti 12 u 14 sa 16 tal-Ftehim Interistituzzjonali kinux jimponu fuq it-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati, jew fuq waħda minnhom, l-obbligu li jwettqu valutazzjoni tal-impatt li tirrigwarda speċifikament l-emenda tal-Parlament.

86      Mill-formulazzjoni ta’ dawn il-punti jirriżulta b’mod ċar li dan ma kienx il-każ.

87      Fil-fatt, il-punt 12 tal-Ftehim Interistituzzjonali jindika, b’mod partikolari, li l-analiżijiet tal-impatt jikkostitwixxu għodda intiżi li jgħinu lill-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jiddeċiedu abbażi ta’ informazzjoni tajba u ma jissostitwixxux id-deċiżjonijiet politiċi meħuda fil-kuntest tal-proċess deċiżjonali demokratiku.

88      Skont il-punt 13 tal-imsemmi ftehim, il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni tal-impatt, b’mod partikolari, tal-inizjattivi leġiżlattivi tagħha mistennija li jkollhom impatti ekonomiċi, ambjentali jew soċjali sinjifikattivi.

89      Il-punt 14 tal-imsemmi ftehim jindika li l-Parlament u l-Kunsill għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni bi sħiħ analiżijiet tal-impatt tal-Kummissjoni.

90      Madankollu, skont il-ġurisprudenza, valutazzjoni tal-impatt la torbot lill-Parlament u lanqas lill-Kunsill, b’tali mod li l-leġiżlatur tal-Unjoni jibqa’ liberu li jadotta miżuri differenti minn dawk li kienu s-suġġett ta’ din il-valutazzjoni tal-impatt (sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2016, Pillbox 38, C‑477/14, EU:C:2016:324, punt 65).

91      Barra minn hekk, skont il-punt 15 tal-Ftehim interistituzzjonali, meta jqisu li dan ikun xieraq u meħtieġ għall-finijiet tal-proċess leġiżlattiv, il-Parlament u l-Kunsill għandhom iwettqu valutazzjoni tal-impatt tal-emendi sostanzjali li huma jagħmlu għall-proposta tal-Kummissjoni. Skont l-istess punt 15, kull istituzzjoni għandha tiddetermina xi tfisser emenda “sostanzjali”.

92      Madankollu, skont il-ġurisprudenza, il-punt 15 tal-Ftehim Interistituzzjonali ma fih l-ebda obbligu vinkolanti fuq il-Parlament u l-Kunsill. Dan il-punt jipprevedi biss il-possibbiltà li jsir aġġornament tal-valutazzjoni tal-impatt jekk il-Parlament u l-Kunsill “[i]qisu li dan ikun xieraq u meħtieġ għall-proċess leġislattiv” (sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2019, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑128/17, EU:C:2019:194, punt 43).

93      F’dan il-każ, kemm il-Parlament kif ukoll il-Kunsill isostnu li huma kellhom biżżejjed informazzjoni xjentifika u li tali aġġornament ma kienx għalhekk neċessarju. Għaldaqstant, ma jistgħux jiġu kkritikati li ma wettqux valutazzjoni tal-impatt tal-emenda tal-Parlament.

94      Fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ azzjoni żbaljat tal-Kummissjoni, għandu jiġi rrilevat li l-punt 16 tal-Ftehim Interistituzzjonali jindika li din “tista’”, fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba tal-Parlament jew tal-Kunsill, tikkompleta l-valutazzjoni tal-impatt tagħha stess jew twettaq ħidma analitika oħra li hija tqis neċessarja. Mill-formulazzjoni tal-imsemmi punt 16 jirriżulta b’mod ċar li dan ma jinkludi ebda obbligu għall-Kummissjoni li twettaq aġġornament tal-valutazzjoni tal-impatt. Konsegwentement, hija ma tistax tiġi kkritikata li ma għamlitx dan sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-emenda tal-Parlament.

95      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati ma kisrux il-punti 12 u 14 sa 16 tal-Ftehim Interistituzzjonali.

96      Fl-assenza ta’ ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, ma hemmx lok li jiġi eżaminat jekk dan huwiex suffiċjentement serju, kif teżiġi l-ġurisprudenza dwar l-ewwel kundizzjoni għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Unjoni, iċċitata fil-punt 42 iktar ’il fuq.

97      Fit-tieni lok u fi kwalunkwe każ, il-punti 12 u 14 sa 16 tal-Ftehim Interistituzzjonali ma jistgħux jitqiesu li huma intiżi jagħtu drittijiet lill-individwi, peress li, kif jippreċiża l-imsemmi punt 12, il-valutazzjonijiet tal-impatt jikkostitwixxu għodda intiża sabiex jgħinu lit-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati jiddeċiedu b’mod informat.

98      Għaldaqstant, it-tieni motiv ta’ illegalità għandu jiġi miċħud.

3.      Fuq ittielet motiv ta’ illegalità, ibbażat fuq ksur suffiċjentement serju talprinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità, stabbilit flArtikolu 5(4) TUE u flArtikolu 191 TFUE, kif ukoll fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni

99      Permezz tat-tielet motiv ta’ illegalità tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li, sa fejn din tapplika għall-plastik ossobijodegradabbli, il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2019/904 tmur kontra l-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità, stabbilit fl-Artikolu 5(4) TUE u fl-Artikolu 191 TFUE u li hija bbażata fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni. Konsegwentement, bl-adozzjoni tal-imsemmija projbizzjoni, it-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati allegatament wettqu ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi.

100    Dan il-motiv huwa maqsum fi tliet partijiet.

101    Permezz tal-ewwel parti, ir-rikorrenti jsostnu li t-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati ma kellhomx evalwazzjoni xjentifika eżawrjenti tar-riskji tal-plastik ossodegradabbli u li, għaldaqstant, il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2019/904 hija fiha nnifisha kuntrarja għall-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità, stabbilit fl-Artikolu 5(4) TUE u fl-Artikolu 191 TFUE u li hija bbażata fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.

102    L-imsemmija istituzzjonijiet ma setgħux, skont ir-rikorrenti, jadottaw miżura daqstant intrużiva mingħajr ma jagħmlu użu mill-provi li kienu jinġabru matul il-proċedura ta’ restrizzjoni prevista fl-Artikoli 68 sa 73 tar-Regolament REACH. It-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati kellu jkollhom ukoll valutazzjoni tal-impatt li tikkonċerna speċifikament il-plastik ossodegradabbli kif ukoll kull evalwazzjoni xjentifika oħra tal-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ dan it-tip ta’ plastik. Billi pprojbixxew it-tqegħid fis-suq tiegħu mingħajr ma kellhom tali elementi, l-imsemmija istituzzjonijiet segwew approċċ purament ipotetiku tar-riskji li kien jippreżenta.

103    Ir-rikorrenti jenfasizzaw li l-fatt li t-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati għandhom, fil-qasam ambjentali, setgħa diskrezzjonali wiesgħa ma jeżentahomx mill-obbligu li jieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha. Issa, l-istudji xjentifiċi li fuqhom l-imsemmija istituzzjonijiet jallegaw, fir-risposti tagħhom, li bbażaw ruħhom sabiex jadottaw il-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq tal-prodotti mmanifatturati abbażi ta’ plastik ossodegradabbli ma jagħmlux distinzjoni bejn plastik ossodegradabbli u plastik ossobijodegradabbli u ma jirrakkomandawx projbizzjoni totali tat-tieni tip ta’ plastik. Barra minn hekk, dawn l-istituzzjonijiet, b’mod partikolari, ma ħadux inkunsiderazzjoni l-effetti ekonomiċi u soċjali tal-imsemmija projbizzjoni. Fl-aħħar nett, jeżistu biżżejjed provi sabiex tiġi kkontestata l-proporzjonalità ta’ din il-projbizzjoni.

104    Permezz tat-tieni parti ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jsostnu li t-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati ma stabbilixxewx, jew ma stabbilixxewx b’mod suffiċjenti, l-eżistenza ta’ rabta razzjonali bejn il-projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-prodotti abbażi ta’ plastik ossodegradabbli u l-għan tad-Direttiva 2019/904, jiġifieri l-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem. Għaldaqstant, l-imsemmija projbizzjoni tmur kontra l-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità, stabbilit fl-Artikolu 5(4) TUE.

105    Fil-fehma tar-rikorrenti, l-ebda waħda mill-erba’ affermazzjonijiet li jinsabu fil-premessa 15 ta’ din id-direttiva ma hija ssostanzjata.

106    L-ewwel, l-affermazzjoni li l-plastik ossodegradabbli ma huwiex bijodegradabbli sew ma hija bbażata fuq ebda prova, peress li tali provi kellhom jiġu prodotti fil-kuntest tal-proċedura ta’ restrizzjoni skont l-Artikoli 68 sa 73 tar-Regolament REACH. L-istudji xjentifiċi li t-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati jallegaw li bbażaw ruħhom fuqhom ma kkonkludewx li l-plastik ossodegradabbli ma huwiex bijodegradabbli sew, iżda sempliċement li ma teżistix prova konklużiva tal-bijodegradabbiltà tiegħu. Barra minn hekk, l-imsemmija affermazzjoni hija kontradetta minn studji xjentifiċi oħra, kif ukoll minn testijiet imwettqa fil-laboratorju, li jistabbilixxu li l-plastik ossobijodegradabbli huwa bijodegradabbli sew.

107    It-tieni, skont ir-rikorrenti, l-affermazzjoni li l-plastik ossodegradabbli ma huwiex kompostabbli hija ineżatta. Barra minn hekk, it-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati ma indikawx kif il-fatt li l-plastik ossobijodegradabbli ma huwiex kompostabbli jikkostitwixxi riskju għall-ambjent jew għas-saħħa tal-bniedem, u lanqas għaliex dan il-fatt jiġġustifika l-projbizzjoni tal-plastik ossobijodegradabbli filwaqt li l-plastik konvenzjonali, li lanqas ma huwa kompostabbli, ma huwiex ipprojbit.

108    It-tielet, fir-rigward tal-affermazzjoni li tgħid li l-plastik ossodegradabbli għandu impatt negattiv fuq ir-riċiklaġġ tal-plastik konvenzjonali, l-istudji xjentifiċi li fuqhom jibbażaw ruħhom it-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati ma jiċħdux li huwa possibbli li jiġi rriċiklat il-plastik ossodegradabbli u jindikaw li l-użu ta’ komposti stabilizzanti jista’ jippermetti li jiġi evitat li dan it-tip ta’ plastik ikollu effett negattiv fuq ir-riċiklaġġ tal-plastiks konvenzjonali. Studji oħra jistabbilixxu, skont ir-rikorrenti, li l-plastik ossobijodegradabbli jista’ jiġi rriċiklat bl-istess mod bħall-plastik konvenzjonali.

109    Ir-raba’, l-affermazzjoni li tgħid li l-plastik ossodegradabbli ma jagħtix vantaġġ ambjentali pprovat ma hija bbażata fuq ebda studju xjentifiku.

110    Permezz tat-tielet parti ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li projbizzjoni totali tat-tqegħid fis-suq taqbeż il-limiti ta’ dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ din id-direttiva u li jeżistu miżuri oħra inqas restrittivi. Għaldaqstant, l-imsemmija projbizzjoni tmur kontra l-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità, stabbilit fl-Artikolu 5(4) TUE.

111    Insostenn ta’ din it-tielet parti, ir-rikorrenti jsostnu li kien possibbli li dan it-tip ta’ plastik jiġi eskluż mill-projbizzjoni inkwistjoni, li jiġi impost it-twettiq ta’ testijiet b’mod konformi ma’ standard irrikonoxxut sabiex tiġi evalwata l-bijodegradabbiltà tiegħu, li jkun meħtieġ li jkun fih marka li tippermetti separazzjoni awtomatika qabel ir-riċiklaġġ, li tiġi prevista, fir-rigward tiegħu, waħda mill-miżuri mhux projbittivi li jinsabu fl-Artikoli 4, 7, 8 u/jew 10 tad-Direttiva 2019/904, jew li jiġi impost ittikkettjar li jipprevjeni kull riskju ta’ konfużjoni mill-konsumaturi. Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li, minflok ma pprojbixxew purament u sempliċement it-tqegħid fis-suq, it-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati kellhom jipprevedu perijodu ta’ tranżizzjoni.

112    Il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

113    Il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, għalkemm il-ksur tal-Artikolu 191 TFUE huwa allegat fil-kuntest biss tal-ewwel parti tat-tielet motiv ta’ illegalità, għall-kuntrarju, il-ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità, stabbilit fl-Artikolu 5(4) TUE, huwa allegat fil-kuntest tat-tliet partijiet ta’ dan il-motiv. Għaldaqstant, dawn it-tliet partijiet għandhom jinġabru flimkien u għandu jiġi eżaminat, l-ewwel, il-ksur tal-Artikolu 191 TFUE u, it-tieni, il-ksur tal-Artikolu 5(4) TUE.

a)      Fuq lewwel parti, sa fejn hija bbażata fuq ksur suffiċjentement serju talArtikolu 191 TFUE

114    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, kif indikat fil-punt 43 iktar ’il fuq, il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu fil-qasam ambjentali taħt l-Artikoli 191 u 192 TFUE.

115    Għaldaqstant, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jkun limitat għal eżami ta’ jekk l-eżerċizzju ta’ tali setgħa huwiex ivvizzjat minn żball manifest jew minn użu ħażin ta’ poter jew jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni eċċediex manifestament il-limiti tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tiegħu (sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2010, Afton Chemical, C‑343/09, EU:C:2010:419, punt 28).

116    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 191(2) TFUE, il-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni. Skont l-Artikolu 191(3) TFUE, fl-iżvilupp tal-imsemmija politika, l-Unjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fost l-oħrajn, id-data xjentifika u teknika disponibbli.

117    Issa, il-prinċipju ta’ prekawzjoni jimplika li meta jkun hemm inċertezza dwar l-eżistenza jew il-portata ta’ riskji għall-ambjent jew għas-saħħa tal-bniedem, jistgħu jittieħdu miżuri ta’ protezzjoni qabel ma r-realtà u l-gravità ta’ dawn ir-riskji jiġu stabbiliti kompletament. Meta jirriżulta impossibbli li jiġu ddeterminati b’ċertezza l-eżistenza jew il-portata tar-riskju allegat, minħabba n-natura mhux konklużiva tal-istudji mwettqa, iżda l-probabbiltà ta’ ħsara reali għall-ambjent jew għas-saħħa pubblika teżisti fil-każ li r-riskju jimmaterjalizza ruħu, il-prinċipju ta’ prekawzjoni jiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi (sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2021, Bayer CropScience u Bayer vs Il‑Kummissjoni, C‑499/18 P, EU:C:2021:367, punt 80). F’dan ir-rigward, l-istituzzjonijiet huma pprojbiti milli jadottaw approċċ purament ipotetiku tar-riskju u li jorjentaw id-deċiżjonijiet tagħhom għal livell ta’ “riskju żero” (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad‑9 ta’ Settembru 2003, Monsanto Agricoltura Italia et, C‑236/01, EU:C:2003:431, punt 106; tat‑12 ta’ Diċembru 2014, Xeda International vs Il‑Kummissjoni, T‑269/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1069, punti 55 u 56, u tas‑17 ta’ Marzu 2021, FMC vs Il‑Kummissjoni, T‑719/17, EU:T:2021:143, punt 69).

118    Konsegwentement, jekk mhux sabiex tadotta miżuri arbitrarji, li ma jistgħu bl-ebda mod isiru leġittimi mill-prinċipju ta’ prekawzjoni, l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li l-miżuri li hija tadotta, anki jekk ikunu miżuri preventivi, ikunu bbażati fuq valutazzjoni xjentifika tar-riskji l-iktar eżawrjenti possibbli fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2010, Afton Chemical, C‑343/09, EU:C:2010:419, punt 60; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2014, Xeda International vs Il‑Kummissjoni, T‑269/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1069, punt 57).

119    Din il-valutazzjoni xjentifika għandha tkun ibbażata fuq l-aħjar evidenza xjentifika disponibbli u għandha titwettaq b’mod indipendenti, oġġettiv u trasparenti (ara b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2021, FMC vs Il‑Kummissjoni, T‑719/17, EU:T:2021:143, punt 70). Hija għandha tagħti lill-awtorità pubblika kompetenti informazzjoni affidabbli u solida biżżejjed sabiex tkun tista’ tifhem il-portata kollha tal-kwistjoni xjentifika mressqa u sabiex tiddetermina l-politika tagħha b’għarfien sħiħ tal-fatti (ara b’analoġija, is-sentenzi tal‑14 ta’ Novembru 2013, ICdA et vs Il‑Kummissjoni, T‑456/11, EU:T:2013:594, punt 52, u tas‑17 ta’ Marzu 2021, FMC vs Il‑Kummissjoni, T‑719/17, EU:T:2021:143, punt 71).

120    Konsegwentement, l-adozzjoni tal-projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq, prevista fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2019/904 kienet tippreżupponi li, abbażi ta’ evalwazzjoni xjentifika kemm jista’ jkun eżawrjenti tar-riskji tal-prodotti mmanifatturati abbażi tal-plastik li fih addittiv pro-ossidanti, it-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati setgħu, mingħajr ma jwettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni, iqisu li kien jeżisti riskju għall-ambjent jew għas-saħħa tal-bniedem. Għandu jitfakkar ukoll li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 42 iktar ’il fuq, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni tirriżulta biss meta l-ksur tad-dispożizzjoni legali inkwistjoni jkun suffiċjentement serju.

121    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tqis li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, la l-fatt li ebda valutazzjoni tal-impatt ma twettqet fir-rigward tal-prodotti mmanifatturati abbażi tal-plastik li fih addittiv pro-ossidanti, u lanqas il-fatt li l-Kummissjoni temmet il-proċedura ta’ restrizzjoni prevista fl-Artikoli 68 sa 73 tar-Regolament REACH u li, konsegwentement, it-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati ma kellhom la fajl imħejji mill-ECHA, jew proposta ta’ restrizzjoni, u lanqas l-opinjonijiet tal-Kumitat tal-Istima tar-Riskji u tal-Kumitat ta’ Analiżi Soċjo-ekonomika previsti mir-Regolament REACH ma jistabbilixxu li l-projbizzjoni tal-imsemmija prodotti, prevista fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2019/904, ġiet adottata mingħajr ma saret evalwazzjoni xjentifika kemm jista’ jkun eżawrjenti tar-riskji li huma jippreżentaw. Fil-fatt, mill-punti 78 u 98 iktar ’il fuq jirriżulta li l-imsemmija istituzzjonijiet la kienu obbligati jwettqu tali valutazzjoni tal-impatt u lanqas li jsegwu l-proċedura prevista fl-Artikoli 68 sa 73 tar-Regolament REACH sabiex jadottaw l-imsemmija projbizzjoni. Sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 118 u 119 iktar ’il fuq, huwa biżżejjed li t-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati jkollhom, matul il-proċedura leġiżlattiva, informazzjoni affidabbli u solida biżżejjed sabiex ikunu jistgħu jifhmu l-portata kollha tal-kwistjoni xjentifika mressqa u jiddeterminaw il-politika tagħhom b’għarfien sħiħ tal-fatti, irrispettivament mill-oriġini u mill-forma ta’ tali informazzjoni.

122    Issa, il-premessa 15 tad-Direttiva 2019/904 tiġġustifika l-estensjoni tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 5 tagħha fir-rigward tal-prodotti mmanifatturati minn plastik ossodegradabbli, minħabba l-fatt li, l-ewwel, dan it-tip ta’ plastik ma huwiex bijodegradabbli sew u għalhekk jikkontribwixxi għat-tniġġis tal-ambjent mill-mikroplastik, it-tieni, ma huwiex kompostabbli, it-tielet, għandu impatt negattiv fuq ir-riċiklaġġ tal-plastik konvenzjonali u, ir-raba’, jonqos milli jagħti vantaġġ ambjentali pprovat.

123    Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk, minkejja li ma twettqet l-ebda valutazzjoni tal-impatt u li l-proċedura ta’ restrizzjoni prevista fl-Artikoli 68 sa 73 tar-Regolament REACH ma ntemmitx, kull waħda minn dawn l-erba’ affermazzjonijiet hijiex bbażata madankollu fuq evalwazzjoni xjentifika kemm jista’ jkun eżawrjenti tar-riskji li jippreżentaw il-prodotti mmanifatturati abbażi tal-plastik li fih addittiv pro-ossidanti u jekk, abbażi ta’ tali evalwazzjoni, it-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati setgħux, mingħajr ma jwettqu żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, jikkonkludu li jeżistu riskji għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem.

1)      Fuq laffermazzjoni li lplastik li fih addittiv proossidanti ma huwiex bijodegradabbli sew

124    Fir-rigward tal-affermazzjoni li l-plastik li fih addittiv pro-ossidanti ma huwiex bijodegradabbli sew, għandu jiġi ppreċiżat, preliminarjament, li, skont definizzjoni, mhux ikkontestata mill-partijiet, li tinsab f’rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill dwar l-effetti fuq l-ambjent tal-użu tal-plastik ossodegradabbli, u b’mod partikolari tal-basktijiet tal-plastik ossodegradabbli (COM (2018) 35 final), tas‑16 ta’ Jannar 2018 (iktar ’il quddiem ir-“rapport tas‑16 ta’ Jannar 2018”), il-bijodegradazzjoni hija l-proċess li permezz tiegħu materjal jiġi fframmentat minn mikroorganiżmi u diżaggregat f’elementi naturali, jiġifieri diossidu tal-karbonju, bijomassa u ilma. Il-bijodegradazzjoni tista’ sseħħ f’ambjent rikk fl-ossiġenu (bijodegradazzjoni aerobika) jew fqir fl-ossiġenu (bijodegradazzjoni anaerobika).

125    Fir-risposti tagħhom, it-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati qalu li kienu bbażaw ruħhom fuq l-evidenza li ġejja biex waslu għall-konklużjoni li l-plastik li fih addittiv pro-ossidanti ma huwiex bijodegradabbli sew: l-istudju Eunomia, imsemmi fil-punt 22 iktar ’il fuq, ir-rapport tas‑16 ta’ Jannar 2018, imsemmi fil-punt 124 iktar ’il fuq; rapport tal-Fondazzjoni Ellen MacArthur intitolat “Oxo Statement” (“Dikjarazzjoni oxo”), tas‑6 ta’ Novembru 2017 (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni oxo”); studju mwettaq minn S. Deconinck u B. De Wilde għal PlasticsEurope AISBL, assoċjazzjoni Ewropea ta’ produtturi tal-plastik, intitolata “Benefits and challenges of bio- and oxo-degradable plastics” (“Vantaġġi u sfidi ppreżentati mill-plastik bijodegradabbli u mill-plastik ossodegradabbli”), tad‑9 ta’ Awwissu 2013 (iktar ’il quddiem l-“istudju De Wilde”), u studju mwettaq mill-Università ta’ Loughborough (ir-Renju Unit) għad-Dipartiment għall-Ambjent, għall-Ikel u għall-Affarijiet Rurali tal-Gvern tar-Renju Unit, intitolat “Assessing the Environmental Impacts of Oxo-degradable Plastics Across Their Life Cycle” (“Evalwazzjoni tal-Effetti Ambjentali tal-Plastik ossodegradabbli tul iċ-Ċiklu tal-Ħajja tiegħu”), ta’ Jannar 2010 (iktar ’il quddiem l-“istudju tal-Università ta’ Loughborough”).

126    L-ewwel, l-istudju Eunomia jippreċiża li mhux ser juża l-frażi plastik “ossobijodegradabbli”, peress li din tintuża mill-industrijalisti tal-plastik sabiex jikkummerċjalizzaw il-prodotti tagħhom bħala bijodegradabbli, iżda ser juża l-espressjoni ta’ plastik “li fih addittiv pro-ossidanti”, peress li din sempliċement tiddeskrivi partikolarità fiżika tal-plastik inkwistjoni mingħajr ma tindika jekk huwiex bijodegradabbli.

127    L-istudju Eunomia juri li l-bijodegradazzjoni tal-plastik li fih addittiv pro-ossidanti ma hijiex possibbli fl-assenza ta’ fażi preliminari li fiha l-plastik jiġi espost għar-radjazzjoni ultravjola u s-sħana. Din il-fażi preliminari għandha l-għan li tnaqqas, permezz tal-ossidazzjoni, il-massa molekulari tal-plastik sabiex issir tfarrik. L-imsemmi studju jindika li, mingħajr din il-fażi preliminari, il-bijodegradazzjoni ma sseħħx, jew isseħħ fi żmien ħafna itwal, għaliex il-plastik ma jkunx laħaq livell ta’ frammentazzjoni suffiċjenti sabiex jiġi assorbit minn mikro-organiżmi. Peress li d-dawl u s-sħana jvarjaw skont il-kundizzjonijiet lokali, huwa diffiċli ħafna li jiġu stmati l-perijodu ta’ żmien u l-livell ta’ frammentazzjoni meħtieġa għall-bijodegradazzjoni. Madankollu, l-addittiv pro-ossidanti jaċċellera l-frammentazzjoni tal-plastik f’din il-fażi preliminari, b’tali mod li l-plastik li fih tali addittiv jifframmenta ruħu iktar malajr mill-plastik konvenzjonali meta jiġi espost għar-radjazzjoni ultravjola u għas-sħana.

128    Fir-rigward tal-fażi segwenti, jiġifieri l-bijodegradazzjoni nnifisha (assorbiment minn mikro-organiżmi), mill-istudju Eunomia jirriżulta li l-bijodegradazzjoni, fil-miftuħ, tal-plastik li fih addittiv pro-ossidanti hija biss parzjalment ipprovata. Għalkemm jidher li, fil-miftuħ, l-imsemmi plastik jista’ jiddiżintegra, ma huwiex ċert li jiddiżintegra ruħu kompletament u f’perijodu ta’ żmien raġonevoli. Fil-fatt, huwa biss fil-kuntest ta’ esperimenti mwettqa fil-laboratorju li nkisbet bijodegradazzjoni sodisfaċenti (kważi integrali, fi żmien sentejn, l-iqsar perijodu osservat). Tali bijodegradazzjoni qatt ma ġiet osservata f’sitwazzjoni reali. Barra minn hekk, filwaqt li l-bijodegradazzjoni, fil-miftuħ, ta’ plastik li fih addittiv pro-ossidanti tista’ titqies li hija ħafna iktar mgħaġġla minn dik tal-plastik konvenzjonali, l-impatt negattiv fuq l-ambjent jista’ jkun saħansitra ikbar matul din il-fażi ta’ bijodegradazzjoni.

129    Fir-rigward tal-bijodegradazzjoni tal-plastik li fih addittiv pro-ossidanti meta jintrema fil-landfill, l-istudju Eunomia jikkonkludi li l-preżunzjoni li l-bijodegradazzjoni ma sseħħx hija sostnuta. Skont dan l-istudju, għalkemm jista’ jkun hemm bijodegradazzjoni fis-saffi esterni tal-landfill, fejn l-imsemmi plastik huwa espost għall-ossiġenu (bijodegradazzjoni aerobika), għall-kuntrarju, il-bijodegradazzjoni hija baxxa, jew saħansitra ineżistenti, fis-saffi fondi tal-landfill, fejn hemm ftit ossiġenu. Madankollu, f’dawn is-saffi fondi, il-bijodegradazzjoni anaerobika hija possibbli. Minbarra dan, il-bijodegradazzjoni anaerobika tipproduċi l-metan, gass serra 25 darba iktar ta’ ħsara mid-diossidu tal-karbonju prodott mill-bijodegradazzjoni aerobika. Għaldaqstant, il-plastik li fih addittiv pro-ossidanti huwa kemxejn iktar problematiku mill-plastik konvenzjonali, għaliex, għall-kuntrarju ta’ dan tal-aħħar, huwa jista’ jipproduċi emissjonijiet ta’ gassijiet serra.

130    Fl-aħħar nett, skont l-istudju Eunomia, id-data xjentifika disponibbli ma hijiex biżżejjed biex jiġi ddeterminat jekk hemmx bijodegradazzjoni tal-plastik li fih addittiv pro-ossidanti fl-ambjent tal-baħar. L-imsemmi studju jsemmi, madankollu, li r-riżultati ta’ ċerti esperimenti jissuġġerixxu li, f’ambjent bħal dan, dan it-tip ta’ plastik jifframmenta ruħu iktar malajr mill-plastik konvenzjonali, iżda li l-bijodegradazzjoni tiegħu ssegwi ritmu ħafna iktar bil-mod milli fuq l-art, fil-miftuħ, li jfisser li tfarrik jista’ jibqa’ fl-ambjent b’mod indefinit jew għal perijodu twil biżżejjed sabiex jikkawża ħsara serja għall-ambjent.

131    It-tieni, skont ir-rapport tas‑16 ta’ Jannar 2018, li jirriproduċi l-konklużjonijiet tal-istudju Eunomia, espożizzjoni minn qabel tal-plastik li fih addittiv pro-ossidanti għas-sħana u/jew għar-radjazzjoni ultravjola hija kundizzjoni neċessarja sabiex, matul il-fażi sussegwenti, ikun hemm bijodegradazzjoni. Minn dan ir-rapport jirriżulta wkoll, fl-ewwel lok, li xejn ma jippermetti li jiġi konkluż b’ċertezza li l-bijodegradazzjoni fil-miftuħ ta’ dan it-tip ta’ plastik effettivament isseħħ f’sitwazzjoni reali. Fit-tieni lok, dejjem skont dan ir-rapport, il-bijodegradazzjoni tal-plastik li fih addittiv pro-ossidanti fil-landfill hija possibbli fis-saffi esterni tiegħu, iżda hija baxxa, jew saħansitra ineżistenti, fis-saffi fondi, fejn dan it-tip ta’ plastik ikun iktar problematiku mill-plastik konvenzjonali mill-perspettiva ta’ gassijiet serra. Fit-tielet lok, l-istess rapport jindika li d-data disponibbli ma tippermettix li jiġi affermat b’ċertezza li l-bijodegradazzjoni fl-ambjent tal-baħar isseħħ f’perijodu ta’ żmien raġonevoli u li, fi kwalunkwe każ, din probabbilment tkun ħafna iktar bil-mod milli fuq l-art, fil-miftuħ, u tikkawża danni ambjentali kunsiderevoli.

132    Issa, kemm l-istudju Eunomia kif ukoll ir-rapport tas‑16 ta’ Jannar 2018 kienu disponibbli għat-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati matul it-tfassil u l-adozzjoni tad-Direttiva 2019/904. Fil-fatt, huwa fis‑16 ta’ Jannar 2018, jiġifieri qabel l-adozzjoni, fil‑5 ta’ Ġunju 2019, ta’ din id-direttiva, li l-imsemmi rapport ġie ppreżentat mill-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill, skont l-Artikolu 20a(2) tad-Direttiva 94/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Diċembru 1994 dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 13, p. 349), kif emendata bid-Direttiva (UE) 2015/720 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2015 (ĠU 2015, Vol. 115, p. 11). Fir-rigward tal-istudju Eunomia, dan huwa l-bażi tar-rapport tas‑16 ta’ Jannar 2018, li jirreferi għalih diversi drabi. Minn dan jirriżulta li l-imsemmi studju kien, huwa wkoll, disponibbli għat-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati qabel il‑5 ta’ Ġunju 2019.

133    It-tielet, id-dikjarazzjoni oxo tikkonferma li ma ġiex stabbilit li l-plastik li fih addittiv pro-ossidanti huwa bijodegradabbli sew f’perijodu ta’ żmien raġonevoli. Din id-dikjarazzjoni, iffirmata minn diversi impriżi u organizzazzjonijiet professjonali, organizzazzjonijiet mhux governattivi, istituzzjonijiet, organi ta’ riċerka, xjenzati u membri tal-Parlament Ewropew, tinsab fis-sit internet tal-Fondazzjoni Ellen MacArthur, li l-għan tagħha huwa li tippromwovi l-ekonomija ċirkolari. Minn dan jirriżulta li huwa b’mod żbaljat li l-plastik li fih addittiv pro-ossidanti huwa kkummerċjalizzat bħala s-soluzzjoni għat-tniġġis mill-plastik u li huwa ppreżentat bħala bijodegradabbli f’perijodu ta’ żmien raġonevoli. Fil-fatt, wara l-frammentazzjoni tal-imsemmi plastik fi tfarrik, il-bijodegradazzjoni tiddependi mill-kundizzjonijiet ambjentali, li huma varjabbli, u ħafna drabi ddum iktar fit-tul, jew saħansitra ħafna iktar fit-tul, minn ftit xhur jew anki snin. Matul dan il-perijodu ta’ żmien, ikun għad hemm frammenti fl-ambjent, li jista’ jkollhom impatt negattiv fuqu u fuq is-saħħa tal-bniedem.

134    Ma huwiex importanti li l-verżjoni inizjali tad-dikjarazzjoni oxo, ippubblikata fis‑6 ta’ Novembru 2017 u miġbura fil-qosor fil-punt preċedenti, tneħħiet f’Ġunju 2018 mis-sit internet tal-Fondazzjoni Ellen MacArthur sabiex din il-fondazzjoni tkun tista’ teżamina l-ilment ta’ terz, u lanqas li l-imsemmija dikjarazzjoni ġiet emendata qabel ma tqegħdet online f’Mejju 2019. Fil-fatt, l-emendi li saru fl‑2019 jiċċaraw il-kontenut ta’ din id-dikjarazzjoni, iżda ma jbiddlux is-sens tagħha.

135    Issa, minn naħa, id-dikjarazzjoni oxo ġiet ippubblikata fis-sit internet tal-Fondazzjoni Ellen MacArthur, jiġifieri din hija fid-dominju pubbliku. Min-naħa l-oħra, tali pubblikazzjoni, kemm fir-rigward tal-verżjoni inizjali kif ukoll fir-rigward tal-verżjoni emendata tal-imsemmija dikjarazzjoni, tippreċedi l-adozzjoni, fil‑5 ta’ Ġunju 2019, tad-Direttiva 2019/904.

136    Barra minn hekk, ir-rapport tas‑16 ta’ Jannar 2018, li ġie stabbilit fil-punt 132 iktar ’il fuq li kien aċċessibbli għat-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati, jirreferi għad-dikjarazzjoni oxo.

137    Għaldaqstant, id-dikjarazzjoni oxo għandha titqies li kienet fid-dominju pubbliku u għalhekk aċċessibbli għat-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati waqt it-tfassil u l-adozzjoni tad-Direttiva 2019/904. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2010, Afton Chemical, C‑343/09, EU:C:2010:419, punt 39).

138    Ir-raba’, l-istudju De Wilde jikkonferma wkoll il-konklużjonijiet tal-istudju Eunomia u tar-rapport tas‑16 ta’ Jannar 2018 dwar il-bijodegradazzjoni tal-plastik li fih addittiv pro-ossidanti.

139    Fil-fatt, kif tirrileva l-Kummissjoni, mill-istudju De Wilde jirriżulta li, minkejja li żewġ artikli, wieħed ta’ I. Jakubowicz, N. Yarahmadi, u V. Arthurson, intitolat “Kinetics of abiotic and biotic degradability of low-density polyethylene containing prodegradant additives and its effect on the growth of Microbial communities” (“Kinetika tad-degradabbiltà abijotika u bijotika tal-polietilen ta’ densità baxxa li fiha addittivi pro-degradanti u l-effett tagħha fuq it-tkabbir tal-komunitajiet mikrobiċi”), ippubblikat f’Mejju 2011 (iktar ’il quddiem l-“istudju ta’ Jakubowicz tal‑2011”), u l-ieħor ta’ E. Chiellini, A. Corti u G. Swift, intitolat “Biodegradation of Thermally-oxidised, Fragmented Low-density Polyethylenes” (“Bijodegradazzjoni tal-polietilene ta’ densità baxxa, ifframmentata u ossidizzata bis-sħana”), tal‑2003 (iktar ’il quddiem l-“istudju ta’ Chiellini u Corti”), kienu indikaw perċentwali sinjifikattiva ta’ bijodegradazzjoni ta’ dan it-tip ta’ plastik, l-artikli l-oħra kollha disponibbli juru livell ta’ bijodegradazzjoni ineżistenti jew baxxa (ħafna). L-imsemmi studju jikkonkludi li l-kwistjoni dwar liema livell ta’ bijodegradazzjoni jista’ jilħaq il-plastik li fih addittiv pro-ossidanti hija s-suġġett ta’ dibattitu.

140    Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, is-sempliċi fatt li l-istudju De Wilde jmur lura għal Awwissu 2013 ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li dan l-istudju ma għadux validu. Fil-fatt, ir-rikorrenti, f’dan ir-rigward, sempliċement jagħmlu dikjarazzjoni ġenerali, mhux issostanzjata u mingħajr riferiment għal siltiet preċiżi tal-imsemmi studju.

141    Barra minn hekk, il-konklużjoni tal-istudju De Wilde dwar il-livell baxx, jekk mhux ineżistenti, ta’ bijodegradazzjoni miksuba mill-plastik li fih addittiv pro-ossidanti ma tistax tiġi invalidata mill-fatt li t-testijiet li fuqhom huwa bbażat twettqu fil-laboratorju u mhux f’ambjent reali. Fil-fatt, din iċ-ċirkustanza ttieħdet inkunsiderazzjoni mill-imsemmi studju. Barra minn hekk, jirriżulta, b’mod partikolari, mill-punti 127 u 133 iktar ’il fuq li l-kundizzjonijiet ambjentali huma varjabbli, u għalhekk diffiċli li jiġu riprodotti fil-laboratorju.

142    Fl-aħħar nett, minn naħa, l-istudju De Wilde ġie ppubblikat fuq l-internet, kif juri l-hyperlink li jinsab fin-nota ta’ qiegħ il-paġna tar-risposta tal-Kummissjoni, jiġifieri li huwa fid-dominju pubbliku. Min-naħa l-oħra, l-istudju Eunomia, li ġie stabbilit fil-punt 132 iktar ’il fuq li kien aċċessibbli għat-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati qabel l-adozzjoni tad-Direttiva 2019/904, jirreferi għall-istudju De Wilde. Minn dan jirriżulta li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 137 iktar ’il fuq, l-istudju De Wilde kien ukoll aċċessibbli għal dawn l-istituzzjonijiet waqt it-tfassil u l-adozzjoni tal-imsemmija direttiva.

143    Il-ħames, l-istudju tal-Università ta’ Loughborough ukoll isostni l-konklużjonijiet tal-istudju Eunomia u r-rapport tas‑16 ta’ Jannar 2018 dwar il-bijodegradazzjoni tal-plastik li fih addittiv pro-ossidanti.

144    Fil-fatt, kif jirrileva l-Parlament, mill-imsemmi studju jirriżulta li l-frammentazzjoni fi tfarrik ta’ dan it-tip ta’ plastik tiddependi mill-kundizzjonijiet ambjentali u li għalhekk huwa impossibbli li jiġi evalwat il-perijodu ta’ żmien neċessarju għal dan, iżda din madankollu tidher li ddum, fil-miftuħ u fil-kundizzjonijiet tar-Renju Unit, minn sentejn sa ħames snin. Skont l-istess studju, il-bijodegradazzjoni tal-plastik li fih addittiv pro-ossidanti, li tista’ sseħħ biss wara l-imsemmija frammentazzjoni, issir bil-mod ħafna, b’tali mod li l-kelma “bijodegradabbli” hija kważi bla sens, sakemm ma tkunx akkumpanjata minn indikazzjoni tar-rata ta’ bijodegradazzjoni u tal-kundizzjonijiet li fihom din isseħħ, u preferibbilment bi tqabbil ma’ standard rikonoxxut ħafna. L-istudju tal-Università ta’ Loughborough jirrakkomanda t-twettiq ta’ studji addizzjonali biex jiġi ddeterminat jekk hemmx bijodegradazzjoni sħiħa u, jekk dan ikun il-każ, f’liema perijodu ta’ żmien.

145    Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, mis-sempliċi fatt li l-istudju tal-Università ta’ Loughborough sar f’Jannar 2010 ma jistax jiġi dedott li dan ma għadux validu. Fil-fatt, ir-rikorrenti sempliċement jagħmlu, f’dan ir-rigward, dikjarazzjoni ġenerali, mingħajr ma jippreċiżaw liema aspetti ta’ dan l-istudju huma obsoleti u lanqas ma jipproduċu provi insostenn tal-affermazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, il-fatt li l-istudju tal-Università ta’ Loughborough jissemma diversi drabi fl-istudju Eunomia, li jġib id-data ta’ April 2017, pjuttost jissuġġerixxi li dan għadu validu.

146    Barra minn hekk, il-konklużjoni tal-istudju tal-Università ta’ Loughborough fir-rigward tal-inċertezza dwar il-bijodegradazzjoni tal-plastik li fih addittiv pro-ossidanti ma tistax tiġi kkontestata mid-dokument intitolat “OPA Response to Loughborough Report” (“Tweġiba tal-OPA għall-istudju tal-Università ta’ Loughborough”), prodott mir-rikorrenti bħala anness mar-replika tagħhom lill-Parlament u lill-Kunsill. Skont dan id-dokument, l-imsemmi studju ħawwad il-plastik li fih addittiv pro-ossidanti mal-plastik idrobijodegradabbli.

147    Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-prinċipju li jipprevali fid-dritt tal-Unjoni huwa dak tal-evalwazzjoni libera tal-provi, li jirregola l-proċeduri ta’ appell, u li l-uniku kriterju sabiex jiġi evalwat il-valur tal-provi prodotti jinsab fil-kredibbiltà tagħhom. Barra minn hekk, sabiex jiġi evalwat il-valur probatorju ta’ dokument, għandu jiġi vverifikat jekk l-informazzjoni inkluża fih hijiex plawżibbli u għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-oriġini ta’ dan id-dokument, iċ-ċirkustanzi li fihom tħejja, id-destinatarju tiegħu, u jekk, abbażi tal-kontenut tiegħu, jidhirx li huwa raġonevoli u affidabbli (sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2019, GMPO vs Il‑Kummissjoni, T‑733/17, EU:T:2019:334, punt 60).

148    Issa, kif isostni, mingħajr ma ġie kontradett, il-Parlament, id-dokument imsemmi fil-punt 146 iktar ’il fuq għandu bħala awtur l-Oxo- Biodegradable Plastics Association (OPX), li l-uniċi diriġenti attivi tiegħu huma d-direttur finanzjarju u d-direttur ta’ Symphony Environmental. Barra minn hekk, l-imsemmi dokument ma huwa akkumpanjat minn ebda prova li ssostni l-affermazzjonijiet li jinsabu fih.

149    Għaldaqstant, id-dokument inkwistjoni għandu biss valur probatorju dgħajjef (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2017, Bank Tejarat vs Il‑Kunsill, T‑346/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:164, punti 85 u 86).

150    Fl-aħħar nett, minn naħa, l-istudju tal-Università ta’ Loughborough huwa disponibbli fuq is-sit internet tad-Dipartiment għall-Ambjent, għall-Ikel u għall-Affarijiet Rurali tal-Gvern tar-Renju Unit. Min-naħa l-oħra, l-imsemmi studju huwa ċċitat diversi drabi mill-istudju Eunomia, li fil-punt 132 iktar ’il fuq ġie stabbilit li kien disponibbli għat-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati qabel l-adozzjoni tad-Direttiva 2019/904. Minn dan jirriżulta li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 137 iktar ’il fuq, l-istudju tal-Università ta’ Loughborough kien, huwa wkoll, aċċessibbli għal dawn l-istituzzjonijiet.

151    Mill-punti 124 sa 150 iktar ’il fuq jirriżulta li, waqt it-tfassil u l-adozzjoni tad-Direttiva 2019/904, it-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati kellhom evalwazzjoni xjentifika eżawrjenti tar-riskju li l-plastik li fih addittiv pro-ossidanti ma huwiex bijodegrabbli sew, u li huma setgħu, mingħajr ma jwettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni, iqisu tali riskju bħala stabbilit.

152    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument tar-rikorrenti li l-istudju Eunomia, ir-rapport tas‑16 ta’ Jannar 2018 u d-dikjarazzjoni oxo ma jiħdux inkunsiderazzjoni d-distinzjoni bejn plastik ossodegradabbli u plastik ossobijodegradabbli. Kif indikat fil-punt 14 iktar ’il fuq, il-bijodegradazzjoni ħafna iktar malajr tat-tieni tip ta’ plastik u, għaldaqstant, l-eżistenza ta’ distinzjoni bejn plastik ossodegradabbli u plastik ossobijodegradabbli hija, skont ir-rikorrenti, stabbilita minn diversi provi, li huma jilmentaw li t-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati li ma ħadux inkunsiderazzjoni. Il-provi disponibbli huma li ġejjin: l-ewwel, il-punti 23 u 24 tax-xhieda tal-President-Direttur Ġenerali tar-rikorrenti, tas‑16 ta’ Diċembru 2020 (iktar ’il quddiem id-“xhieda tal-President-Direttur Ġenerali tar-rikorrenti”); it-tieni, opinjoni dwar it-teknoloġija relatata mal-plastik ossobijodegradabbli, tat‑2 ta’ Novembru 2018 (iktar ’il quddiem l-“opinjoni tat‑2 ta’ Novembru 2018”); it-tielet, l-istudju mwettaq mill-Queen Mary University of London, intitolat “Microbial Degradation of Plastic in Aqueous Solutions demonstrated by CO2 Evolution and Quantification” (“Degradazzjoni mikrobika tal-plastik f’soluzzjonijiet tal-ilma, murija mill-evoluzzjoni u l-kwantifikazzjoni taċ-CO2”), ippubblikat fl‑2020 (iktar ’il quddiem l-“istudju tal-Queen Mary University”); ir-raba’, ir-rapport tal-Laboratoire d’Océanographie Microbienne de Banyuls-sur-Mer, (Franza), tal‑4 ta’ Settembru 2020; il-ħames, ir-risposta ta’ Ignacy Jakubowicz, tal‑21 ta’ Awwissu 2017, għal dokument tal-Fondazzjoni Ellen MacArthur dwar l-addittivi ossodegradabbli u fotodegradabbli li jinsabu fil-plastik (iktar ’il quddiem ir-“risposta ta’ I. Jakubowicz għall-Fondazzjoni Ellen MacArthur”); is-sitt, ix-xhieda tax-xjenzat anzjan ta’ Symphony Environmental, tat‑23 ta’ Ġunju 2021 (iktar ’il quddiem “ix-xhieda tax-xjenzat anzjan ta’ Symphony Environmental”), u, s-seba’, l-istudju mwettaq mil-Laboratoire d’Océanographie Microbienne de Banyuls-sur-Mer, intitolat “Degradation, Biodegradation and toxicity of Oxo-biodegradable Plastics in the oceans” (“Degradazzjoni, bijodegradazzjoni u tossiċità tal-plastiks ossobijodegradabbli fl-oċeani”), tal‑10 ta’ Marzu 2021 (iktar ’il quddiem l-“istudju Oxomar”).

153    L-ewwel, fir-rigward tal-punti 23 u 24 tax-xhieda tal-President-Direttur Ġenerali tar-rikorrenti, dan jafferma, fir-rigward tal-bijodegradazzjoni tal-plastik li fih addittiv pro-ossidanti, li t-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati ma wrewx li dan it-tip ta’ plastik ma huwiex bijodegradabbli sew; għalhekk, projbizzjoni totali tat-tqegħid fis-suq ma hijiex iġġustifikata; li l-imsemmija istituzzjonijiet ma evalwawx b’mod suffiċjenti l-konsegwenzi ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-intervent tagħhom, u li ma stabbilixxewx li l-prodotti tal-plastik li fih addittiv pro-ossidanti jinsabu fost l-iktar skart li jinstab ta’ spiss fuq il-bajjiet. Il-President-Direttur Ġenerali tar-rikorrenti jenfasizza wkoll li t-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati bl-ebda mod ma ħadu inkunsiderazzjoni l-opinjoni tal-ECHA, li ma kinitx konvinta li l-imsemmi plastik kien jifframmenta ruħu f’mikroplastiċi.

154    Madankollu, il-legalità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata skont punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data meta jkun ġie adottat l-att. B’mod partikolari, l-evalwazzjonijiet kumplessi magħmula mill-awtur tiegħu għandhom jiġu eżaminati biss abbażi tal-elementi li huwa kellu għad-dispożizzjoni tiegħu fil-mument meta għamel tali evalwazzjonijiet (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2018, Apimab Laboratoires et vs Il‑Kummissjoni, T‑14/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:524, punti 124 u 137).

155    Għaldaqstant, it-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati ma jistgħux jiġu kkritikati li ma ħadux inkunsiderazzjoni x-xhieda tal-President-Direttur Ġenerali tar-rikorrenti, peress li din ġiet stabbilita speċifikament għal dan ir-rikors u għalhekk ġiet wara l-adozzjoni tad-Direttiva 2019/904.

156    Barra minn hekk, ix-xhieda inkwistjoni toriġina mill-President-Direttur Ġenerali tar-rikorrenti. Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 147 u 149 iktar ’il fuq, l-awtur tagħha ma jistax jiġi kklassifikat bħala indipendenti minnhom u għalhekk din ix-xhieda għandha biss valur probatorju dgħajjef.

157    Ċertament, insostenn tal-affermazzjonijiet tiegħu, il-President-Direttur Ġenerali tar-rikorrenti jinvoka tliet dokumenti annessi max-xhieda tiegħu, jiġifieri, l-ewwel, studju mwettaq minn Eunomia Research & Consulting, intitolat “Analysis of Branded Items found on UK beaches” (“Analiżi tal-oġġetti bi trade mark li nstabu fuq il-bajjiet tar-Renju Unit”), tad‑9 ta’ Mejju 2019, it-tieni, messaġġ elettroniku mibgħut minn aġent tal-ECHA lir-rikorrenti, tat‑30 ta’ Ottubru 2018 u, it-tielet, l-ittra tat‑30 ta’ April 2019, imsemmija fil-punti 35 u 55 iktar ’il fuq.

158    Fir-rigward tal-istudju msemmi fil-punt 157 iktar ’il fuq, il-President-Direttur Ġenerali tar-rikorrenti jsostni li dan l-istudju ma identifika l-ebda prodott tal-plastik li fih addittiv pro-ossidanti fost l-iskart misjub fuq il-bajjiet tar-Renju Unit. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-uniku għan ta’ dan l-istudju huwa li jiġu identifikati t-trade marks tad-diversi oġġetti misjuba fuq dawn il-bajjiet, sabiex jiġi ddeterminat liema impriżi qiegħdu dawn l-oġġetti fis-suq. Għaldaqstant, dan l-istudju ma jippreċiżax it-tipi ta’ plastik li minnhom huma komposti, jekk ikun il-każ, l-oġġetti misjuba.

159    Fir-rigward tal-messaġġ elettroniku msemmi fil-punt 157 iktar ’il fuq, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li din l-aġenzija tindika fih li ma hijiex “f’dan l-istadju, konvinta li l-mikroplastiċi jifformaw ruħhom” mill-plastik li fih addittiv pro-ossidanti, filwaqt li huwa ppreċiżat li l-kelma “mikroplastiċi” ġeneralment tirreferi għal frammenti ta’ inqas minn 5 mm, li għandhom it-tendenza li jakkumulaw fl-ambjent minflok ma sseħħ il-bijodegradazzjoni tagħhom fi żmien raġonevoli. Għaldaqstant, dan il-messaġġ elettroniku ma jistax jitqies bħala teħid ta’ pożizzjoni soda tal-ECHA. Għall-kuntrarju, sa fejn l-ECHA tindika li għandha bżonn perijodu ta’ żmien addizzjonali sabiex tiddetermina jekk l-informazzjoni rċevuta turix il-formazzjoni ta’ mikroplastiċi u li għandha l-intenzjoni li titlob informazzjoni addizzjonali mingħand ir-rikorrenti, l-imsemmi messaġġ elettroniku juri d-dubji tal-ECHA dwar dan il-punt.

160    Fir-rigward tal-ittra tat‑30 ta’ April 2019, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni titlob lill-ECHA sabiex ittemm il-proċedura ta’ restrizzjoni mibdija skont l-Artikoli 68 sa 73 tar-Regolament REACH. Madankollu, l-imsemmija ittra ma tistax titqies li hija l-espressjoni ta’ nuqqas ta’ interess tal-Kummissjoni għall-kisba ta’ data xjentifika, peress li, kif jirriżulta mill-punt 121 iktar ’il fuq, hija tista’ tiġbor data xjentifika mingħand sorsi oħra.

161    Għaldaqstant, it-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati ma jistgħux jiġu kkritikati li ma ħadux inkunsiderazzjoni l-punti 23 u 24 tax-xhieda tal-President-Direttur Ġenerali tar-rikorrenti.

162    It-tieni, fir-rigward tal-opinjoni tat‑2 ta’ Novembru 2018, ir-rikorrenti jgħidu li huma jibbażaw ruħhom fuq il-provi ċċitati fl-imsemmija opinjoni. Dawn huma, minn naħa, studju mwettaq minn B. Eyheraguibel u oħrajn, intitolat “Characterisation of oxidised oligomers from polyethylene films by mass spectometry and NMR spectroscopy before and after biodegradation by a Rhodococcus rhodochrous strain” (“Karatterizzazzjoni ta’ oligomeri ossidizzati minn films tal-polietilen permezz ta’ spettrometrija tal-massa u spettroskopija NMR qabel u wara l-bijodegradazzjoni minn razza Rhodococcus rhodochrous”), tat‑23 ta’ Mejju 2017, li jikkonstata rata ta’ bijodegradazzjoni ta’ 95 % għal kampjun ta’ polietilen ta’ densità għolja li fih addittiv pro-ossidanti, wara espożizzjoni ta’ 240 jum għal batterju speċifiku tal-ħamrija. Min-naħa l-oħra, skont l-opinjoni tat‑2 ta’ Novembru 2018, studju mwettaq minn C. Dussud u oħrajn, intitolat “Colonization of Non-biodegradable and Biodegradable Plastics by Marine Microorganisms” (“Kolonizzazzjoni ta’ mikro-organiżmi tal-baħar fuq plastik mhux bijodegradabbli u bijodegradabbli”), tat‑18 ta’ Lulju 2018, jikkonkludi li l-kolonizzazzjoni tal-kampjuni tal-plastik li fih addittiv pro-ossidanti hija, wara 6 ġimgħat ta’ espożizzjoni għal ċerti batterji tal-baħar, 30 darbiet ogħla mill-kolonizzazzjoni tal-kampjuni ta’ plastik konvenzjonali.

163    Issa, għalkemm it-test tar-rikors jista’ jiġi sostnut u kkompletat, fir-rigward ta’ punti speċifiċi, b’riferimenti għal siltiet partikolari minn dokumenti li jkunu annessi miegħu, riferiment globali għal dokumenti oħra, anki annessi mar-rikors, ma jistax jikkumpensa għall-assenza tal-elementi essenzjali tal-argument ġuridiku, li, skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, għandhom ikunu fir-rikors. Barra minn hekk, ma huwiex id-dmir tal-Qorti Ġenerali li tfittex u tidentifika, fl-annessi, il-motivi u l-argumenti li fuqhom hija tista’ tikkunsidra li huwa bbażat ir-rikors, peress li l-annessi għandhom funzjoni purament probatorja u strumentali (sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il‑Kummissjoni, C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punti 40 u 41, u tal‑15 ta’ Ottubru 2020, Zhejiang Jiuli Hi-Tech Metals vs Il‑Kummissjoni, T‑307/18, non publié, EU:T:2020:487, punt 239).

164    F’dan il-każ, l-uniku riferiment, fir-rikors, għall-opinjoni tat‑2 ta’ Novembru 2018 huwa riferiment, f’nota ta’ qiegħ il-paġna, għall-anness ta’ 14-il paġna li jinkludi dan l-avviż. F’din in-nota ta’ qiegħ il-paġna, ir-rikorrenti sempliċement jindikaw dan li ġej: “[a]ra, pereżempju, il-provi ċċitati fl-[opinjoni tat‑2 ta’ Novembru 2018]”. L-iktar l-iktar, ir-rikorrenti josservaw, fl-istess nota ta’ qiegħ il-paġna, li din l-opinjoni issaħħaħ il-konklużjoni tagħhom li “l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5 hija bbażata fuq bażi żbaljata u/jew insuffiċjentement fondata, sa fejn din tapplika għall-plastik ossobijodegradabbli”, u li tenfasizza “l-kwistjonijiet li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni”. Fir-repliki tagħhom lill-Parlament, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, ir-rikorrenti sempliċement jew għamlu riferiment ġenerali għall-anness li jinkludi l-opinjoni tat‑2 ta’ Novembru 2018, jew inkella għamlu riferiment għal 6 paġni tal-imsemmija opinjoni, mingħajr ma ppreċiżaw liema huwa l-argument rilevanti f’dawn is-6 paġni.

165    Barra minn hekk, peress li l-imsemmija opinjoni tfasslet minn avukat mingħajr ebda taħriġ xjentifiku, din ma tistax tingħadd mal-aħjar data xjentifika disponibbli fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 119 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, minkejja li l-imsemmi avukat qal li ġie inkoraġġut jaġixxi bħala qorti indipendenti u jesprimi r-riżervi tiegħu meta jirrediġi l-opinjoni tiegħu, xorta jibqa’ l-fatt li huwa inkarigat u mħallas minn Symphony Environmental Technologies sabiex ifassal din l-opinjoni. Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 147 u 149 iktar ’il fuq, jista’ jiġi attribwit biss valur probatorju dgħajjef għall-opinjoni inkwistjoni.

166    Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li l-provi ċċitati fl-opinjoni tat‑2 ta’ Novembru 2018 ma humiex prodotti fl-anness ta’ din l-opinjoni. It-tieni studju, jiġifieri dak ta’ C. Dussud u oħrajn, ma jinsabx fl-atti tal-proċess, filwaqt li l-ewwel studju, jiġifieri dak ta’ B. Eyheraguibel u oħrajn, jidher fihom biss għaliex ġie prodott mir-rikorrenti fl-istadju tar-replika. Għaldaqstant, ma huwiex possibbli li tiġi vverifikata b’eżattezza l-affidabbiltà ta’ din l-opinjoni.

167    Għaldaqstant, it-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati ma jistgħux jiġu kkritikati li ma ħadux inkunsiderazzjoni l-opinjoni tat‑2 ta’ Novembru 2018.

168    It-tielet, fir-rigward tal-istudju tal-Queen Mary University, ir-rikorrenti jibbażaw ruħhom fuq silta tiegħu, minn fejn jirriżulta li, f’soluzzjoni tal-ilma, dan it-tip ta’ plastik jiddiżintegra ruħu 90 darba iktar malajr mill-plastik konvenzjonali.

169    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-istudju tal-Queen Mary University jindika li applika metodu ġdid biex jittestja l-bijodegradabbiltà ta’ kampjun tal-plastik li fih addittiv pro-ossidanti. Dan il-metodu ġdid ma jikkonsistix fit-tqegħid tal-imsemmi kampjun fil-ħamrija, jiġifieri f’ambjent li la hija magħrufa l-konċentrazzjoni ta’ batterji u lanqas it-tip ta’ batterji li fih, iżda jikkonsisti fit-tqegħid ta’ batterju speċifiku fuq il-kampjun. Bl-applikazzjoni ta’ dan il-metodu, il-Queen Mary University tgħid li kkonstatat li tali kampjun, li ġie espost għal radjazzjoni ultravjola għal 450 siegħa, imbagħad għal batterju speċifiku tal-ħamrija, jindika wara 35 jum bijodegradazzjoni, 90 darba ogħla minn dik ta’ kampjun ta’ plastik konvenzjonali suġġett għall-istess trattament.

170    Madankollu, għalkemm it-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati ma ħadux inkunsiderazzjoni l-istudju tal-Queen Mary University li ma kienx għadu disponibbli, huma kkunsidraw tal-inqas il-kontenut tiegħu. Fil-fatt l-istudju Eunomia jirreferi għal informazzjoni kkomunikata minn Dr. R. Rose, li hija waħda mill-awturi tal-istudju tal-Queen Mary University. F’dan ir-rigward, l-istudju Eunomia jenfasizza li l-metodu użat mill-Queen Mary University huwa ’l bogħod mill-ksib ta’ unanimità u li ma huwiex ċert li r-riżultati osservati fil-laboratorju minn din l-università jistgħu jinkisbu f’sitwazzjoni reali.

171    Barra minn hekk, l-istudju tal-Queen Mary University sar wara l-adozzjoni tad-Direttiva 2019/904, peress li dan sar f’Awwissu 2019 u ġie ppubblikat fl‑2020. Għaldaqstant, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 154 iktar ’il fuq, it-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati ma jistgħux jiġu kkritikati li ma ħadux inkunsiderazzjoni l-imsemmi studju.

172    Ir-raba’, fir-rigward tar-rapport tal-laboratorju ta’ Banyuls-sur-Mer, ir-rikorrenti jenfasizzaw li dan jindika li l-plastik li fih addittiv pro-ossidanti, b’mod partikolari dak prodott mir-rikorrenti, huwa bijodegradabbli fl-ambjent tal-baħar u dan b’mod ħafna iktar effikaċi mill-plastik konvenzjonali.

173    Madankollu, ir-rapport tal-laboratorju ta’ Banyuls-sur-Mer, tal‑4 ta’ Settembru 2020, huwa sussegwenti għall-adozzjoni tad-Direttiva 2019/904. Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 154 iktar ’il fuq, dan ma setax jittieħed inkunsiderazzjoni mit-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati. Fi kwalunkwe każ, l-imsemmi rapport ma huwiex studju xjentifiku li jippreżenta r-riżultati tat-testijiet imwettqa, iżda dokument ta’ paġna u nofs li jippreżenta proġett imsejjaħ Oxomar.

174    Il-ħames, ir-rikorrenti jibbażaw ruħhom fuq it-tweġiba ta’ I. Jakubowicz, professur assoċjat tar-Research Institutes of Sweden (RISE), lill-Fondazzjoni Ellen MacArthur. Huwa jindika li, fil-fehma tiegħu, “[i]l-proċess ta’ degradazzjoni [tal-plastik li fih addittiv pro-ossidanti] ma huwiex limitat għal frammentazzjoni, iżda jikkonsisti f’bidla sħiħa tal-materjal[:] il-polimeru ta’ piż molekulari għoli jifframmenta ruħu f’biċċiet monomeri u oligomeri, il-molekuli idrokarburi jsiru molekuli li fihom l-ossiġenu, li jistgħu jkunu bijoassorbiti”.

175    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li t-tweġiba ta’ I. Jakubowicz lill-Fondazzjoni Ellen MacArthur hija sempliċi dikjarazzjoni ta’ paġna u nofs, li ma tirreferi għal ebda studju xjentifiku. Anki jekk, kif tirrileva l-Kummissjoni, l-imsemmija tweġiba hija bbażata fuq żewġ artikli preċedenti, jiġifieri l-istudju ta’ Jakubowicz tal‑2011 u dak ta’ Chiellini u Corti, ġie rrilevat fil-punt 139 iktar ’il fuq li, skont l-istudju De Wilde, l-opinjoni espressa minn dawn iż-żewġ artikli hija singolari. Barra minn hekk, l-imsemmija artikli huma debitament imsemmija fl-istudju Eunomia.

176    Għaldaqstant, it-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati ma jistgħux jiġu kkritikati li ma ħadux inkunsiderazzjoni t-tweġiba ta’ I. Jakubowicz lill-Fondazzjoni Ellen MacArthur.

177    Is-sitt, fir-rigward tax-xhieda tax-xjenzat anzjan ta’ Symphony Environmental, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jibbażaw ruħhom fuqha sabiex iwieġbu għall-provi prodotti mit-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati fit-tweġiba tagħhom, jiġifieri, sabiex jistabbilixxu li teżisti distinzjoni bejn plastik ossodegradabbli u plastik ossobijodegradabbli. Ix-xjenzat anzjan ta’ Symphony Environmental jirrileva, l-ewwel, li l-istandard TR 15351, imfassal mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) u msemmi fl-istudju Eunomia, jiddistingwi l-ossodegradazzjoni, iddefinita bħala “degradazzjoni li tirriżulta mill-frazzjonament ossidattiv tal-makromolekuli”, mill-ossobijodegradazzjoni, iddefinita bħala “degradazzjoni li tirriżulta minn fenomeni ossidattivi u ffaċilitat permezz ta’ ċelluli, simultanjament jew suċċessivament”. It-tieni, il-kompożizzjoni kimika tal-plastik ossodegradabbli hija differenti minn dik tal-plastik ossobijodegradabbli, peress li l-addittiv pro-ossidanti li fih it-tieni wieħed jippermettilu jissodisfa d-definizzjoni tal-ossobijodegradazzjoni tal-istandard TR 15351. It-tielet, għalkemm ma hemm l-ebda standard Ewropew dwar l-ossobijodegradazzjoni, diversi standards u metodi nazzjonali jiddistingwu bejn plastik ossodegradabbli u plastik ossobijodegradabbli. Ir-raba’, diversi xjenzati jsostnu l-eżistenza ta’ tali distinzjoni.

178    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jibbażaw ruħhom fuq l-imsemmija xhieda sabiex jistabbilixxu li l-plastik li fih addittiv pro-ossidanti huwa bijodegradabbli. Ix-xjenzat anzjan ta’ Symphony Environmental jargumenta, l-ewwel, li l-istudju Eunomia jirrikonoxxi li l-kwistjoni kruċjali ma hijiex jekk dan it-tip ta’ plastik ikollux bijodegradazzjoni sħiħa, iżda jekk il-perijodu ta’ żmien meħtieġ għaliha jistax jitqies aċċettabbli. It-tieni, il-bijodegradabbiltà tal-plastik li fih addittiv pro-ossidanti hija stabbilita permezz ta’ diversi provi. It-tielet, huwa impossibbli li tiġi ttestjata l-bijodegradazzjoni f’ambjent reali u l-kundizzjonijiet fil-laboratorju huma ġeneralment inqas favorevoli għall-bijodegradazzjoni mill-kundizzjonijiet reali. Ir-raba’, diversi studji juru l-bijodegradabbiltà fl-ambjent tal-baħar tal-imsemmi plastik.

179     Għandu jiġi rrilevat li x-xhieda tax-xjenzat anzjan ta’ Symphony Environmental toriġina minn impjegat ta’ waħda mir-rikorrenti, responsabbli mill-prodott d2w, li ġiet stabbilita fuq talba tar-rikorrenti u speċifikament għal dan ir-rikors, u li hija intiża sabiex tiddefendi l-interessi tagħhom. Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 147 u 149 iktar ’il fuq, din għandha biss valur probatorju dgħajjef. Barra minn hekk, peress li l-imsemmija xhieda ngħatat wara l-adozzjoni tad-Direttiva 2019/904, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 154 iktar ’il fuq, it-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati ma jistgħux jiġu kkritikati li ma ħaduhiex inkunsiderazzjoni.

180    Huwa minnu li l-affermazzjonijiet tax-xjenzat anzjan ta’ Symphony Environmental huma sostnuti minn dokumenti annessi max-xhieda tiegħu u li, fir-replika tagħhom, ir-rikorrenti jibbażaw ruħhom fuq tlieta minn dawn l-annessi, jiġifieri: fl-ewwel lok, ir-rapport imħejji mil-laboratorju Intertek għall-ECHA, intitolat “Oxo-biodegradable plastics and the microplastics: towards a logical approach” (“Il-plastik ossobijodegradabbli u l-mikroplastiċi: lejn approċċ loġiku”), tal‑24 ta’ Mejju 2018 (iktar ’il quddiem ir-“rapport tal-laboratorju Intertek”); fit-tieni lok, kontribuzzjoni redatta minn xjenzat, intitolata “Evidence in Response to the UK Government’s July 2019 Call for Evidence on Standards for Bio-Based, Biodegradable, and Compostable Plastics” (“Provi b’risposta għas-sejħa għal kontribuzzjonijiet imnedija f’Lulju 2019 tal-Gvern Brittaniku dwar l-istandards għall-plastiks b’bażi bijoloġika, bijodegradabbli u kompostabbli”), tas‑7 ta’ Ottubru 2019 (iktar ’il quddiem il-“kontribuzzjoni tas‑7 ta’ Ottubru 2019”), u, fit-tielet lok, ir-riżultat ta’ test imwettaq mil-laboratorju Eurofins fil‑25 ta’ Lulju 2017 (iktar’ il quddiem it-“test tal-laboratorju Eurofins tal‑25 ta’ Lulju 2017”).

181    Madankollu, u fi kwalunkwe każ, l-ebda wieħed minn dawn it-tliet annessi għax-xhieda tax-xjenzat anzjan ta’ Symphony Environmental ma jsostni b’mod utli l-argument tar-rikorrenti.

182    Fil-fatt, fir-rigward tar-rapport tal-laboratorju Intertek, li jirrileva, b’mod partikolari, li “tkun xi tkun il-veloċità tad-degradazzjoni [tal-plastik ossobijodegradabbli], din isseħħ b’rata iktar mgħaġġla minn dik tal-plastik konvenzjonali” u li “d-differenzi bejn ir-riżultati tal-ftit studji li twettqu sa issa, huma kwistjoni ta’ grad”, għandu jiġi enfasizzat li dan ir-rapport tħejja fuq talba ta’ Symphony Environmental. Għaldaqstant, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 147 u 149 iktar ’il fuq, jista’ biss jiġi rrikonoxxut lill-imsemmi rapport valur probatorju dgħajjef.

183    Fir-rigward tal-kontribuzzjoni tas‑7 ta’ Ottubru 2019, li tikkonkludi li “[h]uwa improbabbli ħafna li l-formazzjoni ta’ mikroplastiċi sseħħ fil-każ ta’ plastik ossobijodegradabbli”, għandu jiġi ppreċiżat li din hija sussegwenti għall-adozzjoni tad-Direttiva 2019/904. Skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 154 iktar ’il fuq, l-istituzzjonijiet ma jistgħux jiġu kkritikati li ma ħaduhiex inkunsiderazzjoni. Fi kwalunkwe każ, il-kontribuzzjoni tas‑7 ta’ Ottubru 2019 ma hijiex studju xjentifiku li jippreżenta r-riżultati tat-testijiet, iżda sempliċi dikjarazzjoni ta’ 6 paġni, imfassla bi tweġiba għal sejħa għal kontribuzzjonijiet tal-Gvern tar-Renju Unit dwar ir-regoli relatati mal-plastik b’bażi bijoloġika, bijodegradabbli u kompostabbli.

184    Fir-rigward tat-test tal-laboratorju Eurofins tal‑25 ta’ Lulju 2017, imwettaq fuq kampjun ta’ plastik li fih it-taħlita prinċipali d2w tar-rikorrenti, dan juri rata ta’ bijodegradazzjoni ta’ 88.86 %, miksuba f’121 jum. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-frammentazzjoni u l-assorbiment tal-plastik minn mikro-organiżmi jiddependu mill-kundizzjonijiet ambjentali. Issa, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-punti 127 u 133 iktar ’il fuq, l-imsemmija kundizzjonijiet huma varjabbli u ma jikkorrispondux għall-kundizzjonijiet ta’ test imwettaq fil-laboratorju. Għaldaqstant, il-fatt li rata ta’ bijodegradazzjoni ta’ 88.86 % inkisbet fil-laboratorju ma jistabbilixxix li l-istess rata ser tinkiseb, fl-istess perijodu ta’ żmien, f’sitwazzjoni reali.

185    Għaldaqstant, it-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati ma jistgħux jiġu kkritikati li ma ħadux inkunsiderazzjoni x-xhieda tax-xjenzat anzjan ta’ Symphony Environmental, tar-rapport tal-laboratorju Intertek, tal-kontribuzzjoni tas‑7 ta’ Ottubru 2019 u tat-test tal-laboratorju Eurofins tal‑25 ta’ Lulju 2017.

186    Is-seba’, fir-rigward tal-istudju Oxomar, prodott bħala anness għax-xhieda tax-xjenzat anzjan ta’ Symphony Environmental, l-awturi tiegħu jikkonkludu li ċerti elementi juru li l-plastik li fih addittiv pro-ossidanti huwa bijodegradabbli fl-ambjent tal-baħar. Madankollu, huma jinjoraw jekk tali bijodegradazzjoni hijiex sħiħa.

187    Madankollu, l-istudju Oxomar, tal‑10 ta’ Marzu 2021, huwa sussegwenti għall-adozzjoni tad-Direttiva 2019/904. Skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 154 iktar ’il fuq, l-istituzzjonijiet ma jistgħux jiġu kkritikati li ma ħaduhx inkunsiderazzjoni.

188    Barra minn hekk, l-imsemmi studju ma jistabbilixxix li l-plastik li fih addittiv pro-ossidanti jgħaddi minn bijodegradazzjoni sħiħa fl-ambjent tal-baħar fi żmien 2 snin. Għaldaqstant, ma jistax jiġi kkunsidrat li dan jinvalida, b’mod partikolari, il-konklużjonijiet tal-istudju Eunomia fuq dan il-punt.

189    Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li, insostenn tal-argument tagħhom imsemmi fil-punt 152 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-istandard l-iktar użat fl-Ewropa sabiex tiġi ttestjata l-bijodegradabbiltà tal-plastik, jiġifieri l-istandard EN 13432, ma huwiex rilevanti fir-rigward tal-plastik li fih addittiv pro-ossidanti.

190    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma jallegawx li l-plastik li fih it-taħlit prinċipali d2w tagħhom jissodisfa l-istandard EN 13432, li l-istudju Eunomia jippreċiża li dan jeħtieġ, fir-rigward tad-degradazzjoni aerobika, rata ta’ konverżjoni f’diossidu tal-karbonju u f’bijomassa ta’ mill-inqas 90 % f’perijodu massimu ta’ 6 xhur.

191    Huma jallegaw li l-istandard EN 13432 jevalwa l-bijodegradazzjoni ta’ kampjun tal-plastik f’kundizzjonijiet partikolari, jiġifieri dawk tal-kompostaġġ industrijali. Minn dan huma jiddeduċu li, sa fejn il-plastik li fih it-taħlita prinċipali d2w ma huwiex prodott sabiex jiġi kompost u sa fejn ma huwiex ikkummerċjalizzat bħala kompostabbli, l-istandard EN 13432 ma huwiex rilevanti sabiex tiġi evalwata l-bijodegradazzjoni tiegħu. Huwa l-istandard Amerikan ASTM D 6954 li għandu jintuża sabiex titkejjel il-bijodegradazzjoni ta’ dan it-tip ta’ plastik, peress li dan huwa maħluq għal bijodegradazzjoni fil-miftuħ, u mhux fil-kundizzjonijiet partikolari tal-kompostaġġ industrijali.

192    Huwa minnu li l-istudju Eunomia jindika li, fil-livell tal-Unjoni, ma hemmx wieħed, iżda diversi standards li jippermettu li tiġi evalwata l-bijodegradabbiltà tal-plastik, li wħud minnhom huma metodi sempliċi, li xi wħud minnhom huma nazzjonali u huma f’evoluzzjoni kontinwa.

193    Huwa minnu wkoll li, peress li kull ambjent (kompostaġġ industrijali, ilma ħelu, ambjent tal-baħar, ħamrija u landfill) għandu l-kundizzjonijiet partikolari tiegħu stess, l-istandards li jippermettu li titkejjel il-bijodegradazzjoni f’ambjent partikolari ma jippermettux li dan jitkejjel fl-ambjenti l-oħra. Għalhekk, l-istudju Eunomia jindika li l-istandards applikabbli għall-bijodegradazzjoni permezz tal-kompostaġġ, fosthom l-istandard EN 13432, huma differenti mill-istandards għall-kejl tal-bijodegradazzjoni tal-ilma ħelu, fl-ambjent tal-baħar jew fil-ħamrija, kif ukoll mill-istandards maħsuba biex ikejlu d-degradazzjoni tal-plastik li fih addittiv pro-ossidanti. Dawn tal-aħħar ġew żviluppata reċentement. Fosthom hemm l-istandard Amerikan ASTM D 6954, l-istandard Britanniku BS 8472 :2011 u l-istandard Franċiż AC T 51–808. L-istess studju jispeċifika li l-iżvilupp ta’ standards li jkejlu b’mod speċifiku d-degradazzjoni tal-plastik li fih addittiv pro-ossidanti huwa spjegat mill-fatt li l-ebda waħda mill-istandards l-oħra ma teħtieġ espożizzjoni minn qabel tal-kampjun għal radjazzjoni ultravjola u/jew għas-sħana, filwaqt li, fin-nuqqas ta’ tali espożizzjoni minn qabel, huwa kważi ċert li l-kampjun ma jkunx bijodegrabbli.

194    L-istudju Eunomia jispeċifika wkoll li l-produtturi tal-plastik li fih addittiv pro-ossidanti ma jikkummerċjalizzawhx bħala kompostabbli, skont l-istandard EN 13432, iżda jsostnu, għall-kuntrarju, li ma huwiex kompostabbli.

195    Fl-aħħar nett, mistoqsija permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, it-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati qablu li l-istandard EN 13432 kien rilevanti sabiex tiġi evalwata l-bijodegradazzjoni tal-plastik permezz tal-kompostaġġ industrijali, iżda li standards oħra setgħu, skont l-użu previst, ikunu rilevanti sabiex tiġi evalwata l-bijodegradazzjoni tiegħu.

196    Madankollu, kif jirrileva l-istudju Eunomia, l-uniku ambjent li l-kundizzjonijiet tiegħu jistgħu jiġu riprodotti b’mod sodisfaċenti fil-laboratorju huwa l-kompostaġġ, għaliex dan huwa proċess industrijali, li huwa, bħala tali, ikkontrollat. Għaldaqstant, fir-rigward tal-ambjenti l-oħra, ir-riżultati tat-testijiet imwettqa fil-laboratorju ma humiex neċessarjament riproduċibbli f’sitwazzjoni reali. Għalhekk, anki jekk jitqies li kampjun ta’ plastik li fih addittiv pro-ossidanti huwa suġġett għal test intiż sabiex jevalwa l-bijodegradazzjoni tiegħu f’kundizzjonijiet li ma humiex dawk tal-kompostaġġ industrijali, skont standard differenti mill-istandard EN 13432, pereżempju l-istandard ASTM D 6954, ir-riżultat ta’ dan it-test, imwettaq fil-laboratorju, ma jkunx neċessarjament riproduċibbli f’sitwazzjoni reali. Kif indikat fil-punt 184 iktar ’il fuq, għalkemm ir-riżultat tat-test imwettaq, fil‑25 ta’ Lulju 2017, mil-laboratorju Eurofins jindika li l-kampjun tal-plastik li fih it-taħlita prinċipali d2w jissodisfa l-istandard ASTM D 6954, peress li laħaq rata ta’ bijodegradazzjoni ta’ 88.86 %, dan ma jurix li l-istess rata ser tinkiseb f’sitwazzjoni reali.

197    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, kif indika l-Parlament b’risposta għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura msemmija fil-punt 195 iktar ’il fuq, ma jeżistix standard unifikat, fil-livell tal-Unjoni, li jippermetti li tiġi evalwata l-bijodegradazzjoni tal-plastik li fih addittiv pro-ossidanti, iżda biss standards nazzjonali, li l-kriterji u l-limiti tagħhom huma differenti. Pereżempju, skont l-istudju Eunomia, filwaqt li l-istandard Amerikan ASTM D 6954 jindika livell ta’ 60 % ta’ degradazzjoni, l-istandard Britanniku BS 8472 jistabbilixxi livell ta’ 50 % ta’ trasformazzjoni tal-massa tal-karbonju.

198    Fl-aħħar nett, mill-istudju Eunomia jirriżulta li l-kompostaġġ industrijali huwa, mill-ambjenti kollha, l-iktar aggressiv, jiġifieri l-iktar favorevoli għall-bijodegradazzjoni. Għalhekk, ma huwiex probabbli li kampjun ta’ plastik li fih additiv pro-ossidanti li ma huwiex bijodegradabbli sew fil-kundizzjonijiet tal-kompostaġġ industrijali u li ma jissodisfax l-istandard EN 13432, ikun bijodegradabbli sew f’ambjenti oħra, pereżempju fil-ħamrija jew fl-ambjent tal-baħar. Għalhekk ma jistax jitqies li l-istandard EN 13432 huwa irrilevanti għall-evalwazzjoni tal-bijodegradazzjoni ta’ dan it-tip ta’ plastik f’kundizzjonijiet differenti minn dawk tal-kompostaġġ industrijali.

199    Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, billi qiesu, abbażi ta’ studji mwettqa skont l-istandard EN 13432, li l-plastik li fih addittiv pro-ossidanti ma huwiex bijodegradabbli sew, it-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati ma marrux lil hinn mil-limiti tas-setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 115 iktar ’il fuq, huma għandhom fil-qasam ambjentali.

200    Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti miġbura fil-qosor fil-punt 152 iktar ’il fuq ma jistgħux jintlaqgħu.

201    Għaldaqstant, mill-punti 124 sa 200 iktar ’il fuq jirriżulta li t-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati kellhom evalwazzjoni xjentifika eżawrjenti kemm jista’ jkun tar-riskju li l-plastik li fih addittiv pro-ossidanti ma huwiex bijodegradabbli sew u li huwa mingħajr ma wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni li huma qiesu li kien jeżisti tali riskju.

2)      Fuq laffermazzjoni li lplastik li fih addittiv proossidanti ma huwiex kompostabbli

202    Fir-rigward tal-affermazzjoni li tinsab fil-premessa 15 tad-Direttiva 2019/904, li tgħid li l-plastik ossodegradabbli ma huwiex kompostabbli, għandu jiġi ppreċiżat li r-rapport tas‑16 ta’ Jannar 2018 jindika li l-kompostaġġ huwa bijodegradazzjoni mtejba, imwettqa taħt kundizzjonijiet ikkontrollati u essenzjalment ikkaratterizzati minn ventilazzjoni forzata u produzzjoni naturali ta’ sħana li tirriżulta mill-attività bijoloġika fil-materjal.

203    Fir-risposti tagħhom, il-Kummissjoni u l-Parlament qalu li bbażaw ruħhom fuq l-istudju Eunomia, fuq ir-rapport tas‑16 ta’ Jannar 2018, fuq id-dikjarazzjoni oxo u fuq l-istudju ta’ Wilde sabiex waslu għall-konklużjoni li l-plastik li fih addittiv pro-ossidanti ma kienx kompostabbli.

204    Kif indikat fil-punti 132, 135 u 142 iktar ’il fuq, dawn id-dokumenti kienu għad-dispożizzjoni tat-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati matul it-tfassil u l-adozzjoni tad-Direttiva 2019/904.

205    Fil-fatt, mill-istudju Eunomia jirriżulta li l-plastik li fih addittiv pro-ossidanti ma huwa bijodegradabbli taħt ebda forma ta’ kompostaġġ u li ma jissodisfax l-istandard EN 13432, li, kif indikat fil-punt 190 iktar ’il fuq, jeżiġi bijodegradazzjoni ta’ 90 % f’perijodu ta’ żmien ta’ 6 xhur. L-istudju Eunomia jirrileva, f’dan ir-rigward, li l-ogħla perċentwali ta’ bijodegradazzjoni miksuba fil-kuntest ta’ studju xjentifiku hija ferm inqas minn 90 % u li din inkisbet f’terminu ta’ żmien ferm iktar minn dawk fis-seħħ fl-industrija tal-kompostaġġ, b’tali mod li twassal għal riskju ta’ tifrix ta’ frammenti tal-plastik. Kif indikat fil-punt 194 iktar ’il fuq, l-imsemmi studju jindika wkoll li l-parti l-kbira tal-produtturi ta’ dan it-tip ta’ plastik ma jallegawx li dan huwa kompostabbli.

206    Ir-rapport tas‑16 ta’ Jannar 2018 jikkonferma li, skont id-data disponibbli, il-plastik ossodegradabbli ma huwa bijodegradabbli taħt ebda forma ta’ kompostaġġ jew diġestjoni anaerobika u ma jissodisfax l-istandards applikabbli għall-imballaġġ li jista’ jiġi rkuprat permezz tal-kompostaġġ attwalment fis-seħħ fl-Unjoni. Dan ir-rapport jinnota wkoll li jista’ jkun li l-frammenti tal-plastik iġġenerati mill-proċess jagħmlu ħsara lill-kwalità tal-kompost.

207    Id-dikjarazzjoni oxo tindika, hija wkoll, li l-plastik li fih addittiv pro-ossidanti ma jissodisfa l-ebda standard applikabbli għall-imballaġġ tal-plastik jew għall-irkupru tal-plastik, għaliex il-bijodegradazzjoni tiegħu ddum wisq u li l-frammenti tal-plastik jistgħu jibqgħu fil-kompost u, għalhekk, ikollhom impatt fuq il-kwalità tiegħu, jew saħansitra jinxterdu fl-ambjent.

208    Bl-istess mod, l-istudju De Wilde jikkonkludi li l-plastik li fih addittiv pro-ossidanti ma jissodisfax id-diversi standards tal-kompostaġġ industrijali jew domestiku.

209    Mill-punti 202 sa 208 iktar ’il fuq jirriżulta li, waqt it-tfassil u l-adozzjoni tad-Direttiva 2019/904, it-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati kellhom evalwazzjoni xjentifika eżawrjenti tar-riskju li l-plastik li fih addittiv pro-ossidanti ma huwiex kompostabbli u li huma setgħu, mingħajr ma jwettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni, iqisu l-eżistenza ta’ tali riskju bħala stabbilita.

210    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument tar-rikorrenti li jgħid li t-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati ma ħadux inkunsiderazzjoni l-provi li, fil-fehma tagħhom, juru li l-plastik li fih addittiv pro-ossidanti huwa kompostabbli u li ma jikkostitwixxix riskju, jiġifieri, l-ewwel, il-punti 23 u 24 tax-xhieda tal-President-Direttur Ġenerali tar-rikorrenti, it-tieni, il-punti 56 u 58 tax-xhieda tax-xjenzat anzjan ta’ Symphony Environmental, it-tielet, it-test tal-laboratorju Eurofins tal‑25 ta’ Lulju 2017 u, ir-raba’, proposta tal-Kumitat tar-Reġjuni li jiġi emendat l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2019/904.

211    Għandu jiġi rrilevat li, fil-punti 23 u 24 tax-xhieda tiegħu, il-President-Direttur Ġenerali tar-rikorrenti sempliċement jafferma li, minn naħa, it-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati ma spjegawx għalfejn il-kompostaġġ tal-plastik ossodegradabbli huwa mixtieq u, min-naħa l-oħra, l-imsemmija istituzzjonijiet ma indikawx ir-raġunijiet għalfejn il-fatt li dan it-tip ta’ plastik ma huwiex kompostabbli jikkostitwixxi riskju għall-ambjent jew għas-saħħa tal-bniedem ta’ natura li tiġġustifika l-projbizzjoni tiegħu.

212    Bl-istess mod, fil-punti 56 u 58 tax-xhieda tiegħu, ix-xjenzat anzjan ta’ Symphony Environmental jafferma li l-plastik li fih addittiv pro-ossidanti ma kienx maħsub biex jissodisfa l-istandard EN 13432, li, għal ħafna raġunijiet, ma huwiex meħtieġ li dan it-tip ta’ plastik ikun kompostabbli u li l-fatt li ma huwiex kompostabbli ma jiġġustifikax il-projbizzjoni tiegħu.

213    Madankollu, it-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati ma jistgħux jiġu kkritikati li ma ħadux inkunsiderazzjoni l-punti 23 u 24 tax-xhieda tad-Direttur Ġenerali tar-rikorrenti u tal-punti 56 u 58 tax-xhieda tax-xjenzat anzjan ta’ Symphony Environmental, għar-raġunijiet indikati, rispettivament, fil-punti 155 u 156 u fil-punt 179 iktar ’il fuq.

214    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jistgħux, sabiex juru li l-plastik li fih it-taħlita prinċipali d2w tagħhom huwa kompostabbli, isostnu li dan ġie suġġett b’suċċess għal testijiet imwettqa skont l-istandard ISO 14855, jiġifieri, b’mod partikolari, it-test tal-laboratorju Eurofins tal‑25 ta’ Lulju 2017. Fil-fatt, mill-punt 184 iktar ’il fuq jirriżulta li l-fatt li ċerta rata ta’ bijodegradazzjoni nkisbet fil-laboratorju ma jistabbilixxix li l-istess rata ser tinkiseb, fl-istess żmien, f’sitwazzjoni reali.

215    Barra minn hekk, it-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati ma jistgħux jiġu kkritikati li ma ħadux inkunsiderazzjoni l-proposta tal-Kumitat tar-Reġjuni, waqt ix-xogħol preparatorju tad-Direttiva 2019/904, ta’ emenda tal-Artikolu 3 tagħha b’tali mod li ma jitqisux bħala “plastik” ċerti polimeri sintetiċi, jiġifieri dawk li huma kkunsidrati bħala bijodegradabbli skont l-istandard ASTM D 6002. Dawn huma polimeri sintetiċi li “jistgħu jkunu suġġetti għal dekompożizzjoni bijoloġika f’sit ta’ kompostaġġ […] sa livell komparabbli ma’ dak ta’ materjali meqjusa li huma kompostabbli”. Fil-fatt, mill-imsemmija proposta ta’ emenda ma jirriżultax li l-plastik li fih addittiv pro-ossidanti jinsab fost il-polimeri sintetiċi li jistgħu jkunu suġġetti għal tali dekompożizzjoni.

216    Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li r-rikorrenti jikkontradixxu ruħhom fir-rigward tan-natura kompostabbli tal-plastik li fih addittiv pro-ossidanti. Fil-fatt, huma jaffermaw, fir-rikors, li “fir-realtà, il-plastik ossobijodegradabbli huwa kompostabbli”. Madankollu, huma xorta waħda jirrikonoxxu, fir-repliki tagħhom, wara paragun bejn dan it-tip ta’ plastik u l-plastik konvenzjonali, li dan tal-aħħar “lanqas” ma huwa kompostabbli u, fir-risposta tagħhom għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li l-plastik li fih addittiv pro-ossidanti “ma huwiex intiż li jiġi pproċessat f’impjanti kkontrollati tat-trattament tal-iskart”.

217    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li n-natura mhux kompostabbli tal-plastik li fih addittiv pro-ossidanti ma jirrappreżentax riskju għall-ambjent jew għas-saħħa tal-bniedem, għandu jiġi enfasizzat li n-natura mhux kompostabbli ta’ dan it-tip ta’ plastik, meħuda flimkien mal-fatt li ma huwiex bijodegradabbli sew, li ma huwiex riċiklabbli u li ma jagħtix vantaġġ ambjentali pprovat, għandha bħala konsegwenza li, fil-miftuħ, dan jifframmenta ruħu f’mikroplastiċi li jibqgħu fl-ambjent qabel ma eventwalment ikunu suġġetti għal bijodegradazzjoni. Għandu jiġi kkunsidrat li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 115 iktar ’il fuq, il-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-fatt li ma huwiex bijodegradabbli sew, in-natura mhux kompostabbli tal-plastik li fih addittiv pro-ossidanti tikkostitwixxix riskju għall-ambjent jew għas-saħħa tal-bniedem taqax taħt is-setgħa ta’ evalwazzjoni tat-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati.

218    Mill-punti 202 sa 217 iktar ’il fuq jirriżulta li t-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati kellhom evalwazzjoni xjentifika kemm jista’ jkun eżawrjenti tar-riskju li l-plastik li fih addittiv pro-ossidanti ma huwiex kompostabbli u li huwa mingħajr ma wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni li huma qiesu li tali riskju kien jeżisti.

3)      Fuq laffermazzjoni li lplastik li fih addittiv proossidanti għandu impatt negattiv fuq irriċiklaġġ talplastik konvenzjonali

219    Fir-rigward tal-affermazzjoni li tinsab fil-premessa 15 tad-Direttiva 2019/904, li tgħid li l-plastik ossodegradabbli għandu impatt negattiv fuq ir-riċiklaġġ tal-plastiks konvenzjonali, għandu jiġi rrilevat li, fir-risposta u fil-kontroreplika tagħhom, it-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati jgħidu li bbażaw ruħhom fuq l-istudju Eunomia, fuq ir-rapport tas‑16 ta’ Jannar 2018, fuq id-dikjarazzjoni oxo u fuq l-istudju tal-Università ta’ Loughborough insostenn ta’ din l-affermazzjoni.

220    Kif indikat fil-punti 132, 135 u 150 iktar ’il fuq, dawn id-dokumenti kienu disponibbli għall-imsemmija istituzzjonijiet waqt it-tfassil u l-adozzjoni tad-Direttiva 2019/904.

221    Skont l-istudju Eunomia, l-elementi miġbura jissuġġerixxu li t-teknoloġiji disponibbli bħalissa ma jippermettux li jiġi identifikat il-plastik li fih addittiv pro-ossidanti biex jiġi sseparat minn plastik ieħor. Għalhekk jiġi rriċiklat bil-plastik konvenzjonali. Issa, dan jaffettwa l-kwalità tal-plastik irriċiklat. Għalkemm l-użu ta’ komposti stabilizzanti jippermetti, f’ċerti każijiet, li tiġi evitata tali deterjorazzjoni tal-kwalità tal-plastik riċiklat, ikun madankollu diffiċli li tiġi ddeterminata l-kwantità ta’ stabilizzaturi meħtieġa, peress li din tiddependi mill-konċentrazzjoni u mit-tip ta’ addittiv pro-ossidanti użat.

222    Barra minn hekk, l-istudju Eunomia jindika li d-degradazzjoni, qabel ir-riċiklaġġ tal-plastik li fih addittiv pro-ossidanti jidher li taffetwa l-kwalitajiet fiżiċi u t-tul tal-ħajja tal-plastik riċiklat. Minn dan l-istudju huwa dedott li l-plastik irriċiklat ma huwiex adattat għall-użi finali kollha u b’mod partikolari ma għandux jintuża għal prodotti b’ħajja twila. Madankollu, huwa possibbli li jiġi prodott plastik irriċiklat li jista’ jintuża għal prodotti b’ħajja iqsar. L-istudju Eunomia jikkonkludi li, jekk il-plastik irriċiklat ikun fih il-plastik li fih addittiv pro-ossidanti, dan ikollu impatt negattiv fuq il-possibbiltà ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-plastik irriċiklat, il-kwalità tiegħu u l-prezz tiegħu.

223    Ir-rapport tas‑16 ta’ Jannar 2018, li jinkorpora l-konklużjonijiet tal-istudju Eunomia, jafferma li t-teknoloġiji disponibbli bħalissa ma jippermettux lill-impriżi jipproċessaw mill-ġdid jidentifikaw u jiżolaw il-plastik li fih addittiv pro-ossidanti u li għalhekk dan jiġi neċessarjament irriċiklat bil-plastik konvenzjonali, li jista’ jwassal għal deterjorament fil-kwalità tal-materjali irriċiklati. Id-dożaġġ tal-komposti stabilizzanti li jistgħu jipprevjenu tali deterjorament huwa diffiċli. Barra minn hekk, skont l-imsemmi rapport, huwa impossibbli li jiġi kkontrollat il-livell ta’ tiqdim tal-plastik li fih addittiv pro-ossidanti qabel ma dan jiġi rriċiklat. Ir-rapport tas‑16 ta’ Jannar 2018 jenfasizza l-effett negattiv ta’ dawn l-elementi fuq il-prezz tal-plastik riċiklat u jikkonkludi li l-plastik li fih addittiv pro-ossidanti ma huwiex riċiklabbli.

224    Id-dikjarazzjoni oxo tindika wkoll li t-teknoloġiji attwali ma jippermettux li jiġi sseparat il-plastik li fih addittiv pro-ossidanti mill-plastik konvenzjonali u li huwa diffiċli li jiġi evalwat kemm il-livell ta’ tiqdim tiegħu, kif ukoll l-ammont ta’ komposti stabilizzanti meħtieġa għall-prevenzjoni tad-degradazzjoni tal-plastik irriċiklat. L-imsemmija dikjarazzjoni tiddeduċi minn dan li l-plastik li fih addittiv pro-ossidanti ma huwiex riċiklabbli fuq skala kbira.

225    Bl-istess mod, l-istudju tal-Università ta’ Loughborough jindika li l-plastik li fih addittiv pro-ossidanti ma huwiex riċiklabbli, minħabba l-preżenza fil-materjal riċiklat ta’ addittivi pro-ossidanti li jaċċelleraw id-degradazzjoni tiegħu. Iż-żieda ta’ komposti stabilizzanti hija delikata, minħabba l-inċertezza dwar il-kwantità ta’ stabilizzaturi meħtieġa u l-livell ta’ ossidazzjoni li diġà ntlaħaq.

226    Mill-punti 219 sa 225 iktar ’il fuq jirriżulta li, waqt it-tfassil u l-adozzjoni tad-Direttiva 2019/904, it-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati kellhom evalwazzjoni xjentifika eżawrjenti tar-riskju tal-impatt negattiv tal-plastik li fih addittiv pro-ossidanti fuq ir-riċiklaġġ tal-plastiks konvenzjonali, u li huma setgħu, mingħajr ma jwettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni, iqisu l-eżistenza ta’ tali riskju bħala stabbilita.

227    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata bl-argument tar-rikorrenti li l-imsemmija istituzzjonijiet naqsu milli jieħdu inkunsiderazzjoni d-dokumenti segwenti: l-ewwel, ir-rapport tal-laboratorju Awstrijak TCKT, intitolat “Effect of mechanical recocling on the properties of films containing oxo-biodegradable addittive” (“Effett tar-riċiklaġġ mekkaniku fuq il-proprjetajiet tal-films li fihom addittiv osso-bijodegradabbli”), tas‑17 ta’ Marzu 2016 (iktar ’il quddiem ir-“rapport tal-laboratorju TCKT ta’ Marzu 2016”); it-tieni, rapport ieħor tal-istess laboratorju, intitolat “Weathering study on LDPE (with and without d2w/oxobiodegradable additive)” (“Studju tat-tibdil tal-LDPE (bi u mingħajr addittiv d2w/osso-bijodegradabbli)”), tas‑27 ta’ Lulju 2016 (iktar ’il quddiem ir-“rapport tal-laboratorju TCKT ta’ Lulju 2016”); it-tielet, rapport tal-laboratorju tal-Afrika t’Isfel Roediger, intitolat “Recycling report on d2w oxo- biodegradable plastics” (“Rapport dwar ir-riċiklaġġ tal-plastik osso-bijodegradabbli d2w”), tal‑21 ta’ Mejju 2012 (iktar ’il quddiem ir-“rapport tal-laboratorju Roediger”); ir-raba’, studju ta’ M. D. Samper, u oħrajn, intitolat “Interference of Biodegradable Plastics in the Polypropylene Recycling Process” (“Interferenza tal-plastiks bijodegradabbli fil-proċess ta’ riċiklaġġ tal-polipropilen”), tal‑2018 (iktar ’il quddiem l-“istudju ta’ M. D. Samper”); u, il-ħames, il-punti 48 sa 52 tax-xhieda tax-xjenzat anzjan ta’ Symphony Environmental.

228    Huwa minnu li mir-rapport tal-laboratorju TCKT ta’ Marzu 2016 jirriżulta li l-materjal irriċiklat miksub minn plastik li fih it-taħlita prinċipali d2w jista’ jintuża għal prodotti b’ħajja qasira, bħal boroż taż-żibel jew basktijiet tax-xiri. Barra minn hekk, mir-rapport tal-istess laboratorju ta’ Lulju 2016, li għandu l-għan li jeżamina jekk il-basktijiet tax-xiri tal-plastik li fih addittiv pro-ossidanti jistgħux jiġu rriċiklati sabiex jimmanifatturaw minnhom prodotti tal-plastik oħxon għal użu fit-tul, jirriżulta li, għalkemm il-preżenza, fil-materjal irriċiklat, ta’ plastik li fih addittiv pro-ossidanti jista’ jkollha effetti negattivi, bħaż-żieda fix-xquq fis-superfiċje, tali effetti negattivi ma jseħħux meta jiżdied kompost stabilizzanti. Ir-rapport tal-laboratorju Roediger jindika wkoll li l-preżenza ta’ plastik li fih it-taħlita prinċipali d2w ma għandha l-ebda impatt negattiv sinjifikattiv fuq il-materjal riċiklat.

229    Madankollu, kemm ir-rapport tal-laboratorju TCKT ta’ Marzu 2016 kif ukoll dak tal-laboratorju Roediger jissemmew fl-istudju Eunomia. Issa, kif indikat fil-punt 132 iktar ’il fuq, din kienet disponibbli għat-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati matul it-tfassil u l-adozzjoni tad-Direttiva 2019/904. Għaldaqstant, l-imsemmija istituzzjonijiet ma jistgħux jiġu kkritikati li ma ħadux inkunsiderazzjoni dawn iż-żewġ rapporti.

230    Barra minn hekk, mill-istudju Eunomia jirriżulta li r-rapport tal-laboratorju TCKT ta’ Marzu 2016 u dak tal-laboratorju Roediger, it-tnejn ġew ordnati mill-industrija tal-plastik li fih addittiv pro-ossidanti. Barra minn hekk, mir-rapport tal-laboratorju TCKT ta’ Lulju 2016 jirriżulta li dan sar fuq talba tar-rikorrenti. Għaldaqstant, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 147 u 149 iktar ’il fuq, jista’ jingħata biss valur probatorju dgħajjef lil dawn it-tliet rapporti, b’mod partikolari għal dak tal-laboratorju TCKT ta’ Lulju 2016.

231    Fl-aħħar nett, l-istudju Eunomia jirrileva inkoerenza fir-riżultati mniżżla fir-rapport tal-laboratorju Roediger, mingħajr ma l-imsemmi rapport jispjega din l-inkoerenza. Dan l-istudju jinnota wkoll li huwa diffiċli li jingħata kreditu lill-konklużjonijiet tar-rapport tal-laboratorju TCKT ta’ Marzu 2016, minħabba n-nuqqas ta’ ċarezza dwar, b’mod partikolari, l-evoluzzjoni tad-diversi kampjuni, fejn kull wieħed minnhom fih perċentwali differenti ta’ plastik li fih addittiv pro-ossidanti.

232    Fir-rigward tal-istudju ta’ M. D. Samper, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamlet il-Kummissjoni, li dan ma jirrigwardax ir-riċiklaġġ tal-plastik li fih addittiv pro-ossidanti, iżda dak tal-polimeri bijodegradabbli. Mill-fatt li t-tqegħid fis-suq tat-tip ta’ plastik li huwa s-suġġett tal-istudju ta’ M. D. Samper ma kienx ipprojbit, minkejja li ma huwiex tajjeb għar-riċiklaġġ, ma jistax jiġi dedott li t-tqegħid fis-suq tal-plastik li fih addittiv pro-ossidanti lanqas ma għandu jiġi pprojbit. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 115 iktar ’il fuq, id-determinazzjoni tal-eżistenza tar-riskju rrappreżentat minn kull tip ta’ plastik taqa’ taħt il-marġni ta’ evalwazzjoni tat-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati.

233    Fl-aħħar nett, fir-rigward tax-xhieda tax-xjenzat anzjan ta’ Symphony Environmental, huwa minnu li l-punti 48 sa 52 tagħha, li għalihom jirreferu r-replika, jindikaw, b’mod partikolari, li l-plastik li fih addittiv pro-ossidanti jista’ jiġi rriċiklat bl-istess mod bħall-plastik konvenzjonali u li ma hemmx bżonn li dan jiġi sseparat minnu biex jiġi rriċiklat. Madankollu, għar-raġunijiet indikati fil-punt 179 iktar ’il fuq, it-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati ma jistgħux jiġu kkritikati li ma ħadux inkunsiderazzjoni l-punti 48 sa 52 tax-xhieda tax-xjenzat anzjan ta’ Symphony Environmental.

234    Mill-punti 219 sa 233 iktar ’il fuq jirriżulta li t-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati kellhom evalwazzjoni xjentifika kemm jista’ jkun eżawrjenti tar-riskju li l-plastik li fih addittiv pro-ossidanti għandu impatt negattiv fuq ir-riċiklaġġ tal-plastik konvenzjonali u li huwa mingħajr ma wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni li huma qiesu li kien jeżisti tali riskju.

4)      Fuq laffermazzjoni li lplastik li fih addittiv proossidanti ma jagħtix vantaġġ ambjentali pprovat

235    Fir-rigward tad-dikjarazzjoni li tinsab fil-premessa 15 tad-Direttiva 2019/904, li tgħid li l-plastik ossodegradabbli ma jagħtix vantaġġ ambjentali pprovat, il-Parlament u l-Kummissjoni jsostnu li bbażaw ruħhom, rispettivament, fuq il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tas‑16 ta’ Jannar 2018 intitolata “Strateġija Ewropea għall-Plastiks f’Ekonomija Ċirkolari” (COM(2018) 28 final) u fuq l-istudju De Wilde.

236    Issa, l-istudju De Wilde, li għandu l-għan li jevalwa, b’mod partikolari, il-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-plastik ossodegradabbli meta mqabbel mal-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-plastik hekk imsejjaħ bijodegradabbli, sempliċement jikkonkludi li tal-ewwel ma humiex bijodegradabbli, mingħajr ma jindika vantaġġi pprovati. Fuq kollox, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija fil-punt preċedenti tindika, fil-paġna 17, li “ċerti materjali alternattivi li allegatament huma bijodegradibbli, bħal ‘plastik ossodegradabbli’, irriżultaw li ma jagħtu l-ebda benefiċċju ambjentali pprovat meta mqabbla mal-plastik konvenzjonali, filwaqt li l-frammentazzjoni rapida tagħhom f’mikroplastiċi toħloq tħassib”. Barra minn hekk, mill-evalwazzjonijiet xjentifiċi tal-bijodegradazzjoni, tal-kompostaġġ u tar-riċiklaġġ tal-plastik li fih addittiv pro-ossidanti, imsemmija fil-punti 124 sa 234 iktar ’il fuq, ma jirriżultax li dan it-tip ta’ plastik jagħti, taħt wieħed minn dawn l-aspetti, vantaġġ ipprovat.

237    Madankollu, minn naħa, ir-rikorrenti jsostnu li l-imsemmija istituzzjonijiet kellhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd tal-Parlament dwar il-proposta għal direttiva, li rrakkomanda li jiġi ddefinit b’mod ċar il-plastik bijodegradabbli.

238    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jqisu bħala partikolarment indikattiv il-fatt li, fl-opinjonijiet tagħhom dwar il-proposta għal direttiva, rispettivament, tat‑3 u tal‑11 ta’ Ottubru 2018, il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel tal-Parlament ipproponew li jiġi pprojbit it-tqegħid fis-suq tal-prodotti mmanifatturati abbażi ta’ plastik ossodegradabbli, mingħajr madankollu ma ressqu ebda ġustifikazzjoni f’dan ir-rigward.

239    Issa, skont l-Artikolu 59(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew (ĠU 2019, L 302, p. 1), il-pożizzjoni tiegħu fis-sens tal-Artikolu 294(3) TFUE għandha tiġi adottata permezz ta’ vot f’sessjoni plenarja u mhux permezz tal-opinjoni ta’ wieħed mill-kumitati tiegħu. Għalhekk, huwa irrilevanti l-fatt li kumitat, bħall-Kumitat tas-Sajd, ikollu opinjoni differenti minn dik adottata fis-sessjoni plenarja. Iktar u iktar, huwa irrilevanti l-fatt li kumitat, bħall-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, ma jiġġustifikax l-opinjoni tiegħu. Għaldaqstant, il-Parlament ma jistax jiġi kkritikat, u wisq inqas ma jistgħu jiġu kkritikati l-Kunsill u l-Kummissjoni, għal nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali opinjonijiet.

240    Mill-punti 235 sa 239 iktar ’il fuq jirriżulta li t-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati kellhom evalwazzjoni xjentifika kemm jista’ jkun eżawrjenti tal-vantaġġi ambjentali possibbli tal-plastik li fih addittiv pro-ossidanti u li huma setgħu, mingħajr ma jwettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni, jikkonkludu li ma kienx hemm vantaġġi pprovati.

241    Għaldaqstant, l-imsemmija istituzzjonijiet kellhom evalwazzjoni xjentifika kemm jista’ jkun eżawrjenti tar-riskji msemmija fil-premessa 15 tad-Direttiva 2019/904, jiġifieri li l-plastik li fih addittiv pro-ossidanti ma huwiex bijodegradabbli, li ma huwiex kompostabbli, li għandu impatt negattiv fuq ir-riċiklaġġ tal-plastik konvenzjonali u li ma jagħtix vantaġġ ambjentali pprovat. L-imsemmija istituzzjonijiet setgħu għalhekk, mingħajr ma jwettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni, iqisu l-eżistenza ta’ dawn ir-riskji bħala stabbiliti.

5)      Fuq illista annessa marreplika, li tinkludi ddokumenti kollha li ttliet istituzzjonijiet ikkonċernati allegatament naqsu milli jieħdu inkunsiderazzjoni

242    Fl-aħħar nett, għandu jiġi ppreċiżat li r-rikorrenti pproduċew, fl-anness għar-replika, lista li tirriproduċi d-dokumenti kollha li t-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati, skont ir-rikorrenti, naqsu milli jieħdu inkunsiderazzjoni (iktar ’il quddiem il-“lista annessa mar-replika”).

243    Il-parti l-kbira tad-dokumenti li jinsabu f’din il-lista diġà ġew eżaminati iktar ’il fuq.

244    Fost dawk li ma kinux suġġetti għal tali eżami, uħud huma sussegwenti għall-adozzjoni tad-Direttiva 2019/904, jiġifieri: l-ewwel nett, l-istandard tar-Renju Unit PAS 9017: 2020, ta’ Ottubru 2020; it-tieni nett, l-istudju ta’ A. S. Babetto, C. Antunes, S. H. P. Bettini, u B. C. Bonse, intitolat “A Recycling-Focused Assessment of the Oxidative Thermomechanical Degradation of HDPE Melt Containing Pro-oxidant” (“Evalwazzjoni ffokata fuq ir-riċiklaġġ tad-degradazzjoni ossidattiva termomekkanika tal-polietilene ta’ densità għolja mdewba li fiha pro-ossidant”), ippubblikata fuq l-internet fil‑21 ta’ Diċembru 2019; it-tielet nett, l-istudju ta’ S. Saikrishnan, D. Jubinville, C. Tzoganakis, u T. H. Mekonnen, intitolat “Thermo-mechanical degradation of polypropylene (PP) and low-density polyethylene (LDPE) blends exposed to simulated recycling” (“Degradazzjoni termomekkanika ta’ taħlitiet ta’ polipropilen (PP) u polietilene ta’ densità baxxa (LDPE) esposti għal riċiklaġġ simulat”), ippubblikat f’Diċembru 2020; u, ir-raba’ nett, l-istudju ta’ D. Åkesson, G. Kuzhanthaivelu, u M. Bohlén intitolat “Effect of a Small Amount of Thermoplastic Starch Blend on the Mechanical Recycling of Conventional Plastics” (“Effett ta’ taħlita żgħira ta’ lamtu termoplastiku fuq ir-riċiklaġġ mekkaniku tal-plastik konvenzjonali”), ippubblikat fl‑24 ta’ Ottubru 2020. Skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 154 iktar ’il fuq, it-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati ma jistgħux jiġu kkritikati li ma ħadux inkunsiderazzjoni dawn l-erba’ dokumenti.

245    Wieħed mid-dokumenti fil-lista annessa mar-replika huwa msemmi fl-istudju Eunomia, li kien aċċessibbli għat-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati matul it-tfassil u l-adozzjoni tad-Direttiva 2019/904. Dawn għalhekk ħaduhom inkunsiderazzjoni. Dan huwa l-istudju ta’ I. Jakubowicz u J. Enebro, intitolat “Effects of Reprocessing of Oxobiodegradable and Non-degradable Polyethylene on the Durability of Recycled Materials” (“Effetti tar-riċiklaġġ tal-polietilene ossobijodegradabbli u tal-polietilene mhux degradabbli fuq is-solidità tal-materjali rriċiklati”), ta’ Marzu 2012.

246    Dokument ieħor li jinsab fil-lista annessa mar-replika, jiġifieri l-Anness A.27 tar-rikors, li jinkludi ittri indirizzati minn xjenzati lill-ECHA fir-rigward tal-plastik ossobijodegradabbli, huwa biss is-suġġett ta’ riferiment ġenerali fir-rikors. Fil-fatt, dan sempliċement jindika li l-imsemmija ittri ntbagħtu bi tweġiba għall-konsultazzjoni pubblika mnedija mill-ECHA dwar dan it-tip ta’ plastik u li l-awturi tagħhom jopponu l-projbizzjoni tiegħu. Issa, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 163 iktar ’il fuq, ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tidentifika, fost l-ittri li jinsabu fl-Anness A.27, li jammontaw għal 100 paġna u iktar minn 30 messaġġ elettroniku, liema huma rilevanti, affidabbli u ddokumentati, u lanqas li tiddetermina liema huwa l-argument tar-rikorrenti li huma jsostnu. Ir-repliki, huma wkoll, jagħmlu biss riferiment ġenerali għal dan l-anness. Madankollu, hemm eċċezzjoni, li tikkonċerna ittra ta’ Dr. R. Rose tat‑3 ta’ Mejju 2018. Dan huwa s-suġġett ta’ riferiment speċifiku fir-rikors u fir-repliki. Madankollu, dan huwa ċċitat insostenn tar-raba’ motiv ta’ illegalità u għalhekk ser jiġi eżaminat fil-kuntest tiegħu.

247    Fl-aħħar nett, wieħed mid-dokumenti fil-lista annessa mar-repliki ma huwa s-suġġett ta’ ebda riferiment fir-rikors jew fir-repliki. Dawn huma l-istudju ta’ H. Jin, J. Gonzalez-Gutierrez, P. Oblak, B. Zupančič, u I. Emri, intitolat “The effect of extensive mechanical recycling on the properties of low-density polyethylene” (“Effett tar-riċiklaġġ mekkaniku estensiv fuq il-proprjetajiet tal-polietilen ta’ densità baxxa”), ta’ Novembru 2012. Hija biss ix-xhieda tax-xjenzat anzjan ta’ Symphony Environmental, li hija annessa mar-replika, li tirreferi għal dan l-istudju. Issa, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 163 iktar ’il fuq tirrigwarda wkoll ir-replika (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2018, Europa Terra Nostra vs Il‑Parlament, T‑13/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:428, punt 86). Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni dan l-istudju.

248    Għaldaqstant, it-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati ma jistgħux jiġu kkritikati li ma ħadux inkunsiderazzjoni d-dokumenti li jinsabu fil-lista annessa mar-replika.

249    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li, kif ġie osservat fil-punt 241 iktar ’il fuq, huwa b’mod żbaljat li r-rikorrenti jallegaw li t-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni, minn naħa, billi adottaw il-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq tal-prodotti mmanifatturati abbażi ta’ plastik li fih addittiv pro-ossidanti meta huma ma kellhomx evalwazzjoni xjentifika kemm jista’ jkun eżawrjenti tar-riskji ppreżentati minn dan it-tip ta’ plastik u, min-naħa l-oħra, billi kkunsidraw li l-eżistenza tal-imsemmija riskji ġiet stabbilita.

250    Peress li s-setgħa li l-leġiżlatur tal-Unjoni jislet mill-Artikolu 191 TFUE hija, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 115 iktar ’il fuq, suġġetta għal stħarriġ tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni, għandu jiġi konkluż li t-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati ma kisrux din id-dispożizzjoni.

251    Fl-assenza ta’ ksur tal-Artikolu 191 TFUE, ma hemmx lok li jiġi eżaminat jekk dan huwiex suffiċjentement serju, kif teżiġi l-ġurisprudenza dwar l-ewwel kundizzjoni għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Unjoni, iċċitata fil-punt 42 iktar ’il fuq.

252    Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tielet motiv ta’ illegalità, sa fejn hija bbażata fuq ksur suffiċjentement serju tal-Artikolu 191 TFUE u fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, għandha tiġi miċħuda.

b)      Fuq ilksur suffiċjentement serju talprinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità, stabbilit flArtikolu 5(4) TUE

253    Permezz tat-tieni u tat-tielet parti kif ukoll, parzjalment, l-ewwel parti tat-tielet motiv ta’ illegalità tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-prodotti mmanifatturati abbażi ta’ plastik ossodegradabbli, prevista fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2019/904, tmur kontra l-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità, stabbilit fl-Artikolu 5(4) TUE.

254    Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu xierqa sabiex jitwettqu l-għanijiet leġittimi li jridu jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa neċessarju għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet, filwaqt li meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet previsti (sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2019, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑128/17, EU:C:2019:194, punt 94).

255    Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza ta’ dan il-prinċipju, f’kuntest tekniku kumpless u ta’ natura evoluttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni jiddisponi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa, b’mod partikolari fir-rigward tal-elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika kumplessa ħafna sabiex jiġu stabbiliti n-natura u l-portata tal-miżuri li jadotta, filwaqt li l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jkun limitat għal eżami tal-kwistjoni jekk l-eżerċizzju ta’ tali setgħa huwiex ivvizzjat minn żball manifest jew minn użu ħażin ta’ poter jew jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni eċċediex b’mod manifest il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu. F’kuntest bħal dan, il-qorti tal-Unjoni ma tistax fil-fatt tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika ma’ dik tal-leġiżlatur tal-Unjoni li lilu t-trattat ta dan il-kompitu (sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2019, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑128/17, EU:C:2019:194, punt 95).

256    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi eżaminat jekk huwiex b’mod ġust li r-rikorrenti jsostnu, permezz tat-tieni parti tat-tielet motiv ta’ illegalità tagħhom, li, sa fejn din tapplika għall-plastik ossobijodegradabbli, il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2019/904 ma hijiex xierqa sabiex jintlaħaq l-għan tal-imsemmija direttiva, u sussegwentement, jekk, kif huma jsostnu permezz tat-tielet parti tal-istess motiv, l-imsemmija projbizzjoni taqbiżx il-limiti ta’ dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.

257    Fir-rigward tal-ewwel parti tat-tielet motiv, għandu jitfakkar li din hija, parzjalment, ibbażata fuq il-fatt li l-projbizzjoni inkwistjoni hija sproporzjonata minħabba s-sempliċi fatt tal-assenza ta’ evalwazzjoni xjentifika tar-riskji għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem maħluqa mill-plastik ossodegradabbli. Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li, peress li l-eżistenza ta’ tali riskji ma ġietx stabbilita, l-imsemmija projbizzjoni ma tistax tkun xierqa għall-protezzjoni mir-riskji. L-ewwel parti, sa fejn hija bbażata fuq dan l-argument, għalhekk tikkoinċidi mat-tieni parti u ser tiġi eżaminata magħha.

1)      Fuq ittieni parti, ibbażata fuq lallegazzjoni li, sa fejn tapplika għallplastik ossobijodegradabbli, ilprojbizzjoni prevista flArtikolu 5 tadDirettiva 2019/904 ma hijiex xierqa sabiex jintlaħaq lgħan talimsemmija direttiva, u fuq lewwel parti, sa fejn hija bbażata fuq l-istess argument

258    Mill-punti 124 sa 249 iktar ’il fuq jirriżulta li t-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati ma wettqux żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qiesu li l-plastik li fih addittiv pro-ossidanti jippreżenta riskji għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem, peress li ma huwiex bijodegradabbli sew, ma huwiex kompostabbli, għandu impatt negattiv fuq ir-riċiklaġġ tal-plastik konvenzjonali u ma jagħtix vantaġġ ambjentali pprovat.

259    Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 255 iktar ’il fuq, miżura li tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq tal-prodotti mmanifatturati abbażi tal-plastik li fih addittiv pro-ossidanti għandha titqies li hija xierqa sabiex jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem, stabbilit fil-premessa 36 u fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2019/904.

2)      Fuq ittielet parti, ibbażata fuq lallegazzjoni li, sa fejn tapplika għallplastik ossobijodegradabbli, ilprojbizzjoni prevista flArtikolu 5 tadDirettiva 2019/904 teċċedi llimiti ta’ dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq lgħan imfittex millimsemmija direttiva

260    Permezz tat-tielet parti tat-tielet motiv ta’ illegalità, ir-rikorrenti jsostnu li sa fejn din tapplika għall-plastik ossobijodegradabbli, il-miżura prevista fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2019/904 taqbeż il-limiti ta’ dak li huwa neċessarju għat-twettiq tal-għan ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem imfittex minn din id-direttiva.

261    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li jeżistu miżuri oħra inqas restrittivi minn projbizzjoni pura u sempliċi ta’ tqegħid fis-suq, jiġifieri: l-ewwel nett, l-esklużjoni tal-plastik ossobijodegradabbli mid-definizzjoni tal-“plastik ossodegradabbli” fil-punt 3 tal-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva u, konsegwentement, mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5 tagħha; it-tieni nett, it-twettiq ta’ testijiet fuq il-plastik ossobijodegradabbli skont l-istandard Amerikan ASTM D 6954 jew standards paragunabbli oħra; it-tielet nett, l-impożizzjoni tar-rekwiżit li l-plastik ossobijodegradabbli jkun fih marka li tippermetti separazzjoni awtomatika minn qabel għar-riċiklaġġ; ir-raba’ nett, l-inklużjoni ta’ dan it-tip ta’ plastik fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 4, 7, 8 u/jew 10 tad-Direttiva 2019/904; jew, il-ħames nett, l-impożizzjoni ta’ ttikketjar għall-prevenzjoni ta’ kwalunkwe riskju ta’ konfużjoni mill-konsumaturi.

262    Madankollu, l-ebda waħda mill-ħames miżuri proposti mir-rikorrenti ma tippermetti li jintlaħaq l-għan imfittex mid-Direttiva 2019/904.

263    L-ewwel nett, fir-rigward tal-proposta tar-rikorrenti li l-plastik ossobijodegradabbli jiġi eskluż mid-definizzjoni tal-“plastik ossodegradabbli” fil-punt 3 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2019/904, diġà ġie kkonstatat, fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv, li kien mingħajr ma wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni li t-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati qiesu li l-plastik li fih addittiv pro-ossidanti ma huwiex bijodegradabbli sew f’terminu raġonevoli u li, konsegwentement, ma hemmx lok li ssir distinzjoni bejn plastik ossodegradabbli u plastik ossobijodegradabbli. Għaldaqstant, l-esklużjoni tal-plastik li fih addittiv pro-ossidanti mid-definizzjoni tal-“plastik ossodegradabbli” fl-imsemmi punt 3 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2019/904 twassal sabiex il-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jiġi limitat għall-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss elenkati fil-Parti B tal-anness tagħha, li jmur kontra l-kliem stess ta’ dan l-artikolu.

264    It-tieni nett, fir-rigward tal-proposta tar-rikorrenti li l-plastik li fih addittiv pro-ossidanti jiġi suġġett għat-twettiq ta’ testijiet skont l-istandard Amerikan ASTM D 6954 jew standards paragunabbli oħra, diġà ġie kkonstatat fil-punt 197 iktar ’il fuq li, sa fejn ma jeżistix standard unifikat, fil-livell tal-Unjoni, li jippermetti li tiġi evalwata l-bijodegradazzjoni tal-imsemmi plastik, iżda jeżistu biss standards nazzjonali, it-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati ma marrux lil hinn mil-limiti tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħhom meta ma bbażawx ruħhom fuq l-istandard ASTM D 6954 jew fuq standards paragunabbli oħra.

265    It-tielet nett, fir-rigward tal-proposta tar-rikorrenti li jiġi impost li l-plastik li fih addittiv pro-ossidanti ikun fih marka li tirrendih identifikabbli minn magna ta’ separazzjoni awtomatika tal-iskart sabiex jiġi sseparat mill-plastik konvenzjonali u ma jiġix irriċiklat miegħu, mill-istudju Eunomia jirriżulta li t-teknoloġija attwali ma tippermettix tqassim awtomatiku tal-plastik li fih addittiv pro-ossidanti, u mir-rapport tas‑16 ta’ Jannar 2018 jirriżulta li “[i]t-teknoloġiji attwalment disponibbli ma jippermettux lill-impriżi ta’ riċiklaġġ jidentifikaw u jisseparaw il-plastik ossodegradabbli”.

266    Il-Kummissjoni tenfasizza, f’dan ir-rigward, li t-tekniki ta’ separazzjoni awtomatika użati tradizzjonalment, bħall-ispettroskopija infrared, ma jippermettux li jiġi identifikat il-plastik li fih addittiv pro-ossidanti u li, konsegwentement, magni ġodda ta’ separazzjoni awtomatika għandhom jiġu żviluppati għal dan l-għan, iżda din ma hijiex għażla ekonomikament vijabbli għall-industrija tar-riċiklaġġ. Issa, ir-rikorrenti sempliċement jaffermaw li l-iżvilupp ta’ magni ġodda għas-separazzjoni awtomatika huwa ekonomikament vijabbli, mingħajr ma jipproduċu ebda prova insostenn ta’ tali affermazzjoni u lanqas ma juru li huwa effettivament possibbli li titqiegħed il-marka li huma jipproponu.

267    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti jipproponu li jiġi inkluż il-plastik li fih addittiv pro-ossidanti fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 4, 7, 8 u/jew 10 tad-Direttiva 2019/904, li jippermettu lill-Istati Membri jadottaw il-miżuri li ġejjin: miżuri għat-tnaqqis tal-konsum (Artikolu 4); miżuri li jipprevedu t-twaħħil ta’ marka li tinforma lill-konsumaturi, minn naħa, dwar soluzzjonijiet xierqa għall-immaniġġar tal-iskart li jirriżulta mill-prodott inkwistjoni jew dwar il-mezzi ta’ rimi tal-iskart li għandhom jiġu evitati għal dan il-prodott u, min-naħa l-oħra, dwar il-preżenza ta’ plastik fil-prodott u dwar l-effetti dannużi tar-rimi mhux xieraq tal-iskart li jirriżulta minnu (Artikolu 7); miżuri li jipprevedu l-istabbiliment ta’ skemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produtturi għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tal-plastik li fih addittiv pro-ossidanti (Artikolu 8); miżuri ta’ sensibilizzazzjoni li jinformaw lill-konsumaturi u jinkoraġġixxu drawwiet ta’ konsum responsabbli (Artikolu 10).

268    Madankollu, fid-dawl tas-setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa, imfakkra fil-punt 255 iktar ’il fuq, li għandu l-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex jiddetermina n-natura u l-portata tal-miżuri li jadotta, ma jistax jitqies li t-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati eċċedew il-limiti ta’ tali setgħa billi qiesu, fid-dawl tar-riskji ppreżentati mill-prodotti tal-plastik li fih addittiv pro-ossidanti, b’mod partikolari tar-riskju li ma humiex bijodegradabbli sew, li t-tqegħid tagħhom fis-suq għandu jiġi pprojbit, minflok ma jiġi suġġett għal waħda jew l-oħra mill-miżuri msemmija fl-Artikoli 4, 7, 8 u/jew 10 tad-Direttiva 2019/904, li jistgħu, barra minn hekk, ivarjaw minn Stat Membru għall-ieħor.

269    Il-ħames nett, fir-rigward tal-proposta tar-rikorrenti li jiġi impost ittikketjar tal-prodotti tal-plastik li fih addittiv pro-ossidanti għall-prevenzjoni ta’ kwalunkwe riskju ta’ konfużjoni tal-konsumaturi, din tingħaqad mal-proposta tagħhom li l-imsemmija prodotti jiġu suġġetti għall-miżuri previsti fl-Artikoli 7 jew 10 tad-Direttiva 2019/904. Għaldaqstant, għar-raġunijiet imsemmija fil-punt 268 iktar ’il fuq, din għandha tiġi miċħuda.

270    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li, minflok il-projbizzjoni pura u sempliċi tat-tqegħid fis-suq tal-prodotti mmanifatturati abbażi tal-plastik li fih addittiv pro-ossidanti, it-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati kellhom jipprevedu perijodu tranżitorju, kif għamlet l-ECHA fil-proposta tagħha għal restrizzjoni dwar il-mikroplastiċi miżjuda intenzjonalment.

271    Tali argument ma jistax jiġi aċċettat.

272    Huwa minnu li l-komunikazzjoni tal-ECHA intitolata “Proposta ta’ restrizzjoni fuq il-mikroplastiċi miżjuda intenzjonalment — mistoqsijiet u tweġibiet” ta’ Settembru 2020, prodotta mir-rikorrenti, tindika li din l-aġenzija pproponiet restrizzjoni skont ir-Regolament REACH, li fiha hija tirrakkomanda l-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq tal-mikroplastiċi użati fil-prodotti kożmetiċi, iżda tipprevedi perijodu tranżitorju ta’ bejn erba’ u tmien snin.

273    Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li t-terminu għat-traspożizzjoni tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2019/904, adottata fil‑5 ta’ Ġunju 2019, jiskadi, skont l-Artikolu 17(1) tagħha, fit‑3 ta’ Lulju 2021 u li tali terminu jista’ jitqies li huwa ekwivalenti, fil-prattika, għal perijodu tranżitorju ta’ sentejn li jakkumpanja l-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq tal-prodotti mmanifatturati abbażi tal-plastik li fih addittiv pro-ossidanti. Barra minn hekk, il-perijodi tranżitorji stabbiliti mill-ECHA fir-rigward tal-mikroplastiċi miżjuda intenzjonalment ma’ prodotti kożmetiċi ma japplikawx fil-każijiet kollha. Għalhekk, dawn ma japplikawx għall-prodotti kożmetiċi li fihom mikrożibeġ, peress li dawn jistgħu faċilment jiġu ssostitwiti b’sustanzi naturali bħal lewż mitħun, ġewż tal-Indi jew żrieragħ taż-żebbuġ. Fl-aħħar nett, kif issostni l-Kummissjoni, fid-dawl tal-użi, mhux kumplessi, tal-plastik li fih addittiv pro-ossidanti, għandu jitqies li t-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati ma qabżux il-limiti tal-marġni ta’ evalwazzjoni tagħhom meta qiesu li l-prodotti mmanifatturati abbażi ta’ dan it-tip ta’ plastik kellhom jiġu pprojbiti mingħajr il-previżjoni ta’ perijodu tranżitorju.

274    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma jistgħux jibbażaw ruħhom fuq il-perijodi ta’ tranżizzjoni rrakkomandati mill-ECHA għall-mikroplastiċi miżjuda intenzjonalment sabiex isostnu li projbizzjoni pura u sempliċi tal-prodotti mmanifatturati abbażi tal-plastik li fih addittiv pro-ossidanti, mingħajr perijodu tranżitorju, hija sproporzjonata.

275    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-inkonvenjenzi kkawżati mill-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq tal-prodotti mmanifatturati abbażi tal-plastik li fih addittiv pro-ossidanti huma sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija, sa fejn it-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati naqsu milli jevalwaw l-effetti soċjali u ekonomiċi tal-imsemmija projbizzjoni.

276    Issa, il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem għandha importanza predominanti fil-konfront tal-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi u l-protezzjoni tal-ambjent tikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet essenzjali tal-Unjoni. L-importanza ta’ tali għanijiet hija ta’ natura li tiġġustifika konsegwenzi ekonomiċi negattivi, anki kunsiderevoli, għal ċerti operaturi (sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2014, Xeda International vs Il‑Kummissjoni, T‑269/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1069, punt 138).

277    Barra minn hekk, ir-rikorrenti sempliċement jaffermaw li t-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati naqsu milli jevalwaw l-effetti soċjali u ekonomiċi tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2019/904. Huma ma jispjegawx fiex jikkonsistu l-allegati żvantaġġi soċjali u ekonomiċi maħluqa minnha, iżda sempliċement jagħmlu riferiment, mingħajr ma jsostnu dan l-argument, għall-ostakoli għall-iżvilupp ta’ teknoloġija ossobijodegradabbli iktar effikaċi.

278    Għalhekk, għandu jiġi konkluż li l-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti mmanifatturati mill-plastik li fih addittiv pro-ossidanti ma taqbiżx il-limiti ta’ dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem imfittex mid-Direttiva 2019/904.

279    Għaldaqstant, mill-punti 259 u 278 iktar ’il fuq jirriżulta li l-imsemmija projbizzjoni ma tiksirx il-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità, stabbilit fl-Artikolu 5(4) TUE.

280    Fl-assenza ta’ ksur ta’ dan il-prinċipju, ma hemmx lok li jiġi eżaminat jekk dan huwiex suffiċjentement serju, kif teżiġi l-ġurisprudenza dwar l-ewwel kundizzjoni għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Unjoni, iċċitata fil-punt 42 iktar ’il fuq.

281    Għaldaqstant, għandhom jiġu miċħuda t-tieni u t-tielet parti tat-tielet motiv ta’ illegalità, kif ukoll l-ewwel parti tiegħu, sa fejn hija bbażata fuq ksur suffiċjentement serju tal-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità, stabbilit fl-Artikolu 5(4) TUE.

282    Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

4.      Fuq irraba’ motiv ta’ illegalità, ibbażat fuq ksur suffiċjentement serju talprinċipju ta’ ugwaljanza fittrattament 

283    Permezz tar-raba’ motiv ta’ illegalità tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li t-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati kisru l-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament, minn naħa, billi pprojbixxew it-tqegħid fis-suq tal-prodotti mmanifatturati abbażi ta’ plastik ossobijodegradabbli, iżda mhux dak tal-prodotti mmanifatturati abbażi ta’ plastik konvenzjonali, bl-eċċezzjoni ta’ disa’ prodotti li jintużaw darba biss u, min-naħa l-oħra, billi pprojbixxew it-tqegħid fis-suq tal-prodotti mmanifatturati abbażi ta’ plastik ossobijodegradabbli, iżda mhux dak tal-prodotti mmanifatturati abbażi ta’ plastik ikkummerċjalizzat bħala “kompostabbli”.

284    Fir-rigward, b’mod partikolari, tad-differenza fit-trattament bejn prodotti mmanifatturati abbażi ta’ plastik ossobijodegradabbli u prodotti mmanifatturati abbażi ta’ plastik konvenzjonali, bl-eċċezzjoni ta’ disa’ prodotti li jintużaw darba biss, ir-rikorrenti jsostnu li ma ntweriex li l-plastik ossobijodegradabbli jippreġudika iktar l-ambjent mill-plastik ossodegradabbli jew il-plastik konvenzjonali. Il-plastik ossobijodegradabbli ma jifframmentax ruħu f’mikroplastiċi u huwa bijodegradabbli b’rata iktar mgħaġġla minn dik tal-plastik konvenzjonali. Il-probabbiltà li dan ikun suġġett għal rimi illegali hija l-istess bħall-plastik konvenzjonali. Dan jista’ jiġi rriċiklat bl-istess mod bħall-plastik konvenzjonali. Dejjem fir-rigward tad-differenza fit-trattament bejn prodotti mmanifatturati abbażi ta’ plastik ossobijodegradabbli u prodotti mmanifatturati abbażi ta’ plastik konvenzjonali, bl-eċċezzjoni ta’ disa’ prodotti li jintużaw darba biss, ir-rikorrenti jsostnu wkoll li xejn ma jiġġustifika li jiġu pprojbiti biss disa’ prodotti li jintużaw darba biss immanifatturati abbażi ta’ plastik konvenzjonali, filwaqt li l-prodotti kollha mmanifatturati abbażi ta’ plastik ossobijodegradabbli huma pprojbiti.

285    Sussidjarjament, ir-rikorrenti jsostnu li l-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2019/904 twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn tipi differenti ta’ plastik bijodegradabbli.

286    Il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

287    Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jinkiser biss meta sitwazzjonijiet komparabbli huma ttrattati b’mod differenti jew meta sitwazzjonijiet differenti huma ttrattati b’mod identiku, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2013, Solvay vs Il‑Kummissjoni, C‑455/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:796, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

288    In-natura paragunabbli ta’ sitwazzjonijiet differenti għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom. Dawn l-elementi għandhom, b’mod partikolari, jiġu ddeterminati u evalwati fid-dawl tas-suġġett u tal-għan tal-att tal-Unjoni li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li jagħmel parti minnu l-att inkwistjoni (sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 26, u tad‑19 ta’ Diċembru 2019, HK vs Il‑Kummissjoni, C‑460/18 P, EU:C:2019:1119, punt 67).

289    Għandu jiġi eżaminat, minn naħa, jekk it-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati kisrux il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament billi pprojbixxew it-tqegħid fis-suq tal-prodotti mmanifatturati abbażi tal-plastik ossobijodegradabbli, iżda mhux dak tal-prodotti mmanifatturati abbażi tal-plastik konvenzjonali, bl-eċċezzjoni ta’ disa’ prodotti li jintużaw darba biss, u, min-naħa l-oħra, jekk huma kisrux l-imsemmi prinċipju billi pprojbixxew it-tqegħid fis-suq tal-prodotti mmanifatturati abbażi ta’ plastik ossobijodegradabbli, iżda mhux dak tal-prodotti mmanifatturati abbażi ta’ plastik ikkummerċjalizzati bħala “kompostabbli”.

290    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ewwel wieħed miż-żewġ każijiet ta’ ksur imsemmija fil-punt 289 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali tqis li l-prodotti mmanifatturati abbażi tal-plastik li fih addittiv pro-ossidanti ma jistgħux jitqiesu li huma f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik tal-prodotti mmanifatturati abbażi ta’ plastik konvenzjonali.

291    Fil-fatt, minn naħa, mill-eżami tat-tielet motiv ta’ illegalità jirriżulta li, abbażi tal-evalwazzjoni xjentifika tar-riskji li kienet aċċessibbli għat-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati waqt it-tfassil u l-adozzjoni tad-Direttiva 2019/904, ma jistax jiġi eskluż li l-plastik li fih addittiv pro-ossidanti huwa, tal-inqas f’ċerti aspetti relatati, b’mod partikolari, mar-riċiklaġġ tiegħu u mal-bijodegradazzjoni tiegħu f’landfill, iktar problematiku mill-plastik konvenzjonali.

292    F’dan ir-rigward, mill-punti 129 u 131 iktar ’il fuq jirriżulta li, skont l-istudju Eunomia u r-rapport tas‑16 ta’ Jannar 2018, fil-każ ta’ bijodegradazzjoni fis-saffi fondi ta’ landfill, il-plastik li fih addittiv pro-ossidanti huwa kemxejn iktar problematiku mill-plastik konvenzjonali mill-perspettiva tal-gassijiet serra.

293    Barra minn hekk, kif imsemmi fil-punt 234 iktar ’il fuq, il-plastik li fih addittiv pro-ossidanti ma jistax jiġi rriċiklat flimkien mal-plastik konvenzjonali mingħajr ma tiġi affettwata l-kwalità tal-materjal riċiklat.

294    Fl-aħħar nett, mill-punti 127 sa 131 iktar ’il fuq jirriżulta li, skont l-istudju Eunomia u r-rapport tas‑16 ta’ Jannar 2018, il-plastik li fih addittiv pro-ossidanti huwa frammentat b’mod iktar mgħaġġel mill-plastik konvenzjonali, iżda ma huwiex eskluż li din il-frammentazzjoni iktar mgħaġġla tal-ewwel wieħed jkollha l-konsegwenza li, kemm fil-miftuħ kif ukoll fl-ambjent tal-baħar, l-impatt negattiv tiegħu fuq l-ambjent jiżdied, peress li hija kkonċentrata fuq perijodu iqsar.

295    Huwa dan li t-Taqsima 4.3 tar-rapport tas‑16 ta’ Jannar 2018 tenfasizza fir-rigward tal-iskart fil-baħar, li tipprovdi “[p]eress li r-rata ta’ frammentazzjoni tal-plastik ossodegradabbli hija kemxejn iktar mgħaġġla minn dik tal-plastik konvenzjonali, l-effetti negattivi assoċjati mal-preżenza tal-mikroplastiċi fl-ambjent tal-baħar huma kkonċentrati f’perijodu ta’ żmien iqsar. Din il-konċentrazzjoni tal-effetti tista’, fl-aħħar mill-aħħar, tkun agħar mit-tifrix tal-effetti fuq perijodu itwal, minħabba li l-proporzjon ta’ individwi, speċi u ħabitats affettwati jiżdied, kif ukoll il-piż tal-effetti għal kull individwu.”

296    Dan huwa wkoll enfasizzat mill-istudju Eunomia dwar il-bijodegradazzjoni fil-miftuħ. Skont l-imsemmi studju, “huwa possibbli li d-degradazzjoni tal-plastik li fih addittiv pro-ossidanti tkun ħafna iqsar minn dik tal-plastik konvenzjonali. Madankollu, wieħed għandu jistaqsi jekk l-impatt fuq l-ambjent huwiex saħansitra iktar sinjifikattiv matul il-fażi ta’ bijodegradazzjoni, fid-dawl tax-xenarju kontrofattwali”.

297    Ir-rikorrenti ma jistgħux, sabiex jikkonfutaw il-konstatazzjonijiet fil-punti 291 sa 294 iktar ’il fuq, jibbażaw ruħhom fuq l-ittra mibgħuta minn Dr. R. Rose, l-awtriċi tal-istudju tal-Queen Mary University, lill-ECHA, fit‑3 ta’ Mejju 2018. Huwa minnu li, f’din l-ittra, Dr. R. Rose tindika li hija “sorpriża li l-Unjoni tipproponi li tipprojbixxi prodott li ċertament ma huwiex agħar mill-[polietilen ta’ densità baxxa, jiġifieri plastik konvenzjonali] mhux modifikat, li ma huwiex suġġett għall-istess miżura” u li “[l]-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni kontra tip wieħed ta’ plastik ma tippermettix li tissolva l-akkumulazzjoni ta’ tipi ta’ poliidrokarburi”. Madankollu, din l-ittra tirreferi għall-użu tal-metodu l-ġdid żviluppat mill-Queen Mary University, li ġie kkonstatat fil-punt 170 iktar ’il fuq li huwa ’l bogħod mill-ksib ta’ unanimità u li ma huwiex ċert li jippermetti l-ksib tar-riżultati f’sitwazzjoni reali.

298    Ir-rikorrenti lanqas ma jistgħu, sabiex jikkonfutaw il-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-punti 291 sa 294 iktar ’il fuq, jibbażaw ruħhom fuq il-punt 19(c) u l-punt 47(b) tax-xhieda tax-xjenzat anzjan ta’ Symphony Environmental. Huwa minnu li dan jiddikjara li, minn naħa, il-plastik konvenzjonali jifframmenta ruħu f’mikroplastiċi li jippersistu fl-ambjent għal għexieren jew mijiet ta’ snin u, min-naħa l-oħra, il-konsumaturi li jarmu l-iskart tal-plastik spiss ma jinkwetawx dwar jekk dan huwiex bijodegradabbli jew le. Madankollu, għandu jitfakkar li, kif indikat fil-punt 179 iktar ’il fuq, jista’ jingħata biss valur probatorju dgħajjef lill-imsemmija xhieda. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li l-unika prova li x-xjenzat anzjan ta’ Symphony Environmental jiċċita insostenn tal-allegazzjonijiet tiegħu hija r-rapport tal-laboratorju Intertek, li ġie kkonstatat fil-punt 182 iktar ’il fuq li tfassal fuq talba ta’ Symphony Environmental.

299    Fl-aħħar nett, sa fejn ir-rikorrenti jfittxu li jisiltu argument mill-punti 25 u 26 tax-xhieda tal-President-Direttur Ġenerali tar-rikorrenti, fejn dan jenfasizza, mingħajr madankollu ma jirreferi għal studju xjentifiku, l-inkoerenza tad-Direttiva 2019/904, li tipprojbixxi l-plastik ossobijodegradabbli, iżda mhux il-plastik konvenzjonali u lanqas il-plastik kompostabbli, filwaqt li dawn, b’mod partikolari, ma humiex bijodegradabbli sew fil-miftuħ u ma jagħtux vantaġġ ambjentali pprovat, huwa biżżejjed li jitfakkar li, kif indikat fil-punt 156 iktar ’il fuq, jista’ jingħata biss valur probatorju dgħajjef lill-imsemmija xhieda.

300    Min-naħa l-oħra, mill-premessa 36 tad-Direttiva 2019/904 jirriżulta li din għandha l-għan, b’mod partikolari, li tipprevjeni u tnaqqas l-impatt fuq l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem ta’ ċerti prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss, prodotti mmanifatturati minn plastik ossodegradabbli u inġenji tas-sajd li fihom il-plastik. L-imsemmija direttiva għalhekk ma hijiex intiża li tkopri l-prodotti tal-plastik kollha li jistgħu jippreżentaw riskju għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem, iżda tiffoka fuq dak l-iktar meħtieġ, kif tindika l-premessa 7 tagħha fir-rigward tal-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss. L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2019/904 jikkonferma li din għandha l-għan, b’mod partikolari, li tipprevjeni u tnaqqas l-impatt ta’ “ċerti” prodotti tal-plastik fuq l-ambjent, b’mod partikolari l-ambjent tal-baħar, u s-saħħa tal-bniedem.

301    Issa, fil-kuntest tal-analiżi tat-tielet motiv ta’ illegalità ġie stabbilit li t-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati ma wettqux żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qiesu li l-prodotti mmanifatturati abbażi ta’ plastik ossodegradabbli kienu jaffettwaw l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem.

302    Peress li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 288 iktar ’il fuq, in-natura paragunabbli ta’ sitwazzjonijiet differenti għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-għan u tal-iskop tal-att tal-Unjoni li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni, ma jistax jitqies li l-prodotti mmanifatturati abbażi ta’ plastik ossodegradabbli, billi d-Direttiva 2019/904 għandha l-għan u l-iskop li tipprevjeni u li tnaqqas l-effett fuq l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem, huma f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-prodotti mmanifatturati abbażi ta’ plastik konvenzjonali.

303    Konsegwentement, it-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati ma kisrux il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament meta pprojbixxew it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti mmanifatturati mill-plastik li fih addittiv pro-ossidanti, iżda mhux dak tal-prodotti mmanifatturati mill-plastik konvenzjonali, bl-eċċezzjoni ta’ disa’ prodotti li jintużaw darba biss.

304    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-imsemmija istituzzjonijiet kisru l-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament meta pprojbixxew it-tqegħid fis-suq tal-prodotti “kollha” mmanifatturati mill-plastik li fih addittiv pro-ossidanti, iżda biss dak ta’ “ċerti” prodotti li jintużaw darba biss tal-plastik konvenzjonali, dan ma jistax jiġi aċċettat. Fil-fatt, mill-premessa 36 tad-Direttiva 2019/904 jirriżulta li din għandha l-għan, b’mod partikolari, li tipprevjeni u tnaqqas l-impatt ta’ “ċerti” prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss fuq l-ambjent u fuq is-saħħa tal-bniedem, u mill-premessa 7 tal-imsemmija direttiva li, sabiex id-direttiva tiffoka fuq dak li huwa l-iktar neċessarju, din għandha tkopri biss il-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss li jinstabu l-iktar ta’ spiss fuq il-bajjiet tal-Unjoni, jiġifieri dawk elenkati fil-Parti B tal-anness tal-imsemmija direttiva. Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 288 iktar ’il fuq, ma jistax jitqies li l-prodotti li jintużaw darba biss magħmula mill-plastik konvenzjonali li ma humiex inklużi fil-lista annessa mad-Direttiva 2019/904 huma f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-prodotti mmanifatturati mill-plastik li fih addittiv pro-ossidanti. Għaldaqstant, billi pprojbixxew it-tqegħid fis-suq tat-tieni, iżda mhux tal-ewwel, it-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati ma kisrux il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament.

305    Fl-aħħar nett, sa fejn l-argument tar-rikorrenti li l-projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq prevista fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2019/904 twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn tipi differenti ta’ plastik ossodegradabbli għandu jinftiehem bħala li jallega li bil-projbizzjoni mhux biss tal-prodotti mmanifatturati abbażi ta’ plastik ossodegradabbli, iżda wkoll ta’ dawk immanifatturati abbażi tal-plastik li r-rikorrenti jikklassifikaw bħala “ossobijodegradabbli”, it-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati kisru l-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament, dan ma jistax jiġi aċċettat. Fil-fatt, diġà ġie kkonstatat, fil-kuntest tal-eżami tat-tielet motiv ta’ illegalità, li kien mingħajr ma wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni li l-imsemmija istituzzjonijiet qiesu li l-plastik li fih addittiv pro-ossidanti ma kienx bijodegradabbli sew u li ma kellhiex issir distinzjoni bejn il-plastik ossodegradabbli u l-plastik ossobijodegradabbli. Għaldaqstant, ma jistax jiġi sostnut li billi ttrattaw il-prodotti mmanifatturati abbażi ta’ plastik ossodegradabbli b’mod differenti minn dawk immanifatturati abbażi tal-plastik li r-rikorrenti jikklassifikaw bħala “ossobijodegradabbli”, dawn l-istituzzjonijiet kisru l-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament.

306    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament li jirriżulta mill-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq tal-prodotti mmanifatturati abbażi tal-plastik ossobijodegradabbli, iżda mhux tal-prodotti mmanifatturati abbażi tal-plastik ikkummerċjalizzat bħala “kompostabbli”, il-Qorti Ġenerali tqis li dawn iż-żewġ kategoriji ta’ prodotti ma humiex f’sitwazzjoni paragunabbli.

307    Fil-fatt, mill-eżami tat-tielet motiv ta’ illegalità jirriżulta li huwa mingħajr ma wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni li t-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati qiesu li jeżisti riskju li l-plastik li fih addittiv pro-ossidanti ma jkunx kompostabbli, fatt li, kif indikat fil-punt 216 iktar ’il fuq, irrikonoxxew ir-rikorrenti. Fl-aħħar nett, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 288 iktar ’il fuq, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, għalkemm id-Direttiva 2019/904 għandha l-għan u l-iskop li tipprevjeni u tnaqqas l-effett tal-prodotti mmanifatturati abbażi ta’ plastik ossodegradabbli, il-prodotti mmanifatturati abbażi tal-plastik ikkummerċjalizzati bħala “kompostabbli” ma jaqgħux taħt l-għan u l-iskop tagħha.

308    Mill-punti 303, 306 u 307 iktar ’il fuq jirriżulta li t-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati ma kisrux il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament meta pprojbixxew it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti mmanifatturati mill-plastik li fih addittiv pro-ossidanti, iżda mhux dak tal-prodotti mmanifatturati mill-plastik konvenzjonali, bl-eċċezzjoni ta’ disa’ prodotti li jintużaw darba biss, u lanqas dak tal-prodotti mmanifatturati abbażi tal-plastik ikkummerċjalizzati bħala “kompostabbli”.

309    Fl-assenza ta’ ksur tal-imsemmi prinċipju, ma hemmx lok li jiġi eżaminat jekk dan il-ksur huwiex suffiċjentement serju, kif teżiġi l-ġurisprudenza dwar l-ewwel kundizzjoni għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Unjoni, iċċitata fil-punt 42 iktar ’il fuq.

310    Għaldaqstant, ir-raba’ motiv ta’ illegalità għandu jiġi miċħud.

5.      Fuq ilħames motiv ta’ illegalità, ibbażat fuq ksur suffiċjentement serju talArtikoli 16 u 17 u talArtikolu 41(1) talKarta u talArtikolu 49 TUFE

311    Il-ħames motiv ta’ illegalità tar-rikors għandu jinqasam f’żewġ partijiet. Permezz tal-ewwel parti, ir-rikorrenti jsostnu li bl-adozzjoni tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2019/904, it-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati kisru l-libertà ta’ intrapriża tagħhom, stabbilita fl-Artikolu 16 tal-Karta, id-dritt għall-proprjetà tagħhom, previst fl-Artikolu 17 tagħha, u l-libertà ta’ stabbiliment tagħhom, imsemmija fl-Artikolu 49 TFUE. Fil-fatt, il-projbizzjoni inkwistjoni tipprekludihom milli jqiegħdu fis-suq tal-Unjoni prodotti li fihom it-taħlita prinċipali d2w tagħhom. Permezz tat-tieni parti, ir-rikorrenti jsostnu li din il-projbizzjoni ġiet adottata bi ksur tad-dritt tagħhom għal amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta, sa fejn it-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati ma ħadux inkunsiderazzjoni l-provi rilevanti u ma segwewx il-proċeduri xierqa.

312    Il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

a)      Fuq lewwel parti talħames motiv, ibbażata fuq ksur suffiċjentement serju talArtikoli 16 u 17 talKarta u talArtikolu 49 TFUE

313    Għandu jiġi eżaminat jekk it-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati kisrux b’mod suffiċjentement serju, fl-ewwel lok, l-Artikolu 16 tal-Karta, fit-tieni lok, l-Artikolu 17 tagħha u, fit-tielet lok, l-Artikolu 49 TFUE.

314    Il-Qorti Ġenerali qieset li dan ma kienx il-każ.

315    Fil-fatt, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-ksur tal-Artikolu 16 tal-Karta, dwar il-libertà ta’ intrapriża, għandu jiġi rrilevat li l-protezzjoni mogħtija minn din id-dispożizzjoni tinkludi l-libertà li tiġi eżerċitata attività ekonomika jew kummerċjali, il-libertà kuntrattwali u l-kompetizzjoni libera (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Bank Melli Iran, C‑124/20, EU:C:2021:1035, punt 79). Barra minn hekk, il-libertà kuntrattwali tinkludi, b’mod partikolari, l-għażla libera tas-sieħeb ekonomiku, kif ukoll il-libertà li jiġi ddeterminat il-prezz għal servizz (sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich, C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 43).

316    Madankollu, il-libertà ta’ intrapriża stabbilita fl-Artikolu 16 tal-Karta ma hijiex dritt assolut, iżda għandha, minn naħa, tittieħed inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-funzjoni tagħha fis-soċjetà u, min-naħa l-oħra, tiġi bbilanċjata mal-interessi l-oħra protetti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Bank Melli Iran, C‑124/20, EU:C:2021:1035, punt 80).

317    Fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikolu 16 tal-Karta, li jipprevedi li l-libertà ta’ intrapriża hija rrikonoxxuta skont id-dritt tal-Unjoni u l-leġiżlazzjonijiet u l-prattiki nazzjonali, li jiddistingwi ruħu għalhekk mill-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-libertajiet fundamentali l-oħra stabbiliti fit-Titolu II tagħha, filwaqt li joqrob lejn il-formulazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tal-Karta, din il-libertà tista’ għalhekk tiġi suġġetta għal firxa wiesgħa ta’ interventi min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi li jistgħu jistabbilixxu, fl-interess ġenerali, limiti għall-eżerċizzju tal-attività ekonomika (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Bank Melli Iran, C‑124/20, EU:C:2021:1035, punt 81).

318    Issa, din iċ-ċirkustanza hija b’mod partikolari riflessa fil-mod kif għandha tiġi evalwata l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u l-leġiżlazzjoni kif ukoll il-prattiki nazzjonali fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta. Skont din l-aħħar dispożizzjoni, kull limitazzjoni fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet stabbiliti fil-Karta għandha tkun prevista mil-liġi, għandha tosserva l-kontenut essenzjali tagħhom u għandha, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tkun neċessarja u effettivament tirrifletti għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ persuni oħra (sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich, C‑283/11, EU:C:2013:28, punti 47 u 48 u tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Bank Melli Iran, C‑124/20, EU:C:2021:1035, punti 82 u 83).

319    F’dan il-każ, il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2019/904, tinvolvi limitazzjoni fuq l-eżerċizzju, mir-rikorrenti, tal-libertà ta’ intrapriża tagħhom. Fil-fatt, minn naħa, ir-rikorrenti jikkummerċjalizzaw prodotti mmanifatturati abbażi tal-plastik li fih it-taħlita prinċipali d2w, bħal boroż taż-żibel u boroż tal-iffriżar, li l-projbizzjoni inkwistjoni issa tipprekludihom milli jagħmlu dan. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija projbizzjoni tista’ taffettwa l-attività prinċipali tar-rikorrenti, jiġifieri l-manifattura u l-kummerċjalizzazzjoni tat-taħlita prinċipali d2w. Issa, din l-attività prinċipali hija marbuta mal-attività ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodotti mmanifatturati abbażi ta’ plastik ossodegradabbli, b’tali mod li l-projbizzjoni tat-tieni tista’ twassal għal konsegwenzi ekonomiċi fuq l-ewwel waħda u tinfluwenza d-deċiżjoni tar-rikorrenti li din titkompla (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2020, IFSUA vs Il‑Kunsill (T‑135/18, EU:T:1998:89, punti 150 u 151).

320    Madankollu, din ir-restrizzjoni hija prevista mil-liġi, jiġifieri d-Direttiva 2019/904. Barra minn hekk, hija ma taffettwax il-kontenut essenzjali tal-libertà ta’ intrapriża tar-rikorrenti, peress li s-sempliċi tqegħid fis-suq tal-Unjoni ta’ prodotti tal-plastik li fih addittiv pro-ossidanti huwa pprojbit, iżda mhux il-produzzjoni tagħhom. Għaldaqstant, ir-rikorrenti jistgħu jkomplu jimmanifatturaw tali prodotti sabiex iqegħduhom fis-suq ta’ Stati terzi. Huma jistgħu wkoll ikomplu jimmanifatturaw it-taħlita prinċipali d2w tagħhom u jbigħuh lil klijenti li jużawh fil-manifattura ta’ prodotti intiżi għat-tqegħid fis-suq ta’ Stati terzi. Fl-aħħar nett, kif ġie kkonstatat fil-kuntest tal-eżami tat-tielet motiv ta’ illegalità, din ir-restrizzjoni hija neċessarja, proporzjonata u tissodisfa għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni, jiġifieri l-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem.

321    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-Artikolu 17 tal-Karta, dan jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li kull persuna għandha d-dritt li tgawdi mill-proprjetà tal-proprjetà tagħha li tkun akkwistat legalment, li tużahom, li tiddisponi minnhom u li tħallihom bħala wirt u li l-ebda persuna ma tista’ tiġi mċaħħda mill-proprjetà tagħha, ħlief fl-interess pubbliku, fil-każijiet u skont il-kundizzjonijiet previsti mil-liġi, bi ħlas ta’ kumpens xieraq fi żmien utli għal dak li tkun tilfet. Barra minn hekk, l-użu tal-proprjetà jista’ jiġi rregolat bil-liġi sa fejn dan ikun meħtieġ fl-interess pubbliku.

322    Madankollu, skont il-ġurisprudenza, l-ebda operatur ekonomiku ma jista’ jinvoka dritt ta’ proprjetà fuq sehem mis-suq, anki jekk kien detentur tagħha qabel l-introduzzjoni ta’ miżura li taffettwa l-imsemmi suq, peress li tali sehem mis-suq jikkostitwixxi biss pożizzjoni ekonomika temporanja esposta għar-riskji ta’ tibdil fiċ-ċirkustanzi. Operatur ekonomiku jista’ jsostni li għandu dritt akkwiżit jew anki aspettativa leġittima fiż-żamma tas-sitwazzjoni eżistenti li tista’ tiġi mibdula permezz ta’ atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-kuntest tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħhom (sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2005, Alliance for Natural Health et, C‑154/04 u C‑155/04, EU:C:2005:449, punt 128).

323    F’dan il-każ, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 322 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw il-protezzjoni tal-Artikolu 17(1) tal-Karta fir-rigward tad-dritt tagħhom li jqiegħdu fis-suq tal-Unjoni t-taħlita prinċipali d2w (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2015, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Kummissjoni (C‑398/13 P, EU:C:2015:535, punt 60).

324    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-prodotti mmanifatturati abbażi ta’ plastik ossodegradabbli, prevista fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2019/904, tmur kontra l-Artikolu 17(2) tal-Karta, li jipprovdi li “[i]l-proprjetà intellettwali għandha tiġi protetta”, peress li din tnaqqas b’mod kunsiderevoli l-valur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali li huma għandhom fuq il-formola tat-taħlita prinċipali d2w, ma jistax jiġi aċċettat. Fil-fatt, għalkemm ir-rikorrenti ppreċiżaw li l-imsemmija taħlita prinċipali kienet protetta fuq il-bażi ta’ trade mark u tal-għarfien neċessarju għall-produzzjoni tagħha, huma baqgħu ma indikawx ir-raġunijiet għalfejn tali drittijiet inkisru.

325    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li la mill-Artikolu 17 tal-Karta u lanqas mill-ġurisprudenza ma jirriżulta li l-protezzjoni tad-drittijiet għall-proprjetà intellettwali għandha tiġi żgurata b’mod assolut (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Spiegel Online, C‑516/17, EU:C:2019:625, punt 56). Kwalunkwe limitazzjoni tal-Artikolu 17(2) tal-Karta għandha ssir konformement mal-Artikolu 52(1) tagħha. F’dan il-każ, limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-dritt għall-proprjetà intellettwali tar-rikorrenti fuq it-taħlita prinċipali d2w, anki jekk tiġi preżunta li hija stabbilita, hija prevista mil-liġi. Dan ma jippreġudikax il-kontenut essenzjali tal-imsemmi dritt, peress li ma huma pprojbiti la l-manifattura ta’ prodotti tal-plastik li fih addittiv pro-ossidanti u l-bejgħ tagħhom fis-suq u lanqas il-manifattura u t-tqegħid fis-suq tal-Unjoni ta’ tali addittiv. Kif ikkonstatat fil-kuntest tal-eżami tat-tielet motiv ta’ illegalità, tali limitazzjoni tissodisfa għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni, jiġifieri l-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem, u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju.

326    Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-ksur tal-Artikolu 49 TFUE, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jindikawx ir-raġunijiet għalfejn il-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq tal-plastik li fih addittiv pro-ossidanti tipprekludi l-libertà ta’ stabbiliment tagħhom.

327    Mill-punti 313 sa 326 iktar ’il fuq jirriżulta li t-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati la kisru l-Artikolu 16 tal-Karta, la l-Artikolu 17 tagħha u lanqas l-Artikolu 49 TFUE.

328    Fl-assenza ta’ ksur tal-imsemmija artikoli, ma hemmx lok li jiġi eżaminat jekk dan huwiex suffiċjentement serju, kif teżiġi l-ġurisprudenza dwar l-ewwel kundizzjoni għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Unjoni, iċċitata fil-punt 42 iktar ’il fuq.

329    Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ħames motiv ta’ illegalità għandha tiġi miċħuda.

b)      Fuq ittieni parti talħames motiv, ibbażata fuq ksur suffiċjentement serju taddritt għal amministrazzjoni tajba, stabbilit flArtikolu 41 talKarta

330    Permezz tat-tieni parti tal-ħames motiv ta’ illegalità tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2019/904 ġiet adottata bi ksur tad-dritt tagħhom għal amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta. Huma jsostnu li t-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati ma ħadux inkunsiderazzjoni l-provi rilevanti u ma segwewx il-proċeduri xierqa.

331    Tali argument ma jistax jiġi aċċettat.

332    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza, id-dritt għal amministrazzjoni tajba, kif jirriżulta mill-Artikolu 41 tal-Karta, ma jirrigwardax il-proċess ta’ tfassil ta’ att leġiżlattiv, bħad-Direttiva 2019/904 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Ottubru 1999, Atlanta vs Il‑Komunità Ewropea, C‑104/97 P, EU:C:1999:498, punt 37, u tat‑12 ta’ Ġunju 2015, Health Food Manufacturers’ Association et vs Il‑Kummissjoni, T‑296/12, EU:T:2015:375, punt 98).

333    Għaldaqstant, it-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati ma kisrux l-Artikolu 41 tal-Karta.

334    Fl-assenza ta’ ksur tal-imsemmi artikolu, ma hemmx lok li jiġi eżaminat jekk dan huwiex suffiċjentement serju, kif teżiġi l-ġurisprudenza dwar l-ewwel kundizzjoni għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Unjoni, iċċitata fil-punt 42 iktar ’il fuq.

335    Għalhekk, it-tieni parti tal-ħames motiv ta’ illegalità għandha tiġi miċħuda u, għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

336    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li kull wieħed mill-ħames motivi ta’ illegalità għandu jiġi miċħud u li r-rikorrenti ma rnexxilhomx juru l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi.

337    Peress li l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni huma, kif indikat fil-punt 41 iktar ’il fuq, kumulattivi, dan ir-rikors għandu jiġi miċħud fuq din il-bażi, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet tal-eżistenza ta’ dannu reali u ċert kif ukoll ta’ rabta kawżali.

IV.    Fuq lispejjeż

338    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Symphony Environmental Technologies plc u Symphony Environmental Ltd huma kkundannati għall-ispejjeż.

Van der Woude

Spielmann

Gâlea

Ainsi prononcé en audience publique à Luxembourg, le .

Firem

Werrej


I. Ilfatti li wasslu għallkawża

II. Ittalbiet talpartijiet

III. Fiddritt

A. Fuq ittalba għal ommissjoni ta’ ċerta data filkonfront talpubbliku

B. Osservazzjoni preliminari

C. Fuq lammissibbiltà

D. Fuq ilmertu

1. Fuq lewwel motiv ta’ illegalità, ibbażat fuq ksur talArtikoli 68 sa 73 tarRegolament REACH

2. Fuq ittieni motiv ta’ illegalità, ibbażat fuq ksur suffiċjentement serju talpunti 12 u 14 sa 16 talFtehim Interistituzzjonali

3. Fuq ittielet motiv ta’ illegalità, ibbażat fuq ksur suffiċjentement serju talprinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità, stabbilit flArtikolu 5(4) TUE u flArtikolu 191 TFUE, kif ukoll fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni

a) Fuq lewwel parti, sa fejn hija bbażata fuq ksur suffiċjentement serju talArtikolu 191 TFUE

1) Fuq laffermazzjoni li lplastik li fih addittiv proossidanti ma huwiex bijodegradabbli sew

2) Fuq laffermazzjoni li lplastik li fih addittiv proossidanti ma huwiex kompostabbli

3) Fuq laffermazzjoni li lplastik li fih addittiv proossidanti għandu impatt negattiv fuq irriċiklaġġ talplastik konvenzjonali

4) Fuq laffermazzjoni li lplastik li fih addittiv proossidanti ma jagħtix vantaġġ ambjentali pprovat

5) Fuq illista annessa marreplika, li tinkludi ddokumenti kollha li ttliet istituzzjonijiet ikkonċernati allegatament naqsu milli jieħdu inkunsiderazzjoni

b) Fuq ilksur suffiċjentement serju talprinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità, stabbilit flArtikolu 5(4) TUE

1) Fuq ittieni parti, ibbażata fuq lallegazzjoni li, sa fejn tapplika għallplastik ossobijodegradabbli, ilprojbizzjoni prevista flArtikolu 5 tadDirettiva 2019/904 ma hijiex xierqa sabiex jintlaħaq lgħan talimsemmija direttiva, u fuq lewwel parti, sa fejn hija bbażata fuq l-istess argument

2) Fuq ittielet parti, ibbażata fuq lallegazzjoni li, sa fejn tapplika għallplastik ossobijodegradabbli, ilprojbizzjoni prevista flArtikolu 5 tadDirettiva 2019/904 teċċedi llimiti ta’ dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq lgħan imfittex millimsemmija direttiva

4. Fuq irraba’ motiv ta’ illegalità, ibbażat fuq ksur suffiċjentement serju talprinċipju ta’ ugwaljanza fittrattament

5. Fuq ilħames motiv ta’ illegalità, ibbażat fuq ksur suffiċjentement serju talArtikoli 16 u 17 u talArtikolu 41(1) talKarta u talArtikolu 49 TUFE

a) Fuq lewwel parti talħames motiv, ibbażata fuq ksur suffiċjentement serju talArtikoli 16 u 17 talKarta u talArtikolu 49 TFUE

b) Fuq ittieni parti talħames motiv, ibbażata fuq ksur suffiċjentement serju taddritt għal amministrazzjoni tajba, stabbilit flArtikolu 41 talKarta

IV. Fuq lispejjeż


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.